Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0454

    Rapport mill-Kummissjoni lill-awtorità tal-baġit dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali Is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2006 {SEC(2007)1050}

    /* KUMM/2007/0454 finali */

    52007DC0454

    Rapport mill-Kummissjoni lill-awtorità tal-baġit dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali Is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2006 {SEC(2007)1050} /* KUMM/2007/0454 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 30.7.2007

    KUMM(2007) 454 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    lill-awtorità tal-baġit dwar il-garanziji koperti mill-baġit ġenerali Is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2006 {SEC(2007)1050}

    WERREJ

    1. Daħla u t-tipi ta’ operazzjonijiet koperti 4

    2. Il-bażijiet legali l-ġodda 3

    3. L-avvenimenti sa mill-aħħar rapport fit-30 ta’ Ġunju 2006 4

    4. Id-data dwar ir-riskji koperti mill-Baġit 5

    4.1. Definizzjoni ta’ riskju 4

    4.2. Ir-riskju konness ma’ l-Istati Membri 6

    4.3. Ir-riskju konness ma’ pajjiżi terzi 7

    4.4. Ir-riskju globali kopert mill-baġit 7

    4.5. L-evoluzzjoni tar-riskju 8

    5. In-nuqqas ta’ ħlasijiet, l-attivazzjoni tal-garanziji tal-baġit u l-arretrati 10

    5.1. Il-ħlasijiet minn riżorsi fi flus kontanti 9

    5.2. Il-ħlasijiet mill-Baġit 9

    5.3. L-attivazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija 10

    6. Il-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni 10

    6.1. L-irkupri 9

    6.2. L-assi fi tmiem is-sena 9

    6.3. L-ammont fil-mira 9

    7. L-evalwazzjoni tar-riskji: Is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-aktar operazzjonijiet ta’ self ta’ l-UE importanti 11

    7.1. Daħla 10

    7.2. L-Eġittu 10

    7.3. It-Turkija 10

    7.4. Il-Brażil 12

    7.5. Il-Marokk 11

    7.6. It-Tuneżija 11

    7.7. L-Afrika t’Isfel 12

    7.8. Il-Libanu 12

    7.9. Il-Ġordan 12

    7.10. Is-Serbja u l-Montenegro 13

    7.11. L-Ukraina 13

    1. DAħLA[1] U T-TIPI TA’ OPERAZZJONIJIET KOPERTI

    Ir-riskji koperti mill-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea (“il-Baġit”) ġejjin minn firxa ta’ operazzjonijiet ta’ self u ta’ garanziji li jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji: is-self mogħti mill-Komunitajiet Ewropej b’għanijiet makroekonomiċi, jiġifieri self ta’ għajnuna makrofinanzjarja (“MFA”) lil pajjiżi terzi u self b’għanijiet mikroekonomiċi (self tal-Euratom u self estern tal-Bank Ewropew ta’ Investiment (“EIB”[2]). Sa mill-1994 dawn l-operazzjonijiet ġew koperti, mill-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (“il-Fond”)[3] li twaqqaf, fost l-oħrajn, sabiex ikun limitat l-impatt fuq il-baġit li ġej minn sejħiet għal garanziji mogħtija mill-Baġit għall-operazzjonijiet ta’ self fil-pajjiżi terzi. Jekk mhemmx biżżejjed riżorsi fil-Fond, se jsir rikors għall-Baġit.

    Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond (ir-“Regolament tal-Fond”[4]), li kien adottat fl-1994, ġie emendat għall-ewwel darba fl-1999. Skond emenda oħra għar-Regolament tal-Kunsill li kienet adottata fl-2004 mill-Kunsill, il-kopertura tal-Fond tiġi rtirata jekk il-pajjiżi terzi jsiru Stati Membri. Il-Baġit ikopri direttament is-self jew is-self garantit lill-Istati Membri.

    2. IL-BAżIJIET ġURIDIċI L-ġODDA

    Skond il-Qafas Finanzjarju l-Ġdid, fl-1 ta’ Jannar 2007 daħal fis-seħħ il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006[5] bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja soda. Skond dan il-ftehim, il-forniment tal-Fond jitwettaq permezz ta’ linja tal-baġit taħt l-Intestatura 4 (l-UE bħala attur globali) u mhux, bħal qabel, permezz ta’ Riżerva apposta.

    Skond il-Ftehim Interistituzzjonali, ir-Regolament tal-Fond kellu jiġi emendat sabiex jirrifletti l-kanċellazzjoni tar-Riżerva. Għaldaqstant, fit-30 ta’ Jannar 2007[6] kien adottat Regolament tal-Kunsill ġdid, li minbarra dan ipprovda lill-Fond b’mekkaniżmu ta’ forniment ġdid u aktar effiċjenti f’termini ta’ l-użu li sar mill-mezzi tal-baġit. Barra minn hekk, ittejbu t-trasparenza u l-programmazzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-baġit[7]. Il-kontenut ta’ dan ir-rapport ġie adottat b’konsegwenza ta’ dan.

    Fid-19 ta’ Diċembru 2006,[8] il-Kunsill iddeċieda li jagħti garanzija Komunitarja mġedda lill-EIB kontra telf minn self u minn garanziji ta’ self għal proġetti barra l-Komunità. Din il-garanzija Komunitarja hija ristretta għal 65% ta’ l-ammont aggregat tal-kreditu żburżjat u tal-garanziji provduti taħt l-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament ta’ l-EIB, mingħajr l-ammonti rimborsati u flimkien mas-somom relatati kollha, b’limitu massimu ta’ EUR 27,800 miljun matul il-perjodu 2007 – 2013. Din id-deċiżjoni tistipula wkoll li l-Kummissjoni u l-EIB għandhom jidħlu fi ftehim ta’ garanzija li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettalji li għandhom x’jaqsmu mal-garanzija Komunitarja kif ukoll ftehim ta’ rkupru li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri b’relazzjoni għall-obbligu ta’ l-EIB li jipprova jirkupra l-ammonti mħallsa mill-Komunità skond sejħa għall-garanziji Komunitarji.

    Fl- 2006 ma kien hemm l-ebda deċiżjoni ġdida dwar is-self ta’ l-MFA jew dwar is-self tal-Euratom.

    3. L-AVVENIMENTI SA MILL-AħħAR RAPPORT FIT-30 TA’ ĠUNJU 2006

    Matul it-tieni nofs ta’ l-2006 ma kien hemm l-ebda żburżjar taħt is-self ta’ l-MFA.[9]

    Rigward is-self tal-Euratom, fit-tieni nofs ta’ l-2006 ma kien hemm l-ebda żburżjar. L-iżburzjar ta’ l-ewwel parti minn EUR 39 miljun għall-finanzjament ta’ aġġornament ta’ sigurtà ta’ l-Unità 2 tal-Khmelnitsky u ta’ l-Unità 4 ta’ l-impjanti nukleari ta’ l-enerġija ta’ Rovno (K2R4) taħt il-ftehim ta’ self ta’ l-2004 (ekwivalenti f’EUR ta’ Ftehim dwar Faċilità ta’ Self ta’ USD 83,000,000) sar f’Marzu 2007.

    4. ID-DATA DWAR IR-RISKJI KOPERTI MILL-BAġIT

    4.1. Definizzjoni ta’ riskju

    Ir-riskji sostnuti mill-Baġit ġejjin mill-ammont pendenti ta’ kapital u ta’ imgħax rigward l-operazzjonijiet iggarantiti.

    L-operazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ħlas se jkunu koperti mill-Fond meta jkunu konnessi ma’ pajjiżi terzi (67% ta’ l-ammont pendenti totali garantit) u direttament mill-Baġit fejn ikunu involuti l-Istati Membri (self lil jew għall-benefiċċju ta’ proġetti fi Stati Membri jammontaw għat-33% rimanenti mill-ammont pendenti totali). Il-proporzjon kbir ta’ self iggarantit konness ma’ l-Istati Membri huwa r-riżultat taċ-ċikli reċenti ta’ tkabbir. Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Fond, ladarba pajjiż isir Stat Membru, ir-riskju fuq is-self jiġi trasferit mill-Fond għall-Baġit.

    Għall-fini ta’ dan ir-rapport, qed jintużaw żewġ metodi għall-evalwazzjoni tar-riskji sostnuti mill-Baġit:

    - Il-metodu biex ikun ikkalkulat l-ammont totali tal-kapital pendenti għall-operazzjonijiet ikkonċernati f’data partikolari. Din il-metodoloġija tagħti l-livell ta’ riskju sostnut mill-Baġit f’data partikolari.

    - Il-metodu tal-baġit definit bħala “ir-riskju annwali sostnut mill-Baġit” huwa bbażat fuq il-kalkolu ta’ l-ammont massimu li l-Komunità jkollha tħallas f’sena finanzjarja jekk wieħed jassumi li s-self garantit kollu ma jkunux tħallas[10].

    Table 1: L-ammonti pendenti totali koperti sal-31.12.2006 f’EUR miljuni |

    Il-Kapital Pendenti | L-Imgħax Akkumulat | Total | % |

    L-Istati Membri* |

    L-MFA | 365 | 2 | 367 | 2% |

    L-Euratom | 436 | 6 | 442 | 3% |

    L-EIB | 4,482 | 42 | 4,524 | 28% |

    Is-Sottototal ta’ l-Istati Membri* | 5,283 | 50 | 5,333 | 33% |

    Il-Pajjiżi Terzi |

    L-MFA | 604 | 6 | 610 | 4% |

    L-Euratom | - | - | - |

    L-EIB | 10,311 | 103 | 10,415 | 64% |

    Is-Sottototal tal-pajjiżi terzi | 10,915 | 110 | 11,025 | 67% |

    It-Total | 16,198 | 159 | 16,358 | 100% |

    * Inklużi l-Bulgarija u r-Rumanija peress li ssieħbu fl-UE fl-01.01.2007. |

    It-tabelli A1, A2, A3 u A4 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal[11] anness ma’ dan ir-rapport (l-“Anness”) jipprovdu informazzjoni oħra dwar dawn l-ammonti pendenti, b’mod partikolari f’termini ta’ limitu massimu, ta’ ammonti żburżjati jew ta’ rati ta’ garanzija.

    4.2. Ir-riskju konness ma’ l-Istati Membri

    Ir-riskji kurrenti fuq l-Istati Membri jirriżultaw minn self żburżjat qabel l-adeżjoni.

    Fl-2007, il-Baġit se jsostni riskju konness ma’ l-Istati Membri, inklużi l-Bulgarija u r-Rumanija peress li ssieħbu fl-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007, ta’ EUR 812 miljun. It-tabella 2 turi li dawn iż-żewġ Stati huma klassifikati fl-ewwel u fit-tieni post f’termini ta’ l-ammont pendenti tagħhom.

    Tabella 2: Il-klassifikazzjoni ta’ l-Istati Membri skond l-espożizzjoni rigward ir-riskju massimu sostnut mill-baġit fl-2007 (EUR miljuni) |

    Klassifikazzjoni | Pajjiż | 2007 | % |

    1 | Ir-Rumanija* | 263.4 | 32.4% |

    2 | Il-Bulgarija* | 155.7 | 19.2% |

    3 | Ir-Repubblika Ċeka | 102.2 | 12.6% |

    4 | Il-Polonja | 98.4 | 12.1% |

    5 | Is-Slovakkja | 72.8 | 9.0% |

    6 | Is-Slovenja | 39.2 | 4.8% |

    7 | L-Ungerija | 35.6 | 4.4% |

    8 | Ċipru | 15.7 | 1.9% |

    9 | Il-Litwanja | 14.8 | 1.8% |

    10 | Il-Latvja | 8.5 | 1.0% |

    11 | L-Estonja | 4.7 | 0.6% |

    12 | Malta | 1.0 | 0.1% |

    Total | 812.1 | 100% |

    * Stati Membri mill-01.01.07 |

    4.3. Ir-riskju konness ma’ pajjiżi terzi

    Fl-2007, il-Fond se jsostni riskju massimu relatat ma’ pajjiżi terzi ta’ EUR 1,203 miljun. Hawn taħt ġew elenkati l-ewwel għaxar pajjiżi skond it-total pendenti tagħhom. Fl-2007, huma jammontaw għal 78% mir-riskju sostnut mill-Fond. Is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn il-pajjiżi ġiet analizzata u kkumentata fit-Taqsima 7 t’aktar ’l isfel.

    Tabella 3: Il-klassifikazzjoni ta’ l-aktar 10 pajjiżi terzi importanti skond l-espożizzjoni rigward ir-riskju massimu sostnut mill-Baġit fl-2007 (EUR miljuni) |

    Klassifikazzjoni | Pajjiż | 2007 | % tar-riskju massimu totali |

    1 | L-Eġittu | 152.9 | 12.7% |

    2 | It-Turkija | 151.0 | 12.6% |

    3 | Il-Brażil | 130.3 | 10.8% |

    4 | Il-Marokk | 117.4 | 9.8% |

    5 | It-Tuneżija | 112.2 | 9.3% |

    6 | L-Afrika t’Isfel | 93.6 | 7.8% |

    7 | Il-Libanu | 56.4 | 4.7% |

    8 | Il-Ġordan | 44.8 | 3.7% |

    9 | Is-Serbja u l-Montenegro[12] | 43.5 | 3.6% |

    10 | L-Ukraina | 36.8 | 3.1% |

    Total ta’ l-10 | 939.0 | 78.0% |

    Il-Fond ikopri s-self garntit ta’ 38 pajjiż u ta’ 2 entitajiet reġjonali b’maturitajiet li jintemmu fl-2035. Id-dettalji skond il-pajjiż ġew ipprovduti fit-Tabella A2 ta’ l-Anness.

    4.4. Ir-riskju globali kopert mill-Baġit

    B’kollox, fl-2007, il-Baġit se jkopri ammont globali ta’ EUR 2,015 miljun li jirrappreżentaw l-ammonti dovuti matul is-sena, fejn 40% huma rappreżentanti mill-Istati Membri (ara t-Tabella A2 fl-Anness).

    4.5. L-evoluzzjoni tar-riskju

    Fil-ġejjieni, ir-riskju fil-konfront ta’ l-Istati Membri għandu jonqos hekk kif is-self jiġi rimborsat u l-ebda self ġid mhu se jkun iffirmat ma’ l-Istati Membri taħt is-self iggarantit tal-Euratom, ta’ l-MFA jew ta’ l-EIB (ara l-Graff A1 fit-Taqsima 1.3 ta’ l-Anness).

    Is-self ta’ l-MFA lill-pajjiżi terzi huwa suġġett għad-deċiżjonijiet individwali tal-Kunsill. Bħalissa, mhemm l-ebda proposta ġdida mill-Kummissjoni dwar l-għoti tas-self. Madankollu, fl-2007 il-Kummissjoni tista’ tniedi proposta biex jingħata self ta’ l-MFA ta’ EUR 50 miljun u għotja ta’ EUR 30 miljun lil-Libanu.

    Is-self tal-Euratom lill-Istati Membri jew f’ċerti pajjiżi eliġibbli li mhumiex membri (il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika ta’ l-Armenja, l-Ukraina) għandu limitu massimu ta’ EUR 4 biljuni li minnhom madwar 85% diġà ntużaw. Il-marġni rimanenti huwa ta’ madwar EUR 600 miljun.

    Skond il-mandati ta’ l-EIB għall-2000-2007, għad irid jiġi żburżjat ammont ta’ EUR 9,830 miljun. Barra minn hekk, fi tmiem l-2006, l-EIB ma ffirma l-ebda ftehim ta’ self skond id-deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna azzjoni speċjali ta’ self għal ċerti tipi ta’ proġetti fir-Russja, fil-Belarus, fil-Moldova u fl-Ukraina[13]. Din id-deċiżjoni għandha limitu massimu ta’ EUR 500 miljun b’rata ta’ garanzija ta’ 100% u tiskadi fil-31 ta’ Lulju 2007.

    L-aktar element importanti li fil-ġejjieni se jkollu impatt fuq ir-riskju għall-Baġit huwa l-garanzija Komunitarja reċenti mogħtija lill-EIB[14] matul il-perjodu li jibda fl-1 ta’ Farar 2007 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013 (bil-possibbiltà ta’ estensjoni b’sitt xhur). Il-garanzija Komunitarja hija ristretta għal 65% ta’ l-ammont aggregat tal-kreditu żburżjat u tal-garanziji provduti skond l-Operazzjonijiet ta’ Finanzjament ta’ l-EIB, mingħajr l-ammonti rimborsati u flimkien mas-somom relatati kollha, b’limitu massimu ta’ EUR 27,800 miljun. Dan il-limitu massimu jinqasam f’żewġ partijiet: limitu massimu bażiku ta’ EUR 25,800 miljun u mandat fakultattiv ta’ EUR 2,000 miljun. L-użu ta’ l-ammont fakultattiv se jiddependi mir-riżultat tar-reviżjoni ta’ nofs it-term li mistennija ssir fl-2010. Il-limitu massimu bażiku jinqasam fil-limiti massimi reġjonali li jorbtu li ġejjin:

    - Il-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni: EUR 8,700 miljun;

    - Il-pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija: EUR 12,400 miljun;

    - L-Asja u l-Amerika Latina: EUR 3,800 miljun;

    - Ir-Repubblika ta’ l-Afrika t’Isfel: EUR 900 miljun.

    Fit-Taqsima 1.3 ta’ l-Anness, il-Graff A2 tissimula xi xenarji ta’ żburżjar skond il-mandati kurrenti kif ukoll skond il-mandat il-ġdid u l-effett li għandhom fuq il-forniment tal-Fond.

    5. IN-NUQQAS TA’ ħLASIJIET, L-ATTIVAZZJONI TAL-GARANZIJI TAL-BAġIT U L-ARRETRATI

    5.1. Il-ħlasijiet mir-riżorsi ta’ flus kontanti

    Il-Kummissjoni tagħmel użu mir-riżorsi ta’ flus kontanti tagħha sabiex tevita d-dewmien u l-ispejjeż li jirriżultaw min-notifika ta’ l-operazzjonijiet ta’ self tagħha fejn debitur ikun tard fil-ħlasijiet tiegħu lill-Kummissjoni[15].

    5.2. Il-ħlasijiet mill-Baġit

    Ma ntalbet l-ebda approporjazzjoni skond l-Artikolu tal-Baġit 01 04 01, “Garanziji tal-Komunità Ewropea għall-operazzjonijiet ta’ self”, peress li fit-tieni nofs ta’ l-2006 ma kien irreġistrat l-ebda nuqqas ta’ ħlas.

    5.3. L-attivazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija

    Fil-każ ta’ ħlas tardiv mill-benefiċjarju ta’ self (pajjiżi terzi) mogħti jew iggarantit mill-Komunità, il-Fond jissejjaħ biex ikopri n-nuqqas ta’ ħlas fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkun dovut il-ħlas.[16]

    Matul it-tieni nofs ta’ l-2006, il-Fond ma ssejjaħ biex ikopri l-ebda nuqqas ta’ ħlas bħal dan.

    L-arretrati totali sal-31 ta’ Diċembru 2006, jiġifieri l-imgħaxijiet bħala penali mar-Repubblika ta’ l-Arġentina, jammontaw għal USD 1,718,493.12. USD 1,448,433.44 minnhom (ekwivalenti għal EUR 1,099,797.60) għad iridu jiġu rkuprati mill-Fond. Peress li l-Fond ma ntalabx ikopri d-differenza rimanenti, dan l-ammont huwa dovut lill-EIB. F’diversi okkażjonijiet, il-Kummissjoni u l-EIB fakkru lill-awtoritajiet Arġentini bil-ħtieġa li jħallsu għalkollox dawn l-arretrati qabel ma jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet ta’ self il-ġodda ta’ l-EIB fil-pajjiż. Id-diskussjonijiet dwar din il-kwistjoni se jkomplu fil-qafas tal-laqgħa li jmiss tad-djalogu makorekonomika bejn l-UE u l-Arġentina.

    6. IL-FOND TA’ GARANZIJA GĦALL-AZZJONIJIET ESTERNI[17]

    6.1. L-irkupri

    Fit-tieni nofs ta’ l-2006 ma kien hemm l-ebda rkupru.

    6.2. L-assi fi tmiem is-sena

    Fil-31 ta’ Diċembru 2006, l-assi netti tal-Fond kienu jammontaw għal EUR 1,378,954,442.51.

    Fil-31 ta’ Diċembru 2006, l-operazzjonijiet pendenti tas-self u tal-garanziji tas-self flimkien ma’ l-imgħax akkumulat għall-Bulgarija u għar-Rumanija kienu jammontaw għal EUR 2,899,334,719.06. Peress li dawn il-pajjiżi saru membri ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, fl-14 ta’ Frar 2007 tħallas lura ammont ta’ EUR 260,940,124.72 lill-Baġit.

    6.3. L-ammont fil-mira

    Il-Fond irid jilħaq livell xieraq (ammont fil-mira) iffissat għal 9% mill-passiv kapitali pendenti totali li ġejjin minn kull operazzjoni, flimkien ma’ l-imgħax akkumulat. Il-proporzjon bejn ir-riżorsi tal-Fond (EUR 1,118,014,317.79) u l-passiv kapitali pendenti (EUR 11,025,065,532.58) fit-tifsira tar-Regolament tal-Fond kien ta’ 10.1%. Peress li dan huwa ogħla mill-ammont fil-mira, irid isir ħlas lura mill-Fond lill-Baġit, kif inhu provdut fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Fond.

    Skond ir-regoli l-ġodda dwar il-forniment, dan l-ammont żejjed ta’ EUR 125,750,000.00 fl-2007 se jiddaħħal fl-Abbozz Preliminari tal-Baġit ta’ l-2008.

    7. L-EVALWAZZJONI TAR-RISKJI: IS-SITWAZZJONI EKONOMIKA U FINANZJARJA TAL-PAJJIżI TERZI LI JIBBENEFIKAW MILL-AKTAR OPERAZZJONIJIET TA’ SELF TA’ L-UE IMPORTANTI

    7.1. Daħla

    It-taqsimiet preċedenti tar-rapport jipprovdu informazzjoni dwar l-aspetti kwantitativi tar-riskju sostnut mill-Baġit. Madankollu, għandhom jiġu valutati wkoll il-kwalità tar-riskji li jiddependu mit-tip ta’ operazzjoni u mir-reputazzjoni tas-selliefa (ara t-Taqsima 4.3). Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, it-tabelli dwar l-evalwazzjoni tar-riskju tal-pajjiż jiġu preżentati separatament. aktar ’l isfel qed jiġi provdut sommarju ta’ din l-analiżi għall-għaxar pajjiżi li fl-2007 għandhom l-ogħla riskju annwali għall-Baġit. It-Taqsima 2 ta’ l-Anness tipprovdi analiżi ta’ tmien pajjiżi oħra.

    7.2. L-Eġittu

    It-tkabbir ekonomiku ta’ l-Eġittu żdied minn 4.6% fl-2005 għal 6.8% fl-2006 minħabba l-politika ta’ investimenti (speċjalment l-FDI) u minħabba l-ammont ta’ esportazzjonijiet ta’ merkanzija u ta’ servizzi. L-inflazzjoni tnaqqset għal inqas minn 10% imma t-tendenzi inflazzjonarji għadhom jeżistu. Il-qgħad jibqa’ persistenement għoli b’aktar minn 10% tal-forza tax-xogħol. Minkejja t-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika u l-bejgħ ta’ l-intrapriżi (semi-) Statali, id-defiċit pubbliku ġenerali bilkemm naqas (7.9% fl-2006 meta pparagunat ma’ 9.6% għall-2005). Ir-riformi fis-settur finanzjarju qed jagħmlu progress. Fil-parti l-kbira, is-sistema bankarja għadha dominata mill-Istat minkejja l-privatizzazzjoni reċenti ta’ bank ewlieni wieħed. Ir-riforma tas-settur finanzjarju għandha tieħu bejn sentejn u tliet snin oħra qabel ma tkun ikkompletata. Politika fiskali soda flimkien ma’ politika monetarja adegwata għandu jkollhom effettivi pożittivi fuq il-ħolqien ta’ l-impjiegi.

    7.3. It-Turkija

    Għat- Turkija, it-tkabbir annwali tal-PGD fl-2006 kien jammonta għal 6.1%, meta pparagunat ma’ 7.4% fl-2005. Id-domanda domestika kibret b’rata aktar mgħaġġla mill-produzzjoni totali li wassal biex fl-2006 id-defiċit fil-kont kurrenti jitkabbar għal 7.9% tal-PGD meta pparagunat ma’ 6.3% fl-2005. Fit-tieni nofs tas-sena, naqset ir-rata tal-konsum privat minħabba li l-politika monetarja saret aktar stretta wara l-volatilità ta’ Mejju-Ġunju 2006. It-tnaqqis fit-tkabir mistenni jkompli fl-2007 u l-istabilizzazzjoni li tirriżulta tad-defiċit fil-kont kurrenti tagħmel xenarju soft-landing (fejn ikunu evitati kemm l-inflazzjoni kif ukoll ir-rati għolja ta’ l-imgħax kif ukoll ir-riċessjoni minħabba li l-ekonomija tnaqqas ir-rata tat-tkabbir tagħha) riżultat probabbli. Għalkemm il-kont kurrenti ġie ffinanzjat fil-wisa’, jibqgħu xi vulnerabbiltajiet peress li fatturi domestiċi jew xokk estern jistgħu jikkawżaw taqliba fil-flussi. Livell komparattivament għoli ta’ dejn estern (kważi 50% tal-PGD) jagħmel lit-Turkija vulnerabbli għal deprezzament sinifikanti tal-munita. Il-fatturi li jagħmlu l-ekonomija aktar tiflaħ għax-xokkijiet jinkludu, b’kuntrast għas-sitwazzjoni ta’ kriżi ta’ qabel l-2001, reġim ta’ rati ta’ kambju flessibbli u Bank Ċentrali kredibbli u indipendenti. Fl-2006, ir-riżervi uffiċjali tal-Bank Ċentrali kienu jammontaw għal madwar EUR 45 biljun jew aktar minn 5 xhur ta’ importazzjonijiet.

    7.4. Il-Brażil

    It-tkabbir tal- Brażil, wara li naqas fl-2005, irkupra fl-2006 għal madwar 2.9% minħabba l-infiq sod tal-konsumaturi u minħabba rkupru fl-investiment privat. Fl-2006 id-diżinflazzjoni kompliet għall-aktar livell baxx tagħha sa mill-adozzjoni fl-1998 tar-reġim li għandu fil-mira l-inflazzjoni. Filwaqt li t-tkabbir ta’ l-esportazzjonijiet naqas sostanzjalment fl-2006 minħabba l-aprpezzament preċedenti tal-munita, it-titjib fit-termini tan-negozju ppermetta li fl-2006 il-pajjiż ikollu ammont żejjed komdu fil-kont kurrenti (stmat li jlaħħaq 0.6% tal-PGD). Il-vulnerabbiltà esterna tal-Brażil taffiet hekk kif il-proporzjonijiet tad-dejn estern tiegħu naqsu b’mod sinifikanti wara li fi tmiem l-2005 il-pajjiż ħallas lura d-dejn kollu tiegħu lill-IMF qabel iż-żmien, u lill-Klabb ta’ Pariġi fl-ewwel nofs ta’ l-2006. Il-pajjiż feda wkoll il-Brady Bonds kollha tiegħu. Il-proporzjon tad-dejn estern fuq il-PGD naqas minn 36.4% fl-2004 għal 18.9% fi tmiem l-2006. L-isforzi biex biex jitnaqqas id-dejn pubbliku estern qed ikollhom riżultat tajjeb: il-kreditu sovran tal-Brażil ġiet aġġornat mill-aġenziji ewlenin tal-klassifikazzjoni tal-krediti. Madankollu, jibqgħu xi vulnerabbiltajiet sinifikanti, minkejja l-progress reċenti bil-ġestjoni tad-dejn pubbliku. Id-dejn pubbliku jibqa’ ’l fuq minn 50% u huwa ferm espost għall-varjazzjonijiet fir-rati ta’ l-imgħax peress li għandu maturità medja relattivament qasira.

    7.5. Il-Marokk

    Fl-2006, l-ekonomija tal- Marokk irreġistrat tkabbir reali tal-PGD ta’ 8.1%. Din is-sitwazzjoni seħħet prinċipalment minħabba l-ħsad eċċezzjonali fl-agrikoltura u, b’mod aktar ġenerali, minħabba d-dinamiżmu tas-setturi ekonomiċi differenti. L-inflazzjoni għadha baxxa, b’rata annwali ta’ 3.3%. Id-defiċit pubbliku tnaqqas għal 2.1% tal-PGD (meta pparagunat ma’ 5.3% għall-2005). Id-dejn pubbliku kien jammonta għal 57% tal-PGD. Il-qgħad għadu b’rata ta’ 9.7% filwaqt li l-faqar (15% tal-popolazzjoni taħt iż-2 USD kuljum) u l-livell għoli ta’ illiteriżmu fost l-adulti (47.7%) jibqgħu l-isfidi ewlenija għall-awtoritajiet Marokkini.

    7.6. It-Tuneżija

    It-tkabbir tal-PGD Tuneżin laħaq 5.8% fl-2006 meta pparagunat ma’ 4% fis-sena preċedenti (mistenni livell ta’ 6% għall-2007). Għall-ewwel għaxar xhur ta’ l-2006, l-inflazzjoni aċċelerat minn 2% għal rata annwali ta’ 4.7% prinċipalment minħabba ż-żjieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt. Sabiex titrażżan din it-tendenza, fl-2006 il-Bank Ċentrali kien imġiegħel jgħolli r-rata ta’ l-imgħax ewlenija tiegħu (l-ewwel aġġusament fi tliet snin). Id-defiċit fil-kont kurrent laħaq it-2.6% tal-PGD u d-dejn tal-pajjiż kien jammonta għal 54.8 % tal-PGD. Il-qgħad għadu għoli b’medja ta’ 13.4% tal-forza tax-xogħol.

    7.7. L-Afrika t’Isfel

    Fl-2006 it-tkabbir annwali tal-PGD ta’ l- Afrika t’Isfel kien jammonta għal 5.0% (f’termini reali) wara l-5.1% fl-2005. Fl-2007, huwa mistenni li t-tkabbir jilħaq livell ta’ kważi 5%. Fl-2006, il-Bank Ċentrali żied ir-rata ta’ rifinanzjament minn 7.0% għal 9.0% sabiex iżomm l-inflazzjoni f’medda ta’ bejn it-3% u s-6%. Id-defiċit tal-kont kurrenti kiber għal 5.6% tal-PGD fl-2006 minn 3.8% fl-2005. Fl-2007, huwa mistenni li jibqa’ madwar 5.0%. L-FDI u l-influssi kapitali l-oħra (investimenti tal-portafoll) aktar minn jikkumpensaw għad-defiċit tal-kont kurrent. Dan iwassal għal riżervi netti tad-deheb u ta’ kambju barrani li jilħqu bejn 3 u 4 xhur ta’ l-importazzjonijiet totali. Fl-2006 id-dejn estern ma’ kredituri uffiċjali waqa’ għal 2.0% tal-PGD – l-aktar livell baxx fl-Afrika Sotto-Saħarjana (medja ta’ 16%) – u fl-2007 huwa mistenni li jaqa’ għal 1.9%. Fl-aħħar sentejn, id-defiċit fiskali baqa’ ta’ 0.4% tal-PGD u fl-2007 huwa mistenni li jinbidel għal ammont ftit żejjed (0.3%). L-Afrika t’Isfel hija ekonomija tas-suq emerġenti bi dħul medju fejn is-servizzi jammontaw għal kważi żewġ terzi mill-ekonomija ta’ l-Afrika t’Isfel, filwaqt li l-parti l-kbira ta’ l-esportazzjonijiet huma bbażati fuq it-tħaffir fil-minjieri. Ir-riskji ewlenin huma l-volatilitajiet fl-influssi kapitali (investimenti tal-portafoll), ix-xokkijiet għall-prezzijiet tal-komoditajiet ta’ esportazzjoni, u l-pressjonijiet interni li ġejjin minn livell għoli ta’ qgħad, minn nuqqas kbir ta’ ugwaljanza, minn prevalenza kbira ta’ HIV/AIDS u minn rati għolja ta’ kriminalità.

    7.8. Il-Libanu

    Il-kunflitt militari kkawża xokk ferm kbir lill-ekonomija tal- Libanu . Fl-2006 il-PGD nazzjonali naqas b’5% f’termini reali, id-defiċit pubbliku kważi rdoppja meta pparagunat ma’ l-2005 fejn laħaq 14% tal-PGD u l-PGD u d-dejn tal-gvern tela’ għal-livell rekord ta’ 190% tal-PGD. Għalissa, mhi disponibbli l-ebda data statistika rigward il-qgħad. L-inflazzjoni hija moderata, b’rata annwali ta’ 5%. Il-Libanu jibqa’ wieħed mill-pajjiżi l-aktar midjuna fid-dinja. Is-sostenibbiltà tad-dejn tinsab f’riskju kbir minħabba l-ħtiġiet immedjati għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra ta’ l-2006 u minħabba l-instabbiltà politika kkawżata min-nuqqas ta’ kunsens dwar ir-riformi meħtieġa.

    7.9. Il-Ġordan

    Fl-2006, l-ekonomija tal- Ġordan kompliet tikber b’mod qawwi; it-tkabbir reali tal-PGD huwa stmat li jlaħħaq is-6% (2005: 7.2%). Livelli għolja ta’ ħlasijiet u attività kbira fis-settur tas-servizzi taw spinta lill-konsum privat. Ir-rata tal-qgħad naqset minn 14.8% fl-2005 għal 13.9% fl-2006. Ir-rata ta’ l-inflazzjoni fl-2006 telgħet għal 6.3% (2005: 3.8%) wara l-qtugħ fis-sussidji għall-prezz taż-żejt. Fl-2005 u fl-2006, l-awtoritajiet intensifikaw l-aġġustament fiksali skond strateġija ċentrata fuq l-eliminazzjoni tas-sussidji għall-fjuwil u ż-żamma tat-trażżin fuq l-infiq. Dawn l-isforzi niżlu lid-defiċit tal-baġit (ħlief l-għotjiet) għal 7.5% tal-PGD mill-10% fl-2005. Id-defiċit tal-kont kurrent estern (inklużi l-għotjiet) għall-2006 naqas bi ftit minn 17.8% fl-2005 għal 16% tal-PGD (u meta pparagunat ma’ ammont żejjed ta’ 11.6% fl-2003). It-tkabbir fl-esportazzjoni tal-merkanzija baqa’ sod. Id-defiċit fin-negozju naqas minn 47% tal-PGD fl-2005 għal 37.1% fl-2006. Id-defiċit tal-kont kurrenti, madankollu, kompla jkun iffinanzjat b’influssi kapitali eċċezjonalment għoljin, inlużi investimenti diretti barranin, ħlasijiet u influssi tal-portafoll.

    7.10. Is-Serbja u l-Montenegro

    Fis- Serbja, fl-2005 it-tkabbir annwali tal-PGD kien jammonta għal 6.3% (f’termini reali). It-tkabbir kompla b’rata ta’ 6.3% fl-ewwel tliet xhur ta’ l-2006. Id-defiċit tal-kont kurrenti laħaq 9.8% tal-PGD fl-2005. Matul l-2006 kiber aktar. Fl-2005, l-influssi grossi ta’ l-FDI laħqu 6.1% tal-PGD u fi tmiem Lulju 2006 id-dejn estern tal-pajjiż kien jammonta għal 66% tal-PGD. Id-dejn pubbliku naqas wara l-annullament tad-dejn mal-Klabb ta’ Pariġi li kien ilaħħaq EUR 600 miljun, li kien konness ma’ l-ikkompletar b’suċċess tal-programm reċenti ta’ l-IMF fi Frar 2006.

    Fil- Montenegro, fl-2005 it-tkabbir annwali tal-PGD kien jammonta għal 4.1% (f’termini reali). Fl-ewwel semestru ta’ l-2006, it-tkabbir aċċelera għal 6.5%. Fl-2005, id-defiċit tal-kont kurrenti laħaq 12.2% tal-PGD. Matul l-2006, kiber aktar. Fl-2005, l-influssi grossi ta’ l-FDI laħqu 22.8% tal-PGD u fi tmiem l-2005 id-dejn estern tal-pajjiż kien jammonta għal 42.6% tal-PGD.

    F’Lulju 2006, wara d-dikjarazzjoni ta’ l-indipendenza tal-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tal-Montenegro konkludew ftehim intern dwar id-diviżjoni tad-drittijiet u ta’ l-obbligi finanzjarji wara s-suċċessjoni tas-Serbja għall-unjoni ta’ l-Istati preċedenti.

    7.11. L-Ukraina

    It-tkabbir reali tal-PGD ta’ l- Ukraina kien ta’ madwar 7% (2.6% fl-2005). Il-kont kurrent nbidel għan-negattiv f’livell ta’ madwar 1.5% tal-PGD kontra ammont żejjed ta’ 3% fis-sena ta’ qabel, minħabba d-domanda qawwija għall-importazzjonijiet u l-prezzijiet ogħla ta’ l-importazzjonijiet ta’ l-enerġija imma anki minħabba l-varjazzjonijiet fis-swieq ta’ l-azzar (is-settur ewlieni ta’ esportazzjoni ta’ l-Ukraina, fejn jammonta għal 40% ta’ l-esportazzjonijiet totali). Id-dejn estern pubbliku ta’ l-Ukraina naqas għal madwar 12% tal-PGD (15.3% fl-2005), filwaqt li l-aċċess aħjar tas-settur privat għas-swieq kapitali barranin wasal lid-dejn estern totali għal kważi 50% tal-PGD. F’Diċembru 2006, l-inflazzjoni aċċellerat għal 11.6% sena fuq sena, parzjalment minħabba prezzijiet ogħla ta’l-importazzjonijiet ta’ l-enerġija. Ir-riskji ewlenija għadhom relatati mas-sitwazzjoni politika mqallba u man-nuqqas ta’ koerenza fit-tfassil tal-politika li tirriżulta. F’Awwissu, madankollu, Standard & Poor's ikkonfermaw li l-klassifikazzjoni tal-kreditu sovran tul perjodu twil ta’ żmien ta’ l-Ukraina kienet ta’ BB-, sostnuta b’mod partikolari mil-livell baxx ta’ dejn.[pic][pic][pic][pic][pic][pic]

    [1] COM(2007)66 u SEC(2007)241 jiffurmaw ir-rapport preċedenti dwar il-garanziji koperti mill-Baġit fit-30 ta’ Ġunju 2006.

    [2] Id-dettalji li jikkonċernaw il-mandati ta’ l-EIB jintwerew fid-Tabella A1 ta’ l-Anness.

    [3] Għall-aktar rapport reċenti dwar il-Fond, ara COM(2006)695 “Comprehensive Report on the functioning of the Guarantee Fund” (Rapport Komprensiv dwar il-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal anness (SEC(2006)1460).

    [4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 li jistabbilixxi Fond ta' garanzija għall-azzjonijiet esterni, ĠU L 293, 12.11.1994, p.1, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1149/1999, ĠU L 139, 2.6.1999, p. 1, mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2273/2004, ĠU L 396, 31.12.2004, p. 28, u mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 89/2007, ĠU L 22, 31.1.2007, p. 1.

    [5] ĠU C 139, 14.6.06, p.1.

    [6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 89/2007, ĠU L 22, 31.1.2007, p. 1.

    [7] Għal informazzjoni dwar il-mekkaniżmu l-antik ta’ forniment, ara r-rapport imsemmi supra , in-nota f’qiegħ il-paġna 1.

    [8] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1016/KE tad-19 ta’ Diċembru 2006, ĠU L 414, 30.12.2006, p. 95.

    [9] L-MFA tista’ anki tieħu l-forma ta’ għotjiet lil pajjiżi terzi. Għal aktar informazzjoni dwar l-MFA, ara r-rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2006.

    L-ewwel u t-tieni pagamenti ta’ l-għotja (EUR 11 miljun kull wieħed) tħallsu lill-Ġeorġja f’Awissu u f’Diċembru 2006 skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-2006.

    Skond il-programmi ta’ l-MFA ta’ l-1997 u ta’ l-2000, l-aħħar żburżjar ta’ l-għotja lit-Taġikistan (EUR 7 miljuni) sar f’Ottubru 2006.

    L-Albanija rċeviet ukoll għotja ta’ EUR 13-il miljun li tikkorrispondi għall-aħħar pagament magħmul skond Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-2004.

    [10] Għall-fini ta’ dan il-kalkolu, wieħed jassumi li s-self li ma tħallasx ma ġiex aċċelerat, jiġifieri jitqiesu biss il-ħlasijiet dovuti (ara wkoll it-taqsima 1 ta’ l-Anness).

    [11] SEC(2007).

    [12] Issa r-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tal-Montenegro.

    [13] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/48/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004, ĠU L 21, 25.1.2005, p. 11.

    [14] Ara wkoll it-Taqsima 2 ta’ dan ir-Rapport.

    [15] Ara l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000, kif emendat, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet.

    [16] Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 1.4.3. ta’ l-Anness.

    [17] Annual Report from the Commission on the Guarantee Fund and its Management in 2006 (Rapport Annwali mill-Kummissjoni dwar il-Fond ta’ Garanzija u l-Ġestjoni tiegħu fl-2006): COM(2007)362 u SEC(2007)869.

    Top