Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0421(02)

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra

    /* KUMM/2007/0421 finali - CNS 2007/0159 */

    52007PC0421(02)

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra /* KUMM/2007/0421 finali - CNS 2007/0159 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 18.7.2007

    KUMM(2007) 421 finali

    2007/0159 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    Dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubbika tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    Dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra

    (preżentati mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. L-ISFOND POLITIKU U LEGALI

    L-importanza ta’ djalogu dwar kwistjonijiet ta’ viża, għall-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kif ukoll għall-pajjiżi l-oħrajn kollha tal-Balkani tal-Puntent, ġiet affermata mill-ġdid fil-konklużjonijiet tas-Summit UE-Balkani tal-Punent li sar f’Tessaloniki fil-21 ta’ Ġunju 2003, li kkonferma wkoll il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Dwar il-kwistjonijiet ta’ viża, l-“aġenda ta’ Tessaloniki” kkonfermat li l-perspettiva dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija għan fit-tul marbut mal-progress tal-pajjiżi involuti fl-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin f’oqsma bħat-tisħiħ tas-sovranità tal-liġi, tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-migrazzjoni illegali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tagħhom fil-kontroll fuq il-fruntieri u s-sigurtà tad-dokumenti.

    Minħabba l-istat ta’ pajjiż kandidat mogħti bid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005, l-awtoritajiet ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja iffokaw l-interess tagħhom fuq il-possibbiltà li tinkiseb il-faċilitazzjoni tal-proċeduri għall-ħruġ tal-viżi għaż-żjajjar qosra għaċ-ċittadini tagħha bħala pass immedjat u tranżizzjonali lejn it-tħaffif ta’ l-obbligu tal-viża li tibqa’ perspettiva fit-terminu l-medju.

    Għall-Komunità Ewropea, il-ftehimiet tal-faċilitazzjoni tal-viża jirrappreżentaw strument ġdid fil-politika Ewropea dwar il-viżi għal żjajjar qosra: fil- Programm ta’ l-Aja, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma mistiedna jeżaminaw, bl-għan li jiżviluppaw strateġija komuni “jekk fil-kuntest tal-politika tal-KE ta’ l-ammissjoni mill-ġdid ikunx opportun li jiġi ffaċilitat, f’kull każ għalih, il-ħruġ tal-viżi għal żjajjar qosra lil persuni li għandhom nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi u fuq il-bażi tar-reċiprocità, bħala parti minn sħubija reali fir-relazzjonijiet esterni, inklużi fi kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni”. L-UE żviluppat u wżat dan l-istrument għall-ewwel darba fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa u ma’ l-Ukraina.

    F’Diċembru 2005, fuq il-livell ta’ Coreper, l-Istati Membri ftiehmu dwar strateġija komuni għall-iżvilupp tal-politika ta’ l-UE dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u identifikaw elementi ewlenin li għandhom jitqiesu meta ssir deċiżjoni li jinfetħu n-negozjasti dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi ma’ pajjiżi terzi.

    Wara l-awtorizzazzjoni li l-Kunsill ta lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Novembru 2006, in-negozjati ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi għal żjajjar qosra nfetħu fi Brussell fit-30 ta’ Novembru 2006, kontemporanjament mat-tkomplija tan-negozjati dwar ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid. Saru żewġ sessjonijiet oħrajn ta’ negozjati fis-26 ta’ Jannar 2007 u fit-12 ta’ April 2007 fi Brussell, b’mod parallel ("dahar-ma’-dahar") man-negozjati dwar ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid bejn il- KE u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Barra minn dan, in-negozjati formali kultant ġew ippreparati mil-laqgħat informali ta’ l-esperti.

    Fl-aħħar sessjoni formali fit-12 ta’ April 2007, it-testi finali tal-ftehimiet tal-faċilitazzjoni tal-viża u ta’ l-ammissjoni mill-ġdid ġew inizjalati fuq il-livell tekniku.

    Il-Kummissjoni Ewropea diġà nnegozjat ftehim tal-faċilitazzjoni tal-viża ma’ żewġ pajjiżi terzi (mal-Federazzjoni Russa u ma’ l-Ukraina). L-esperjenza miksuba f’negozjati qabel kienet siewja għan-negozjati ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja .

    L-Istati Membri ġew mgħarrfa u kkonsultati b’mod regolari fil-gruppi u fil-kumitati ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti fl-istadji kollha tan-negozjati.

    Min-naħa tal-Komunità, il-bażi legali tal-Ftehim huwa l-Artikolu 62(2)(b), flimkien ma’ l-Artikolu 300 KE.

    Il-proposti annessi jikkostitwixxu l-istrumenti legali biex jiġi ffirmat u konkluż il-Ftehim. Il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata. Il-Parlament Ewropew se jkollu jiġi kkonsultat b’mod formali dwar il-konklużjoni tal-Ftehim, skond l-Artikolu 300(3) KE.

    Id-deċiżjoni proposta dwar il-konklużjoni tistabbilixxi l-arranġamenti neċessarji interni għall-applikazzjoni prattika tal-Ftehim. B’mod partikolari tispeċifika li l-Kummissjoni Ewropea, mgħejuna minn esperti mill-Istati Membri, tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 12 tal-Ftehim.

    Taħt l-Artikolu 12(4), il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu stess. Il-pożizzjoni Komunitarja f’dan ir-rigward għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

    Iċ-ċittadini Ewropej huma eżenti mill-obbligu tal-viża mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. F’dan ir-rigward, l-abbozz tal-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża jgħid fl-Artikolu 1(2) li jekk l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja terġa’ tintroduċi r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ l-UE, l-istess faċilitajiet mogħtija taħt il-ftehim liċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja japplikaw awtomatikament, fuq bażi ta’ reċiproċità, għaċ-ċittadini ta’ l-UE.

    2. IR-RIŻULTAT TAN-NEGOZJATI

    Il-Kummissjoni tqis li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi tiegħu dwar negozjati u li l-abbozz tal-ftehim tal-faċilitazzjoni tal-viża huwa aċċettabbli għall-Komunità.

    Il-kontenut finali tiegħu, li diġà qies l-istat ta’ pajjiż kandidat mogħti lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, jista’ jiġi mqassar kif ġej:

    - Bħala prinċipju, għall-applikanti kollha għal viża, ikollha tittieħed deċiżjoni jekk tinħariġx viża jew le fi żmien 10 jiem tal-kalendarju. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż sa 30 jum tal-kalendarju meta hija meħtieġa analiżi ulterjuri. F’każijiet urġenti, il-perjodu biex tittieħed deċiżjoni jista’ jitnaqqas għal jumejn ta’ xogħol jew inqas;

    - Il-ħlas tal-viża biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet taċ-ċittadini Maċedonjani għandha tammonta għal €35. Dan il-ħlas jiġi applikat għall-applikanti kollha għal viża Maċedonjani u tikkonċerna viżi kemm ta’ dħul wieħed kif ukoll ta’ aktar minn dħul wieħed. Barra minn dan, xi kategorji ta’ persuni jibbenefikaw minn rinunzja sħiħa tal-ħlas għall-viża: il-qraba, l-uffiċjali li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-gvern, l-istudenti, il-persuni li għandhom diżabilità, il-ġurnalisti, ir-rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-membri tal-professjonijiet, il-membri ta’ ekwipaġġ tal-ferroviji, il-pensjonanti, it-tfal taħt l-età ta’ 6 snin, is-sewwieqa li jwettqu s-servizzi tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija u tal-passiġġiera, il-każijiet umanitarji u l-persuni li jipparteċipaw f’programmi kulturali, ta’ skambju edukazzjonali u avvenimenti ta’ l-isport jew kulturali;

    - Id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentat dwar l-għan tal-vjaġġ ġew semplifikati għal xi kategoriji ta’ persuni: qraba fil-qrib, persuni fin-negozju, membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, studenti, parteċipanti f’avvenimenti xjentifiċi, kulturali u ta’ l-isport, ġurnalisti, persuni li jkunu ser jattendu difniet militari u ċivili, rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi rreġistrati fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri tal-professjonijiet, is-sewwieqa li jwettqu s-servizzi tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija u tal-passiġġiera, persuni li jżuru għal raġunijiet mediċi u turisti fi vjaġġi organizzati. Għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, jistgħu jintalbu biss id-dokumenti elenkati fil-ftehim biex jiġi ġġustifikat l-għan tal-vjaġġ. Ebda ġustifikazzjoni stedina jew validazzjoni oħra provduta mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri ma hija meħtieġa;

    - Hemm ukoll kriterji semplifikati għall-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul aktar minn darba għal dawn il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

    a) għall-membri tal-Gvernijiet nazzjonali, i-Parlament, il-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti Suprema, il-Kunsill Ġudizzjarju u l-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi, membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali u miżżewġin u tfal li jżuru liċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri, ġurnalisti, persuni fil-kummerċ u rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi: viża valida sa ħames snin (jew inqas, limitata għall-perjodu tal-validità tal-mandat tagħhom jew ta’ l-awtorizzazzjoni tagħhom ta’ residenza legali);

    b) il-parteċipanti f’programmi ta’ skambju xjentifiċi u kulturali uffiċjali u f’avvenimenti ta’ l-isport, studenti, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri tal-professjonijiet, sewwieqa professjonali u ekwipaġġi tal-ferroviji, persuni li jżuru għal trattament mediku, kemm-il darba li matul is-sena ta’ qabel għamlu użu tajjeb mill-viża ta’ dħul aktar minn darba u li r-raġunijiet tagħhom biex jitolbu viża ta’ dħul aktar minn darba għadhom validi: tinħareġ viża valida għal mhux inqas minn sentejn u mhux aktar minn 5 snin;

    - Iċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li għandhom passaporti diplomatiċi validi huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża għal żjajjar qosra;

    - Iċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li għandhom passaporti tas-servizz validi, il-Ftehimiet bilaterali ffirmati qabel l-1 ta’ 1 Jannar 2007 jibqgħu jgħoddu għal żmien ta’ 5 snin. Dikjarazzjoni annessa mal-Ftehim tipprovdi l-evalwazzjoni tas-sistema tal-passaporti tas-servizz mhux aktar tard minn 4 snin wara li jidħol fis-seħħ il-Ftehim;

    - Ġie miftiehem protokoll li jgħid li l-Istati Membri li għadhom ma japplikawx għal kollox l-acquis ta’ Schengen, jistgħu unilateralment jirrikonoxxu l-viżi u l-permessi ta’ residenza ta’ Schengen maħruġa lil ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-għanijiet ta’ tranżitu mit-territorju tagħhom skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006[1]. Hija miżjuda riferenza għall-emenda futura tad-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE biex jiġu koperti l-Bulgarija u r-Rumanija;

    - Dikjarazzjoni konġunta dwar il-perspettiva dwar sistema reċiproka ta’ l-ivvjaġġar ħieles mill-viżi tinsab mehmuża mal-Ftehim;

    - Dikjarazzjoni konġunta dwar it-tariffi għall-iproċessar ta' l-applikazzjonijiet għal viża li tħabbar l-evalwazzjoni ta’ dan il-ħruġ wara li l-EP u l-Kunsill jadottaw il-Kodiċi Komunitarju dwar il-viżi tinsab mehmuża mal-Ftehim;

    - Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-aċċess għall-informazzjoni mill-applikanti għall-viża u dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ l-informazzjoni għall-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra tinsab mehmuża mal-Ftehim;

    - B’risposta għal talbiet speċifiċi li fformulat l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, id-Dikjarazzjonijiet tal-Komunità Ewropea huma annessi mal-Ftehim dwar il-faċilitazzjonijiet għall-membri tal-familja (mhux koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jorbtu legalment).

    Għall-kwistjonijiet kollha mhux koperti mill-Ftehim ir-regoli normali ta’ Schengen jew il-liġi nazzjonali jibqgħu jgħoddu, bħar-rifjut tal-viża, ir-rikonoxximent tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar, il-prova ta’ mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti, il-possibbiltà li fil-każ ta’ dubji l-applikanti jiġu mistiedna għal intervista personali f’każijiet individwali iżda wkoll fil-flessibbiltajiet diġà eżistenti għall-vjaġġaturi bona fide .

    Is-sitwazzjonijiet speċifiċi tad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma riflessi fil-preambolu u f’żewġ dikjarazzjonijiet konġunti mehmuża mal-Ftehim. L-assoċjazzjoni fil-qrib tal-Norveġja u ta’ l-Iżlanda ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l- acquis ta’ Schengen bl-istess mod hija riflessa f’dikjarazzjoni konġunta għall-Ftehim.

    Ladarba ż-żewġ ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u l-ammissjoni mill-ġdid huma kollegati, iż-żewġ ftehimiet għandhom jiġu ffirmati, konklużi u jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin.

    3. IL-KONKLUŻJONIJIET

    Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill

    - Jiddeċiedi li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem il-Komunità u jawtorizza lill-President tal-Kunsill jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw f’isem il-Komunità;

    - japprova, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Ftehim anness bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    Dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubbika tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(i) u (ii), flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

    Billi:

    (1) Bid-Deċiżjoni tiegħu tat-13 ta’ Novembru 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra.

    (2) In-negozjati għall-ftehim infetħu fit-30 ta’ Novembru 2006 u ġew konklużi fit-12 ta’ April 2007.

    (3) Bla ħsara għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard, il-Ftehim inizjalat f’Belgrade fit-12 ta’ April 2007 għandu jiġi ffirmat …..

    (4) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jieħdux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhumiex marbuta minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

    (5) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhijiex marbuta minnha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Soġġett għal konklużjoni possibbli f’data aktar tard, il-President tal-Kunsill b’dan huwa awtorizzat jinnomina lill-persuna(i) bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw, f’isem il-Komunità, il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra u d-dokumenti relatati li jikkonsistu fit-test tal-ftehim, Protokoll u d-dikjarazzjonijiet.

    Magħmula fi Brussell, fl-………..ta’…………2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    2007/0159 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    Dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(i) u (ii), flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [3],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4]

    BILLI:

    (1) Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità Ewropea Ftehim ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra;

    (2) Dan il-Ftehim ġie ffirmat, f’isem il-Komunità Ewropea, fl-…….2007 bla ħsara għall- konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard, skond id-Deċiżjoni ……../……/KE tal-Kunsill tal-[………….]

    (3) Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (4) Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim, li jista’ jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Huwa xieraq li tiġi kkontemplata proċedura semplifikata għall-istabbiliment tal-pożizzjoni Komunitarja f’dan il-każ.

    (5) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jieħdux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhumiex marbuta minnha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

    (6) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhijiex marbuta minnha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    L-Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

    It-test tal-ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    L-Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika provduta fl-Artikolu 14(1) tal-Ftehim[5].

    L-Artikolu 3

    Il-Kummissjoni, assistita minn esperti mill-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta’ esperti stabbilit mill-Artikolu 12 tal-Ftehim.

    L-Artikolu 4

    Il-pożizzjoni tal-Komunità fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ esperti dwar l-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura tiegħu skond l-Artikolu 12(4) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

    L-Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, fl-………..ta’…………2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Anness

    FTEHIM

    bejn

    il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viża

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA minn hawn ’il quddiem imsejħa “ l-Komunità ”;

    u

    L-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA

    Minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Partijiet;

    Filwaqt li kkunsidraw id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005 li jagħti lill-exRepubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-istat ta’ pajjiż kandidat;

    Filwaqt li kkunsidraw il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA - Stabilisation and Association Agreement ) bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li ġie ffirmat f’April 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2004 u li bħalissa jirregola r-relazzjonijiet ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    Filwaqt li affermaw mill-ġdid l-intenzjoni li jikkooperaw mill-qrib fil-qafas ta’ l-istrutturi futuri ta’ l-SAA għal-liberalizzazzjoni tas-sistema tal-viżi bejn l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Unjoni Ewropea, skond il-konklużjonijiet tas-Summit UE-Balkani tal-Punent li sar f’Tessaloniki fil-21 ta’ Ġunju 2003;

    Filwaqt li jagħrfu l-progress li għamlet l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-qasam tal-Ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà u, b’mod partikolari dwar il-migrazzjoni, il-politika dwar il-viża, il-ġestjoni tal-fruntieri u dwar is-sikurezza tad-dokumenti;

    Filwaqt li jixtiequ, bħala l-ewwel pass konkret lejn is-sistema ta’ l-ivvjaġġar mingħajr viża, jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-persuni bħala kondizzjoni importanti għal żvilupp kostanti ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, billi jiffaċilitaw il-ħruġ tal-viżi lil persuni ta’ nazzjonalità ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    Filwaqt li jiftakru li ċ-ċittadini kollha ta’ l-UE huma eżenti mir-rekwiżit ta’ viża meta jivvjaġġaw lejn l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għal żmien mhux itwal minn 90 jum jew jagħmlu tranżitu mit-territorju ta’ l-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    Filwaqt li jagħrfu li jekk l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kellha terġa’ tintroduċi r-rekwiżit għaċ-ċittadini ta’ l-UE, l-istess faċilitazzjonijiet mogħtija taħt dan il-ftehim liċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja japplikaw awtomatikament, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, għaċ-ċittadini ta’ l-UE;

    Filwaqt li jagħrfu li l-faċilitazzjoni tal-viża m’għandhiex twassal għall-migrazzjoni illegali u u b’attenzjoni speċjali għas-sigurtà u l-ammissjoni mill-ġdid;

    Filwaqt li jikkunsidraw il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda;

    Filwaqt li jikkunsidraw il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    L-Artikolu 1 – L-ghan u l-ambitu ta’ l-applikazzjoni

    1. L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li jiffaċilita l-ħruġ ta’ viżi għal żjara ta’ mhux aktar minn 90 jum matul perjodu ta’ 180 jum liċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    2. Jekk l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja terġa’ tintroduċi r-rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ l-UE jew għal xi kategoriji ta’ ċittadini ta’ l-UE, l-istess faċilitazzjonijiet mogħtija taħt dan il-ftehim liċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja awtomatikament, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, japplikaw għaċ-ċittadini ta’ l-UE kkonċernati.

    L-Artikolu 2 – Il-klawżola ġenerali

    1. Il-faċilitazzjonijiet tal-viża provduti f’dan il-Ftehim għandhom japplikaw għal ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biss sa fejn mhumiex eżentati mir-rekwiżiti ta’ viża skondi l-liġijiet u r-regolamenti tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri, dan il-ftehim jew ftehimiet oħrajn internazzjonali.

    2. Il-liġi nazzjonali ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ta’ l-Istati Membri jew tal-Komunità għandha tgħodd għall-ħarġiet mhux koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħar-rifjut li tinħareġ viża, l-għarfien ta’ dokumenti ta’ l-ivvjaġġar, prova ta’ mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza u r-rifjut tad-dħul u l-miżuri ta’ tkeċċija.

    L-Artikolu 3 – Id-definizzjonijiet

    Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim

    a) " Stat Membru " għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, ħlief ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika ta’ l-Irlanda u r-Renju Unit;

    b) Ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea ” tfisser persuna ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru kif iddefinit fil-punt (a);

    c) “Ċittadin ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja”: tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    d) Viża ” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru jew deċiżjoni meħuda minn dan l-Istat li hija meħtieġa għal skopijiet ta’:

    - dħul għal żjara ppjanata f’dak l-Istat Membru jew f’bosta Stati Membri għal żmien mhux aktar minn 90 jum,

    - dħul għal tranżitu mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew bosta Stati Membri.

    e) “ persuna li tirrisjedi legalment ” tfisser ċittadin ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja awtorizzat jew intitolat jbqa’ aktar minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq bażi ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali.

    L-Artikolu 4 – L-evidenza dokumentarja dwar l-għan tal-vjaġġ

    1. Għal dawn il-kategoriji li ġejjin ta’ ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dawn id-dokumenti li ġejjin huma suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:

    a) Tfal ta’ l-iskola, studenti ta’ l-iskola post-sekondarja u ta’ l-università, l-istudenti fil-livell post-universitarju u l-għalliema li jakkumpanjawhom li jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ l-istudju jew taħriġ edukazzjonali, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħrajn edukazzjonali jew relatati ma’ l-iskola:

    - talba bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università, kulleġġ jew skola li qed jospitaw, jew karti ta’ l-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li se jattendu għalihom;

    b) Persuni li jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi ta’ l-università u programmi oħrajn ta’ skambju:

    - talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita biex jieħdu sehem f’dawk l-attivitajiet;

    c) Rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-iskopijiet ta’ taħriġ edukazzjonali, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju:

    - talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita, li tikkonferma li l-persuna qed tirrappreżenta lill-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’ din l-organizzazzjoni mir-Reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità ta’ l-Istat skond il-liġi nazzjonali;

    d) Ġurnalisti:

    - ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ mill-organizzazzjoni professjonali, li jipprova li l-persuna kkonċernata hija ġurnalista kkwalifikata u dokument maħruġ minn min iħaddimha li jgħid li l-għan tal-vjaġġ huwa li jwettaq xogħol ġurnalistiku;

    e) Parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali ta’ l-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

    - talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita: awtoritajiet kompetenti, Federazzjonijiet Nazzjonali ta’ l-isport jew il-Kumitati Nazzjonali Olimipċi ta’ l-Istati Membri;

    f) Persuni fin-negozju u għar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet kummerċjali:

    - talba bil-miktub minn persuna legali, kumpanija jew organizzazzjoni li qed tospita, jew uffiċċju jew fergħa ta’ din il-persuna legali jew kumpanija, l-awtoritajiet ta’ l-istat jew lokali ta’ l-Istati Membri jew il-kumitati ta’ l-organizzazzjoni tal-wirijiet kummerċjali u industrijali, konferenzi u simpożji organizzati fit-territorji ta’ l-Istati Membri, iffirmat mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    g) Membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju ta’ l-Istati Membri:

    - talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita li tikkonferma li l-persuna kkonċernata qed tipparteċipa fl-avveniment;

    h) Parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ l-iskambju organizzati minn ibliet ġemellati:

    - talba bil-miktub mill-Kap ta’ l-Amministrazzjoni/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet;

    i) Sewwieqa li jwettqu servizzi internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f’vetturi rreġistrati fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja:

    - talba bil-miktub minn kumpannija nazzjonali jew assoċjazzjoni ta’ trasportaturi ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li tipprovdi għat-trasport internazzjonali fuq l-art, li tispeċifika l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

    j) Membri ta’ ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi fil-ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri:

    - talba bil-miktub mill-kumpannija kompetenti ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li tispeċifika l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

    k) Qraba – konjuġi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi l-kustodi), nanniet u neputijiet – li jżuru lil ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jirrisjedu legalment fit-territorji ta’ l-Istati Membri:

    - talba bil-miktub mill-persuna li tospita;

    l) Rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi:

    - talba bil-miktub mill-kap tal-komunità reliġjuża rreġistrata fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li tispeċifika l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

    m) Persuni li jżuru għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom:

    - dokument uffiċjali ta’ l-istituzjoni medika li tikkonferma l-ħtieġa tal-kura medika f’din l-istituzzjoni, il-ħtieġa ta’ l-akkumpanjament, u l-prova ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti biex isir ħlas għat-trattament mediku;

    n) Persuni li jżuru ċeremonji tad-dfin:

    - dokument uffiċjali li jikkonferma l-fatt tal-mewt kif ukoll konferma tar-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna li ser tindifen;

    o) Membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju ta’ l-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

    - ittra maħruġa minn awtorità ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li tikkonferma li l-applikant huwa membru ta’ delegazzjoni tagħha li qed jivvjaġġa lejn it-territorju tal-Parti l-oħra biex jipparteċipa f’dawn il-avvenimenti imsemmija, flimkien ma’ kopja ta’ l-istedina uffiċjali

    p) Persuni li jivvjaġġaw għat-turiżmu :

    - ċertifikat jew kupun mill-aġenzija ta’ l-ivvjaġġar jew operatur turistiku akkreditat mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni konsulari lokali li jikkonferma l-prenotazzjoni ta’ vjaġġ organizzat;

    q) għal żjarat f’ċimiterji militari u ċivili:

    - dokument uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll ir-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna midfuna;

    2. It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fih dawn il-partikolaritajiet:

    a) għall-persuna mistiedna – l-isem u l-kunjom, id-data tat-twelid, is-sess, iċ-ċittadinanza, in-numru tad-dokument ta’ l-identità, iż-żmien u l-għan tal-vjaġġ, in-numru ta’ dħul u fejn rilevanti, isem il-konjuġi jew it-tfal li jakkumpanjaw lill-persuna mistiedna;

    b) għall-persuna li tistieden – isem, kunjom u indirizz; u

    c) għall-persuna legali, kumpanija jew organizzazzjoni li tistieden – l-isem sħiħ u l-indirizz u

    - jekk it-talba hija maħruġa minn organizzazzjoni, l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiffirma t-talba,

    - jekk il-persuna li tistieden hija persuna legali jew kumpanija jew uffiċċju jew fergħa ta’ din il-persuna legali jew kumpanija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, in-numru tar-reġistrazzjoni kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

    3. Għall-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-kategoriji kollha ta’ viża huma maħruġa skond il-proċedura semplifikata mingħajr bżonn ta’ xi ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni oħra dwar l-għan tal-vjaġġ, provduta fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri.

    L-Artikolu 5 – Il- ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu

    1. Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom joħorġu l-viżi għal dħul multiplu b’terminu ta’ validità sa ħames snin lil dawn il-kategoriji ta’ persuni:

    a) Membri tal-gvern nazzjonali, tal-Parlament, tal-Qorti Kostituzzjonali, tal-Qorti Suprema, tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi, fil-każ li mhumiex eżentati mir-rekwiżit ta’ viża permezz ta’ dan il-ftehim, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, b’terminu ta’ validità limitat għat-terminu tal-ħatra tagħhom jekk dan huwa ta’ inqas minn ħames snin;

    b) Membri permanenti tad-delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, għandhom jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju ta’ l-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    c) Konjuġi, ulied (inklużi adottati), ġenituri (inklużi l-kustodi), ta’ età taħt il-21 sena jew li huma dipendenti jew u l-ġenituri li jżuru liċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri b’terminu ta’ validità limitat għat-terminu tal-validità ta’ l-awtorizzazzjoni tagħhom għar-residenza legali;

    d) Persuni fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet kummerċjali li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri;

    e) Ġurnalisti;

    f) Rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi rreġistrati fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri .

    2. Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom joħorġu viżi b’terminu ta’ validità sa sena lil dawn il-kategoriji ta’ persuni, kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu għall-inqas viża waħda, użawha skond il-liġijiet dwar id-dħul u l-waqfien ta’ l-Istat fejn saret iż-żjara u li hemm raġunijiet biex tintalab viża għal dħul multiplu:

    a) Studenti u studenti fil-livell ta’ wara l-università li jagħmlu vjaġġi regolari għall-għanijiet ta’ l-istudju jew taħriġ edukazzjonali, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju,

    b) Persuni li jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi ta’ l-università u programmi oħrajn ta’ skambju, li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri;

    c) Parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali ta’ l-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

    d) Membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri;

    e) Rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukazzjonali, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;

    f) Parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ l-iskambju organizzati minn ibliet ġemellati.

    g) Sindki u membri tal-kunsilli muniċipali

    h) Sewwieqa li jwettqu servizzi internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f’vetturi rreġistrati fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    i) Membri ta’ ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi fil-ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri;

    j) Persuni li jeħtieġu li jżuru regolarment għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom.

    k) Membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, għandhom jipparteċipaw b’mod regolari fil-laqgħat, fil-konsultazzjonijiet, fin-negozjati jew fil-programmi ta’ skambju, kif ukoll bħal f’avvenimenti organizzati fit-territorju ta’ l-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi;

    3. Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom joħorġu l-viżi għal dħul multiplu b’terminu ta’ validità ta’ mhux inqas minn sentejn u mhux aktar minn ħames snin lill-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u lil persuni oħrajn kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel għamlu użu mill-viża waħda għal dħul multiplu skond il-liġijiet dwar id-dħul u l-waqfien ta’ l-Istat fejn saret iż-żjara u li r-raġunijiet biex tintalab viża ta’ dħul aktar minn darba għadhom validi.

    4. Il-perjodu totali taż-żjara tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux ikun itwal minn 90 jum ghal kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

    L-Artikolu 6 – Il-ħlasijiet biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal viża

    1. Il-ħlas biex tiġi pproċessata l-applikazzjoni għal viża taċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandu jammonta għal €35.

    Dan l-ammont jista’ jiġi rivedut skond il-proċedura kkontemplata fl-Artikolu 14(4).

    Jekk l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja terġa’ tintroduċi r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ l-UE, il-ħlas tal-viża li għandha titlob l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja m’għandux ikun aktar minn €35 jew l-ammont miftiehem jekk il-ħlas jiġi rivedut skond il-proċedura kkontemplata fl-Artikolu 14(4).

    2. Mhux dovut ħlas biex tiġi pproċessata l-applikazzjoni għal viża magħmula minn dawn il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

    a) qraba – konjuġi, tfal (inklużi adottati), ġenituri (inklużi l-kustodi), nanniet u neputijiet li jżuru lil ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

    b) membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lil l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, għandhom jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju ta’ l-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi ;

    c) membri tal-gvern nazzjonali, tal-Parlament, tal-Qorti Kostituzzjonali, tal-Qorti Suprema, tal-Kunsill Ġudizzjarju u tal-Kunsill tal-Prosekuturi Pubbliċi, fil-każ li mhumiex eżentati mir-rekwiżit ta’ viża permezz ta’ dan il-ftehim;

    d) sindki u membri tal-kunsilli muniċipali;

    e) persuni b’diżabilità u l-persuna li takkumpanjahom, jekk meħtieġ;

    f) persuni li ppreżentaw dokumenti li jippruvaw il-ħtieġa li jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji, inkluż biex jirċievu trattament mediku urġenti u l-persuna li takkumpanjahom, jew li jattendu funeral ta’ qarib, jew biex iżuru qarib li għandu mard serju;

    g) parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali ta’ l-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

    h) persuni li jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi ta’ l-università u programmi oħrajn ta’ skambju;

    i) parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ l-iskambju organizzati minn ibliet ġemellati;

    j) ġurnalisti;

    k) pensjonanti;

    l) sewwieqa li jwettqu servizzi internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f’vetturi rreġistrati fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    m) membri ta’ ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi fil-ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri;

    n) rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, meta jivvjaġġaw biex jattendu laqgħat, seminars, programmi ta’ skambju jew korsijiet ta’ taħriġ;

    o) rappreżentanti tal-komunitajiet reliġjużi rreġistrati fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    p) membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili organizzati fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

    q) tfal ta’ l-iskola, l-istudenti, l-istudenti fil-livell post-universitarju u l-għalliema li jakkumpanjawhom li jagħmlu vjaġġi għall-għanijiet ta’ l-istudju jew taħriġ edukazzjonali, including inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju, kif ukoll attivitajiet oħrajn edukazzjonali jew li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskola:

    r) tfal taħt l-età ta’ 6 snin.

    3. B’deroga mill-paragrafu 1 hawn fuq, il-Bulgarija u r-Rumanija li huma marbuta mill-acquis ta’ Schengen iżda li għadhom ma joħorġux viżi ta’ Schengen, jistgħu jirrinunzjaw għall-ħlas biex jipproċessaw applikazzjonijiet nazzjonali għal żjajjar qosra għaċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, sal-jum li għandu jiġi ddeterminat b’Deċiżjoni tal-Kunsill għall-implimentazzjoni sħiħa minnhom ta’ l-acquis ta’ Schengen.

    L-Artikolu 7 – It-tul tal-proċeduri biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal viża

    1. Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni dwar it-talba biex tinħareġ viża fi żmien 10 jiem tal-kalendarju mid-data minn meta jirċievu l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa biex tinħareġ il-viża.

    2. Il-perjodu biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal viża jista’ jiġi estiż sa mhux aktar minn 30 jum tal-kalendarju f’każijiet individwali, b’mod partikolari meta hija meħtieġa analiżi ulterjuri ta’ l-applikazzjoni.

    3. Il-perjodu biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal viża jista’ jitnaqqas għal 3 ijiem jew inqas f’każijiet urġenti.

    L-Artikolu 8 – It-tluq fil-każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa

    Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li tilfu d-dokumenti ta’ l-identità tagħhom, jew li nsterqu mingħandhom dawn id-dokumenti waqt li kienu fit-territorju ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jew ta’ l-Istati Membri, jistgħu jitilqu minn dak it-territorju fuq bażi ta’ dokumenti ta’ l-identità validi li jintitolawhom jaqsmu l-fruntiera maħruġa mill-missjonijiet diplomatiċi jew il-postijiet konsulari ta’ l-Istati Membri jew ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja mingħajr ebda viża jew awtorizzazzjoni oħra.

    L-Artikolu 9 – L-estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi eċċezzjonali

    Iċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li m’għandhomx possibbiltà jitilqu mit-territorju ta’ l-Istati Membri fiż-żmien indikat fil-viża tagħhom għal raġunijiet ta’ force majeure , umanitarji, okkupazzjonali gravi jew personali, għandu jkollhom it-terminu tal-viża tagħhom estiż mingħajr ħlas skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-Istat li qed jilqa’, għall-perjodu meħtieġ biex imorru lura fl-Istat tar-residenza tagħhom.

    L-Artikolu 10 – Il-passaporti diplomatiċi

    1. Iċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li għandhom passaport diplomatiku validu jistgħu jidħlu, joħorġu jew jagħmlu tranżitu mit-territorju ta’ l-Istati Membri mingħajr viża.

    2. Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu joqogħdu fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perjodu mhux itwal minn 90 jum ghal kull perjodu ta’ 180 jum.

    L-Artikolu 11 – Il-validità territorjali tal-viżi

    Bla ħsara għar-regoli u r-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali ta’ l-Istati Membri u bla ħsara għar-regoli ta’ l-UE dwar il-viżi li għandhom validità territorjali limitata, iċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandhom ikunu intitolati jivvjaġġaw fit-territorju ta’ l-Istati Membri fuq bażi ugwali maċ-ċittadini ta’ l-UE.

    L-Artikolu 12 – Il-Kumitat Konġunt għall-Ġestjoni tal-Ftehim

    1. Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), kompost minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-Komunità għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, assistita minn esperti mill-Istati Membri.

    2. Il-Kumitat għandu, b’mod partikolari, jkollu dawn il-funzjonijiet li ġejjin:

    (a) jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, (skambju regolari ta’ l-informazzjoni, inkluża data dwar l-għadd ta’ viżi maħruġa, applikazzjonijiet sottomessi u dawk miċħuda);

    (b) jissuġġerixxi emendi jew żjiediet għal dan il-Ftehim;

    (c) jirriżolvi t-tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

    3. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ kull fejn huwa meħtieġ, fuq talba minn waħda mill-Partijiet u għall-inqas darba f’sena.

    4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

    5. Il-Kumitat għandu jgħarraf lill-organizzazzjonijiet rilevanti stabbiliti taħt il-Ftehim dwar l-Istabbilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni u perjodikament jipprovdi data dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    L-Artikolu 13 – Ir-Relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    1. Sa minn meta jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali jew multilaterali konkluż bejn Stati Membri individwali u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim.

    2. Id-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet jew arranġamenti bilaterali bejn Stati Membri individwali u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ffirmati qabel l-1 ta’ Jannar 2007 li jipprovdu għall-eżenzjoni lid-detenturi ta’ passaporti tas-servizz mir-rekwiżit ta’ viża, għandhom ikomplu jgħoddu għal perjodu ta’ 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jiddenunzjaw jew jissospendu dawn il-ftehimiet bilaterali matul dan il-perjodu ta’ 5 snin.

    L-Artikolu 14 – Il-klawżoli finali

    1. Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skond il-proċeduri rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara t-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn taħt tlestew.

    2. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar l-ammissjoni mill-ġdid tal-persuni jekk din id-data hija wara d-data provduta fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3. Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, kemm-il darba ma jintemmx skond il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

    4. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bi ftehim bil-miktub tal-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li tlestew il-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-iskop.

    5. Kull Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim kollu, jew partijiet minnu, għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li ssospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha minnufih tgħarraf lill-Parti l-oħra ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni m’għadhomx japplikaw.

    6. Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. Dan il-Ftehim għandu jieqaf milli jkun fis-seħħ 90 jum wara d-data ta’ dan l-avviż.

    Magħmul f’ ............ fil- ........ jum ta’........... fis-sena ............ f’żewġ oriġinali f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Partijiet, u kull wieħed minn dawn it-testijiet huwa awtentiku indaqs.

    G ħall-Komunità Ewropea Għall-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    ANNESS

    IL-PROTOKOLL GĦALL-FTEHIM DWAR L-ISTATI MEMBRI LI MA JIMPLIMENTAWX GĦALL-KOLLOX L-ACQUIS TA’ SCHENGEN

    Dawk l-Istati Membri li huma marbuta mill-acquis ta’ Schengen iżda li għadhom ma joħorġux il-viżi ta’ Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill f’dan is-sens, għandhom joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom hija limitata għat-territorju tagħhom stess.

    Dawn l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu unilateralment il-viżi ta’ Schengen u l-permessi ta’ residenza għat-tranżitu mit-territorju tagħhom, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006.

    Ladarba d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006 ma jgħoddx għar-Rumanija u l-Bulgarija, il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi dispożizzjonijiet simili biex dawn il-pajjiżi jistgħu jirrikonoxxu unilateralment il-viżi u l-permessi tar-residenza ta’ Schengen u dokumenti oħrajn simili maħruġa minn Stati Membri oħrajn li għadhom mhux integrati għal kollox fiż-żona ta’ Schengen għall-iskopijiet ta’ tranżitu mit-territorju tagħhom.

    DIKJARAZZJONI DWAR IL-PERSPETTIVA DWAR SISTEMA TA’ L-IVVJAĠĠAR MINGĦAJR VIŻA

    Skond il-konklużjonijiet tas-Summit UE-Balkani tal-Punent li sar f’Thessaloniki fil-21 ta’ Ġunju 2003 il-faċilitazzjonijiet tal-viża provduti taħt dan il-Ftehim għandhom jirrappreżentaw fażi tranżitorja lejn sistema ta’ l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    Is-sistema ta’ l-ivvjaġġar mingħajr viża se tiġi introdotta għaċ-ċittadini ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq bażi ta’ evalwazzjoni pożittiva tal-kisbiet tal-pajjiż fl-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti u skond il-proċeduri u l-kriterji provduti fir-Regolament tal-Kunsill 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001.

    ID-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAD-DANIMARKA

    Il-Partijiet jinnutaw li dan il-Ftehim ma jgħoddx għall-proċeduri tal-ħruġ ta’ viżi minn missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari tar-Renju tad-Danimarka.

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa mixtieq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehim bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili bħall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ta' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    ID-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAR-RENJU UNIT U L-IRLANDA

    Il-Partijiet jinnutaw li dan il-Ftehim ma jgħoddx għat-terrritorju tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda.

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa mixtieq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, ta’ l-Irlanda u ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jikkonkludu bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi.

    ID-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TA’ L-ISLANDA U N-NORVEĠJA

    Il-Partijiet jinnutaw ir-relazzjoni qrib bejn il-Komunità Ewropea u n-Norveġja u l-Islanda, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen.

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, ta’ l-Islanda u ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili bħall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

    ID-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN ( jekk meħtieġ )

    Jekk il-Ftehim bejn l-UE, il-KE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen u l-Protokolli ta’ dan il-Ftehim dwar il-Liechtenstein jkun daħal fis-seħħ saż-żmien li jiġu konklużi n-negozjati ma’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, issir ukoll dikjarazzjoni simili fir-rigward ta’ l-Iżvizzera u l-Liechtenstein.

    ID-DIKJARAZZJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR IR-REVIŻJONI TAR-REKWIŻIT TAL-VIŻA GĦAL DAWK LI GĦANDHOM PASSAPORTI TAS-SERVIZZ

    Ladarba l-eżenzjoni tad-detenturi ta’ passaporti tas-servizz mir-rekwiżit ta’ viża mir-rekwiżit ta’ viża provduta fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali bejn l-Istati Membri individwali u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li ġew iffirmati qabel l-1 ta’ Jannar 2007 għandhom jgħoddu biss għal 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jiddenunzjaw jew jissospendu dawn il-ftehimiet bilaterali matul dan il-perjodu ta’ 5 snin, il-Komunità Ewropea se terġa’ tevalwa s-sitwazzjoni tad-detenturi tal-passaporti tas-servizz mhux aktar tard minn sentejn wara li jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim, bl-għan ta’ possibbli emenda tal-Ftehim f’dak is-sens skond il-proċedura kkontemplata fl-Artikolu 14(4).

    ID-DIKJARAZZJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR L-AĊĊESS TA’ L-APPLIKANTI GĦAL VIŻA U L-ARMONIZZAZZJONI TA’ L-INFORMAZZJONI DWAR IL-PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA’ VIŻI GĦAL ŻJAJJAR QOSRA U D-DOKUMENTI LI GĦANDHOM JIĠU SOTTOMESSI META SSIR APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻI GĦAL ŻJAJJAR QOSRA

    Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza għall-applikanti għal viża, il-Komunità Ewropea tfakkar li l-proposta leġiżlattiva dwar il-kitba mill-bixra ġdida ta’ l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari ġiet adottata fid-19 ta’ Lulju 2006 mill-Kummissjoni Ewropea u bħalissa taħt diskussjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tindirizza l-kwistjoni tal-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess mill-applikanti għal viża, għall-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari ta’ l-Istati Membri.

    Dwar l-informazzjoni li għandha tiġi provduta lill-applikanti għal viża, il-Komunità Ewropea tqis li għandhom jittieħdu miżuri xierqa:

    - B’mod ġenerali, biex titfassal l-informazzjoni bażika għall-applikanti dwar il-proċeduri u l-kondizzjonijiet biex issir l-applikazzjoni għal viża u dwar il-validità tagħhom.

    - Il-Komunità Ewropea ser tniedi lista ta’ rekwiżiti minimi sabiex tiżgura li l-applikanti mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jingħataw informazzjoni bażika koerenti u uniformi u huma meħtieġħa jissottomettu, bħala prinċipju, l-istess dokumenti ta’ appoġġ.

    L-informazzjoni msemmija hawn fuq, inkluża l-lista ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar u operaturi turistiċi akkreditati fil-qafas tal-kooperazzjoni konsulari lokali għandha tiġi mxerrda b’mod wiesa’ (fuq it-tabelli ta’ tagħrif tal-konsulati, fil-fuljetti, fuq siti web, eċċ.)

    Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom jorganizzaw ruħhom b’tali mod li appuntament għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni għal viża u d-dokumenti rilevanti ta’ sostenn jista’ jiġi żgurat fi żmien raġonevoli.

    Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-possibbiltajiet eżistenti taħt l-acquis ta’ Schengen għall-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’kull każ għalih.

    DIKJARAZZJONI POLITIKA MILL-BULGARIJA DWAR IT-TRAFFIKU LOKALI FIL-FRUNTIERI

    Ir-Repubblika tal-Bulgarija tiddikjara li hija ppreparata tidħol f’negozjati ta’ ftehimiet bilaterali ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bl-għan li timplimenta s-sistema tat-traffiku lokali fil-fruntieri stabbilita mir-Regolament KE Nru 1931/2006 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali fil-fruntieri fil-fruntieri esterni fuq l-art ta’ l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen .

    ID-DIKJARAZZJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR L-EŻENZJONI TAĊ-ĊITTADINI BULGARI U RUMENI MILL-OBBLIGU TA’ VIŻA MILL-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA

    Il-Komunità Ewropea tinnota l-intenzjoni ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li teżenta liċ-ċittadini Rumeni mill-obbligu ta’ viża permezzz ta’ Deċiżjoni unilaterali.

    Filwaqt li tqis l-importanza tat-trattament indaqs taċ-ċittadini Ewropej kollha minn pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ta’ viża, il-Komunità Ewropea tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tistenna l-adozzjoni mill-awtoritajiet ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tad-deċiżjoni unilaterali li teżenta liċ-ċittadini Bulgari u Rumeni mill-obbligu ta’ viża qabel ma tirratifika dan il-Ftehim dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża.

    ID-DIKJARAZZJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR IL-FAĊILITAZZJONIJIET GĦALL-MEMBRI TAL-FAMILJA

    Il-Komunità Ewropea tinnota s-suġġeriment tar-Repubblika ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li tagħti definizzjoni usa’ tal-kunċett tal-membri tal-familja li għandhom jibbenefikaw minn faċilitazzjoni ta’ viża kif ukoll dwar l-importanza li tagħti r-Repubblika ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja lis-semplifikazzjoni tal-moviment ta’ din il-kategorija ta’ persuni.

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità ta’ għadd estiż ta’ persuni li għandhom konnessjonijiet famlijarji (b’mod partikolari l-aħwa u wliedhom) ma’ ċittadini tar-Repubblika ta’ l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri, il-Komunità Ewropea tistieden lill-uffiċċji konsulari ta’ l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet eżistenti fl-"acquis communautaire" biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viżi lil din il-kategorija ta’ persuni, inkluż b’mod partikolari, is-semplifikazzjoni ta’ l-evidenza dokumentarja mitluba għall-applikanti, eżenzjonijiet mill-ħlas ta’ l-ipproċessar u fejn xieraq il-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul aktar minn darba.

    ***

    [1] ĠU L167, 20.6.2006, p.1.

    [2] ĠU C, p. .

    [3] ĠU C…

    [4] ĠU C…

    [5] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea [mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill].

    Top