Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0865

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sistemi varji tat-trobbija ta’ tiġieġ li jbid b’mod partikolari dawk koperti mid-Direttiva 1999/74/KE {SEK(2007) 1750}

    /* KUMM/2007/0865 finali */

    52007DC0865

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sistemi varji tat-trobbija ta’ tiġieġ li jbid b’mod partikolari dawk koperti mid-Direttiva 1999/74/KE {SEK(2007) 1750} /* KUMM/2008/0865 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 8.1.2008

    KUMM(2008) 865 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar is-sistemi varji tat-trobbija ta’ tiġieġ li jbid b’mod partikolari dawk koperti mid-Direttiva 1999/74/KE {SEK(2007) 1750}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar is-sistemi varji tat-trobbija ta’ tiġieġ li jbid b’mod partikolari dawk koperti mid-Direttiva 1999/74/KE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1. L-ISFOND

    Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta’ Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid[1] u tispjega d-dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għas-sistemi tal-ġageg arrikkiti u le u sistemi alternattivi (mhux b'gaġeġ).

    Id-Direttiva tistipula li t-trobbija tat-tiġieġ li jbid f’sistemi ta’ gaġeġ mhux arrikkiti se jiġi pprojbit bi dħul fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2012. Id-Direttiva tagħti mandat lill-Kummissjoni wkoll biex tressaq rapport lill-Kunsill imsejjes fuq opinjoni xjentifika dwar is-sistemi varji tat-trobbija tat-tiġieġ li jbid b’kunsiderazzjoni għall-aspetti patoloġiċi, żootekniċi, fisjoloġiċi u etoloġiċi kif ukoll għall-impatti ambjentali u tas-saħħa. Ir-rapport se jissejjes ukoll fuq studju ta’ l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tad-diversi sistemi u ta’ l-effetti tagħhom fuq is-sħab ekonomiċi tal-Komunità[2]. Id-Direttiva hi kkomplimentata mil-leġiżlazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-istabbilimenti li jżommu tiġieġ li jbid[3] u dwar it-tqegħid tat-tikketti fuq il-bajd[4] kif ukoll dwar l-aspetti tas-sigurezza ta’ l-ikel[5].

    Il-ħarsien u l-benessri ta’ l-annimali jinteressaw ħafna lill-politiki Komunitarji. Il-Protokoll dwar il-ħarsien u l-benessri ta’ l-annimali mehmuż mat-Trattat tal-KE mit-Trattat ta’ Amsterdam jiddikjara li l-Komunità, għandha tħares bis-sħiħ il-benessri ta' l-annimali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki Komunitarji dwar l-agrikultura, it-trasport, is-suq intern u r-riċerka. L-għanijiet u l-oqsma ewlenin ta' azzjoni identifikati fil-Pjan ta' Azzjoni Komunitarju dwar il-Ħarsien u l-Benessri ta' l-Annimali[6] adottat fl-2006 huma relevanti wkoll għal din il-komunikazzjoni.

    2. SISTEMI VARJI GħAT-TROBBIJA TA’ TIġIEġ LI JBID

    2.1. Aspetti patoloġiċi, żootekniċi, fiżjoloġiji u etoloġiċi

    F'Novembru 2004 b’talba mill-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA) ħarġet rapport xjentifiku u opinjoni dwar l-aspetti tal-benessri tas-sistemi varji għaż-żamma tat-tiġieġ li jbid[7] li jikkonferma li l-aspetti tas-saħħa u l-imġiba ta' l-annimali huma importanti ħafna għall-benessri ta’ l-annimali. Rigward is-saħħa ta’ l-annimali , l-opinjoni tenfasizza li l-mard li jittieħed jista’ jfeġġ fi kwalunkwe sistema ta’ akkomodazzjoni iżda li l-okkorenza tagħhom tvarja bejn is-sistemi. Filwaqt li fis-sistemi fuq barra, il-kuntatt ma’ l-annimali selvaġġi jirrappreżenta riskju għas-saħħa, fis-sistemi ta’ ġewwa fattur ta’ riskju għas-saħħa importanti hu l-kuntatt aktar frekwenti bejn l-għasafar minħabba densità ta’ stokk għoli u ambjent fejn id-densità patoġenika probabbli li tiżdied. B’mod ġenerali, jista’ jiġi konkluż li l-probabbiltà ta’ espożizzjoni għal aġenti ta’ infezzjoni u l-konsegwenzi relevanti huma influwenzati mill-fatturi ambjentali, mis-sistemi ta’ tmexxija u mill-miżuri ta’ iġjene.

    Rigward l-aspetti ewlenin li jistgħu jaffettwaw il-benessri u s-saħħa tat-tiġieġ li jbid skond kundizzjonijiet tat-tkabbir ta’ l-annimali, ix-xjentisti għamlu l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    - Tnaqqir dannuż jippreżenta problema sejra u jista’ jwassal għal ħsara fit-tessut grazo, kannibaliżmu u mortalità. Ir-riskju ta’ tnaqqir jonqos biż-żieda tal-kwalità tal-metodi tat-tkabbir ta’ l-annimali bħal f’sistemi estensivi fejn il-ħiliet tat-tkabbir u l-għarfien mill-meniġers dwar il-fatturi tar-riskju huma ogħla. L-użu ta’ tirqim sistematiku tal-munqar biex jikkontrolla t-tnaqqir dannuż hu kkritikat mix-xjentisti li jgħidu li jweġġa’.

    - Il-kannibaliżmu hu problema li ma tistax tiġi prevista li tista’ tkun diffiċli biex tikkontrolla u sikwit tirriżulta f’mortalità għolja. Dan kellu konsegwenzi grazi f’sistemi alternattivi[8], speċjalment fit-tiġieġ b’munqar mhux mimsus.

    - Ksur ta’ l-għadam hu inqas spiss fit-tiġieġ f’gaġeġ arrikkiti u sistemi alternattivi li wrew għadam sinifikament aktar b’saħħithom u inqas ksur ta’ l-għadam milli f’tiġieġ f’gaġeġ mhux arrikkiti.

    - Mard tal-pala tas-sieq jew deformazzjoni tal-karina jseħħu prinċipalment minħabba disinn mhux addattat tal-passiġġiera ta' l-għasafar.

    - Rigward ir-rati tal- mortalità f’ċerti gaġeg arrikkiti kbar jew sistemi alternattivi, l-aħħar studji jissuġġerixxu[9] li l-użu tal-gaġeġ arrikkiti kbar l-aktar żviluppati jew sistemi alternattivi jistgħu jirriżultaw f’rati ta’ moralità baxxi.

    Rigward ir-rispett tal- prijoritajiet ta’ l-imġiba ta’ l-annimali, l-opinjoni ta’ l-EFSA tikkonkludi li t-tiġieġ jippreferu jbidu l-bajd tagħhom f’post fejn hemm il-bejtiet, preferibbilment bejta magħluqa u magħmula minn sustrat iffurmat minn qabel jew li jista’ jbiddel il-forma. Għalhekk, għandhom jiġu pprovduti bejtiet xierqa, ,imqassma b’mod addattat fis-sistemi ta’ akkomodazzjoni. Ix-xorb, l-ikel, it-tfittix għall-ikel u probabbli l-ħasil fit-trab huma mġiba ta’ prijorità għolja. Barra minn hekk, il-mistrieħ u l-qgħad fuq il-passiġġiera huma aspetti importanti tal-benessri ta’ l-għasafar u l-għasafar għandhom ikunu jistgħu joqogħdu fuq il-passaġġiera fl-istess ħin. B’mod partikolari, it-tħejjija għall-irqad filgħaxija fuq passiġġiera għolja hi prijorità fl-imġiba bħalma huma movimenti meħtieġa oħra bħat-tfittxija għall-ikel u l-ħasil fit-trab. Jekk it-tiġieġ ma jistax iwettaq din l-imġiba ta’ prijorità għolja, dan jista’ jirriżulta fi frustrazzjoni sinifikanti, jew deprivazzjoni jew ħsara, li jkun ta’ dannu għas-saħħa u l-benessri tagħhom.

    Densitajiet ta’ stokk inqas kif applikati f’gaġeġ arrikkiti wrew li kienu ta’ benefiċċju f’dan ir-rispett. Madankollu, ir-repertorju ta’ l-imġiba għadu ristrett f’gaġeġ arrikkiti meta mqabbel ma’ tiġieġ miżmuma f’sistemi alternattivi.

    2.2. Saħħa pubblika u aspetti għall-ħarsien ta’ l-ambjent

    L-opinjoni u r-rapport ta’ l-EFSA kien fihom kapitolu speċifiku dwar il-konsegwenzi tas-sistemi ta’ akkomodazzjoni differenti dwar is-sikurezza ta’ l-ikel (perikli mikrobijoloġiċi u kimiċi).

    Riċerka sa llum ma tippermettix għall-konklużjoni li waħda mis-sistemi tat-trobbija ta’ l-annimali eżistenti għandhom jitneħħew minħabba riskji għas-saħħa pubblika.

    Rigward l-impatt tat-trobbija tat-tiġieġ fuq il-ħarsien ta’ l-ambjent, studju, imwettaq għall-Kummissjoni, ikkonkluda fl-2005 li l-espansjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni tal-bajd intensivi kollha kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq il-kwalità ta’ l-ilma, l-arja u l-pajsaġġ[10]. Madankollu, qiegħed isir aktar evidenti li fil-ġejjieni kwalunkwe aspett relatat mas-sostenibbiltà se jitqies f’aktar żvilupp tas-sistemi tat-trobbija għat-tiġieġ li jbid[11].

    2.3. Proġetti tar-Riċerka Relevanti Ffinanzjati mill-Komunità

    Il-Komunità kofinanzjat proġett għar-riċerka “Implikazzjoni tal-bidliet fis-sistemi tal-produzzjoni għat-tiġieġ li jbid fuq il-benessri” (LayWel[12]) immirat li jtejjeb is-sistemi tat-trobbija tat-tiġieġ li jbid u b'mod partikolari s-sistemi tal-gaġeġ arrikkiti. Il-proġett, konkluż fl-2006, jikkonferma li l-gaġeġ mhux arrikkiti jippreżentaw problemi inerenti għall-benessri ta' l-annimali Għajr għall-gaġeġ mhux arrikkiti, instab li s-sistemi alternattivi kellhom il-potenzjali li jipprovdu l-benessri sodisfaċenti għat-tiġieġ li jbid għalhekk għad tinħtieġ aktar riċerka. Ir-rati tal-moralità jvarjaw b’mod remarkabbli bejn id-daqsijiet differenti tal-grupp, id-disinni tas-sistemi, il-ġenotipi u għasafar bil-munqar mimsus jew le. L-istudju jenfasizza li l-mortalità tista’ tkun baxxa f’gaġeġ arrikkiti kbar.

    Il-proġett “EGGDEFENCE[13]”, issuġġerixxa li s-sistema ta’ akkomodazzjoni, li hi biss waħda mill-mezzi ta’ kontaminazzjoni possibbli, ma affettwatx il-penetrazzjoni tal-bajd bis-Salmonella. Għalhekk ġew stabbiliti proġetti ta’ riċerka oħrajn li għaddejjin dwar kwistjonijiet relatati. Il-proġett SAFEHOUSE[14] se janalizza l-epidemoloġija tal-kontaminazzjoni tal-bajd u l-kolonizzazzjoni tat-tiġieġ li jbid bis-Salmonella u patoġeni żoonotiċi oħrajn b’relazzjoni ma’ l-ambjent ta’ l-akkomodazzjoni, u jwettaq l-istudju ta’ valutazzjoni tar-riskju, li jippermetti li jiġu deskritti u klassifikati r-riskji għall-konsumaturi tal-bajd. Sadattant proġett komplimentari, RESCAPE[15], se jimplimenta strateġija multidixxiplinarja fuq livell tat-tiġieġ (trobbija) u l-bajd (mekkaniżmu tad-difiża tal-bajd, dekontaminazzjoni u tqassim tal-bajd) biex jitnaqqas ir-riskju ta’ bajd mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem li jidħlu l-katina ta’ l-ikel.

    Fl-aħħar, il-proġett tal-Kwalità tal-Benessri finanzjat mill-Komunità[16] jesplora l-integrazzjoni tal-benessri ta’ l-annimal fil-katina tal-kwalità ta’ l-ikel. L-iżvilupp ta’ l-indikaturi tal-benessri ta’ l-annimali u l-użu tagħhom għall-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-benessri se jipprovdu għodda li jwieġbu għat-talba tal-konsumaturi għal tagħrif affidabbli u trasparenti rigward l-istandards tal-benessri ta' l-annimal applikati. Jimmira li jtejjeb il-kompetittività għall-prodotti favorevoli għal-benessri ta' l-annimali.

    2.4. Implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi u l-effetti fuq l-imsieħba ekonomiċi Komunitarji

    Il-Kummissjoni ffinanzjat sutdju indipendenti dwar l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tas-sistemi varji taż-żamma tat-tiġieġ li jbid[17] (Studju ta’ Agra CEAS) L-istudju janalizza l-iżvilupp ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kompetittività tal-produtturi ta’ l-UE b’rigward għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-benessri ta’ l-annimali, kif ukoll jagħmel simulazzjoni tal-qagħda ta’ l-UE wara l-projbizzjoni dwar il-gaġeġ mhux arrikkiti kif wkoll ix-xenarji varji tal-bidliet potenzjali tal-ġejjieni li jaffettwaw is-suq tal-bajd Ewropew. Ġiet meqjusa wkoll data supplimentari dwar il-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tad-Direttiva 1999/74/KE (ara l-anness).

    Għandu jiġi nnutat li sa llum hemm biss data limitata disponibbli rigward il-gaġeġ arrikkiti. Skond studju ta’ Agra CEAS, l-ispejjeż ta’ produzzjoni varjabbli kif ukoll dawk fissi fl-UE jiżdiedu flimkien ma’ standards għall-benessri ta’ l-annimali ogħla. Fi studju finanzjat mill-industrija, ġie ddikjarat li ż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni jista' jammonta għal madwar 10 % meta mqabbel mal-gaġeġ mhux arrikkiti[18].

    Madankollu, l-ispejjeż żjeda għall-produzzjoni ta’ bajd ta’ tiġieġ ġo matmura minflok bajd ta’ tiġieġ ġo sistema ta’ gaġġa mhux arrikkita huma meqjusa għal 1.3 ċenteżmi u l-ispejjeż żejda ta’ produzzjoni ta’ bajd ta’ tiġieġ imrobbija barra minflok bajd ta’ tiġieġ imrobbija f’sistema ta’ gaġġa mhux arrikkita għal 2.6 ċenteżmi[19]. Billi bajda medja minn gaġġa mhux arrikkita bħalissa tqum madwar 9 ċenteżmi, il-bidla minn gaġeġ mhux arrikkiti għal dawk arrikkiti tista’ żżid l-ispejjeż ta’ kull bajda b’inqas minn ċenteżmu.

    Skond l-istudju ta’ Agra CEAS, il- marġni gross tal-produttur għal kull kilogramma bajd tiżdied f’armonizzazzjoni mill-gaġġa mhux arrikkita għall-mutmara u s-sistemi fejn it-tiġieġ jitkabbar barra. B’sistemi fejn it-tiġieġ jitrabba barra, il-marġni gross tal-produttur huma darbtejn ogħla meta mqabbel mas-sistemi tal-gaġeġ mhux arrikkiti. F’sistemi organiċi, il-marġnijiet gross mhumiex daqshekk għoljin daqs fis-sistemi fejn it-tiġieġ jitrabbew barra. Bl-analiżi tal-marġnijiet gross, kien evidenti li għalkemm il-marġnijiet qegħdin jiżdiedu flimkien ma’ standards għall-benessri ta’ l-annimali ogħla, il-produzzjoni globali għal kull razzett tista’ tonqos.

    Illum, ċerti żvantaġġi għall-produtturi ta’ l-UE huma mħaffa minn fatturi bħat-tariffi u spejjeż tat-trasport[20]. L-importanza tad-distanza tal-produttur ta’ l-UE għas-suq hi relevanti għas-suq tal-bajd fil-qoxra. Minħabba skadenza limitata għall-bajd fil-qoxra, importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jikkonċernaw b’mod partikolari bajd proċessat (imnixxef jew likwidi) li għalihom ġiet rikonoxxuta lakuna kompetittiva.

    2.5. L-attitudni tal-konsumatur rigward il-benessri tat-tiġieġ li jbid

    Fl-2005 u fl-2006, żewġ stħarriġiet ta’ l-EWROBAROMETRU dwar l-attitudnijiet tal-konsumatur għall-benessri ta’ l-annimali twettqu fl-UE[21]. Juru li l-benessri ta’ l-annimal hu kwistjoni li ċ-ċittadini jikklassifikaw bħala importanti u jtuh 8 minn 10 bħala medja f’termini ta’ importanza. B’mod partikolari t-tjur (tiġieġ li jbid u brojlers) hu qasam prijoritarju ta’ azzjoni għall-benessri ta’ l-annimali skond iċ-ċittadini. Rigward il-benessri tat-tiġieġ li jbid, 44 % tal-konsumaturi wieġbu li l-benessri tagħhom għandu jitjieb l-aktar, meta mqabbel ma’ 42 % għall-brojlers u 28 % għall-ħnieżer. Il-benessri tat-tiġieġ li jbid ġie meqjus bħala ħażin minn 58 % ta' dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ. Id- data turi li l-konsumaturi ta’ l-UE jassumu l-aktar li għandhom is-setgħa li jinfluwenza l-istandards tal-benessri ta’ l-annimali permezz ta’ xiri selettiv. Madankollu, il-konsumaturi ma jidhrux li huma kompletament kuntenti bl-iskemi tat-tqegħid tat-tikketti eżistenti, kif ukoll b’dik għall-bajd.

    Il-mudell tax-xiri attwali ma’ l-UE kollha juri wkoll li l-konsumaturi huma konxji mis-sistemi differenti tat-trobbija tat-tiġieġ li jbid u jagħtu kas għas-sistema ta’ produzzjoni indikata fit-tikketta. 16 % ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ indikaw li huma jixtru l-aktar bajd li ġej minn tiġieġ miżmuma fil-produzzjoni tal-gaġeġ; 10 % jixtru bajd minn sistemi alternattivi ġewwa u 38 % bajd minn sistemi fejn it-tiġieġ jitrabba barra. 18 % jammettu li ma jagħtux kas għas-sistema ta’ trobbija u 8 % tal-konsumaturi wieġbu li huma ma jixtrux bajd.

    Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini fl-UE (57 %) iddikjaraw li huma lesti jħallsu aktar għall-bajd li ġej minn sistemi ta’ produzzjoni favur il-benessri ta’ l-annimali. B’mod aktar partikolari, 25 % ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ indikaw li huma lesti jħallsu 5 % iżjed, 21 % biex iħallsu 10 % iżjed, 7 % biex iħallsu 25 % iżjed u 4 % huma anki lesti jħallsu aktar minn 25 % iżjed.

    Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ ta’ l-EWROBAROMETRU huma appoġġjati minn data dwar l-iżvilupp ta’ sistemi alternattivi. Skond l-istudju ta’ Agra CEAS, il-parti tal-qatgħa tiġieġ li jbid ta' l-UE f’sistemi mingħajr gaġeġ żdied bejn l-1993 u l-2003 minn 3.56 % għal 11.93 %.Analiżi oħrajn dwar l-interessi tal-konsumatur hi għaddejja fil-qafas tal-proġett tal-Kwalità tal-Benessri[22].

    2.6. Reġistrazzjoni ta’ l-istabbilimenti u t-tikkettjar tal-bajd

    Kif stipulat fid-Direttiva 1999/74/KE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/4/KE tobbliga lill-Istati Membri biex jirreġistraw l-istabbilimenti kollha li jipproduċu l-bajd u li jallokawlhom kodiċi li jindika l-metodu tat-trobbija, l-Istat Membru u n-numru ta’ reġistrazzjoni. Skond l-istandards għat-tqegħid fis-suq għal bajd[23], il-bajd tal-klassi A se jiġu ttimbrati b’dan il-kodiċi. Barra minn hekk, is-sistema tat-trobbija se tiġi indikata fuq il-pakkett b’tipa li tidher u tinqara b’mod ċar u f’termini definiti. Is-sistemi ta’ trobbija huma speċifikati minn referenza għad-Direttiva 1999/74/KE b'rekwiżiti supplimentari għall-bajd minn sistemi fejn it-tiġieġ jitrabbew barra.

    Ġeneralment, bajd tal-klassi A importati minn pajjiżi terzi se jiġi ttimbrati bil-kodiċi ISO tal-pajjiż ta’ oriġini wara “mingħajr standards tal-KE” jekk l-ebda valutazzjoni mill-Kummissjoni ma ddikjarat ekwivalenza ma’ l-istandards tal-KE.

    Is-sistema tat-tqegħid tat-tikketti fuq il-bajd attwali ma tipprevedix differenzzazzjoni obbligatorja bejn il-bajd li ġej minn gaġeġ arrikkiti jew mhux arrikkiti. Indikazzjoni volontarja ta’ jekk il-bajda ġietx prodotta f'gaġġa arrikkita hi permessa.

    Barra minn hekk, organizzazzjonijiet tal-bdiewa, organizzazzjonijiet għall-benessri ta’ l-annimali u min ibiegħ żviluppaw f’bosta Stati Membri numru dejjem akbar ta’ skemi għat-tqegħid tat-tikketti li jindikaw li huma favur il-benessri. Il-viżibbiltà u l-effett tas-suq qegħdin jiġu studjati[24].

    2.7. Relevanza tal-Politikà Agrikola Komuni (PAK) għat-trobbija tat-tiġieġ

    B’rigward għall-benefiċċji potenzjali għall-annimali, huma previsti miżuri skond il-politiki ta’ l-iżvilupp rurali[25]. Appoġġ għall-investimenti fl-istabbilimenti agrikoli jew l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli jistgħu jingħataw mill-Istati Membri biex itejbu l-benessri ta’ l-annimali, kofinanzjati mill-Komunità.

    2.8. Implimentazzjoni u infurzar tad-Direttiva 1999/74/KE

    Bosta Stati Membri ttrasponew kif suppost id-Direttiva 1999/74/KE. Iżda s’issa f’bosta Stati Membri, il-produtturi għamlu ftit li xejn progress fl-introduzzjoni ta’ gaġeġ arrikkiti jew il-bidla lejn sistemi alternattivi. Madankollu, il-Kummissjoni hi mgħarrfa li n-negozjanti l-kbar f’bosta Stati Membri qegħdin jiżviluppaw strateġija għat-tqegħid fis-suq għal bajd prodott f’sistemi alternattivi.

    Fl-2005, il-FVO ppubblika rapport dwar sensiela ta' missjonijiet rigward l-irziezet tat-tiġieġ li jbidu, imwettaq fl-2004. Dawn il-missjonijiet ipprovdew l-evidenza li f’ċerti Stati Membri kien għad hemm diffikultajiet bl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Kull Stat Membru kkonċernat sussegwentement ipprovda lill-Kummissjoni pjan ta’ azzjoni ta’ kif kien beħsiebhom jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fil-ġejjieni. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni jkomplu jieħdu azzjoni ta’ segwitu f’oqsma ta’ nuqqas ta’ konformità li jkomplu jiġu indirizzati b’mod mhux sodisfaċenti.

    3. KONKLUżJONIJIET

    Il-benessri ta’ l-annimali hu valur importanti għaċ-ċittadini ta’ l-UE li jidhru partikolarment imħassba rigward il-benessri tat-tjur ġo l-irziezet u b’mod partikolari tat-tiġieġ li jbid. Permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE, l-Istati Membri qablu fuq miżuri varji li jistabbilixxu l-istandards minimi għall-ħarsien tat-tiġieġ li jbid, b’implimentazzjoni progressiva ta’ ċerti dispożizzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien li jġebbed sa l-2012 b’kunsiderazzjoni għall-impatt ekonomiku tal-miżura.

    L-istudji wrew li l-problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jseħħu f’sistemi alternattivi jistgħu prinċipalment jixxejnu jew saħansitra jiġu solvuti bi tmexxija xierqa jew disinn adatt. Gaġeġ arrikkiti jtejbu l-benessri ta’ l-annimali meta mqabbel ma’ sistemi ta’ gaġeġ mhux arrikkiti u iżjed titjib jidher possibbli fil-ġejjieni. Min-naħa l-oħra, il- gaġeġ mhux arrikkiti joħolqu bosta problemi għall-benessri ta’ l-annimali li huma inerenti għas-sistemi. Studji xjentifiċi kkonkludew li l-iżvantaġġi ta’ gaġeġ mhux arrikkiti huma akbar mill-vantaġġi possibbli ta’ parassitiżmu mnaqqas, iġjene tajba u tmexxija eħfef. Tinħtieġ aktar riċerka li se tissokta tinħtieġ titwettaq biex tivvaluta l-estent sa liema s-sistemi tat-trobbija għat-tiġieġ li jbid inter alia tipprovdi l-aħjar standards għall-benessri u s-saħħa ta' l-annimali kif ukoll għas-sigurezza ta' l-ikel.

    Spezzjonijiet urew li bosta Stati Membri għandhom problemi bl-implimentazzjoni tajba tad-Direttiva 1999/74/KE. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-iżvilupp billi Twettaq aktar missjonijiet ta’ FVO u taġixxi billi tiżgura segwitu xieraq tal-missjonijiet tal-FVO.

    L-istima dwar it-tendenzi tal-konsum fil-15-il Stat Membru ta’ l-UE sinifikanti tirrapporta żieda regolari tal-konsum tal-bajd għall-konsum minn sistemi mingħajr gaġeġ[26].

    Tagħrif ċar lill-konsumaturi hu s-soluzzjoni li tippermetti lill-produtturi li jqiegħdu fis-suq bajd minn sistemi ta’ trobbija favur il-benessri ta’ l-annimali. F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnutat li l-bajd proċessat, għall-kontra tal-bajd għall-konsum, mhumiex suġġetti għal ħtieġa leġiżlattiva għat-tqegħid tat-tikketti marbuta mal-benessri.

    Diġà llum ċerti negozjanti u operaturi tas-servizz ta’ l-ikel qegħdin jikkummerċjalizzaw prinċipalment bajd li ġej minn tiġieġ li ma ġewx imrobbija fil-gaġeġ. Bħalissa għaddejja riċerka biex jiġi analizzat b’liema mod in-negozjanti jistgħu jibbenefikaw mit-tipi varji ta’ skemi għall-benessri ta’ l-annimali[27]. Kwalunkwe posponiment tal-projbizzjoni fuq il-gaġeġ mhux arrikkiti jgħawweġ il-kompetizzjoni u jippenalizza dawk il-produtturi li llum diġà investew f’sistemi tal-gaġeġ arrikkiti jew alternattivi li jippreżentaw l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku.

    4. AZZJONIIET RAKKOMANDATI

    4.1. L-għoti ta’ opportunitajiet ġodda għall-kompetittività

    Standards għoljin għall-benessri ta’ l-annimali applikati fl-UE, kif ukoll għat-tiġieġ li jbid, għandhom jiġu promossi bħala vantaġġ kummerċjali u kompetittiv fuq livell Ewropew bl-użu ta’ mekkaniżmi bħal dawk diġà previsti u diskussi fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-ħarsien u l-benessri ta’ l-annimali bħal:

    - Tagħrif mogħti kemm lis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, biex jagħti prijorità għas-sostenn ta' l-investimenti xjentifiki, tagħrifu edukazzjoni f'dan il-qasam;

    - Promozzjoni tal-kampanji għat-tagħrif dwar is-sistemi tat-trobbija fil-qafas mogħti mill-istandards tat-tqegħid fis-suq għall-bajd;

    - Ġaranzija ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tal-katina tal-provvista (per eżempju produtturi, dawk li jipproċessaw, negozjanti, fornituri, konsumaturi, gvernijiet, NGO);

    - Eżaminar tal-possibbiltà għall-ħolqien ta’ qafas ta’ l-UE ġenerali biex jippermetti t-tqegħid tat-tikketti għall-benessri ta’ l-annimali fuq il-bażi ta’ indikaturi tal-benessri u skemi ta’ ċertifikazzjoni validi fuq livell Ewropew. Studju perspettiv bħal dan għandu jsir flimkien mal-prinċipji ġenerali ta’ “Regolamentazzjoni Aħjar”, b’mod partikolari l-valutazzjoni sħiħa ta’ l-impatt ekonomiku.

    Il-Komunikazzjoni lill-konsumaturi dwar l-istandards għoljin għall-benessri ta’ l-annimali applikati fis-settur tat-tiġieġ li jbid għandha tinkludi tagħrif oġġettiv dwar:

    - il-metodi ta’ produzzjoni applikati,

    - il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ standards ogħla għall-benessri ta’ l-annimali jista’ jikkawża spejjeż żejda għall-produtturi u

    - l-impatt ta’ l-istandards imtejba għall-benessri ta’ l-annimali fuq il-prezzijiet tal-bajd.

    Il-konsumaturi għandhom ikunu żgurati li jixtru bajd prodott f'konformità mal-valuri Ewropej. It-titjib tal-benessri ta’ l-annimali fis-sistemi tat-trobbija ta’ l-annimali hu element li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, prinċipju li jirrifletti dawk il-valuri[28].

    Il-bdiewa jistgħu jiġu ppremjati talli pproduċew prodotti ta’ kwalità għolja li jistgħu jiġu distinti minn oħrajn u b’hekk jibbenefikaw minn premium fil-prezz.

    4.2. Bidla fis-sistemi l-ġodda tat-trobbija ta’ l-annimali u l-KAP

    Fuq l-istudji xjentifiċi, mhux irrakkomandat li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 1999/74/KE.

    Il-bidla għal sistemi tat-trobbija ta’ l-annimali ġodda għandha tiġi sostnuta aktar kemm min-naħa ekonomika kif ukoll minn dik teknika. L-isforzi ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għandhom jiffokaw biex jipprovdu appoġġ tekniku għall-bdiewa u biex iħeġġuhom ikollhom sistemi tat-trobbija ta’ l-annimali ġodda skond il-valuri Ewropew fuq liema jistgħu jikkapitalizzaw. L-opportunità ta’ taħriġ kif previst skond ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandha titqies.

    Ir-relevanza tal-PAK u b’mod partikolari l-politiki ta’ l-iżvilupp rurali għas-settur tat-tiġieġ li jbid għandha tiġi analizzata u tkun aktar viżibbli, kif ukoll l-appoġġ għall-investimenti fi stabbilimenti agrikoli jew l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli li jimmiraw li jtejbu l-benessri ta’ l-annimali. Skond il-PAK, hu possibbli li jiġu ffinanzjarji l-kampanji tal-komunikazzjoni li jimmiraw li jsawru mill-ġdid il-fiduċja fil-prodotti agrikoli kif ukoll il-bajd. Dan jista’ jinkludi s-sostenn ta’ l-inizjattivi biex jikkomunikaw aħjar fuq il-benessri ta’ l-annimali liċ-ċittadini.

    4.3. Ir-Riċerka

    Fis-Seba’ Programm ta’ Qafas tar-Riċerka, ġie propost suġġett dwar it-“Titjib tas-saħħa ta’ l-annimali, tal-kwalità tal-prodott u r-rendiment tas-sistemi ta’ trobbija orġaniċi u bi dħul żgħir permezz ta’ integrazzjoni tat-tgħammir u tekniċi ta’ tmexxija innovattivi[29]. Id-deskrizzjoni tas-suġġett tinkludi sistemi ta’ produzzjoni tat-tjur. Barra minn hekk, tressqu suġġetti oħrajn dwar l-użu ta’ l-għodda ġenomiċi u ġenetika fil-produzzjoni ta’ l-annimali ħajjin.

    Għandha tiġi promossa u mogħtija prijorità lil aktar riċerka biex jinstabu l-aħjar sistemi għat-trobbija tat-tiġieġ li jbid u jixxejnu l-problemi tas-saħħa u tal-benessri marbuta ma’ l-għażla ġenetika. Għandha tiġi promossa aktar riċerka dwar jekk is-sistemi mingħajr gaġeġ iħallux qligħ.

    L-indikaturi tal-benessri ta’ l-annimali u s-sistemi ta’ monitoraġġ fuq ir-razzett affidabbli la darba jingħataw fil-qafas tal-Proġett tal-kwalità tal-Benessri għandhom jinżammu aġġornati u jiġu vvalutati aktar. Ir-riċerka fl-opportunitajiet tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti favur il-benessri, imwettqa fil-qafas ta’ dan il-proġett, għandha tiġi segwita wkoll.

    Ir-rwol tal-benessri ta’ l-annimali fl-istrateġija ta’ sostenibbiltà għandu jiġi vvalutat aktar.

    [1] ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53.

    [2] L-istudji u l-karti ta’ pożizzjoni kollha għall-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huma mniżżla fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Nru SEC(2007) 1750. Id-dokumenti kollha msemmija f’dak id-dokument huma kkwotati fil-lingwa oriġinali tagħhom.

    [3] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/4/KE dwar ir-reġistrazzjoni tan-negozji stabbiliti tat-trobbija tat-tiġieġ li jbidu, koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (ĠU L 30, 31.1.2002, p. 44).

    [4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1028/2006 dwar standards għall-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd (ĠU L 186, 7.7.2006, p. 1) u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 557/2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1028/2006 dwar standards għall-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd (ĠU L 132, 24.5.2007, p. 5).

    [5] Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1) u r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

    [6] COM(2006) 13 finali.

    [7] Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar is-Saħħa u l-Benessri ta’ l-Annimali fuq talba mill-Kummissjoni relatata ma’ l-aspetti tal-benessri tas-sistemi varji taż-żamma tat-tiġieġ li jbid.

    [8] Sistemi mingħajr gaġeġ kif imsemmija fil-Kapitolu I tad-Direttiva 1999/74/KE.

    [9] LayWel, modulu 3, p. 58 u ta’ wara.

    [10] http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/pig_poultry_egg/eggsum_en.pdf.

    [11] Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE Mġedda, http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/06/st10/st10117.en06.pdf.

    [12] http://www.laywel.eu/

    [13] http://ec.europa.eu/research/agriculture/projects/qlrt_2000_01606_en.htm

    [14] http://www.safehouse-project.eu/index.php?rub=Egg_contaminating_zoonotic_pathogens. Il-proġett ta’ tliet snin beda fl-1 ta’ Ottubru 2006.

    [15] http://www.rescape-project.eu. Il-proġett ta’ tliet snin beda fl-1 ta’ Ottubru 2006.

    [16] http://www.welfarequality.net.

    [17] “Studju dwar l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tas-sistemi varji għaż-żamma tat-tiġieġ li jbid”, Rapport Finali għall-Kummissjoni Ewropea mressaq minn Agra CEAS Consulting Ltd, verżjoni aġġornata 2005.

    [18] “Impatt tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-UE 99/74 “benessri tat-tiġieġ li jbid" dwar il-kompetittività ta' l-industrija tal-bajd ta' l-UE", p. 21.

    [19] Ħniena fit-Trobbija ta’ l-Annimali fid-Dinja fuq il-bażi ta’ l-istudju soċjo-ekonomiku tal-Kummissjoni, cp. "Alternattivi għall-batterija ta’ gaġġa vojta għall-akkomodazzjoni ta’ tiġieġ li jbid fl-Unjoni Ewropea" p. 27.

    [20] CP. “Impatt tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-UE 99/74 “benessri tat-tiġieġ li jbid" dwar il-kompetittività ta' l-industrija tal-bajd ta' l-UE".

    [21] “Attitudnijiet tal-konsumaturi lejn il-benessri ta’ l-annimali ta’ l-irziezet” u “Attitudnijiet taċ-ċittadini ta’ l-UE lejn il-Benessri ta’ l-Annimali, cp, Anness “Studji”.

    [22] http://www.welfarequality.net.

    [23] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1028/2006 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 557/2007.

    [24] CP. Pereżempju r-Rapporti tal-Kwalità tal-Benessri Nru. 3.

    [25] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

    [26] “Tendenzi fl-għadd ta' tiġieġ li jbid u l-produzzjoni u l-konsum tal-bajd minn sistemi ta' produzzjoni bil-gaġeġ u mingħajr gaġeġ" Agra CEAS, p. 18.

    [27] “Negozjanti li jittrattaw l-iskemi tal-benessri”, p. 48.

    [28] Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE Mġedda, http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/06/st10/st10117.en06.pdf. Cp. Ukoll “Nota ta’ Prassi Tajba għall-Benessri ta’ l-Annimali f’Operazzjonijiet ta’ Annimali Ħajjin”, Korporazzjoni tal-Finanzi Internazzjonali, http://www.ifc.org/ifcext/enviro.nsf/AttachmentsByTitle/p_AnimalWelfare_GPN/$FILE/AnimalWelfare_GPN.pdf.

    [29] Tema 2, Ċempel 2A FP7-KBBE-2007-1-3-07, 2007/C133/07 tal-15 ta’ Ġunju 2007.

    Top