Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0574

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea {KUMM(2007) 575 finali} {SEG(2007) 1278} {SEG(2007) 1279} {SEG(2007) 1280} {SEG(2007) 1283}

    /* KUMM/2007/0574 finali */

    52007DC0574




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 10.10.2007

    KUMM(2007) 574 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea

    {KUMM(2007) 575 finali}{SEG(2007) 1278}{SEG(2007) 1279}{SEG(2007) 1280}{SEG(2007) 1283}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea

    1. Introduzzjoni

    Il-konsultazzjoni, li damet għaddeja sena, dwar il-Politika Marittima ta’ l-UE ġiet imnedija fis-7 ta’ Ġunju 2006 permezz ta’ l-adozzjoni tal- Green Paper dwar il-Politika Marittima.

    Dan li ġej huwa sommarju ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-konsultazzjoni wasslet għal rispons li qatt ma kien hemm bħalu. Kemm l-ambitu tal-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni kif ukoll id-dettall li daħlet fih kienu bla preċedenti. Minbarra l-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istituzzjonijiet Ewropej kollha, diversi parlamenti nazzjonali u xi oħrajn reġjunali ssottomettew il-kummenti tagħhom dwar il- Green Paper direttament lill-Kummissjoni. Fost il-partijiet interessati u ċ-ċittadini li ssottomettew il-kummenti tagħhom, innotajna gvernijiet ta’ pajjiżi terzi, ċittadini individwali, rappreżentanti mill-oqsma xjentifiċi u akkademiċi, kumpaniji individwali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u rappreżentanti mis-settur tal-kummerċ. Għadd kbir ta’ netwerks jew organizzazzjonijiet attivi fl-iżvilupp ta’ proġetti kostali u marittimi, irrispondew billi għaddew il-kummenti ddettaljati tagħhom, kif għamlu wkoll xi bliet u reġjuni kostali li għandhom interessi fi kwistjonijiet speċifiċi, bħal dak tat-turiżmu.

    Waslu aktar minn 490 kontribuzzjoni, filwaqt li ġew organizzati aktar minn 230 avveniment li fihom saru diskussjonijiet dwar il-Politika Marittima mal-partijiet interessati.

    It-tagħrif dwar dawn il-kontribuzzjonijiet, inkluż referenzi dettaljati, ikun jista’ jinstab f’dawn is-siti:

    - Rapport dettaljat dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li ser ikun disponibbli fuq is-sit elettroniku ta’ l-Affarijiet Marittimi (http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/);

    - It-test tal-kontribuzzjonijiet infushom kif disponibbli fuq is-sit elettroniku ta’ l-Affarijiet Marittimi (http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/post_green_en.htm).

    2. TEMI TAL-PROċESS TA’ KONSULTAZZJONI

    2.1. Politika Marittima integrata: It-tfittxija għal valur miżjud

    Fir-rigward ta’ Politika Marittima għall-Unjoni Ewropea, il-partijiet interessati jippreferu approċċ integrat, għaliex dan it-tip ta’ approċċ jintegra l-ħtiġijiet u l-preokkupazzjonijiet tas-setturi relatati li bħalissa qegħdin jiġu ttrattati permezz ta’ politiki differenti. Dan jista’ jwassal għal miżuri konfliġġenti, jew għal sitwazzjoni fejn il-preokkupazzjonijiet tal-partijiet interessati ta’ xi settur ma jkunux ikkunsidrati minn xi settur ieħor. Eżempju ċar ta’ dan, li spiss jissema’ mill-industrija tal-portijiet, huwa l-impatt li jħallu l-miżuri ta’ ħarsien ta’ l-ambjent fuq l-espansjoni ta’ portijiet. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jippretendu li meta l-integrazzjoni tal-politiki tissaħħaħ, din għandha tħalli impatt favorevoli.

    Argument ieħor favur l-approċċ olistiku huwa l-possibbiltà li operaturi u partijiet interessati differenti jingħaqdu biex jaħdmu flimkien. Il-partijiet interessati jindikaw eżempji speċifiċi ta' integrazzjoni fuq l-art.

    L-awtoritajiet reġjunali jispjegaw il-kooperazzjoni eżistenti. Huma jilqgħu b'mod favorevoli l-opportunità li jkun hemm aktar kuntatt u kooperazzjoni fuq livelli reġjunali, nazzjonali u ta’ l-UE. Huma jesiġu li l-preokkupazzjonijiet tar-reġjuni għandhom jingħataw aktar viżibbiltà.

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni jikkonferma r-raġuni għalfejn għandha tiġi żviluppata r-relazzjoni bejn dawk li jgħixu u jaħdmu f’kuntatt mal-baħar kuljum, li jinkludu l-baħħara u s-sajjieda, u setturi oħra relati ma’ l-attività ekonomika. Dan il-proċess jikkonferma wkoll il-potenzjal li tiġi żviluppata responsabbiltà konġunta fir-rigward tas-sostenibbiltà. Eżempju ta’ dan huwa r-rwol tas-sajjieda, li r-rabta antika tagħhom mal-baħar tista’ tiġi estiża u tingħata tifsira ġdida billi jitqegħdu f’kuntatt ma’ attivitajiet oħra, bħal dawk tat-turiżmu u tal-ħarsien ta’ l-ambjent.

    F’xi oqsma, il-partijiet interessati jindikaw il-vantaġġi ekonomiċi ta’ l-integrazzjoni. L-istrumenti li jintegraw il-ġbir u l-użu ta’ dejta jistgħu joffru valur miżjud reali. L-operaturi jindikaw il-ħtieġa li jiġu integrati s-sistemi u l-istandards fil-qasam tal-monitoraġġ u sorveljanza marittimi. Ir-riċerkaturi jirreferu għall-benefiċċji ekonomiċi ta' l-użu konġunt ta' assi għaljin għax-xogħol tagħhom.

    Għalkemm ftit huma dawk li jikkritikaw l-approċċ integrat, hemm min jiddistingwi bejn l-approċċ u l-istrumenti. Huma jitolbu li l-iżvilupp ta’ approċċ integrat ma għandux iwassal lill-UE biex toħloq regoli mill-ġdid jew żejda, jew li tiċċentralizza wisq. Għadd sinifikanti ma jixtiqux li l-politika integrata tbiddel il-kompetenzi eżistenti.

    2.2. Min jagħmel X’hiex: is-sussidjarjetà tfisser responsabbiltà

    Il- Green Paper dwar il-Politika Marittima tirreferi għas-sussidjarjetà bħala wieħed mis-sisien għall-approċċ integrat tagħha. Dan jeħtieġ li d-deċiżjonijiet u l-miżuri jittieħdu kemm jista’ jkun fil-qrib tan-nies u ż-żoni affettwati minnhom, kif ukoll l-użu ta’ għarfien espert eżistenti fit-teħid ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

    Ir-reazzjoni għall- Green Paper tikkonferma l-opinjoni tal-Kummissjoni li Politika Marittima Ewropea għandha tkompli tibni fuq it-tqassim attwali tal-kompetenzi fl-UE. Ir-rwol ta’ l-UE huwa meqjus bħala dak ta' medjatur aktar milli ta' integratur proprju.

    Eżempju tajjeb huwa dak tad-diskussjoni dwar l-ippjanar tat-territorju: ħafna mill-partijiet interessati, mis-setturi kollha, jaqblu li dan l-ippjanar ikun ta’ ġid ġenerali. Il-biċċa l-kbira jindikaw li l-ippjanar tat-territorju huwa kompetenza ta’ l-Istati Membri iżda jagħrfu l-ħtieġa tas-sostenibbiltà transkonfinali u tat-tixrid ta’ l-aħjar prassi.

    Eżempju ieħor huwa dak tad-diskussjoni dwar l-attivitajiet offshore governattivi: il-Gwardja Kostali Ewropea ftit għandha appoġġ, madankollu, hemm interess għall-kooperazzjoni bejn l-assi ta’ l-Istati Membri biex jintlaħqu għanijiet simili mingħajr ma jinbidlu l-kompetenzi rispettivi.

    Saret ħafna enfasi dwar in-neċessità li l-politiki u l-oqfsa ġuridiċi eżistenti għandhom jiġu implimentati u kkooordinati b’aktar koerenza. Dan jinkludi li l-evalwazzjoni ta’ l-impatt tingħata aktar attenzjoni. Barra minn hekk, saru sejħiet għal inizzjattivi regolatorji speċifiċi bl-għan li jeliminaw xi nuqqasijiet li hemm fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE.

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni juri biċ-ċar il-komplessità ta’ l-attivitajiet marittimi ta’ l-Ewropej. Din il-komplessità teħtieġ kemm viżjoni olistika tas-sitwazzjoni kif ukoll soluzzjonijiet apposta li jkunu qiesu l-ispeċifiċitajiet reġjunali, il-ħtiġijiet tal-partijiet interessati u l-għarfien espert tagħhom.

    Il-politiki marittimi jaffettwaw lir-Reġjuni Kostali b’mod dirett. Il-parteċipazzjoni wiesgħa tal-korpi governattivi lokali u reġjunali tindika l-entużjażmu tagħhom li jitgħallmu minn xulxin, jaqsmu l-esperjenzi u jikkontribwixxu l-ideat.

    L-industrija titlob li jkun hemm anqas regolamentazzjoni u aktar awtoregolamentazzjoni. Dan is-settur jissuġġerixxi li l-awtoregolamentazzjoni mhux dejjem hija l-aħjar soluzzjoni, iżda l-effetti pożittivi ta’ meta l-aħjar riżultati u prassi jiġu ppremjati jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti u jippreparaw bażi għal titjib fl-istandards li ladarba jiġu proposti, il-biċċa l-kbira jaċċettawhom.

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni juri biċ-ċar l-importanza ta' l-implimentazzjoni u ta' l-infurzar tar-regoli. Il-proprjetà, u s-sens ta’ responsabbiltà komuni, jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar – bir-riżultat li fil-ġejjieni, kemm is-sussidjarjetà kif ukoll l-involviment tal-partijiet interessati jkollhom rwol importanti f’inizzjattivi tal-Politika Marittima ta’ l-UE.

    Id-dibattitu wera biċ-ċar li l-partijiet interessati jħossu li huma responsabbli għall-parti tagħhom tal-problema marittima. Il-Politika Marittima Ewropea għandha tipprova tgħaqqad dawn il-partijiet kollha kif suppost, mingħajr ma tibdel xejn minnhom.

    Fl-aħħarnett, id-dibattitu dwar il-kompetenzi jikkonferma l-valutazzjoni fil-qofol tal- Green Paper billi juri l-impenn ta’ kull parti involuta għas-sehem tagħha fl-Ewropa marittima. Politika Marittima Ewropea tista’ tirnexxi biss jekk tutilizza dan l-impenn b'manjiera li kull parti interessata tassumi parti proporzjonali mir-responsabbiltà u tqis ruħha involuta fil-proċess.

    2.3. Il-Pjaneta “Oċean”: kwistjonijiet u responsabbiltajiet globali

    Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni, in-natura globali ta’ l-attivitajiet marittimi, bħal tbaħħir u sajd, saret evidenti. Diversi partijiet interessati ħasbu li l-UE għandha tippromwovi miżuri li jipproteġu l-ekosistema globali, anke fl-ibħra internazzjonali.

    Hawnhekk, il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jaqblu dwar il-ħtieġa ta’ regoli u standards multilaterali u dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom. L-opinjoni dwar kif dan jista’ jintlaħaq mhijiex ta’ kulħadd l-istess; xi wħud jinsistu li l-istandards jiġu żviluppati f’kuntest multilaterali biss, u ma jaqblux li l-UE tkun hi l-ewwel li tiżviluppa dawn l-istandards. Iżda għadd kbir mill-partijiet interessati jemmnu li l-UE għandha twettaq rwol importanti billi tmexxi bl-eżempju.

    Jeżisti qbil dwar il-benefiċċji li jistgħu jinkisbu meta l-UE tagħti l-eżempju t-tajjeb. Madankollu, dawk il-partijiet interessati li l-kompetittività tagħhom tiddependi minn kundizzjonijiet ta’ kompetenza ndaqs jopponu regolazzjoni mill-UE li ma tkunx sinkronizzata mar-regolamentazzjoni minn entitajiet internazzjonali.

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni jikkonferma li l-aspetti internazzjonali u multilaterali ta’ l-affarijiet marittimi ma’ jistgħux jiġu injorati. L-Unjoni Ewropea għandha titratta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u mar-regoli li jkunu għamlu. Il-partijiet interessati jaqblu li jittieħed approċċ integrat għall-aspett internazzjonali tal-politika marittima għall-UE, iżda jinsistu li għal kull każ issir diskussjoni skond il-mertu tiegħu. Huma jappoġġjaw it-tisħiħ ta’ l-istrumenti u metodi eżistenti, u li meta jkun xieraq, jinħolqu soluzzjonijiet li jkollhom valur miżjud.

    It-tmexxija bl-eżempju tfisser ukoll li fejn ikun hemm regoli diġà stabbiliti, dawn jiġu rrispettati. Il-partijiet interessati jgħidu li l-ħtieġa tat-tisħiħ ta' implimentazzjoni u rinfurzar tar-regoli internazzjonali, mill-Istati Membri ta’ l-UE u pajjiżi terzi hija daqstantieħor importanti. Dan wassal għal proposti ta' djalogu, appoġġ u bini ta’ kapaċità ma’ pajjiżi ġirien ta’ l-UE u ma’ msieħba oħrajn.

    Il-Politika Ewropea tal-Viċinat ġiet enfasizzata b’mod partikolari mill-partijiet ikkonċernati mill-Baħar Mediterran; iżda mhux minnhom biss. Ħafna mill-partijiet interessati jappoġġjaw id-dikjarazzjoni tal- Green Paper dwar l-importanza li l-pajjiżi ġirien ikunu inklużi fix-xogħol relatat ma’ politika marittima integrata.

    Għalhekk, il-proċess ta’ Konsultazzjoni jikkonferma l-importanza li tiġi żviluppata dimensjoni internazzjonali għall-Politika Marittima Ewropea. Qabel jiġu ppruvati soluzzjonijiet oħrajn, il-partijiet interessati jixtiequ jiżguraw li s-sistema attwali tkun intużat kemm jista’ jkun possibbli.

    2.4. L-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali: it-tifsira ta’ ġestjoni tajba

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni kkonferma r-rabta espliċita bejn il-kompetittivà u s-sostenibbiltà li hemm deskritta fil- Green Paper . Il-konsultazzjoni wriet ukoll li l-partijiet interessati jagħrfu li din ir-rabta teħtieġ li tkun waħda pożittiva biex jiġi żgurat li l-oċeani u l-ibħra jibqgħu jintużaw mingħajr ma jitnaqqas il-valur tagħhom għall-Ewropej u l-umanità.

    2.4.1. Il-kompetittività

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni jenfasizza kemm il-prosperità ta’ l-Ewropa tiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ servizzi tat-trasport marittimu sikuri u effiċjenti. Fid-dawl tal-globalizzazzjoni dinjija, l-effiċjenza tagħhom hija kruċjali għall-kompetittività ta’ l-UE.

    Il-partijiet interessati jaqblu li s-servizzi tat-trasport marittimu u l-portijiet Ewropej huma setturi li għandhom potenzjal ta’ tkabbir kbir u elementi mill-Istrateġija ta’ Liżbona li jistgħu jgħinu lill-Ewropa ssir l-aktar entità kummerċjali kompetittiva fid-dinja.

    Il-partijiet interessati jaqblu wkoll li r-rendiment intern u internazzjonali ta’ l-UE fis-Setturi Marittimi huwa bbażat fuq il-kwalità ogħla, u mhux fuq prezz irħas.

    Is-suċċess ta’ l-industriji marittimi ta’ l-UE jiddependi fuq il-kapaċità tagħhom li joħolqu l-innovazzjonijiet, kemm jekk fil-bini tal-bastimenti, il-loġistika u l-manifattura tat-tagħmir, kif ukoll fl-industriji tas-servizzi relatati. Dan huwa importanti wkoll f’setturi marittimi oħrajn, bħal dak tat-turiżmu, li jikkontribwixxi wkoll għall-ekonomija tar-reġjuni kostali.

    Il-komunikazzjoni bejn diversi industriji marittimi ġiet imtejba bit-twaqqif ta’ gruppi marittimi madwar l-Unjoni Ewropea, li qawwiet ir-rendiment ta’ l-ekonomija marittima.

    Dan jinkludi komponent xjentifiku u ta’ riċerka importanti. Il-komunità xjentifika kienet attiva ħafna fl-iżvilupp ta’ proposti għall-koordinament aħjar bejn l-entitajiet xjentifiċi u dawk ta' riċerka marittimi, u t-teknoloġija u l-innovazzjoni.

    Fil-futur, it-teknoloġiji ser ikunu kruċjali fil-bini ta’ ekonomija aktar sostenibbli, pereżempju, l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli u b’mod partikolari, l-enerġija mir-riħ u mill-mewġ. Is-swieq ewlenin, bħall-bijoteknoloġija blu ( blue biotech) jiddependu minn bażi xjentifika soda.

    L-għarfien ifisser dejta. Il-proċess ta’ konsultazzjoni wera li jeżisti appoġġ qawwi għall-ġbir u użu aħjar tad-dejta (f’ real time u ta’ tip ieħor) dwar l-oċeani u l-ibħra, u l-attivitajiet li jseħħu fihom, kif ukoll għad-dejta u statistiċi soċjoekonomiċi, u dwar ir-reġjuni kostali u l-ekonomija marittima.

    Il-partijiet interessati jikkonfermaw li l-istandards huma suġġett ta’ interess kbir għalihom. L-istandards għoljin huma neċessarji biex tiġi żgurata l-kwalità għolja, u allura, l-kompetittività, u l-istandards li jappoġġjaw is-sostenibbiltà. L-industrija tindika li l-kompetittività bbażata fuq standards għoljin tirnexxi biss jekk dawn l-istandards jiġu applikati għall-partijiet kollha, b’mod li jiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ kompetenza ndaqs. Barra minn hekk, jindikaw li xi kultant, l-approċċi volontarji jistgħu jwasslu għal riżultati aħjar milli permezz ta’ regolazzjoni preskrittiva. Ħafna mill-partijiet interessati jinnotaw li biex jgħollu l-istandards mad-dinja kollha, tkun meħtieġa t-tmexxija mill-UE. Oħrajn jindikaw li filwaqt li xi operaturi jistgħu jkunu affidabbli, ħafna oħrajn huma inqas skruplużi, u għalhekk, l-infurzar u l-monitoraġġ tar-regoli jibqa’ neċessarju.

    L-impatti imprevisti tar-regolazzjoni jidhru l-aktar f’oqsma bħall-użu ta’ bastimenti tradizzjonali għat-turiżmu, jew fl-ispejjeż żejda għat-trasport marittimu Ewropew ikkawżati mill-fatt li l-vjaġġi bil-bastimenti minn port ta' Stat Membru għal port ta' Stat Membru ieħor dejjem jitqiesu bħala vjaġġi internazzjonali, anke meta t-tagħbija li tinġarr tkun merkanzija rilaxxata fis-suq intern.

    L-istandards ogħla jfissru wkoll standards ogħla għall-persunal ta’ kwalità. F’dak li jirrigwarda r-reklutaġġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ħafna operaturi ta’ l-UE għandhom rekord tajjeb, iżda għad jista’ jsir ħafna biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-persunal fl-ekonomija marittima sabiex jintlaħaq għan ieħor: pożizzjonijiet ta’ l-ogħla kwalità għal persunal ta' l-ogħla kwalità. Il-partijiet interessati jindikaw li hemm lok għal titjib fil-kompetenzi u t-taħriġ, u opportunitajiet biex l-kompetenzi marittimi tradizzjonali jintużaw flimkien ma’ dawk moderni. Hemm opinjonijiet differenti dwar jekk, u liema, esklużjonijiet li jikkonċernaw is-settur marittimu fil-leġiżlazzjoni soċjali ta’ l-UE huma ġġustifikati, iżda hemm qbil dwar il-ħtieġa għall-kontribuzzjoni għal kundizzjonijiet ta' kompetenza ndaqs għas-settur fid-dinja kollha u dwar ir-rwol li l-leġiżlazzjoni ta’ l-UE jista’ jkollha f’dan il-kuntest.

    Għadd kbir ta’ kontribuzzjonijiet jiddikjaraw li l-mobbiltà intersettorjali, bl-appoġġ ta’ taħriġ u kwalifikazzjonijiet ibbażati fuq il-ħtiġijiet ta’ l-industrija, flimkien ma’ għażliet ta’ karriera attraenti u multisettorjali hija essenzjali għall-kompetittività tas-setturi marittimi Ewropej.

    L-indipendenza tas-setturi ekonomiċi tissemma bħala argument kontra l-appoġġ finanzjarju pubbliku għall-attivitajiet ekonomiċi. Madankollu, il-partijiet interessati jinsistu li jkun hemm kundizzjonijiet xierqa fis-suq li jaħdmu fih, u għalhekk jilqgħu l-appoġġ amministrattiv, pereżempju, għal standards ogħla li jiggarantixxu ż-żamma ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetenza ndaqs, u biex tiġi ppremjata l-imġiba xierqa, jew għal miżuri ta’ benefiċċju għall-komunità.

    2.4.2. Is-sostenibbiltà

    Għalkemm ftit li xejn hemm dubju dwar il-ħtieġa li jinħolqu żoni ta’ l-ibħra protetti, fir-rigward ta’ l-allokazzjoni tagħhom, għaddejja diskussjoni. Kull naħa ta’ din id-diskussjoni titlob li tinstema’ aktar, u dan jikkonferma l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni u ppjanar axxendenti f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni territorjali.

    Il-qagħda ta’ l-ambjent ta’ l-ibħra hija preokkupanti ħafna. It-theddid li ssemma jinkludi l-grad ta’ sfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi permezz tas-sajd eċċessiv u t-taqlib fil-klima. Ir-relazzjoni bejn l-oċeani u l-klima hija meqjusa bħala element essenzjali tal-politika klimatika ta’ l-UE.

    L-iżvilupp tal-bijoteknoloġija blu jew ta’ użu ieħor tar-riżorsi ġenetiċi huwa meqjus bħala opportunità, li jindika l-ħtieġa għal approċċ integrat li jgħaqqad ir-riċerka, is-sostenibbiltà u r-regolamentazzjoni internazzjonali.

    Il-partijiet interessati jindikaw li sa 80% tat-tniġġis ta’ l-ambjent ta’ l-ibħra jiġi minn fuq l-art, u jitolbu li jittieħdu miżuri dwar dan. Dan il-punt jiġi enfasizzat l-aktar minn organizzazzjonijiet li għandhom interessi fil-Baltiku. Ħafna minnhom jesiġu li fl-ippjanar ta’ proġetti ġodda jiġu kkunsidrati ir-riskji ambjentali li ntwirtu, bħall-fdalijiet ta' inġenji u ammunizzjoni tal-gwerra.

    Diversi partijiet interessati jisħqu dwar l-importanza li l-Istrateġija Tematika dwar l-Ibħra tkun il-bażi ambjentali tal-Politika Marittima ta’ l-UE. Qed tiġi enfasizzata wkoll, il-ħtieġa li d-Direttiva dwar l-Istrateġija dwar l-Ibħra tiġi proposta malajr.

    Tissemma l-importanza tar-rabtiet bejn l-istrumenti ambjentali eżistenti u l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tematika dwar l-ibħra. Il-koerenza u l-kompatibbiltà huma enfasizzati bħala elementi essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti kollha. Xi partijiet interessati jisħqu dwar il-ħtieġa li jittieħdu mizuri lil hinn mill-Istrateġija Tematika dwar l-Ibħra li jkunu jimmiraw għal għanijiet ambjentali usa’, filwaqt li xi partijiet interessati oħra jixtiequ jiżguraw li l-impatti tal-miżuri u leġiżlazzjoni ambjentali jikkunsidraw il-prijoritajiet ekonomiċi kif xieraq.

    Għall-ġestjoni sostenibbli ta’ l-ibħra u t-territorji kostali, huwa fundamentali li x-xogħol isir abbażi ta' l-ekosistemi u l-ekoreġjuni. Il-partijiet interessati jindikaw il-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn ir-reġjuni kostali u l-Istati Membri ġirien ta’ xulxin – kif ukoll tal-pajjiżi ġirien tagħhom. Għandhom jitqiesu l-karatteristiċi ta’ kull ekosistema u ta’ kull ekoreġjun. Ir-rwol importanti li għandhom il-konvenzjonijiet marittimi reġjunali huwa kkonfermat ukoll.

    L-operaturi jindikaw il-benefiċċji ambjentali tat-trasport marittimu u l-potenzjal ta' użu akbar tat-trasport f'ilmijiet interni u ta’ l-intermodalità, kif imqabbel ma’ modi oħra ta’ trasport. Madankollu, il-partijiet interessati jikkunsidraw it-tniġġis ta’ l-arja mill-bastimenti u miż-żarmar tagħhom, u t-tniġġis mill-bastimenti li jkunu qed ibaħħru, bħala kwistjonijiet preokkupanti. Għalkemm jaqblu dwar l-għanijiet, ma jeżistix qbil dwar is-soluzzjonijiet. L-operaturi jiffavorixxu soluzzjonijiet f’kuntest internazzjonali, anke jekk jafu li dan jista’ jwassal għal dewmien jew għal soluzzjonijiet li mhumiex l-aħjar possibbli.

    L-awtoritajiet reġjunali, l-aktar dawk ta’ żoni remoti, jafu sew li, fil-futur, il-prosperità u s-sostenibbiltà ta’ industriji bħat-turiżmu u s-sajd – kemm industrijali kif ukoll ta’ rikreazzjoni – jiddependu minn kosti mhux imħassra u minn ekosistemi ta’ l-ibħra f’saħħithom.

    Hemm sejħa qawwija għal integrazzjoni aqwa ta’ l-aspetti ambjentali fis-sajd flimkien ma’ integrazzjoni awqa tas-sajd fil-politika marittima. Il-ħtieġa għal segwitu aħjar tal-pariri xjentifiċi dwar l-iffissar tal-kwoti kummerċjali ta’ l-istokk tal-ħut hija enfasizzata flimkien ma’ l-applikazzjoni mtejba (għas-sajd) ta’ l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi. Il-ġestjoni sostenibbli tas-sajd teħtieġ sistema razzjonali u effikaċi ta’ sorveljanza, monitoraġġ u infurzar. L-inklużjoni tar-riċerka ambjentali fis-sajd għandha twassal għal riżultati aħjar u aktar sostenibbli. Il-partijiet interessati jindikaw li jeħtieġ li l-impatt ta’ l-akwakultura fuq l-ekosistema ġenerali jiġi miftihem aktar.

    Kwistjonijiet li ssemmew f’dan ir-rigward huma t-titjib fit-taħriġ, il-kundizzjonijiet u l-opportunitajiet tax-xogħol. Il-partijiet interessati jistqarru li mingħajr titjib f’dan il-qasam, l-iżvilupp ta’ approċċ sostenibbli għas-sajd ma jkunx realistiku: kwistjonijiet internazzjonali importanti, bħas-sajd IUU, huma marbutin ma’ l-impjiegi u mal-kundizzjonijiet tax-xogħol bħal ma huma marbutin ma’ l-infurzar.

    Hemm sejħa qawwija għall-iżvilupp ta’ għodod ta’ valutazzjoni ta’ l-impatti intersettorjali u ambjentali ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, biex jiffaċilitaw l-organizzazzjoni u l-ippjanar aktar sostenibbli ta’ dawn l-attivitajiet. Ħafna mill-partijiet interessati jenfasizzaw il-possibbiltà dejjem akbar li s-settur jintlaqat mir-riskji u l-impatti tat-taqlib fil-klima.

    2.5. Il-Ġestjoni Marittima: għodod komuni għal politika komuni

    2.5.1. L-ippjanar tat-territorju

    Il-partijiet interessati jenfasizzaw il-ħtieġa għal ġestjoni u ppjanar ikkoordinati għall-ġestjoni ta’ użu fil-kompetenza ta’ l-ibħra. Iż-żieda fl-attivitajiet ekonomiċi u l-interazzjoni dejjem akbar tagħhom, flimkien ma’ l-għadd dejjem akbar ta’ strumenti li jintużaw biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà, ifissru li mingħajr l-użu ta’ għodod ta' ppjanar u ġestjoni integrati, ikun aktar diffiċli li jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli tar-relazzjoni tagħna ma’ l-oċeani u l-ibħra. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jaqblu li l-ippjanar tat-territorju marittimu jkun għodda tajba għall-użu fil-pajjiżi ta’ l-UE, iżda għandu jibqa’ kompetenza ta’ l-Istati Membri.

    L-opinjonijiet dwar il-kunċett, l-iskop u r-rabtiet tiegħu ma’ l-istrumenti eżistenti (pereżempju, il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta u d-Direttiva għal Strateġija dwar l-Ibħra proposta) ivarjaw ħafna. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jaqblu li l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għandu jkun il-bażi għall-ippjanar u l-ġestjoni ta’ l-ibħra tagħna.

    2.5.2. Id-dejta u s-sorveljanza

    Ġeneralment, l-inizjattiva biex jiġi żviluppat Netwerk ta’ Dejta Ewropew tintlaqa’ tajjeb, u jsiru ħafna proposti dwar metodi u mezzi prattiċi ta’ kif dan jista’ jsir.

    Wieħed mis-suġġerimenti huwa li din id-dejta tkun disponibbli permezz ta’ għodda interattiva li tinforma liċ-ċittadini Ewropej dwar l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet ta’ l-Ewropa ma’ l-ibħra. Barra minn hekk, id-dejta dwar (pereżempju) fejn jinsabu siti ta’ wirt kulturali, tista’ tnaqqas ir-riskji għall-iżviluppaturi, li allura jkunu jistgħu jippjanaw liema siti jevitaw jew jindirizzaw.

    Is-sorveljanza u monitoraġġ aktar effettivi tat-traffiku marittimu jistgħu jiggarantixxu l-infurzar. Għadd żgħir ħafna mill-partijiet interessati jiddubita l-fatt li l-istardardizzazzjoni, l-interkonnessjoni u l-komunikazzjoni bejn is-sistemi settorjali eżistenti jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż.

    2.5.3. Il-finanzjament

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni wera biċ-ċar id-diffikultà li teżisti biex tiġi identifikata liema parti ta’ l-infiq strutturali ta’ l-UE tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika marittima.

    Għalhekk, il-partijiet interessati reġjunali, inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni jitolbu għal approċċi speċifiċi u preċiżi għall-finanzjament fir-reġjuni tal-kosta, permezz ta’ aktar trasparenza, u għall-użu flimkien ta’ l-għodod finanzjarji eżistenti, fl-ambitu ta’ Fond Ewropew tal-Kosta.

    2.6. L-Ewropej u l-Baħar: parteċipazzjoni u involviment

    Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Politika Marittima ta’ l-UE ġibed l-attenzjoni tal-partijiet interessati fl-Affarijiet Marittimi aktar milli kien mistenni.

    Il-kontribuzzjonijiet isejħu għal konsultazzjoni u djalogu, u biex ikun hemm aktar informazzjoni disponibbli għal dawk kollha li huma affetwati mill-politika marittima.

    L-operaturi ekonomiċi jilqgħu tajjeb il-prinċipju ta’ approċċ integrat, u jesprimu l-fehma tagħhom li dan l-approċċ għandu jwassal għal tfassil ta’ politika u regolazzjoni aktar trasparenti u effikaċi fl-UE. Huma jqisu l-iżvilupp ta’ politika marittima integrata fil-kuntest ta’ ekonomija marittima li sejra 'l quddiem u żieda fit-trasport marittimu u fl-attività fil-portijiet, u jsejħu għal rabtiet aktar b'saħħithom, bejn is-setturi u l-attivitajiet relatati, f’għamla ta’ gruppi, anke fuq skala Komunitarja.

    Ir-reġjuni jappoġġjaw b’entużjażmu l-approċċ integrat ta' dan it-tip. Huma jenfasizzaw ir-rwol tar-reġjuni kostali bħala ċentri ta’ l-ekonomija marittima u parti mill-ambjent kostali u marittimu, u li jiddependi fuq ġestjoni sostenibbli tal-kosti. Ħafna aktar huma mistennija li jibbenifikaw mill-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet fil-livell Komunitarju ma’ l-attivitajiet fir-reġjuni kostali, kif minn involviment akbar tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri fil-proċess.

    L-Istati Membri jilqgħu l-prinċipju tal-ġestjoni integrata tal-kwistjonijiet marittima. Huma jqisu l-proposta għal politika marittima integrata fil-kuntest ta’ l-interess tagħhom li jiżguraw l-iżvilupp stabbli u sostenibbli ta’ l-ekonomiji marittimi u reġjuni kostali tagħhom. Ix-xewqa tagħhom hi li politika marittima ġdida żżomm il-proċessi li jaħdmu tajjeb u li sservi bħala katalista għal prassi aħjar.

    L-istituzzjonijiet u l-entitajiet Ewropej taw l-appoġġ tagħhom il-ħin kollu, u qed jippruvaw jegħlbu l-ostakli settorjali fil-proċeduri tagħhom biex jaslu għal reazzjoni kkoordinata għall- Green Paper . Huma jqisu l-proġett tal-Politika Marittima Ewropea fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, l-użu dejjem akbar ta’ l-oċeani u l-ibħra, it-taqlib klimatiku u ambjentali, u l-ħtieġa ta’ l-involviment sħiħ tal-komunitajiet kostali u marittimi. Xi proposti li saru mill-Istituzzjonijiet imorru 'l hinn mill- Green Paper .

    Iċ-ċittadini individwali u s-soċjetà ċivili rreaġixxew b’manjiera differenti. Xi wħud jibżgħu li l-UE tassumi kompetenzi nazzjonali jew lokali bla bżonn, iżda ġeneralment, ir-reazzjonijiet jindikaw it-tħassib tal-pubbliku għall-ekosistema dinjija ta’ l-ibħra u l-impressjoni tagħhom li l-miżuri min-naħa tal-gvernijiet biex jipproteġu l-ekosistema minn prassi li jagħmlulha d-danni huma insuffiċjenti.

    L-NGOs ambjentali jsejħu għal intervent mill-UE fl-ippjanar tat-territorji marittimi u kostali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ ġestjoni bbażata fuq l-ekosistema. L-integrazzjoni ta’ politiki settorjali hija mezz li jiżgura l-integrazzjoni ta’ għanijiet ambjentali fis-setturi kollha. B’mod ġenerali, il-partijiet interessati jenfasizzaw il-ħtieġa tagħhom li jinstemgħu il-ħin kollu, anke waqt l-iżvilupp u implimentazzjoni tal-Politika Marittima ta’ l-UE.

    It-tnedija ta’ konsultazzjoni dwar il-Politika Marittima qajmet ukoll l-interess ta’ dawk li jridu jinfurmaw u jxandru tagħrif dwar l-oċeani u l-ibħra tagħna. L-għarfien taċ-ċittadini Ewropej dwar il-kosti tagħna u ‘l hinn minnhom jitqies bħala appoġġ, kemm għall-ekonomiji ta’ l-ibħra, li biex jirnexxu jiddependu fuq kemm ikunu attraenti, kif ukoll għall-ambjent ta’ l-ibħra tagħna, li għall-ħarsien tiegħu jiddependi mill-għarfien taċ-ċittadini. Madankollu, jeżisti kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa li d-dehra ġenerali tas-setturi marittimi tittejjeb. Hemm ammont kbir ta’ ideat relatati ma’ l-organizzazzjoni ta’ skambji ta’ l-aħjar prassi, konferenzi, l-involviment ta’ esperti fil-qasam marittimu (bħas-sajjieda), jew proġetti fuq skala żgħira li jkollhom l-għan li jinfurmaw lill-komunitajiet lokali jew lit-turisti.

    Fl-aħħarnett, il-proċess ta’ Konsultazzjoni ta spunt għal biżibilju ta’ ideat u għal xewqa għall-involviment fi proġett li fil-fehma ta’ ħafna għandu jieħu fit-tul u huwa bbażat fuq it-tagħlim u l-iżvilupp iterattiv kontinwu. Għalhekk, dan il-proċess mhux biss talli introduċa approċċ integrattiv ġdid għall-ibħra tagħna, iżda talli ta bidu għal mod ġdid ta’ tfassil ta’ politika.

    “ Il-ftuħ ta’ opportunitajiet miksuba permezz tad-dibattitu politiku dwar l-iżvilupp ta’ Politika Marittima Ewropea offriet l-aħjar opportunità, fiż-żmien li ilni ħaj, biex is-sinifikat globali u lokali ta’ l-oċeani u r-riżultati tar-riċerka u innovazzjoni dwar l-ibħra jiġu apprezzati mis-soċjetà " – Dr.Peter Heffernan, Kap Eżekuttiv, Irish Marine Institute, Galway

    Top