This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0725
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions accompanying the Communication on "A single market for 21st century Europe" - Services of general interest, including social services of general interest: a new European commitment {COM(2007) 724 final} {SEC(2007) 1514} {SEC(2007) 1515} {SEC(2007) 1516}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Anċillari mal-Komunikazzjoni “Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21” Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid {KUMM(2007) 724 finali} {SEG(2007) 1514} {SEG(2007) 1515} {SEG(2007) 1516}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Anċillari mal-Komunikazzjoni “Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21” Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid {KUMM(2007) 724 finali} {SEG(2007) 1514} {SEG(2007) 1515} {SEG(2007) 1516}
/* KUMM/2007/0725 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 20.11.2007 KUMM(2007) 725 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Anċillari mal-Komunikazzjoni “Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21” Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid { KUMM(2007) 724 finali}{SEG(2007) 1514}{SEG(2007) 1515}{SEG(2007) 1516} WERREJ 1. Daħla 3 2. Ir-rwol ta’ l-UE: Ikunu żgurati regoli komuni filwaqt li tkun rispettata d-diverstià 3 2.1. L-ambitu ta’ l-azzjoni ta’ l-UE 4 2.2. Il-metodu: biex jintlaħqu għanijiet ta’ interess pubbliku f’suq uniku 6 2.3. Is-sitwazzjoni partikolari tas-servizzi soċjali 7 2.4. Is-sitwazzjoni partikolari tas-servizzi tas-saħħa 8 3. Il-Protokoll: qafas koerenti għal azzjoni ta’ l-UE 9 4. Nimxu ’l quddiem 12 4.1. Il-provvista ta’ gwida legali dwar kwistjonijiet trasversali 12 4.2. Il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki speċifiċi għas-settur 13 4.3. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni 15 5. Konklużjoni 15 1. DAħLA Il-ftehim mill-Kapijiet ta’ l-Istati u tal-Gvernijiet rigward Protokoll dwar servizzi ta’ interess ġenerali li ser jiġi anness mat-Trattat ta’ Lisbona huwa pass deċiżiv biex ikun stabbilit qafas trasparenti u affidabbli ta’ l-UE. It-Trattat dwar l-Iffunzjonar ta’ l-Unjoni Ewropea il-ġdid se jinkludi wkoll l-Artikolu 14 il-ġdid[1] li jenfasizza r-responsabbiltà konġunta ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri u jistabblixxi bażi ġuridika għall-azzjoni ta’ l-UE. Dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda jibnu fuq għaxar snin ta’ dibattitu dwar ir-responsabbiltajiet ta’ l-UE u dwar jekk l-UE għandiex tadotta jew le qafas ewlieni għal servizzi ta’ interess ġenerali. Dan id-dibattitu għen sabiex ikunu ġenerati fehmiet konverġenti dwar ir-rwol u l-metodu ta’ l-UE rigward servizzi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari wara l-White Paper tal-Kummissjoni ta’ l-2004[2] u l-opinjoni tal-Parlament ta’ l-2006[3]. Irriżulta ftehim ġenerali dwar il-ħtieġa li tkun żgurata ċertezza u konsistenza legali fil-politiki kollha ta’ l-UE, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità tas-setturi u tas-sitwazzjonijiet. Hemm ukoll rikonoxximent ġenerali tal-ħtieġa li jittejbu l-kuxjenza u l-fehim ġenerali tar-regoli ta’ l-UE. Billi jiġi spjegat x’inhu r-rwol ta’ l-Unjoni, il-Protokoll iġib iċ-ċarezza u ċ-ċertezza meħtieġa għar-regoli ta’ l-UE. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar dan id-dibattitu, b’mod partikolari fid-dawl tar-riżoluzzjoni tal-Parlament u t-Trattat ta’ Lisbona. Tagħmel użu wkoll mill-konsultazzjoni pubblika dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali li nbdiet fl- 2006. 2. IR-RWOL TA’ L-UE: IKUNU żGURATI REGOLI KOMUNI FILWAQT LI TKUN RISPETTATA D-DIVERSITÀ Is-servizzi ta’ interess ġenerali jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, mill-industriji ta’netwerk il-kbar bħas-servizzi ta’ l-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet, tat-trasport, tax-xandir awdjoviżiv u s-servizzi postali, għal servizzi edukattivi, tal-provvista ta’ l-ilma, tal-ġestjoni ta’ l-iskart, is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Dawn is-servizzi huma essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u ta’ l-intrapriżi u jirriflettu l-mudell tas-soċjetà ta’ l-Ewropa. Għandhom rwol ewlieni sabiex jiżguraw koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali ma’ l-Unjoni kollha u huma vitali għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-UE f’termini ta’ livelli ogħla ta’ impjiegi, ta’ inklużjoni soċjali, ta’ tkabbir ekonmiku u ta’ kwalità ambjentali. Għalkemm l-ambitu u l-organizzazzjoni tagħhom jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skond l-istorji u l-kulturi ta’ l-intervent mill-Istat, jistgħu jiġu definiti bħala s-servizzi, kemm ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi, li l-awtoritajiet pubbliċi jikklassifikaw bħala li huma ta’ interess ġenerali u suġġetti għal obbligi speċifiċi tas-servizz pubbliku. Dan ifisser li hija essenzjalment ir-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, fuq il-livell rilevanti, li jiddeċiedu dwar in-natura u l-ambitu ta’ servizz ta’ interess ġenerali. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiddeċiedu li jwettqu s-servizzi huma stess jew jistgħu jiddeċiedu li jafdawhom lil entitajiet oħra, li jistgħu jkunu pubbliċi jew privati, u jistgħu jaġixxu għal qligħ jew mhux għal qligħ. Fl-istess ħin, il-fornituri ta’ dawn is-servizzi jridu jirrispettaw ir-regoli stabbiliti fit-Trattat KE u fil-liġi sekondarja ta’ l-UE, fejn dawn ikunu applikabbli. Barra minn hekk, meta titqies id-dimensjoni ta’ l-UE tagħhom, numru ta’ industriji netwerk li jwettqu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali issa huma suġġetti għal direttivi ta’ l-UE speċifiċi għas-setturi. Fi sħubija ma’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-UE għalhekk għandha rwol biex tqiegħed f’kuntest il-prinċipji u l-kundizzjonijiet biex jitħaddmu firxa wiesgħa ta’ servizzi. Din ir-responsabbiltà kondiviża hija riflessa fit-Trattat u ser tiġi enfasizzata fil-Protokoll dwar servizzi ta’ interess ġenerali li ser jiġi anness mat-Trattat ta’ Lisbona. 2.1. L-ambitu ta’ l-azzjoni ta’ l-UE Skond il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, l-UE tintervjeni fi ħdan il-kompetenzi fdati lilha mit-Trattat u safejn ikun meħtieġ. L-azzjoni tagħha tirrispetta d-diversità tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri u r-rwoli ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiżguraw il-benesseri taċ-ċittadini tagħhom u biex jippromwovu koeżjoni soċjali filwaqt li jiggarantixxu għażliet demokratiċi rigward, fost l-oħrajn, il-livell tal-kwalità tas-servizzi. Għall-ewwel darba, il-Protokoll jintroduċi l-kunċett ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fil-liġi primarja ta’ l-UE filwaqt li t-Trattat KE kurrenti jirreferi biss għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Kif inhuma l-affarijiet issa, jistgħu jintgħarfu żewġ ġabriet ta’ servizzi ta’ interess ġenerali għal finijiet deskrittivi, f’termini ta’ kif jiġu gvernati mir-regoli ta’ l-UE: - Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali : il-provvista u l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi huma suġġetti għar-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE peress li l-attivitajiet tagħhom huma ta’ natura ekonomika. Fil-każ ta’ industriji netwerk kbar li għandhom dimensjoni Ewropea ċara, bħas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, ta’ l-elettriku, tal-gass, tat-trasport u s-servizzi postali, is-servizzi jiġu regolati minn qafas leġiżlattiv speċifiku ta’ l-UE. Bl-istess mod, ċerti aspetti tax-xandir tas-servizz pubbliku huma koperti minn leġiżlazzjoni speċifika ta’ l-UE, bħad-direttiva dwar “televiżjoni mingħajr fruntieri”. Servizzi oħra ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħal dawk fil-qasam tal-ġestjoni ta’ l-iskart, tal-provvista ta’ l-ilma jew tat-trattament ta’ l-ilma tad-drenaġġ, mhumiex suġġetti għal reġim regolatorju awtonomu fuq il-livell ta’ l-UE. Madankollu, regoli Komunitarji speċifiċi bħal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, il-ħarsien ambjentali u tal-konsumatur japplikaw għal ċerti aspetti tas-servizz. Barra minn hekk, numru ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma wkoll suġġetti għall-qafas regolatorju stabbilit mid-Direttiva dwar is-Servizzi[4]. - Servizzi mhux ekonomiċi : dawn is-servizzi, pereżempju l-prerogattivi tradizzjonali ta’ l-Istat bħall-pulizija, il-ġustizzja u l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali mhumiex suġġetti għal leġiżlazzjoni speċifika ta’ l-UE, u lanqas mhuma koperti mir-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Uħud mill-aspetti ta’ l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi jistgħu jkunu suġġetti għal regoli oħra tat-Trattat, bħall-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Ta’ spiss tqajmet il-kwistjoni ta’ kif issir distinzjoni bejn servizzi ekonomiċi u mhux ekonomiċi. It-tweġiba ma tistax tingħata a priori u teħtieġ analiżi każ b’każ: ir-realtà ta’ dawn is-servizzi ta’ spiss hija waħda speċifika u tvarja ferm minn Stat Membru għall-ieħor, u tabilħaqq minn awtorità lokali għall-oħra; il-modi li bihom dawn jiġu provduti qed jevolvu kostantement bħala reazzjoni għal żviluppi ekonomiċi, soċjali u istituzzjonali ġodda, bħal bidla fit-talbiet tal-konsumatur, bidla teknoloġika, il-modernizzazzjoni ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi u d-devoluzzjoni tar-responsabbiltajiet fuq il-livell lokali. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, mhux is-settur jew l-istatus ta’ entità li twettaq servizz (eż. jekk l-entità tkunx intrapriża pubblika, intrapriża privata, assoċjazzjoni ta’ intrapriżi jew parti mill-amministrazzjoni ta’ l-Istat), lanqas il-mod li bih tiġi finanzjata, li jiddetermina jekk l-attivitajiet tagħha jitqiesux ekonomiċi jew mhux ekonomiċi; hija n-natura ta’ l-attività nfisha. Sabiex issir id-distinzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tistrieħ fuq ġabra ta’ kriterji relatati mal-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-servizz meqjus, bħall-eżistenza ta’ suq, il-prerogattivi ta’ l-Istat jew l-obbligi ta’ solidarjetà. Fil-prattika, dan ifisser li entità waħda tista’ tkun involuta kemm f’attivitajiet ekonomiċi kif ukoll f’attivitajiet mhux ekonomiċi u għalhekk tkun suġġetta għar-regoli tal-kompetizzjoni għal parti mill-attivitajiet tagħha imma mhux għal oħrajn. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li entità partikolari tista’ tkun involuta, fuq in-naħa l-waħda, f’attivitajiet amministrattivi li ma jkunux ekonomiċi, bħall-kompiti tal-pulizija, u min-naħa l-oħra f’attivitajiet purament kummerċjali[5]. Entità tista’ wkoll tkun involuta f’attivitajiet mhux ekonomiċi fejn tagħmilha ta’ fond ta’ karità u fl-istess ħin tikkompeti ma’ operaturi oħra għal parti oħra mill-attività tagħha billi twettaq operazzjonijiet finanzjarji jew ta’ proprjetà ta’ beni immobbli, anki fuq bażi mhux bi qligħ[6]. Skond dan il-metodu funzjonali, kull attività għalhekk trid tiġi analizzata separatament[7]. Biex servizz partikolari jikkwalifika bħala attività ekonomika skond ir-regoli tas-suq intern (moviment ħieles tas-servizz u libertà ta’ stabbiliment), il-karatteristika essenzjali ta’ servizz tkun dik li jrid ikun provdut għal remunerazzjoni. Is-servizz, madankollu, mhux bilfors irid jitħallas minn dawk li jibbenefikaw minnu. In-natura ekonomika ta’ servizz ma tiddependix mill-istatus legali tal-fornitur tas-servizz (bħal entità li ma tagħmilx qligħ) jew min-natura ta’ servizz, iżda aktar fuq il-mod li attività partikolari fil-fatt tingħata, tiġi organizzata u ffinanzjata. Fil-prattika, minbarra l-attivitajiet b’rabta ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, li fuqha ma japplikawx ir-regoli tas-suq intern skond l-Artikolu 45 tat-Trattat tal-KE, ifisser li l-maġġoranza l-kbira tas-servizzi jistgħu jitqiesu bħala “attivitajiet ekonomiċi” fit-tifsira tar-regoli tat-Trattat KE dwar is-suq intern (l-Artikoli 43 u 49). F’dan l-isfond, f’dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni tas-servizzi soċjali kienet is-suġġett ta’ diskussjoni. Is-servizzi soċjali jistgħu jkunu ta’ natura ekonomika jew mhux ekonomika skond l-attività meqjusa. Għalkemm mhumiex definiti, il-Komunikazzjoni ta’ l-2006 identifikat żewġ tipi ġenerali ta’ servizzi soċjali: l-ewwelnett, skemi statutorji u komplementari tas-sigurtà soċjali, organizzati b’modi differenti (organizzazzjonijiet reċiproċi jew okkupazzjonali), li jkopru r-riskji ewlenin tal-ħajja, bħal dawk marbuta mas-saħħa, mat-tixjiħ, ma’ l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, mal-qgħad, ma’ l-irtirar u mad-diżabbiltà; it-tieninett, servizzi oħra provduti direttament lill-persuna bħal servizzi ta’ għajnuna soċjali, servizzi ta’ impjieg u ta’ taħriġ, djar soċjali jew kura fit-tul. Dawn is-servizzi huma tipikament organizzati fuq livell lokali u huma ferm dipendenti fuq il-finanzjament pubbliku. 2.2. Il-metodu: biex jintlaħqu għanijiet ta’ interess pubbliku f’suq uniku Jekk servizz ta’ interess ġenerali jitqies bħala wieħed ekonomiku, ikun suġġett għal regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni. Dan jista’ jwassal għal mistoqsijiet dwar jekk l-applikazzjoni sħiħa ta’ dawn ir-regoli tkunx kompatibbli ma’ l-insegwiment tal-missjonijiet speċifiċi ta’ interess ġenerali assenjati lis-servizz. Fuq il-livell tat-Trattat, dawn is-sitwazzjonijiet jiġu indirizzati mill-Artikolu 86(2) kif ġew interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja[8]. Din tipprovdi li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-prinċipju jkunu suġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat. Madankollu, fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tostakola t-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari ta’ interess ġenerali assenjati lilhom, dawn is-servizzi jistgħu jibbenefikaw minn deroga mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, prinċipalment rigward il-proporzjonalità tal-kumpens ipprovdut lill-intrapriżi fdati bit-tħaddim ta’ dawn is-servizzi. Kif ġie enfasizzat fil-White Paper ta’ l-2004, il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet ta’ l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kwalità għolja, aċċessibbli, u għall-bwiet ta’ kulħadd ta’ interess ekonomiku ġenerali u ta’ suq intern miftuħ u kompetittiv huma kompatibbli u għandhom jagħtu appoġġ lil xulxin. Pereżempju, l-esperjenza fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet u tat-trasport, jew fuq livell lokali (eż. l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku) turi li s-swieq li huma miftuħin għall-kompetizzjoni jikkontribwixxu għal titjib fl-effiċjenza, fi prezzijiet għall-bwiet ta’ kulħadd u fl-għażla tas-servizzi offruti. Fl-istess ħin, jistgħu jinżammu dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex ikun żgurat li jintlaħaq bilanċ. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-għotja ta’ drittijiet esklussivi jew speċjali għal uħud mis-servizzi, kif ukoll miżuri maħsuba sabiex jirregolaw swieq, bħal rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni, sakemm ikunu ġustifikati minn għanijiet ta’ interess pubbliku u jkunu proporzjonati għall-għanijiet insegwiti[9]. Fil-liġi sekondarja, l-eżerċizzju ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kuwa wkoll ikkunsidrat fid-Direttiva dwar is-Servizzi[10]. Il-ħila li l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali tkun ikkombinata ma’ l-iżvilupp ta’ suq uniku Ewropew hija deskritta partikolarment sew mis-sensiliet ta’ politiki speċifiċi għas-setturi li ġew żviluppati sa minn kmieni fis-snin 90 tas-seklu 20 għall-industriji netwerk bħas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, ta’ l-enerġija, tat-trasport u s-servizzi postali, li llum jirrappreżentaw aktar minn 7% tal-PGD u 5% ta’ l-impjiegi totali fl-UE. Il-ftuħ gradwali ta’ dawn is-setturi għall-kompetizzjoni mexa pari passu mad-definizzjoni ta’ numru ta’ obbligi tas-servizz pubbliku għal kull settur, fejn ikopri aspetti bħas-servizz universali, id-drittijiet tal-konsumaturi u ta’ l-utenti, u t-tħassib dwar is-saħħa u s-sikurezza. Dawn l-oqfsa settorjali jispeċifikaw ukoll l-ambitu ta’ intervent ta’ politika pubblika fir-regolamentazzjoni ta’ dawn in-netwerks, b’referenza partikolari għar-rwol ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Dawn l-oqfsa speċifiċi għas-setturi qegħdin jiġu modernizzati fid-dawl ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi jew ta’ l-isfidi globali, bħall-bidla klimatika, u minħabba tkabbir suċċessiv li ħoloq aktar diversità fil-metodu ta’ l-Istati Membri rigward servizzi ta’ interess ġenerali. 2.3. Is-sitwazzjoni partikolari tas-servizzi soċjali F’April 2006, il-Kummissjoni tat bidu għal konsultazzjoni wiesgħa ma’ l-Istati Membri, mal-fornituri tas-servizzi u ma’ l-utenti tas-servizzi sabiex tifhem aħjar in-natura ta’ dawn is-servizzi min-naħa għall-oħra ta’ l-UE u tivvaluta l-esperjenza tal-partijiet interessati fl-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji[11]. Għalkemm il-funzjonijiet u l-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali jvarjaw ferm, il-konsultazzjoni enfasizzat l-importanza li għandhom sabiex jintlaħqu l-għanijiet bażiċi ta’ l-UE bħall-kisba ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, livell għoli ta’ impjiegi, inklużjoni soċjali u tkabbir ekonomiku, kif ukoll l-interkonnessjoni mill-qrib tagħhom mar-realitajiet lokali. Għanijiet u prinċipji ta’ organizzazzjoni tas-servizzi soċjali Ta’ spiss ikun hemm il-ħsieb li s-servizzi soċjali jilħqu numru ta’ għanijiet speċifiċi: - huma servizzi orjentati lejn il-persuna, imfassla sabiex iwieġbu għal ħtiġiet vitali tal-bniedem, b’mod partikolari l-ħtiġiet ta’ utenti li jinsabu f’pożizzjoni vulnerabbli; jipprovdu ħarsien minn riskji ġenerali u speċifiċi tal-ħajja u jgħinu fl-isfidi jew fil-kriżijiet personali; jiġu provduti wkoll lill-familji f’kuntest ta’ mudelli familjari li qed jinbidlu, jappoġġjaw ir-rwol tagħhom fil-kura kemm tal-membri żgħar kif ukoll dawk anzjani tal-familja, kif ukoll jieħdu ħsieb il-persuni b’diżabbiltajiet, u jikkumpensaw għal nuqqasijiet possibbli fi ħdan il-familji; huma strumenti ewlenin għas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tad-dinjità tal-bniedem; - għandhom rwol preventiv u li jgħaqqad soċjalment, li huwa mmirat lejn il-popolazzjoni kollha, indipendentement mill-ġid jew mid-dħul; - jikkontribwixxu għan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għall-ħarsien ta’ saħħet il-bniedem, għat-titjib ta’ l-istandards ta’ l-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja u sabiex ikun żgurat il-ħolqien ta’ opportunijiet ugwali għal kulħadd, biex b’hekk titkabbar il-ħila ta’ l-individwi li jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà. Dawn l-għanijiet huma riflessi fil-modi li bihom dawn is-servizzi jiġu organizzati, jingħataw jew jiġu ffinanzjati: - sabiex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet multipli tal-persuni bħala individwi, is-servizzi soċjali għandhom ikunu komprensivi u personalizzati, maħluqa u mogħtija b’mod integrat; ta’ spiss jinvolvu relazzjoni personali bejn ir-riċevent u l-fornitur tas-servizz; - id-definizzjoni u l-għotja ta’ servizz jridu jqisu d-diversità ta’ l-utenti; - meta jkun bħala tweġiba għall-ħtiġiet ta’ utenti vulnerabbli, is-servizzi soċjali ta’ spiss ikunu ikkaratterizzati minn relazzjoni assimettrika bejn il-fornituru u l-benefiċjarji li hija differenti minn relazzjoni bejn fornitur kummerċjali u konsumatur; - billi ħafna drabi dawn is-servizzi jkollhom l-għeruq tagħhom fi tradizzjonijiet kulturali, jintgħażlu soluzzjonijiet imfassla għall-każ partikolari b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tas-sitwazzjoni lokali, li jiggarantixxu prossimità bejn il-fornitur tas-servizz u l-utent filwat li jiżfuraw aċċess ugwali tas-servizzi mit-territorju kollu. - il-fornituri tas-servizzi ta’ spiss jeħtieġu awtonomija kbira sabiex jindirizzaw il-varjetà u n-natura li tevolvi tal-ħtiġiet soċjali; - dawn is-servizzi ġeneralment ikunu gwidati mill-prinċipju tas-solidarjetà u huma ferm dipendenti fuq il-finanzjament pubbliku, sabiex tkun żgurata ugwaljanza ta’ aċċess, indipendenti mir-rikkezza jew mid-dħul; - ta’ spiss il-fornituri mhux bi qligħ kif ukoll ħaddiema volontarji jkollhom rwol fl-għoti tas-servizzi soċjali, biex h’hekk jesprimu l-ħila taċ-ċittadinanza u jagħtu kontribut għall-inklużjoni soċjali, għall-koeżjoni soċjali tal-komunitajiet lokali u għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-konsultazzjoni enfasizzat ukoll il-fatt li dawn is-servizzi huma kollha involuti fi proċess importanti ta’ modernizzazzjoni sabiex iwieġbu aħjar għal sfidi ġodda bħall-ħtiġiet li qed jinbidlu taċ-ċittadini Ewropej u l-impatt tat-tixjiħ, filwaqt li fl-istess ħin jiffaċċjaw limiti finanzjarji. Dan il-proċess ta’ spiss irriżulta f’bidliet profondi fil-mod li bih dawn is-servizzi jiġu organizzati, ipprovduti u ffinanzjati, inkluża l-emerġenza ta’ oqsma ġodda ta’ azzjoni, l-użu tad-delegazzjoni (outsourcing) ta’ servizzi li qabel kienu jipprovduhom direttament l-awtoritajiet pubbliċi u żjieda fid-devoluzzjoni tal-kompetenzi fuq il-livell lokali. L-effett ikkombinat ta’ dawn il-bidliet huwa li numru dejjem ikbar ta’ attivitajiet imwettqa kuljum mis-servizzi soċjali issa qed jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-KE. L-effett kollu ta’ dawn il-bidliet huwa li għadd dejjem jikber ta’ attivitajiet li jitwettqu ta’ kuljum mis-servizzi soċjali issa jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-KE safejn ikunu kkunisdrati ta’ natura ekonomika. L-awtoritajiet lokali u l-fornituri ż-żgħar b’mod partikolari jista’ ma jkollhomx kuxjenza u informazzjoni dwar ir-regoli ta’ l-UE, li jista’ jwassal għal konfużjoni u għal applikazzjoni ħażina tar-regoli fil-prattika. L-awtoritajiet lokali u l-fornituri żgħar, b’mod partikolari, jista’ jonqoshom l-għarfien u l-informazzjoni dwar ir-regoli ta’ l-UE, u dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ftehim u applikazzjoni ħażina tar-regoli fil-prattika. B’mod partikolari, xi drabi l-awtoritajiet pubbliċi u l-fornituri tas0servizzi fil-qasam soċjali jkunu anqas konxji minn setturi oħra dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ l-Artikolu 86(2) li jidher hawn fuq. L-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(2) teħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw ċerti kundizzjonijiet bażiċi li ġew żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ġew deskritti mill-Kummissjoni, prinċipalment fit-testi dwar l-għajnuna mill-Istat li ġew adottati wara s-sentenza Altmark, li fil-prattika jeżenta min-nofitika l-maġġoranza kbira tas-servizzi li jitwettqu fil-livell lokali. Fost dawn il-kundizzjonijiet, irid jiġi assenjat mandat ċar mill-awtorità pubblika kompetenti lill-fornitur tas-servizz rigward it-tħaddim tas-servizz in kwistjoni. Għalhekk huwa importanti li l-Istati Membri jiżguraw li tali adozzjoni ta’ atti ta’ fiduċja effettivament issir għas-servizzi kollha ta’ interess ekonomiku ġenerali, inkluża l-provvista ta’ servizzi soċjali, sabiex tkun provduta ċertezza u trasparenza legali adegwata fil-konfront taċ-ċittadini. Kif se jiġi spjegat fil-qosor aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni hija impenjata li tipprovdi spjegazzjonijiet dwar ir-regoli applikabbli u li tgħin fil-proċess ta’ modernizzazzjoni li fih huma involuti s-servizzi soċjali, filwaqt li tirrispetta b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u r-responsabbiltajiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. 2.4. Is-sitwazzjoni partikolari tas-servizzi tas-saħħa Is-servizzi tas-saħħa huma wkoll parti minn qafas aktar ġenerali ta’ servizzi ta’ interess ġenerali. L-Artikolu 152 tat-Trattat jagħmilha ċara li azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa trid tirrispetta r-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri għall-organizzazzjoni, għall-finanzjament u għall-għotja tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura medika. B’mod parallel għall-ħidma fuq is-servizzi soċjali, il-Kummissjoni dan l-aħħar għamlet konsultazzjoni miftuħa rigward l-azzjoni Komunitarja u d-diffikultajiet possibbli bl-applikazzjoni tal-liġi tal-KE[12]. Hija tippjana li tressaq proposti li jistabbilixxu qafas għal servizzi tas-saħħa transkonfinali li jkunu sikuri, ta’ kwalità għolja u effiċjenti, anke b’kunsiderazzjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-valuri u l-prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa ta’ l-Unjoni Ewropea” adottati f’Ġunju 2006. 3. IL-PROTOKOLL: QAFAS KOERENTI GħAL AZZJONI TA’ L-UE Il-Protokoll anness mat-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi qafas koerenti li se jiggwida l-azzjoni ta’ l-UE u jagħmilha ta’ referenza għal-livelli kollha ta’ governanza. Billi jiċċara l-prinċipji u jistabbilixxi l-valuri komuni wara l-politiki ta’ l-UE, jagħti viżibbiltà, trasparenza u ċarezza lill-metodu ta’ l-UE applikabbli għas-servizzi ta’ interess ġenerali. Protokoll dwar servizzi ta’ interess ġenerali Il-konferneza intergovernattiva li ltaqgħet f’Lisbona f’Ottubru 2007 qablet li żżid il-Protokoll li ġej bħala anness tat-Trattat ta' Lisbona[13]: “Il-Partijiet Kontraenti Għoljin, Filwaqt li jixtiequ jenfasizzaw l-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali, Qablu dwar id-dispożizzjonijiet interpretattivi li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar l-Iffunzjonar ta’ l-Unjoni: Artikolu 1 Il-valuri kondiviżi ta’ l-Unjoni rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 14 dwar l-Iffunzjonar ta’ l-Unjoni Ewropea jinkludu b’mod partikolari: - ir-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jipprovdu, jikkummissjonaw, u jorganizzaw servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mill-aktar qrib possibbli għall-ħtiġiet ta’ l-utenti; - id-diversità bejn is-servizzi differenti ta’ interess ekonomiku ġenerali u d-differenzi fil-ħtiġiet u fil-preferenzi ta’ l-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti; - livell għoli ta’ kwalità, ta’ sikurezza u ta’ prezzijiet għall-bwiet ta’ kulħadd, trattament ugwali u l-promozzjoni ta’ l-aċċess universali u tad-drittijiet ta’ l-utenti. Artikolu 2 Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jaffetwaw bl-ebda mod il-kompetenza ta’ l-Istati Membri biex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”. Il-Protokoll jibni fuq, u jisħaq mill-ġdid fuq, numru ta’ prinċipji aktar operattivi li jiggwidaw ħidmet l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u b’mod partikolari dik tal-Kummissjoni, bħal: - Ir-rwol u d-diskrezzjoni wiesgħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fit-tħaddim ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mill-aktar qrib possibbli għall-ħtiġiet ta’ l-utenti: Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandhom ikunu reattivi u jingħataw mill-aktar qrib possibbli liċ-ċittadini u lin-negozji. L-azzjoni ta’ l-UE għandha tirrispetta l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri huma ħielsa li jiddefinixxu dak li jqisu li huma s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u għandhom diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeċiedu kif jorganizzaw, jirregolaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi, skond il-liġi ta’ l-UE u fi ħdan il-limiti ta’ żball manifest. B’mod partikolari, ir-regoli tal-kompetizzjoni u r-regoli tas-suq intern ma japplikawx għal attivitajiet mhux ekonomiċi. - Ir-rispett tad-diversità tas-servizzi, tas-sitwazzjonijiet, u tal-ħtiġiet u tal-preferenzi ta’ l-utenti: Id-differenzi bejn id-diversi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u l-ħtiġiet u l-preferenzi differenti taċ-ċittadini, ta’ l-utenti u tal-konsumaturi li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, ġeografiċi, kulturali u fiżiċi differnti għandhom jiġu rispettati. Id-diversità li tikkaratterizza tali sitwazzjonijiet, is-sitwazzjonijiet fejn jiġu provduti, il-karatteristiċi tal-fornituri tas-servizzi u l-ħtieġa għal flessibbiltà sabiex is-servizzi jiġu adattati għal ħtiġiet differenti għandhom jitqiesu b’mod xieraq: dan huwa partikolarment rilevanti fil-każ tas-servizzi soċjali. Ir-regolamentazzjoni rilevanti għandha tkun aġġornata regolarment sabiex tkopri l-iżviluppi l-ġodda li jkun hemm maż-żmien, bħall-innovazzjoni teknoloġika. - Biex jintlaħaq livell għoli ta’ kwalità, ta’ sikurezza u ta’ prezzijiet għall-bwiet ta’ kulħadd: Il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu ta’ kwalità għolja, sikuri u għall-bwiet ta’ kulħadd huwa għan essenzjali ta’ l-azzjoni ta’ l-UE. Din tinkludi l-aċċess għas-servizzi, inklużi s-servizzi transkonfinali; il-valur għall-flus u livell finanzjarju tas-servizzi li jintlaħaq mill-bwiet ta’ kulħadd, inklużi l-iskemi speċjali għall-persuni bi dħul baxx u bi ħtiġiet speċjali, li huwa partikolarment importanti fil-każ tas-servizzi soċjali; is-sikurezza fiżika, l-affidabbiltà u l-kontinwità; il-kwalità għolja u l-għażla; it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni mill-fornituri u mir-regolaturi. Fejn ikun xieraq biex l-UE taġixxi, l-istrumenti ta’ l-UE speċifiċi għas-settur għandhom jistabbilixxu regoli li jiżguraw il-kwalità, is-sigurtà u s-sikurezza tal-prodotti u tas-servizzi għall-konsumaturi u għall-utenti b’mod ġenerali, kif ukoll għall-persuni kollha involuti fil-produzzjoni tagħhom. - Ikun żgurat trattament ugwali u tingħata promozzjoni lil aċċess universali: L-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huwa rikonoxxut bħala dritt fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta’ l-UE. Dan jinkludi li jkun żgurat trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni fl-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fejn regola ta’ l-UE speċifika għal settur tkun ibbażata fuq il-kunċett ta’ servizz universali, għandha tistabbilixxi d-dritt ta’ kulħadd li jkollu aċċess għal ċerti servizzi meqjusa bħala essenzjali u għandha timponi obbligi fuq il-fornituri tas-servizzi sabiex joffru servizzi definiti skond kundizzjonijiet speċifiċi, inkluża koperatura sħiħa tat-territorju u bi prezz għall-bwiet ta’ kulħadd. Is-servizz universali jipprovdi għal ġabra minima ta’ drittijiet u ta’ obbligi, li bħala regola ġenerali jista’ jkun żviluppat aktar fuq livell nazzjonali. Huwa kunċett dinamiku, li jeħtieġ li jiġi aġġornat regolarment settur b’settur. Il-promozzjoni ta’ l-aċċess fit-territorju kollu ta’ l-Unjoni huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali fl-UE, kif issemma aktar ’il fuq fil-każ tas-servizzi soċjali. It-territorji b’nuqqas ġeografiku jew naturali, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-gżejjer, il-muntanji, iż-żoni li ma tantx huma popolati u l-fruntieri esterni, ta’ spiss jiffaċċjaw sfidi f’termini ta’ aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali, minħabba l-bogħod li għandhom mis-swieq ewlenin jew minħabba ż-żjieda fl-ispiża biex ikun hemm konnessjoni. Dawn il-ħtiġiet speċifiċi jridu jitqiesu. - Is-sostenn tad-drittijiet ta’ l-utenti: Id-drittijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u ta’ l-utenti għandhom ikunu speċifikati, promossi u sostnuti. Il-ħila tal-konsumaturi u ta’ l-utenti, inklużi l-persuni vulnerabbli jew b’diżabbiltà; li jieqfu għal drittijiethom, speċjalment id-dritt tagħhom għal aċċess, ta’ spiss teħtieġ l-eżistenza ta’ regolaturi indipendenti bi staff adattat u b’segħat u bi dmirijiet iddefiniti b’mod ċar. Dawn jinkludu s-setgħat ta’ sanzjoni, b’mod partikolari l-ħila li jiġu monitorjati t-traspożizzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ servizz universali. Dawn jeħtieġu wkoll dispożizzjonijiet għar-rappreżentazzjoni u għall-parteċipazzjoni attiva tal-konsumaturi u ta’ l-utenti fid-definizzjoni u fl-evalwazzjoni tas-servizzi, id-disponibbiltà ta’ kumpens xieraq u ta’ mekkaniżmi ta’ kumpens, u l-eżistenza ta’ klawżola ta’ analiżi li tippermetti li r-rekwiżiti jiġu adattati maż-żmien biex jirriflettu żviluppi soċjali, teknoloġiċi u ekonomiċi ġodda. Ir-regolaturi għandhom ukoll jimmonitorjaw l-iżviluppi fis-suq u jipprovdu data għal finijiet ta’ evalwazzjoni. - Servizzi mhux ekonomiċi : Kif issemma aktar ’il fuq, dawn is-servizzi mhumiex suġġetti għal leġiżlazzjoni ta’ l-UE speċifika, u lanqas mhuma koperti mir-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat il-ġdid, li se jagħti l-effett legali lid-dispożizzjonijiet il-ġodda, il-Kummissjoni bi ħsiebha tuża l-Protokoll u l-prinċipji bħala livell ta’ referenza sabiex tikkontrolla l-konsistenza u l-proprozjonalità tal-politiki u ta’ l-inizjattivi ta’ l-UE. 4. NIMXU ’L QUDDIEM Fuq il-bażi tal-Protokoll, u skond il-metodu tal-Parlament, il-Kummissjoni se tkompli tikkonsolida l-qafas ta’ l-UE applikabbli għas-servizzi ta’ interess ġenerali, inkluż għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, billi tipprovdi soluzzjonijiet konkreti għal problemi konkreti fejn jeżistu. Bil-progress li sar, l-attenzjoni għandha tkun ikkonċentrata dejjem aktar fuq it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni t-tajbin tar-regoli ta’ l-UE, b’enfasi akbar fuq il-monitoraġġ tar-riżultati għall-utenti u għall-konsumaturi, it-tixrid ta’ l-informazzjoni u l-iskambju tal-prattiki, il-monitoraġġ ta’ l-infurzar u l-evalwazzjoni tar-rendiment. Il-Kummissjoni tipprevedi taħlita ta’ azzjonijiet speċifiċi għas-setturi u speċifiċi għall-kwistjonijiet tul it-tliet assi li ġejjin: 4.1. Il-provvista ta’ gwida legali dwar kwistjonijiet trasversali Il-Kummissjoni hija konxja li l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tista’ tagħti lok għal mistoqsijiet u li numru ta’ kjarifiki jew ta’ spjegazzjonijiet legali dwar ir-regoli ta’ l-UE huma regolarment imfittxija fid-diversi oqsma. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija impenjata li tagħti l-opportunità lill-utenti u lill-prattikanti biex jiksbu tweġibiet għal mistoqsijiet prattiċi, spjegazzjonijiet u interpretazzjonijiet malajr. It-tweġibiet għall-mistoqsijiet imqajma se jkunu pubblikati u permezz ta’ sit web apposta se jkun ipprovdut aġġornament xieraq li jirrifletti l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq bażi regolari. Bħala l-ewwel eżempju, sett ta' tweġibiet ippubblikati flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni li jwieġbu kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ l-akkwisti pubbliċi u r-regoli ta’ għajnuna mill-Istat, prinċipalment dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali[14]. Servizz ta’ informazzjoni interattiv Dalwaqt se jiġi stabblit servizz onlajn apposta u interattiv għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini, tal-fornituri tas-servizzi, ta’ l-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati kollha biex jipprovdi informazzjoni u jippermettilhom isaqsu mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni tal-liġi ta’ l-UE. It-tweġibiet għal mistoqsijiet li jsiru frekwentement, ibda bil-mistoqsijiet li jsiru fil-kuntest tal-konsultazzjoni dwar is-servizzi soċjali, se jitqiegħdu fuq is-sit web tal-Kummisjsoni. Il-Kummissjoni tistenna li dan l-istrument jista’ jgħin lill-atturi fuq livelli lokali u reġjonali, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi soċjali, sabiex jiżviluppaw fehim tajjeb tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-UE, u li maż-żmien il-mistoqsijiet rilevanti kollha li jsiru fil-prattika se jkunu koperti b’mod prattiku u li jiffavorixxi lill-utent. Fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, id-deċiżjoni u l-qafas dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku li ġie adottat fl-2005 (ta’ spiss jissejjaħ il-“pakkett ta’ Altmark”[15]) diġà għamel kontribuzzjoni sinifikanti għas-semplifikazzjoni tar-regoli applikabbli, skond prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar. Dawn it-testi jirrispettaw b’mod sħiħ il-libertà wiesgħa ta’ l-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kompiti tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Dawn jagħtu l-opportunità lill-Istati Membri biex jiżguraw dawn il-missjonijiet permess ta’ att ta’ fiduċja, u li jikkumpensaw għall-ispejjeż netti kollha li jsiru mill-kumpaniji inkarigati minn tali servizzi. F’dan il-kuntest, is-separazzjoni tal-kontijiet tagħti l-possibbiltà li tintlaħaq trasparenza u jiġi evitat kumpens żejjed. Barra minn hekk, il-kumpensi għal servizzi li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet huma għalkollox eżentati min-notifika, sakemm l-ammont tagħhom ikun iċken minn EUR 30 miljun fis-sena, jew saħansitra mingħajr limiti fil-qasam tad-djar soċjali u ta’ l-isptarijiet. Fil-prattika dan jeżenta min-notifika l-parti l-kbira tas-servizzi mwettqa fuq il-livell lokali. Il-Kummissjoni se tevalwa u tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-pakkett dwar l-għajnuna mill-Istat sa tmiem l-2009 u se tqis jekk taġġornahx f’dan il-kuntest. Fil-qasam tas-sħubiji u tal-konċessjonijiet bejn il-pubbliku u l-privat, hemm numru ta’ kwistjonijiet pendenti u/jew emerġenti. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta Komunikazzjoni interpretattiva dwar is-sħubija istituzzjonalizzati bejn il-pubbliku u l-privat bil-għan li jiġu ċċarati r-regoli applikabbli. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ valutazzjoni ta’ impatt, il-Kummissjoni qed tqis ukoll aktar passi sabiex tiċċara r-regoli applikabbli għall-konċessjonijiet. Saru wkoll talbiet sabiex jiġu spjegati aħjar ir-regoli applikabbli għall-akkwist pubbliku wara d-dħul fis-seħħ tad-direttivi l-ġodda f’Jannar 2006. Il-kaxxa ta’ strumenti li ġiet ippreżentata aktar ’il fuq għandha tipprovdi aktar ċarezza. Dawn l-isforzi se jikkomplementaw l-inizjattivi aktar ġenerali li għaddejjin bħalissa sabiex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni u jiġu żviluppati strumenti ta’ komunikzzjoni wara l-analiżi tas-suq uniku, bħall-ħolqien ta’ “servizz ta’ għajnuna f’suq uniku” ta’ l-UE. 4.2. Il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki speċifiċi għas-settur Il-Kummissjoni hija impenjata li tinsegwi u tiżviluppa l-metodu settorjali tagħha billi, fejn ikun xieraq, tipproponi inizjattivi speċifiċi għas-setturi li jqisu r-rekwiżiti u s-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ kull settur, u jirriflettu l-prinċipji stabbiliti fil-Protokoll previst. Numru ta’ oqfsa speċifiċi għas-setturi applikabbli għall-industriji netwerk diġà ġew stabbiliti fuq il-livell ta’ l-UE. Madankollu, f’suq uniku dinamiku u li qed jevolvi kostantement, fis-snin li ġejjin jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu aġġornati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se: - fil-qasam ta’ l-enerġija: issegwi l-miżuri sabiex tiżgura li s-suq intern ta’ l-enerġija propost f’Settembru 2007 jiġi kompletat, kif ukoll l-abbozz tal-Karta Ewropea dwar id-drittijiet tal-konsumaturi ta’ l-enerġija; - fil-qasam tat-trasport: issegwi l-proposta tagħha ta’ Lulju 2006 biex il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għall-avjazzjoni tiġi modernizzata; timmonitorja l-implimentazzjoni tat-“tielet pakkett ferrovjarju” u r-regolamentazzjoni riveduta dwar is-servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri issa li ntlaħaq ftehim; - fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (e-communications): issegwi l-proposti tagħha dwar l-analiżi tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (inklużi t-telefons fissi, l-aċċess għal telefons ċellulari u għall-broadband, u t-trażmissjoni tal-kontenut tax-xandir) u tippubblika Komunikazzjoni dwar kwistjonijiet fit-tul fil-qasam tas-servizz universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi; - fil-qasam tas-servizzi postali: tagħti għajnuna lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-direttiva sabiex ikun ikkompletat is-suq intern postali ta’ l-UE; - fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa: tippjana li tippreżenta proposti li jistabbilixxu qafas għal servizzi tal-kura tas-saħħa sikuri, ta’ kwalità għolja u effiċjenti; - fil-qasam tas-servizzi soċjali: jiġu żviluppati l-azzjonijiet enfasizzati fil-kaxxa. Strateġija biex tiġi appoġġjata l-kwalità tas-servizzi soċjali min-naħa għall-oħra ta’ l-UE Il-konsultazzjoni dwar is-servizzi soċjali enfasizzat il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-promozzjoni u l-kwalità tas-servizzi soċjali tiġi promossa b’mod aktar sistematiku. Il-Fond Soċjali Ewropew u l-ERDF diġà jipprovdu appoġġ finanzjarju dirett lil numru ta’ servizzi. Il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għall-ħarsien soċjali u għall-inklużjoni soċjali jistabbilixxi qafas ta’ politika għall-insegwiment tar-riformi u għall-iskambju ta’ prattiki tajba. B’bażi fuq din l-esperjenza, il-Kummissjoni ser tappoġġja l-iżvilupp, fi ħdan il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, ta’ qafas ta’ kwalità ta’ l-UE volontarju li jipprovdi linji gwida dwar il-moetodoloġija li tistabbilixxi, ssegwi u tevalwa l-istandard tal-kwalità. Barra minn hekk, permezz tal-programm PROGRESS, il-Kummissjoni ser tappoġġja inizjattivi bejn entitajiet Ewropej li jkunu mill-qiegħ ’il fuq, immirati għall-iżvilupp standards ta’ kwalità volontarji u l-iskambju ta’ esperjenza u ser jippromwovu t-taħriġ ta’ l-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam ta’ l-akkwisit pubbliċi. 4.3. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni Il-Kummissjoni tqisha importanti, għall-kwalità u għat-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li twettaq b’mod regolari evalwazzjoni approfondita u tiżvela l-metodoloġija u r-riżultati tagħha, sabiex ikunu miftuħa għal skrutinju. Dan ġeneralment isir fuq bażi ta’ settur settur. L-istrumenti l-ġodda għall-monitoraġġ tas-suq li ġew ippreżentati fir-rapport finali dwar l-analiżi tas-suq uniku, bħall-istabbiliment ta’ tabella ta’ valutazzjoni għall-konsumaturi, huma pass ’il quddiem fl-evalwazzjoni tar-rendimenti. Sa mill-pubblikazzjoni tal-White Paper ta’ l-2004, sar progress biex tkun żviluppata evalwazzjoni trans-settorjali ta’ l-industriji netwerk fuq livell ta’ l-UE. Din il-metodoloġija qed tiġi analizzata u fl-2008 il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti tagħha għal titjib. Saret talba speċifika lill-Kummissjoni biex tippreżenta quddiem il-Parlament analiżi komprensiva ta’ l-effetti li kellha s’issa l-“liberalizzazzjoni”. Il-Kummissjoni se tqis din it-talba fir-reviżjoni tal-metodoloġija tagħha u se twettaq din l-analiżi fil-kuntest tar-rapport ta’ evalwazzjoni tas-servizzi netwerk regolari tagħha. Il-Kummissjoni se tanalizza wkoll il-progress bl-applikazzjoni tal-Protokoll, ladarba t-Trattat il-ġdid ikun daħal fis-seħħ. Barra minn hekk, hija ser toħroġ rapport speċjali dwar is-servizzi soċjali kull sentejn li jservi ta’ strument ta’ skambju mal-partijiet interessati. 5. KONKLUżJONI F’dan l-istadju importanti fl-iżvilupp ta’ l-UE, sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, huwa kruċjali li jkun żgurat li jkun hemm viżjoni kondiviża ta’ l-inizjattivi li għandhom jiġu insegwiti sabiex jinkisbu riżultati konkreti għall-Ewropej. Dan huwa l-metodu wara l-Aġenda taċ-Ċittadini[16] li kienet ippreżentata mill-Kummissjoni. Il-metodu ta’ l-UE rigward is-servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali u tas-saħħa, hija essenzjalment prammatika. Jirrefletti d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-livelli differenti ta’ tmexxija fl-UE. Jirrefletti d-diversità u l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn is-servizzi. Fejn jiġu stabbiliti oqfsa speċifiċi għas-setturi, dan sar għaliex hemm valur miżjud Ewropew ċar. Dawn l-oqfsa jiġu riveduti regolarment sabiex jirriflettu żviluppi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi ġodda. L-applikazzjoni tal-liġi ta’ l-UE tiġi monitorjata skond it-Trattat KE u tiġi regolarment riveduta sabiex jitqiesu realtajiet ġodda. F’oqsma li jistgħu jitqiesu problematiċi, saret konsultazzjoni attiva jew għaddejja waħda bħalissa sabiex jiġu identifikati u solvuti kwistjonijiet pendenti jew emerġenti. Id-diskussjonijiet li nbdew bil-White Paper ta’ l-2004 kienu partikolarment ta’ għajnuna sabiex iwasslu għal fehim aktar ċar tar-rwol u tal-metodu ta’ l-UE rigward is-servizzi ta’ interess ġenerali. Id-dibattitu li segwa u l-fehmiet ta’ l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra wrew li, minkejja d-differenzi ta’ opinjoni, hemm ftehim ġenerali dwar numru ta’ prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni ta’ l-UE. L-esperjenza ta’ oqfsa speċifiċi għas-setturi provdiet ukoll bażi prattika għall-identifikazzjoni ta’ prinċipji ewlenin li jistgħu jiġu applikati għas-servizzi ta’ interess ġenerali ma’ l-Ewropa kollha. Il-Protokoll u d-dispożizzjonijiet riveduti tat-Trattat il-ġdid jibnu fuq din id-dikussjoni u fuq din l-esperjenza, u jimmarkaw impenn Ewropew ġdid. Għaxar snin wara l-ewwel Komunikazzjoni fuq il-livell ta’ l-UE, tliet snin wara l-White Paper, jirriflettu l-kunsens wiesa’ min-naħa għall-oħra ta’ l-UE madwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ l-UE. Issa li l-qafas ta’ l-UE ġie konsolidat mill-Protokoll, huwa żmien li niffokaw fuq l-implimentazzjoni. Fuq din il-bażi, flimkien ma’ azzjoni fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, il-Kummissjoni hija determinata li tgħin sabiex ikunu żgurati ċ-ċarezza, il-koerenza u l-pubbliċità tar-regoli ta’ l-Ue, sabiex is-servizzi ta’ interess ġenerali jistgħu jissodisfaw il-missjonijiet tagħhom u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini Ewropej. [1] Emenda għall-Artikolu 16 TKE. [2] Il-White Paper ta’ l-2004 - KUMM(2004) 374, 12.5.2004 - inbniet fuq konsultazzjonijiet u Komunikazzjonijiet preċedenti, b’mod partikolari l-Green Paper tal-Kummissjoni ta’ l-2003 - KUMM(2003) 270, 21.5.2003 -, żewġ Komunikazzjonijiet fl-2001 - KUMM(2001) 598, 17.10.2001 u “Servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa” (ĠU C 17, 19.1.2001) - u l-ewwel Komunikazzjoni dwar dan is-suġġett ta’ l-1996 - “Servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa” (ĠU C 281, 26.9.1996). [3] Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (A6-0275/2006 tas-26 ta’ Settembru 2006) ikkompletat is-sekwenza twila ta’ konsultazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u tal-partijiet interessati li nbdiet bil-White Paper ta’ l-2004. Ir-riżoluzzjoni tappoġġja l-prinċipji sottostanti u l-azzjonijiet prijoritaji stabbiliti fil-White Paper. Tiddikjara li mhux possibbli li jiġu definiti s-servizzi ta’ interess ġenerali b’mod uniformi u ma tagħmilx sejħa għal qafas leġiżlattiv orizzontali wieħed, imma titlob lill-UE u lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, sabiex ikomplu jaġixxu fid-diversi oqsma u setturi ħalli jinkisbu aktar ċarezza u konsistenza tar-regoli ta’ l-UE, filwaqt li jkun irrispettat b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni wkoll taw l-opinjonijiet tagħhom (CESE/2005/121 tad-9 ta’ Frar 2005, CESE/2006/223 tas-6 ta’ Lulju 2006 u CDR/2004/327tat-23 ta’ Frar 2005). [4] Aktar informazzjoni tinsab fid-dokument ta’ ħidma dwar il-persunal dwar il-progress li sar mill-White Paper ta’ l-2004 dwar servizzi ta’ interess ġenerali SEG(2007) 1515, li hija ppubblikata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. [5] Kawża C-82/01 Aéroports de Paris [2002]. [6] Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze [2006]. [7] Kawża C-118/85 Il-Kummissjoni vs L-Italja [1987]. Ipparaguna wkoll il-Kawżi C-205/03 P. Fenin [2006] u T-155/04- Selex [2006] għal sitwazzjoni fejn attivitajiet differenti ma setgħux jiġu analizzati separatament. [8] Kawża C-320/91, Corbeau, [1993], ECR I-2533, Kawża C-393/92, Almelo [1994] ECR I-1477, Kawżi maqgħuda C-157/94 - C-160/94, Il-Kummissjoni vs l-Olanda, [1997], ECR I-5699, Il-Kummissjoni vs l-Italja [1997], ECR I-5789, Il-Kummissjoni vs Franza [1997], ECR I-5815, Il-Kummissjoni vs Spanja [1997], ECR I-5851. [9] Per eżempju l-kawża C-70/95, Sodemare [1997] ECR I-3395, Kawżi magħquda C-282/04 u C-283/04, il-Kummissjoni kontra l-Olanda [2006]. [10] Aktar informazzjoni tinstab fid-dokument SEG(2007) 1515. [11] KUMM(2006) 177, 26.4.2006. Il-proċess ta’ konsultazzjoni kien jinkludi t-tnedija ta’ kwestjonarju mill-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali, il-preparazzjoni ta’ studju ta’ konsulenza dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali u rapport minn grupp ta’ esperti legali. [12] SEG(2006) 1195, 26.9.2006. [13] Il-kwotazzjoni li ġejja hija mingħajr ħsara għall-verżjoni finali tat-Trattat li dalwaqt għandu jiġi ffirmat u għat-traduzzjoni tiegħu fl-ilsna uffiċjali ta’ l-UE. [14] Ara SEG(2007) 1514 u SEG(2007) 1516 rispettivament. [15] Aktar informazzjoni dwar il-“pakkett Altmark” tinstab fid-dokument SEG(2007) 1515. [16] KUMM(2006) 211, 10.5.2006.