This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0618
Report from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on the implementation of directive 2000/53/Ec on end-of-life vehicles for the period 2002-2005 [SEC(2007) 1348]
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw għall-perjodu 2002-2005 [SEC(2007)1348]
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw għall-perjodu 2002-2005 [SEC(2007)1348]
/* KUMM/2007/0618 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.10.2007 KUMM(2007)618 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI MA GĦADHOMX JINTUŻAW GĦALL-PERJODU 2002-2005 [SEC(2007)1348] RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI MA GĦADHOMX JINTUŻAW GĦALL-PERJODU 2002-2005 INTRODUZZJONI L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jgħarraf lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra, lill-Istati Membri u lill-pubbliku, dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw[1] għall-perjodu bejn il-21 ta’ April 2002 u l-21 ta’ April 2005 (jew, bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-21 ta’ April 2005, għall-Istati Membri li ngħaqdu mal-Komunità Ewropea wara l-1 ta’ Mejju 2004). Ir-rapport tfassal abbażi ta’ kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/753/KE[2], b’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE[3]. Huwa bbażat fuq informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni li jagħti aktar dettalji dwar l-informazzjoni u d-dejta li waslet mingħandhom. L-Istati Membri kollha għaddew lill-Kummissjoni d-dejta dwar l-implimentazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-inkorporazzjoni tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalkemm jidher li din l-inkorporazzjoni hija sodisfaċenti, għall-għaxar Stati Membri ġodda li ngħaqdu mal-Komunità fl-1 ta’ Mejju 2004, il-kontroll tal-konformità tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għadu għaddej, u dan jista’ jqajjem kwistjonijiet ġodda dwar nuqqas ta’ konformità. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tad-dispożizzjonijiet legali, peress li ftit biss mill-Istati Membri taw it-tagħrif speċifikat fil-parti 2 tal-kwestjonarju (li għandu jingħata skond ma jkun disponibbli, u b’ħarsien tal-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali), mhux faċli li, abbażi ta’ dawn ir-rapporti nazzjonali, jinkiseb rendikont preċiż tal-funzjonament tad-Direttiva fl-Istati Membri. Barra minn hekk, qabel ma l-Istati Membri jirrapportaw dwar il-miri għall-użu mill-ġdid/irkupru u għall-irkupru/riċiklaġġ li jirnexxilhom jilħqu, ma tistax tinkiseb stampa ċara tal-qagħda attwali f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw. Dawn ir-rapporti, obbligatorji u bid-dejta għall-2006, għandhom isiru skond ir-regoli stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/293/KE[4] u jintbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien 18-il xahar minn tmiem is-sena rilevanti, i.e. sat-30 ta' Ġunju 2008. Id-Direttiva 2000/53/KE dwar il-vetturi li ma għadhomx jintużaw Id-Direttiva 2000/53/KE tispeċifika rekwiżiti speċifiċi għall-ġestjoni tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw. L-għan ewlieni tagħha huwa l-prevenzjoni ta’ skart mill-vetturi u, barra minn hekk, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw u tal-komponenti tagħhom, biex jonqos ir-rimi ta’ skart. Id-Direttiva għandha wkoll l-għan li ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta’ l-operaturi ekonomiċi kollha li huma involuti fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-vetturi u speċjalment, ta' l-operaturi li huma involuti direttament fit-trattament tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw. L-Istati Membri kollha taw, lill-Kummissjoni, id-dettalji tal- liġijiet, regolamenti u disposizzonijiet amministrattivi li huma adottaw sabiex jikkonformaw mad-Direttiva. Bħalissa, għaddejjin proċeduri ta’ ksur differenti kontra 5 Stati Membri (il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Portugall u r-Renju Unit). Kważi l-Istati Membri kollha ma eżentawx il-vetturi li jiġu prodotti f’ammonti żgħar mill-obbligi tar-rekwiżiti ta’ ħatt, irkupru u riċiklaġġ, mill-konformità ma’ l-istandards ta’ kodifikazzjoni u tagħrif dwar il-ħatt, u mir-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni ta' rapporti u informazzjoni. Din l-eżenzjoni ingħatat biss mill-Irlanda, il-Litwanja u r-Renju Unit. Ħafna mill-Istati Membri adottaw diversi miżuri ta’ prevenzjoni bl-għan li jillimataw l-użu ta’ sustanzi perikolużi fil-vetturi u biex ma jitħalliex isir rilaxx ta’ dawn is-sustanzi fl-ambjent, kif ukoll biex jiffaċilitaw il-ħatt, l-użu mill-ġdid, l-irkupru u r-riċiklaġġ ta’ vetturi u li jiġu integrati aktar materjali riċiklati fil-vetturi u prodotti oħrajn. Xi Stati Membri li għandhom industrija nazzjonali tal-vetturi (bħal Franza u l-Ġermanja), jinkoraġġixxu t-tibdil fid-disinn tal-vetturi billi jimponu obbligi legali u rekwiżiti ta’ informazzjoni fuq il-manifatturi. Pajjiżi oħra jiffokaw fuq id-disinn ta’ l-i spare parts jew fuq ir-restrizzjoni ta’ ċerti sustanzi. Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Malta u l-Portugall adottaw miżuri ġodda li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ komponenti tal-vetturi, fosthom, kampanji ta’ promozzjoni, linji ta’ gwida tekniċi, għajnuna finanzjarja għall-R&D (riċerka u żvilupp) u għall-innovazzjoni, u proċeduri ta’ awtorizzazzjoni. L-Istati Membri kollha adottaw leġiżlazzjoni li tillimita l-użu ta' ċomb, merkurju, kadmju u kromju eżavalenti fil-vetturi u fil-komponenti tagħhom, kif ukoll listi dettaljati ta' eżenzjonijiet minn din il-projbizzjoni ta’ metalli tqal (i.e. ta' densità għolja) li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, huma traspożizzjoni letterali tat-test ta’ l-Anness II tad-Direttiva 2000/53/KE. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri kkomunikaw li adottaw miżuri bl-għan li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jistabbilixxu sistemi għall-ġbir tal-vetturi kollha li ma għadhomx jintużaw u, sakemm ikun teknikament vijabbli, tal-parts użati li meta jitneħħew waqt it-tiswija ta’ vetturi tal-passiġġieri jsiru skart, kif ukoll li jkun hemm biżżejjed faċilitajiet ta’ kollezzjoni ta' skart fit-territorju nazzjonali tagħhom. In-numru ta’ faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati jvarja bejn 0 f’Malta u aktar minn 1,500 fl-Italja, li jindika diskrepanza kbira f’termini ta’ kapaċità ta’ trattament fost id-diversi Stati Membri. Fir-rigward tar- responsabbiltà organizzattiva għat-twaqqif ta’ netwerk ta’ kollezzjoni , xi Stati Membri għaddew din ir-responsabbiltà lill-operaturi ekonomiċi (Ċipru), filwaqt li oħrajn imponew din ir-responsabbiltà fuq il-manifatturi u importaturi tal-vetturi (l-Awstrija, Spanja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja u l-Olanda). Ħafna mill-Istati Membri jispeċifikaw il-kopertura ġeografika li għandu jkollhom l-operaturi ekonomiċi, li jew tkun marbuta mad-densità tal-popolazzjoni (fl-Irlanda) jew mad-distanza ġeografika (pereżempju, f'raġġ ta' 50km fl-Ungerija, fil-Litwanja u fis-Slovenja). Fil-Latvja u l-Portugall hija prevista l-possibbiltà li jiġi inkorporat netwerk immexxi minn entità indipendenti, iżda jkun meħtieġ li l-manifatturi u importaturi tal-vetturi juru prova li huma assoċjati ma' netwerk ta' dan it-tip. Fis-Slovenja, il-faċilitajiet ta’ kollezzjoni huma obbligati li jiggarantixxu kopertura suffiċjenti. F’xi Stati Membri, joperaw żewġ sistemi fl-istess ħin: dik ta’ faċilitajiet ikkuntrattati mal-produtturi, u dik ta’ faċilitajiet indipendenti (fl-Irlanda u fir-Renju Unit). Fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-Istati Membri kollha daħħlu miżuri bl-għan li jiżguraw li l-vetturi kollha li ma għadhomx jintużaw jiġu trasferiti lill-faċilitajiet ta' trattament awtorizzati. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-faċilitajiet ikkonċernati li jiksbu liċenzja għall-kollezzjoni u t-trattament u jobbligaw lill-aħħar proprjetarju tal-vettura li ma għadhiex tintuża li jiddisponi mill-vettura f’siti ta’ kollezzjoni liċenzjati biss. Ħafna mill-Istati Membri jippermettu lil aġenti jew manifatturi li jirċievu vetturi biex wara jittrasferuhom lill-faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati. Fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, huwa mejqus bħala delitt li wieħed jabbunduna l-vettura minflok ma jeħodha f’faċilità ta’ trattament awtorizzata, jew li wieħed jiġbor u jitratta vetturi mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa. L-Istati Membri kollha rrapportaw li stabbilixxew sistema ta’ tneħħija tar-reġistrazzjoni li torbot din it-tneħħija ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi mal-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ distruzzjoni tal-vettura minn faċilità ta’ trattament awtorizzata. F’għadd żgħir ħafna ta’ Stati Membri, kienet prevista il-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ ċertifikati għad-distruzzjoni mill-produtturi, aġenti u kolletturi, f’isem il-faċilità ta’ trattament awtorizzata. Fl-Istati Membri kollha, ittieħdu miżuri li jiżguraw it-trasferiment ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw lill-faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati. L-Istati Membri kollha kkomunikaw li implimentaw dispożizzjonijiet ta' ġbir bla ħlas , li bihom, l-aħħar proprjetarju tal-vettura li ma għadhiex tintuża ma għandu jħallas xejn għall-ġbir tagħha, kif jitlob il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-produttur . F’ħafna mill-każijiet, il-vetturi jiġu aċċettati, sakemm ma jkunux nieqsa minn komponenti essenzjali nnumerati fil-leġiżlazzjoni jew ikun fihom skart addizzjonali. Vettura titqies li jkollha valur negattiv meta l-ispejjeż għall-ġestjoni tagħha jkunu ogħla mid-dħul tal-materjali rkuprati minnha. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ir-responsabbiltà tal-produttur tibda minn dan il-ħin; madankollu, minħabba l-prezzijiet attwali tal-materjali, ftit ġew rapportati aċċettazzjonijiet ta’ vetturi b’valur negattiv. Ħafna mill-Istati Membri jipprevedu għal rikonoxximent reċiproku tac-ċertifikati ta’ distruzzjoni li jinħarġu fi Stat Membru ieħor. Fl-Istati Membri kollha, l-istabbilimenti li għandhom il-ħsieb li jwettqu operazzjonijiet ta’ trattament ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw għandhom jiksbu permess jew jiġu reġistrati ma’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-awtoritajiet reġjunali huma responsabbli għall-infurzar ta’ l-obbligi, relatati mal-permessi, speċifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali: dawn l-awtoritajiet joħorġu permessi u jimmonitorjaw il-faċilitajiet ta’ trattament fir-reġjuni amministrattivi rispettivi tagħhom. Iż-żmien li fih trid issir l-eliminazzjoni tat-tniġġis ivarja bejn 24 siegħa (Slovenja) u 3 xhur (Litwanja). Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri kkomunikaw li qed jiżdied l- użu tas-sistema EMAS jew tas-sistema ISO . L-Istati Membri qegħdin joffru għadd ta’ inċentivi lill-kumpaniji biex jużaw dawn is-sistemi, li kważi dejjem huma volontarji. F’ħafna Stati Membri, qiegħed dejjem jinfirex aktar l-użu ta’ sistemi ta’ ġestjoni ta’ l-ambjent iċċertifikati. L-Istati Membri kollha rrapportaw li adottaw miżuri konsistenti mal- ġerarkija ta’ skart preskritta fid-Direttiva li tippromwovi l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ komponenti tal-vetturi, bir-rimi bħala l-aħħar rikors. Primarjament, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru jiġu żgurati permezz ta’ miżuri li jkollhom l-għan li jiggarantixxu l-ħatt, il-ħażna u t-trattament xierqa tal-parts u materjali li jkunu jistgħu jieħdu dan it-tip ta’ trattament. Element importanti tas-sistemi kollha huwa l- eliminazzjoni tat-tniġġis ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw. Miżuri oħrajn jinkludu dawk għall-ħolqien ta’ swieq għall-prodotti riċiklati , inkluż id-definizzjoni ta’ miri għall-kontenut riċiklat fi prodotti ġodda. F’ħafna Stati Membri, hemm disponibbli skemi ta’ finanzjament ukoll, li għandhom l-għan li jippromwovu għażliet ta’ trattament li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent. L-Istati Membri kollha kkonfermaw li fil-leġiżlazzjoni tagħhom, introduċew miri għall-użu mill-ġdid/irkupru u għall-użu mill-ġdid/riċiklaġġ. F’ħafna mill-każijiet, il-miri nazzjonali jagħmlu traspożizzjoni letterali tad-Direttiva, għajr għall-Olanda, li kellha tilħaq il-miri tagħha (95% għall-użu mill-ġdid/irkupru u 85% għall-użu mill-ġdid/riċiklaġġ) sa l-2007 (data li bħalissa qed tiġi riveduta). Il-partijiet responsabbli għall-ilħiq tal-miri jinkludu l-produtturi flimkien ma’ l-operaturi ekonomiċi (il-Finlandja, l-Ungerija), l-operaturi ekonomiċi (Ċipru, l-Italja, Malta), il-produtturi u importaturi (il-Litwanja, l-Olanda), il-fornituri ta’ servizzi pubbliċi (is-Slovenja) u l-faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati (l-Irlanda). Ir-Repubblika Ċeka, Spanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, l-Islovakkja u r-Renju Unit stabbilixxew rati aktar baxxi għall-użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru għall-vetturi manifatturati qabel l-1 ta’ Jannar 1980, li f’kull każ huma mill-anqas 75% ta’ l-użu mill-ġdid/irkupru u 70% ta' l-użu mill-ġdid/riċiklaġġ. Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja u r-Renju Unit irrapportaw li l-miżura li tintroduċi dawn ir-rati aktar baxxi ġiet notifikata lill-Kummissjoni, u f’xi każijiet anke lill-Istati Membri l-oħra. Spanja, il-Greċja u Malta għadhom ma bagħtux in-notifika uffiċċjali. Peress li l-obbligu tar-rapportar dwar il-miri jibda jgħodd min-nofs l-2008, bid-dejta għas-sena 2006, l-informazzjoni disponibbli dwar il-miri milħuqa qabel l-2006 hija limitata. Minn fost il-pajjiżi li rrapportaw, fl-2004, erba’ Stati Membri laħqu l-mira ta’ riċiklaġġ ta’ 80% (il-Belġju, id-Danimarka, l-Olanda u l-Iżvezja) u tlieta laħqu l-mira ta’ rkupru ta’ 85% (id-Danimarka, l-Olanda u l-Iżvezja). Fl-2004, l-Awstrija, l-Ġermanja u r-Renju Unit ukoll qorbu lejn il-mira ta’ riċiklaġġ ta’ 85%. L-Istati Membri kollha adottaw miżuri li jikkonċernaw l-użu ta’ standards ta’ kodifikazzjoni tal-komponenti u materjali li jikkorrispondu ma’ dawk tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/138/KE[5], u obbligaw lill-manifatturi tal-vetturi li jipprovdu informazzjoni dwar il-ħatt għal kull tip ġdid ta’ vettura li titqiegħed għall-bejgħ fis-suq. Il-Belġju, Ċipru, il-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u l-Iżvezja semmew l-użu tas- sistema IDIS ( International Dismantling Information System ) biex tiffaċilita l-ħatt u l-użu mill-ġdid ta’ parts tal-vetturi. Fl-Istati Membri kollha, hemm dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħatt, il-ħażna u l-ittestjar ta’ komponenti li jistgħu jerġgħu jintużaw. Ħafna mill-Istati Membri jobbligaw lill-produtturi tal-vetturi biex jippubblikaw informazzjoni dwar id-disinn tal-vettura, trattament li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ l-iskart u żieda fir-riċiklaġġ u rkupru. Peress li parti mill-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva għandha tingħata skond ma tkun disponibbli u b’kunsiderazzjoni għall-ħtieġa ta’ ħarsien tal-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali, mhux l-Istati Membri kollha għaddew din l-informazzjoni lill-Kummissjoni. F’ħafna mill-Istati Membri, ma ttieħdux miżuri ta’ prevenzjoni ġodda għajr għal dawk meħtieġa mid-Direttiva. Il-Ġermanja, l-Olanda u l-Iżvezja rrapportaw għadd ta’ inizjattivi adottati mill-industrija tal-vetturi sabiex jillimitaw l-użu ta’ sustanzi perikolużi u jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid, l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-vetturi. Fir-rigward ta’ tibdil fid-disinn ta’ karozzi bl-għan li jiġu integrati aktar materjali riċiklati fil-vetturi, kienu l-ftit Stati Membri li għandhom industrija nazzjonali tal-manifattura ta’ vetturi (il-Ġermanja, Franza u l-Iżvezja) li adottaw dawn il-miżuri. Il-Polonja u Franza indikaw li l-akbar ostakolu għal aktar progress fir-rigward ta’ l-użu ta’ polimeri riċiklati huwa d-disponibbiltà ta’ materjali sekondarji li jkollhom il-proprjetajiet meħtieġa u bi prezz kompetittiv; li jikkonferma l-ħtieġa li jittejbu s-swieq ta’ materjali riċiklati fil-Komunità kollha. Żewġ Stati Membri biss (l-Iżvezja u l-Litwanja) irrapportaw vetturi b’valur tas-suq negattiv minħabba l-prezz għoli tal-metall. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-aħħar proprjetarju tal-vettura jirċievi rimbors finanzjarju għall-vettura li ma għadhiex tintuża. Kważi ebda Stat Membru ma rrapporta tibdil fl- istrutturi ta’ ġestjoni ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw tiegħu, jew li kien hemm xi distorsjoni fil-kompetizzjoni ; b’ħafna pajjiżi jirrapportaw tnaqqis fin-numru ta’ faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati b’konsegwenza ta’ rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni aktar stretti. Konklużjonijiet Kollox ma' kollox, għalkemm sar progress sinifikanti f'diversi Stati Membri biex id-Direttiva tiġi trasposta, l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni ma' tistax titqies bħala sodisfaċenti għal kollox; kif ġie ppruvat minn għadd ta' proċeduri ta’ ksur li jikkonċernaw dan il-fluss ta’ skart. F’xi Stati Membri, għalkemm id-Direttiva giet trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kważi b’mod letterali, jista’ jkun li s-sistemi ta’ ġestjoni ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw għadhom ma bdewx jaħdmu għal kollox. In-nuqqasijiet fil-funzjonament effikaċi tas-sistemi ta’ ġestjoni ta’ l-iskart spiss jirriżultaw min-nuqqas ta’ infurzar aktar milli minħabba traspożizzjoni mhux kompleta tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Din il-kwistjoni teħtieġ attenzjoni speċjali u aktar monitoraġġ, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fuq dak nazzjonali. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġu intensifikati l-isforzi ta’ implimentazzjoni u infurzar f’ċerti Stati Membri. Il-Kummissjoni ser tkompli tagħmel kontrolli tal-konformità u tiltaqa’ regolarment ma’ l-Istati Membri sabiex tindirizza xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. [1] ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34. [2] ĠU L 282, 26.10.2001, p. 77. [3] ĠU L 377, 23.12.1991, p. 48. [4] ĠU L 94, 12.4.2005, p. 30. [5] ĠU L 53, 28.2.2003, p. 58.