Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0295

Komunikazzjoni mill–Kummissjoni lill–Kunsill - Opportunitajiet tas-Sajd għall-2008 Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea

/* KUMM/2007/0295 finali */

52007DC0295

Komunikazzjoni mill–Kummissjoni lill–Kunsill - Opportunitajiet tas-Sajd għall-2008 Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea /* KUMM/2007/0295 finali */


MT

Brussel 6.6.2007

KUMM(2007) 295 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL–KUMMISSJONI LILL–KUNSILL

Opportunitajiet tas-Sajd għall-2008

Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea

KOMUNIKAZZJONI MILL–KUMMISSJONI LILL–KUNSILL

Opportunitajiet tas-Sajd għall-2008

Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea

WERREJ

1. Introduzzjoni (...)3

2. Analiżi (...)4

2.1. Ir-riforma tal-PKS (...)4

2.2. Pariri xjentifiċi u deċiżjonijiet dwar it-TAC għas-snin 2003-2007 (...)5

2.3. Aspetti ekonomiċi (...)6

2.4. Sforz tas-sajd (...)7

2.5. Riżultati (...)8

3. Moving Forward (...)9

3.1. L-iffissar ta' TACs għal stokkijiet li għalihom m'hemmx tbassir kwantitattiv fir-rigward ta' limiti ta' prekawzjoni (...)10

3.1.1. Stokkijiet li għalihom ikun ingħata parir minn aġenziji xjentifiċi (...)10

3.1.2. Stokkijiet li ma jkunx ingħata parir xjentifiku għalihom (...)11

3.2. L-iffissar ta' TACs għal stokkijiet li jkunu 'l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri (...)11

3.3. L-iffissar ta' TACs għal stokkijiet ta' merluzz koperti mill-pjan għall-irkupru tal-merluzz (...)12

3.4. Opportunitajiet tas-sajd fir-rigward tal-Ġestjoni ta' l-Isforzi (...)12

4. Miżuri tekniċi (...)13

5. Kwistjonijiet oħra (...)13

6. Konklużjoni (...)14

1. Introduzzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Nru COM(2006)246 "Intejbu l-konsultazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd Komunitarju" stabbiliet metodu ta' ħidma ġdid għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-opportunitajiet annwali tas-sajd. Bħala parti minn dak l-approċċ il-Kummissjoni tistabbilixxi l-opinjoni tagħha dwar l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2008. L-istess bħal ma ġara fil-passat, l-opportunitajiet tas-sajd fil-Grigal ta' l-Oċean Atlantiku u fil-Baħar Baltiku huma s-suġġetti ewlenin ta' din id-Dikjarazzjoni ta' Politika.

Il-Kummissjoni terġa' ssostni l-impenn tagħha għall-pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul. Għandhom jiġu żviluppati pjanijiet ġodda filwaqt li l-pjanijiet attwali għandhom jiġu implimentati u riveduti. Fil-każ ta' stokkijiet li mhumiex soġġetti għall-pjanijiet fit-tul, ġew żviluppati regoli ġeneriċi. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Komunikazzjoni dwar "l-Implimentazzjoni tas-sostenibbiltà fis-sajd ta' l-UE permezz tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY – maximum sustanable yield)" fl-2006 [1] u, matul l-2007, ser tikkonsulta mal-partijiet interessati u titlob għal pariri xjentifiċi dwar il-ġestjoni tas-sajd, bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż filwaqt li jiżdiedu l-qabdiet u d-dħul. Dan l-approċċ għandu jintuża fl-iżvilupp ta' pjanijiet fit-tul tal-futur.

Filwaqt li jiġu żviluppati pjanijiet fit-tul b'għanijiet ta' MSY, l-opportunitajiet għas-sajd għandhom ikunu tali li jew iħallu l-istokkijiet fil-limiti bijoloġiċi sikuri, u fil-każ ta' stokkijiet li huma 'l barra minn dawn il-limiti, dawn għandhom jiġu mqarrba jew jiddaħlu fil-limiti (anke jekk dan iseħħ gradwatament), biss qatt ma għandhom ikunu tali li s-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar permezz ta' stokkijiet li jmorru 'l hinn mil-limiti sikuri. Lanqas ma għandhom ikunu stabbiliti opportunitajiet tas-sajd tali li jitbiegħdu mill-għanijiet ta' MSY.

Il-Kummissjoni terga' ssostni wkoll l-impenn tagħha li tikkonsulta mal-partijiet interessati u ma' l-Istati Membri biex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd. Din il-konsultazzjoni għandha titratta l-metodi u regoli li għandhom jintużaw għal żmien twil, u għandha tinkludi l-analiżi ta' l-effetti li jista' jħalli l-approċċ propost, fosthom, l-aspetti ekonomiċi u soċjali. Fl-2006, l-ewwel "Dikjarazzjoni ta' Politika" kienet ippublikata tard wisq biex ikun possibbli xi proċess ta' konsultazzjoni effettiv qabel jiltaqa' l-Kunsill ta' Diċembru ta' dik is-sena. Minkejja dan, ir-regoli u linji ta' gwida stabbiliti f'dik il-Komunikazzjoni ntużaw mill-Kummissjoni sabiex tfassal il-proposti tagħha. L-Istati Membri tal-Kunsill aċċettaw ħafna miċ-ċifri li ħarġu minn dik il-Komunikazzjoni. Fl-2007, id-Dikjarazzjoni ta' Politika qed tiġi ppreżentata ferm qabel u l-Kummissjoni tispera li l-partijiet interessati u l-Istati Membri jibdew djalogu kostruttiv dwar metodi, li jintużaw biex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd, li jkunu bbażati fuq kriterji xjentifiċi u li jikkunsidraw il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali.

Il-Kummissjoni qed titlob ghal pariri xjentifiċi dwar l-effetti fit-tul li l-implimentazzjoni tar-regoli tad-"Dikjarazzjoni ta' Politika" tista' tħalli. L-approċċ li tieħu l-Kummissjoni jista' jiġi influwenzat minn dawn il-pariri, kif ukoll mill-kontribut ta' l-Istati Membri u tal-partijiet interessati. Madankollu, meta tagħmel il-proposta tagħha, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li żżomm ma' approċċi ta' pjanijiet fit-tul miftiehma, sakemm il-pariri xjentifiċi għas-sena 2008 ma jkunux jinkludu elementi ġodda serji jew mhux mistennija.

Ir-regoli tad-"Dikjarazzjoni ta' Politika" għandhom ikunu konformi ma' politiki Komunitarji oħra bħal ma huma l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità tas-Sajd u l-Istrateġija għall-Ibħra proposta. Filwaqt li din ta' l-aħħar għadha qed tiġi diskussa, permezz ta' dawn l-approċċi hu mistenni li jintlaħqu għanijiet simili.

2. Analiżi

2.1. Ir-riforma tal-PKS

Bħala parti mit-tħejjija tar-riforma ta' l-2002 tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-Kummissjoni kkonkludiet [2] li ħafna mill-istokkijiet kienu 'l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri, kienu sfruttati ż-żejjed, jew kellhom kwantitajiet żgħar ta' ħut matur. Fil-biċċa l-kbira, dan irriżulta minħabba li l-limitazzjonijiet tal-qbid annwali stabbiliti kienu ogħla minn dawk proposti fuq bażi ta' parir xjentifiku, u minħabba xi pjanijiet ta' ġestjoni ta' flotot li ffissaw miri inqas ambizzjużi milli kien meħtieġ. In-nuqqas ta' infurzar tar-regolamenti kompla jgħarraq lil din is-sitwazzjoni u wassal għal tnaqqis fil-profitti u sitwazzjoni prekarja fl-industrija tas-sajd. Il-partijiet interessati ma kienux involuti biżżejjed fil-ġestjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd. It-TACs weħidhom ma kienux strumenti ta' konservazzjoni tajbin biżżejjed, minħabba r-rimi, selezzjoni (high grading) u n-nuqqas ta' ħarsien tar-regoli. Kien hemm tħassib ukoll dwar il-pariri xjentifiċi fuq l-ekosistemi, ġbir ta' dejta u teħid ta' kampjuni , u fuq is-suffiċjenza tar-riżorsi xjentifiċi, it-tqegħid ta' aktar xjenza għad-disponibbiltà tal-pubbliku u analiżi aħjar b'appoġġ għat-teħid ta' deċiżjonijiet. Id-dimensjoni soċjali u dik ekonomika kienu dejjem aktar meqjusa bħala kawża ta' tħassib.

Fir-riforma ta' l-2002 saru tibdiliet sostanzjali. Ġew stabbiliti l-Kumitati Konsultattivi Reġjonali. Il-Kummissjoni żiedet il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u fil-proposti tagħha daħħlet elementi sostanzjali mill-pariri tal-partijiet interessati, filwaqt li tat aktar każ tal-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi. Ġew inklużi aktar stokkijiet fil-pjanijiet fit-tul. Bħala mezz ieħor ta' konservazzjoni, il-ġestjoni ta' l-isforzi tas-sajd bdiet tintuża aktar. Saru sforzi sinifikanti biex jissaħħu l-kontroll u l-infurzar. Il-Kummissjoni laqgħat talba importanti mingħand il-partijiet interessati – li tillimita l-varjazzjonijiet fit-TAC għal 15% - fil-politika tagħha tat-TAC u l-kwota. L-opinjonijiet ta' l-Istati Membri tal-Kunsill ġew ikkunsidrati kif xieraq, u kienu rari l-każijiet meta l-Kunsill adotta l-opportunitajiet tas-sajd mingħajr ftehim ma' l-Istat Membru kkonċernat. Xi Stati Membri tejbu s-sistemi ta' kontroll u infurzar tagħhom notevolment.

2.2. Pariri xjentifiċi u deċiżjonijiet dwar it-TAC għas-snin 2003-2007

Qabel jikkunsidra d-deċiżjonijiet għas-sena 2008, ta' min wieħed janalizza fil-qosor l-iżviluppi reċenti fil-politika. Arranġamenti ta' ġestjoni fit-tul għall-marlozz tat-tramuntana, il-lingwata tal-Bajja ta' Biskajja, il-haddock tal-Baħar tat-Tramuntana, il-kavalli u l-pollakkju (saithe) kienu ta' siwi għall-industrija tas-settur u għall-ġestjoni aħjar ta' l-istokk. Il-marlozz tat-Tramuntana jidher li rkupra u reġa' qiegħed fil-limiti bijoloġiċi sikuri, u żidiet fit-TACs tal-lingwata fil-Bajja ta' Biskajja u fil-Kanal tal-Punent kienu possibbli, filwaqt li kompliet tonqos il-mortalità tas-sajd. Madankollu, il-miżuri u l-pjan ta' rkupru għall-merluzz ma wasslux għat-titjib mistenni.

Il-Kummissjoni eżaminat il-pariri xjentifiċi u d-deċiżjonijiet mis-sena 2002 'l hawn (Tabella 1):

Tabella 1. Sommarju tal-pariri xjentifiċi u deċiżjonijiet dwar it-TAC mis-sena 2002 'l hawn [3]

(...PICT...)

Din it-tabella turi xi xejriet reċenti. Pereżempju, ix-xjentisti ma għadhomx jagħtu l-pariri fuq il-bażi tat-tbassir għal żmien mhux fit-tul.

Minkejja li n-numru tat-tbassir naqas minn 40 għal 29, ix-xjentisti xorta baqgħu jagħtu l-istess numru ta' pariri għall-qbid ta' ħut. Dan jista' jkun jew minħabba dejta li qed tkun dejjem anqas ta' min wieħed joqgħod fuqha, jew minħabba għarfien aħjar dwar il-limitazzjonijiet tad-dejta. Meta jiġu biex jagħtu parir, ix-xjentisti saru japplikaw prinċipji aktar sempliċi, pereżempju, li ma jkunx konvenjenti li żżid is-sajd ta' xi stokk partikolari jekk mhux żgur li din iż-żieda tkun sostenibbli. Dan l-approċċ huwa konsistenti ma' dak ta' prekawzjoni kif inkluż fl-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, u jservi bħala bażi xierqa għall-proposti tat-TAC.

Jidher li n-numru ta' stokkijiet fil-periklu la qiegħed jonqos u lanqas jiżdied. Madwar tmenin fil-mija ta' l-istokkijiet qed jibqgħu 'l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri. In-numru ta' stokkijiet li għalihom kien irrakkomandat li kwantità tal-qabda tkun żero huwa bejn wieħed u ieħor stabbli, madwar 13-il stokk [4]. Fuq medja, id-deċiżjonijiet dwar it-TAC kienu sostanzjalment ogħla mill-qabdiet annwali rakkomandati mix-xjentisti, għalkemm il-perċentwali ta' stokkijiet differenti mhux l-istess. Dan wassal għal tnaqqis żgħir ħafna fl-impatt tas-sajd. Mill-istokkijiet li huma kkontrollati mit-TACs, tlieta biss (il-haddock tal-Baħar tat-Tramuntana, il-Pollakkju (saithe) tal-Baħar tat-Tramuntana u l-megrims tal-Bajja ta' Biskajja) jiġu sfruttati skond l-impenji dwar il-MSY kif miftiehma waqt is-Summit Dinji tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fl-2002 ġewwa Johannesburg. Il-politika ta' ffissar tat-TACs f'livelli ferm ogħla minn dawk rakkomandati jfisser li s-settur tas-sajd kien qed jieħu riskji kbar, aktar u aktar peress li ħafna minn dawn it-TACs jinqabżu sostanzjalment minħabba nuqqas ta' infurzar.

2.3. Aspetti ekonomiċi

L-aspetti ekonomiċi tas-sajd inbidlu wkoll. Fl-2006, diversi prodotti tas-sajd kisbu prezzijiet nominali ogħla. Il-prezz ta' xi speċijiet importanti baqa' stabbli jew naqas, filwaqt li s-swieq ta' l-UE dehru li kienu instabbli fuq termini ta' żmien qasir. Fatturi oħra, bħall-istruttura ta' l-ispiża ta' kull flotta, ħallew impatt kbir fuq ir-rendiment ekonomiku tal-perjodu.

Kien hemm xejriet differenti fir-rendiment ekonomiku tas-settur tas-sajd ta' l-UE fost id-diversi flotot, pajjiżi u reġjuni, li kien jiddependi mill-bilanċ ekonomiku nett tax-xejriet tal-prezzijiet, il-ħatt l-art, l-ispejjeż għall-operat (speċjalment l-ispejjeż ta' fjuwil), l-ispejjeż fissi u l-produttività ekonomika ġenerali. Dawn id-differenzi ekonomiċi joħorġu mid-differenzi eżistenti fl-intensità ta' investiment kapitali, struttura ekonomika, attività ekonomika u fl-imġiba tas-swieq lokali tas-sajd.

F'dawn l-aħħar snin, il-flotta tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, li taħli ħafna fjuwil, hija l-aktar li marret ħażin ekonomikament minħabba prezz ogħla tal-fjuwil, filwaqt li bastimenti li jużaw metodi li jaħlu inqas fjuwil urew titjib relattiv fis-sitwazzjoni ekonomika tagħhom.

Skond l-aktar dejta ekonomika reċenti , il-produttività ta' xi flotot tal-UE qiegħdha tirkupra. Din ix-xejra, flimkien ma' aktar żviluppi pożittivi tal-prezzijiet f'xi swieq, tista' tqawwi l-qlub u żżid l-istennija għal rendiment ekonomiku ġenerali aħjar. Ikun meħtieġ eżami f'aktar dettall ta' dan kollu, sabiex jiġu evalwati d-diversi x-xejriet fost il-flotot, pajjiżi u reġjuni differenti.

2.4. Sforz tas-sajd

Minn wara r-riforma, il-limitazzjonijiet ta' l-isforzi tas-sajd ġew stabbiliti għall-ilmijiet tal-punent [5], għall-ispeċijiet tal-baħar fond [6] u għall-istokkijiet ta' rkupru [7].

Skond id-dejta pprovduta mill-Istati Membri lill-STECF, l-isforz kumplessiv tas-sajd fl-2005, meta mqabbel ma' l-2000, naqas b'madwar 15% fil-Kattegat, b'madwar 20% fil-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak u l-Kanal tal-Lvant, b'madwar 35% fil-punent ta' l-Iskozja u b'madwar 35% wkoll fil-Baħar Irlandiż. Inbidel ukoll it-tip ta' rkaptu tas-sajd li jintuża, b'inqas sajd li jsir permezz ta' xbieki tat-tkarkir b'malji kbar (aktar minn 100mm) u b'aktar sajd bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir b'malji iżgħar (70-99mm) (Tabella 2).

Tabella 2. Sforz magħmul (kW*ġranet fuq il-baħar) minn grupp ta' rkaptu tas-sajd. Ir-ringiela ta' fuq: xellug, Kattegat;lemin, Baħar tat-Tramuntana u Skagerrak. Ringiela ta' taħt: Xellug, Baħar Irlandiż; Lemin, Punent ta' l-Iskozja. Sors: STECF.

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

(...PICT...)

Traduzzjoni tat-Tabelli:

days at sea = ġranet fuq il-baħar

Total effort = Sforz totali

Otter trawls = Xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti

Beam trawls = Xbieki tat-tkarkir bit-travu

Gillnets = Għeżula tat-tisqif

Trammel Nets = Pariti

Longlines = Konzijiet

Other = Oħrajn

Minkejja dawn ix-xejriet ta' tnaqqis fl-isforz totali tas-sajd, kien hemm żieda fl-isforz ta' sajd bl-użu ta' rkaptu tas-sajd iżgħar (70-89mm). Dan seta' wassal għall-qbid akbar ta' merluzz żgħir. Qiegħed jiġi mitlub parir xjentifiku dwar dan.

It-tnaqqis imsemmi hawn fuq jista' ma jkunx direttament relatat ma' tnaqqis fil-ġranet fuq il-baħar skond l-Anness II tar-Regolament dwar l-"opportunitajiet tas-sajd". Dak it-tnaqqis kien beda ferm qabel l-introduzzjoni tal-limiti għall-"ġranet fuq il-baħar", u meta dawn il-limiti bdew jiġu implimentati ma kien hemm ebda tibdil fir-rata ta' tnaqqis. Barra minn hekk, skond id-dejta pprovduta mill-Istati Membri, fl-2006, intuża biss 72% mill-isforz tas-sajd permess, li jindika li, fuq medja, l-implimentazzjoni ta' dan it-tnaqqis ma kinitx ta' xkiel għall-attività tal-flotta.

Dan juri li l-limitazzjoni ta' "ġranet fuq il-baħar" għadha ma tikkontribwixxix biżżejjed għall-irkupru ta' l-istokk. Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni sabuha diffiċli biex iħaddmu din is-sistema (ta' limitazzjoni ta' ġranet fuq il-baħar). Din is-sistema giet kritikata li hija kumplikata wisq, mhix trasparenti u diffiċli li timmonitorjaha. Barra minn hekk, f'xi partijiet, tikkoinċidi ma' sistemi oħra ta' sforzi.

Madankollu, is-sistema ta' ġestjoni ta' l-isforzi wasslet biex jinftiehem aħjar l-operat tal-flotot tas-sajd, li f'xi każi, ħeġġeġ l-użu ta' tagħmir aktar selettiv, u li jista' jservi bħala bażi għal aktar titjib.

2.5. Riżultati

Globali, mill-2002:

· l-istokkijiet ma qed juru l-ebda xejra li ser jirkupraw jew li ser jidħlu aktar fil-limiti bijoloġiċi sikuri – anzi, l-industrija għadha f'sitwazzjoni ta' riskju għoli. Fil-każ ta' stokkijiet demersali, is-sitwazzjoni hija agħar, filwaqt li għall-istokkijiet pelaġiċi zgħar hija aħjar;

· għalkemm f'dawn l-aħħar snin, ir-rendiment ekonomiku kien sejjer għall-agħar, xi titjib fil-produttività u żidiet fil-prezzijiet għal xi speċijiet jistgħu jkunu inkoraġġanti;

· spiss jiġri li s-sistema ta' "ġranet fuq il-baħar" ma jkollha ebda effett ta' limitazzjoni fuq l-isforz li jintuża: ma jidherx li hemm proporzjon bejn il-kumplessità tas-sistema u l-ispejjeż għall-ġestjoni tagħha.

3. Moving Forward

Jidher ċar li l-istatus ta' konservazzjoni ta' l-istokkijiet Ewropej għadu ma tjiebx daqs kemm meħtieġ. Sabiex l-istokks jiddaħlu fil-limiti bijoloġiċi sikuri u sabiex jitjiebu l-prospetti ekonomiċi għal żmien twil, hu meħtieġ li jkomplu jsiru sforzi serji kemm f'dak li għandu x'jaqsam mat-TACs kif ukoll fil-ġestjoni ta' l-isforzi. Ir-regoli li jikkonċernaw il-ġestjoni ta' l-isforzi għandhom jiġu simplifikati u jsiru aktar effettivi fil-kontroll tas-sajd. Dan it-titjib għandu jinkiseb permezz ta' approċċ kooperattiv, fejni l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati tkun essenzjali, kif ikun ukoll il-ħarsien aqwa tar-regolamenti ta' l-opportunitajiet tas-sajd.

Dan l-approċċ għandu jiżgura wkoll li l-miżuri li għandu jieħu l-Kunsill jikkunsidraw is-sitwazzjonijiet speċifiċi ta' l-industrija tas-sajd f'partijiet differenti ta' l-UE.

Fi kwalunkwe każ, u sabiex tkun konformi mal-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-Kummissjoni teħtieġ li l-proposta tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd u għall-ġestjoni ta' l-istokkijiet twassal għal tnaqqis fin-numru ta' stokkijiet li jkunu 'l barra mil-limiti ta' prekawzjoni. Meta l-mortalità tas-sajd tkun ogħla mil-limiti ta' prekawzjoni, għandhom jiġu ffissati opportunitajiet tas-sajd li jqarrbu l-mortalità tas-sajd lejn dawk il-limiti. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ħafna lill-Kunsill biex jieħu deċiżjonijiet li ma jwasslux għal żieda fin-numru ta' stokkijiet li jkunu 'l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri.

Hu meħtieġ li jiġu żviluppati pjanijiet ġodda ta' rkupru u ġestjoni fit-tul u li jiġu reveduti dawk eżistenti, fejn ikun meħtieġ, sabiex l-istokkijiet tal-ħut jiddaħlu jew jinżammu fil-limiti bijoloġiċi sikuri. Jenħtieġu aktar sforzi sabiex ikun zgurat li l-pariri xjentifiċi jkunu disponibbli fil-ħin u li dawn iservu bħala bażi xjentifika ta' min joqgħod fuqha għad-deċiżjonijiet li jittieħdu fi ħdan il-PKS.

Il-Kummissjoni hija impenjata li ttejjeb il-valutazzjoni ta' l-impatti soċjali u ekonomiċi tad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati għandha tikkontribwixxi għal dawn l-valutazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha titlob ukoll għall-pariri xjentifiċi dwar l-aspetti soċjo-ekonomiċi, bħala appoġġ għall-proposti finali tagħha.

Għall-2008, il-Kummissjoni biħsiebha tħejji żewġ proposti għal regolamenti dwar l-opportunitajiet ta' sajd: waħda minnhom li tikkonċerna l-istokkijiet fil-Baħar Baltiku, ser tiġi ppreżentata f'Settembru 2007, u l-oħra għall-istokkijiet f'żoni oħra, f'Novembru 2007.

Ma hi prevista l-ebda proposta ġdida għall-istokkijiet ta' l-ispeċijiet tal-baħar fond, peress li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/2006 li jikkonċerna l-opportunitajiet tas-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond ikopri l-2008.

Fil-Komunikazzjoni ta' "Dikjarazzjoni ta' Politika" preċedenti tagħha, il-Kummissjoni diġà stabbiliet il-prinċipji li jikkonċernaw il-proposti għall-opportunitajiet tas-sajd. Dawn il-prinċipji u regoli li kienu japplikaw meta ġew imħejjija l-proposti għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2007 ser jibqgħu validi għall-2008. Madankollu, jeħtieġ li jiġu ċċarati xi punti oħrajn mal-partijiet interessati u ma' l-Istati Membri. Dawn il-punti jidhru hawn taħt.

3.1. L-iffissar ta' TACs għal stokkijiet li għalihom m'hemmx tbassir kwantitattiv fir-rigward ta' limiti ta' prekawzjoni

3.1.1. Stokkijiet li għalihom ikun ingħata parir minn aġenziji xjentifiċi

L-aġenziji xjentifiċi qegħdin jagħtu l-pariri b'mod anqas kwantitattiv minn qabel, billi jużaw kriterji ta' prekawzjoni, bi frażijiet bħal "l-isforz għandu jitnaqqas sostanzjalment", mingħajr kwantifikazzjoni ċara. Il-pariri li jiġu ppreżentati b'dan il-mod jingħataw wara li jkunu ġew ikkunsidrati x-xejriet tad-dejta u r-riżultati ta' eżerċizzji ta' mudelli anke jekk dawn innifishom ma jiġux ippreżentati. Dawn il-pariri għandhom jitqiesu serjament daqs dawk il-pariri li jingħataw meta r-riżultati ta' mudelli matematiċi jiġu ppreżentati lil maniġers. Jekk isir mod ieħor, ikun qed jinħoloq xkiel xejn għaqli fuq il-pariri pprovduti mix-xjentisti: ma jkunx sew li sabiex il-pariri tagħhom jittieħdu serjament, ix-xjentisti jkollhom jippreżentaw mudell matematiku. Barra minn hekk, dikjarazzjonijiet mhux kwantifikati iżda ta' siwi dwar l-istat ta' xi stokk tal-ħut għandhom jiġu użati biex jittieħdu miżuri prattiċi. B'kunsiderazzjonijiet għal dawn il-punti, il-Kummissjoni tħoss li għandhom jiġu applikati dawn il-linji ta' gwida:

a) meta jkun ingħata parir mill-STECF biex il-qabdiet ikunu limitati għal xi livell partikulari, dan għandu jkun trattat bl-istess mod irrispettivament minn jekk hux akkumpanjat minn tabella ta' tbassir tal-qbid - għandha tiġi mħarsa r-regola li t-TAC titqarreb lejn il-livell ta' qbid rakkomandat b'mhux aktar minn 15% fis-sena, b'kunsiderazzjoni għall-ħtieġa tat-tip partikolari ta' sajd ikkonċernat u l-kunsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi rilevanti;

b) meta jkun ingħata l-parir li l-isforz għandu jitnaqqas, l-STEFC għandu jiġi mitlub biex ikejjel il-livelli ta' sforz u biex jirrakkomanda x'għandu jkun il-livell xieraq ta' sforz, u filwaqt li jkunu għaddejin dawn l-istudji, it-TACs għandhom jiġu mnaqssa b'mhux aktar minn 15%;

c) meta jkun hemm indikazzjoni mhix kwantifikata li d-daqs ta' l-istokk qed jiżdied minħabba ammont tajjeb ta' ħut ġdid, għandha tiġi applikata żieda ta' 15% fit-TAC; bil-kontra, meta jkun hemm indikazzjoni mhux kwantitattiva li xi stokk ikun f'periklu kbir jew li qed jonqos minħabba ammont żgħir ta' ħut ġdid, għandu jiġi applikat tnaqqis ta' mhux aktar minn 15% b'kunsiderazzjoni għall-ħtieġa tat-tip partikolari ta' sajd ikkonċernat u l-kunsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi rilevanti;

d) meta jkun kemm indikazzjoni qawwija – iżda mhix kwantifikata – li xi stokk ikun tbaxxa ħafna u jingħata parir li l-kwantità tal-qabda tkun żero jew dik l-inqas possibbli, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-akbar tnaqqis possibbli li jkun kompatibbli ma' kunsiderazzjonijiet dwar "sajd imħallat" u mal-kunsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi rilevanti. Jekk ikun hemm fis-seħħ pjan ta' rkupru għall-istokk, għandu jiġi propost l-eqreb arranġament possibbli għar-regoli tal-pjan ta' rkupru fid-dawl ta' l-għarfien xjentifiku eżistenti. Fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis propost ma għandux ikunx anqas mit-tnaqqis implikat mill-prinċipji ġenerali msemmija hawn fuq.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiżgura li kwalunkwe livell ta' TAC li jkun propost ma jaffettwax l-isfruttament sostenibbli ta' l-istokk ikkonċernat. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati u lill-Istati Membri biex itejbu d-dejta dwar l-istokkijiet li huma jisfruttaw, kif ukoll dwar ir-rendiment ekonomiku; u biex jikkummentaw dwar l-implimentazzjoni tal-pariri xjentifiċi skond il-linji ta' gwida msemmija qabel.

3.1.2. Stokkijiet li ma jkunx ingħata parir xjentifiku għalihom

Għal numru ta' stokkijiet, ma hemm l-ebda pariri bijoloġiċi jew tagħrif disponibbli mill-STECF. F'dawn il-każijiet, l-approċċ ta' prekawzjoni, kif inkorporat fil-Politika Komuni tas-Sajd [8], jista' jiġi applikat mingħajr referenza għall-pariri xjentifiċi. F'dawn il-każijiet, il-prinċipju ewlieni jista' jkun dak li ma għandha tkun prevista ebda espansjoni tas-sajd minħabba li ma hemmx dejta xjentifika li turi li t-tali espansjoni tista' tkun sostenibbli. Meta t-TACs ikunu sostenzjalment ogħla mill-qabdiet attwali reċenti, dawn għandhom jiġu adattati eqreb lejn il-qabdiet attwali b'rata ta 15% kull sena.

3.2. L-iffissar ta' TACs għal stokkijiet li jkunu 'l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri

L-esperjenza ta' dan l-aħħar (ara 2.5) turi li, b'mod ġenerali, id-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-opportunitajiet tas-sajd wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati ma' wasslux għal titjib fl-istatus ta' l-istokk fir-rigward ta' punti ta' prekawzjoni ta' referenza. Fil-każ ta' ħafna stokkijiet, l-industrija tas-sajd għadha f'sitwazzjoni ta' riskju għoli.

F'każijiet bħal dawn, il-limitu ta' 15% tnaqqis tat-TAC jista' jkun problematiku. Pereżempju, dan il-limitu ta' 15% tnaqqis tat-TAC ma kienx ser iwaqqaf it-tnaqqis tal-merluzz mill-Punent ta' l-Iskozja.

Dan l-istokk niżel 'il barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri fl-1985 u minn hemm 'il quddiem kompla nieżel b'madwar 10% kull sena. Kieku f'dak il-perjodu, it-TAC kien ġie mnaqqas bi 15% kull sena, il-mortalità tas-sajd kienet titnaqqas b'5% fis-sena biss. Dan huwa ftit wisq biex jiżgura rkupru sikur ta' l-istokk. F'każijiet bħal dawn, aktarx li jkun meħtieġ tnaqqis ta' aktar minn 15% kull sena, sabiex jinkiseb titjib sinifikanti fis-settur tas-sajd.

Sabiex dawn l-istokkijiet jerġgħu jilħqu limiti sikuri, għandhom jiġu ffissati opportunitajiet tas-sajd li jnaqqsu l-mortalità tas-sajd, li jista' jfisser li t-TACs jitnaqqsu b'aktar minn 15%. Filwaqt li fid-"Dikjarazzjoni ta' Politika" għall-2007 kien hemm il-ħsieb li ma jkunux proposti opportunitajiet tas-sajd li jgħarrqu s-sitwazzjoni ta' l-istokkijiet, jista' jkun meħtieġ approċċ aktar pożittiv, pereżempju li jwassal għal taqrib lejn il-limiti bijoloġiċi sikuri b'rata relattivament rapida.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar metodi li għandhom jintużaw sabiex jitnaqqsu r-riskji għal żmien fit-tul permezz ta' metodi alternattivi għall-iffissar ta' opportunitajiet tas-sajd, u speċifikament billi l-istokkijiet li jinsabu 'l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri jitħallew jirkupraw b'rata aktar rapida, bi tnaqqis fin-numru ta' stokkijiet li jinsabu 'l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri u bi tnaqqis fir-rati ta' mortalità tas-sajd meta dawn ikunu ogħla mir-rati ta' prekawzjoni.

3.3. L-iffissar ta' TACs għal stokkijiet ta' merluzz koperti mill-pjan għall-irkupru tal-merluzz

Għall-2008, il-Kummissjoni ser tipproponi opportunitajiet ta' sajd għall-istokkijiet tal-merluzz li huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-pjan ta' rkupru jekk il-STECF ikun jista' jkejjel id-daqs ta' l-istokk u l-mortalità tas-sajd sabiex il-pjan ikun jista' jiġi applikat direttament.

Mis-sena 2006, ma kien hemm l-ebda tnaqqis rilevanti fil-mortalità tal-merluzz fil-maġġoranza taż-żoni u l-ebda rkupru sinifikanti ta' l-istokk. Fl-2007, l-arranġamenti għall-ġestjoni kienu simili għal dawk li ilhom jintużaw mill-2004, u dan mistenni li jkompli fl-2007 wkoll. Il-miżuri għall-konservazzjoni tal-merluzz ser jiġu riveduti fl-2007. Għalkemm qabel l-2008 m'hu ser jiġi propost l-ebda regolament ġdid dwar l-irkupru tal-merluzz, meta jitfasslu l-proposti għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2008 għandhom jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet li joħorġu mill-proċess ta' reviżjoni.

Ser jiġu proposti miżuri ta' konservazzjoni għall-merluzz tal-Baħar Ċeltiku li jkunu komparabbli u proporzjonali għal dawk applikabbli għall-istokkijiet l-oħra tal-merluzz, sakemm dan l-istokk jiddaħħal fir-regolament dwar l-irkupru tal-merluzz.

Ser isir eżerċizzju ta' konsultazzjoni speċifika dwar il-miżuri ta' rkupru tal-merluzz, fuq bażi tar-riżultati tas-simpożju dwar l-irkupru tal-merluzz li kien sar f'Edinburgh (Marzu 2007). Il-konklużjonijiet li joħorġu ser jintużaw għat-tfassil tal-proposta għall-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2008 fil-qafas tal-pjan eżistenti, kif ukoll fir-reviżjoni tagħha aktar 'il quddiem.

3.4. Opportunitajiet tas-sajd fir-rigward tal-Ġestjoni ta' l-Isforzi

Il-Kummissjoni ser tipproponi tibdil fil-livelli ta' sforzi permissibbli b'konformità mal-pjanijiet ta' ġestjoni u rkupru fit-tul li hemm fis-seħħ.

Fl-2007, il-Kummissjoni ser tibda dibattitu biex tinvestiga, flimkien mal-partijiet interessati rilevanti kollha u ma' l-Istati Membri, kif is-sistemi ta' sforzi eżistenti jistgħu jiġu simplifikati, imtejba u konsolidati. Dan id-dibattitu għandu jibda b'diskussjoni dwar id-definizzjoni ta' l-indikaturi ta' sforz u kapaċità (COM(2007) 39), b'kunsiderazzjoni għas-simpożju dwar l-irkupru tal-merluzz. Ir-riżultati ser jiggwidaw lill-Kummissjoni meta din tiġi biex tistabbilixxi regoli komuni li jkopru s-sistemi ta' sforzi eżistenti. Dan għandu jżid l-infurzar u l-effiċjenza, u b'hekk jgħin ukoll fl-irkupru tal-merluzz. Id-dibattitu ser jgħin ukoll fit-tfassil ta' proposti possibbli li għandhom isiru fl-2007 fir-rigward ta' miżuri transizzjonali applikabbli fl-2008.

Il-partijiet interessati u l-Istati Membri huma mistiedna sabiex jipparteċipaw f'dan id-dibattitu b'mod attiv.

4. Miżuri tekniċi

L-għadd ta' miżuri tekniċi inklużi fir-regolamenti annwali dwar l-"opportunitajiet tas-sajd" ser jitnaqqas permezz tat-trasferiment ta' miżuri għal tliet regolamenti oħra.

F'Mejju 2007, il-Kunsill għandu jadotta proposta dwar miżuri ta' konservazzjoni u infurzar fiż-żona NAFO. Bħalissa qed issir reviżjoni tal-miżuri tekniċi għas-sajd fl-ilmijiet Atlantiċi, u fil-ħarifa ta' l-2007 ser tiġi ppreżentata proposta għar-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98. Sa l-ewwel nofs ta' l-2007, il-Kummissjoni ser tipproponi wkoll regolament dwar il-miżuri tekniċi rakkomandati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas – ICCAT).

Bħala parti mill-analiżi ġenerali tal-miżuri tekniċi, ser issir analiżi tal-miżuri li jikkonċernaw għeżula tat-tisqif tal-baħar fond. Fl-"Anness III" għas-sena 2008, jistgħu jiġu proposti xi miżuri transizzjonali.

Il-Kummisjoni ser tiddiskuti l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni tas-sajd fil-Baħar Mediterran mal-partijiet interessati u ma' l-Istati Membri. Fejn ikun hemm qbil li l-adozzjoni bikrija tal-miżuri tkun ta' siwi, il-Kummissjoni tista' tipproponi t-tali miżuri fl-"Anness III".

Komunikazzjoni separata għandha tindirizza fil-fond il-kwistjoni tat-tnaqqis fir-rimi lura ta' ħut. [9]. Jekk ikun xieraq, fl-"Anness III", jistgħu jsiru wkoll proposti għal xi miżuri inizjali biex jitnaqqas ir-rimi lura ta' ħut.

5. Kwistjonijiet oħra

L-Istati Membri wettqu ruħhom li jipprovdu dejta dwar il-qabdiet ta' mazzola griża fl-2007. Abbażi ta' din id-dejta, Il-Kummissjoni ser tipproponi wieħed jew aktar TACs u allokazzjonijiet lill-Istati Membri bil-ħsieb li tipproteġi dan l-istokk baxx.

Fl-2007, il-Kummissjoni ser taħdem fuq pjan fit-tul għall-istokk tal-marlozz tat-tramuntana, li jkun jinkludi valutazzjoni ta' l-impatt u konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. Il-pjan fit-tul għandu jkun kompatibbli mad-deċiżjoni dwar ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY) li ttieħdet fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fl-2002.

Fir-rigward tal-pixxiplamtu, wara li tikkonsulta ma' l-Istati Membri, fl-2007, il-Kummissjoni ser tipproponi rakkomandazzjoni lill-Kunsill Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (ICCAT). Ser jiġu proposti miżuri korrispondenti bħala parti mill-"opportunitajiet tas-sajd" għas-sena 2008.

6. Konklużjoni

Il-partijiet interessati u l-Istati Membri huma mistiedna biex jeżaminaw dawn il-kwistjonijiet fid-dettall. Sabiex ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu utilizzati fil-ħin, il-Kummissjoni titlob li l-kontribuzzjonijiet jiġu finalizzati sal 31 ta' Lulju 2007.

[1] Sabiex jiġu implimentati l-obbligi li l-Komunità assumiet fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fl-2002; COM(2006) 360.

[2] Green Paper. Il-futur tal-Politika Komuni tas-Sajd. Lussemburgu, l-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2001. ISBN 92-894-0904-5. 47pp.

[3] Il-bażi teknika għal din it-tabella hija disponibbli fuq talba, mis-servizzi tal-Kummissjoni.

[4] Għajr għal stokkijiet li l-parir ta' għeluq għalihom kien ingħata fl-2002 fuq bażi ta' "sajd imħallat" u jekk wieħed jinjora l-aħħar parir li ngħata fl-2006 dwar l-istokkijiet baxxi ta' klieb il-baħar, rebekkini u raj.

[5] Regolament (KE) Nru 1954/2003.

[6] Regolament (KE) Nru 2340/2002 u emendi sussegwenti.

[7] Mill-2003, stabbiliti fir-regolamenti tat-TAC u kwota annwali, u mill-2007, fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 41/2007.

[8] L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd ĠU L 358 p. 59 tal-31.12.2002.

[9] Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew. COM(2007) 136.

--------------------------------------------------

Top