Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0163

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Strateġija ta' l-UE dwar Għajnuna għall-Kummerċ - il-kontribut tal-Kummissjoni {KUMM(2007) 158 finali} {KUMM(2007) 164 finali} {SEG(2007) 414}

    /* KUMM/2007/0163 finali */

    52007DC0163




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 4.4.2007

    KUMM(2007) 163 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Lejn Strateġija ta' l-UE dwar Għajnuna għall-Kummerċ - il-kontribut tal-Kummissjoni

    {KUMM(2007) 158 finali}{KUMM(2007) 164 finali}{SEG(2007) 414}

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Lejn Strateġija ta' l-UE dwar Għajnuna għall-Kummerċ - il-kontribut tal-Kummissjoni

    1. L-ORIĠINI TA' L-ISTRATEĠIJA TA' L-UE DWAR L-GĦAJNUNA GĦALL-KUMMERĊ

    Il-kummerċ huwa katalist importanti għat-tkabbir u t-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Iżda l-integrazzjoni b'suċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ dinji teħtieġ iktar minn aċċess aħjar għas-suq u regoli tal-kummerċ internazzjonali msaħħa. Sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji mill-kummerċ, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bżonn ukoll ineħħu l-limitazzjonijiet tan-naħa tal-forniment u jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali. Dan jinkludi riformi domestiċi fil-politika relatata mal-kummerċ, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-dwana, titjib fl-infrastruttura, tisħiħ tal-kapaċitajiet produttivi u l-bini tas-swieq domestiċi u reġjonali. Sforzi kumplementari huma meħtieġa f'oqsma bħall-istabilità makroekonomika, ir-riformi fiskali, il-promozzjoni ta' investiment, il-politika tax-xogħol, ir-regolamenti u l-istituzzjonijiet tas-swieq tal-kapitali u tal-prodotti, u l-iżvilupp tal-kapital uman.

    Dan huwa l-iskop ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ. L-Għajnuna għall-Kummerċ għandha jkollha skop globali u għandha tappoġġja l-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk l-inqas żviluppati, fl-isforzi tagħhom għar-riforma u biex jadattaw għas-sistema ta' kummerċ dinji, fil-kuntest iktar wiesa' ta' l-iżvilupp sostenibbli. L-Għajnuna għall-Kummerċ hija indirizzata lejn il-ġenerazzjoni tat-tkabbir, l-impjiegi u d-dħul. Huwa għalhekk kontribut għall-ewwel mill-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp biex jitnaqqas il-proporzjon ta' persuni li jgħixu b'inqas minn dollaru kuljum (MDG 1). Jappoġġja wkoll l-MDG 8, li huwa t-twaqqif ta' sħubija globali għall-iżvilupp, b'mod partikolari biex tiġi żviluppata iktar sistema kummerċjali u finanzjarja miftuħa li hija bbażata fuq ir-regoli, prevedibbli u mhux diskriminatorja. L-Għajnuna għall-Kummerċ hija kumplement ewlieni għan-negozjati kummerċjali. M'hijiex sostitut għar-riżultat pożittiv favur l-iżvilupp ta' dawn in-negozjati imma għandha tingħata indipendentament mill-progress fin-negozjati.

    Il-kunċetti wara l-Għajnuna għall-Kummerċ huma magħrufa sew fl-UE. L-UE hija kollettivament l-ikbar donatriċi fil-qasam ta' l-Għajnuna Relatata mal-Kummerċ (TRA). Il-Konsensus Ewropew għall-Iżvilupp jidentifika l-integrazzjoni kummerċjali u reġjonali bħala qasam importanti għall-azzjoni Komunitarja. Każ partikolari huma n-negozjati għaddejjin tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPA) mal-pajjiżi ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP). L-impenji tat-TRA huma sinifikanti wkoll għall-pajjiżi sħab oħra ta' l-UE bħall-dawk fl-Asja jew fl-Amerika Latina.

    Din il-Komunikazzjoni hija l-kontribut tal-Kummissjoni biex jikber l-appoġġ ta' l-UE għall-Għajnuna għall-Kummerċ, bil-għan li tiġi adottata strateġija konġunta ta' l-UE mill-Kunsill fit-tieni parti ta' l-2007, kif miftiehem mill-Kunsill f'Ottubru 2006[1]. Ankrat fl-impenji politiki sodi, u mibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-WTO Task Force [2], il-valur miżjud ta' strateġija ta' l-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ hija marbuta mal-ftehim dwar l-azzjoni speċifika li trid issir. Kooperazzjoni ta' l-UE bħal din issaħħaħ l-impatt ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE u tikkontribwixxi għad-dibattitu globabli fuq is-suġġett.

    2. GĦANIJIET

    L-Għajnuna għall-Kummerċ għandha bosta għanijiet: biex tippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment dawk l-inqas żviluppati (LDC), biex jużaw il-kummerċ b'mod iktar effettiv għall-promozzjoni tat-tkabbir, l-impjieg, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar u biex jilħqu l-għanijiet tagħhom għall-iżvilupp; biex tgħinhom jibnu u jimmoderniżżaw il-kapaċità fuq in-naħa tal-provvista u l-infrastruttura relatata mal-kummerċ sabiex l-aċċess tagħhom għas-suq ikun iffaċilitat u l-esportazzjoni tiżdied; biex tgħinhom jimplimentaw u jadattaw għar-riformi kummerċjali u l-liberalizzazzjoni, inkluż permezz tas-suq tax-xogħol u l-aġġustamenti soċjali; biex tgħin fl-integrazzjoni reġjonali; biex tiffaċilita l-integrazzjoni mingħajr xkiel fis-sistema tal-kummerċ dinji u biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-ftehim kummerċjali, dan kollu fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, preservazzjoni tar-riżorsi naturali u l-ambjent, u l-promozzjoni tax-xogħol deċenti.

    Skond il-Linji Gwida tal-Kunsill, strateġija ta' l-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ tista' tikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet billi tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin[3]:

    1. Żieda fil-volumi ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE, b'mod partikolari billi tiżdied l-Għajnuna Relatata mal-Kummerċ sa €2 biljuni fis-sena sa l-2010; imma wkoll bil-promozzjoni ta' rispons effettiv għall-ħtiġijiet iktar wiesgħin ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ[4].

    2. Tisħiħ tal-kwalità ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE, b'mod partikolari billi jiġu applikati l-impenji biex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp isir iktar effettiv.

    3. Appoġġ effettiv tal-monitoraġġ u rapportaġġ.

    4. Li tassigura li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom il-ħila suffiċjenti biex jimplimentaw l-għanijiet imsemmija hawn fuq.

    Billi l-Kunsill ġibed l-attenzjoni speċifika għall-ħtiġijiet ta' Għajnuna għall-Kummerċ relatati man-negozjati għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPA) mal-pajjiżi ACP, l-istrateġija ta' l-UE għandha tagħti attenzjoni speċifika simili għal dawn l-iżviluppi, sabiex tgħin fit-twettiq tal-potenzjal sħiħ ta' żvilupp ta' l-EPA. L-Għajnuna għall-Kummerċ hija wkoll element importanti ta' l-għajnuna tal-KE fl-Asja u l-Amerika Latina.

    3. ŻIEDA FIL-VOLUM TA' L-GĦAJNUNA GĦALL-KUMMERĊ TA' L-UE

    3.1. Roadmap biex jintlaħqu l-impenji finanzjarji ta' l-UE dwar l-għajnuna relatata mal-kummerċ

    It-TRA tinkludi żewġ kategoriji: "politika tal-kummerċ u regolamentazzjoni"; u "żvilupp tal-kummerċ". L-ewwel tirreferi għal għajnuna għall-parteċipazzjoni effettiva tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fin-negozjati multilaterali tal-kummerċ, analiżi u implimentazzjoni ta' ftehim multilaterali kummerċjali, leġiżlazzjoni relatata mal-kummerċ u riformi regolamentarji (inklużi Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ u miżuri Sanitarji u Fitosanitarji), strutturi ta' tariffi, għajnuna għal arranġamenti ta' kummerċ reġjonali, faċilitar tal-kummerċ, inklużi r-reġimi doganali u tgħamir, u kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-katina tal-provvista[5]. It-tieni kategorija tkopri l-iżvilupp tan-negozju u attivitajiet immirati lejn it-titjib tal-klima tan-negozju, servizzi u istituzzjonijiet ta' appoġġ għan-negozju, aċċess għall-kummerċ tal-finanzi, il-promozzjoni tal-kummerċ u l-iżvilupp tas-suq fis-setturi tal-produzzjoni u servizzi, inklużi fil-livell istituzzjonali u intraprenditorjali.

    Matul il-perjodu ta' bażi 2001-2004, l-impenji TRA tal-Komunità u l-Istati Membri kienu ta' medja ta' €840 miljun u €300 miljun[6] fis-sena rispettivament. Il-Kunsill talab roadmap għat-twettiq fl-2010 ta' l-impenji tal-Komunità u l-Istati Membri biex dan l-ammont jiżdied għal € 1+1 biljun kull sena. Wara analiżi tal-figuri disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-impenn tagħha. Madanakollu minħabba nuqqas ta' data ta' tbassir, il-Kummissjoni m'hijiex f'pożizzjoni li tevalwa jekk l-Istati Membri humiex fit-triq it-tajba biex jilħqu l-għan tagħhom għall-2010[7].

    Il-Kunsill iddeċieda li parti sostanzjali mit-TRA EU miżjuda għandha tingħata lill-pajjiżi ACP, bħala għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali u l-EPA. Gwida dwar l-ammonti attwali involuti hija importanti għas-sħab ACP f'dan l-istadju. Fuq il-bażi ta' pjanijiet kurrenti l-parti ta' TRA Komunità li tingħata lill-ACP hija mistennija tibqa relattivament stabbli. Filwaqt li dan jirrefletti żieda f'termini assoluti, ifisser li l-parti l-kbira ta' riżorsi addizzjonali TRA għall-ACP ikollha tiġi mill-Istati Membri.

    L-Istati Membri ta' l-UE u l-Komunità (kif ukoll donaturi oħra) jipprovdu għajnuna fuq il-bażi ta' prijoritajiet espressi minn pajjiżi sħab fl-istrateġi ta' żvilupp nazzjonali tagħhom. Biex iwettqu l-impenji tagħhom l-UE tiddependi ħafna fuq kemm huma artikolati l-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f'dawn l-istrateġiji nazzjonali. Għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw bl-identifikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-ħtiġijiet ta' l-għajnuna relatata mal-kummerċ hija għalhekk parti integrali biex jintlaħqu l-impenji finanzjarji ta' l-UE. Strument ewlieni biex dan isir huwa l-Qafas Integrat (IF) għal liema kemm il-Kummissjoni kif ukoll bosta Stati Membri qed jikkontribwixxu diġà[8]. Sfidi ewlenin huma biex tissaħħaħ l-aġenda IF u biex it-tmexxija jkollha impatt u tespandi għal pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw. F'livell reġjonali, iridu jinħolqu metodi effettivi għall-ħtiġijiet ta' evalwazzjoni tal-kummerċ.

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Xejra lineari mis-sitwazzjoni preżenti għall-għan tagħhom ta' 1 biljun jimplika li l-impenji kollettivi għat-TRA mill-Istati Membri ta' l-UE għandhom jiżdiedu sa mill-inqas €600 miljun sa l-2008. Madanakollu, l-istrateġija għandha tikkunsidra liema miżuri għandhom jittieħdu jekk it-TRA mill-Istati Membri ma jilħqux dan il-livell sa l-2008. L-istrateġija għandha tipprovdi gwida fuq l-ammonti involuti fl-impenji tal-Kunsill biex tiġi allokata "parti sostanzjali" tat-TRA addizzjonali għall-pajjiżi ACP, bħala għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali u l-EPA bil-għan li tiżdied il-parti tat-TRA globali allokata għall-ACP. L-istrateġija ta' l-UE għandha tenfasizza l-importanza ta' l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fi strateġiji ta' żvilupp nazzjonali u tidentifika kriterju għal meta jkun aċċettabbli li jsir il-finanzjament ta' prijoritajiet relatati mal-kummerċ b'antiċipazzjoni ta' l-aġġornament ta' strateġiji ta' żvilupp nazzjonali. L-istrateġija għandha turi l-impenn ta' l-UE biex tinvolvi ruħa attivament fl-IF imsaħħaħ, b'mod partikolari b'parteċipazzjoni attiva fil-pajjiż; u biex testendi l-metodi IF għall-pajjiżi non-LDC, inkluż permezz ta' pjan għall-involviment konġunt ta' l-UE fil-ħolqien ta' mekkaniżmu unikament IDA[9] . L-istrateġija għandha tiddeskrivi kif jista' jingħata appoġġ għall-evlawazzjonijiet ta' ħtiġijiet kummerċjali tar-reġjun bħala għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali. |

    - .

    3.2. Appoġġ ta' l-UE għall-aġenda usa' ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ

    Il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ l-aġenda usa' ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ identifikata mit- Task Force tal-WTO, jiġifieri l-inklużjoni ta' infrastrutturi relatati mal-kummerċ, ħiliet produttivi u aġġustamenti relatati mal-kummerċ. Dan il-metodu wiesa' jidher pereżemju fil-Pjan ta' Azzjoni 2004 ta' l-UE dwar il-Komodità. Għalkemm il-Kunsill ta' l-UE ma stabbiliex għanijiet numeriċi speċifiċi dwar il-kategoriji ġodda ta' Għajnuna għall-Kummerċ, l-UE diġà qed tipprovdi għajnuna sostanzjali għal dawn l-oqsma. Pereżempju, għajnuna għall-infrastruttura relatata mal-kummerċ kienet medja ta' € 1,480 biljun fis-sena mill-Istati Membri u € 1,290 biljun fi-sena mill-Komunità matul il-perjodu 2001-2004.

    Hemm nuqqas ta' ċarezza fil-kategoriji ġodda ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, u xi duplikazzjonijiet fil-kategoriji diġà eżistenti tat-TRA[10]. Dan għandu jiġi indirizzat jekk il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ iridu jiġu żviluppati b'mod utli għall-Għajnuna għall-Kummerċ. Dan huwa rikonoxxut mill-komunità ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, inkluż fi ħdan l-UE, u x-xogħol huwa għaddej, b'mod partikolari fi ħdan l-OECD/DAC, biex jiġi ċċarat u simplifikat l-iskop u wżati l-prokuri minn kategoriji ODA stabbiliti. L-UE bħala sieħeb ewlieni ta' l-inizjattiva Għajnuna għall-Kummerċ, għandha tipparteċipa fid-diskussjonijiet li għaddejjin.

    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-infrastruttura ekonomika hija ta' prokura utli għall-infrastruttura relatata mall-kummerċ. Għall-ħiliet produttivi, jistgħu jintużaw il-kategoriji ta' rappurtaġġ eżistenti. Fil-kuntest ta' l-aġġustament relatat mal-kummerċ, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan għandu jinkludi għajnuna għal riformi fiskali mmirati li jdaħħlu forom ta' sistemi ta' taxxa iktar sostenibbli[11]. Marbut ma' dan, l-għajnuna mill-baġit tista' tkun mod xieraq kif jiġu indirizzati tnaqqis fid-dħul mid-dwana wara l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, jew biex jingħata appoġġ lix-xbieki ta' sigurtà soċjali relatati mall-kummerċ biex l-aġġustament għall-ftuħ kummerċjali u l-globalizzazzjoni jkun iktar faċli.

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Minbarra t-TRA, l-istrateġija ta' l-UE għandha tinkludi impenn politiku għat-tisħiħ ta' l-appoġġ ta' l-UE fl-infrastruttura relatata mall-kummerċ, il-kapaċità produttiva u l-aġġustament relatat mal-kummerċ, billi l-ewwel tingħata kopertura tajba ta' dawn il-kwistjonijiet fl-evalwazzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-kummerċ. Dawn huwa partikolarment rilevanti għal ekonomiji żgħar, vulnerabbli u mdawwrin bl-art, li bosta minnhom huma ACP. L-istrateġija ta' l-UE għandha tiddikjara l-intenzjoni li tiżviluppa prassi ta' rappurtaġġ UE koerenti għall-kategoriji kollha ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ u biex tkompli tipparteċipa b'mod attiv u konġunt fid-diskussjonijiet rilevanti fil-livell internazzjonali. L-istrateġija għandha tkun ċara dwar kemm hija solida l-intenzjoni ta' l-impenn finanzjarju ta' l-UE għat-TRA u li tinżamm irrispettivament mid-dibattitu internazzjonali dwarha. |

    - 4. TISĦIĦ TAL-KWALITÀ TA' L-GĦAJNUNA GĦALL-KUMMERĊ TA' L-UE

    Żieda fil-livelli ta' Għajnuna għall-Kummerċ tqajjem mistoqsijiet dwar il-kwalità u l-effettività. Mingħajr attenzjoni xierqa għal dawn il-kwistjonijiet, riżorsi finanzjarji addizzjonali ma jġibux magħhom it-titjib mixtieq mill-pajjiżi sħab.

    L-istrateġija ta' l-UE m'hijiex ser tibda mill-bidu nett. Ibbażata fuq il-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Ad hoc ta' l-UE dwar l-Armonizzazzjoni, l-UE għamlet kontribut sostanzjali għad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna. Hija diġà impenjata bis-sħiħ lejn il-prinċipji ta' Pariġi u mxiet 'il quddiem u ħadet azzjoni fuq bosta minnhom. B'mod partikolari, f'April 2006, il-Kunsill ftiehem fuq prinċipji u format għal programmazzjoni konġunta u ħareġ mandat għal iktar xogħol fuq il-kumplementarjetà u l-kofinanzjament[12].

    L-istrateġija ta' l-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ għandha toffri applikazzjoni prattika dwar il-prinċipji mifthema, li tiffoka fuq ħames aspetti ta' kwalità: il-faqar u l-Għajnuna għall-Kummerċ; Pussess u parteċipazzjoni; sostenibbiltà; analiżi konġunta, programmazzjoni u twettiq; u l-effettività ta' l-għajnuna fl-Għajnuna għall-Kummerċ reġjonali.

    4.1. Il-faqar u l-Għajnuna għall-Kummerċ

    Fi ħdan kull kategorija ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, l-għażliet li jsiru jkollhom impatt fuq il-livelli tal-faqar. Xi drabi, isiru kompromessi bejn effetti indiretti u diretti ta' tnaqqis tal-faqar. Il-Kummissjoni innotat li r-rabtiet fil-faqar m'humiex dejjem imniżżla fl-istrateġija għall-iżvilupp tal-kummerċ u operazzjonijiet ta' Għajnuna għall-Kummerċ, b'mod partikolari għat-TRA tradizzjonali.

    Riflessjoni iktar profonda dwar kif jista' jiġi żgurat it-tnaqqis tal-faqar permezz ta' l-Għajuna għall-Kummerċ huwa meħtieġ, għal kull kategorija ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ. Jista' jsir iktar xogħol għall-identifikazzjoni ta' l-oqsma ta' Għajnuna għall-Kummerċ li jwasslu għat-tnaqqis l-iktar mifrux u sostenibbli fil-faqar. F'operazzjonijiet individwali, l-UE għandha tappoġġja analiżi ta' implikazzjonijiet dwar il-faqar u tintegra konklużjonijiet b'mod trasparenti. L-isforzi għandhom jinkludu speċifikament id-dimensjoni ta' l-ugwaljanza.

    L-aġenda għax-xogħol[13] deċenti hija ta' relevanza f'dan il-każ, biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tas-suq ta' l-impjieg u aġġustament soċjali relatati mal-kummerċ. Bl-istess mod, l-istrateġija għandha tikkonferma l-appoġġ għall-implementazzjoni dinjija ta' l-istandards bażiċi tax-xogħol ta' l-ILO. Inizjattivi volontarji li jagħtu lill-kunsumaturi assikurazzjonijiet rilevanti għall-iżvilupp sostenibbli, bħall-Kummerċ Ġust, tikketti-eko, u skemi korporattivi kumparabbli, huma wkoll strumenti importanti li għandhom il-potenzjal inaqqsu l-faqar u jippromwovu żvilupp soċjo-ekonomiku, li għandha tindirizza strateġija Ewropea konġunta.

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni L-istrateġija għandha tenfasizza l-importanza li l-UE tagħti għall-impatt ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ fuq il-faqar, u tfassal passi biex tiżgura li l-attivitajiet li jittieħdu fl-isem l-istrateġija jitwettqu f'dan ir-rigward. |

    - .

    4.2. Pussess u parteċipazzjoni

    Pussess u parteċipazzjoni huma żewġ prinċipji ta' effettività ta' l-għajnuna ta' importanza speċjali għall-Għajnuna għall-Kummerċ. Pussess aħjar, murija bl-integrazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fit-tnaqqis tal-faqar u strateġiji ekwivalenti, huwa meħtieġ biex tiżdied l-Għajnuna għall-Kummerċ. L-identifikazzjoni ta' prijoritajiet pertinenti għall-kummerċ, il-bini ta' kunsens għall-politika ta' riforma u l-iżvilupp ta' rimedji effettivi biex jiġu indirizzati diffikultajiet fil-kummerċ jeħtieġu parteċipazzjoni attiva mis-settur privat, mis-sħab soċjali u mis-soċjetà ċivili. Spiss, gvernijiet sħab għandhom bżonn għajnuna fil-ġestjoni ta' proċess ta' konsultazzjoni bħal dan. Parteċipazzjoni effettiva ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati tista' inter alia tkun iffaċilitata bit-tisħiħ ta' organizzazzjonijiet intermedjarji bħall-kmamar tal-kummerċ.

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni L-Istrateġija ta' l-UE għandha tenfasizza r-rwol ewlieni li s-settur privat u s-soċjetà ċivili jistgħu jkollhom fl-Għajnuna għall-Kummerċ. Għandha tidentifika mezzi kif tista' tiġi appoġġjata l-kapaċità tal-gvernijiet biex imexxu l-proċessi ta' konsultazzjoni, u ta' gruppi ta' interess inqas b'saħħithom biex jidħlu f'dawn il-proċessi. |

    - .

    4.3. Sostenibbiltà

    Is-Sostenibbiltà huwa l-prinċipju li jirfed l-istrateġija ta' l-UE għall-Għajnuna għall-Kummerċ u għandha tiqies fid-dimensjonijiet kollha tagħha - istituzzjonali, finanzjarja/ekonomika, soċjali u ambjentali.

    Il-qofol tas-sostenibbiltà istituzzjonali u finanzjarja tal-programmi huwa fl-iżgurar tal-bini ta' ħiliet tal-partijiet interessati u l-pussess fl-operazzjonijiet kollha, kif ġie elaborat f'parijiet oħra ta' din il-Komunikazzjoni.

    Sabiex jiġu integrati bis-sħiħ kemm il-kunsiderazzjonijiet soċjali kif ukoll ambjentali fil-programmi għall-Għajnuna għall-Kummerċ, iridu jiġu applikati regolamenti u proċeduri ta' valutazzjoni ta' impatt eżistenti, kemm tas-sħab kif ukoll tad-donaturi. Valutazzjonijiet ta' impatt dwar is-sostenibbiltà ta' l-elementi tal-politika tal-kummerċ u tal-ftehimiet għandhom jiġu iktar żviluppati u r-riżultati wżati b'mod aħjar mill-UE u mis-sħab.

    F'dak li jirrigwarda kwistjonijiet ambjentali speċifikament, l-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE għandha tgħin lis-sħab fl-iżvilupp ta' metodi ta' produzzjoni iktar sostenibbli u tgħin lill-produtturi jikkonformaw ma' standards ta' saħħa (pubblika u privata), sigurtà u ambjent fis-swieq ta' esportazzjoni u biex ittejjeb il-kapaċitajiet doganali biex tgħin fl-implimentazzjoni ta' l-aspetti relatati mal-kummerċ tal-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali.

    Kwistjonijiet importanti oħra relatati huma l-promozzjoni ta' xogħol deċenti u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi effettivi tas-suq tax-xogħol u adattament soċjali. Pereżempju, l-UE tkompli tgħin produtturi biex jikkonformaw ma' l-istandards, prassi u regolamenti tax-xogħol magħrufa u billi tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni L-istrateġija ta' l-UE għandha tippromwovi s-sostenibbiltà ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, inkluż billi tipprevedi l-għajnuna għall-pussess tal-partijiet interessati, il-bini ta' ħiliet u l-parteċipazzjoni; twettiq ta' għanijiet soċjali u ambjentali; l-applikazzjoni ta' l-għodod u proċeduri ta' l-UE u tal-pajjiżi sħab għal valutazzjonijiet ta' impatt ambjentali, dak soċjali, dak relatat ma' l-ugwaljanza kif ukoll dak tas-sostenibbiltà; l-integrazzjoni ta' riżultati minn ħidma bħal din f'valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet kummerċjali tal-pajjiż; il-promozzjoni ta' metodi ta' produzzjoni sostenibbli; u l-għajnuna biex jikkonformaw ma' standards rilevanti għall-prodotti fis-swieq ta' esportazzjoni. |

    - 4.4. Analiżi konġunta, programmazzjoni u twettiq

    Xejriet reċenti fl-għajnuna għall-iżvilupp ta' l-UE kollha jindikaw l-istess direzzjoni: kumplementarjetà u kooperazzjoni ikbar hija meħtieġa bejn is-sħab ta' l-UE, fil-firxa ta' l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-programm għat-tipi kollha ta' strumenti. Dan għandu japplika wkoll għall-Għajnuna għall-Kummerċ[14].

    F'dak li jirrigwarda l- analiżi konġunta tal-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ, il-proċessi IF għandhom ikunu l-qafas preferut għall-koordinazzjoni ta' l-UE fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDC). Proċessi simili għandhom jiġu żviluppati għall-analiżi konġunta f'pajjiżi oħra. Fir-reġjuni ACP, Task Forces Preparatorji Reġjonali huma kumplement importanti, fil-kuntest ta' l-EPA.

    Bħala pass iktar 'il quddiem, hemm skop għall-UE li tikkoordina b'mod aħjar l-istrateġiji ta' rispons tagħha fil-pajjiżi u r-reġjuni. Il-Grupp ta' Esperti Konġunti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jiżviluppa f'forum informali ta' koordinazzjoni għal iniżjattivi multilaterali.

    Opportunitajiet għal twettiq konġunt jiddependi ħafna fuq progress fil-ħidma ta' strateġiji b'firxa settorjali (SWAP), billi dawn huma wieħed mill-prekundizzjonijiet għall-għajnuna baġitarja settorjali. Proċessi siewja ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-kummerċ u koordinazzjoni fil-pajjiż iwittu t-triq għal strateġiji b'firxa settorjali b'riżultat tajjeb.

    Il-possibbiltajiet għall-użu ta' għajnuna baġitarja ġenerali fl-Għajnuna għall-Kummerċ għandhom jiġu eżaminati, inkluż il-kwistjoni ta' l-iżvilupp ta' indikaturi xierqa. Fl-aħħarnett, il-kofinanzjament ta' l-UE fl-Għajnuna għall-Kummerċ tista' tippermetti żieda fl-Għajnuna għall-Kummerċ mingħajr ma ġġebbed il-kapaċità ta' assorbiment tas-sħab, billi tiftaħ il-programmi eżistenti tal-KE għall-Istati Membri jew billi tippermetti lil xi Stati Membri jidderiġu skond il-vantaġġ u l-esperjenza kumparattiva tagħhom.

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni L-istrateġija għandha tfassal azzjonijiet biex tiffaċilita t-tmexxija ta' l-UE fl-istrateġiji kkoordinati ta' rispons fl-Għajnuna għall-Kummerċ. Dan jista' jinkludi t-tħejjija ta' lista ta' pajjiżi sħab li għandhom preżenza qawwija ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE. u jiġu assenjati punti ta' kuntatt għall-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u identifikazzjoni konġunta ta' l-UE fil-pajjiż. B'ħarsa 'l quddiem għal opportunitajiet futuri għall-involviment fil-Programmazzjoni Konġunta (bħal dawk relatati mar-reviżjoni f'nofs terminu ta' l-istrateġiji tal-Kummissjoni għall-pajjiż, inkluż l-10 EDF), l-istrateġija għandha twitti t-triq għal kopertura tajba ta' kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fil-pajjiżi involuti. L-istrateġija għandha tfassal azzjonijiet għal iktar żvilupp fl-użu ta' strateġiji b'firxa settorjali fl-Għajnuna għall-Kummerċ. Għandha tipproponi miżuri biex tibni l-kunfidenza meħtieġa biex l-applikazzjoni ta' metodi ta' twettiq konġunt bħall-għajnuna baġitarja u kofinanzjament tkun iktar faċli. L-istrateġija għandha tenfasiżża r-rwol li l-Grupp Konġunt ta' Esperti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp jista' jkollu fil-koordinazzjoni ta' inizjattivi multilaterali. |

    - 4.5. L-effettività ta' l-għajnuna fl-Għajnuna għall-Kummerċ reġjonali

    Għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali hija karatteristika partikolari tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi barra mill-UE, b'mod partikolari permezz tal-politika kummerċjali u doganali. Għalhekk il-livell reġjonali huwa importanti għat-twettiq ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, partikolarment għar-reġjuni involuti ħafna fl-isforzi ta' integrazzjoni reġjonali. Dan jikkorrespondi għan-numru dejjem jikber ta' ftehimiet reġjonali għall-kummerċ u kooperazzjoni, l-interess dejjem jikber fl-integrazzjoni reġjonali min-naħa tal-pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw u l-prijorità li tingħata għall-integrazzjoni reġjonali fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, il-Ftehim ta' Cotonou u l-Istrument tal-KE għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp.

    Il-programmazzjoni u t-twettiq f'livell reġjonali m'humiex ta' natura differenti minn dawk ta' livell nazzjonali. L-istess prinċipji ta' effettività ta' l-għajnuna għandhom ikunu applikati, għalkemm dan jista' jkun ta' sfida ikbar fil-livell reġjonali. Azzjonijiet ewlenin għall-effettività ta' l-għajnuna fil-livell reġjonali jinkludu :

    - appoġġ għall-kapaċità ta' pussess u tmexxija fl-isforzi ta' Għajnuna għall-Kummerċ tas-sħab reġjonali, b'mod partikolari billi jinbnew il-kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet reġjonali biex jevalwaw l-implikazzjonijiet ta' l-integrazzjoni tal-kummerċ jew tar-reġjun u/jew fteħimiet għall-kummerċ ma' pajjiżi terzi u t-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jsegwu u jimplimentaw l-impenji, inkluż għal kwistjonijiet bħar-riformi fiskali;

    - il-koordinazzjoni tal-programmazzjoni fl-għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali u kummerċjali. Sforzi konġunti ta' l-UE jistgħu jiġu żviluppati biex jiġu evalwati l-ħtiġijiet u identifikati oqsma fejn l-UE tkun tista' tappoġġja l-aġenda ta' integrazzjoni tar-reġjun involut, inkluż dwar kwistjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika u soċjali. Jista' jsir ħafna iktar fil-livell reġjonali bil-bini fuq sforzi eżistenti fl-iżvilupp tas-settur privat, kapaċità produttiva u infrastruttura;

    - lejn metodi ta' twettiq iktar effiċjenti . L-istrateġija għandha tiddefinixxi modalitajiet imsaħħa ta' koordinazzjoni bil-għan li titħaffef il-mobilizzazzjoni kollettiva tal-finanzi AfT (Aid for Trade). Metodi reġjonali ta' twettiq ekwivalenti ma' l-appoġġ baġitarju u kofinanzjament għandhom ikunu żviluppati. Pereżempju, il-Kummissjoni qed tiżviluppa ftehimiet ta' kontribuzzjoni biex tiffaċilita l-ġestjoni finanzjarja tal-kooperazzjoni reġjonali tagħha. Xi reġjuni ACP bdew joħolqu mekkaniżmi ta' fondi reġjonali biex jiffaċilitaw il-ġestjoni ta' programmi reġjonali, inklużi kontribuzzjonijiet mill-Kummissjoni u, possibbilment, donaturi oħra bħala għajnuna għall-EPAs;

    - tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' donaturi oħra. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri flimkien għandhom iħeġġu donaturi minn barra l-UE biex jikkunsidraw iżidu l-appoġġ tagħhom għall-integrazzjoni reġjonali tal-kummerċ. Banek ta' żvilupp reġjonali u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali huma partikolarment importanti.

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni L-istrateġija ta' l-UE għandha tenfasizza l-impenn ta' l-UE fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta' l-effettività ta' l-għajnuna fil-livell reġjonali billi tappoġġja l-kapaċità ta' pussess u tmexxija ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ tas-sħab, il-koordinazzjoni tal-programmazzjoni, is-segwitu ta' metodi iktar effiċjenti ta' twettiq u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' donaturi oħra. Wara li tikkunsidra n-negozjati EPA li għaddejjin bħalissa, l-istrateġija ta' l-UE għandha tindika prijorità għall-interventi reġjonali fil-kuntest EPA, partikolarment rigward koordinazzjoni tal-programmazzjoni u l-appoġġ għal inizjattivi b'dimensjoni reġjonali, bħall-fondi EPA. |

    - 5. ANGOLI SPEĊIFIĊI ACP TAL-PROPOSTI

    Il-Kunsill ta' Ottubri ta' attenzjoni speċifika għall-aġenda ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ relatata ma' l-EPA fil-pajjiżi ACP. Il-miżuri msemmija hawn fuq huma kollha essenzjali għall-appoġġ tar-reġjuni u l-pajjiżi ACP fil-kuntest ta' l-EPA. Xi rakkomandazzjonijiet huma ta' importanza partikolari; huma mtennija hawn taħt:

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni L-istrateġija għandha tipprovdi gwida fuq l-ammonti involuti fl-impenji tal-Kunsill biex tiġi allokata "parti sostanzjali" tat-TRA addizzjonali għall-pajjiżi ACP bil-għan li tiżdied il-parti tat-TRA globali allokati għall-ACP. Minbarra t-TRA, l-istrateġija ta' l-UE għandha tinkludi impenn politiku għat-tisħiħ ta' l-appoġġ ta' l-UE fl-infrastruttura relatata mall-kummerċ, il-kapaċità produttiva u l-aġġustament relatat mal-kummerċ, billi l-ewwel tingħata kopertura tajba ta' dawn il-kwistjonijiet fl-evalwazzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-kummerċ. L-istrateġija għandha tappoġġja, bħala prijorità, l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fl-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali ACP. L-istrateġija għandha tiddeskrivi kif jista' jingħata appoġġ għall-evlawazzjonijiet ta' ħtiġijiet kummerċjali tar-reġjun bħala għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali. Fil-kuntest EPA, dan jinkludi enfażi partikolari fuq it-Task Forces Reġjonali Preparatorji dwar l-EPA. L-istrateġija ta' l-UE għandha tenfasizza l-impenn ta' l-UE fl-applikazzjoni tal-prinċipja ta' l-effettività ta' l-għajnuna fil-livell reġjonali billi tappoġġja l-kapaċità tas-sħab ta' pussess u tmexxija ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, il-koordinazzjoni tal-programmazzjoni, is-segwitu ta' metodi iktar effiċjenti ta' twettiq u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' donaturi oħra. L-istrateġija għandha tindika prijorità fir-reġjuni EPA rigward il-koordinazzjoni ta' metodi ta' twettiq u appoġġ għal inizjattivi b'dimensjoni reġjonali, bħall-fondi reġjonali EPA. |

    - 6. MONITORAĠĠ U RAPPORTAĠĠ

    Il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ huma importanti biex isir progress fl-oqsma diskussi hawn fuq. Kemm il-monitoraġġ tal-proċess kif ukoll il-monitoraġġ tar-riżultati huma neċessarji, skond kriterji li għandhom jiġu miftehma. Il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ globali previst fi ħdan il-qafas WTO/OECD u l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni fil-livell ta' l-UE ta' l-istrateġija ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE huma marbutin fil-qrib.

    Monitoraġġ u rapportaġġ fil-livell globali

    Il- mekkaniżmu ta' reviżjoni globali propost mit- Task Force tal-WTO dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ għandu jevalwa t-twettiq ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ kemm mill-aspett tal-kwantità kif ukoll mill-aspett tal-kwalità:

    - Il-Kwantità: Il-monitoraġġ għandu jinkludi flussi ta' Għajnuna globali għall-Kummerċ kif irrappurtat lill-WTO/OECD minn donaturi flimkien ma rapporti minn benefiċjarji dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji ta' bini ta' ħiliet kummerċjali tagħhom. Il-Kummissjoni m'għandiex l-intenzjoni li tagħmel xogħol doppju li diġà sar mill-WTO/OECD fil-ġbir ta' data dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ imma tista', flimkien ma' l-Istati Membri, tuża d-data eżistenti għal analiżi fil-livell ta' l-UE biex iżżid l-għarfien dwar l-isforzi li diġà saru u dawk ippjanati.

    - Il-Kwalità: Ir-reviżjoni globali għandha tipprovdi wkoll bażi għad-diskussjoni tal-kwistjonijiet kollha relevanti għall-effettività ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, il-bini ta' kunsens internazzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet, u l-iskambju ta' esperjenza bejn pajjiżi donaturi u pajjiżi sħab. Għandha ssegwi kemm jinżammu l-ftehimiet ta' proċessi magħrufa bħala importanti għall-effettività ta' l-għajnuna, u r-riżultati. Il-monitoraġġ għandu jappoġġja t- tmexxija bbażata fuq riżultati ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, b'mod partikolari billi jippromwovi l-iżvilupp ta' għanijiet u indikaturi ċari u li jitkejjlu. L-impatti fuq il-faqar għandhom jingħataw attenzjoni speċjali. Il-mekkaniżmu ta' reviżjoni għandu wkoll iżid l-għarfien dwar il-mezzi l-iktar effiċjenti għall-infiq ta' fondi fl-Għajnuna għall-Kummerċ, inkluż ir-rabta biejn is-swieq domestiċi, id-domanda u l-kapaċitajiet istituzzjonali, u l-ħila tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jipparteċipaw fil-kummerċ internazzjonali, l-importanza tal-qafas politiku, is-sekwenzar tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-Għajnuna għall-Kummerċ, l-aħjar mod kif jistgħu jiġu integrati l-kwistjonijiet tal-Kummerċ fl-istrateġiji ta' tnaqqis tal-faqar eċċ.

    Appoġġ għall-oqfsa ta' monitoraġġ u evalwazzjoni ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ tal-pajjiżi li jibbenifikaw ikun ta' importanza ewlenija.

    Monitoraġġ u rapportaġġ fil-livell ta' l-UE

    L-UE jkollha bżonn tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ, pereżempju lill-Parlament Ewropew. Il-progress dwar l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-UE għandha tkun evalwata kull sena mill-Kunsill, fuq il-bażi ta' rapport ta' progress mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. Evalwazzjonijiet konġunti tal-programm għandhom ikunu promossi. Jekk meħtieġ, l-istrateġija għandha tiġi aġġustata.

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni L-istrateġija ta' l-UE għandha tikkontribwixxi attivament għall-monitoraġġ u r-rappurtaġġ fil-livell globali inkluż billi jingħata appoġġ fir-rappurtaġġ u l-monitoraġġ tagħhom lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-istrateġija għandha tgħin biex ir-rappurtaġġ tal-flussi ta' Għajnuna għall-Kummerċ mill-Kummissjoni u l-Istati Membri lejn id-database tad-Doha tkun iktar effiċjenti sabiex id-data tkun tista' tintuża għal analiżi iktar profonda fil-livell ta' l-UE. L-istrateġija ta' l-UE għandha tfassal azzjoni biex tappoġġja t-tmexxija bbażata fuq riżultati u biex timpenja l-UE twettaq programmi ta' evalwazzjoni konġunti annwali fil-qasam ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ sabiex tevalwa l-progress fl-oqsma ta' prijorità ta' l-istrateġija ta' l-UE u f'dawk miftehma internazzjonalment. |

    - 7. IL-KAPAĊITÀ TA' L-UE GĦALL-GĦAJNUNA GĦALL-KUMMERĊ

    Il-bini tal-kapaċità umana f'organizzazzjonijiet donatriċi, kemm fil-kwartieri ġenerali kif ukoll fl-uffiċji l-oħra hija prekondizzjoni biex jiżdiedu l-livelli ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ. Mingħajr din il-kapaċità, il-kummerċ ikollu pożizzjoni inqas prominenti fid-djalogu politiku u organizzazzjonijiet donatriċi ikollhom iktar diffikultà jwieġbu l-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab. Il-kapaċità tfisser kemm in-numri tal-persunal kif ukoll il-ħiliet.

    Il-bżonnijiet speċifiċi biex jiżdied il-livell tal-kapaċità jvarja bejn l-Istati Membri u jiddependi fuq il-mod kif l-Istati Membri għażlu jespandu l-Għajnuna għall-Kummerċ tagħhom. L-implimentazzjoni ta' l-aġenda ta' effettività ta' l-għajnuna teħtieġ ħafna persunal. Madanakollu, l-iskambju ta' esperjenza jista' wkoll igħin fit-tnaqqis tal-bżonn ta' iktar riżorsi umani fil-post. .

    Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Il-Kummissjoni tirrikmanda li ssir evalwazzjoni tal-ħiliet u l-esperjenza eżistenti ta' l-Għajnuna għall-Kummerċ ta' l-UE. L-Istrateġija ta' l-UE għandha tikkunsidra inizjattivi konġunti ta' l-UE biex tiżviluppa u taqsam l-esperjenza, bħal taħriġ dwar Għajnuna għall-Kummerċ. |

    - [1] Ara l-isfond fl-Anness.

    [2] Ara dettalja fl-Anness.

    [3] L-istrateġija jkollha kopertura ħafna iktar wiesgħa mil-Linja Baġitarja tal-KE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ maħluqa reċentament.

    [4] Ara d-definizzjonijiet fl-Anness.

    [5] Skond il-Qafas ta' Standards ta' l-Organizzazzjoni Doganali Dinjija.

    [6] Tinkludi fondi kemm mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp kif ukoll il-baġit ġenerali tal-KE.

    [7] Ara d-dettalji dwar l-Istati Membri fid-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni megħmuż mar-Rapport Monterrey [SEG(2007) 415] u dettalji dwar impenji KE fl-Anness.

    [8] L-IF huwa programm multi-donatur li l-għanijiet tiegħu huma biex jappoġġja l-kummerċ prinċipali tal-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDC) fil-pjanijiet ta' zvilupp nazzjonali tagħhom. u biex jgħinhom fit-twettiq koordinat tat-TRA bħala tweġiba għall-ħtiġijiet identifikati mill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati. F'Awissu 2006, 42 pajjiż LDC kienu qed jipparteċipaw fil-programm.

    [9] Il-pajjiżi IDA-biss huma: il-Mongolja, Tonga, il-Vjetnam, l-Albanija, l-Armenja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika Kyrgyz, il-Moldova, Taġikistan, il-Gujana, il-Ħonduras, in-Nikaragwa, Sri Lanka, il-Kamerun, ir-Repubblika tal-Kongo, il-Kosta ta' l-Avorju, il-Gana u l-Kenja.

    [10] Ara d-diskussjoni fl-Anness.

    [11] Skond il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

    [12] Ara l-anness għad-dettalji.

    [13] Irreferi għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ix-Xogħol Deċenti għal kulħadd ta' l-1 ta' Diċembru 2006, u d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-KE dwar il-Promozzjoni ta' l-Impjieg permezz ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE.

    [14] Ara l-Anness.

    Top