Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0533

    It-tielet Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-żamma ta’ obbligi ta’ viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità skond l-Artikolu 1(5) tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 851/2005 fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità

    /* KUMM/2007/0533 finali */

    52007DC0533

    It-tielet Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar iż-żamma ta’ obbligi ta’ viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità skond l-Artikolu 1(5) tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 851/2005 fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità /* KUMM/2007/0533 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 13.9.2007

    KUMM(2007) 533 finali

    IT-TIELET RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar iż-żamma ta’ obbligi ta’ viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità skond l-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 851/2005 fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità

    WERREJ

    I. Introduzzjoni 3

    II. In-notifiki mill-Bulgarija u mir-Rumanija ta’ sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità 4

    III. Ir-riżultati miksuba minn meta sar it-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar ir-reċiproċità 4

    1. Il-każijiet fejn kien instab li ma kienet involuta l-ebda kwistjoni ta’ reċiproċità 4

    1.1 Il-Bolivja 4

    1.2 Il-Kosta Rika 4

    2. Ir-reċiproċità sħiħa hija minn issa ‘l quddiem imwettqa 4

    2.1. Il-Messiku 4

    2.2. In-New Zealand 5

    3. Il-passi li qiegħdin isiru biex tinkiseb ir-reċiproċità 5

    3.1. Il-Brażil 5

    3.2. Il-Brunej Darussalam 5

    3.3. L-Iżrael 6

    3.4. Il-Ġappun 6

    3.5. Il-Malażja 6

    3.6. Il-Panama 7

    3.7. Il-Paragwaj 7

    3.8. Is-Singapor 7

    4. Aktar progress fit-twettiq tar-reċiproċità minn meta sar ir-rapport tat-3 ta’ Ottubru 2006 8

    4.1. L-Awstralja 8

    5. L-ebda progress fit-twettiq tar-reċiproċità minn meta sar ir-rapport tat-3 ta’ Ottubru 2006 9

    5.1. Il-Kanada 9

    5.2. L-Istati Uniti ta’ l-Amerika 10

    IV. Konklużjoni 11

    I. INTRODUZZJONI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri (l-Anness I tar-Regolament, “il-lista negattiva”) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (l-Anness II tar-Regolament, “il-lista pożittiva”)[1], kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 851/2005 tat-2 ta’ Ġunju 2005[2], huwa l-istrument bażiku għall-politika tagħna dwar il-viżi u l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità. L-ewwel[3] u t-tieni rapport dwar ir-reċiproċità fir-rigward tal-viżi[4] jipprovdu deskrizzjoni sħiħa ta’ dan il-mekkaniżmu.

    Fit-tieni rapport tagħha il-Kummissjoni kkonkludiet illi:

    " Il-Kummissjoni tqis li d-djalogu mal-pajjiżi terzi bis-saħħa tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ reċiproċità diġa wera l-effikaċità tiegħu. It-tnaqqis kostanti u sinifikattiv tan-numru ta’ “sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità” (il-każ fejn pajjiż terz iżomm l-obbligu tal-viża fir-rigward taċ-ċittadini li ġejjin minn Stat Membru) huwa fl-opinjoni tal-Kummissjoni riżultat ta’ ċertu importanza.[5]

    Madankollu, is-sitwazzjoni għadha wieqfa fir-rigward ta’ l-Istati Uniti, filwaqt li fir-rigward ta’ l-Awstralja, il-Kanada u l-Brunej din qegħda tiżviluppa. L-andament ta’ dan l-iżvilupp ser jiddetermina d-deċiżjoni dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati biex verament tintlaħaq ir-reċiproċità.

    Minħabba l-importanza li għandu t-twettiq tar-reċiproċità, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tagħmel rapport mill-ġdid lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Marzu 2007 u tressaq il-proposti konkreti xierqa jekk jippersistu s-sitwazzjonijiet tan-nuqqas ta’ reċiproċità filwaqt li formalment, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1(5) tar-Regolament (KE), hija mhix obbligata tippreżenta rapport bħal dan sat-30 ta’ Ġunju 2008. "

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5-6 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill appoġġja l-bżonn tal-Komunità li tkompli l-ħidma għall-ksib ta’ reċiproċità sħiħa fir-rigward tal-viżi ma’ dawk il-pajjiżi terzi li għalihom kienet għadha ma twettqitx.

    F’Ġunju 2007 il-Kummissjoni kkonfermat li l-preżentazzjoni tat-tielet rapport tagħha dwar ir-reċiproċità fir-rigward tal-viżi kienet posposta minħabba żviluppi f’xi uħud minn dawn il-pajjiżi terzi.

    Il-preżenti tielet rapport jistabbilixxi r-riżultat tat-tkomplija tal-proċeduri tal-Kummissjoni mibdija minn meta l-Kunsill adotta l-konklużjonijiet fil-5-6 ta’ Ottubru 2006, fir-rigward tal-pajjiżi terzi tal-lista pożittiva li żammew l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri.

    II. IN-NOTIFIKI MILL-BULGARIJA U MIR-RUMANIJA TA’ SITWAZZJONIJIET TA’ NUQQAS TA’ REċIPROċITÀ

    Bħala segwitu tas-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2007, il-Bulgarija u r-Rumanija kellhom jiddikjaraw is-sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità tagħhom, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 851/2005.

    Fit-13 ta’ Frar 2007[6], il-Bulgarija ddikjarat sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità għall-pajjiżi li ġejjin: l-Awstralja, il-Bolivja, il-Brunej, il-Kanada, il-Kosta Rika, il-Malażja, il-Messiku, in-New Zealand, il-Panama, is-Singapor u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. Il-Bulgarija ndikat ukoll li kienet iffirmat ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ l-Iżrael u mal-Paragwaj li għadhom ma daħlux fis-seħħ, minħabba proċeduri ta’ ratifikazzjoni li għaddejjin. Għalissa, iċ-ċittadini tal-Bulgarija għadhom suġġetti għall-ħtieġa ta’ viża għal dawn iż-żewġ pajjiżi.

    Fil-21 ta’ Frar 2007[7], ir-Rumanija ddikjarat sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità għall-pajjiżi li ġejjin: l-Awstralja, il-Brażil, il-Brunej Darussalam, il-Kanada, l-Iżrael, il-Ġappun, in-New Zealand, il-Panama, il-Paragwaj u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

    III. IR-RIżULTATI MIKSUBA MINN META SAR IT-TIENI RAPPORT TAL-KUMMISSJONI DWAR IR-REċIPROċITÀ

    Wara l-appoġġ tal-Kunsill fil-5-6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-bżonn li titkompla l-ħidma għall-ksib ta’ reċiproċità sħiħa fir-rigward tal-viżi, il-Kummissjoni kompliet b’mod attiv fl-isforzi tagħha.

    1. Il-każijiet fejn kien instab li ma kienet involuta l-ebda kwistjoni ta’ reċiproċità

    1.1. Il-Bolivja

    In-notifika: il-Bulgarija

    Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1932/2006 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 539/2001[8], il-Bolivja ġiet trasferita għal Anness I bil-konsegwenza li ġie introdott obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini Bolivjani mill-1 ta’ April 2007 ‘il quddiem. Minħabba dan it-trasferiment, il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità m’għadux japplika fil-każ tal-Bolivja.

    1.2. Il-Kosta Rika

    In-notifika: il-Bulgarija

    Iċ-Ċirkulari tad-Direttur Ġenerali tal-Migrazzjoni u tal-Barranin ta’ l-14 ta’ Lulju 2006, li ġiet sottomessa lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet tal-Kosta Rika fl-20 ta’ Lulju 2006, tindika li l-Bulgarija tidher fl-Ewwel Grupp ta’ Pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jistgħu jżuru l-Kosta Rika mingħajr viża għal perjodu massimu ta’ 90 ġurnata.

    2. Ir-reċiproċità sħiħa hija fis-seħħ minn issa ‘l quddiem

    2.1. Il-Messiku

    In-notifika: il-Bulgarija

    Fis-26 ta’ Frar 2007[9], il-Bulgarija infurmat lill-Kummissjoni li, mill-11 ta’ Marzu 2007, il-Bulgarija kienet eżentata mill-obbligi ta’ viża fir-rigward ta’ transitu u żjarat qosra fil-Messiku għal perjodu ta’ mhux aktar minn 90 ġurnata, fi żmien sitt xhur mid-data ta’ l-ewwel dħul.

    Valutazzjoni

    Ir-reċiproċità sħiħa fejn tidħol l-eżenzjoni mill-viża issa nkisbet fir-rigward ta’ l-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen.

    2.2. In-New Zealand

    In-notifika: il-Bulgarija u r-Rumanija

    Fit-13 ta’ Marzu 2007, in-New Zealand infurmat lill-Kummissjoni li ddeċidiet li teżenta liċ-ċittadini tal-Bulgarija u tar-Rumanija mill-obbligu li jiksbu viżi tal-viżitaturi biex jidħlu n-New Zealand għal żjarat ta’ mhux aktar minn tliet xhur. Id-deċiżjoni hija operattiva mit-30 ta’ Lulju 2007.

    Valutazzjoni

    Ir-reċiproċità sħiħa fejn tidħol l-eżenzjoni mill-viża issa nkisbet fir-rigward ta’ l-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen.

    3. Il-passi li qiegħdin isiru biex tinkiseb ir-reċiproċità

    3.1. Il-Brażil

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Fid-9 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jiftaħ negozjati mal-Brażil fuq ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża bejn il-Komunità Ewropea u l-Brażil. Din tkun l-ewwel darba li ftehim bilaterali ta’ eżenzjoni mill-viża jiġi nnegozjat bejn il-Komunità u pajjiż terz.

    3.2. Il-Brunej Darussalam

    In-notifika: il-Bulgarija u r-Rumanija.

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Fis-6 ta’ Ottubru 2006, il-Brunej Darussalam informa lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni meħuda mill-Gvern tiegħu li jagħti arranġamenti ta’ eżenzjoni mill-viża għal 30 ġurnata lill-Istati Membri ta’ l-UE assoċjati ma’ Schengen kollha mill-1 ta’ Ottubru 2006. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta f’xi siti-web tal-gvern tal-Brunej Darussalam ma tħabbarx l-eżenzjoni mill-viża għall-Istati Membri assoċjati ma’ Schengen u l-pajjiżi assoċjati kollha għal 30 ġurnata. Intalbet kjarifika mill-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam fuq is-sitwazzjoni attwali. Fir-rigward tan-notifika magħmula mill-Bulgarija u r-Rumanija, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħtu trattament indaqs fir-rigward tal-viżi liċ-ċittadini tal-Bulgarija u r-Rumanija.

    Valutazzjoni

    Il-valutazzjoni tista’ ssir biss meta tasal ir-reazzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam.

    3.3. L-Iżrael

    In-notifika: il-Bulgarija u r-Rumanija

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Fis-27 ta’ April 2007, il-Bulgarija infurmat lill-Kummissjoni li l-Ftehim bejn il-Bulgarija u l-Iżrael għat-tneħħija ta’ l-obbligi tal-viża kien daħal fis-seħħ. Konsegwentement, mill-15 ta’ Lulju 2007, iċ-ċittadini tal-Bulgarija huma eżentati mill-obbligu tal-viża għat-transitu u żjarat qosra li ma jaqbżux it-tliet xhur f’kull nofs sena.

    Fis-17 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Iżraeliti biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħtu żjara ta’ tliet xhur eżenti mill-obbligu tal-viża liċ-ċittadini tar-Rumanija.

    Valutazzjoni

    Għall-Bulgarija r-reċiproċità fejn tidħol l-eżenzjoni mill-viża diġà teżisti. Fir-rigward tar-Rumanija, il-valutazzjoni tista’ ssir malli r-reazzjoni mill-awtoritajiet ta’ l-Iżrael tasal.

    3.4. Il-Ġappun

    In-notifiki: ir-Rumanija

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Fis-6 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ġappuniżi biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħtu żjara ta’ tliet xhur eżenti mill-obbligu tal-viża liċ-ċittadini tar-Rumanija.

    Valutazzjoni

    Il-valutazzjoni tista’ ssir biss meta tasal ir-reazzjoni mill-awtoritajiet Ġappuniżi.

    3.5. Il-Malażja

    In-notifiki: il-Bulgarija,

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Fl-14 ta’ Jannar 2007, l-awtoritajiet tal-Malażja infurmaw lill-Kummissjoni li kienu estendew iż-żjarat eżenti mill-obbligu tal-viża taċ-ċittadini ta’ l-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja għal 90 ġurnata fuq il-bażi ta’ reċiproċità.

    Fil-każ tal-Bulgarija, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tal-Malażja għal kjarifika fuq it-tul tal-perjodu ta’ żjara li tkun eżenti mill-obbligu tal-viża li ċ-ċittadini tal-Bulgarija qegħdin igawdu u għal estensjoni taż-żjara eżenti mill-obbligu tal-viża sa tliet xhur, f’każ li l-perjodu ta’ żmien permess attwali huwa iqsar.

    Valutazzjoni

    Il-Kummissjoni tilqa’ l-progress tal-Malażja fil-ksib ta’ reċiproċità sħiħa fejn tidħol l-eżenzjoni mill-viża billi tagħti żjara eżenti mill-obbligu tal-viża ta’ tliet xhur liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri kollha u qiegħda tistenna li, ma’ l-ewwel possibbiltà, dan il-progress jiġi estiż ukoll għall-aktar talba reċenti biex tinkiseb reċiproċità sħiħa fir-rigward taċ-ċittadini tal-Bulgarija.

    3.6. Il-Panama

    In-notifiki: il-Bulgarija u r-Rumanija

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Fil-5 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tal-Panama biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħtu żjara li tkun eżenti mill-obbligu tal-viża ta’ tliet xhur liċ-ċittadini tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

    Valutazzjoni

    Il-valutazzjoni tista’ ssir biss meta tasal ir-reazzjoni mill-awtoritajiet tal-Panama.

    3.7. Il-Paragwaj

    In-notifiki: il-Bulgarija u r-Rumanija

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Fid-9 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tal-Paragwaj biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħtu żjara li tkun eżenti mill-obbligu tal-viża ta’ tliet xhur liċ-ċittadini tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

    Valutazzjoni

    Il-valutazzjoni tista’ ssir biss meta tasal ir-reazzjoni mill-awtoritajiet tal-Paragwaj.

    3.8. Is-Singapor

    Is-sitwazzjoni attwali

    L-eżenzjoni mill-obbligu tal-viża hija limitata għal żjarat ta’ 30 ġurnata, imma ż-żjara tista’ tiġi estiża lokalment b’żewġ perjodi ta’ 30 ġurnata.

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    F’Settembru 2006, l-awtoritajiet tas-Singapor ikkonfermaw li ċ-ċittadini ta’ tliet pajjiżi huma mogħtija eżenzjoni mill-obbligu tal-viża għal perjodu ta’ 90 ġurnata, fuq bażi ta’ strumenti legali differenti: il-Programm ta’ l-Eżenzjoni mill-Viża għall-Amerikani u Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għaċ-ċittadini ta’ l-Awstralja u tal-Korea ‘t Isfel.

    Valutazzjoni

    Peress illi ċ-ċittadini ta’ tliet pajjiżi jibbenefikaw minn reġim ta’ dħul u żjara li huwa aktar favorevoli mir-reġim applikat għaċ-ċittadini ta’ l-UE, it-trattament ta’ reċiproċità lejn is-Singapor għandu jkun rivedut.

    Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jkun hemm diskussjonijiet dwar l-aktar mezz xieraq biex tintlaħaq konformità konsistenti mar-reġim mogħti liċ-ċittadini tat-tliet pajjiżi msemmija. Għandu jiġi eżaminat jekk l-għan jistax jinkiseb legalment u politikament permezz ta’ deċiżjoni unilaterali ta’ l-awtoritajiet tas-Singapor. Alternattivament, għandu jiġi kkunsidrat ftehim bilaterali ta’ eżenzjoni mill-obbligu tal-viża bejn il-Komunità Ewropea u s-Singapor.

    4. Aktar progress fit-twettiq tar-reċiproċità minn meta sar ir-rapport tat-3 ta’ Ottubru 2006

    4.1. L-Awstralja

    Is-sitwazzjoni attwali

    L-Awstralja teħtieġ Awtorizzazzjoni Elettronika għall-Ivvjaġġar (Electronic Travel Authority (ETA)) mingħand iċ-ċittadini ta’ 14-il Stat Membru (il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja), kif ukoll għal dawk ta’ l-Iżlanda u n-Norveġja.

    Hija meħtieġa viża elettronika (e676) mingħand iċ-ċittadini ta’ 11-il Stat Membru (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, s-Slovenja u s-Slovakkja). Iċ-ċittadini ta’ sebgħa mill-pajjiżi t’hawn fuq, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u s-Slovenja, huma mogħtija dak li jissejjaħ mekkaniżmu tal-ħruġ iffaċilitat (“autogrant facility”).

    Mill-1 ta’ Lulju 2007, il-viżi e676 għal żjarat sa tliet xhur u viżi għal żjarat għal negozju, li jistgħu jingħataw biss għal perjodu massimu ta’ tliet xhur, huma b’xejn.

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Minn meta sar ir-rapport tat-3 ta’ Ottubru 2006, l-Awstralja pprovdiet il-benefiċċju tal-mekkaniżmu tal-ħruġ iffaċilitat (“autogrant facility”) lil tliet Stati Membri oħra: il-Litwanja mill-1 ta’ Diċembru 2006, l-Ungerija mill-15 ta’ Jannar 2007 u Ċipru mill-1 ta’ Lulju 2007.

    Fit-28 ta’ Marzu 2007, il-Bulgarija u r-Rumanija rċevew aċċess għas-servizz tal-viża turistika elettronika e676.

    Barraminhekk, ġiet ipprovduta kjarifika mill-awtoritajiet Awstraljani dwar l-erba’ punti ta’ referenza użati biex tiġi eżaminata l-inklużjoni ta’ pajjiż fl-e676 u wara fil-mekkaniżmu tal-ħruġ iffaċilitat ("autogrant facility"). Dawn l-erba’ punti ta’ referenza huma:

    - L-approvazzjoni tar-rati ta’ l-għotja;

    - Ir-rati modifikati ta’ nuqqas ta’ ritorn (Mod NRR): viżitaturi li qagħdu aktar milli kellhom skond il-viża tagħhom;

    - Ir-rati tal-viża għall-protezzjoni (PV): viżitaturi li jaslu b’viża turistika u sussegwentement japplikaw għal viża għall-protezzjoni;

    - Ir-rati ta’ kanċellament.

    Barraminhekk, l-awtoritajiet Awstraljani indikaw li l-Bulgarija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja kienu għadhom ma jistgħux jgħaddu għall-mekkaniżmu tal-ħruġ iffaċilitat ("autogrant facility"), imma dan kien se jerġa jiġi rivedut f’Lulju/Awissu 2007. Indikaw ukoll li għalkemm 65-70% ta’ l-applikazzjonijiet għall-mekkaniżmu tal-ħruġ iffaċilitat jiġu pproċessati "b’mod awtomatiku", xi gruppi ta’ persuni (per eżempju taħt it-18 u fuq is-70) ma jistgħux jiġu trattati b’mod awtomatiku minħabba l-ħtieġa ta’ prova tal-kunsens tal-ġenituri jew ta’ saħħa tajba rispettivament. Barraminhekk, indikaw li s-sistema ta’ l-"eVisitors" se tidħol fis-seħħ f’nofs l-2008. L-Istati Membri kollha, billi se jkunu l-ewwel pajjiżi li se jibbenefikaw minn din is-sistema, se jidħlu fis-sistema ta’ l-"eVisitors" ikun x’ikun l-istatus tagħhom.

    Valutazzjoni

    Il-Kummissjoni tilqa’ l-progress miksub bil-moviment tal-Bulgarija u tar-Rumanija għall-istatus ta’ l-e676, il-moviment ta’ Ċipru, tal-Litwanja u ta’ l-Ungerija għall-mekkaniżmu tal-ħruġ iffaċilitat ("autogrant facility") u t-tneħħija tal-miżata tal-viża għall-viżi e676 għal żjarat li ma jkunux itwal minn tliet xhur mill-1 ta’ Lulju 2007.

    Barraminhekk, huwa inkorraġġanti li t-titjib tekniku biex tiġi installata s-sistema ta' l- eVisitors miexi fit-triq it-tajba, li sa nofs l-2008 għandu jirriżulta fit-trattament indaqs taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri kollha. Sadanittant il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-viżi, partikolarment il-kopertura tas-sistema ta’ l-EFTA u tal-faċilità ta’ l- e676 autogrant .

    5. L-ebda progress fit-twettiq tar-reċiproċità minn meta sar ir-rapport tat-3 ta’ Ottubru 2007

    5.1. Il-Kanada

    Is-sitwazzjoni attwali

    Il-ħtieġa ta’ viża inżammet fir-rigward taċ-ċittadini tal-Bulgarija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Latvja, tal-Litwanja, ta’ l-Ungerija, tal-Polonja, tar-Rumanija u tas-Slovakkja.

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    F’Novembru 2006, l-awtoritajiet Kanadiżi pprovdew spjegazzjonijiet tal-limiti prinċipali użati fir-rigward tal-possibbiltà li titneħħa l-ħtieġa ta’ viża: ir-rati tar-rifjut tal-viża, ir-rati tal-vjolazzjonijiet relatati ma’ l-immigrazzjoni, is-sigurtà tal-passaporti, is-sistema tal-ħruġ tal-passaporti, l-informazzjoni dwar passaporti mitlufa u misruqa, it-talbiet ta’ sigurtà u tar-refuġjati. Huma indikaw li l-kjarifiki dwar dawn il-limiti u l-implimentazzjoni tagħhom se tiġi ppreżentata lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni, meta jiġu approvati formalment.

    Ġie stabbilit qafas ġdid bejn il-Kummissjoni u s-servizzi Kanadiżi permezz ta’ skambju ta’ l-ittri. Bħala parti mill-"Konsultazzjoni Konġunta dwar l-Immigrazzjoni u l-Kwistjonijiet ta’ Ażil", Grupp ta’ Ħidma Konġunt dwar il-Viża magħmul minn uffiċjali għolja ġie mwaqqaf biex jindirizza kwistjonijiet u kundizzjonijiet tal-viża. Wara dewmien spjaċevoli tal-preżentazzjoni tal-kjarifiki dwar il-limiti, l-ewwel "Konsultazzjoni Konġunta dwar l-Immigrazzjoni u l-Kwistjonijiet ta’ Ażil" saret fl-20 ta’ Lulju 2007. F’din il-laqgħa, l-awtoritajiet Kanadiżi indikaw ir-reviżjoni tagħhom tal-kriterji ta’ l-eżenzjoni mill-viża u ddikjaraw li kienu se jimpenjaw ruħhom fi żjarat tekniċi f’kull Stat Membru kkonċernat fix-xhur li ġejjin. Huma għandhom l-intenzjoni li jivvjaġġaw lejn erba’ Stati Membri f’Novembru 2007 u lejn erba’ oħra fi Frar 2008 għal taħdidiet tekniċi. Fir-rigward ta’ tkeċċijiet ta’ ċittadini l-Kummissjoni kienet indikat li jekk il-Kanada riedet timpenja ruħha fi ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid, għandu jiġi konkluż ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid KE-Kanada, minħabba li l-kwistjoni ta’ l-ammissjoni mill-ġdid hija ta’ kompetenza tal-KE.

    Il-Prim Ministru Kanadiż ħabbar fis-samit UE-Kanada f’Berlin fl-4 ta’ Ġunju 2007 li huwa fehem l-importanza għall-UE ta’ vjaġġar mingħajr il-ħtieġa ta’ viża. Huwa indika li l-Kanada tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq valutazzjoni taċ-ċirkostanzi ta’ kull pajjiż, u mhux fuq ir-reċiproċità, u li, f’dan ir-rigward, l-ivvjaġġar transkonfinali bejn l-USA u l-Kanada kien konsiderazzjoni importanti. Minkejja dan, huwa indika ukoll li l-Istati Membri li baqa’ kollha mexjin fid-direzzjoni t-tajba u li jista’ jkun possibbli li titneħħa l-ħtieġa ta’ viża għal Stat Membru jew tnejn aktar tard din is-sena.

    Valutazzjoni

    Il-Kanada għamlet il-proċess tagħha ta’ reviżjoni tal-viża aktar trasparenti u pprovdiet aktar informazzjoni dwar il-limiti u l-implimentazzjoni tagħhom, minkejja li dan sar wara dewmien konsiderevoli. Il-ħtieġa tal-viża ma tneħħietx għall-ebda Stat Membru minn meta tneħħiet għall-Estonja f’Settembru 2006.

    Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Kanadiż u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’taħdidiet tekniċi, il-Kummissjoni tistenna li l-proċess ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE li baqa’ se jitmexxa ‘l quddiem mingħajr dewmien, issa li l-kriterji ta’ valutazzjoni tar-reviżjoni tal-viża ġew ikkjarifikati. Il-Kummissjoni tipproponi li, sabiex turi l-impenn tagħha għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni, il-Kanada tfittex li tneħħi l-ħtieġa tal-viża għal Stat Membru jew aktar sa l-aħħar tas-sena u li turi aktar progress tanġibbli lejn ir-reċiproċità fl-ewwel nofs ta’ l-2008. Fin-nuqqas ta’ dan il-progress, passi xierqa jistgħu jiġu kkunsidrati kontra l-Kanada.

    5.2. L-Istati Uniti ta’ l-Amerika (USA)

    Is-sitwazzjoni attwali

    Il-ħtieġa ta’ viża nżammet għaċ-ċittadini tal-Bulgarija, tar-Repubblika Ċeka, ta’ l-Estonja, tal-Greċja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, ta’ l-Ungerija, ta’ Malta, tal-Polonja, tar-Rumanija u tas-Slovakkja.

    Il-passi li ttieħdu biex tinkiseb ir-reċiproċità

    Immedjatament wara l-adozzjoni tat-tieni rapport mill-Kummissjoni, il-Viċi President Frattini bagħat ittra lis-Sur Chertoff, Segretarju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Interna ta’ l-Istati Uniti (DHS), li fiha s-Sur Frattini ddikjara li ma seta’ jiġi rrappurtat l-ebda progress tanġibbli ma’ l-Istati Uniti u enfasizza li d-differenzjazzjoni fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-ħtieġa tal-viża la tista’ tiftihem u lanqas tiġi aċċettata. Huwa talab għall-istabbiliment ta’ kriterji ċari u trasparenti li jirriżultaw f’serje ta’ punti ta’ referenza fil-pjani ta’ direzzjoni li jikkjarifikaw il-fażijiet differenti. Il-Kummissjoni kompliet tqajjem il-kwistjoni fil-livelli tekniċi u politiċi, notevolment fil-laqgħa Ministerjali Trojka UE-Stati Uniti JLS fis-6 ta’ Novembru 2006. F’dik l-okkażjoni, is-Sur Chertoff indika li l-gvern ta’ l-Istati Uniti kien qiegħed jipprepara proposti għal bidliet leġiżlattivi possibbli għall-Programm ta’ l-Eżenzjoni mill-Viża (VWP), li jpoġġu aktar enfasi minn qabel fuq is-sigurtà.

    Matul iż-żjara tiegħu fl-Estonja fit-28 ta’ Novembru 2006, il-President Bush ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jfittex modifikazzjonijiet għall-VWP li jsaħħu s-sigurtà ta’ l-ivvjaġġar taħt il-VWP u jippermettu lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika li tgħaġġel id-dħul ta’ pajjiżi ġodda fil-programm. L-amministrazzjoni tiegħu se taħdem mill-qrib mall-Kungress u ma’ l-imsieħba internazzjonali ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika biex jissaħħu l-komponenti ta’ sigurtà tal-programm.

    Fit-8 ta’ Frar 2007, l-Amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti ssottomettew abbozz ta’ leġiżlazzjoni dwar l-immodernizzar ta’ l-VWP. Sussegwentement, bosta abbozzi alternattivi ġew sottomessi minn membri individwali tal-Kungress ta’ l-Istati Uniti.

    Bħala segwitu għall-Kunsill tal-JHA tat-12-13 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni u l-Presidenza Ġermaniża bagħtu ittra lis-Sur Chertoff fid-29 ta’ Ġunju 2007. Aktar ittri konġunti mill-Kummissjoni u l-Presidenza Portugiża ntbagħtu lil Membri prinċipali tal-Kungress fit-23 ta’ Lulju 2007. Huma fakkru li r-reċiproċità fir-rigward tal-viżi hija parti mill-politika komuni ta’ l-UE dwar il-viżi u stabbilixxew konsiderazzjonijiet fuq bosta elementi ta’ l-abbozz ta’ l-emendi għall-VWP diskussi. Fir-rigward ta’ l-ammissjoni mill-ġdid kien hemm offerta li f’każ li l-obbligazzjonijiet taħt il-liġi internazzjonali ma jkunux biżżejjed, ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid bejn il-KE u l-Istati Uniti seta’ jiġi kkunsidrat, billi l-kwistjoni ta’ l-ammissjoni mill-ġdid hija kompetenza tal-KE.

    Fit-3 t’Awissu 2007 il-President Bush iffirma f’liġi l-"H.R. 1 Rakkomandazzjonijiet għall-Implimentazzjoni ta’ l-Att tal-Kummissjoni tad-9/11 ta’ l-2007". Is-sezzjoni 711 ta’ dan l-Att tkopri l-" Modernization of the Visa Waiver Program " (l-Immodernizzar tal-Programm ta’ l-Eżenzjoni mill-Viża). L-elementi prinċipali tagħha huma: l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ Awtorizzazzjoni Elettronika għall-Ivvjaġġar (ETA) li għaliha jista’ jkollha titħallas miżata; flessibbiltà fuq ir-rata tar-rifjut tal-viża lil viżitaturi mhux immigranti billi tiġi eżentata r-rata ta’ tlieta fil-mija sa għaxra fil-mija taħt ċertu kundizzjonijiet jew l-użu ta’ rata massima ta’ soġġorn itwal minn dak awtorizzat, li għadha trid tiġi determinata; it-twaqqif ta’ sistema ta’ ħruġ bijometriku bl-ajru, li tista’ tivverifika t-tluq ta’ mhux inqas minn 97 fil-mija taċ-ċittadini barranin li joħorġu minn ajruporti ta’ l-Istati Uniti; l-eliġibbiltà ta’ l-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika taħt il-VWP mhijiex deċiżjoni li l-persuna hija ammissibbli fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika; ir-rappurtar ta’ passaporti mitlufa u misruqa jew permezz ta’ l-Interpol jew permezz ta’ mezzi oħra; pajjiżi terzi għandhom jaċċettaw ir-ripatrijazzjoni ta’ kull ċittadin, ta’ kull min qabel kien ċittadin jew kull ċittadin li kontrih tkun inħarġet ordni finali eżekutibbli ta’ tkeċċija; u ftehim bilaterali dwar l-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar il-passiġġieri.

    Valutazzjoni

    Għalkemm ma nkiseb l-ebda progress tanġibbli ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika dwar ir-reċiproċità fir-rigward tal-viżi, il-Kummissjoni hija inkoraġġita li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika kienet impenjat ruħha li tirriforma l-VWP tagħha u effettivament għamlet hekk. Għandu jkun hemm rispett sħiħ ta’, min-naħa waħda, il-protezzjoni mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika tas-sigurtà nazzjonali tagħha u min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-liġi u tal-politika ta’ l-UE, li sservi l-interess ta’ l-Istati Membri li jixtiequ jingħaqdu ma’ l-VWP u ma joħolqux piż għaċ-ċittadini ta’ dawk l-Istati Membri li diġà jgawdu d-dritt li jivvjaġġaw taħt il-VWP. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni emendata, inklużi l-konsegwenzi kollha għall-UE u l-Istati Membri, se tiġi mmonitorjata mill-qrib, b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni elettronika ta' l-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jkunx xieraq li jiġu introdotti miżuri ta’ ritorsjoni kontra l-Istati Uniti ta’ l-Amerika f’dan l-istadju billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida għadha kif ġiet adottata u se tiġi implimentata. Il-Kummissjoni tistenna li jibdew missjonijiet ta’ valutazzjoni fl-Istati Membri aspiranti matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni u li l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tagħmel l-isforzi kollha biex tissodisfa l-intenzjoni mħabbra tal-President Bush li r-riforma tal-VWP għandha tippermetti l-espansjoni mgħaġġla tiegħu biex jinkludi l-Istati Membri ta’ l-UE li għadhom mhux koperti.

    IV. Konklużjoni

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-djalogu ma’ pajjiżi terzi taħt il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ reċiproċità kien effettiv. Sa mill-istabbiliment tiegħu f’Ġunju 2005 – fi ftit inqas minn sentejn – twettqet reċiproċità sħiħa jew qiegħda fi triqtha sabiex titwettaq ma’ numru ta’ pajjiżi terzi importanti. Dan huwa l-każ ukoll minkejja l-isfida l-ġdida bin-notifikazzjonijiet mill-Bulgarija u mir-Rumanija tal-każijiet tagħhom ta’ nuqqas ta’ reċiproċità. Per eżempju n-New Zealand u l-Messiku neħħew il-ħtiġijiet ta’ viża għall-Bulgarija u r-Rumanija f’inqas minn sitt xhur mid-dħul ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri fl-UE. Il-Kummissjoni kisbet ukoll progress sinifikanti fid-djalogu ma’ l-Awstralja, li hija mistennija li tittratta ndaqs iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri kollha minn nofs l-2008. Ftehim komprensiv ta’ eżenzjoni mill-viża għandu jiġi nnegozjat dalwaqt mal-Brażil.

    Fir-rigward ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida li timmodifika l-VWP għandha tħejji t-triq għall-estensjoni tiegħu għall-Istati Membri kollha. Issa l-leġiżlazzjoni l-ġdida ġiet adottata, il-kundizzjonijet u l-limitu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom se jiġu eżaminati b’attenzjoni. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tipproponi miżuri ta’ ritorsjoni jekk il-progress mistenni lejn reċiproċità sħiħa fir-rigward tal-viżi tonqos milli timmaterjalizza ruħha fil-ħin.

    Il-Kanada kienet impenjat ruħha li tagħmel il-proċess ta’ reviżjoni tal-viżi tagħha aktar trasparenti u li tipprovdi aktar informazzjoni fuq il-limiti. Madankollu, għalissa, l-ebda progress ma twettaq fit-tneħħija tal-ħtiġijiet tal-viża. Il-Kummissjoni tipproponi li, sabiex turi l-impenn tagħha għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni, il-Kanada tfittex tneħħi l-ħtieġa ta’ viża għal Stat Membru ta’ l-UE jew aktar sa l-aħħar tas-sena u li turi aktar progress tanġibbli lejn ir-reċiproċità fl-ewwel nofs ta’ l-2008. Jekk ma jkunx hemm dan il-progress, passi xierqa jistgħu jiġu kkunsidrati kontra l-Kanada.

    Skond l-Artikolu 1(5) tar-Regolament (KE) Nru 851/2005 il-Kummissjoni se terġa’ tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2008.

    [1] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

    [2] ĠU L 141, 4.6.2005, p. 3.

    [3] KUMM (2006) 3 finali.

    [4] KUMM (2006) 568 finali.

    [5] Ara l-Annessi 1A u 1B tar-rapport dwar ir-reċiproċità ta’ l-10.1.2006.

    [6] ĠU C 75, 3.4.2007, p. 5.

    [7] ĠU C 75, 3.4.2007, p. 6.

    [8] ĠU L 29, 3.2.2007, p. 10.

    [9] ĠU C 75, 3.4.2007, p. 5.

    Top