EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0046

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol

52007PC0046

Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.2.2007

KUMM(2007) 46 finali

2007/0020 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

• Raġunijiet u għanijet tal-proposta

Din il-proposta għal Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol għandha l-għan li tistabbilixxi l-qafas għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika f’dawn iż-żewġ oqsma, fl-għamla ta’ sett tad-data minima, li titwettaq mis-Sistema ta’ l-Istatistika Ewropea, jiġifieri l-Eurostat, l-istituti nazzjonali ta’ l-istatistika u l-awtoritajiet ta’ l-istatistika l-oħrajn kollha li huma responsabbli li joħorġu l-istatistika uffiċjali f’dawn iż-żewġ oqsma. Konsegwentement, dan ir-Regolament jiffoka biss fuq l-attivitajiet ta’ statistika żviluppati taħt l-Artikolu 285 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. L-għan tiegħu m’humiex l-iżviluppi fil-politika taż-żewġ oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, li huma segwiti taħt l-Artikoli 152 u 137 tat-Trattat rispettivament. Il-produzzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja hija rregolata mir-regoli stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali u l-moviment liberu ta’ din id-data, u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 li lil din jagħmilha applikabbli għall-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji, jippermettu l-ipproċessar ta’ data personali dwar is-saħħa għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, basta jkun hemm salvagwardji xierqa. L-azzjonijiet politiċi tal-Komunità u dawk nazzjonali fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jikkostitwixxu interess pubbliku sostanzjali u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta’ Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (l-Eurostat) jipprevedu s-salvagwardji xierqa għall-protezzjoni ta’ l-individwi fil-każ tal-produzzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

• Kuntest ġenerali

L-iżviluppi metodoloġiċi għall-attivitajiet statistiċi ta’ l-Eurostat fiż-żewġ oqsma, dak tas-saħħa pubblika u dak tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol bdew fl-ewwel nofs tas-snin 90, u l-ewwel ġbir ta’ data sar għas-snin ta’ referenza 1993-1994. Jidher biċ-ċar, li t-titjib fis-sostenibbiltà u l-kwalità ta’ dan il-ġbir ta’ data diġà stabbilit, kif ukoll it-twettiq b’suċċess ta’ ġbir ġdid ta’ data statistika li għalih ġew jew qed jiġu żviluppati metodoloġiji fiż-żewġ oqsma, huma meħtieġa għall-politika Ewropea rilevanti. Fil-fatt, id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tadotta programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika 2003-2008, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Nru 2002/Ċ 161/01 tat-3 ta’ Ġunju 2002 dwar strateġija Komunitarja ġdida għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol 2002-2006, u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ April 2004 dwar “l-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali għall-iżvilupp ta’ kura tas-saħħa u kura fit-tul ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli: sostenn għall-istrateġiji nazzjonali bl-użu tal-‘metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni’”, jeħtieġu sistema ta’ standard għoli ta’ informazzjoni statistika għall-valutazzjoni tar-riżultati politiċi miksuba u għall-iżvilupp u l-monitoraġġ ta’ aktar azzjonijiet fiż-żewġ oqsma. Dan mistenni jitkompla u jiġi żviluppat taħt programmi u strateġiji suċċessivi.

Sa issa, il-ġbir tad-data statistika li sar kien imsejjes fuq "ftehim ta’ rġulija" ma’ l-Istati Membri fil-qafas tal-Programmi Statistiċi Komunitarji ta’ ħames snin (fil-preżent id-Deċiżjoni 2367/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-Programm Statistiku Komunitarju 2003 sa 2007) u l-komponenti annwali tiegħu. B’mod partikolari, fil-qasam ta’ l-istatistika tas-saħħa pubblika, l-iżviluppi u l-implimentazzjonijiet fit-tliet fergħat (il-kaġunijiet ta’ l-imwiet, il-kura tas-saħħa u l-istħarriġ b’intervisti dwar is-saħħa, u l-morbożità) huma mreġija u organizzati skond struttura bi sħab bejn l-Eurostat, flimkien mal-pajjiżi fit-tmexxija (fil-preżent ir-Renju Unit bħala koordinatur ġenerali u l-mexxejja tad-dominji rispettivi mill-Estonja, il-Lussemburgu u d-Danimarka), u l-Istati Membri. F’dan il-qafas, diġà tlesta ħafna xogħol fil-metodoloġiji, inkluża l-preparazzjoni ta’ linji gwida, u bdiet l-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data.

Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ bħalissa hija kkaratterizzata mill-limitazzjonijiet li ġejjin. L-ewwelnett, fir-rigward tal-ġbir tad-data li ġie implimentat diġà, minkejja li nkiseb ċertu titjib fil-kwalità u l-komparabbiltà tad-data, l-Istati Membri għandhom jiġu pprovduti b’bażi soda għall-implimentazzjoni. Qafas legali jkun jippermetti tisħiħ tal-progress lejn standards aħjar ta’ kwalità u komparabbiltà għall-ġbir kollu ta’ rutina involut. Dan jiżgura sostenibbiltà u stabbiltà aqwa tar-rekwiżiti Ewropej għal temp ta’ żmien medju u jiffissa miri ċari għal dawk li huma standards li jkunu jridu jintlaħqu għall-komparabbiltà fil-livell Ewropew. Barra minn dan, il-maġġoranza l-kbira ta’ l-Istati Membri l-ġodda stqarrew, li kemm għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ l-" acquis communautaire " dwar l-istatistika, u kemm għal-ġbir ta’ statistika li għandu jiġi introdott fil-futur qarib, dawn m’humiex se jkunu f’qagħda li jikkonformaw mar-rekwiżiti statistiċi ta’ l-UE fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, jekk ma jkunx hemm qafas legali Ewropew. Fl-aħħarnett, l-Istati Membri kollha għandhom bżonn ta’ stampa aktar ċara ta’ l-iskedi taż-żmien u indizji tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ l-għodod il-ġodda għall-istatistika li qed jiġu żviluppati bħalissa, u ta’ l-azzjonijiet li qed jitħejjew għat-titjib fil-kwalità. Ir-regolament propost mistenni jkun qafas xieraq għat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ direzzjoni iddettaljati fid-diversi oqsma u fergħat statistiċi tas-saħħa u s-sigurtà.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni (l-Eurostat) tqis li issa hemm il-ħtieġa li tipprovdi sisien sodi permezz tal-ħruġ ta’ att legali bażiku fl-oqsma statistiċi tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Id-dominji koperti mill-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma konnessi ma’ l-attivitajiet u l-iżviluppi li jinsabu għaddejjin u li qed jitwettqu flimkien ma’ l-Istati Membri fil-gruppi rilevanti ta’ l-Eurostat jew, fil-qasam tas-saħħa pubblika, tas-Sħubija fl-istatistika tas-saħħa pubblika. Il-mira prinċipali hija li jingħataw sisien msaħħa u sodi għall-ġbir li diġà ġie implimentat jew għal dik il-metodoloġija li qed tiġi żviluppata bħalissa jew għall-implimentazzjoni li qed titħejja.

• Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

M’hemm l-ebda dispożizzjoni fil-qasam tal-proposta.

• Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni

Il-Programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008), semma’ li l-element statistiku tas-sistema ta’ l-informazzjoni dwar is-saħħa pubblika għandu jiġi żviluppat, b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri, bl-użu kif ikun meħtieġ tal-programm statistiku tal-Komunità, sabiex titħeġġeġ is-sinerġija u tiġi evitata d-duplikazzjoni. Il-proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa 2007-2013 (COM (2006) 234 finali), issemmi li l-ħidma eżistenti fl-iżvilupp ta’ sistema ta’ l-UE għall-monitoraġġ tas-saħħa għandha tiġi mkabbra, permezz ta’ l-użu skond il-ħtieġa tal-Programm Statistiku tal-Komunità. Min-naħa tagħha, l-istrateġija tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol 2002-2006 appellat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħaffu x-xogħol pendenti ta’ armonizzazzjoni ta’ l-istatistika dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard fuq il-post tax-xogħol, sabiex tinkiseb data komparabbli li minnha tista’ ssir valutazzjoni oġġettiva ta’ l-impatt u l-effettività tal-miżuri li jittieħdu taħt l-istrateġija tal-Komunità.

2) KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

• Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu

- Laqgħat mal-Gruppi Ċentrali inkarigati mit-tmexxija ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjonijiet f’kull waħda mit-tliet fergħat tas-Sħubija fl-istatistika tas-saħħa pubblika - l-ewwel tliet xhur ta’ l-2005.

- Laqgħat mal-Gruppi Tekniċi ta’ l-Eurostat fil-qasam ta’ l-istatistika tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (grupp wieħed dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol u ieħor dwar mard fuq il-post tax-xogħol) - Frar u April 2005.

- Konsultazzjoni bil-miktub ma’ l-Istati Membri kollha fil-qafas taż-żewġ Gruppi ta’ Ħidma ta’ l-Eurostat għall-istatistika tas-saħħa pubblika u l-istatistika tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol - Mejju sa Settembru 2005.

- Laqgħa tad-Diretturi ta’ l-Istatistika Soċjali ta’ l-Istituti Nazzjonali ta’ l-Istatistika fit-28-29 ta’ Settembru 2005.

- Laqħa tal-Kumitat tal-Programm Statistiku fid-29-30 ta’ Novembru 2005

Barra minn dawn, ingħatat informazzjoni lill-gruppi li ġejjin:

- Il-Laqgħat tal-Gruppi Tekniċi f’kull waħda mill-fergħat tas-Sħubija fl-istatistika tas-saħħa pubblika - Mejju sa Settembru 2005.

- Il-Laqgħa tan-Netwerk ta’ l-Awtoritajiet Kompetenti tal-fergħa ta’ l-Informazzjoni dwar is-Saħħa ta’ l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika 2003-2008 - 5-6 ta’ Lulju 2005.

- Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Saħħa Pubblika - 7 ta’ Novembru 2005.

- Il-Kumitat Konsultattiv Tripartitiku dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol - 25 ta’ Novembru 2005.

- Il-Kumitat ta’ Livell Għoli dwar is-Saħħa - 14-15 ta’ Diċembru 2005.

Ġabra fil-qosor tat-tweġibiet u kif ġew ikkunsidrati

Fil-qafas tal-gruppi tas-Sħubija fl-istatistika tas-saħħa pubblika, l-esperti appoġġaw il-proposta u taw il-kritika ddettaljata tagħhom għat-titjib tal-kontenut tekniku li ġiet meqjusa fl-abbozzar finali. Fil-qafas tal-laqgħat l-oħra u l-konsultazzjonijiet bil-miktub mal-Gruppi ta’ Ħidma ta’ l-Eurostat, il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri appoġġat ukoll il-proposta. Madankollu, wħud mill-Istati Membri kkunsidraw il-proċedura ta’ ftehim ta’ rġulija bħala aktar flessibbli għal dan il-qasam, wħud oħra talbu li jikkonċentraw biex jirnexxi l-ġbir ta’ sett tad-data statistika minima f’dawn l-oqsma (li tqies fl-abbozzar finali) u oħrajn talbu li ssir konsultazzjoni mal-gruppi fuq in-naħa tad-domanda (fil-fatt ingħatat informazzjoni lil diversi gruppi inkluż lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar is-Saħħa Pubblika). Fl-aħħarnett, l-Istati Membri talbu li ssir valutazzjoni ta’ l-impatt għal meta tkun se tiġi adottata l-proposta mill-Kummissjoni; l-Eurostat qed jipprepara "analiżi tal-konsegwenzi" tal-proposta. Finalment, ġew ikkunsidrati l-kummenti ddettaljati ta’ l-Istati Membri u s-servizzi tal-Kummissjoni.

• Il-ġbir u l-użu ta’ l-għarfien espert

Dominji xjentifiċi/ta’ għarfien espert ikkonċernati

Għas-Saħħa pubblika: Is-Sħubija fl-istatistika tas-Saħħa Pubblika, il-koordinatur ġenerali, il-mexxejja tad-dominji u l-membri tal-gruppi ċentrali.

Għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol: il-membri tal-Gruppi Tekniċi ta’ l-Eurostat għall-Istatistika Ewropea ta’ l-Inċidenti fuq ix-Xogħol (ESAW – European Statistics on Accidents at Work) u l-Istatistika Ewropea tal-Mard fuq il-Post tax-Xogħol (EODS - European Occupational Diseases Statistics).

Metodoloġija użata

Diskussjonijiet waqt laqgħat.

Dominji xjentifiċi/ta’ għarfien espert ikkonsultati

Għas-saħħa pubblika: l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-istatistika tar-Renju Unit, l-Inspection Générale de la Sécurité Sociale tal-Lussemburgu u l-Uffiċċju Ċentrali ta’ l-Istatistika ta’ l-Irlanda sa Ġunju 2005 u minn hemm ’il quddiem, l-Istitut Nazzjonali ta’ l-Istatistika ta’ l-Estonja, u l-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika tad-Danimarka.

Għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol: il-membri tal-gruppi tekniċi rispettivi (l-Istati Membri kollha).

Ġabra fil-qosor tal-pariri mogħtija u esegwiti

L-eżistenza ta’ riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi irriversibbli ma ssemmewx.

Dawn taw l-appoġġ tagħhom fit-tfassil ta’ xi artikoli tal-proposta u l-kontenut iddettaljat tal-ħames annessi.

Mezzi użati biex il-pariri ta’ l-esperti jkunu disponibbli għall-pubbliku

Id-dokumenti ta’ ħidma u l-minuti tal-laqgħat li jidhru hawn taħt, huma disponibbli fuq is-siti rispettivi ta’ l-Eurostat Circa:

- tad-Diretturi ta’ l-Istatistika Soċjali 28-29/09/2005;

- tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ l-Eurostat dwar is-Saħħa Pubblika 28-29/11/2005;

- tal-Gruppi Tekniċi ta’ l-Eurostat dwar l-istatistika ta’ l-inċidenti fuq ix-xogħol 25/02/2005 u tal-mard fuq il-post tax-xogħol 26/04/2005 kif ukoll tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ l-Eurostat dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol 6-7/10/2005.

• Valutazzjoni ta’ l-impatt

Twettqet "Analiżi tal-konsegwenzi" (valutazzjoni ta’ l-impatt fil-każ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-istatistika). It-tliet alternattivi meqjusa huma:

- L-ebda azzjoni, jiġifieri jitkompla l-iżvilupp ta’ l-istatistika fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol permezz ta’ "ftehim ta’ rġulija " ma’ l-Istati Membri fil-qafas tal-Programm Statistiku Ewropew ta’ ħames snin;

- Jiġu żviluppati u adottati d-diversi proposti għal Regolamenti (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar jew l-istatistika tas-saħħa pubblika u dik tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol separatament, inkella ta’ kull wieħed mid-dominji u l-għodda statistika tiegħu separatament;

- Tiġi żviluppata u adottata l-proposta kurrenti għal Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

3) ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

• Sommarju ta’ l-azzjoni proposta

Il-proposta għal Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol għandha l-għan li tistabbilixxi l-qafas għall-attivitijiet ta’ bħalissa u l-attivitajiet prevedibbli kollha fil-qasam ta’ l-istatistika tas-Saħħa Pubblika u s-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol li trid twettaq is-Sistema Statistika Ewropea. Qed ikun propost li jitfassal Regolament dwar id-dominji kkonċernati kollha flimkien. Ir-raġuni hija sabiex ikun hemm mod ġenerali u koerenti ta’ kif wieħed jirreaġixxi għall-ħtiġijiet tal-politika u jippromwovi sinerġiji fi kwistjonijiet ta’ saħħa fuq ix-xogħol u barra l-post tax-xogħol, u l-elementi differenti tagħhom, li huma konnessi ma’ xulxin; fejn ikun rilevanti, ċertu ġbir ta’ statistika jista’ jsir b’vantaġġ għaż-żewġ oqsma flimkien, bl-użu ta’ għodod komuni bħal stħarriġ tal-popolazzjoni. Ir-regolament propost jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u jiddeskrivi l-kontenut ewlieni tal-ġbir tad-data fl-Annessi I sa V, relatat mal-ħames dominji kkonċernati, li huma l-istatistika dwar l-istatus tas-saħħa u l-fatturi determinanti għas-saħħa, il-kura tas-saħħa, il-kaġunijiet tal-mewt, l-inċidenti fuq ix-xogħol, kif ukoll il-mard fuq il-post tax-xogħol u problemi oħra ta’ saħħa u mard relatat max-xogħol. L-elementi tal-metodoloġiji statistiċi u l-ġbir tad-data għandhom jiġu stabbiliti mir-regolamenti implimentattivi tal-Kummissjoni u speċifikati fid-dettall f’manwali u f’linji gwida.

• Bażi legali

L-Artikolu 285 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jipprevedi l-bażi legali għall-istatistika Komunitarja. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’konformità mal-proċedura tal-kodeċiżjoni, għandu jadotta l-miżuri għall-produzzjoni ta’ statistika fejn tkun meħtieġa għat-twettiq ta’ l-attivitajiet tal-Komunità. Dan l-Artikolu jistabbilixxi r-rekwiżiti konnessi mal-produzzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja u jitlob il-konformità ma’ l-istandards ta’ l-imparzjalità, affidabbiltà, oġġettività, indipendenza xjentifika, effikaċja fl-infiq u kunfidenzjalità statistika. Dan l-Artikolu jimplika li l-miżuri għall-produzzjoni ta’ l-istatistika huma ta’ kompetenza esklussiva fil-livell Komunitarju.

• Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Billi l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju fuq il-bażi ta’ att legali Komunitarju, minħabba li hija biss il-Kummissjoni li tista’ tikkoordina l-armonizzazzjoni meħtieġa għall-informazzjoni statistika fil-livell Komunitarju, filwaqt illi l-ġbir tad-data u l-kompilazzjoni ta’ statistika komparabbli dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jista’ jiġi organizzat mill-Istati Membri, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

• Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) ta’ hawn taħt.

Fil-qafas tar-Regolament propost, huma biss dawk il-miżuri li għandhom impatt importanti fuq l-implimentazzjoni u l-kwalità tal-ġbir ta’ l-istatistika, bħad-definizzjoni ta’ kwantitajiet varjabbli, analiżijiet, dati ta’ implimentazzjoni u frekwenza, eċċ., f’dominji jew partijiet minn dominji ta’ preċedenza li għandhom jintgħażlu ma’ l-Istati Membri, li jridu jiġu inklużi fil-miżuri ta’ l-implimentazzjoni. Jistgħu jiġu inklużi wkoll elementi ewlenin dwar is-sorsi iżda għandu jitħalla ammont kbir ta’ flessibbiltà għal deċiżjonijiet f’livell nazzjonali. B’mod simili, deċiżjonijiet ta’ natura aktar teknika jew iddettaljata ħafna, bħal linji gwida, klassifikazzjonijiet iddettaljati, eċċ., għandhom jiġu deċiżi u inklużi biss f’manwali metodoloġiċi, sabiex jippermettu implimentazzjoni flessibbli u proporzjonata fl-Istati Membri.

Pereżempju, fil-qasam ta’ l-istħarriġ, is-Servej Ewropew ta’ Intervisti dwar is-Saħħa (EHIS - European Health Interview Survey) mistenni jibda jsir fl-istess żmien kull ħames snin fl-Istati Membri kollha. Is-suġġetti u l-analiżijiet, li l-mistoqsijiet dwarhom jiġu żviluppati fil-livell Ewropew u tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-UE (sabiex tiġi evitata kemm jista’ jkun is-suġġettività lingwistika u kulturali), għandhom jiġu ddefiniti f’regolament implimentattiv. Madankollu, l-Istati Membri mistennija jkollhom l-għażla li jew ifasslu servej ġdid inkella jinkludu l-mistoqsijiet ta’ l-EHIS fis-servejs tas-saħħa nazzjonali jew tal-popolazzjoni, li huma jikkunsidraw xierqa.

L-għan tal-Kummissjoni (l-Eurostat) m’huwiex li jżid rekwiżiti ġenerali ġodda fil-ftehimijiet diġà konklużi iżda dak li jsostni t-titjib tal-kwalità, il-komparabbiltà u l-azzjonijiet f’waqthom.

• L-għażla ta’ l-istrumenti

Strumenti proposti: regolamentazzjoni

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni(jiet) ta’ hawn taħt.

Il-proċeduri ta’ ftehim ta’ rġulija ma jippermettux li jinkisbu b’mod suffiċjenti l-komparabbiltà, il-kopertura u l-azzjonijiet f’waqthom. Dawn ma jagħtux preċedenza u riżorsi biżżejjed għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data statistika dwar is-saħħa u s-sigurtà. B’mod partikolari, il-finanzjament ma jkunx żgurat. Huwa għalhekk li hemm il-ħtieġa ta’ qafas legali Ewropew. Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-istrument legali l-aktar xieraq għall-azzjonijiet statistiċi li jeħtieġu applikazzjoni ddettaljata u uniformi f’kull parti tal-Komunità.

4) IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-finanzjament prinċipali ta’ azzjonijiet statistiċi fil-qasam tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol huwa kopert mill-Programm Statistiku Komunitarju 2003-2007 (id-Deċiżjoni nru 2367/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u l-programm statistiku Komunitarju 2008-2012 fil-ġejjieni.

Finanzjament komplementari għandu jiġi pprovdut mir-riżorsi operazzjonali li jkunu disponibbli fid-Direttorati Ġenerali tas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur u ta’ l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, fil-qafas:

- tat-tieni Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa 2007-2013 (COM (2006) 234 finali, il-proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill);

- tal-programm tal-Komunità għall-Impjiegi u s-solidarjetà soċjali – PROGRESS (COM (2005) 536 finali, il-proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).

5) INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

• Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

• Spjegazzjoni ddettaljata tal-proposta

It-test isegwi l-mudell standard ta’ l-att għar-Regolamenti statistiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2007/0020 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara li kkonsultaw mal-Kontrollur tal-Protezzjoni tad- Data ,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tal-Programm Statistiku (SPC) b’konformità ma’ l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 89/382/KEE, Euratom[3],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

1. Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tadotta programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) ([5]), iddikjarat li l-element statistiku tas-sistema ta’ l-informazzjoni dwar is-saħħa pubblika għandu jiġi żviluppat, b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri, bl-użu kif ikun meħtieġ tal-programm statistiku tal-Komunità biex titħeġġeġ is-sinerġija u tiġi evitata d-duplikazzjoni.

2. L-informazzjoni tal-Komunità dwar is-saħħa pubblika ġiet żviluppata sistematikament permezz tal-programmi Komunitarji għas-saħħa pubblika. Mibnija fuq din il-ħidma, issa ħarġet lista ta’ Indikaturi tas-Saħħa fil-Komunità Ewropeja (ECHI - European Community Health Indicators) li tagħti perspettiva ġenerali ta’ l-istatus tas-saħħa, il-fatturi determinanti tas-saħħa u tas-sistemi tas-saħħa. Sabiex ikun disponibbli s-sett tad-data statistika minima meħtieġa għall-kalkolu ta’ l-indikaturi ECHI, l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa għandha tkun konsistenti, meta jkun rilevanti u possibbli, ma’ l-iżviluppi u l-kisbiet li jirriżultaw mill-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika.

3. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Nru 2002/C 161/01 tat-3 ta’ Ġunju 2002 dwar Strateġija Komunitarja ġdida għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (2002-2006) ([6]) talbet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jitħaffef ix-xogħol pendenti ta’ armonizzazzjoni ta’ l-istatistika dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard fuq il-post tax-xogħol, sabiex ikun hemm data komparabbli disponibbli li biha tista’ ssir valutazzjoni oġġettiva ta’ l-impatt u l-effettività tal-miżuri li jittieħdu taħt l-istrateġija Komunitarja l-ġdida. Barra minn dan, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2003) 3297 finali tad-19 ta’ Settembru 2003 dwar l-iskeda Ewropea dwar il-mard fuq il-post tax-xogħol irrakkomandat li l-Istati Membri għandhom progressivament jagħmlu l-istatistika tagħhom dwar il-mard fuq il-post tax-xogħol waħda kompatibbli ma’ l-iskeda Ewropea, b’konformità mal-ħidma li qed titwettaq fl-armonizzazzjoni ta’ l-istatistika Ewropea tal-mard fuq il-post tax-xogħol.

4. Fl-2002 il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona rrikonoxxa tliet prinċipji ta’ gwida għar-riforma fis-sistemi tal-kura tas-saħħa: aċċessibbiltà għal kulħadd, kura ta’ kwalità għolja u sostenibbiltà finanzjarja għal temp ta’ żmien twil. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ([7]) ta’ l-20 ta’ April 2004 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “l-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali għall-iżvilupp ta’ kura tas-saħħa u kura tas-saħħa fit-tul ta’ kwalità għolja li jkunu aċċessibbli u sostenibbli: appoġġ għall-istrateġiji nazzjonali li jużaw il-‘metodu ta’ koordinazzjoni miftuħa’”, ipproponiet li tinbeda ħidma biex jiġu identifikati indikaturi possibbli għall-għanijiet konġunti li jiġu żviluppati sistemi ta’ kura msejsa fuq l-attivitajiet li jitwettqu fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni tal-Komunità dwar is-saħħa, l-istatistika tas-saħħa ta’ l-Eurostat u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

5. Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li stabbiliet is-sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità ([8]) tinkludi azzjoni dwar l-ambjent u s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja bħala preċedenza ewlenija, filwaqt li għamlet talba għad-definizzjoni u l-iżvilupp ta’ indikaturi tas-saħħa u l-ambjent. Barra minn dan, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2003 ħareġ li qed tintalab l-inklużjoni ta’ indikaturi tal-bijodiversità u s-saħħa, taħt it-titolu “ambjent”, fil-bażi tad-data ta’ l-indikaturi strutturali użati fir-Rapport tar-Rebbiegħa annwali lill-Kunsill Ewropew; l-indikaturi tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol huma inklużi wkoll f’din il-bażi tad-data, taħt it-titolu “impjiegi”. Is-sett ta’ l-indikaturi ta’ l-iżvilupp sostenibbli adottat mill-Kummissjoni fl-2005 jinkludi wkoll tema dwar l-indikaturi tas-saħħa pubblika.

6. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010 ([9]) jirrikonoxxi l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità, il-komparabbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data dwar l-istatus tas-saħħa fir-rigward ta’ mard u disturbi marbuta ma’ l-ambjent, bl-użu tal-Programm Statistiku Komunitarju.

7. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Nru 2003/C 175/01 tal-15 ta’ Lulju 2003 li tippromwovi l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fl-impjieg u fis-soċjetà ([10]), talbet lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinġabar materjal statistiku dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità, inkluż dwar l-iżvilupp tas-servizzi u l-benefiċċji għal dan il-grupp. Barra minn dan, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-30 ta’ Ottubru 2003 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar opportunitajiet ugwali għall-persuni b’diżabilità - Pjan ta’ azzjoni Ewropew ([11]), iddeċidiet li tiżviluppa indikaturi tal-kuntest li huma komparabbli fl-Istati Membri kollha sabiex tivvaluta l-effettività tal-politika dwar id-diżabilità. Din indikat li għandu jsir użu massimu mis-sorsi u l-istrutturi tas-Sistema Statistika Ewropea, partikolarment permezz ta’ l-iżvilupp tal-moduli armonizzati tas-servejs, biex tinkiseb l-informazzjoni statistika komparabbli internazzjonalment għall-monitoraġġ tal-progress.

8. Sabiex tkun żgurata r-rilevanza u l-komparabbiltà tad-data u tkun evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol, l-attivitajiet ta’ l-Eurostat fil-qasam tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol iridu jitwettqu b’kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet speċjali tagħha, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), fejn ikun rilevanti u possibbli. B’mod partikolari, sistema tal-ġbir ta’ l-istatistika dwar is-Sistemi ta’ Rendikont tas-Saħħa (Systems of Health Accounts) ġiet implimentata reċentement flimkien ma’ l-OECD u d-WHO.

9. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) diġà tiġbor fuq bażi regolari, data statistika dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol mill-Istati Membri li jipprovdu din id-data fuq bażi volontarja. Barra minn dan, din tiġbor ukoll data dwar dawk l-oqsma minn sorsi oħra. Dawn l-attivitajiet huma żviluppati b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri. Fil-qasam ta’ l-istatistika tas-saħħa pubblika b’mod partikolari, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni huma mmexxija u organizzati skond l-istruttura ta’ sħubija bejn l-Eurostat u l-Istati Membri. Madankollu, għad hemm il-ħtieġa ta’ aktar affidabbiltà, koerenza, kopertura, azzjonijiet f’waqthom u puntwalità fir-rigward tal-ġbir tad-data statistika eżistenti u huwa neċessarju wkoll li jiġi żgurat li aktar ġbir imqabbel u żviluppat ma’ l-Istati Membri jiġi implimentat sabiex jinkiseb is-sett tad-data statistika minima meħtieġa fil-livell Komunitarju fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

10. Il-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja speċifika hija rregolata bir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità ([12]).

11. Ir-Regolament preżenti jiżgura rispett sħiħ tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kif stipulat fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

12. Id-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu tat-tali data ([13]) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu tat-tali data ([14]) għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Ir-rekwiżiti statistiċi li jinqalgħu fl-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika, mill-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli, u mill-istrateġija tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, kif ukoll ir-rekwiżiti li jinqalgħu b’rabta ma’ l-indikaturi strutturali, l-indikaturi ta’ l-iżvilupp sostenibbli u l-indikaturi tas-Saħħa fil-Komunità Ewropea u settijiet oħra ta’ indikaturi meħtieġa li jiġu żviluppati għal skopijiet ta’ monitoraġġ ta’ l-azzjonijiet politiċi u l-istrateġiji Komunitarji u nazzjonali fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, jikkostitwixxu interess pubbliku sostanzjali.

13. It-trażmissjoni tad-data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika hija rregolata mis-sett ta’ regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta’ Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej ([15]). Il-miżuri li kienu ttieħdu b’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika tad-data kunfidenzjali u jiżguraw li l-ebda żvelar illegali jew użu mhux għal skop statistiku ma jsir meta tiġi pproċessata l-istatistika Komunitarja u tixxerred.

14. Fil-produzzjoni u t-tixrid ta’ l-istatistika Komunitarja taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u Komunitarji għandhom iqisu l-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi tal-Prattika Ewropew għall-Istatistika, adottat mill-Kumitat tal-Programm Statistiku fl-24 ta’ Frar 2005 u mehmuż mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u ppromulgat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2005 dwar l-indipendenza, l-integrità u l-kontabbiltà ta’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u Komunitarji ([16]).

15. Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif ta’ qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan.

16. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni ([17]).

17. B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tiddetermina d-definizzjonijiet, is-suġġetti u l-analiżi (inklużi l-varjabbli u l-klassifikazzjonijiet), sorsi kull meta jkunu rilevanti u provvediment ta’ data u ta’ metadata (inklużi l-perjodi ta’ referenza, l-intervalli u l-limiti taż-żmien) fir-rigward ta’ l-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u fl-Annessi 1 sa 5 għal dan ir-Regolament. Peress li dawn huma miżuri b’ambitu ġenerali maħsuba biex jemendaw jew iħassru elementi li mhumiex essenzjali f’dan ir-Regolament, jew biex jissupplimentixxu dan ir-Regolament bl-addizzjoni ta’ elementi ġodda li mhumiex essenzjali, dawn ghandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolamentari bi skrutinju pprovduta fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KEE.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

2. L-istatistika għandha tinkludi, fl-għamla ta’ sett tad-data minima, l-informazzjoni meħtieġa għal azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika, għall-appoġġ ta’ l-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli kif ukoll għal azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

3. L-istatistika għandha tipprovdi d-data għal indikaturi strutturali, indikaturi ta’ żvilupp sostenibbli u indikaturi tas-saħħa fil-Komunità Ewropea, kif ukoll settijiet ta’ indikaturi oħra li jeħtieġu li jiġu żviluppati għal skopijiet ta’ azzjonijiet Komunitarji ta’ monitoraġġ fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

Artikolu 2

Skop

L-Istati Membri għandhom jipprovdu statistika lill-Kummissjoni (l-Eurostat) dwar id-dominji li ġejjin:

- l-istatus tas-saħħa u l-fatturi determinanti għas-saħħa, kif iddefiniti fl-Anness I,

- il-kura tas-saħħa, kif iddefinita fl-Anness II,

- il-kaġunijiet tal-mewt, kif iddefiniti fl-Anness III,

- l-inċidenti fuq ix-xogħol, kif iddefiniti fl-Anness IV,

- il-mard fuq il-post tax-xogħol u problemi ta’ saħħa u mard ieħor marbut max-xogħol, kif iddefiniti fl-Anness V.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

(a) “statistika Komunitarja” għandha t-tifsira mogħtija lilha fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(b) “produzzjoni ta’ statistika” għandha t-tifsira mogħtija lilha fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(c) “saħħa pubblika” tfisser l-elementi kollha marbuta mas-saħħa taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, jiġifieri l-istatus tas-saħħa tagħhom, inklużi l-morbożità u d-diżabilità, id-determinanti li jaffettwaw l-istatus tas-saħħa, il-ħtiġijiet ta’ kura tas-saħħa, ir-riżorsi allokati għall-kura tas-saħħa, il-provvista tal-kura tas-saħħa u l-aċċess għaliha kif ukoll in-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-finanzjament tagħha, u l-kaġunijiet tal-mortalità;

(d) “saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol” tfisser l-elementi kollha marbuta mal-prevenzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema ta’ l-Unjoni Ewropea fuq ix-xogħol fl-attivitajiet tagħhom fil-preżent jew fl-imgħoddi, b’mod partikolari inċidenti fuq ix-xogħol, mard fuq il-post tax-xogħol u problemi oħra ta’ saħħa u mard marbut max-xogħol.

Artikolu 4

Sorsi

L-Istati Membri għandhom jikkompilaw id-data dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol minn sorsi, li skond id-dominji u s-suġġetti u skond il-karatteristiċi tas-sistemi nazzjonali, għandhom jikkonsistu jew f’:

(a) servejs eżistenti jew ippjanati fid-djar, jew servejs simili jew moduli ta’ servejs, inkella

(b) sorsi amministrattivi nazzjonali jew sorsi ta’ rappurtaġġ eżistenti jew ippjanati.

Artikolu 5

Metodoloġija, manwali u studji pilota

1. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tfassal, jew skond il-każ li jkun ittejjeb jew taġġorna, manwali, linji gwida jew rakkomandazzjonijiet fuq oqfsa, kunċetti jew metodoloġiji li jikkonċernaw l-statistika Komunitarja pproċessata skond dan ir-Regolament.

2. L-esperjenza u l-għarfien espert nazzjonali għandhom jintużaw għall-iżvilupp imsemmi fil-paragrafu 1. Fil-metodi użati għall-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data għandhom jitqiesu, inkluż fil-każ ta’ attivitajiet preparatorji, l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, il-kapaċitajiet u l-ġbir tad-data eżistenti, fil-qafas ta’ strutturi kollaborattivi ma’ l-Istati Membri stabbiliti mill-Kummissjoni (l-Eurostat). Il-metodoloġiji għall-ġbir regolari li jirriżulta minn proġetti b’dimensjoni statistika mwettqa taħt programmi oħra tal-Komunità bħall-programmi tas-saħħa pubblika jew programmi ta’ riċerka għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

3. Fil-metodoloġiji statistiċi u l-ġbir tad-data li għandhom jiġu żviluppati għall-kompilazzjoni ta’ l-istatistika dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fil-livell Komunitarju għandha titqies il-ħtieġa għall-koordinazzjoni, kull meta jkun rilevanti, ma’ l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam, sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà ta’ l-istatistika u l-konsistenza tal-ġbir tad-data.

4. Kull meta jiġu identifikati rekwiżiti ġodda ta’ data jew kwalità insuffiċjenti ta’ data fid-dominji msemmija fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tagħti bidu għal studji-pilota li jiġu kkompletati fuq bażi volontarja mill-Istati Membri. L-għan ta’ dawn l-istudji-pilota għandu jkun dak li jittestjaw il-kunċetti u l-metodi u jivvalutaw il-vijabbiltà tal-ġbir relatat tad-data, inklużi l-kwalità statistika, il-komparabbiltà u l-effikaċja fl-infiq, skond il-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Prattika dwar l-Istatistika Ewropea. Il-modalitajiet użati f’dawn l-istudji għandhom jiġu miftiehma fil-qafas ta’ l-istrutturi kollaborattivi ma’ l-Istati Membri.

Artikolu 6

It-trażmissjoni, it-trattament, it-tixrid u l-pubblikazzjoni tad-data

1. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-mikrodata jew, skond id-dominju u s-suġġett ikkonċernat, id-data aggregata, inkluża d-data kunfidenzjali kif iddefinita fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 , u l-metadata, meħtieġa skond dan ir-Regolament u l-miżuri għall-implimentazzjoni tagħha, lill-Kummissjoni (l-Eurostat) b’konformità mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar it-trażmissjoni tad-data suġġetta għall-kunfidenzjalità stipulati fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u (Euratom, KEE) Nru 1588/90. Dawk id-dispożizzjonijiet tal-Komunità għandhom japplikaw għat-trattament tad-data mill-Eurostat, safejn id-data tkun ikkunsidrata kunfidenzjali kif iddefinita bl-Artiklu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97.

2. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data u l-metadata meħtieġa skond dan ir-Regolament f’forma elettronika skond standard ta’ skambju maqbul bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Id-data għandha tiġi pprovduta b’konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti, fl-intervalli previsti, u tal-perjodi ta’ referenza indikati, fl-Annessi.

3. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tieħu l-passi meħtieġa biex ittejjeb it-tixrid, l-aċċessibbiltà u d-dokumentazzjoni ta’ l-informazzjoni statistika, b’konformità mal-prinċipji tal-komparabbiltà, affidabbiltà u kunfidenzjalità statistika stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97.

Artikolu 7

Kriterji tal-kwalità u rapporti

1. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-data trażmessa.

2. Il-Kummissjoni (l-Eurostat), b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, għandha tiżviluppa standards komuni rrakkomandati biex tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta’ Prattika dwar l-Istatistika Ewropea. Dawn l-istandards għandhom jiġu ppubblikati fil-manwali u l-linji gwida metodoloġiċi.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-aħjar kwalità possibbli tad-data trażmessa.

4. Kull ħames snin l-Istati Membri għandhom jgħaddu żewġ rapporti lill-Kummissjoni (l-Eurostat), imħejjija skond l-istandards imsemmija fil-paragrafu 2, dwar il-kwalità tad-data trażmessa u tas-sorsi tad-data. L-ewwel rapport ikun dwar l-istatistika tas-saħħa pubblika u t-tieni wieħed dwar l-istatistika tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Kull ħames snin, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tħejji rapport dwar il-komparabbiltà tad-data mxerrda.

Artikolu 8

Miżuri implimentattivi

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2). Il-miżuri għandhom ikopru d-dominji msemmija fl-Artikolu 2:

- id-definizzjonijiet,

- is-suġġetti u l-analiżi, inklużi l-kwantitajiet varjabbli u l-klassifikazzjonijiet,

- is-sorsi kull meta jkunu rilevanti,

- il-provvista ta’ data u metadata, inklużi l-perjodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien.

Artikolu 9

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4) u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ffissat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

Dominju: Status tas-saħħa u d-determinanti tas-saħħa

(a) Għanijiet

L-għan ta’ dan id-dominju huwa l-preżentazzjoni f’waqtha ta’ l-istatistika dwar l-istatus u d-determinanti tas-saħħa.

(b) Skop

Dan id-dominju għandu jiġi kkompilat prinċipalment minn servejs tal-popolazzjoni jew moduli ta’ servejs dwar is-saħħa. Data mir-reġistri jew sorsi amministrattivi oħra tista’ tintuża wkoll meta tkun qed tingħata kopertura u informazzjoni komplementari jew għal xi suġġetti speċifiċi bħall-morbożità jew inċidenti u korrimenti. Meta jkun rilevanti, il-persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet kif ukoll tfal b’etajiet minn 0 sa 14-il sena għandhom jiġu inklużi, meta jkun xieraq, suġġetti għal xi studji-pilota ta’ suċċess.

(c) Perjodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data

L-istatistika għandha tiġi ppreżentata minn ta’ l-anqas kull ħames snin; tista’ tkun meħtieġa perjodiċità aktar spissa għal xi ġbir speċifiku ta’ data bħal dak tal-morbożità jew ta’ l-inċidenti u l-korrimenti; l-ewwel sena ta’ referenza, l-intervall u l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data għal kull wieħed mis-sorsi u mis-suġġetti għandhom jiġu speċifikati u miftiehma bħala parti mill-miżuri implimentattivi msemmija fl-Artikolu 8.

(d) Suġġetti koperti

Is-sett tad-data minima li għandu jiġi pprovdut irid ikopri l-lista ta’ suġġetti kif ġej :

- l-istatus tas-saħħa, inklużi l-perċezzjonijiet dwar is-saħħa, il-funzjonament u d-diżabilità fiżiċi u mentali, u l-morbożità,

- l-inċidenti u l-korrimenti, inklużi dawk marbuta mas-sigurtà tal-konsumatur,

- l-istil ta’ ħajja u l-fatturi ambjentali, soċjali u dawk dwar il-post tax-xogħol,

- l-aċċess u l-użu tal-faċilitajiet preventivi u ta’ kura tas-saħħa (servej tal-popolazzjoni),

- l-informazzjoni demografika u soċjoekonomika ta’ l-isfond dwar l-individwi.

Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament jiġu pprovduti waqt kull waħda mill-preżentazzjonijiet tad-data. Il-kwantitajiet varjabbli, l-analiżijiet u l-mikrodata meħtieġa għandhom jittieħdu mil-lista ta’ hawn fuq.

Jekk jintużaw servejs bħala sorsi, l-iżvilupp ta’ l-istrumenti tas-servej tas-saħħa u t-tfassil tal-karatteristiċi rrakkomandati u l-valutazzjoni tal-kwalità tal-formulazzjoni, il-kampjun u s-siwi tas-servej, u r-realizzazzjoni għandhom jitwettqu skond il-linji gwida mfassla mill-Istati Membri. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet dwar id-data miġbura u s-servejs li jkunu ġew applikati għandhom jiġu miftiehma fil-kuntest tal-miżuri implimentattivi rilevanti u msemmija fid-dettall fil-manwali u l-linji gwida.

(e) Metadata

Fil-preżentazzjoni tad-data statistika koperta minn dan id-dominju, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-metadata meħtieġa li għandha tkun miftiehma bħala parti mill-miżuri implimentattivi (inkluż dwar il-karatteristiċi tas-servej) kif ukoll l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-kompilazzjoni ta’ statistika u indikaturi komparabbli.

ANNESS II

Dominju: Kura tas-saħħa

(a) Għanijiet

L-għan ta’ dan id-dominju huwa l-preżentazzjoni f’waqtha ta’ l-istatistika dwar il-kura tas-saħħa.

(b) Skop

Dan id-dominju jkopri l-attivitajiet totali mwettqa jew minn istituzzjonijiet inkella minn individwi li jkunu qed jippruvaw, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ l-għarfien u t-teknoloġija medika, paramedika u ta’ l-infermiera, jilħqu l-għan tas-saħħa kif ukoll l-attivitajiet amministrattivi u maniġerjali relattivi.

Id-data għandha tiġi kkompilata prinċipalment minn sorsi amministrattivi.

(c) Perjodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data

L-istatistika għandha tiġi ppreżentata darba fis-sena; fl-ewwel sena ta’ referenza, l-intervall u l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data għal kull wieħed mis-sorsi u mis-suġġetti għandhom jiġu speċifikati u miftiehma bħala parti mill-miżuri implimentattivi msemmija fl-Artikolu 8.

(d) Suġġetti koperti

Is-sett tad-data minima li għandu jiġi pprovdut irid ikopri l-lista ta’ suġġetti kif ġej:

- l-istituzzjonijiet u r-riżorsi tal-kura tas-saħħa,

- l-utilizzazzjoni u s-servizzi individwali u kollettivi tal-kura tas-saħħa,

- in-nefqiet u l-finanzjament tal-kura tas-saħħa,

- u elementi oħra ta’ sostenn għall-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp ta’ kura tas-saħħa u ta’ kura għal temp ta’ żmien twil ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli.

Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament jiġu pprovduti waqt kull waħda mill-preżentazzjonijiet tad-data. Il-kwantitajiet varjabbli u l-analiżijiet meħtieġa għandhom jittieħdu mil-listi ta’ hawn fuq. Is-sett tad-data għandu jiġi stabbilit skond il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tar-Rendikont tas-Saħħa ta’ l-OECD u l-Lista Mqassra Internazzjonali għat-Tabulazzjoni tal-Morbożità fl-Isptarijiet tad-WHO. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiġu miftiehma fil-kuntest tal-miżuri implimentattivi rilevanti u msemmija fid-dettall fil-manwali u l-linji gwida.

(e) Metadata

Fil-preżentazzjoni tad-data statistika koperta minn dan id-dominju, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-metadata meħtieġa li għandha tiġi miftiehma bħala parti mill-miżuri implimentattivi (inklużi s-sorsi, id-definizzjonijiet u l-kompilazzjonijiet) kif ukoll l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-kompilazzjoni ta’ statistika u indikaturi komparabbli.

ANNESS III

Dominju: Kaġunijiet tal-mewt

a) Għanijiet

L-għan ta’ dan id-dominju huwa l-preżentazzjoni f’waqtha ta’ statistika komparabbli dwar il-kaġunijiet tal-mewt.

b) Skop

Dan id-dominju jkopri l-istatistika tal-kaġunijiet tal-mewt kif meħuda miċ-ċertifikati mediċi tal-mewt b’konsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO. L-istatistika li għandha tiġi kkompilata tirreferi għall-kaġun prinċipali li huwa ddefinit mid-WHO bħala “l-marda jew il-korriment li tkun tat bidu għas-sensiela ta’ okkorrenzi morbużi li jkunu wasslu direttament għall-mewt, jew għaċ-ċirkostanzi ta’ l-inċident jew vjolenza li pproduċew il-korriment fatali”. L-istatistika għandha tiġi kkompilata għar-residenti Ewropej u għat-trabi tagħhom li jitwieldu mejta.

c) Perjodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data

L-istatistika għandha tiġi ppreżentata darba fis-sena. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tiġi speċifikata u miftiehma bħala parti mill-miżuri implimentattivi msemmija fl-Artikolu 8. Id-data għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard mit-tieni sena wara s-sena ta’ referenza. Data provviżorja jew li tkun ġiet ikkalkulata tista’ tiġi pprovduta qabel. Fil-każ ta’ inċidenti ta’ saħħa fuq skala pubblika, jista’ bħala żieda jiġi stabbilit ġbir speċjali, jew dwar l-imwiet kollha jew dwar kaġunijiet speċifiċi ta’ l-imwiet.

d) Suġġetti koperti

Is-sett tad-data minima li għandu jiġi pprovdut irid ikopri l-lista ta’ suġġetti kif ġej:

- il-karatteristiċi tal-mejjet/mejta,

- ir-reġjun,

- il-karatteristiċi tal-mewt, inkluż il-kaġun prinċipali tal-mewt.

Il-kwantitajiet varjabbli u l-analiżijiet meħtieġa għandhom jittieħdu mil-lista ta’ hawn fuq. Id-data dwar il-kaġunijiet ta’ l-imwiet għandha tiġi stabbilita fil-qafas tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard tad-WHO u għandhom jiġu segwiti r-regoli ta’ l-Eurostat u r-rakkomandazzjonijiet tan-NU u d-WHO għall-istatistiċi tal-popolazzjoni. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiġu miftiehma fil-kuntest tal-miżuri implimentattivi rilevanti u msemmija fid-dettall fil-manwali u l-linji gwida.

e) Metadata

Fil-preżentazzjoni tad-data statistika koperta minn dan id-dominju, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-metadata meħtieġa li għandha tiġi miftiehma bħala parti mill-miżuri implimentattivi kif ukoll l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-kompilazzjoni ta’ statistika u indikaturi komparabbli.

ANNESS IV

Dominju: Inċidenti fuq ix-xogħol

a) Għanijiet

L-għan ta’ dan id-dominju huwa l-preżentazzjoni f’waqtha ta’ statistika dwar inċidenti fuq ix-xogħol.

b) Skop

Inċident fuq il-post tax-xogħol huwa ddefinit bħala “okkorrenza distinta matul ix-xogħol li twassal għal ħsara fiżika jew mentali”. Id-data għandha tinġabar, għall-forza tax-xogħol kollha kemm hi, dwar inċidenti fatali fuq ix-xogħol u inċidenti fuq ix-xogħol li jirriżultaw f’aktar minn 3 ijiem ta’ assenza minn fuq ix-xogħol, bl-użu ta’ sorsi amministrattivi kkomplementati b’sorsi addizzjonali rilevanti. Parti sekondarja limitata tas-sett tad-data bażika dwar l-inċidenti li jirriżultaw f’anqas minn 4 ijiem ta’ assenza minn fuq ix-xogħol jista’ jinġabar, meta jkunu disponibbli, fil-qafas tal-kollaborazzjoni ma’ l-ILO.

c) Perjodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data

L-istatistika għandha tiġi ppreżentata darba fis-sena. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tiġi speċifikata u miftiehma bħala parti mill-miżuri implimentattivi msemmija fl-Artikolu 8. Id-data għandha tiġi ppreżentata sa mhux aktar tard minn Ġunju tat-tieni sena wara s-sena ta’ referenza. Data provviżorja tista’ tiġi pprovduta qabel.

d) Suġġetti koperti

Is-sett ta’ mikrodata minima li għandu jiġi pprovdut irid ikopri l-lista ta’ suġġetti kif ġej:

- il-karatteristiċi tal-persuna korruta u l-korriment,

- il-karatteristiċi ta’ l-intrapriża u l-post tax-xogħol,

- il-karatteristiċi ta’ l-ambjent tax-xogħol,

- il-karatteristiċi ta’ l-inċident, inkluża s-sekwenza ta’ l-okkorrenzi li kkaratterizzaw il-kaġunijiet u ċ-ċirkostanzi ta’ l-inċident.

Il-kwantitajiet varjabbli u l-analiżijiet meħtieġa, kif ukoll l-għażliet u s-siwi tal-kampjuni marbuta magħhom, għandhom jittieħdu mil-lista ta’ hawn fuq fil-qafas tal-metodoloġija ta’ l-ESAW. Dawn għandhom jiġu miftiehma fil-kuntest tal-miżuri implimentattivi u msemmija fid-dettall fil-manwali u l-linji gwida.

e) Metadata

Fil-preżentazzjoni tad-data koperta minn dan id-dominju, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-metadata dwar il-popolazzjoni koperta mill-istatistika, u r-rati tar-rappurtaġġ ta’ inċidenti fuq ix-xogħol iddefiniti f’b), u fejn ikun rilevanti, il-karatteristiċi tal-kampjun, kif ukoll l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-kompilazzjoni ta’ statistika u indikaturi komparabbli.

ANNESS V

Dominju: Mard fuq il-post tax-xogħol u problemi ta’ saħħa u mardiet oħra marbuta max-xogħol

a) Għanijiet

L-għan ta’ dan id-dominju huwa l-preżentazzjoni f’waqtha ta’ l-istatistika dwar każijiet ta’ mard fuq il-post tax-xogħol u problemi ta’ saħħa u mardiet marbuta max-xogħol.

b) Skop

Każ ta’ mard fuq il-post tax-xogħol huwa ddefinit bħala każ magħruf mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-għarfien ta’ mard fuq il-post tax-xogħol. Għandha tinġabar id-data dwar il-mard fuq il-post tax-xogħol u l-imwiet minn inċidenti dovuti għal mard fuq il-post tax-xogħol. F’xi każ ta’ problema ta’ saħħa u marda marbuta max-xogħol ma tkunx qed issir referenza neċessarjament għall-għarfien minn xi awtorità u d-data rilevanti tista’ tinġabar prinċipalment minn servejs tal-popolazzjoni.

c) Perjodi ta’ referenza, intervalli u limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data

Għall-mard fuq il-post tax-xogħol, l-istatistika għandha tiġi ppreżentata darba fis-sena sa mhux aktar tard mill-ewwel tliet xhur tat-tieni sena wara s-sena ta’ referenza. Il-perjodi ta’ referenza, l-intervalli u l-limiti ta’ żmien għall-provvista ta’ ġbir ieħor ta’ data għandhom jiġu speċifikati u miftiehma ma’ l-Istati Membri.

d) Suġġetti koperti

Is-sett tad-data minima li għandu jiġi pprovdut irid ikopri l-lista ta’ suġġetti kif ġej :

- il-karatteristiċi tal-persuna mejta u l-marda jew il-problemi tas-saħħa marbuta magħha,

- il-karatteristiċi ta’ l-intrapriża u l-post tax-xogħol,

- il-karatteristiċi ta’ l-aġent jew fattur kawżattiv.

Mhux is-suġġetti kollha għandhom neċessarjament jiġu pprovduti waqt kull waħda mill-preżentazzjonijiet tad-data. Il-kwantitajiet varjabbli u l-analiżijiet meħtieġa għandhom jittieħdu mil-lista ta’ hawn fuq u għandhom jiġu miftiehma ma’ l-Istati Membri.

e) Metadata

Fil-preżentazzjoni tad-data statistika koperta minn dan id-dominju, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-metadata meħtieġa dwar il-popolazzjoni koperta mill-istatistika, kif ukoll l-informazzjoni dwar kull speċifiċità nazzjonali essenzjali għall-interpretazzjoni u l-kompilazzjoni ta’ statistika u indikaturi komparabbli.

([1]) ĠU C , , p. .

([2]) ĠU C , , p. .

([3]) ĠU L 181, 28.06.1989, p. 47.

([4]) ĠU C , , p. .

([5]) ĠU L 271, 09.10.2002, p. 1.

([6]) ĠU C 161, 5.7.2002, p. 1

([7]) COM(2004) 304 finali

([8]) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

([9]) COM(2004) 416 finali .

([10]) ĠU C 175, 24.7.2003, p. 1.

([11]) COM(2003) 650 finali.

([12]) ĠU L 52, 22.2.1997, p. 61. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

([13]) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

([14]) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

([15]) ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1, ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 322/97.

([16]) COM(2005) 217 finali u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u l-kontabbiltà ta’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u Komunitarji.

([17]) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

Top