Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0773

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-mobilità, strument għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar: Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità ta' l-Impjiegi (2007-2010)

    /* KUMM/2007/0773 finali */

    52007DC0773




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 6.12.2007

    KUMM(2007) 773 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-mobilità, strument għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar: Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità ta' l-Impjiegi (2007-2010)

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Il-mobilità, strument għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar: Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità ta' l-Impjiegi (2007-2010)

    KONTENUT TA' POLITIKA ġENERALI

    F'Ewropa mingħajr fruntieri interni, u li tikkompeti f'ekonomija globali, il-ħtiġijiet li dejjem jinbidlu ta' soċjetà li dejjem qed tikber fl-età u suq tax-xogħol f'evoluzzjoni kostanti jitolbu livelli akbar ta' mobilità. Il-mobilità tal-ħaddiem hija strument ewlieni għal suq waħdieni li jiffunzjona b'mod effiċjenti u hija essenzjali biex aktar nies isibu impjieg aħjar, wieħed mill-għanijiet ewlieni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona[1]. It-tkabbir ta' l-UE fl-2004 u l-2007 żied kemm l-opportunitajiet għall-ħaddiema biex isibu xogħol kif ukoll għas-sidien biex isibu l-ħaddiema. Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri ta' l-UE-15 neħħew jew irħew ir-restrizzjonijiet li kienu japplikaw għaċ-ċittadini mit-tmien Stati Membri li daħlu fl-UE fl-2004 u b'hekk ħolqu forza tax-xogħol potenzjali kbira biex jaffrontaw l-isfidi tas-soċjetà li dejjem qed tikber fl-età u l-globalizzazzjoni.

    Il-ħaddiema jeħtieġ li jkunu aktar mobbli kemm minn impjieg għal ieħor kif ukoll bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri. Jeħtieġ li jingħataw il-ħiliet u l-opportunitajiet xierqa biex jiċċaqilqu ta' spiss minn impjieg għal ieħor u biex jimxu 'l quddiem fil-karriera tagħhom. Dan huwa l-għan ewlieni tal-prinċipji li dwarhom hemm qbil komuni dwar il-flessigurtà[2], kunċett li jista' jgħin lin-nies jegħlbu d-diffikultajiet ta' tranżizzjoni fl-impjieg fi żmenijiet ta' tibdil ekonomiku li dejjem qed iżid il-pass.

    Iżda, il-mobilità tal-ħaddiem għada kemmxejn imxekkla minn għadd ta' ostakli. Barra minn nuqqas ta' ċertezza dwar il-vantaġġi li wieħed ikun mobbli, l-individwu għandu quddiemu għadd ta' ostakli li jxekklulu l-mobilità. Dawn jistgħu jvarjaw minn ostakli legali u amministrattivi, spejjeż ta' djar u d-disponibilità tagħhom, impjieg ta' konjuġi u koabitanti, trasferibilità ta' pensjonijiet, ostakli lingwistiċi, u kwistjonijiet dwar għarfien ta' kwalifiki fi Stati Membri oħra.

    Tagħlima mill-Pjan ta' Azzjoni 2002 u s-sena Ewropea għall-mobilità tal-ħaddiema 2006

    Din il-Komunikazzjoni hija pass ieħor importanti 'l quddiem f'sensiela twila ta' inizjattivi biex tinġieb 'il quddiem il-mobilità. Fuq il-bażi tal-proċess imniedi fi Frar 2001 mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Swieq tax-Xogħol Ġodda[3], fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma f'Marzu 2001 u x-xogħol tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar il-Ħiliet u l-Mobilità, il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azjoni għall-Ħiliet u l-Mobilità[4] fi Frar 2002. Ir-Rapport Finali dwar dan il-Pjan ta' Azzjoni, adottat fil-25 ta' Jannar 2007[5] ta ħarsa lejn dak li jeħtieġ li nitgħallmu mill-pjan u ppreżenta tliet oqsma ewlenin li fuqhom jista' jsir iktar xogħol:

    - li l-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ ikunu aktar iwieġbu għas-suq tax-xogħol u li n-nies jitħejjew għall-mobilità permezz tat-tagħlim tal-lingwi,

    - li jitneħħew l-ostakli legali u amministrattivi u jinġieb 'il quddiem l-għarfien transkonfinali tal-kwalifiki,

    - u li jitwaqqaf portal wieħed eżawrjenti ta' tagħrif dwar il-mobilità, ibbażat fuq is-sistema ta' EURES dwar il-postijiet tax-xogħol battala.

    Il-Pjan ta' Azzjoni 2002 ippropona wkoll it-tismija ta' l-2006 bħala s-Sena Ewropea tal-Mobilità tal-Ħaddiema. Id-dibattitu mniedi matul din is-Sena, u bl-appoġġ ta' l-istħarriġ ekonomiku[6], wera b'mod ċar il-varjetà u l-impatt ta' l-ostakli li fadal għall-mobilità fi ħdan l-UE. Minnu ħarġet ukoll b'qawwa l-ħtieġa li jiġi pprovdut ambjent favorevoli għall-mobilità biex din issir prassi normali fil-karriera tan-nies.

    Fuq il-bażi ta' dak li jservi ta' tagħlim u r-rabta qawwija bejn il-mobilità tal-ħaddiem u għadd ta' dibattiti attwali dwar strateġija politika, bħall-flessigurtà, it-tagħlim tul il-ħajja, il-multilingwiżmu u t-tibdil demografiku, il-Kummissjoni qiegħda tniedi, b'din il-Komunikazzjoni, Pjan ta' Azzjoni għall-Mobilità ta' l-Impjieg għall-2007-2010. L-għanijiet ta’ dan il-Pjan ta' Azzjoni huma li:

    - tittejjeb il-leġiżlazzjoni attwali u l-prassi amministrattiva f'dik li hija mobilità tal-ħaddiem;

    - jiġi żgurat appoġġ għall-politika ta' mobilità mill-awtoritajiet fil-livelli kollha;

    - jissaħħaħ EURES bħala l-istrument komprensiv biex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-ħaddiema u l-familji tagħhom;

    - jitrawwem l-għarfien tal-possibilitajiet u l-vantaġġi tal-mobilità fost il-pubbliku inġenerali.

    Għal aktar ħeġġa fin-nies li jkunu mobbli

    Il-mobilità tal-ħaddiem fl-UE għada relattivament baxxa, għalkemm l-istatistika dwar iċ-ċaqliq jew dwar ir-raġunijiet li jimmotivawh jeħtieġ li titjieb. Madwar 2 % taċ-ċittadini fl-età tax-xogħol minn wieħed mis-27 Stat Membru ta' l-UE attwalment jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Bħala paragun, is-sehem rispettiv ta' ċittadini minn pajjiż terz li jgħixu fl-UE huwa kważi d-doppju. Madankollu jidher li kien hemm żieda fil-mobilità bil-mod il-mod tul l-aħħar snin. L-għadd ta' ħaddiema mobbli fi ħdan l-UE-15 żdied minn madwar 470 000 fis-sena 2000 għal madwar 610 000 fl-2005 (Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea)[7]. Barra minn hekk, għalkemm ta' sikwit mhux inkluż fiċ-ċifri nazzjonali, l-għadd ta' ħaddiema staġjunali u transkonfinali (inklużi l-impjiegi tas-sajf għaż-żgħażagħ) jista' jkun sinifikanti u jżid iktar il-perċentwali ġenerali tal-ħaddiema migranti ta' l-UE[8].

    Dak li jaħsbu l-Ewropej dwar il-mobilità, li dan l-aħħar sar stħarriġ dwaru, juri wkoll li n-nies jagħrfu l-importanza tal-mobilità tal-ħaddiem. Skond stħarriġ ta' l-Ewrobarometru 2006, 57 % qalu li l-mobilità minn reġjun jew pajjiż għal ieħor hija xi ħaġa pożittiva għall-integrazzjoni Ewropea; 46 % jaħsbu li dan huwa ta' ġid għas-swieq tax-xogħol u għall-individwu; u 40 % li huwa tajjeb għall-ekonomija. Barra minn hekk, 5.5 % taċ-ċittadini mill-UE-10 jgħidu li x'aktarx jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor fil-ħames snin li ġejjin. L-intenzjonijiet ta' mobilità fil-ġejjieni fi ħdan l-Ewropa żdiedu fl-Istati Membri kollha bi gradi li jvarjaw[9].

    L-istatistika turi wkoll xejriet ġodda fl-iskemi ta' mobilità. Aktar ħaddiema żgħażagħ u bi kwalifiki ogħla jimpenjaw ruħhom fi 'prattiċi ta' multi-mobilità', - perjodi qosra ta' mobilità li jwieġbu għal ħtiġijiet speċifiċi f'karriera professjonali, tendenza li turi li l-mobilità qed issir iktar integrata f'perspettivi ta' karriera u tintrabat mat-tagħlim tul il-ħajja. L-istħarriġ ta' l-Ewrobarometru juri li maġġoranza ċara ta' ħaddiema żgħażagħ - 'il fuq minn 70 % - issa jagħrfu li l-karriera tagħhom teħtieġ xi sura ta' mobilità.

    Minkejja r-rata baxxa ta' mobilità tal-ħaddiema, hemm argument dejjem iktar qawwi favur li ċ-ċittadini huma aktar lesti li jkunu mobbli minn kienu qabel. Jidher li hemm kundizzjonijiet favorevoli għalhekk biex nissoktaw b'dak li tgħallimna u nsaħħu l-isforzi biex negħlbu l-ostakli għall-mobilità. L-esperjenzi miksuba wrew biċ-ċar l-impatt negattiv ta' l- ostakli għall-mobilità ġeografika fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali. Barra mill-ostakli legali u amministrattivi, per eżempju fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-mobilità ssib skoraġġiment minn ostakli prattiċi f'oqsma bħad-disponibilità tad-djar, lingwi barranin, impjieg ta' konjugi u msieħba. Hemm aktar x'iġarrbu l-individwi minħabba l-mobilità, per eżempju n-nuqqas ta' għarfien ta' esperjenzi marbuta ma' prospetti ta' karriera, partikolarment fi ħdan l-IŻM. Dawn l-ostakli huma marbuta ma' kwistjonijiet li jridu jiġu megħluba f'ħafna livelli, dawk lokali, reġjonali, nazzjonali u ma' l-UE kollha. Dan il-pjan ta' azzjoni jippreżenta azzjonijiet speċifiċi biex jgħinu li jitwarrbu l-ostakli fil-livell Ewropew u jħeġġeġ l-awtoritajiet rilevanti jiffaċċaw l-ostakli fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

    Nilqgħu l-isfidi: Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Mobilità ta' l-Impjiegi 2007-2010

    L-Istrateġija ta' Liżbona u l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impjieg identifikaw il-mobilità ġeografika mtejba u dik minn impjieg għal ieħor bħala importanti fil-ħolqien ta' l-impjieg u l-iżvilupp ta' l-impjeġabilità u l-adattabilità tal-forza tax-xogħol ta' l-UE fil-kuntest tas-swieq tax-xogħol li qiegħdin jinbidlu b'pass mgħaġġel. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta Pjan ta' Azzjoni f'erba' oqsma biex tiżgura li l-Kummissjoni tibni fuq l-esperjenzi sa issa f'dan il-qasam. L-azzjonijiet previsti huma komplemenatari għal inizjattivi oħra u leġiżlazzjoni importanti fuq il-livell tal-Komunità[10].

    Titjib tal-prassi attwali leġiżlattiva u amministrattiva

    Strument importanti għall-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiem fi ħdan l-UE hija l-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-koordinazzjoni ta' l-iskemi ta' sigurtà soċjali li bħalissa huma stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 1408/71[11] u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tiegħu (KEE) Nru 574/72[12]. Dawn ir-regoli huma maħsuba biex jiżguraw li l-ħaddiema migranti ta' l-UE li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom ta' moviment ħieles fil-Komunità ma jġarrbux telf ta' protezzjoni ta' sigurtà soċjali.

    Ir-Regolamenti wrew li kienu strument siewi biex jinkiseb dan il-għan. Iżda, il-forom ġodda ta' mobilità (perjodi iqsar, l-istatus li jvarja, prassi ta' multi-mobilità) jistgħu jġibu l-applikazzjoni tagħhom problematika. Per eżempju, ħaddiem mobbli, li ta' spiss jaħdem fuq kuntratti ta' qasir żmien fi Stati Membri differenti, jista' jsib ruħu quddiem għadd differenti ta' skemi ta' sigurtà soċjali[13]. Għalhekk wasal il-ħin li naraw jekk jeħtieġx li jiġu żviluppati strumenti ġodda li jkunu aktar xierqa għall-ħtieġijiet tal-ħaddiema mobbli u l-kumpaniji li jimpjegawhom. Dawn l-istrumenti jeħtieġ li wieħed iħares lejhom bħala parti sinifikanti ta' aġenda li qiegħda tikber dwar opportunitajiet, aċċess u solidarjetà[14].

    Il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk hemmx il-ħtieġa li tadatta l-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u l-prassi amministrattiva żviluppata fuq il-bażi ta' dan. Wara inventarju tal-problemi li jistgħu jinqalgħu taħt il-leġiżlazzjoni attwali[15], se ssir konsultazzjoni mal-partijiet interessati[16] u investigazzjoni sistematika fil-bidu ta' l-2008 dwar l-ambitu u l-karatteristiċi ta' l-iskemi ġodda ta' mobilità. Fuq il-bażi tar-riżultat tal-proċess ta' konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tieħu deċiżjoni fit-tieni nofs ta' l-2009, flimkien ma' evalwazzjoni fil-fond ta' l-impatt, dwar jekk hemmx ħtieġa li tiġi adattata l-prassi amministrattiva jew ir-regoli nfushom.

    Din l-investigazzjoni se titwettaq fil-qafas tat-TRESS ( Training and Reporting in European Social Security Rappurtar u Taħriġ fis-Sigurtà Soċjali ta' l-Ewropa), netwerk ta' esperti nazzjonali dwar kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali ffinanzjat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ l-istatus u l-kapaċità analitika tan-netwerk tat-TRESS billi tipproponi li tinkludi dispożizzjoni speċifika fir-Regolament (KE) Nru 883/2004. L-attivitajiet tan-netwerk jiġu mbagħad iffukati fuq tliet punti ewlenin:

    li jitjieb l-għarfien tar-regolamenti tal-Komunità fost gruppi speċifiċi ta' partijiet interessati (ħaddiema taċ-ċivil, avukati, imħallfin, trejdjunjins);

    - li jiġu ppubblikati rapporti regolari dwar l-applikazzjoni tar-regolamenti ta' sigurtà soċjali fi ħdan l-Istati Membri;

    - u li jiġi pprovdut parir espert dwar l-evoluzzjoni tar-regolamenti u l-prassi eżistenti biex jiġu sodisfatti l-ħtieġijiet li qed jinbidlu tal-ħaddiema migranti ta' l-UE.

    Il-protezzjoni tad-drittijiet għall-pensjonijiet supplementari wkoll jista' jkollha influwenza sinifikanti fuq id-deċiżjonijiet dwar il-mobilità tal-ħaddiema. Fl-2005 il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ostakli għal mobilità billi titjieb il-portabilità tal-pensjonijiet supplementari[17]. Wara diskussjonijiet dwar il-kontenut u l-ambitu tad-Direttiva proposta fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ressqet proposta emendata, li tiffoka fuq ir-rekwiżiti minimi biex tittejjeb il-mobilità tal-ħaddiem billi tittejjeb il-kisba u ż-żamma tad-drittijiet supplemenatri ta' pensjoni u li fiha impenn ta' reviżjoni regolari tal-progress li bih l-Istati Membri jtejjbu l-portabilità tal-pensjonijiet supplementari[18].

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se żżid is-semplifikazzjoni tal-prassi amministrattiva u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet. Fl-2009, meta r-Regolament (KE) Nru 883/2004 il-ġdid mistenni li jkun applikabbli[19], l-iskambju amministrattiv ta' tagħrif bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-koordinazzjoni ta' l-affarijiet ta' sigurtà soċjali għandu jsir kompletament elettroniku[20]. Permezz ta' dan ikun jista' jsir skambju ta' tagħrif u konsultazzjoni, kif ukoll tiġi introdotta verżjoni elettronika tal-Karta Ewropea ta' l-Assikurazzjoni fuq is-Saħħa[21] , biex b'hekk jonqos b'mod konsiderevoli ż-żmien biex jiġu pproċessati t-talbiet ta' sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti ta' l-UE.

    Azzjonijiet Il-Kummissjoni se: 1. Teżamina jekk ir-Regolament (KE) Nru 883/2004, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tiegħu u l-prassi amministrattiva jeħtiġux li jiġu adattati biex iqisu l-iskemi ta' mobilità tal-ħaddiema li qed jinbidlu. 2. Tipproponi l-inklużjoni ta' dispożizzjoni ġdida fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 li tifformalizza l-istatus u l-kapaċità analitika tan-netwerk ta' esperti indipendenti TRESS biex issaħħaħ l-għarfien attwali fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fuq livell Ewropew. 3. Tintensifika s-semplifikazzjoni tal-prassi amministrattiva nazzjonali u l-kooperazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' konsultazzjoni elettronika u skambju ta' tagħrif, u t-tnedija ta' verżjoni elettronika tal-Karta Ewropea ta' Assikurazzjoni tas-Saħħa. 4. Tkompli fuq il-proposta tagħha ta' l-2005 u l-proposta emendata ta' l-2007 għal Direttiva dwar ir-rekwiżiti minimi biex tittejjeb il-mobilità tal-ħaddiem billi jittejbu l-kisba u ż-żamma tad-drittijiet supplementari tal-pensjoni. |

    Żgurat appoġġ għall-politika ta' mobilità mill-awtoritajiet fil-livelli kollha

    L-Istati Membri għandhom rwol importanti fil-prova tal-benefiċċji tal-mobilità ġeografika u dik minn impjieg għal ieħor għall-individwu u għall-ekonomija bħala tali. Din il-mobilità hija strument ewlieni għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, u b'mod partikolari billi jiġi żviluppat approċċ ibbażat fuq il-flessigurtà quddiem l-isfidi tas-suq modern tax-xogħol.

    Il-mobilità għandha ssib tħeġġiġ permezz ta' strateġiji ta' impjieg nazzjonali u skemi ta' tagħlim tul il-ħajja li jiżviluppaw, fost fatturi oħra, il-ħiliet vokazzjonali kif ukoll il-ħiliet għall-lingwi u dawk interkulturali. L-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u jiżviluppaw l-Europass[22], li permezz tiegħu se jkun aktar faċli għal dawk li jħaddmu li jagħrfu dawn il-kwalifiki u b'hekk tkun aktar faċli l-mobilità tax-xogħol.L-azzjoni kkonċertata ma' l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iċ-ċentri ta' tagħlim u taħriġ u s-soċjetà ċivili għandhom jindirizzaw l-ostakli prattiċi għall-mobilità. Dan għandu jiġi żviluppat filwaqt li jkun żgurat il-kunċett ta' "mobilità ġusta", b'mod partikolari billi jiġi miġġieled ix-xogħol mhux dikjarat u l-emarġinazzjoni soċjali, li jiġi żgurat li l-istandards tax-xogħol u r-rekwiżiti legali jkunu dejjem rispettati fis-sħiħ. Biex dan jinġieb 'il quddiem, u fuq il-bażi tas-suċċess ta' l-inizjattivi mnedija fil-kuntest tas-Sena Ewropea 2006, il-Kummissjoni se tistabbilixxi inventarju ta' l-iskemi attwali ta' mobilità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Dan iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu skemi bħal dawn fil-pjanijiet tagħhom li jibnu aktar il-Politika ta' Koeżjoni, biex jistimulaw il-kooperazzjoni transkonfinali għal opportunitajiet ta' xogħol u infrastrutturi komuni. Se tiġi eżaminata wkoll il-possibilità ta' l-iżvilupp ta' mekkaniżmi xierqa biex titħeġġeġ il-mobilità tal-ħaddiem fuq il-bażi ta' l-esperjenzi pożittivi mill-iskemi attwali Ewropej, bħalma huma l-programmi Leonardo da Vinċi u Marie Curie.

    Azzjonijiet Il-Kummissjoni se: 5. tħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu l-mobilità ġeografika u dik minn xogħol għal ieħor bħala prijorità fl-istrateġiji nazzjonali ta' impjieg tagħhom u dawk ta' tagħlim tul il-ħajja. 6. Tħeġġeġ l-awtoritajiet fil-livelli reġjonali u lokali, u partijiet oħra interessanti rilevanti, ineħħu l-ostakli għall-mobilità li għad baqa' fil-prattika u jġibu 'l quddiem il-kunċett ta' "mobilità ġusta", l-aktar billi jirreżistu x-xogħol mhux dikjarat u l-emarġinazzjoni soċjali. 7. Tħeġġeġ lill-Istati Membri jitgħallmu mill-prassi tajba permezz ta' skemi ta' tagħlim reċiproku għal azzjonijiet ta' mobilità, bil-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni ta' l-UE, b'mod partikolari l-iskemi li saru possibbli bil-Fond Soċjali Ewropew. Tistabbilixxi inventarju ta' l-iskemi ta' appoġġ finanzjarju attwali u teżamina l-possibilità ta' żvilupp ta' skemi Ewropej ta' mobilità. 8. Tagħti appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, tiżviluppa l-Europass, u tiżgura segwitu xieraq għall-inizjattivi li jmiss dwar it-trasferiment ta' kreditu fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ (ECVET). |

    It-tisħiħ ta' l-EURES

    Maħluq fl-1993 biex jiffaċilita l-moviment ħieles tal-ħaddiema, EURES ( European Employment Services - Servizzi għall-Impjieg Ewropew) huwa strument importanti għat-tisħiħ ta' l-infrastruttura tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali u ta' l-UE[23]. Iddisinjat bħala strument wieħed li jinkludi kull ma jeħtieġ għall-mobilità tal-ħaddiema u l-familji tagħhom, EURES huwa servizz uniku tal-Komunità li jiġbor flimkien netwerk uman bi kwalifiki tajba ta' 750 konsulent b'portal b’saħħtu ta' l-Internet li jagħti aċċess għal aktar minn miljun post vakanti. Mill-2006 il-postijiet vakanti mis-servizzi nazzjonali ta' impjieg pubbliku ta' l-UE u ż-ZEE huma aċċessibbli fuq il-portal ta' EURES f'25 lingwa Ewropea. In-netwerk ta' konsulenti ta' EURES jipprovdi għal assistenza personalizzata lill-ħaddiema migranti ta' l-UE u l-familji tagħhom fl-affarijiet kollha marbuta ma' l-esperjenza tagħhom ta' mobilità. Huwa jaħdem f'kooperazzjoni ma' servizzi oħra tal-Komunità, fosthom servizzi ġenerali u speċifiċi ta' tagħrif u soluzzjoni ta' problemi għaċ-ċittadini u l-azjendi kummerċjali bħal EUlisses dwar is-sigurtà soċjali, il-portal PLOTEUS dwar opportunitajiet ta' tagħlim, Eurodesk, ERYICA, Ewropa Diretta, L-Ewropa Tiegħek, is-Servizz ta' Orjentazzjoni għaċ-Ċittadini, Europass, punti ta' kuntatt nazzjonali għall-għarfien ta' kwalifiki professjonali, ERA-MORE, il-Portal għall-Mobilità tar-Riċerkaturi Ewropej u SOLVIT, u l-bqija.

    It-tielet fergħa tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Mobilità tax-Xogħol 2007-2010 għandha l-għan li ssaħħaħ is-servizzi pprovduti minn EURES b'mod sinifikanti, billi tfittex li tikseb tliet miri ġodda[24]:

    - li tittejjeb id-dimensjoni strateġika bit-tisħiħ tal-potenzjal analitiku tagħha għal dak li huwa flussi ta' mobilità u tibdiliet fis-suq tax-xogħol;

    - tittejjeb il-firxa u l-kwalità tas-servizzi tagħha bl-assistenza tal-ħaddiema mobbli ta' l-UE u l-familji tagħhom fl-affarijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-esperjenza ta' mobilità tagħhom;

    - iżżid il-firxa ta' operazzjoni tagħha bit-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħha ma' l-oħrajn, b'mod partikolari, dawk li jipprovdu servizzi simili u, bi qbil mal-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali, bil-ftuħ bil-mod il-mod ta' l-attivitajiet tagħha għall-ħaddiema minn inħawi oħra tad-dinja, b'mod partikolari l-Pajjiżi Kandidati[25].

    Azzjonijiet EURES se: 9. Itejjeb b'mod sinifikanti d-disponibilità ta' l-informazzjoni u jqajjem għarfien dwar il-prinċipju ta' trattament indaqs u r-rispett ta' l-istandards tax-xogħol fi ħdan is-swieq Ewropej tax-xogħol permezz tal-portal tiegħu u s-servizzi tal-konsulenti. 10. Itejjeb is-servizzi tiegħu biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta' kategoriji speċifiċi ta' ħaddiema (ħaddiema qiegħda għal żmien twil, ħaddiema żgħażagħ[26], ħaddiema aktar kbar fl-età, nisa, riċerkaturi, ħaddiema li jaħdmu għal rashom, ħaddiema staġunali). In-netwerk se jagħti appoġġ lil individwi billi jħejji pjan sħiħ għall-karrieri, inkluża l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol mal-wasla lura tagħhom. 11. Iżid b'mod sinifikanti l-ġbir ta' tagħrif strateġiku, b'mod partikolari dwar flussi ta' mobilità. Jissinerġizza ma' netwerks oħra u dawk li jipprovdu l-informazzjoni se jissaħħu u se jiġu stabbiliti skemi ta' kooperazzjoni transkonfinali, inklużi attivitajiet ġodda u sħubiji bejn l-Istati Membri. 12. Fejn ikun rilevanti, se jiġi estiż għall-benefiċċju ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi inklużi dawk li għad ma kisbux status ta' residenza fuq medda twila ta' żmien. Bħala l-ewwel pass, it-tagħrif se jingħata dwar ir-regoli u proċeduri għad-dħul fis-suq tax-xogħol ta' l-UE u dwar id-domanda għal tipi speċifiċi ta' ħaddiema fi ħdan dawn is-swieq. |

    Tħeġġiġ ta' l-għarfien tal-vantaġġi tal-mobilità

    L-iżvilupp ta' strateġija ġenwina ta' mobilità għall-ħaddiema fl-UE tista' tkun effettiva biss jekk tibni fuq l-appoġġ attiv tal-partijiet interessati kollha. Xi ċittadini għadhom jeħtieġu li jiġu infurmati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom li jikkonċernaw il-moviment ħieles u biex ikunu konvinti dwar il-benefiċċji tal-mobilità għall-karriera professjonali tagħhom. Ir-raba' fergħa tal-Komunikazzjoni se ġġib 'il quddiem attivitajiet innovattivi ta' tqajjim ta' għarfien, l-iskambju ta' tagħrif u prassi tajba.

    Azzjonijiet Il-Kummissjoni se: 13. Torganizza kull sena 'Ġranet Ewropej għall-Impjieg' biex ittejjeb l-għarfien pubbliku dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-benefiċċji tal-mobilità, u tagħti spinta għall-iskambju ta' informazzjoni u l-aqwa prassi fost il-partijiet interessati kollha. 14. Tniedi s-'Sħubija Ewropea għall-Mobilità tax-Xogħol', inizjattiva li tospita netwerk ta' partijiet interessati impenjati li jiżviluppaw il-mobilità tax-xogħol fl-UE. 15. Tidentifika, fi ħdan il-Programm PROGRESS, l-appoġġ għall-iffinanzjar ta' attivitajiet bi prova, l-iskambju ta' prassi tajba, it-tixrid tar-riżultati dwar żviluppi ġodda u t-tiswir ta' skemi innovattivi. |

    Konklużjoni

    Il-mobilità tas-suq tax-xogħol kemm minn xogħol għal ieħor kif ukoll minn Stat Membru jew reġjun għal ieħor hija parti essenzjali ta' l-għanijiet ta' Liżbona. Hija komponenti importanti tat-tweġiba ta' l-Ewropa għall-bidla demografika u l-globalizzazzjoni. Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tippreżenta approċċ aktar integrat għall-mobilità tal-ħaddiema bħala mezz kemm biex toħloq l-impjieg kif ukoll biex tgħin l-iżvilupp personali ta' l-individwu. Hija sservi bħala tfakkira li ċ-ċittadini ta' l-UE għandhom dritt fondamentali li jiċċaqilqu bla xkiel fiż-ŻEE għal finijiet ta' xogħol, u tħeġġeġ il-partijiet interessati jiżguraw li n-nies ikunu konxji minn dan id-dritt u li jistgħu jħaddmuh taħt kundizzjonijiet tajbin.

    Biex tifhem aħjar id-deċiżjoni għall-mobilità u l-ostakli li jsib quddiemu individwu huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni ttejjeb aktar l-għarfien tagħha tal-fatti dwar il-mobilità u anki l-ġbir ta' data . Il-Kummissjoni se tħares mill-qrib lejn il-mobilità tax-xogħol biex tilħaq l-impenji tagħha u l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati ta' Adeżjoni ta' l-2003 u l-2005.

    Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress ta' l-azzjonijiet deskritti f'din il-Komunikazzjoni permezz ta' studji u stħarriġiet imwettqa fuq livell Ewropew, nazzjonali jew reġjonali, u bl-inklużjoni ta' stħarriġiet ta' l-Ewrobarometru fuq l-evoluzzjoni ta' l-attitudni u l-prassi taċ-ċittadini għal dak li huwa mobilità tax-xogħol.Rapport interim dwar l-implimentazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni se jiġi ppubblikat fl-2009.

    [1] Ara l-Linjigwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi (2005-2008), Linjagwida Nru 20.

    [2] Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà. COM(2007) 359 tas-27.6.2007.

    [3] Swieq tax-Xogħol Ġodda Ewropej, Miftuħin għal Kulħadd, b'Aċċess għal Kulħadd - COM(2001) 116 tat-28.2.2001.

    [4] Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Ħiliet u l-Mobilità - COM(2002) 72 tat-13.2.2002.

    [5] Rapport Finali dwar l-Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Ħiliet u l-Mobilità COM(2002) 72 finali - COM(2007) 24 tal-25.1.2007.

    [6] Stħarriġ Ekonomiku OECD 2007 - Unjoni Ewropea, Kapitolu 8: "It-tneħħija ta' l-ostakli għall-mobilità ġeografika tax-xogħol".

    [7] L-impatt ta' l-adeżjoni ta' l-Istati Membri ġodda huwa wkoll indirizzat mill-Kummissjoni fir-"Rapport dwar it-Tħaddim ta' l-Arranġamenti Tranżitorji stabbiliti fit-Trattat ta' Adeżjoni 2003 (perjodu 1 ta' Mejju 2004-30 April 2006)", COM(2006) 48 tat-8.2.2006.

    [8] Il-ħaddiema li jaqsmu l-fruntieri fl-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea.

    [9] Ara "Il-mobilità fuq distanzi twal fl-Ewropa: Biex jinstab bilanċ xieraq", Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kondizzjonijiet ta' Ħajja u Xogħol (2006) (http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2006/36/en/1/ef0636en.pdf ).

    [10] Per eżempju d-Direttiva 2005/36/KE dwar l-għarfien reċiproku tal-kwalifiki professjonali, li trid tiġi implimentata sa l-20.10.2007, ir-Reviżjoni tas-Suq Waħdieni, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-Servizzi fis-Suq Intern, li trid tiġi implimentata qabel l-aħħar ta' l-2009;Il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-eGvern COM(2006) 173 dwar l-użu ta' l-ICT għall-immodernizzar tas-servizzi tal-gvern, anki fid-dimensjoni trans-nazzjonali tagħhom; l-implimentazzjoni attwali tad-"Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika.

    [11] ĠU L 149, 05.07.1971, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 (ĠU L 392, 30.12.2006).

    [12] ĠU L 74, 27.03.1972, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 311/2007 tad-19.03.2007 (ĠU L 82, 23.03.2007).

    [13] Sakemm il-ħaddiem ma jkunx mibgħut mill-prinċipal tiegħu, f'liema każ jibqa' suġġett għar-regoli tas-sigurtà soċjali nazzjonali ta' l-Istat Membru fejn ikun impjegat. Kategorija oħra li titlob attenzjoni hija ta' dawk li jaħdmu fit-trasport internazzjonali fuq it-triq u fl-ajru.

    [14] COM(2006) 211 ta' l-10.05.2006: "Aġenda għaċ-Ċittadini Riżultati għall-Ewropa", COM(2007) 726 ta' l-20.11.2007: "Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn Viżjoni Soċjali għall-Ewropa fis-Seklu 21".

    [15] Fuq il-bażi ta' kwestjonarju mibgħut lill-partijiet kollha interessati (istituzzjonijiet u msieħba soċjali) f'Ġunju 2007.

    [16] Fosthom il-Kummissjoni Amministrattiva dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema Migranti kif ukoll il-Kumitati Konsultattivi dwar is-Sigurtà Soċjali u l-Moviment Ħieles tal-Ħaddiema.

    [17] L-implimentazzjoni tal-Programm ta' Liżbona tal-Komunità: proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-portabilità tad-drittijiet supplementari ta' pensjoni - COM(2005) 507 tat-30.11.2005.

    [18] Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għal titjib tal-mobilità tal-ħaddiem billi jittejbu l-kisba u ż-żamma tad-drittijiet supplementari ta' pensjoni COM(2007) 603 tad-9.10.2007.

    [19] Dan ir-Regolament se jieħu post ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 attwali.

    [20] Suġġett għad-dispożizzjonijiet proviżorji li dwarhom jistgħu jiftehmu l-Istati Membri fil-Kunsill.

    [21] L-implimentazzjoni tkun flessibbli u bil-mod il-mod. Ara COM(2003) 73 tat-2.2.2003.

    [22] Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ( European Qualifications Framework EQF) huwa qafas ta' referenza volontarju. L-Istati Membri se jkollhom rakkomandazzjoni li jorbtu s-sistemi ta' kwalifiki tagħhom miegħu sa l-2010 u li l-kwalifiki individwali tagħhom jkollhom referenza għall-EQF mill-2012.

    [23] Deċiżjoni al-Kunsill 005/600/KE tat-12 ta’ Lulju 2005 dwar Linji ta’ gwida għall-politika ta’ l-impjieg ta’ l-Istati Membri (ĠU L 205, 6.8.2005).

    [24] L-iżviluppi kollha ppjanati f'dan il-qasam se jkunu bi qbil mal-Linjigwida ta' EURES 2007-2010 li ġew approvati f'Ġunju 2006.

    [25] COM(2005) 669 tal-21.12.2005 Portal għall-Immigrazzjoni ppjanat għal ċittadini ta' pajjiżi terzi http://ec.europa.eu/justice_home/funding/tenders/2007_S158_196406/specifications_en.pdf

    [26] Propost fi COM(2007) 498 tal-5.9.2007 dwar "Il-Promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà".

    Top