EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0630

White paper - Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013 {SEG(2007) 1374} {SEG(2007) 1375} {SEG(2007) 1376}

/* KUMM/2007/0630 finali */

52007DC0630




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.10.2007

KUMM(2007) 630 finali

WHITE PAPER

Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013

(preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2007) 1374}{SEG(2007) 1375}{SEG(2007) 1376}

WHITE PAPER

Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013

1. GħALIEX NEħTIEġU STRATEġIJA ġDIDA GħAS-SAħħA?

Is-saħħa hija aspett ċentrali ta’ ħajjet in-nies u jeħtieġ tiġi appoġġata minn politiki u azzjonijiet effettivi fl-Istati Membri, fil-livell tal-KE [1] u f’dak globali.

L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-politika tas-saħħa u l-provvista tal-kura tas-saħħa liċ-ċittadini Ewropej. Ir-rwol tal-KE mhuwiex li jirrifletti jew jiddupplika xogħolhom. Madankollu, hemm oqsma fejn l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu effettivament waħidhom u fejn l-azzjoni kooperattiva fil-livell Komunitarju hija indispensabbli. Dawn jinkludu theddidiet ewlenin għas-saħħa u kwistjonijiet b’impatt transkonfinali jew internazzjonali, bħall-pandemiji jew il-bijoterroriżmu, kif ukoll dawk marbuta maċ-ċaqliq ħieles ta’ l-oġġetti, is-servizzi u n-nies.

Biex jinqeda dan ir-rwol, tinħtieġ ħidma multisettorjali. L-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE jirrikjedi li “livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Komunità". Din l-Istrateġija ssaħħaħ l-importanza tas-saħħa f’politiki bħall-Aġenda ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi, u tenfasizza r-rabtiet bejn is-saħħa u l-prosperità ekonomika, u l-Aġenda taċ-Ċittadini, li tagħraf id-dritt li n-nies jingħataw is-setgħa fir-rigward ta' saħħithom u l-kura tagħha. L-azzjonijiet fl-Istrateġija jirrappreżentaw ħidma fuq is-saħħa fis-setturi kollha. Is-saħħa tissemma f’artikoli tat-Trattat dwar is-Suq Intern, l-Ambjent, il-Ħarsien tal-Konsumatur, l-Affarijiet Soċjali inkluż is-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ħaddiema, il-Politika ta’ l-Iżvilupp, u r-Riċerka, fost ħafna oħrajn[2].

Ir-rwol importanti tal-KE fil-politika dwar is-saħħa ġie affermat mill-ġdid fit-Trattat tar-Riforma, li ntlaħaq qbil dwaru mill-Kapijiet ta' l-Istati u tal-Gvernijiet ta' l-UE f'Liżbona fid-19 ta' Ottubru 2007, u li jipproponi t-tisħiħ ta' l-importanza politika tas-saħħa. Huwa mistenni jkun hemm għan kumplessiv ġdid dwar l-appoġġ għall-benessri taċ-ċittadini, kif ukoll inkoraġġiment tal-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fir-rigward tas-saħħa u s-servizzi tas-saħħa. Il-ħidma fuq is-saħħa fil-livell Komunitarju żżid il-valur lill-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri, partikolarment fil-qasam tal-prevenzjoni tal-mard, inkluż il-ħidma fuq is-sikurezza ta' l-ikel u n-nutrizzjoni, is-sikurezza tal-prodotti mediċi, l-indirizzar tal-problemi tat-tipjip, leġiżlazzjoni dwar id-demm, it-tessuti u ċ-ċelluli, u l-organi, l-ilma u l-kwalità ta' l-arja, kif ukoll it-tnedija ta' għadd ta' aġenziji marbuta mas-saħħa. Madankollu, jeżistu diversi sfidi li qed jikbru għas-saħħa tal-popolazzjoni, u li jeħtieġu approċċ strateġiku ġdid.

- L-ewwelnett, tibdiliet demografiċi li jinkludu tixjiħ tal-popolazzjoni qed jibdlu x-xejriet tal-mard, u dan iqiegħed pressjoni fuq is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa fl-UE. Appoġġ għal xjuħija fi stat tajjeb ta' saħħa jfisser kemm promozzjoni tas-saħħa tul il-ħajja, bil-għan tal-prevenzjoni tal-problemi tas-saħħa u d-diżabbiltajiet minn età żgħira, kif ukoll l-indirizzar ta' l-inugwaljanzi fis-saħħa minħabba fatturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Dawn il-kwistjonijiet huma marbuta mill-qrib ma' l-għan strateġiku globali tas-Solidarjetà, li għandha l-Kummissjoni.

- It-tieninett, il-pandemiċi, inċidenti fiżiċi u bijoloġiċi maġġuri u l-bijoterroriżmu huma theddidiet kbar għas-saħħa . It-tibdil fil-klima qed jikkawża xejriet ġodda fil-mard li jittieħed. Il-koordinazzjoni u r-rispons rapidu fil-każ ta' theddidiet globali tas-saħħa, kif ukoll it-titjib tal-kapaċità tal-KE u ta' pajjiżi terzi biex jagħmlu dan, huma parti ċentrali tar-rwol Komunitarju fil-qasam tas-saħħa. Dan huwa marbut ma' l-għan strateġiku globali tas-Sigurtà, li għandha l-Kummissjoni.

- It-tieletnett, snin reċenti raw evoluzzjoni kbira fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, parzjalment b'riżultat ta' żvilupp rapidu ta' teknoloġiji ġodda li qed jirrevoluzzjonizzaw il-mod li bih nippromwovu s-saħħa u li bih inbassru, nipprevjenu u nittrattaw il-mard. Dawn jinkludu teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), l-innovazzjoni fil-ġenomika, il-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija. Dan huwa marbut ma' l-għan strateġiku kumplessiv tal-Kummissjoni, li huwa l-Ġid, biex jiġi żgurat ġejjieni kompetittiv u sostenibbli għall-Ewropa.

Fl-iżvilupp ta' strateġija tas-saħħa ġdida, saru konsultazzjonijiet fuq skala kbira[3]. Dawn juru qbil ġenerali fost il-partijiet interessati dwar kif il-Komunità għandha twettaq ir-rwol tagħha fil-qasam tas-saħħa. Iridu jaraw il-konsiderazzjonijiet tas-saħħa integrati fil-politiki kollha tal-KE; xogħol biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi; rwol aktar b'saħħtu fis-saħħa dinjija; u ffokar fuq il-promozzjoni tas-saħħa u t-titjib ta' l-informazzjoni tas-saħħa. Jenfasizzaw il-ħtieġa li l-KE, l-Istati Membri u l-partijiet interessati jaħdmu flimkien biex jiksbu riżultati reali.

L-indirizzar ta' dawn l-isfidi u t-tweġib għal dawn l-appelli jesiġi approċċ fuq medda twila. Din il-White Paper hija maħsuba bħala proposta għal qafas koerenti – l-ewwel Strateġija tal-KE dwar is-Saħħa – biex tagħti direzzjoni lill-attivitajiet Komunitarji fil-qasam tas-saħħa. Tipproponi erba' prinċipji ċentrali li jixprunaw tliet għanijiet strateġiċi li fuqhom għandha tiġi ffokata l-attenzjoni fis-snin li ġejjin. L-Istrateġija tipproponi wkoll mekkaniżmi ta' implimentazzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-imsieħba, it-tisħiħ tas-Saħħa fl-Oqsma kollha ta' Politika, u t-titjib tal-viżibilità u l-għarfien dwar is-saħħa fuq il-livell Komunitarju. Din il-White Paper tipproponi Strateġija sa l-2013, meta għandha ssir reviżjoni b'appoġġ għad-definizzjoni ta' azzjonijiet ulterjuri biex jinkisbu l-għanijiet.

Flimkien mal-White Paper hemm Dokument ta' Ħidma mill-Persunal.

2. PRINċIPJI FUNDAMENTALI GħALL-AZZJONI TAL-KE DWAR IS-SAħħA

PRINċIPJU 1: STRATEġIJA BBAżATA FUQ VALURI TAS-SAħħA KOMUNI

Il-politika tas-saħħa, kemm interna kif ukoll esterna għandha tkun imsejsa fuq valuri ċari. Il-Kummissjoni ilha taħdem ma' l-Istati Membri biex tiddefinixxi approċċ lejn is-sistemi tas-saħħa, ibbażat fuq il-valuri. F'Ġunju 2006, il-Kunsill adotta stqarrija dwar valuri u prinċipji komuni fis-sistemi tas-saħħa ta' l-UE, fejn huma elenkati l-valuri supremi ta' l- universalità, l-aċċess għall-kura ta' kwalità tajba, l-ekwità u s-solidarjetà [4] . Stqarrija ġdida dwar il-valuri komuni għall-politika tas-saħħa f'kuntest usa' għandha tinbena fuq din il-bażi. Il-Kunsill stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tqis u tintegra d-dimensjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi[5], li l-Istrateġija għandha tkompli tiżviluppaha.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħraf id-dritt taċ-ċittadini għall-aċċess għal kura tas-saħħa preventiva u d-dritt li jibbenefikaw mit-trattament mediku[6]. Diversi dikjarazzjonijiet internazzjonali jagħrfu drittijiet fundamentali marbuta mas-saħħa[7].

Valur ċentrali huwa l-Għoti tas-Setgħa liċ-Ċittadini. Il-kura tas-saħħa qed issir dejjem aktar iċċentrata fuq il-pazjent u individwalizzata, u l-pazjent qed isir suġġett attiv aktar milli sempliċement oġġett tal-kura tas-saħħa. Hija u tibni fuq il-ħidma ta’ l-Aġenda taċ-Ċittadin, il-politika Komunitarja għandha tieħdu d-drittijiet taċ-ċittadini u l-pazjenti bħala l-punt inizjali ewlieni. Dan jinkludi l-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-influwenza fuq dan il-proċess kif ukoll il-kompetenzi meħtieġa għall-benessri, inkluż “l-għarfien dwar is-saħħa”[8], f’konformità mal-Qafas Ewropew ta’ Kompetenzi Ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja[9], eż. programmi fl-iskejjel u programmi bbażati fuq l-internet.

Il-valuri marbuta mat-titjib tas-saħħa għandhom jinkludu t-tnaqqis ta’ l-inugwaljanzi fis-saħħa. Għalkemm ħafna Ewropej qed igawdu ħajja itwal u iktar f'saħħiethom milli l-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, hemm ħafna inugwaljanzi tas-saħħa[10] bejn u fl-Istati Membri u r-reġjuni, kif ukoll globalment. Per eżempju, għalkemm il-popolazzjoni kumplessiva ta’ l-UE qed tixjieħ, il-ħajja mistennija fit-twelid tan-nisa tvarja b’9 snin bejn il-pajjiżi ta’ l-UE u bi 13-il sena għall-irġiel, u rati ta’ mortalità tat-trabi tvarja b’sitt darbiet[11]. Il-Kummissjoni se tipproponi azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi, inkluż il-promozzjoni mmirata tas-saħħa u l-iskambju tal-aħjar prassi.

Fl-aħħarnett, il-politika tas-saħħa għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar evidenza xjentifika derivata minn data u informazzjoni tajba u riċerka rilevanti. Il-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni unika biex tiġbor data komparabbli mill-Istati Membri u r-reġjuni u għandha twieġeb għal appelli għal informazzjoni aħjar u tfassil iktar trasparenti ta’ politika, inkluż permezz ta’ sistema ta’ indikaturi li tkopri l-livelli kollha (nazzjonali u sottonazzjonali).

Azzjonijiet Adozzjoni ta’ Dikjarazzjoni dwar il-Valuri fundamentali tas-saħħa (Kummissjoni, Stati Membri) Sistema ta’ Indikaturi tas-Saħħa tal-Komunità Ewropea b’mekkaniżmi komuni għall-ġbir ta’ data komparabbli dwar is-saħħa fil-livelli kollha, inkluża Komunikazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni marbuta mas-saħħa (Kummissjoni) Aktar xogħol dwar kif jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa (Kummissjoni) Promozzjoni ta’ programmi għall-għarfien dwar is-saħħa għal gruppi ta’ etajiet differenti (Kummissjoni) |

PRINċIPJU 2: "IS-SAħħA HIJA L-IKBAR RIKEZZA" [12]

Is-saħħa hija importanti għall-benessri ta’ l-individwi u s-soċjetà, iżda popolazzjoni f’saħħitha hija wkoll prerekwiżit għall-produttività u l-prosperità ekonomika. Fl-2005, l-HLY (Healthy Life Years - is-snin tal-ħajja fis-saħħa) żdied bħala Indikatur Stutturali ta’ Liżbona, biex jenfasizza li t-tul mistenni tal-ħajja f’ saħħa tajba tal-popolazzjoni – mhux biss it-tul tal-ħajja – huwa fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku.

Ir-rapport tal-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 ħeġġeġ lill-Istati Membri biex inaqqsu l-għadd kbir ta’ persuni inattivi minħabba problemi tas-saħħa[13]. Ir-rapport saħaq li l-politika f’ħafna setturi għandha rwol fit-titjib tas-saħħa għall-benefiċċju ta’ l-ekonomija ġenerali.

L-infiq fuq is-saħħa mhuwiex biss spiża, huwa wkoll investiment. L-infiq fuq is-saħħa jista’ jitqies bħala piż ekonomiku[14], iżda l-ispiża reali għas-soċjetà huma l-ispejjeż diretti u indiretti marbuta mal-problemi tas-saħħa kif ukoll in-nuqqas ta’ investiment suffiċjenti fl-oqsma rilevanti tas-saħħa. Ġie stmat li l-piż ekonomiku annwali tal-mard tal-qalb jista’ jammonta għal 1 % tal-PGD[15], u l-ispejjeż tal-mard mentali għal 3-4 % tal-PGD[16]. L-infiq fuq il-kura tas-saħħa għandu jiġi akkumpanjat minn investiment fil-prevenzjoni, il-ħarsien u t-titjib tas-saħħa fiżika u mentali kumplessiva tal-popolazzjoni, li, skond id-data ta’ l-OECD[17], bħalissa tammonta għal medja ta’ 3 % tal-baġits totali annwali għas-saħħa ta’ l-Istati Membri tagħhom meta mqabbel mas-97 % li ntefqu fuq il-kura tas-saħħa u t-trattamenti[18].

Is-settur tas-saħħa ta’ l-UE huwa fornitur ewlieni ta’ impjiegi u taħriġ: is-settur tas-saħħa u l-kura soċjali kien xprun ewlieni għall-espansjoni tas-settur tas-servizzi soċjali mill-2000 (sa 2.3 miljuni ta’ impjiegi)[19]. Is-settur tas-saħħa li kull ma jmur qed jikber huwa wkoll għajn u utent ewlieni tat-teknoloġiji innovattivi, u jappoġġa l-politika reġjonali u l-koeżjoni soċjali u ekonomika.

L-għarfien ta’ fatturi ekonomiċi marbuta mas-saħħa u l-mard u l-impatt ekonomiku tat-titjib tas-saħħa kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja, għandu jissaħħaħ, anki permezz ta’ l-iżvilupp ta’ informazzjoni u analiżi fil-Kummissjoni u permezz ta’ ħidma mill-qrib ma’ pajjiżi bħall-Istati Uniti jew il-Ġappun kif ukoll entitajiet internazzjonali bħall-OECD u l-Osservatorju Ewropew għas-Sistemi u l-Politiki tas-Saħħa.

Azzjonijiet L-iżvilupp ta’ programm ta’ studji analitiċi tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-istatus tas-saħħa, l-investiment fis-saħħa u t-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku (Kummissjoni, Stati Membri) |

PRINċIPJU 3: IS-SAħħA FIL-POLITIKI KOLLHA (HIAP - HEALTH IN ALL POLICIES)

Is-saħħa tal-popolazzjoni mhijiex kwistjoni għall-politika tas-saħħa biss. Politiki Komunitarji oħra għandhom rwol ewlieni, per eżempju l-politika reġjonali u dik ambjentali, it-tassazzjoni tat-tabakk, ir-regolazzjoni tal-farmaċewtiċi u l-prodotti ta’ l-ikel, is-saħħa ta’ l-annimali, ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa, il-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali, is-saħħa fil-politika ta’ l-iżvilupp, is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, l-ICT, u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, kif ukoll il-koordinazzjoni ta’ aġenziji u servizzi li jirregolaw l-importazzjoni. L-iżvilupp ta’ sinerġiji ma’ dawn is-setturi u oħrajn huwa kruċjali għal politika Komunitarja tas-saħħa effettiva, u ħafna setturi se jkunu qed jikkooperaw biex jitwettqu l-għanijiet u l-azzjonijiet ta’ din l-Istrateġija.

HIAP tirrigwarda wkoll l-involviment ta’ msieħba ġodda fil-politika tas-saħħa. Il-Kummissjoni se tiżviluppa sħubiji ġodda biex tippromwovi l-għanijiet ta’ l-Istrateġija, inkluż ma’ NGOs, l-industrija, l-akkademiċi u l-midja.

Dan l-approċċ HIAP għandu jintuża wkoll fil-politiki esterni inklużi l-iżvilupp, ir-relazzjonijiet esterni, u l-kummerċ. Minħabba l-globalizzazzjoni, il-problemi kif ukoll is-soluzzjonijiet, tas-saħħa jwasslu lil hinn mill-fruntieri, u dawn, ħafna drabi, jkollhom kawżi u implikazzjonijiet multisettorjali. Eżempji ta’ dawn jinkludu l-approċċ ikkoordinat għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-UE u l-pajjiżi Ġirien[20], u l-Istrateġija ta’ l-UE għall-Azzjoni fuq il-Kriżi fir-Riżorsi Umani għas-Saħħa fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw[21].

Azzjonijiet It-tisħiħ ta’ l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet tas-saħħa fil-politiki kollha fil-livell Komunitarju, nazzjonali u reġjonali, inkluż l-użu ta’ Evalwazzjonijiet ta’ l-Impatt u għodod ta’ evalwazzjoni (Kummissjoni, Stati Membri) |

PRINċIPJU 4: IT-TISħIħ TAL-VUċI TA’ L-UE FIS-SAħħA FIL-LIVELL DINJI

Il-KE u l-Istati Membri tagħha jistgħu joħolqu riżultati aħjar fil-qasam tas-saħħa għaċ-ċittadini ta’ l-UE u għall-oħrajn permezz ta’ tmexxija kollettiva sostnuta fis-saħħa fil-livell dinji[22].

Fid-dinja globalizzata tagħna, diffiċli nisseparaw l-azzjonijiet nazzjonali jew ta’ l-UE mill-politika dinjija, billi l-kwistjonijiet dinjin tas-saħħa jkollhom impatt fuq il-politika Komunitarja tas-saħħa interna u viċe versa. Il-KE tista’ tagħti kontribut billi taqsam il-valuri, l-esperjenza u l-għarfien tagħha u wkoll billi tieħu passi konkreti biex ittejjeb is-saħħa. Il-ħidma tista’ tappoġġa l-isforzi biex tkun żgurata koerenza bejn il-politiki interni u esterni tas-saħħa fil-ksib tal-miri dinjin tas-saħħa[23], tqis is-saħħa bħala element importanti fil-ġlieda kontra l-faqar, permezz ta’ aspetti marbuta mas-saħħa tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp estern ma’ pajjiżi bi dħul baxx, biex jiġu indirizzati t-theddidiet għas-saħħa fil-pajjiżi terzi, u biex titħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali tas-saħħa bħall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) u r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Il-kontribut ta’ l-UE għas-saħħa fil-livell dinji jirrikjedi interazzjoni ta’ l-oqsma politiċi bħas-saħħa, il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, l-azzjoni esterna, ir-riċerka u l-kummerċ. Il-koordinazzjoni msaħħa fi kwistjonijiet tas-saħħa ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-WHO u aġenziji rilevanti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-OECD u l-Kunsill ta’ l-Ewropa, kif ukoll imsieħba u pajjiżi strateġiċi oħra, għandha ssaħħaħ il-vuċi ta’ l-UE fis-saħħa fil-livell dinji u żżid l-influwenza u l-viżibilità tagħha biex taqbel ma’ l-importanza ekonomika u politika tagħha.

Azzjonijiet Titjib ta’ l-istatus tal-Komunità fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa ma’ msieħba u pajjiżi strateġiċi (Kummissjoni) F’konformità mal-prijoritajiet li dwarhom sar qbil ma’ pajjiżi terzi u mad-djalogu politiku u approċċi settorjali żviluppati għall-għajnuna esterna, l-iżgurar ta’ inkluzjoni xierqa tas-saħħa fl-għajnuna esterna ta’ l-UE u promozzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa, partikolarment FCTC u IHR (Kummissjoni) |

3. GħANIJIET STRATEġIċI

Il-politika tas-saħħa fil-livell Komunitarju għandha trawwem is-saħħa tajba, tħares liċ-ċittadini mit-theddidiet u tappoġġa s-sostenibilità. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li qed taffaċċja s-saħħa fl-UE, din l-istrateġija tidentifika tliet għanijiet bħala oqsma ewlenin għas-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni se taħdem ma’ l-Istati Membri biex tiżviluppa għanijiet operattivi iktar speċifiċi fi ħdan dawn l-għanijiet strateġiċi.

L-GħAN NRU. 1 : IT-TRAWWIM TA' SAħħA TAJBA F’EWROPA B’POPOLAZZJONI DEJJEM IXJEħ

It-tixjiħ tal-popolazzjoni, li jirriżulta minn rati baxxi ta’ twelid u ħajja itwal, issa huwa stabbilit sew. Sa l-2050, l-għadd ta’ persuni fl-UE li jkollhom iktar minn 65 sena se jikber b’70 %. Il-grupp li għandu iktar minn 80 se jikber b’170 %[24].

Dawn il-bidlet aktarx li jgħollu d-domanda għall-kura tas-saħħa filwaqt li jnaqqsu l-popolazzjoni ta’ nies fl-età tax-xogħol. Dan jista’ jżid l-infiq fuq il-kura tas-saħħa b’1 % sa 2 % tal-PGD fl-Istati Membri sa l-2050. Fil-medja, dan ikun jammonta għal żieda ta' madwar 25 % fl-infiq fil-qasam tas-saħħa bħala sehem mill-PGD. Madankollu, il-previżjonijiet tal-Kummissjoni juru li jekk in-nies jistgħu jibqgħu f'qagħda ta' saħħa tajba huma u jgħixu ħajja itwal, iż-żieda fl-infiq fil-kura tas-saħħa minħabba t-tixjiħ, tonqos bin-nofs[25].

It-tixjiħ f’saħħa tajba għandu jiġi appoġġat minn azzjonijiet għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard tul il-ħajja kollha billi jiġu indirizzati kwistjonijiet ewlenin inkluż nutrizzjoni ħażina, attività fiżika, alkoħol, droga u konsum tat-tabakk, riskji ambjentali, inċidenti tat-traffiku u inċidenti fid-dar. It-titjib tas-saħħa tat-tfal, l-adulti ta’ età tax-xogħol u n-nies kbar fl-età jgħin biex tinħoloq popolazzjoni f’saħħitha u produttiva u jappoġġa tixjiħ f’saħħtu issa u fil-ġejjieni. Bl-istess mod, it-tixjiħ f’saħħtu jiġi appoġġat bit-teħid ta’ azzjonijiet għall-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja favur is-saħħa u t-tnaqqis ta’ mġiba ta’ ħsara, u għall-prevenzjoni u t-trattament ta’ mard speċifiku, inklużi problemi ġenetiċi. L-iżvilupp tal-mediċina ġerjatrika jeħtieġ tiġi promossa b’mod attiv, b’enfasi fuq il-kura individwalizzata. Jeħtieġ jiġu indirizzati wkoll il-kura palljattiva u għarfien ikbar tal-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer’s. Hemm lok ukoll għal iktar ħidma fuq id-demm, it-tessuti, iċ-ċelluli u l-organi inkluż it-trapjanti ta’ l-organi.

Jeħtieġ iktar riċerka biex dawn il-miżuri jiġu appoġġati, inklużi studji lonġitudinali; u jeħtieġ ukoll kapaċità ikbar fis-saħħa pubblika, pereżempju bit-tisħiħ ta’ l-istrutturi tat-taħriġ u tas-saħħa pubblika. Billi l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi kull ma jmur qed tikber minħabba l-bdil demografiku u sfidi oħra, huwa importanti ħafna li l-azzjonijiet li jittieħdu jkunu effiċjenti u effettivi.

Azzjonijiet Miżuri għall-promozzjoni tas-saħħa ta’ nies kbar fl-età u l-ħaddiema u azzjonijiet għas-saħħa tat-tfal u ż-żgħażagħ (Kummissjoni) L-iżvilupp u t-twassil ta’ azzjonijiet fuq it-tabakk, in-nutriment, l-alkoħol, is-saħħa mentali u fatturi ambjentali u soċjoekonomiċi usa’ li jaffettwaw is-saħħa (Kummissjoni, Stati Membri) Linji ta’ Gwida ġodda għall-iskrining tal-kanċer u Komunikazzjoni fuq l-Azzjoni Ewropea fil-Qasam tal-Mard Rari (Kummissjoni) Is-segwitu tal-Komunikazzjoni dwar id-donazzjoni u t-trapjanti ta’ l-organi[26] (Kummissjoni) |

L-GħAN NRU. 2 : IL-ħARSIEN TAċ-ċITTADINI MIT-THEDDIDIET GħAS-SAħħA

Il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem huwa obbligu skond l-Artikolu 152 KE. It-titjib tas-sikurezza u sigurtà u l-ħarsien taċ-ċittadini mit-theddidiet tas-saħħa għaldaqstant dejjem kienu fil-qalba tal-politika Komunitarja tas-saħħa, filwaqt li fl-istess ħin l-UE għandha responsabbiltà fir-rigward tas-saħħa taċ-ċittadini f’pajjiżi terzi.

Il-ħidma fil-livell Komunitarju tinkludi l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskju, l-istat ta’ tħejjija u r-rispons għall-epidemiji u l-bijoterroriżmu, l-istrateġiji biex jiġu indirizzati r-riskji minn mard u kundizzjonijiet speċifiċi, azzjoni fuq inċidenti u korrimenti, it-titjib tas-sikurezza tal-ħaddiema, u azzjonijiet fuq is-sikurezza ta’ l-ikel u l-ħarsien tal-konsumatur.

Il-Kummissjoni se tkompli din il-ħidma, iżda se tiffoka wkoll fuq l-isfidi li għadhom ma ġewx indirizzati kompletament. Globalment, iż-żieda fil-kummerċ u l-ivvjaġġar ġabu magħhom riskji ġodda billi ffaċilitaw it-tifrix tal-mard li jittieħed. Il-ġlieda kontra l-pandemiji jew l-inċidenti bijoloġiċi u l-indirizzar tat-theddida tal-bijoterroriżmu jirrikjedu kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-livell Komunitarju bejn l-Istati Membri u l-atturi internazzjonali. Teħtieġ ukoll azzjoni għall-theddidiet emerġenti tas-saħħa bħal dawk marbuta mat-tibdiliet fil-klima, biex tindirizza l-impatt potenzjali fuq is-saħħa pubblika u s-sistemi tal-kura tas-saħħa. Is-sikurezza tal-pazjenti hija qasam ieħor ta’ tħassib. Għaxra fil-mija tal-pazjenti li jiddaħħlu l-isptar fir-Renju Unit jesperjenzaw effetti negattivi mill-kura tas-saħħa li jieħdu[27], u din il-problema tista’ tkun fi skala simili f’pajjiżi oħra ta’ l-UE. Jeħtieġ enfasi ġdida biex jiġu indirizzati t-theddidiet tas-saħħa fl-UE u barra mill-UE.

Azzjonijiet It-tisħiħ tal-mekkaniżmi għas-sorveljanza u t-tweġiba għal theddidiet għas-saħħa, inkluża reviżjoni tar-responsabbiltajiet taċ-ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (Kummissjoni) Aspetti tas-saħħa bl-adattament għat-tibdil fil-klima (Kummissjoni) |

L-GħAN NRU. 3 : L-APPOġġ LIL SISTEMI DINAMIċI TAS-SAħħA U TEKNOLOġIJI ġODDA

Is-sistemi tas-saħħa ta’ l-UE qed jesperjenzaw pressjoni dejjem ikbar biex jindirizzaw l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-aspettazzjonijiet ikbar taċ-ċittadini, il-migrazzjoni u l-mobilità tal-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa.

It-teknoloġiji l-ġodda għandhom il-potenzjal li jirrevoluzzjonaw il-kura tas-saħħa u s-sistemi tas-saħħa u li jikkontribwixxu għas-sostenibilità futura tagħhom. Is-saħħa elettronika, il-ġenomika u l-bijoteknoloġiji[28] jistgħu jtejbu l-prevenzjoni tal-mard, l-għoti tat-trattament, u jappoġġaw il-qalba minn kura fl-isptar għal prevenzjoni u kura primarja. Is-saħħa elettronika (e-Health) tista’ tgħin biex tipprovdi kura ċċentrata fuq iċ-ċittadin kif ukoll tnaqqas l-ispejjeż u tappoġġa l-interoperabilità minn pajjiż għall-ieħor, u b’hekk tiffaċilita l-mobilità u s-sikurezza tal-pazjent[29]. Madankollu, it-teknoloġiji l-ġodda għandhom jiġu evalwati sewwa, inkluż għall-effettività ta’ l-infiq u l-inugwaljanzi, u t-taħriġ tal-professjonisti tas-saħħa u l-implikazzjonijiet tal-kapaċità għandhom jitqiesu. Teknoloġiji ġodda u mhux familjari jistgħu jiġġeneraw tħassib etiku, u kwistjonijiet ta’ fiduċja u kunfidenza taċ-ċittadini għandhom jiġu indirizzati.

Biex jiżdied l-investiment fis-sistemi tas-saħħa, is-saħħa ġiet integrata fi strumenti mmirati lejn it-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni ta’ l-UE inkluża l-istrateġija ta’ Liżbona, is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka inkluża l-Inizjattiva Konġunta tat-Teknoloġija dwar il-Mediċini Innovattivi, il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-Politika Reġjonali. Madankollu, teħtieġ iktar azzjoni, per eżempju fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-reġjuni, li huma atturi ewlieni fl-għoti tal-kura tas-saħħa.

Qafas Komunitarju ċar jgħin ukoll fl-appoġġ ta’ sistemi tas-saħħa dinamiċi u sostenibbli billi jkun hemm ċarezza fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tal-liġi tal-KE għas-servizzi tas-saħħa u jappoġġa lill-Istati Membri f’oqsma fejn l-azzjoni kkoordinata tista’ tagħti valur miżjud lis-sistemi tas-saħħa.

Azzjonijiet Qafas Komunitarju għal servizzi tas-saħħa sikuri, effiċjenti u ta’ kwalità għolja (Kummissjoni) Appoġġ lill-Istati Membri u lir-Reġjuni fil-ġestjoni ta’ l-innovazzjoni fis-sistemi tas-saħħa (Kummissjoni) Appoġġ lill-implimentazzjoni u l-interoperabilità ta’ soluzzjonijiet elettroniċi fis-sistemi tas-saħħa (e-Health) (Kummissjoni) |

4. FLIMKIEN GħAS-SAħħA: IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-ISTRATEġIJA

4.1. Implimentazzjoni tal-mekkaniżmu

Din l-istrateġija għandha l-għan li tagħti riżultati konkreti fit-titjib tas-saħħa. Kif stipulat fit-Trattat, il-KE għandha rwol uniku għat-titjib u l-ħarsien tas-saħħa u barra minn hekk biex tiffaċilita l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa.

Meta jitqiesu r-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri għas-saħħa fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-ħtieġa li jkun hemm sussidjarjetà, dawn għandhom ikunu involuti mill-qrib fl-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tressaq mekkaniżmu ġdid ta’ kooperazzjoni strutturata fil-livell ta’ l-UE biex jagħti pariri lill-Kummissjoni u biex jippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan se jinkludi struttura ġdida fejn l-Istati Membri se jieħdu post xi kumitati eżistenti. Dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni se jgħin lill-Kummissjoni biex tidentifika prijoritajiet, tiddefinixxi indikaturi, tipproduċi linji ta’ gwida u rakkomandazzjonijiet, trawwem l-iskambju ta’ prassi tajba u tkejjel il-progress. Se jipprovdi wkoll opportunitajiet għal involviment lokali u reġjonali. Il-Kummissjoni se taħdem fis-setturi differenti u se tiżgura l-konsistenza ma’ entitajiet oħrajn li jittrattaw kwistjonijiet marbuta mas-saħħa bħall-Kummissjoni Amministrattiva u l-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali.

Jista’ jiżdied valur ma’ l-azzjoni ta’ l-Istati Membri permezz tat-trawwim tal-kooperazzjoni mal-partijiet interessati fil-livell Komunitarju. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa sħubiji magħhom, hija u tibni fuq l-esperjenza ta’ entitajiet bħall-Forum tas-Saħħa, il-Forum Ewropew għall-Alkoħol u s-Saħħa, u l-Pjattaforma għad-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa.

Azzjoni Il-Kummissjoni se tressaq mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni ta’ Kooperazzjoni Strutturata (Kummissjoni) |

4.2. L-istrumenti finanzjarji

L-azzjonijiet f’din l-Istrateġija se jiġu appoġġati mill-istrumenti finanzjarji eżistenti sa tmiem il-qafas finanzjarju eżistenti (2013), mingħajr konsegwenzi baġitarji addizzjonali. Il-pjanijiet ta’ ħidma annwali tat-Tieni Programm ta’ Azzjoni Komunitajra fil-Qasam tas-Saħħa[30] li ġie adottat dan l-aħħar, se jkun strument ewlieni għall-appoġġ ta’ l-għanijiet ta’ l-Istrateġija.

L-azzjonijiet taħt programmi u strateġiji Komunitarji oħra, bħall-Istrateġija tas-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol 2007-2012, se jkollhom rwol importanti wkoll.

Bosta programmi Komunitarji oħra wkoll jipprovdu finanzjament rilevanti għas-saħħa, pereżempju s-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-programmi tal-Politika Reġjonali[31].

[1] Il-Komunità Ewropea.

[2] Ara l-Anness 6 tad-Dokument ta’ Ħidma mill-Persunal għal referenzi għat-Trattat.

[3] Fl-2004, il-Kummissjoni fetħet konsultazzjoni miftuħa fejn staqsiet x'azzjoni għandha tieħu l-UE fil-ġejjieni fil-qasam tas-saħħa (proċess ta' riflessjoni dwar il-politika tas-saħħa ta' l-UE: http://ec.europa.eu/health/ph_overview/strategy/reflection_process_en.htm) Saret it-tieni konsultazzjoni fl-2007 dwar aspetti u prijoritajiet operattivi ta' l-istrateġiji tal-ġejjieni (http://ec.europa.eu/health/ph_overview/strategy/results_consultation_en.htm).

[4] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Valuri u Prinċipji Komuni fis-Sistemi tas-Saħħa ta' l-Unjoni Ewropea (2006/C 146/01)

[5] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa tan-Nisa (2006/C146/02)

[6] L-Artikolu 35 dwar il-Kura tas-Saħħa.(ĠU L 364, 18.12.2000).

[7] Fosthom id-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Ftehim Internazzjonali tan-NU dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Bijomediċina.

[8] Il-ħila li wieħed jaqra, jiffiltra u jifhem l-informazzjoni dwar is-saħħa sabiex jasal għal ġudizzji tajbin.

[9] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/oj/2006/l_394/l_07320070313en00090009.pdf

[10] Definiti bħala inugwaljanzi fis-saħħa li jistgħu jiġu evitati u li ma jkunux ġusti.

[11] Eurostat (Ed.) (2007): Europe in figures - Eurostat yearbook 2006-07.

[12] Virgil (70-19 BC).

[13] Anness għal KUMM(2006) 30 tal-25.1.2006.

[14] Snapshots: Health Care Spending in the United States and OECD Countries Jan 2007 http://www.kff.org/insurance/snapshot/chcm010307oth.cfm.

[15] M. Suhrcke, M. McKee, R. Sauto Arce, S. Tsolova, J. Mortensen The contribution of health to the economy in the EU , Brussels 2005.

[16] Gabriel, P. & Liimatainen, M.-R. (2000). Mental Health in the Workplace . Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol: Ġinevra.

[17] OECD (Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku)

[18] OECD Health Data 2006, Statistics and Indicators for 30 Countries. CDROM, Pariġi 2006.

[19] L-Impjiegi fl-Ewropa, Rapport ta’ l-2006, il-Kummissjoni Ewropea.

[20] KUMM(2005) 654.

[21] KUMM(2005) 642.

[22] Dan isegwi mill-Artikolu 152 li jappella għal kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali fis-saħħa pubblika u mill-għan strateġiku tal-Kummissjoni fejn l-Ewropa tkun Imsieħeb Dinji (Strateġija Politika Annwali għall-2008, KUMM(2007) 65). Huwa mistenni li t-Trattat tar-Riforma l-ġdid se jinkludi wkoll għan ġdid ta’ l-UE li, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, issostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi ta’ l-Unjoni u tikkontribwixxi għall-ħarsien taċ-ċittadini tagħha.

[23] Eż. Għanijiet ta’ l-iżvilupp tal-Millenju, Konsensus Ewropew dwar il-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp u d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi ta’ l-2005.

[24] Previżjonijiet tal-popolazzjoni ta’ Eurostat ippubblikati fil-Jum Internazzjonali ta’ l-Anzjani, id-29 ta’ Settembru 2006.

[25] L-impatt tat-tixjiħ fuq l-infiq pubbliku: previżjonijiet għall-Istati Membri ta’ l-UE25 għall-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul, l-edukazzjoni u t-trasferimenti tal-qgħad (2004-2050), Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kummissjoni Ewropea (DG ECFIN) 2006, Ekonomija Ewropea, Rapport Speċjali nru. 1/2006.

[26] KUMM(2007) 275.

[27] Dan jittraduċi għal madwar 850 000 effetti negattivi fis-sena. Sors: UK Department of Health Expert Group. An organisation with a memory: report of an expert group on learning from adverse events in NHS. President: Chief Medical Officer London: The Stationery Office, 2000.

[28] Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq ir-reviżjoni tan-nofs ta’ l-Istrateġija dwar ix-Xjenzi tal-Ħajja u l-Bijoteknoloġija, KUMM(2007) 175.

[29] Ara KUMM(2004) 356 dwar pjan ta’ azzjoni għal żona Ewropea tas-Saħħa Elettronika (e-Health).

[30] Dan il-programm jieħu post il-Programm tas-Saħħa Pubblika (2003 – 2008), u għandu tliet għanijiet wiesgħa: it-titjib tas-sigurtà taċ-ċittadini fir-rigward tas-saħħa, il-promozzjoni tas-saħħa għall-prosperità u s-solidarjetà, u l-ġenerazzjoni u t-tqassim ta’ l-għarfien dwar is-saħħa.

[31] Għal lista iktar komprensiva ara l-Anness 3 tad-Dokument ta’ Ħidma mill-Persunal.

Top