EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0219(01)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

/* KUMM/2007/0219 finali */

52007PC0219(01)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru /* KUMM/2007/0219 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.4.2007

KUMM(2007) 219 finali

2007/0074 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha B’segwitu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-hekk imsejħa każijiet “Open Skies”, fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet eżistenti bi ftehim Komunitarju[1] (il-“mandat orizzontali”). L-għanijiet ta’ ftehimiet ta’ dan it-tip huma li jagħtu aċċess mhux diskriminatorju lit-trasportaturi kollha ta’ l-ajru ta’ l-UE għar-rotot bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, u sabiex il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi jikkonformaw mal-liġi Komunitarja. |

120 | Il-kuntest ġenerali Ir-relazzjonijiet fil-qasam ta’ l-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tradizzjonalment jiġu rregolati permezz ta' ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, l-Annessi għat-tali ftehimiet u arranġamenti oħra bilaterali jew multilaterali b’rabta ma' dan. Il-klawżoli tradizzjonali ta’ deżinjazzjoni fil-ftehimiet ta’ l-ajru bilaterali ta’ l-Istati Membri jiksru l-liġi Komunitarja. Jagħtu lok lill-pajjiż terz li jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' kumpanija ta' l-ajru li kienet ġiet iddeżinjata minn Stat Membru iżda li mhijiex proprjetà sostanzjali ta’ dak l-Istat Membru u kkontrollata effettivament minnu jew miċ-ċittadini tiegħu. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità li, filwaqt li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru, ikunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru ieħor u kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 43 tat-Trattat li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jkunu eżerċitaw il-libertà ta' l-istabbiliment tagħhom l-istess trattament fl-Istat Membru li jkun qed jospitahom bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Hemm kwistjonijiet oħra, bħat-tassazzjoni jew it-tariffi fuq il-fjuwil ta’ l-avjazzjoni introdotti minn trasportaturi ta' l-ajru ta' terzi pajjiżi fuq rotot intra-Komunitarji, li fil-każ tagħhom il-konformità mal-liġi Komunitarja għandha tiġi żgurata billi jiġu emendati jew ikkomplementati d-dispożizzjonijiet eżistenti fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jieħdu post jew jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-21 ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan. |

140 | Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Il-Ftehim se jaqdi mira fundamentali tal-politika Komunitarja dwar l-avjazzjoni esterna billi jġib il-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta’ l-ajru konformi mal-liġi Komunitarja. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati |

211 | Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta’ dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni L-Istati Membri, kif ukoll l-industrija, ġew ikkonsultati matul in-negozjati kollha. |

212 | Sinteżi tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati Il-kummenti li saru mill-Istati Membri u l-industrija ġew ikkunsidrati. |

ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

305 | Sinteżi ta' l-azzjoni proposta Skond il-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness għall-“mandat orizzontali”, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mar-Repubblika tal-Panama li jissostitwixxi ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jieħu post il-klawżoli ta' deżinjazzjoni tradizzjonali bi klawżola ta' deżinjazzjoni Komunitarja, li tippermetti lit-trasportaturi ta' l-ajru kollha tal-Komunità li jibbenefikaw mid-dritt ta' stabbiliment. L-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim jittrattaw żewġ tipi ta' klawżoli li jikkonċernaw kwistjonijiet tal-kompetenza Komunitarja. L-Artikolu 4 jittratta t-tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni, li hija kwistjoni li ġiet armonizzata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti ta’ l-enerġija u l-elettriku, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tagħha. L-Artikolu 5 (Tariffi) isolvi kunflitti bejn ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru eżistenti u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2409/92 dwar tariffi u rati għas-servizzi ta' l-ajru li jipprojbixxu kumpaniji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi milli jkollhom pożizzjoni dominanti fuq il-prezzijiet tas-servizzi ta' l-ajru għall-ġarr li jsir kollu kemm hu fil-Komunità. L-Artikolu 6 jirrisolvi kunflitti potenzjali mar-regoli tal-KE dwar il-kompetizzjoni. |

310 | Il-bażi ġuridika It-Trattat tal-KE, l-Artikoli 80(2), u 300(2). |

329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta tissejjes kollha kemm hi fuq il-“mandat orizzontali" mogħti mill-Kunsill b'kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet koperti mil-liġi Komunitarja u l-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-Ftehim se jemenda jew jikkomplementa d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi biss safejn dan ikun ta' ħtieġa ħalli tiġi żgurata l-konformità mal-liġi Komunitarja. |

L-għażla ta’ l-istrumenti |

342 | Il-Ftehim bejn il-Komunità u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan huwa l-aktar strument effiċjenti biex il-ftehimiet bilaterali eżistenti kollha dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Panama jinġiebu konformi mal-liġi Komunitarja. |

IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT |

409 | Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

510 | Is-simplifikazzjoni |

511 | Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. |

512 | Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru bejn l-Istati Membri u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan se jiġu ssostitwiti jew ikkomplementati minn dispożizzjonijiet fi ftehim Komunitarju waħdieni. |

570 | Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Skond il-proċedura standard għall-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, il-Kunsill mitlub japprova d-Deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru, u jinnomina l-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem il-Komunità. |

1. Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 80(2), flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2],

Billi:

(1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(2) F'isem il-Komunità, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim mar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(3) Il-ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat proviżorjament, suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar ’il quddiem,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Waħdieni

1. Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina il-persuna/i bis-setgħa li, f'isem il-Komunità, tiffirma/jiffirmaw il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru, suġġett għall-konklużjoni ta' dan f'data aktar tard.

2. Fl-istennija tad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Ftehim għandu jiġi applikat proviżorjament mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu ġew kompluti. Il-President tal-Kunsill b'dan huwa awtorizzat li jagħmel in-notifika li dwarha jipprovdi l-Artikolu 9(2) tal-Ftehim.

3. It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

2007/0074 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2), flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Billi:

(1) Fil-5 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(2) F'isem il-Komunità, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim mar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru f'konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar is-sostituzzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

(3) Il-Ftehim ġie ffirmat f’isem il-Komunità fi […], suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill .../.../KE ta' […][5];

(4) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru huwa approvat f'isem il-Komunità.

2. It-test tal-Ftehim huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill b'dan huwa awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa tagħmel in-notifika li dwarha jipprovdi l-Artikolu 9(1) tal-Ftehim.

Magħmula fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan

dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

min-naħa l-waħda, u

IR-RENJU ĦAXEMIT TAL-ĠORDAN

min-naħa l-oħra

(minn hawn 'il quddiem 'il-Partijiet')

FILWAQT LI JINNUTAW li ftehimiet ta' servizzi bilaterali ta' l-ajru ġew iffirmati bejn bosta Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan, li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi tal-Komunità Ewropea,

FILWAQT LI JINNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skond il-liġi tal-Komunità Ewropea, it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi.

WARA LI KKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu dritt ta' proprjetà fi trasportaturi ta' l-ajru mogħtija liċenzja f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali għal servizzi ta' l-ajru bejn Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan, li huma kontra l-liġi tal-Komunità Ewropea, għandhom jinġiebu f’konformità sħiħa magħha sabiex tiġi stabbilita bażi ġuridika tajba għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan u biex titħares it-tkomplija ta’ servizzi ta' l-ajru bħal dawn,

FILWAQT LI JINNUTAW li, skond il-leġiżlazzjoni Ewropea, il-linji ta' l-ajru fil-prinċipju ma jistgħux jikkonkludu ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u li jkollohom l-għan jew l-effett li jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan li i) jirrikjedu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta' ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi jew prattiċi kkonċertati li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn operaturi ta' l-ajru fuq ir-rotot rilevanti. jew (ii) isaħħu l-effetti ta’ kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika kkonċertata tali; jew iii) jiddelegaw lil operaturi ta' l-ajru jew operaturi ekonomiċi privati oħra r-responsabbiltà għat-teħid ta' miżuri li jgħawġu, jipprevjenu, jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn l-operaturi ta' l-ajru fuq ir-rotot rilevanti r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi jistgħu jirrenduhom bla effet.

FILWAQT LI JINNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea, bħala parti minn dawn in-negozjati, li jiżdied il-volum totali ta' traffiku ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan, jew li jiġi affettwat il-bilanċ bejn trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità u trasportaturi ta' l-ajru tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan, jew li jiġu nnegozjati emendi lid-dispożizzjonijiet li diġà jeżistu ta' ftehimiet bilaterali għal servizzi ta' l-ajru dwar drittijiet tat-traffiku.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-espressjoni ‘Stati Membri’ tfisser l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

2. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 liċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim għandhom jinftiehmu li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

3. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għat-trasportaturi ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim għandhom jinftiehmu bħala li qed jirreferu għat-trasportaturi ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ddeżinjati minn dak l-Istat Membru.

4. L-għoti ta' drittijiet tat-traffiku għandu jkompli jsir permezz ta' ftehimiet bilaterali bejn ir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan u l-Istati Membri.

ARTIKOLU 2

Deżinjazzjoni minn Stat Membru

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-Artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni ta' trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi mogħtija mir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew permessi tat-trasportatur ta' l-ajru, rispettivament.

2. Malli tirċievi deżinjazzjoni mingħand Stat Membru, ir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għandu jagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa bl-anqas dewmien proċedurali, bil-kundizzjoni li:

i. it-trasportatur ta' l-ajru jkun stabbilit fit-territorju ta' l-Istat Membru ddeżinjat skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u jkollu Liċenzja Operattiva valida f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea;

ii. ikun eżerċitat u miżmum il-kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu u l-awtorità aeronawtika rilevanti tkun identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; kif ukoll

iii. it-trasportatur ta' l-ajru jkun proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u kkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, jew minn stati oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra.

3. Ir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan jista' jirrifjuta, jirrevoka, jissospendi jew jillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta' operatur ta' l-ajru ddeżinjat minn Stat Membru fejn:

it-trasportatur ta’ l-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun qed jiddeżinjah taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew ma jkollux Liċenzja Operattiva valida skond il-liġi tal-Komunità Ewropea; jew

ii. ma jkunx eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità ajrunawtika rilevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; jew

iii. it-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx proprjetà u effettivament ikkontrollat direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, jew minn stati oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra. jew

iv. it-trasportatur ta’ l-ajru jkun diġà awtorizzat li jopera fl-ambitu ta’ ftehim bilaterali bejn ir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan u xi Stat Membru ieħor u billi jeżerċita d-drittijiet tat-traffiku fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor, dan ikun qed jevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti mill-ftehim bilaterali bejn ir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan u dak l-Istat Membru l-ieħor; jew

v. it-trasportatur ta’ l-ajru ddeżinjat ikun fil-pussess ta' Ċertifikat Operattiv ta’ l-Ajru maħruġ minn Stat Membru u ma jkun hemm l-ebda ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru bejn ir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan u dak l-Istat Membru, u d-drittijiet tat-traffiku lejn dak l-Istat Membru jkunu ġew miċħuda lit-trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat mir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan.

Waqt li qed jeżerċita d-dritt tiegħu taħt dan il-paragrafu, ir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan ma għandux jiddiskrimina bejn it-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità abbażi tan-nazzjonalità.

ARTIKOLU 3

Drittijiet rigward il-kontroll regolatorju

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness 2 (c).

2. Fejn Stat Membru jkun iddeżinja trasportatur ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan taħt id-dispożizzjonijiet ta' sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ddeżinja t-trasportatur ta' l-ajru u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għandu japplika bl-istess mod fir-rispett ta' l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew il-manteniment ta' l-istandards tas-sikurezza mill-Istat Membru l-ieħor u b'rispett ta' l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta' dik it-trasportatur ta' l-ajru.

ARTIKOLU 4

Tassazzjoni tal-fjuwil ta’ l-avjazzjoni

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness 2 (d).

2. Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 2(d) ma għandu jżomm l-Istati Membri milli jimponu, fuq bażi mhux diskriminatorja, taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorju tagħhom għall-użu f'inġenju ta' l-ajru ta' trasportatur ta' l-ajru ddeżinjat tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan li jopera bejn punt fit-territorju ta' dak l-Istat Membru u punt ieħor fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

ARTIKOLU 5

It-tariffi għall-ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-Artikoli elenkati fl-Anness 2 (e).

2. It-tariffi li jintalbu mit-trasportatur(i) ta' l-ajru ddeżinjat/i mir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan permezz ta' ftehim elenkat fl-Anness 1 li fih dispożizzjoni elenkata fl-Anness 2(e) għal ġarr li jseħħ kollu kemm hu fi ħdan il-Komunità Ewropea għandhom ikunu suġġetti għal-liġi tal-Komunità Ewropea.

ARTIKOLU 6

Il-kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

1. Minkejja kull dispożizzjoni għall-kuntrarju, xejn f’kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness I ma għandu (i) jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiki miftiehma li jipprevjenu jew jgħawġu l-kompetizzjoni; (ii) isaħħaħ l-effetti ta’ kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma bħal dan; jew (iii) jiddelega lill-operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

2. Id-dispożizzjonijiet fil-ftehimiet elenkati fl-Anness I li mhumiex kompatibbli mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx jiġu applikati.

ARTIKOLU 7

Annessi ta' dan il-Ftehim

L-Annessi ta' dan il-Ftehim se jiffurmaw parti integrali minnu.

ARTIKOLU 8

Reviżjonijiet jew emendi

Il-Partijiet jistgħu, f'kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim b'kunsens reċiproku.

ARTIKOLU 9

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu ikunu ġew kompluti.

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri kollha meħtieġa għal dan il-għan ikunu ġew kompluti.

3. Ftehimiet u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, ma jkunux għadhom daħlu fis-seħħ u ma jkunux qed jiġu applikati proviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Il-Ftehim għandu japplika għal kull ftehim u arranġament tali mad-dħul fis-seħħ jew ma' l-applikazzjoni proviżorja tagħhom.

ARTIKOLU 10

Terminazzjoni

1. Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Ftehim li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim elenkat fl-Anness 1 ikkonċernat għandhom jiġu tterminati fl-istess ħin.

2. Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu tterminati, dan il-Ftehim jiġi tterminat fl-istess ħin.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-firmatarji, awtorizzati kif jixraq, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [...] f'żewġ kopji, il-[...] jum ta' [..., ...] bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża u Għarbija.

GĦALL-KOMUNITAJIET EWROPEJ: GĦAR-RENJU ĦAXEMIT TAL-ĠORDAN:

Anness 1

Lista ta' ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim

(a) Ftehimiet tas-servizzi ta' l-ajru bejn ir-Renju Ħaxemit tal-Ġordan u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament

- Il-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern Federali ta' l-Awstrija u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan , iffirmat fi Vjenna fis-16 ta' Ġunju 1976, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Awstrija" fl-Anness 2;

Emendat bl-Iskambju ta' Noti tat-23 ta' Mejju u tat-8 ta' Lulju 1993;

Supplimentat mill-Memorandum Konfidenzjali ta' Ftehim magħmul f'Amman fid-29 ta' Ottubru 1997.

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għall-istabbiliment ta' servizzi ta' l-ajru bi skeda bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom , iffirmat f'Amman fid-19 ta' Ottubru 1960, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Belġju" fl-Anness 2;

Supplimentat mill-Memorandum Konfidenzjali ta' Ftehim magħmul f'Amman fil-15 ta' Settembru 1994.

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għal servizzi ta' l-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom , iffirmat f'Sofja fil-25 ta' Awissu 2001, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Bulgarija" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għat-trasport bl-ajru kummerċjali bi skeda , iffirmat f'Amman fit-23 ta' April 1967, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Ċipru" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar is-Servizzi ta' l-Ajru , iffirmat f'Amman fl-20 ta' Settembru 1997, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Repubblika Ċeka" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għall-istabbiliment ta' servizzi ta' l-ajru bi skeda bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom , iffirmat f'Amman fis-7 ta' Diċembru 1961, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Danimarka" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Finlandja u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għal servizzi ta' l-ajru bejn it-territorji rispettivi tagħhom , iffirmat f'Ħelsinki fil-11 ta' April 1978, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Finlandja" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar is-Servizzi ta' l-Ajru , iffirmat f'Amman fit-30 ta' April 1966, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Franza" fl-Anness 2;

Supplimentat mill-Memorandum Konfidenzjali ta' Ftehim magħmul f'Pariġi fis-16 ta' Novembru 2000.

- Il-Ftehim bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar it-Trasport bl-Ajru , iffirmat f'Bonn fid-29 ta' Jannar 1970, kif emendat, minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim Ġordan – Ġermanja” fl-Anness 2.

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Greċja u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar is-Servizzi ta' l-Ajru kummerċjali bi skeda , iffirmat f'Ateni fis-17 ta' April 1967, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Greċja" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar it-Trasport bl-Ajru , inizjalat fid-19 ta' Marzu 1998, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Irlanda" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Italja u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għall-istabbiliment u l-operat ta' servizzi ta' l-ajru bi skeda , iffirmat f'Ruma fit-28 ta' Marzu 1980, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Italja" fl-Anness 2;

Għandu jinqara flimkien mal-Memorandum Konfidenzjali ta' Ftehim tal-25 ta' Ġunju 1978;

Emendat bl-Iskambju ta' Noti tat-12 ta' Ġunju u l-11 ta' Settembru 1996.

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għall-istabbiliment u l-operat ta' Servizzi ta' l-Ajru bi skeda bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, iffirmat f'Amman fid-9 ta' April 1962, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Lussemburgu" fl-Anness 2;

- L-Abbozz ta' Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Malta u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għas-servizzi ta' l-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom , inizjalat u anness, fil-forma ta' Anness C, mal-Memorandum ta' Ftehim magħmul f'Amman fit-28 ta' Settembru 1999, minn hawn 'il quddiem "l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Malta" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għall-istabbiliment u l-operat ta' servizzi ta' l-ajru bi skeda bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom iffirmat f'Amman fl-24 ta' Awissu 1961, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Olanda" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar is-Servizzi ta' l-Ajru , iffirmat f'Amman fit-22 ta' Novembru 1993, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Polonja" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Portugall u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar it-Trasport bl-Ajru , inizjalat u anness mal-Memorandum ta' Ftehim iffirmat f'Liżbona fid-29 ta' Jannar 1982, minn hawn 'il quddiem "l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Portugall" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tar-Rumanija u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar it-trasport ċivili bl-ajru , iffirmat f'Bukarest fis-17 ta' Settembru 1975, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Rumanija" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta' Spanja u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar it-Trasport bl-Ajru , iffirmat f'Madrid fit-18 ta' Mejju 1977, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Spanja" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta' l-Iżvezja u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għall-istabbiliment ta' servizzi ta' l-ajru bi skeda bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom , iffirmat f'Amman fid-9 ta' Jannar 1961, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Żvezja" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan għal servizzi ta' l-ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom , iffirmat f'Amman fid-9 ta' Awissu 1969, minn hawn 'il quddiem "il-Ftehim Ġordan – Renju Unit" fl-Anness 2;

- L-Abbozz ta' Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Gvern tar-Renju Ħaxemit tal-Ġordan dwar is-Servizzi ta' l-Ajru , inizjalat u anness, fil-forma ta' Anness B, mal-Memorandum ta' Ftehim magħmul f'Amman fit-13 ta' Lulju 1995, minn hawn 'il quddiem "l-Abbozz ta' Ftehim Rivedut Ġordan – Renju Unit" fl-Anness 2;

(b) Ftehimiet dwar is-servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn il-Ġordan u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, dakinhar ta' l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament.

[spazju mħolli vojt apposta]

Anness 2

Lista ta' Artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Ftehim

(a) Deżinjazzjoni minn Stat Membru:

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Awstrija;

- L-Artikolu 2 tal-Ftehim Ġordan – Belġju;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Bulgarija;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Ċipru;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Repubblika Ċeka;

- L-Artikolu 2 tal-Ftehim Ġordan – Danimarka;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Finlandja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Ġermanja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Greċja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Irlanda;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Italja;

- L-Artikolu 3 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Malta;

- L-Artikolu 2 tal-Ftehim Ġordan – Olanda;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Polonja;

- L-Artikolu 3 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Portugall;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Rumanija;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Spanja;

- L-Artikolu 2 tal-Ftehim Ġordan – Żvezja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Renju Unit;

- L-Artikolu 4 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Rivedut Ġordan – Renju Unit;

(b) Rifjut, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta' l-Awtorizzazzjonijiet jew il-Permessi:

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim Ġordan – Awstrija;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim Ġordan – Belġju;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Bulgarija;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim Ġordan – Ċipru;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Repubblika Ċeka;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Danimarka;

- L-Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim Ġordan – Finlandja;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim Ġordan – Franza;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim Ġordan – Ġermanja;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim Ġordan – Greċja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Irlanda;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Italja;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim Ġordan – Lussemburgu;

- L-Artikolu 4 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Malta;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim Ġordan – Olanda;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Polonja;

- L-Artikoli 3 u 4 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Portugall;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim Ġordan – Rumanija;

- l-Artikolu 4 tal-Ftehim Ġordan – Spanja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Żvezja;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim Ġordan – Renju Unit;

- L-Artikolu 5 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Rivedut Ġordan – Renju Unit;

(c) Kontroll regolatorju:

- L-Artikolu 10a tal-Ftehim Ġordan – Ġermanja;

- L-Artikolu 7 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Malta;

(d) It-Tassazzjoni tal-Fjuwil ta’ l-Avjazzjoni:

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim Ġordan – Awstrija;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Belġju;

- L-Artikolu 9 tal-Ftehim Ġordan – Bulgarija;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim Ġordan – Ċipru;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim Ġordan – Repubblika Ċeka;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim Ġordan – Danimarka;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim Ġordan – Finlandja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Franza;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim Ġordan – Ġermanja;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim Ġordan – Greċja;

- L-Artikolu 13 tal-Ftehim Ġordan – Irlanda;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim Ġordan – Italja;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Lussemburgu;

- L-Artikolu 5 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Malta;

- L-Artikolu 3 tal-Ftehim Ġordan – Olanda;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim Ġordan – Polonja;

- L-Artikolu 6 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Portugall;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim Ġordan – Rumanija;

- l-Artikolu 5 tal-Ftehim Ġordan – Spanja;

- L-Artikolu 4 tal-Ftehim Ġordan – Żvezja;

- L-Artikolu 5 tal-Ftehim Ġordan – Renju Unit;

- L-Artikolu 8 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Rivedut Ġordan – Renju Unit;

(e) It-tariffi għall-ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea

- L-Artikolu 10 tal-Ftehim Ġordan – Awstrija;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim Ġordan – Belġju;

- L-Artikolu 11 tal-Ftehim Ġordan – Bulgarija;

- L-Artikolu 10 tal-Ftehim Ġordan – Ċipru;

- L-Artikolu 10 tal-Ftehim Ġordan – Repubblika Ċeka;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim Ġordan – Danimarka;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim Ġordan – Finlandja;

- L-Artikolu 16 tal-Ftehim Ġordan – Franza;

- L-Artikolu 9 tal-Ftehim Ġordan – Ġermanja;

- L-Artikolu 9 tal-Ftehim Ġordan – Greċja;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim Ġordan – Irlanda;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim Ġordan – Italja;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim Ġordan – Lussemburgu;

- L-Artikolu 10 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Malta;

- L-Artikolu 6 tal-Ftehim Ġordan – Olanda;

- L-Artikolu 10 tal-Ftehim Ġordan – Polonja;

- L-Artikolu 9 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Ġordan – Portugall;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim Ġordan – Rumanija;

- l-Artikolu 11 tal-Ftehim Ġordan – Spanja;

- L-Artikolu 7 tal-Ftehim Ġordan – Żvezja;

- L-Artikolu 8 tal-Ftehim Ġordan – Renju Unit;

- L-Artikolu 7 ta' l-Abbozz ta' Ftehim Rivedut Ġordan – Renju Unit

Anness 3

Lista ta’ stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

(a) Ir-Repubblika ta l-Iżlanda (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b) Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(c) Ir-Renju tan-Norveġja (skond il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d) Il-Konfederazzjoni Żvizzera (skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru ).

Anness B

Kwistjonijiet li għandhom jiġu inklużi f'negozjati komprensivi Ewromediterranji dwar l-Avjazzjoni li jistgħu jsiru fil-ġejjieni bejn l-UE u l-Ġordan

Il-miri ewlenin:

- Il-liberalizzazzjoni ekonomika

- Il-kooperazzjoni regolatorja

- L-assistenza teknika

- L-Aċċess għas-Suq

Il-liberalizzazzjoni ta' l-aċċess għas-suq; l-ebda limitu ta' kapaċità jew frekwenza; applikabbli għat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija, sew għal dak skedat kif ukoll dak bla skeda

- Il-Proprjetà u l-Kontroll

Il-possibbiltà ta' opportunitajiet reċiproċi għall-investiment

- Il-Prezzijiet

Il-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti liberament mis-suq, suġġett għar-regoli tal-kompetizzjoni u għar-restrizzjonijiet dwar il- price leadership

- Il-Kompetizzjoni

L-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-evitar tat-tagħwiġ tal-kompetizzjoni (sussidji mill-gvern)

- L-Opportunitajiet Kummerċjali

Il-libertà ta' l-istabbiliment; l-operat ta' l-art ( ground handling ) eċċ.

- Is-Sikurezza fl-Avjazzjoni

Standards għoljin ta' sikurezza fl-avjazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib

- Is-Sigurtà fl-Avjazzjoni

Standards għoljin ta' sigurtà fl-avjazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib

- Il-Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru

Parteċipazzjoni fl-Ajru Uniku Ewropew

- Il-Protezzjoni ta' l-Ambjent

Standards għoljin ta' protezzjoni ta' l-ambjent

- il-Protezzjoni tal-Konsumatur

- CRS

- L-Assistenza Teknika

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 11323/03 tal-5 ta' Ġunju 2003 (dokument ristrett).

[2] ĠU C , , p. .

[3] ĠU C , , p. .

[4] ĠU C , , p. .

[5] ĠU C , , p. .

Top