EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0685

Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali ta’ l-Istrument tal-Politika Strutturali għal qabel l-Adeżjoni (ISPA) 2006 {SEC(2007)1467}

/* KUMM/2007/0685 finali */

52007DC0685

Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali ta’ l-Istrument tal-Politika Strutturali għal qabel l-Adeżjoni (ISPA) 2006 {SEC(2007)1467} /* KUMM/2007/0685 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.11.2007

KUMM(2007) 685 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Rapport Annwali ta’ l-Istrument tal-Politika Strutturali għal qabel l-Adeżjoni (ISPA) 2006 {SEC(2007)1467}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Il-baġit ta’ l-ISPA 3

3. Finanzjament tal-proġetti 3

3.1. Proġetti ġodda ta’ l-ISPA 3

3.2. Proġetti ffinanzjati matul l-2000-2006 4

3.3. Ħlasijiet 6

4. Għajnuna teknika 7

4.1. Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-pajjiż benefiċjarju 7

4.2. Għajnuna teknika (TA) fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni 7

5. Ġestjoni u implimentazzjoni 8

5.1. Monitoraġġ tal-Proġetti 8

5.2. Ġestjoni u kontroll finanzjarju – inkluż l-EDIS 9

5.3. Is-sejbiet tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri 9

5.4. Sħab kofinanzjaturi - l-EIB, l-EBRD u l-KfW 10

6. Kontribut lejn il-politika Komunitarja 10

6.1. L-akkwisti pubbliċi 10

6.2. Politika Ambjentali 10

6.3. Politika tat-trasport 10

7. Koordinazzjoni bejn l-istrumenti ta’ qabel l-adeżjoni 11

8. Seba’ snin ta’ ISPA: Xi tagħlimiet li ksibna 11

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Rapport Annwali ta’ l-Istrument tal-Politika Strutturali għal qabel l-Adeżjoni (ISPA) 2006

1. INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport huwa ppreżentat skond l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ l-ISPA. Dan huwa s-Seba’ Rapport Annwali li jkopri l-attivitajiet ta’ l-ISPA matul l-2006. Barra mill-Bulgarija u r-Rumanija, li rċevew għajnuna mill-ISPA mindu tnieda dan l-istrument fl-2000, ir-rapport preżenti jkopri wkoll lill-Kroazja, li saret pajjiż benefiċjarju ta' l-ISPA wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju ta' l-2004 li jingħatalha l-istatus ta' pajjiż kandidat.

Għal dawn il-pajjiżi kollha, l-2006 ġabet magħha sfidi varji. Filwaqt li għall-Kroazja, il-mira ewlenija kienet li timpenja kompletament l-allokazzjoni ISPA tagħha, il-Bulgarija u r-Rumanija kellhom iħaffu u jtejbu iktar l-implimentazzjoni tal-fondi ISPA filwaqt li fl-istess ħin kellhom jibdew iħejju proġetti futuri għall-fond ta' Koeżjoni u l-fondi Strutturali li jkunu intitolati għalihom ma' l-adeżjoni. Ir-rapport janalizza l-progress fil-finanzjament, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-kontribut lejn il-politiki ta' l-UE, u jikkonkludi li fl-2006 sar progress importanti. Billi l-2006 kienet l-aħħar sena ta’ l-għajnuna ISPA, ħlief għall-Kroazja, it-taqsima tal-konklużjoni toffri wkoll evalwazzjoni tat-tagħlimiet li nkisbu matul is-seba’ snin ta’ implimentazzjoni tagħha.

2. IL-BAġIT TA’ L-ISPA

Fil-baġit tal-Kummissjoni għall-2006, €585 miljun ġew allokati għall-istrument ta’ l-ISPA. L-approprjazzjonijiet koprew l-ispejjeż kollha għall-kofinanzjament ta’ proġetti (miżuri) fil-qasam ta’ l-ambjent u t-trasport, kif ukoll biex tiġi pprovduta għajnuna teknika ( Technical Assistance - TA), irrispettivament minn jekk il-miżuri tat-TA inbdewx mill-pajjiżi benefiċjarji jew mill-Kummissjoni.

Tabella 1: Il-baġit ta’ l-ISPA għall-2006 – f’Euro

Linja tal-baġit | Approprjazzjonijiet għall-impenji | Impenji użati | Ħlasijiet implimentati |

Linja tal-baġit għall-ħidma B13.01.04.02 | 4,500,000 | 2,338,712 | 2,154,419 |

Linja operattiva tal-baġit B13.05.01.01 | 580,500,000 | 580,350,000 | 175,579,778 |

Total | 585,000,000 | 582,688,712 | 177,734,197 |

3. FINANZJAMENT TAL-PROġETTI

3.1. Proġetti ġodda ta’ l-ISPA

Fl-2006, il-Kummissjoni approvat 11-il miżura ġdida ta’ l-ISPA. It-total tal-kontribut ta' l-ISPA għal dik is-sena ammonta għal €89.9 miljuni, li jirrappreżenta rata medja ta’ l-għotjiet ta’ 82.8% mill-ispiża totali eliġibbli għall-proġetti ta' €134.5 miljuni. Impenji li jlaħħqu l-€89.96 miljuni intużaw għal proġetti ġodda (€490.3 miljuni) kif ukoll għal proġetti li għadhom għaddejjin.

Mill-11-il proġett ġdid ta’ l-ISPA għall-2006, erba’ minnhom jikkonċernaw il-ħarsien ta’ l-ambjent, proġett wieħed għall-ilma u d-drenaġġ, inkluż it-trattament, u proġett wieħed għall-iskart solidu, u kif ukoll żewġ miżuri ambjentali orizzontali għat-tħejjija tal-Fond ta’ Koeżjoni u proġetti IPA fil-ġejjieni.

Kien hemm ħames proġetti ġodda fis-settur tat-trasport – wieħed għal titjib fin-navigazzjoni fuq ix-xmara Danubju u erba’ proġetti orizzontali tat-trasport ġew approvati għat-tħejjija tal-proġetti futuri taħt il-fond ta’ Koeżjoni u IPA fis-settur tat-trasport li jkopru t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-għoti ta’ għajnuna teknika b'miżuri ta' modernizzazzjoni tal-ferroviji.

Fl-aħħarnett, żewġ proġetti ta’ għajuna teknika li jagħtu appoġġ lill-Koordinatur Nazzjonali ta’ l-ISPA fil-Kroazja u laqgħat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ ta’ ISPA fir-Rumanija. Kważi 64.5% mit-total tal-kontribut ta’ l-ISPA ngħata lis-settur ta’ l-ambjent.

Tabella 2: Proġetti ġodda approvati fl-2006 – f’Euro

Trasport | 5 | 52,732,558 | 31,557,040 | 77 | 31,557,040 |

TA Orizzontali | 2 | 312,335 | 312,335 | 100 | 312,335 |

Trasport | 33 | 2,344,434,543 | 1,482,548,029 | 63.24 | 1,482,548,029 |

TA Orizzontali | 5 | 1,945,643 | 1,945,643 | 100 | 1,945,643 |

Ambjent | 255,243,502.98 | 87,328,724.24 | 342,572,227.22 |

Trasport | 302,711,402.35 | 86,490,276.60 | 389,201,678.95 |

TA | 987,324.40 | 482,691.08 | 1,470,015.48 |

Total | 558,942,229.73 | 174,301,691..92 | 733,243,921.65 |

4. GħAJNUNA TEKNIKA

4.1. Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-pajjiż benefiċjarju

Il-miżuri TA għat- tħejjija tal-proġetti għandhom jiżguraw li l-pajjiżi benefiċjarji jippreżentaw għadd suffiċjenti ta’ proġetti ta’ kwalità fil-ħin għall-finanzjament, inkluż għall-finanzjament fil-ġejjieni mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-IPA. Bl-istess mod, miżuri TA għat- tisħiħ istituzzjonali għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità ta' l-amministrazzjoni tal-benefiċjarju li tmexxi u tissorvelja l-implimentazzjoni ta' investimenti infrastrutturali fuq skala kbira.

FL-2006, ġew approvati erba’ applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tħejjija ta’ proġetti fis-settur tat-trasport u żewġ applikazzjonijiet li jikkonċernaw it-tħejjija ta' proġetti fil-qasam ta' l-ambjent. Żewġ proġetti TA oħra ġew approvati għal bini tal-kapaċità instituzzjonali.

Meta jitqies il-perjodu 2000-2006, l-ISPA ta 'il fuq minn €149 miljun għal aktar minn 29 proġett li għandhom x’jaqsmu mal-bini istituzzjonali jew mat-tħejjija ta’ proġetti.

Tabella 5: Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-pajjiż benefiċjarju 2000-2006 – f’ Euro

Is-settur | Nru ta’ proġetti | Spiża eliġibbli | Kontribut mill-ISPA |

Ambjent | 9 | 87,791,848 | 64,434,542 |

Trasport | 15 | 99,493,298 | 82,833,250 |

TA Orizzontali | 5 | 1,945,643 | 1,945,643 |

Total | 29 | 189,230,789 | 149,213,435 |

4.2. Għajnuna teknika (TA) fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

TA fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni essenzjalment tipprovdi għal fondi jew lis-servizzi tal-Kummissjoni għat-twettiq ta’ funzjonijiet essenzjali ta’ kontroll u ġestjoni tal-programmi, jew direttament lil benefiċjarji għal ċerti servizzi kritiċi orizzontali. Dawn l-attivitajiet jaqgħu fi tliet kategoriji:

- għajnuna lokali teknika intra-muros (biex tkopri l-pagi għal staff bil-kuntratt fid-delegazzjonijiet tal-KE fil-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi tagħhom);

- appoġġ extra-muros lid-delegazzjonijiet tal-KE (essenzjalment biex ikopru kuntratti għal għarfien espert meħtieġa għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ kontroll ex-ante fuq dokumenti ta’ akkwist, u biex ikopru attivitajiet ta’ taħriġ); kif ukoll

- Kuntratti u għotjiet ta’ servizzi għal għajnuna ta’ evalwazzjoni tal-proġetti, żvilupp tal-politika, analiżi strateġika, servizzi konsultattivi, monitoraġġ u attivitajiet simili ta’ implimentazzjoni.

Tabella 6: Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni 2006 (f'Euro)

Attività | Impenji użati | Ħlasijiet1 |

Appoġġ intra-muros | 1,880,800 | 1,478,984 |

Appoġġ extra-muros | 457,912 | 675,435 |

Kuntratti u għotjiet ta’ servizz2 | 80,000 | 1,278,086 |

Total | 2,418,712 | 3,432,505 |

(1) inkluż il-ħlasijiet kollha li saru fl-2006, li xi wħud minnhom huma marbuta ma’ impenji li ttieħdu qabel l-2006

(2) Inklużi xi attivitajiet relatati ma’ pajjiżi benefiċjarji ta’ l-ISPA li saru Stati Membri fl-2004

5. ĠESTJONI U IMPLIMENTAZZJONI

5.1. Monitoraġġ tal-Proġetti

Wara EDIS, li ngħatat lill-aġenziji implimentattivi tar-Rumanija fis-sajf ta’ l-2006, id-Delegazzjoni kompliet timmonitorja l-attivitajiet ta’ l-offerti u l-għoti ta’ kuntratti sa l-adeżjoni. Minbarra l-eżerċitar tas-setgħat tal-Kummissjoni għall-approvazzjoni ta’ l-offerti u l-kuntratti (qabel ngħata EDIS), id-delegazzjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tiżgura l-progress fuq il-post u tikkomunika ma' l-awtoritajiet nazzjonali u l-benefiċjarji finali dwar kwalunkwe problema li tista' tinqala'.

Filwaqt li l-ewwel proġetti ta’ l-ISPA għall-Bulgarija u r-Rumanija ġew approvati mill-Kummissjoni fl-2000, l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti ma bdietx qabel l-2001, ġeneralment bl-offerta tal-kuntratti tas-servizz għas-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni. Madankollu, minħabba fid-dewmien fis-sejħiet għall-offerti u l-għoti ta’ kuntratti, l-ewwel kuntratti attwali tax-xogħlijiet ma ġewx iffirmati qabel l-2002. Minn dak iż-żmien, il-pass progress fil-prattika żdied gradwalment fir-ritmu, kif jixhed il-progress fil-ħlasijiet li għamlet il-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi li ssieħbu.

Fir-rigward tal-Kroazja, sa tmiem l-2006, għal ebda proġett ma kienet bdiet l-implimentazzjoni tiegħu. Madankollu, l-ewwel żewġ offerti għal kuntratti ta’ servizzi tħabbru f’Jannar 2007.

5.2. Ġestjoni u kontroll finanzjarju – inkluż l-EDIS

Ir-rekwiżiti ewlenin għall-ġestjoni u l-kontroll finanzjarja kif ukoll għat-trattament ta’ l-irregolaritajiet huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ISPA u ta’ l-Anness III tal-Memoranda ta’ Finanzjament, kif applikabbli skond is-sistema ex-ante ta' kontroll mill-Kummissjoni. L-elementi ewlenin huma marbuta ma’ l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ kontroll finanzjarju interni u ta’ proċeduri li jistgħu jiżguraw proċeduri ta’ prokura trasparenti u mhux diskriminatorji, il-preċiżjoni tan-nefqa ddikjarata, il-kapaċità għal verifika interna adegwata, traċċabilità tajba għall-verifika u trattament xieraq ta’ l-irregolaritajiet.

Fl-2006, saru erba’ missjonijiet ta’ verifika fir-Rumanija u l-Bulgarija fil-kuntest tal-proċess ta’ l-EDIS fejn l-aħħar stadju kien jikkonsisti fil-verifika mill-awdituri tal-Kummissjoni bil-għan li tevalwa l-istat ta’ tħejjija tal-pajjiżi li kienu se jissieħbu fir-rigward tat-teħid tar-responsabilità għall-offerti u l-għoti tal-kuntratti billi jitneħħew il-kontrolli ex-ante mid-delegazzjonijiet tal-KE.

B’mod paralleli ma’ EDIS, saru għadd ta’ verifiki tal-proġetti fir-Rumanija sabiex tiġi vverifikata l-legalità u r-regolarità tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-infiq ippreżentati lill-Kummissjoni u l-ħlasijiet relatati. Il-kwistjonijiet ewlenin f’dan ir-rigward ikkonċernaw l-infiq mhux eliġibbli ċċertifikat lill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ dokumenti ta’ appoġġ, il-verifika ta' l-eliġibilità ta' l-infiq li ma ġietx iddokumentata kompletament jew b'mod xieraq, addenda għal kuntratti li ma ġewx ipproċessati sewwa u nuqqas ta’ konformità ma’ miżuri ta’ pubbliċità u informazzjoni.

Għadd ta’ verifiki ta’ proġetti saru wkoll fil-Bulgarija. Ġeneralment, is-sejbiet ewlenin kienu jirriflettu n-nuqqasijiet identifikati waqt il-verifiki tas-sistema, jiġifieri l-kwalità mhux suffiċjenti tad- dossiers tas-sejħiet għall-offerti u l-għoti ta’ kuntratti, partikolarment fir-rigward tal- modifiki tal-kuntratti, il-ħtieġa għat-titjib fil-verifika tad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa, u l-aderenza mhux kompluta mar-rekwiżiti ta’ pubbliċità u ta’ informazzjoni. Minħabba l-progress bilmod ħafna tal-proġetti ISPA fil-Kroazja fl-2006, ix-xogħol ta’ verifika kien jikkonsisti f’ħidma tal-uffiċċju fir-rigward ta’ kwistjonijiet pendenti wara l-verifiki tas-sistema li twettqu matul it-tieni nofs ta’ l-2005 u li ġew appoġġati effettivament mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti DIS lill-Kroazja fi Frar ta' l-2006. In-nuqqas ewlieni li baqa’ huwa marbut ma’ l-ivilupp ta’ politika effettiva u koerenti dwar iż-żamma ta’ l-istaff.

5.3. Is-sejbiet tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri

Il-Qorti ta’ l-Awdituri wettqet reviżjoni limitata fil-Kummissjoni li involviet primarjament analiżi ta’ l-attivitajiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll f’wieħed mill-pajjiżi kandidati (il-Kroazja) u fil-pajjiżi fil-proċess ta’ l-adeżjoni (il-Bulgarija u r-Rumanija), inkluż eżami tal-progress ta’ EDIS għal dawn il-pajjiżi ta’ l-aħħar.

Il-konklużjoni tal-Qorti kienet li, kollox ma’ kollox, jekk jitqies l-ambitu tal-verifika, it-tranżazzjonijiet li saritilhom verifika ma kinux affettwati materjalment minn żbalji. Filwaqt li l-Qorti nnutat li sar titjib fis-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll fil-livell tal-Kummissjoni, ġew innutati nuqqasijiet serji fil-livell nazzjonali. Fil-każ tal-proġetti ISPA, il-frekwenza relattivament għolja ta’ dawn in-nuqqasijiet kienet ikkumpensata mill-azzjoni korrettiva li rriżultat mill-kontrolli ex-ante tad-Delegazzjoni.

5.4. Sħab kofinanzjaturi - l-EIB, l-EBRD u l-KfW

Il-Kummissjoni ltaqgħet regolarment ma dawn l-istituzzjonijiet, billi dawn għandhom l-għarfien espert fit-tħejjija tal-proġetti u fl-implimentazzjoni, u, fejn possibbli, organizzat missjonijiet konġunti ta’ identifikazzjoni u evalwazzjoni ta’ proġetti li għalihom intalab finanzjament ta’ self. Fl-2006, ammont wieħed ta’ self ingħata għal proġett mill-EIB.

6. KONTRIBUT LEJN IL-POLITIKA KOMUNITARJA

6.1. L-akkwisti pubbliċi

It-twettiq tar-rekwiżiti legali għal xiri pubbliku li jkun sod, ġust u trasparenti kif stabbilit fil-PRAG (Gwida Prattika għall-proċeduri kuntrattwali għal azzjonijiet esterni tal-KE) instab li kien sfida ewlenija għall-pajjiżi benefiċjarji fil-proċess ta’ l-adeżjoni. Dan jirriżulta mill-fatt li l-kwalifiki ta’ l-istaff f’dawn il-pajjiżi ma jilħqux dejjem il-livell ta' ħiliet meħtieġa għall-ġestjoni ta' proġetti infrastrutturali kumplessi, b'mod partikolari, fejn jidħlu s-sejħiet għall-offerti u l-għoti ta’ kuntratti. Minħabba d-diffikultajiet li nqalgħu f’dan il-qasam, il-Kummissjoni għamlet ħafna sforzi biex tiżviluppa l-attivitajiet ta’ għajnuna teknika li ffukaw fuq it-tisħiħ tal-ħiliet ta’ akkwist, tas-sistemi u tal-proċeduri tal-benefiċjarju. Fost oħrajn, hija kompliet torganizza diversi seminars u sessjonijiet ta’ taħriġ, inkluż it-tixrid ta’ manwali u gwidi prattiċi.

6.2. Politika Ambjentali

Bil-provvista ta’ għajnuna diretta lill-proġetti prijoritarji għall-ambjent, l-ISPA ħaffef l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali u l-konformità ma' l-istandards ta' l-UE fil-pajjiżi benefiċjarji. B’mod partikolari, il-kapaċità amministrattiva tqawwiet fejn jidħol l-ippjanar u l-prijoritizzazzjoni ta’ l-investiment fis-settur ta’ l-ambjent, u sar ukoll progress kontinwu fl-implimentazzjoni xierqa tad-direttiva ta’ l-EIA, inklużi aspetti li għandhom x’jaqsmu ma’ konsultazzjoni pubblika. Minkejja dan, problemi marbuta mad-diffikultajiet ta’ l-awtoritajiet dwar l-ambjent biex jinkisbu finanzjament u staff adegwati, kif ukoll in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-oqsma politiċi u n-nuqqas ta' ppjanar strateġiku jridu jiġu indirizzati aktar minn dawn il-pajjiżi.

6.3. Politika tat-trasport

In-netwerks tat-trasport fil-pajjiżi benefiċjarji, fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija, miftiehma bi qbil ma' TINA (Evalwazzjoni tal-Ħtiġijiet ta’ l-Infrastruttura tat-Trasport), inbnew madwar qafas ta’ kurituri pan-Ewropej. Dawn in-netwerks jintużaw bħala l-bażi ta’ l-ippjanar għall-istrateġiji nazzjonali tat-trasport għall-għanijiet ta’ l-ISPA, jiġifieri jikkonċernaw il-kostruzzjoni jew ir-rijabilitazzjoni ta’ sezzjoni, ta’ punt nodali, jew ta’ aċċess marbuta man-netwerks. Sitta mill-kurituri msemmija qabel jgħaddu minn nofs it-territorju tal-Bulgarija, tal-Kroazja u tar-Rumanija. Skond il-linji gwida Komunitarji l-ġodda dwar l-iżvilupp ta’ netwerk tat-trasport transewropew (TEN-T), tlieta mill-proġetti prijoritarji tan-netwerk ( l-assi ta’ l-awtostrada Igoumenitsa/Patra-Athina-Sofia-Budapest, l-assi tal-kanali interni Rhine/Meuse-Main-Danube u l-assi tal-ferrovija Athina-Sofia-Budapest-Wien-Praha-Nürnberg/Dresden ) jikkonċernaw assi li jinkludu l-Bulgarija u r-Rumaniija, u wieħed li jinkludi l-Koazja ( l-assi tal-ferrovija Lyon-Trieste-Divaca/Koper-Divaca-Ljubljana-Budapest-il-fruntiera Ukraina ). Fil-każ tal-Kroazja, li ma kinitx inkluża fl-Istudju TINA, il-ħtiġijiet ta’ l-infrastruttura tat-trasport ġew stabbiliti skond il-prijoritajiet identifikati fl-istudju REBIS (Studju dwar l-Infrastruttura tar-Reġjun tal-Balkani – Trasport). Skond dan, assi ferrovjarja addizzjonali ( Salzburg - Ljubljana - Zagreb - Beograd - Nis - Skopje – Thessaloniki) ġiet identifikata bħala proġett prijoritajru.

7. KOORDINAZZJONI BEJN L-ISTRUMENTI TA’ QABEL L-ADEżJONI

Kif mitlub mir-Regolament ta’ Koordinazzjoni, il-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mill-qrib bejn it-tliet strumenti ta’ qabel l-adeżjoni il-PHARE, is-SAPARD u l-ISPA. Ir-Regolament jispeċifika bir-reqqa l-oqsma li għalihom kull strument jipprovdi l-għajnuna, biex b’hekk titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibilità li l-istrumenti differenti jintużaw b'tali mod li jidħlu fil-qasam ta' xulxin.

Il-Kumitat tat-Tmexxija tal-PHARE jiżġura koordinazzjoni bejn dawn it-tliet strumenti, filwaqt li aktar koordinazzjoni hija implimentata permezz tal-Kumitat Konġunt ta’ Monitoraġġ (PHARE), il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni ta’ l-interservizzi u laqgħat perjodiċi mad-Delegazzjonijiet tal-KE fil-pajjiżi benefiċjarji.

8. SEBA’ SNIN TA’ ISPA: XI TAGħLIMIET LI KSIBNA

Billi l-2006 kienet l-aħħar sena għall-ISPA – għallinqas għall-biċċa l-kbira tal-proġetti u l-pajjiżi benefiċjarji (is-sitt proġetti Kroati biss se jkomplu jiġu implimentati skond ir-Regolament tal-Kunsill ISPA) – jixraq li jinsiltu xi tagħlimiet mill-esperjenza miksuba f’dawn l-aħħar seba’ snin.

ISPA nħoloq fl-1999 bil-għan li jipprovdi finanzjament għall-aġġornament ta’ l-infrastruttura u biex iħejji lill-Pajjiżi Kandidati ta’ l-Ewropea Ċentrali u tal-Lvant biex jassorbu l-istrumenti tal-politika ta’ Koeżjoni, iktar preċiżament il-Fond ta’ Koeżjoni, li huma eliġibbli għalihom l-Istati Membri li huma l-inqas żviluppati. Konsegwentement, ir-Regolament tal-Kunsill ISPA ġie mfassal kemm jista' jkun bħar-Regolament tal-Fond ta' Koeżjoni sa fejn kellhom x'jaqsmu l-oqsma ta' l-eliġibilità (ambjent u trasport) u s-sistema ta’ ġestjoni u kontroll. Fir-rigward ta’ din ta' l-aħħar, ta’ minn insemmu li d-differenzi fis-sistema tal-ġestjoni huma marbuta primarjament mal-fatt li ċerti dispożizzjonijiet essenzjali għall-akkwist pubbliku u l-kontroll finanzjarju jeħtieġu jikkonformaw ma’ regoli dwar l-għajnuna esterna.

ISPA pprovdiet finanzjament f’għamla ta’ għotjiet għal infrastruttura ewlenija fuq skala mingħajr preċedent . Għar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Kroazja waħidhom, qed jiġu finanzjati 107 proġett, li jibbenefikaw minn għotjiet Komunitarji ta’ €3 biljuni u li jimmobilizzaw €4.8 biljuni ta’ fondi totali.

Il-pajjiżi benefiċarji ġew mitluba jħejju strateġiji ta’ investiment għall-ISPA li jkopru seba’ snin. Dawn kienu dokumenti nazzjonali iżda l-kontenuti u l-kwalità tagħhom kellhom jiġu aċċettati mis-servizz tal-Kummissjoni qabel il-finanzjament. B’hekk, ISPA introduċiet l-ippjanar strateġiku għall-ksib tal-fondi Komunitarji f’żewġ setturi li huma fundamentali għall-iżvilupp u l-koeżjoni ekonomiċi.

L-ippjanar strateġiku u l-implimentazzjoni tal-proġetti huma esperjenza siewja ħafna fit-“ tagħlim permezz tal-prattika ” li se tgħin lill-pajjiżi benefiċjarji biex ikunu mħejjija aħjar biex jassorbu l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni malli jissieħbu u – fil-każ tal-Kroazja – IPA.

Matul is-snin, il-pajjiżi benefiċjarji ġeneralment tejbu l-kwalità tat-tħejjija tal-proġetti, u naqqsu ż-żmien – u r-riżorsi - meħtieġ biex il-Kummissjoni tapprova l-proġetti għall-finanzjament. Bl-għajnuna tal-Kummissjoni – u l-konsulenti internazzjonali – il-pajjiżi benefiċjarji tgħallmu jikkonformaw mal-liġi essenzjali ta’ l-UE , bħad-Direttivi EIA u normi ambjentali rilevanti oħrajn u l- acquis , jew l-akkwisti pubbliċi; żviluppaw kapaċitajiet għat-tħejjija tal-proġetti bħall-analiżi finanzjarja, studji tekniċi, tfassil, sejħiet għall-offerti u għoti ta’ kuntratti, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-proġetti. ISPA għenet lill-pajjiżi benefiċjarji biex isiru iktar familjari mal-modi ġodda ta’ finanzjament (eż. sħubiji pubbliċi-privati), prinċipji moderni ta’ ppjanar (eż. l-iżvilupp sostenibbli, l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ambjentali inkluż il-konsultazzjonijiet pubbliċi), il-politiki settorjali (eż. l-investiment integrat fis-settur ta’ l-ilma), jew immodifikaw il-liġi nazzjonali f’oqsma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-proġetti (eż. l-akkwist ta' l-artijiet).

Taħt ISPA, il-pajjiżi benefiċarji - u l-Kummissjoni - żviluppaw relazzjoni mill-qrib ma' l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali (IFIs), partikolarment l-EIB. Għadd sinifikanti ta’ proġetti ISPA huma kkofinanzjati minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali pparteċipaw ukoll f’missjonijiet ta’ pprogrammar u evalwazzjoni. Id-donaturi bilaterali jagħtu għajnuna, partikolarment fis-snin bikrin ta’ ISPA, kemm għat-tħejjija tal-proġetti u għall-finanzjament ta' l-investiment. Is-sinerġiji żviluppati ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali taħt ISPA kkontribwew għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi JASPERS bħala strument biex jgħin lill-Istati Membri l-ġodda fit-tħejjija tal-proġetti.

ISPA tat ammonti sinifikanti ta’ fondi għal għajnuna teknika (TA) għat-tħejjija tal-proġetti, bini tal-kapaċità amministrattiva u studji strateġiċi. TA kellha rwol partikolarment importanti fl-għoti ta’ fondi għat-tħejjija tal-proġetti tal-Fond ta' Koeżjoni għall-Istati Membri l-ġodda, kif ukoll għall-IPA fil-każ tal-Kroazja.

Il-biċċa l-kbira mill-proġetti ISPA fl-Istati Membri l-ġodda se jitlestew skond ir-regoli tal-Fond ta’ Koeżjoni. Is-similaritajiet tar-regoli ta’ l-ISPA ma’ dawk tal-Fond ta' Koeżjoni ppermettew lil pajjiżi benefiċjarji li saru Stati Membri fl-2004 u fl-2007, li jittrasferixxu mingħajr problemi minn ISPA għall-Fond ta' Koeżjoni.

L-esperjenza miksuba taħt l-ISPA tqieset ukoll meta l-Kummissjoni fasslet ir-Regolament tal-Kunsill dwar IPA u d-dispożizzjonijiet implimentattivi relatati. Il-Komponent ta’ l-Iżvilupp Reġjonali ta’ IPA jgħaqqad dawk l-oqsma ta’ fondi li fil-perjodu bejn l-2000 u l-2006 kienu pprogrammati taħt strumenti differenti (ISPA u Phare) u mmexxija minn Direttorati Ġenerali differenti u jqiegħed ir-responsabbiltà fuq id-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali. L-ippjanar strateġiku, il-metodoloġiji għat-tħejjija tal-proġetti, l-għajnuna TA, il-bini tal-kapaċità kienu karatteristiċi żviluppati b’suċċess taħt ISPA u li issa ddaħħlu f’IPA.

Fl-aħħarnett, ir- rwol attiv ħafna ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat tal-Ġestjoni ta’ ISPA u l-kompetenza ta' l-esperti tagħhom kien fattur importanti għat-titjib tal-kwalità tal-proġetti ISPA. Dan jenfasizza l-approċċ kooperattiv żviluppat waqt ISPA bejn l-Istati Membri u l-Pajjiżi Kandidati.

Min-naħa l-oħra, il- progress effettiv fl-implimentazzjoni fil-prattika ma jilħaqx l-aspettattivi (inizjali). Meta wieħed iqis l-iskala u l-ambitu mingħajr preċedent ta’ ISPA – kif ukoll in-nuqqasijiet ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali, ma setax jiġi mistenni li ISPA kien se jkollha bidu faċli. Iżda l-fatt hu li l-Bulgarija u r-Rumanija jeħtieġu iktar minn erba’ snin biex iħallsu l-impenn finanzjarju tas-sena “n”; u li l-Kroazja, wara iktar minn sentejn ta' ISPA, għadha trid tiffirma l-ewwel kuntratt ta’ ħidma. Sa tmiem l-2006, kwart biss mill-fondi li kienu impenjati waqt il-perjodu kollu ta’ ISPA kienu tħallsu. Fil-qofol, dan id-dewmien fl-implimentazzjoni huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ kapaċità xierqa, kif jixhdu l-proġetti mħejjija ħażin, in-nuqqas ta' konformità ma' normi relevanti ta' l-UE bħal EIA jew l-akkwist pubbliku, ġestjoni fqira tal-kuntratti, sjieda mhux ċara ta' artijiet u dewmien fl-akkwist ta' l-artijiet.

Filwaqt li EDIS ingħatat lill-Aġenziji Implimentattivi tar-Rumanija f'Ġunju 2006 (l-ikbar portafoll li qatt ingħata EDIS qabel l-adeżjoni) u lil xi aġenziji fil-Bulgarija f'Novembru 2006, madankollu EDIS ngħata pjuttost tard. Ġestjoni kompletament deċentralizzata qabel l-adeżjoni hija punt ta’ riferiment siewi għall-evalwazzjoni ta’ l-istat ta’ tħejjija tal-pajjiżi benefiċjarji fir-rigward ta’ l-assorbiment tal-fondi u l-konformità mar-rekwiżiti ta’ ġestjoni finanzjarja, partikolarment dwar l-akkwisti pubbliċi.

Filwaqt li s-sistemi u l-istrutturi għall-ipprogrammar u l-implimentazzjoni huma importanti u essenzjali, huwa ammont xieraq ta’ staff u kompetenza li jwassal biex dawn jaħdmu b’mod effiċjenti. In-nuqqas ta' sostenibilità fl-amministrazzjoni pubblika li tieħu ħsieb l-ISPA kien tħassib serju għal għadd sinifikanti ta’ korpi implimentattivi. L-esperjenza miksbuba fit-taħriġ u l-ġestjoni tal-proġetti "fil-prattika” għamlet lill-esperti attraenti għas-settur privat, u b’hekk waslet għal bdil frekwenti fl-istaff u tħassib kontinwu dwar il-pożizzjonijiet battala u reklutaġġ xieraq (“is-sindromu ta’ titħarreġ biex titlaq”).

It-tħejjija għal u l-implimentazzjoni ta’ ISPA serħu ħafna fuq l-għajnuna esterna. Kienu meħtieġa konsulenti internazzjonali biex iħejju proġetti ta’ kwalità xierqa, kienu meħtieġa konsulenti internazzjonali u konsulenti esterni biex jgħinu f'evalwazzjonijiet kumplessi ta' offerti u fis-superviżjoni ta' l-implimentazzjoni, ir-rwol ex-ante tad-delegazzjoni kien xibka ta’ sigurtà essenzjali biex jiżgura l-konformità mar-regoli ta’ l-akkwisti. Dan is-serħan fuq l-għajnuna u l-pariri esterni jnaqqas mir-responsabbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali u l-korpi lokali jħossu u li hija prerekwiżit essenzjali għal programmazzjoni u implimentazzjoni b’suċċess.

Top