EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0823

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni

/* KUMM/2007/0823 finali */

52007DC0823

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni /* KUMM/2007/0823 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 19.12.2007

KUMM(2007) 823finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni

Daħla

L-isfruttament estensiv tal-balieni u d-degradazzjoni ambjentali naqqsu bil-bosta l-popolazzjonijiet ta' ħafna balieni. Il-ħidma internazzjonali għall-ħarsien u l-ġestjoni ta’ l-istokkijiet tal-balieni mwettqa mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-kaċċa għall-Balieni ( International Whaling Commission, IWC) – qed tiddgħajjef minħabba ta’ diskussjonijiet li ma jispiċċaw qatt bejn dawk l-Istati li huma favur il-kaċċa għall-balieni u dawk li huma kontra. L-Unjoni Ewropea s’issa ma rnexxilhiex tuża l-piż politiku tagħha fil-kuntest ta’ l-IWC l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ pożizzjoni Komunitarja koordinata u miftiehma.

B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni, meta tqis is-sitwazzjoni attwali rigward il-protezzjoni tal-balieni fl-UE u internazzjonalment, trid tenfasizza l-ħtieġa li l-UE tieħu rwol ewlieni u ta’ għaqda fil-politika internazzjonali dwar il-kaċċa għall-balieni. L-UE għandha timxi bl-għan li tiżgura li jitwaqqaf qafas regolatorju internazzjonali għall-protezzjoni tal-balieni effettiv u infurzat kif suppost.

IL-KUMMISSJONI INTERNAZZJONALI DWAR IL-KAċċA GħALL-BALIENI

Sfond

1. Il-balieni kif ukoll id-dniefel u l-foċeni jagħmlu parti mill-ordni Cetacea . Hemm 13-il speċi ta’ ‘balieni kbar’ bħall-balieni koħol ( Balaenoptera musculus ), “il-balieni fin" ( Balaenoptera physalus ), il-balieni tal-ħotba ( Megaptera novaeangliae ), “il-balieni bowhead” ( Balaena mysticetus ) , il-kaxalotti ( Physeter macrocephalus ) u “l-balieni minke” ( Balaenoptera acutorostrata u Balaenoptera bonaerensis ) eċċ. u 68 speċi oħra ta’ balieni u dniefel iżgħar. L-ispeċijiet tal-balieni, b’mod partikolari l-balieni l-kbar, ilhom ikkaċċjati mill-Medju Evu fl-Ewropa, fl-oċeani tat-tramuntana u sussegwentement fl-Ameriki u f’reġjuni oħra fid-dinja inkluż ir-reġjun Antartiku. Filwaqt li l-laħam tal-balieni kien jintuża għall-ikel f’bosta żoni tad-dinja, prodotti oħra mill-balieni aktar importanti kienu l-għadam tal-balieni u b’mod partikolari ż-żejt u l-grass li kienu jintużaw bħala fjuwil u biex jillubrikaw il-magni. Il-qbid tal-balieni laħaq l-ogħla limitu fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet tas-seklu 20, bi qbid annwali ta’ għexieren ta’ eluf ta’ balieni. Minħabba dan l-isfruttament estensiv tal-balieni ħafna popolazzjonijiet naqsu bil-bosta san-nofs ta’ l-aħħar seklu. Minbarra dan, id-degradazzjoni ambjentali, inklużi t-tibdil fil-klima, u l-qbid inċidentali fis-sajd jikkawżaw aktar theddid għall-balieni.

2. Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-kaċċa għall-Balieni (IWC) hija l-organizzazzjoni internazzjonali għall-ħarsien u l-ġestjoni ta’ l-istokkijiet tal-balieni. Din twaqqfet mill-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolament tal-Kaċċa għall-Balieni (‘il-Konvenzjoni'), li ġiet iffirmata f’Washington D.C., fit-2 ta’ Diċembru 1946. Peress li f’dak iż-żmien l-industrija tal-kaċċa għall-balieni kienet qed tiżdied u tiżviluppa, l-għan tal-Konvenzjoni kien '' li jaħseb għall-ħarsien xieraq ta' l-istokkijiet tal-balieni u b’hekk jippermetti żvilupp ordnat ta' l-industrija tal-kaċċa għall-balieni ''.

3. L-isħubija ma’ l-IWC hija miftuħa biss għall-gvernijiet li jaderixxu mal-Konvenzjoni. F’dawn l-aħħar snin in-numru ta’ Partijiet ma’ din il-Konvenzjoni malajr żdied għal 77, li 20[1] minnhom huma Stati Membri ta’ l-UE. Il-Kummissjoni Ewropea kontinwament inkoraġġiet lil dawk l-Istati Membri li għadhom mhumiex Partijiet sabiex jissieħbu mal-Konvenzjoni.

4. Il-Komunità Ewropea għandha status ta’ osservatriċi. Il-Kummissjoni adottat proposta fl-1992 sabiex tinnegozja l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni[2]. Madankollu, il-Kunsill għadu ma ħa l-ebda azzjoni wara din il-proposta.

5. L-IWC għandha tibqa’ teżamina u tirrevedi kif meħtieġ il-mizuri stipulati fl-Iskeda għall-Konvenzjoni li jirregolaw l-imġiba fir-rigward tal-kaċċa għall-balieni f’kull parti tad-dinja. Filwaqt li l-iskeda hija annessa għall-Konvenzjoni, hija definita bħala parti integrali minnha u għalhekk torbot lill-Partijiet. Fil-prattika, filwaqt li l-Konvenzjoni tistipula l-qafas regolatorju ġenerali, hija l-Iskeda li tipprovdi regolamenti dettaljati dwar il-kaċċa għall-balieni rigward il-ħarsien u l-użu ta’ riżorsi mill-balieni. Il-miżuri ta' l-Iskeda jistipulaw, fost affarijiet oħra, il-protezzjoni sħiħa ta' ċerti speċijiet ta' balieni, jikklassifikaw żoni speċifiċi bħala santwarji għall-balieni, jiffissaw il-limiti fuq in-numri u d-daqs ta’ balieni li jistgħu jinqabdu, jispeċifikaw l-istaġuni tal-kaċċa, jikkoordinaw ir-riċerka xjentifika (inklużi l-kwistjonijiet ambjentali) u l-ġbir tad-dejta. L-emendi għall-Iskeda jeħtieġu maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet u jidħlu fis-seħħ fi żmien 90 jum għall-Partijiet kollha li ma oġġezzjonawx għalihom. Fuq din il-bażi, l-Iskeda ġiet emendata fil-laqgħa ta' l-IWC ta' l-1982 biż-żieda ta' paragrafu ġdid għall-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni.

6. L-IWC tiltaqa’ darba fis-sena. Il-laqgħat ta’ l-2006 u l-2007 saru f’St. Kitts u Nevis u Anchorage, fl-Alaska, rispettivament.

7. Wara talba li saret waqt il-Konferenza tan-NU għall-Ambjent tal-Bniedem fi Stokkolma, l-IWC adottat moratorju dwar il-kaċċa kummerċjali għall-balieni fl-1982, li ilha fis-seħħ mill-1985. Bl-adozzjoni ta’ din il-miżura l-IWC kkunsidrat l-inċertezzi fl-informazzjoni xjentifika dwar l-istokkijiet tal-balieni u d-diffikultà biex tinkiseb id-dejta neċessarja[3].

8. Waħda mill-kwistjonijiet l-aktar enfasizzati fil-laqgħat ta’ l-IWC f’dawn l-aħħar snin kienet jekk l-istokkijiet tal-balieni reġgħux żdiedu biżżejjed biex jitneħħa l-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni b’mod kontrollat.

9. Il-ħtieġa li jiġu żviluppati għanijiet u proċeduri ta' ġestjoni ġodda kienet identifikata fil-bidunett tad-diskussjonijiet ta’ l-IWC dwar il-ġestjoni futura tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni, wara d-dħul fis-seħħ tal-moratorju. Għaldaqstant, beda x-xogħol sabiex tiġi żviluppata Proċedura Riveduta tal-Ġestjoni (RMP). L-RMP għandha tistabbilixxi l-limiti tal-qbid ibbażati fuq id-dejta xjentifika dwar il-popolazzjonijiet tal-balieni. Filwaqt li l-proċedura ġiet adottata fl-1994, għadha ma ġietx applikata sakemm isir aktar xogħol fuq l-Iskema Riveduta tal-Ġestjoni (RMS). L-RMS għandha tfittex li tiżgura li jkun hemm konformità mar-regolamenti ta’ l-IWC. Għandha tinkludi sensiela wiesa’ ta' miżuri ta’ kontroll f’dan il-kuntest. Tqajmu kwistjonijiet dwar il-preżenza ta’ osservaturi internazzjonali fuq il-bastimenti, il-verifiki sabiex jikkumbattu l-kaċċa illegali għall-balieni mhux rapportata, il-miżuri ta’ konformità, id-distribuzzjoni ta’ l-ispejjeż għall-miżuri ta’ kontroll, l-għażliet biex jitneħħa l-moratroju taħt ċerti kundizzjonijiet (eż. il-qabdiet jiġu limitati għaż-Żoni Esklussivi Ekonomiċi biss), il-konsiderazzjonijiet għall-benessri ta’ l-annimali u l-kontroll internazzjonali tal-kaċċa xjentifika għall-balieni. Madankollu, xogħol sostanzjali fuq l-RMS kien diffiċli u kontroversjali u s’issa ma ntlaħqu l-ebda riżultati konkreti. Il-plenarja ta’ l-2006 ta’ l-IWC għarfet għall-ewwel darba falliment definittiv tan-negozjati ta’ l-RMS. Fuq perjodu twil, il-futur ta’ l-IWC jiddependi ħafna mis-sejbien ta’ soluzzjoni għall-kwistjonijiet diskussi fil-kuntest ta’ l-RMS.

L-eċċezzjonijiet għall-moratorju

10. Il-moratorju fuq il-kaċċa għall-balieni ma jolqotx il-kaċċa għall-balieni aboriġinali, li, skond ir-reġim kurrenti ta' l-IWC, hija permessa għad-Danimarka (il-Groenlandja biss, “il-balieni fin” ( Balaenoptera physalus ) u “il-balieni minke” ( Balaenoptera acutorostrata ), għall-Federazzjoni Russa (is-Siberja biss, il-balieni griżi ( Eschrichtius robustus ), għal St. Vincent u l-Grenadines (il-balieni tal-ħotba ( Megaptera novaeangliae ), u għall-Istati Uniti (l-Alaska biss, “il-balieni bowhead” ( Balaena mysticetus ) , u kultant għal Washington, il-balieni griżi ( Eschrichtius robustus )). Sa mill-bidunett, l-IWC għarfet li l-kaċċa aboriġinali għall-balieni bħala sussistenza (ASW) hija ta’ natura differenti minn dik tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni. Hija r-responsabilità tal-gvernijiet nazzjonali li jipprovdu lill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-kaċċa għall-Balieni bl-evidenza kulturali u ta’ sussistenza tal-poplu tagħhom. Il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni tiffissa limiti ta’ qabdiet għall-istokkijiet suġġetti għall-kaċċa aboriġinali għall-balieni bħala sussistenza għal perjodu ta’ ħames snin, ibbażati fuq pariri xjentifiċi.

11. Il-Konvenzjoni tippermetti lill-Partijiet jirrappurtaw[4] kontra deċiżjonijiet li jorbtu bħal moratorju. In-Norveġja u l-Iżlanda mhumiex marbutin bil-moratorju għaliex ressqu oġġezzjoni/riserva u komplew jikkaċċjaw għall-balieni skond id-diskrezzjoni tagħhom.

12. Il-Konvenzjoni tippermetti wkoll lill-Partijiet jikkaċċjaw għall-balieni mingħajr approvazzjoni speċifika ta’ l-IWC skond permessi speċjali mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali għalhekk imsejħa ‘skopijiet ta’ riċerka xjentifika’. Id-dritt li jinħarġu dawn il-permessi speċjali huwa miġbur fl-Artikolu VIII tal-Konvenzjoni ta’ l-1946[5]. Waqt li l-Partijiet iridu jippreżentaw proposti għall-eżami, skond il-Konvenzjoni, hija kull Parti li fl-aħħar mill-aħħar tiddeċiedi toħroġx permess speċjali jew le. Dan id-dritt jieħu prijorità fuq kull regolament ieħor tal-Kummissjoni inklużi l-moratorju u s-santwarji. Kien hemm indikazzjonijiet li mhux il-balieni kollha maqtula jintużaw għal skopijiet xjentifiċi f’ċerti pajjiżi. Jidher li l-Ġappun (u xi ftit anke l-Iżlanda) iwettqu programmi ‘xjentifiċi’, l-aktar fl-Antartika, u mbagħad ipoġġu l-laħam tal-balieni fis-swieq nazzjonali.

Minħabba l-iskop wiesa’ ta’ dawn l-eċċezzjonijiet, il-moratorju ma kellu kważi l-ebda effett fuq il-politika għall-kaċċa għall-balieni fil-Ġappun, in-Norveġja u l-Iżlanda.

Żviluppi riċenti – Il-kaċċa kummerċjali għall-balieni

13. Minkejja l-moratorju fuq ‘il-kaċċa kummerċjali għall-balieni’, ammont sostanzjali ta’ kaċċa għall-balieni jkompli fuq il-bażi ta’ l-eċċezzjonijiet deskritti hawn fuq. Minn meta l-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni beda jseħħ fl-istaġun ta’ l-1985/86, aktar minn 29,000 baliena inqatu skond l-eċċezzjonijiet varji u l-qabdiet annwali żdiedu. Il-qabdiet totali għall-erba’ pajjiżi li jaqgħu taħt l-eżenzjoni tal-kaċċa aboriġinali għall-balieni bħala sussistenza huma anqas[6]. Fil-perjodu bejn 1985 u l-2005 l-qabdiet totali li jaqgħu taħt din l-eżenzjoni kienu madwar 6788 skond l-informazzjoni disponibbli lill-IWC.

Huwa stmat li n-Norveġja qabdet 639 “baliena minke” ( Balaenoptera acutorostrata u Balaenoptera bonaerensis ) fl-istaġun ta’ l-2005/6 u issa qed tikkunsidra żżid il-qabdiet fis-snin li ġejjin. Il-Ġappun ħareġ permessi xjentifiċi kull sena mill-1987. Fl-2007, il-permessi kienu jikkonċernaw madwar 850 “baliena minke ta’ l-Antartiku” ( Balaenoptera bonaerensis ), 10 “balieni fin” ( Balaenoptera physalus ), 220 “baliena minke komuni” ( Balaenoptera acutorostrata ), 50 “baliena ta’ Bryde” ( Balaenoptera brydei), 100 “baliena sei” (Balaenoptera borealis) u 10 kaxalotti ( Physeter macrocephalus ). L-Iżlanda reġgħet bdiet il-kaċċa xjentifika għall-balieni fl-2003 u l-kaċċa kummerċjali għall-balieni fl-2006[7]. Total ta’ 161 “baliena minke komuni” ( Balaenoptera acutorostrata ) inqabdu minn meta beda l-programm ta' riċerka Iżlandiż fl-2003. Minbarra dan, fl-2006 l-Iżlanda ħabbret li kienet se taqbad 9 “balieni fin” ( Balaenoptera physalus )[8] u 30 “baliena minke komuni” ( Balaenoptera acutorostrata) għall-skopijiet kummerċjali.

14. Fl-aħħar snin il-mandat doppju ta’ l-IWC sabiex tamministra l-kaċċa għall-balieni kif ukoll tħares il-balieni wassal għall-pożizzjonijiet differenti ħafna bejn Stati ewlenin favur il-kaċċa għall-balieni u dawk kontra l-kaċċa għall-balieni. Dan il-falliment qed jipperikola l-koperazzjoni internazzjonali u qed ifixkel il-progress li jista’ jwassal għall-protezzjoni effettiva ta’ l-ispeċijiet kollha tal-balieni. L-Istati favur il-kaċċa għall-balieni fittxew b’mod attiv l-adeżjoni ta’ pajjiżi li jappoġġjawhom sabiex jilħqu l-maġġoranza meħtieġa biex jitneħħa l-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni. Fil-laqgħa Annwali ta’ l-2006 f’St. Kitts u Nevis, dawn il-pajjiżi kisbu maġġoranza żgħira li wasslet għall-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni dikjaratorja favur “l-użu sostenibbli tal-balieni”, terminu użat ħafna għall-użu tal-kaċċa għall-balieni għall-konsum jew għall-kaċċa kummerċjali għall-balieni. Din id-dikjarazzjoni kienet ta’ tħassib serju u wasslet sabiex il-Kummissjoni qajjmet il-kwistjoni għal diskussjoni[9] mal-Kunsill, kif ukoll stiednet lill-Istati Membri kollha sabiex jidħlu fl-IWC.

15. Minbarra dan, il-Ġappun għal ħafna snin ippropona deċiżjonijiet li jippermettu l-kaċċa għal ċerti speċijiet ta’ balieni fuq skala żgħira fl-ilmijiet tal-kosta[10]. Proposti bħal dawn, bl-għan li jemendaw l-Iskeda li torbot, għadhom ma sabux l-appoġġ meħtieġ[11]. Emenda bħal din ikollha l-effett ta’ bidu mill-ġdid parzjali tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni[12] u terġa’ tiftaħ in-negozjati dwar il-kwota.

IL-PROTEZZJONI TAL-BALIENI SKOND IL-LEġIżLAZZJONI KOMUNITARJA

16. Skond l-Artikolu 174(1) tat-Trattat tal-KE, wieħed mill-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent huwa l-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali li jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali. Dan jinkludi l-ħarsien ta’ l-ispeċijiet, bħall-balieni, fuq livell globali.

17. Għalhekk, il-Komunità Ewropea hija impenjata għall-protezzjoni tal-balieni u taċ-ċetaċej l-oħra u implimentat leġiżlazzjoni li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni primarjament fil-qafas tal-politika Komunitarja ambjentali.

18. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats[13] telenka l-ispeċijiet kollha taċ-ċetaċej fl-Anness IV tagħha. L-ispeċijiet tal-balieni kollha huma protetti b’mod strett minn disturbi intenzjonati, qbid jew qtil fl-ilmijiet Komunitarji. Id-Direttiva tipprojbixxi wkoll iż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew il-bdil, ta’ kampjuni meħuda mill-ambjent naturali tagħhom. Din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix il-qbid mill-ġdid tal-kaċċa kummerċjali għall-balieni minn kwalunkwe stokk li jinsab totalment jew parzjalment fl-ilmijiet Komunitarji. Minħabba n-natura ta’ passa ta’ l-istokkijiet tal-balieni, huwa ċar li l-l-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jistgħu biss jintlaħqu kompletament jekk jiġi implimentat qafas regolatorju internazzjonali komparabbli.

19. Ir-Regolament li jimplimenta l-Konvenzjoni dwar is-Suq Internazzjonali ta’ l-Ispeċijiet fil-Periklu li jinqerdu (CITES) fil-Komunità Ewropea jipprojbixxi l-introduzzjoni taċ-ċetaċej fil-Komunità għal skopijiet kummerċjali[14]. Dan il-livell għoli ta’ protezzjoni huwa msaħħaħ aktar permezz ta’ l-Istrateġija għall-Baħar tal-KE[15] u d-Direttiva ta’ l-Istrateġija għall-Baħar[16] proposta, li mistennija ssaħħaħ il-protezzjoni tal-balieni fil-Komunità billi żżomm l-għan ġenerali ta’ status ambjentali tajjeb fl-oċeani u fl-ibħra tagħna.

Għalhekk, l-għan aħħari tal-politika ambjentali Komunitarja rigward il-balieni huwa li jitħarsu bl-aktar mod strett. Il-leġiżlazzjoni ambjentali msemmija hawn fuq tiżgura l-ogħla livell ta’ protezzjoni permezz ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti tar-regoli.

Minbarra dan, skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (CFP), il-Komunità għandha l-kompetenza esklussiva għall-ħarsien tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar[17]. Bħala ‘annimali ħajjin’, iċ-ċetaċej huma inklużi fl-għan tal-Anness I għat-Trattat tal-KE u huma soġġetti għall-Artikoli 33 sa 38 tiegħu[18]. Minbarra dan, ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-ħarsien u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd[19] jgħid li l-iskop tas-CFP jkopri l-ħarsien, il-ġestjoni u l-isfruttament tar-riżorsi akwatiċi ħajjin. Fuq din il-bażi, il-Komunità kkonkludiet ftehimiet tas-sajd li jittrattaw, parzjalment jew esklussivament, il-mammiferi tal-baħar[20]. Bl-istess mod, iċ-ċetaċej huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni sekondarja adottata skond is-CFP bl-għan li timplimenta impenni internazzjonali mibdija fil-kuntest ta' ftehimiet tas-sajd u tindirizza l-protezzjoni tal-balieni fl-ibħra miftuħa[21].

20. Permezz ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat tal-KE, ir-rekwiżiti ambjentali huma integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tas-CFP. Eżempju tajjeb ta’ dan il-metodu huwa r-Regolament 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran. Għaċ-ċetaċej, dan ir-Regolament ikopri l-Baħar Mediterran miftuħ bil-protezzjoni stretta diġà mogħtija mid-Direttiva tal-Ħabitats fl-ilmijiet Komunitarji[22].

21. Il-mizuri leġiżlattivi adottati mill-Komunità Ewropea għandhom l-għan li jiżguraw l-ogħla livell ta’ protezzjoni għall-balieni. Ma jistgħux jirnexxu jekk ma jkollhomx l-appoġġ ta’ azzjoni internazzjonali koerenti mill-Komunità bl-għan li tiżgura wkoll qafas regolatorju internazzjonali effettiv għall-protezzjoni tal-balieni.

22. Bħalissa, fin-nuqqas ta’ metodu strateġiku jew saħansitra opinjoni komuni dwar il-kaċċa għall-balieni, jeħtieġ li l-UE tuża l-piż politiku u ekonomiku tagħha biex topponi l-influwenza tan-nazzjonijiet ewlenin li jikkaċċjaw għall-balieni fuq politiki tal-kaċċa għall-balieni u tas-sajd ta’ pajjiżi oħra, notevolment fir-reġjun Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Pożizzjoni Komunitarja tkun tista’ per eżempju tippermetti li l-kwistjoni dwar il-kaċċa għall-balieni titqiegħed fl-aġenda ta’ laqgħat organizzati regolarment fuq livell multilaterali (eż. is-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GSP), fil-kuntest tal-Ftehima ta’ Cotonou) jew fuq livell bilaterali (eż. permezz ta’ delegazzjonijiet tal-Kummissjoni).

23. Bl-istess mod, l-UE tista' tikkopera aktar man-Norveġja u l-Iżlanda, żewġ Stati ġirien li jibqgħu jikkaċċjaw għall-balieni qrib ta' l-ilmijiet Komunitarji[23], sabiex tipprova tinfluwenza l-politiki tagħhom dwar il-kaċċa għall-balieni. Jekk din is-sitwazzjoni ma tinbidilx, hemm il-possibiltà li jkollha effett fuq l-istokkijiet tal-balieni protetti bid-Direttiva tal-Ħabitats. Azzjoni Komunitarja tista’ tikkontribwixxi wkoll billi tqiegħed il-protezzjoni ta’ l-istokkijiet tal-balieni ta' l-Atlantiku fiċ-ċentru tad-dibattitu ta' l-IWC. Dan għandu jikkumplimenta d-diskussjonijiet fit-tul u kruċjali dwar l-emisferu tan-Nofsinhar (Il-programm ta’ riċerka Ġappuniż fl-Antartiku, is-Santwarju propost fin-nofsinhar ta’ l-Atlantiku, eċċ.).

24. Sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet bil-mod l-aktar effettiv, hemm bżonn ta’ pożizzjoni min-naħa ta’ l-UE. In-nuqqas tagħha f’forum ambjentali importanti li jittratta kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja bħall-IWC hija anomalija li trid tiġi indirizzata.

25. Il-politika marittima għall-Unjoni[24] adottata riċentement tagħraf li l-metodu integrat fl-affarijiet marittimi Ewropej irid jidher fil-kuntatti ta’ l-UE ma’ korpi internazzjonali. Għalhekk, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet marittimi, inklużi l-balieni, bl-aktar mod effettiv il-Kummissjoni se taħdem għall-promozzjoni tal-koordinazzjoni ta’ l-interessi Ewropej u tal-koerenza tal-pożizzjoni ta’ l-UE fil-fora internazzjonali ewlenin.

26. Skond il-prinċipju ta’ l-unità fir-rappreżentazzjoni esterna tal-Komunità, huwa essenzjali li l-Istati Membri jħejju l-laqgħat ta’ l-IWC li ġejjin billi jiftiehmu dwar pożizzjoni ta’ l-UE fil-qafas tad-diskussjonijiet fil-Kunsill. Minħabba l-limitazzjonijiet intrinsiċi għall-istatus ta’ osservatriċi tal-Komunità u sabiex tħaddan il-prinċipju ta’ koperazzjoni leali kif jidher fl-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE, il-pożizzjoni għandha tiġi mfissra mill-Istati Membri b'azzjoni konġunta fl-interess tal-Komunità fi ħdan l-IWC[25]. Huwa essenzjali wkoll li s-7 Stati Membri l-oħra li għadhom mhumiex Partijiet ma’ l-IWC jħaffu l-proċedura ta’ adeżjoni tagħhom. Dan għandu jsaħħaħ il-maġġoranza żgħira kontra l-kaċċa għall-balieni li kienet irkuprata fil-laqgħa ta’ l-IWC ta’ l-2007.

KONKLUżJONI

27. Il-projbizzjoni ta’ l-IWC fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni sabiex tiżgura ż-żieda fl-istokkijiet tal-balieni hija skond l-għanijiet tal-politiki Komunitarji. Madankollu, filwaqt li l-protezzjoni hija komprensiva fis-sistema tal-Komunità, dan mhuwiex il-każ fuq livell internazzjonali.

28. In-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-projbizzjoni minħabba riżervi u oġġezzjonijiet u n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni xierqa dwar il-kaċċa xjentifika għall-balieni, li sseħħ barra kwalunkwe qafas regolatorju adegwat ta’ ġestjoni internazzjonali, qegħdin idgħajfu l-iskop tal-moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni[26].

29. Kwalunkwe soluzzjoni għal tul ta' żmien għal regolamentazzjoni aħjar tal-kaċċa għall-balieni bħala prinċipju għandha tittratta komprensivament l-attivitajiet kollha marbuta mal-kaċċa għall-balieni li jsiru bħalissa skond l-intestaturi legali differenti tal-Konvenzjoni, kemm jekk huma l-kaċċa kummerċjali għall-balieni, il-kaċċa xjentifika għall-balieni, il-kaċċa li ssir b'oġġezzjoni (in-Norveġja) jew b'riżerva (l-Iżlanda), kif ukoll jekk huma l-kaċċa aboriġinali għall-balieni bħala sussistenza. Jeħtieġ li jiġu ttrattati wkoll kwistjonijiet bħal sistema ta' konformità stretta, il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ, eċċ.

30. Għalhekk, l-għanijiet prevalenti u għal tul ta' żmien tal-Komunità għandu jkun li jiġi ggarantit qafas regolatorju internazzjonali effettiv għall-protezzjoni komprensiv tal-balieni. F'dan ir-rigward, il-Komunità għandha tappoġġja t-tisħiħ tal-koperazzjoni fl-IWC u t-titjib ta' l-effikaċja ta' l-IWC. Għandha tivvaluta, filwaqt li toqgħod, inter alia , fuq l-għarfien inestimabbli fl-Istati Membri, ix-xogħol li sar s'issa fuq l-abbozz ta' l-RMP u ta' l-RMS, kif ukoll il-proposti li saru fl-imgħoddi sabiex jitnaqqsu d-differenzi bejn il-Partijiet mal-Konvenzjoni bil-għan li jkollha rwol pożittiv sabiex jintemm in-nuqqas ta' ftehim fl-IWC.

31. L-Istati Membri jkunu jistgħu jiggarantixxu l-iżvilupp u t-tisħiħ ta' qafas regolatorju internazzjonali strett għall-ħarsien tal-balieni biss b’ħidma flimkien u jekk titfassal pożizzjoni Komunitarja. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi deċiżjoni xierqa lill-Kunsill.

[1] L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, il-Portugall, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

[2] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-ħarsien tal-balieni skond il-qafas ta’ l-IWC (COM (92)316) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Anness magħha jinkludi abbozz ta’ Deċiżjoni li jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja, f’isem il-Komunità, protokoll li jemenda l-Konvenzjoni sabiex jippermetti l-parteċipazzjoni tal-KE.

[3] It-test ta’ l-Iskeda jgħid dan li ġej: Paragrafu 10(e). “Minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-paragrafu 10, il-limiti ta’ qbid ta’ balieni għall-qtil bi skopijiet kummerċjali mill-istokkijiet kollha għall-istaġun tas-sajd mal-kosta ta’ l-1986 u l-istaġun tas-sajd pelaġiku ta’ l-1985/86 u minn hemm ‘il quddiem għandhom ikunu żero. Din id-dispożizzjoni se tibqa’ tiġi eżaminata, fuq il-bażi ta’ l-aqwa pariri xjentifiċi, u sa mhux aktar tard mill-1990 il-Kummissjoni timpenja ruħha li tagħmel evalwazzjoni komprensiva ta' l-effetti ta' din id-deċiżjoni fuq l-istokkijiet tal-balieni u tikkunsidra li tinbidel din id-dispożizzjoni u l-iffissar ta’ limiti oħra ta’ qbid” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

[4] Il-proċedura ta’ oġġezzjoni (il-Konvenzjoni, l-Artikolu V, il-paragrafu 3) ġiet ikkritikata ħafna bħala dgħajfa, iżda mingħajrha probabbilment il-Konvenzjoni ma kienet tiġi ffirmata qatt. Barra dan, mingħajr dan it-tip ta’ dritt gvern xorta seta’ joħroġ mill-Konvenzjoni u b’hekk ma jkun marbut ma’ l-ebda regolament.

[5] L-Artikolu VIII, il-Paragrafi 1-3:1. “Minkejja kwalunkwe ħaġa inkluża f’din il-Konvenzjoni kull Gvern Kontraenti jista’ joħroġ għal kull wieħed miċ-ċittadini permess speċjali li jawtorizza ċ-ċittadin li joqtol, jaqbad u jikkura l-balieni għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika soġġett għal dan it-tip ta’ restrizzjonijiet fejn jidħol in-numru u soġġett għal tip ta’ kundizzjonijiet oħra kif maħsuba xierqa mill-Gvern Kontraenti, u l-qtil, il-qbid, u l-ikkurar tal-balieni skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu eżentati mill-operazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Kull Gvern Kontraenti għandu jirrapporta mal-ewwel lill-Kummissjoni kull awtorizzazzjoni ta’ dan it-tip li tkun tat. Kull Gvern Kontraenti jista’ f’kwalunkwe ħin jirrevoka kwalunkwe permess speċjali ta’ dan it-tip li jkun ħareġ. 2. Kwalunkwe baliena maqbuda skond dawn il-permessi speċjali għandha sa fejn prattikabbli tiġi pproċessata u l-qligħ għandu jiġi ttrattat skond l-istruzzjonijiet ippubblikati mill-Gvern li ħareġ il-permess. 3. Kull Gvern Kontraenti għandu jikkomunika lit-tali korp kif jista’ jiġi indikat mill-Kummissjoni, sa fejn hu prattikabbli, u f’intervalli ta’ mhux aktar minn sena, informazzjoni xjentifika disponibbli għal dak il-Gvern rigward il-balieni u l-kaċċa tal-balieni, inklużi r-riżultati tar-riċerka li tkun saret skond paragrafu1 ta’ dan l-Artikolu u ta’ l-Artikolu IV”

[6] Għall-kwoti ta’ l-2008-12, ara r-rapport taċ-Chairperson tad-59 laqgħa ta’ l-IWC: http://www.iwcoffice.org

[7] L-Iżlanda ħarġet mill-IWC fl-1992 u ddikjarat li l-moratorju ma kienx għadu meħtieġ, biss reġġħet ingħaqdet ma’ l-IWC fl-2002 b’riżerva għall-moratorju. Fid-dokument ta’ adeżjoni mal-IWC l-Iżlanda ddikjarat li mhux se terġa’ tagħti bidu għall-kaċċa kummerċjali għall-balieni

[8] “Il-balieni fin” ( Balaenoptera physalus ) ġew klassifikati bħala 'fil-periklu li jinqerdu' fil-lista l-ħamra ta’ speċi mhedda ta' l-IUCN.

[9] Diskussjoni fil-Kunsill għall-Ambjent ta’ l-20 ta’ Frar 2007, u fil-Coreper tat-28 ta’ Marzu u tat-2 ta’ Mejju 2007.

[10] Ara per eżempju s-Sommarju ta’ reġistri ta’ l-IWC ta’ l-2006, l-2007.

[11] L-emendi għall-Iskeda jeħtieġu l-appoġġ ta’ tliet kwarti mill-Partijiet (Artikolu III, il-paragrafu 2 tal-Konvenzjoni).

[12] Kif spiss enfasizzat minn Partijiet oħra, bħall-Awstralja (Rapport fil-Qosor għall-2006) u r-Renju Unit (intervent orali fl-2007).

[13] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

[14] Ir-Regolament 338/97/KE dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, ĠU L 61 , 3.3.1997, p. 1. Barra dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 348/81 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjoni tal-balieni u l-prodotti l-oħra taċ-ċetaċej jippermetti biss l-importazzjoni tal-prodotti elenkati jekk dawn ma jintużawx għall-skopijiet kummerċjali.

[15] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent ta' l-Ibħra COM(2005) 504 finali.

[16] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marittimu COM(2005) 505 finali.

[17] Ara per eżempju Każijiet C-141/78 [1979] ECR 2923, il-paragrafu 6 u C-804/79, [1981] ECR 1045, il-paragrafu 17.

[18] Ara l-Artikolu 32, il-paragrafu 3 tat-Trattat tal-KE

[19] Ir-Regolament tal-Kunsill 2371/2002/KE, ĠU L 358, 31.12.2002, p.59.

[20] Ara eż. id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/938/KE dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini.

[21] Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) 973/2001 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta' ċerti ħażniet ta' speċi li jpassu bil-kbir, ĠU L 137, 19.5.2001, p.1; u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1936/2001 li jistabbilixxi miżuri ta' kontroll applikabbli għas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut li jpassi ħafna, ĠU L 263, 3.10.2001, p.1.

[22] ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6. Ara premessa 9 u Artikolu 3(1) dwar l-ispeċijiet protetti, b’konnessjoni ma’ Artikolu 1(1) dwar il-qasam ta’ applikazzjoni (li jkopri l-baħar Mediterran miftuħ, u jmur lil hinn mill-ambitu tad-Direttiva tal-Ħabitats).

[23] In-Norveġja u l-Iżlanda ħolqu organizzazzjoni ta’ ġestjoni reġjonali għall-mammiferi (il-Kummissjoni tal-Mammiferi tal-Baħar ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana). Id-Direttiva tal-Ħabitats mhijiex inkluża fl-anness għall-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea dwar l-ambjent.

[24] COM (2007) 575

[25] Il-każijiet konġunti 3, 4 u 6/76 Kramer, il-paragrafi 42 u 45, l-Opinjoni tad-19 ta’ Marzu 1993 tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-każ 2/91, il-paragrafu 37, il-każ C-266/-3, il-Kummisjoni v il-Lussemburgu, il-paragrafi 57 u 58, u il-każ C-433/03, Kummissjoni v il-Ġermanja, il-paragrafi 63 u 64.

[26] Kif enfasizzat minn diversi Partijiet, il-konnessjoni proposta mill-Ġappun fil-laqgħa ta’ l-IWC ta’ l-2007 li permezz tagħha tnaqqas proporzjonalment il-qabda kurrenti tagħha ta’ balieni ‘għal skopijiet xjentifiċi' jekk l-emenda proposta dwar l-kaċċa għal ċerti speċijiet ta’ balieni fuq skala żgħira fl-ilmijiet tal-kosta tiġi adottata, tikkonferma r-relazzjoni bejn l-attivitajiet kollha tal-kaċċa għall-balieni. Fejn tidħol riċerka xjentifika ġenwina, il-pajjiżi l-oħra jinsistu li jintużaw metodi mhux letali.

Top