EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0121

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Dwar l-operat tas-Sistemi ta’ Rispons u Twissija minn Stadji Preliminari (EWRS) tan-Network Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika tal-mard li jinxtered matul is-snin 2004 u l-2005 (Deċiżjoni 2000/57/KE)

/* KUMM/2007/0121 finali */

52007DC0121

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Dwar l-operat tas-Sistemi ta’ Rispons u Twissija minn Stadji Preliminari (EWRS) tan-Network Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika tal-mard li jinxtered matul is-snin 2004 u l-2005 (Deċiżjoni 2000/57/KE) /* KUMM/2007/0121 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.3.2007

KUMM(2007) 121 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Dwar l-operat tas-Sistemi ta’ Rispons u Twissija minn Stadji Preliminari (EWRS) tan-Network Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika tal-mard li jinxtered matul is-snin 2004 u l-2005 (Deċiżjoni 2000/57/KE)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Dwar l-operat tas-Sistemi ta’ Rispons u Twissija minn Stadji Preliminari (EWRS) tan- Network Komunitarju għas-sorveljanza epidemjoloġika tal-mard li jinxtered matul is-snin 2004 u l-2005 (Deċiżjoni 2000/57/KE) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1. DAĦLA 3

2. OPERAZZJONIJIET EWRS 3

2.1. Avvenimenti nnotifikati fl-2004 3

2.2. Rispons u segwiment ta’ l-avvenimenti nnotifikati fl-2004 4

2.3. Avvenimenti nnotifikati fl-2005 5

2.4. Rispons u segwiment ta’ l-avvenimenti nnotifikati fl-2005 6

3. STATI MEMBRI ĠODDA 7

4. TISĦIĦ TAL-MEZZI INFORMATIĊI 7

5. EŻERĊIZZJU TA’ SIMULAZZJONI TA’ ‘ COMMON GROUND ’ 8

6. IĊ-ĊENTRU EWROPEW GĦALL-PREVENZJONI U L-KONTROLL TAL-MARD 9

7. KONKLUŻJONIJIET 9

1. DAĦLA

Id-Deċiżjoni 2119/98/KE[1] stabbiliet Sistema ta’ Rispons u Twissija minn Stadji Preliminari (EWRS) bħala funzjoni tan- Network Komunitarju għas-sorveljanza u kontroll epidemjoloġiku tal-mard li jinxtered. Id-Deċiżjoni 2000/57/KE[2] tistipola li l-EWRS hija riservata għall-avvenimenti li huma ta’ rilevanza Komunitarja, kif inhu speċifikat fl-Anness I tagħha, u li tistabbilixxi l-proċeduri operattivi ta’ l-EWRS. Kull Stat Membru jinnomina l-punt ta’ kuntatt formali ta’ l-istruttura u/jew l-awtoritajiet li jirriferu għall-funzjoni ta’ twissija u rispons minn stadji preliminari u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħrajn (Art 9, 2119/98/KE). Wara n-notifika l-punti ta’ kuntat jirċievu minn għand il-Kummissjoni login u password biex ikollhom aċċess għas-sistema b’awtorizzazzjoni kompluta biex jiktbu u jaqraw il-messaġġi[3] fis-sistema.

L-Artikolu 3.1 tad-Deċiżjoni 2000/57/KE jistipola li l-Awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom iressqu kull sena, mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu, rapport analitiku ta’ l-avvenimenti nnotifikati fi ħdan is-sistema ta’ twissija u ta’ rispons minn stadji preliminari. Jistipola wkoll li l-Kummissjoni għandha, skond ir-rapporti, teżamina permezz ta’ rapport annwali l-operazzjonijiet ta’ l-EWRS u jekk huwa meħtieġ tipproponi tibdil fihom (Artikolu 3.2).

Dan ir-rapport jeżamina l-operat ta’ l-EWRS matul l-2004 u l-2005. Jasal għall-konklużjonijiet mir-rapporti mressqa mill—Istati Membri u mill-esperjenzi fl-operat ta’ l-EWRS matul il-perijodu li jissemma.

2. OPERAZZJONIJIET EWRS

3. Avvenimenti nnotifikati fl-2004

Matul l-2004 totali ta’ 105 avveniment ġew innotifikati permezz ta’ l-EWRS. Iċċirkolaw messaġġi ta’ test biex jiċċekkjaw il-funzjonament tas-sistema u komunikazzjonijiet ta’ servizz ġew esklużi permezz ta’ l-analiżi.

Minn 105 messaġġ, 30 kienu messaġġi informattivi, 32 kienu messaġġi ta’ livell ta’ attivazzjoni 1[4], 18 ta’ livell ta’ attivazzjoni 2 u 3 messaġġi kienu ta’ livell ta’ attivazzjoni 3. 22 messaġġ kienu relatati ma’ miżuri li ttieħdu b’rispons għal sitwazzjonijiet speċifiċi (miżuri intenzjonati, miżuri adottati u miżuri ta’ koordinazzjoni). L-oriġini ġeografika ta’ l-avvenimenti li taw bidu għall-mekkaniżmu ta’ notifika kienet din li ġejja: 12 fi Franza, 11 fil-Vjetnam, 7 fl-Olanda, 6 fiċ-Ċina, 5 fl-Italja u fil-Ġermanja, 4 fir-Renju Unit u fi Spanja, 3 fl-Awstrija, fil-Belġju u l-Eġittu, 2 fil-Finlandja, fin-Norveġja, fit-Tajlandja u fl-Istati Uniti, u 1 fil-Greċja, fl-Irlanda, fil-Litwanja, fl-Iżvezja, fil-Portugall, fil- Polonja, fil-Latvja, fl-Ungerija, fl-Islanda, fit-Turkija, fil-Brażil, fil-Marokk, fis-Senegal, fl-Arabja Sawdita, fil-Ġappun, fl-Iżrael, fir-Repubblika Dominikana, fil-Kanada u fl-Indoneżja. Żewġ messaġġi kienu relatati ma’ avvenimenti li saru ġewwa iktar minn pajjiż wieħed ġewwa l-Asja. Erbgħa kienu jagħmlu parti mill-kategorija ta’ messaġġi ‘mhux elenkati’, 3 kienu jagħmlu parti minn dik ‘mhux applikabbli’ u 2 minn dik ‘mhux magħrufa’.

Fir-rigward tar-ripartizzjoni ta’ l-avvenimenti għal kull marda jew sindrome, 21 kienu relatati ma’ l-influwenza, 8 mal-leġjonellożi, 6 mal-vCJD u s-salmonellożi, 5 mad-diarrhoea akuta, 4 mat-tuberkulożi u l-meninġite, 3 mal-cholera, u l-epatite, 2 ma’ l-anthrax, enkefaliti, malarja, idrofobija, dengue, ħosba u deni, 1 mad-difterite, shigellożi u gattone. Kienu erbgħa u għoxrin il-messaġġi fil-kategorija ‘mhux elenkati’ tal-mard 2 f’dik ‘mhux applikabbli’. Ir-ripartizzjoni tal-messaġġi għal kull aġent patoġeniku tirrifletti d-distribuzzjoni għal kull marda jew sindrome. Numru totali ta’ 157 kumment ġie impostati biex jiġu segwiti l-avveniment nnotifikati.

4. Rispons u segwiment ta’ l-avvenimenti nnotifikati fl-2004

Ftit avvenimenti biss nnotifikati fl-2004 wasslu għal miżuri speċifiċi fuq livell Komunitarju. Il-biċċa l-kbira minnhom ġew ikkontrollati bl-applikar ta’ miżuri sanitarji pubbliċi fuq livell nazzjonali. Disa’ avvenimenti kellhom bżonn ta’ rispons iktar kumpless, li jinvolvi koordinazzjoni ta’ miżuri u kuntatti bejn l-awtoritajiet sanitarji fl-Istati Membri. Dawn l-avvenimenti ġew segwiti b’mod xieraq u maġġoranza kbira mill-kummenti li wasslu permezz ta’ l-EWRS kienu relatati magħhom (126 minn 157 kumment, 82,2%). L-avvenimenti nnotifikati ftit li xejn ‘ingħalqu’ permezz ta’ messaġġ uffiċjali.

Il-paragrafi li ġejjin jirrappurtaw sommarju fil-qasir ta’ dawn id-9 avvenimenti.

5. Żewġ tifqigħat ta’ leġjonellożi ġew ikkomunikati mill-Italja u mill-Ġermanja. Iż-żewġ tifqigħat kienu assoċjati ma’ bastimenti tal-baħar tal- cruises li talbu kuntatti urġenti fost awtoritajiet sanitarji biex jirrintraċċaw lura l-persuni kollha li ġew esposti għas-sors ta’ l-infezzjoni u biex jallertaw lill-awtorità sanitarja fl-Istati Membri sabiex jippjanaw miżuri fil-ħin fil-portijiet ta’ destinazzjoni.

6. Sitt messaġġi u 55 kumment (35% tan-numru totali ta’ kummenti) ġew iċċirkolati wara notifikazzjoni ta’ l-ewwel każijiet fil-bniedem ta’ l-influwenza tat-tjur bi patoġeniċità għolja ħafna tat-tip ta’ virus A/H5N1 ġewwa l-Vjetnam. Dan l-avveniment ħabbar l-epidemija li qed tinxtered rapidament ta’ l-influwenza tat-tjur fl-Asja. Iċ-ċirkolazzjoni regolari tal-messaġġi permezz ta’ l-EWRS u l-organizzazzjoni tat-telekonferenzi frekwenti f’kollaborazzjoni fil-qrib mad-WHO ppermettew lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiġu aġġornati regolarment dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni u l-miżuri li ttieħdu fuq livell Nazzjonali u b’hekk issaħħaħ rispons ikkoordinat fuq livell Komunitarju.

7. Żewġ avvenimenti assoċjati ma’ l-infezzjoni virali West Nile ġew innotifikati mill-Irlanda u minn Franza rispettivament. L-ewwel wieħed kien relatat ma’ ċittadin Irlandiż li ġie infettat fir-reġjun ta’ l-Algarve (fil-Portugall) u li ġie segwit ftit wara mill-Irlanda u mill-Portugall permezz ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni. It-tieni wieħed irrapporta numru ta’ każijiet ta’ West Nile ġewwa annimali sentinella ġewwa Sainte Marie de la Mer (Fin-nofsinhar ta’ Franza). Iż-żewġ avvenimenti ġew ikkomunikati fil-pront permezz tas-sistema u l-Istati Membri kkonċernati ħadu miżuri biex isaħħu s-sorveljanza u jattivaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza fuq livell nazzjonali sabiex jimminimizzaw ir-riskju ta’ infezzjoni fil-bniedem tal-virus West Nile inkluża t-trażmissjoni permezz tat-trasfużjonijiet bid-demm.

8. F’Awissu Franza innotifikat avveniment li huwa assoċjat ma’ kelb bl-idrofobija li ġie introdott illegalment fl-UE. Il-kelb gidem jew kellu kuntatti mill-qrib ma’ bosta persuni, inklużi tfal, f’postijiet turistiċi differenti ta’ Franza. F’dik l-okkażjoni l-informazzjoni li wasslet lil Franza permezz ta’ l-EWRS kienet ta’ importanza kruċjali għall-infurmar fid-dettall lill-awtoritajiet sanitarji fl-Istati Membri sabiex jittieħdu miżuri biex jirrintraċċaw persuni li kellhom kuntatt mal-kelb u b’hekk jivvaċċinawhom.

9. Tifqigħa ta’ epatite A li akkumulat ġewwa impjant turistiku fl-Eġittu ġiet innotifikata mill-Ġermanja f’Awissu. It-tifqigħa involviet 274 każ ikonfermat mis-7 Stat Membru flimien ma’ l-Iżvizzera. Dan l-avveniment qajjem kwestjonijiet tar-riskju potenzjali taċ-ċittadini ta’ l-UE meta jivvjaġġaw barra pajjiżhom, speċjalment f’żoni tropiċi u subtropiċi u l-użu ta’ informazzjoni potenzjali li tista’ titqassam permezz ta’ aġenziji għall-ivvjaġġar fl-UE.

10. F’Ottubru ta’ l-2004 żewġ għasafar kaċċaturi mit-Tajlandja u infettati bi—virus ta’ l-influwenza tat-tjur bi patoġeniċità għolja ħafna tip A/H5N1 ġew interċettati fl-ajruport ta’ Zaentum ġewwa Brussell, moħbijin fil- hand luggage ta’ passiġġier. Wara konferma ta’ l-infezzjoni l-awtoritajiet Belġjani impostaw messaġġ ta’ allerta permezz ta’ l-EWRS sabiex jippermettu lil—Istati Membri li jimplimentaw attivitajiet biex jirrintraċċaw passiġġieri li kienu fuq l-istess titjira u li setgħu kienu ġew esposti potenzjalment għall-virus. Tnejn u għoxrin kumment minn 11 –il Stat Membru ġew riċevuti b’konsegwenza ta’ l-avveniment. Ħafna passiġġieri ġew rintraċċati iżda ebda każ ta’ influwenza A/H5N1 ma ġie identifikat.

11. Fil-5 ta’ lulju 2003 l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa irrappurtat li inkisret l-aħħar katina umana ta’ trażmissjoni tal-marda Severa tas-Sindrome Respiratorja Akuta (SARS). Madanakollu minn Lulju 2003 SARS reggħet tfaċċat is-SARS f’erba’ okkażjonijiet. Tliet inċidenti ġew attribwiti fi ksur tal-biosigurtà fil-laboratorji (Singapore, Taipei u Beijing) u wieħed (Guangzhou, Ċina) ġie assoċjat ma’ l-esponiment għal sors infettiv minn annimali u l-ambjentali. Is-servizzi tal-Kummissjoni innotifikaw l-avvenimenti relatati mas-SARS fl-2004 permezz ta’ l-EWRS u ssaħħu fuq livell Komunitarju miżuri li jippreparaw u jagħtu rispons fil-każ tar-ritorn potenzjali tas-SARS, inklużi kwestjonijiet relatati mall-biosigurtà fil-laboratorju.

12. Avvenimenti nnotifikati fl-2005

Totali ta’ 103 avveniment ġie nnotifikat permezz ta’ l-ERWS matul l-2005. Mill-103 messaġġ, 36 kienu messaġġi ta’ informazzjoni, 49 mesaġġi ta’ livell ta’ attivazzjoni 1 u 7 messaġġi ta’ livell ta’ attivazzjoni 2. Ebda messaġġ ta’ livell ta’ attivazzjoni 3 ma ġie nnotifikat fl-2005. Ħdax –il messaġġ kien ikkonċernat ma’ miżuri li ttieħdu b’rispons għal sitwazzjonijiet speċifiċi (miżuri intenzjonati jew adottati u miżuri ta’ koordinazzjoni). L-oriġini ġeografika ta’ l-avvenimenti li taw bidu għan-notifiki kienet din li ġejja: 12 fi Franza, 5 fi Spanja, fir-Renju Unit u l-Iżvezja, 4 fil-Ġermanja u d-Danimarka, 3 fil-Litwanja, fl-Olanda u l-Portugall, 2 fl-Estonja, fil-Greċja, fil-Polonja, fil-Finlandja, fin-Norveġja, fit-Turkija, fl-Angola u fil-Federazzjoni tar-Russja, 1 fl-Irlanda, fl-Italja, fil-Latvja, fir-Repubblika Ċeka, fir-Rumanija, fil-Kroazja, fin-Niġerja, fil-Gżejjer Comoros, fl-Indja, fil-Botswana, fil-Kanada, fir-Repubblika Dominikana tal-Congo, fil-Vjet Nam, fl-Istati Uniti, fl-Ukranja, fl-Eġittu u f’Cuba. Sitt messaġġi kienu relatati ma’ iktar minn pajjiż wieħed fl-Ewropa (inklużi Stati Membri) u 20 kienu fil-kategorija ta’ dawk ‘mhux applikabbli’.

Fir-rigward tar-ripartizzjoni ta’ l-avvenimenti għal kull marda jew syndrome 15 kienu relatati mas-salmonellożi, 13 ma’ l-influwenza, 10 mad-diarrhoea akuta, 5 mal-legjonellożi u mal-ħosba, 4 mal-vCJD, 3 mal-cholera, meninġite u deni, 2 mad-deni emorraġiku, syndrome uremika emolitika, malarja, shigellożi u idrofobija u 1 ma l-anthrax, epatite, intossifikazzjoni bl-ikel, melioidiżi, infezzjoni trażmessa sesswalment, rubella, pesta, enkefaliti, difterite, u botuliżmu. Sbatax kienu messaġġi fil-kategorija ta’ dawk ‘mhux applikabbli’ u 5 kienu f’dik ‘mhux elenkati’. Mill-2004 ir-ripartizzjoni tal-messaġġi għal kull aġent patoġeniku tirrifletti b’mod sostanzjali d-distribuzzjoni għal kull marda jew sindrome. Numru totali ta’ 131 kumment ġie impostati biex jiġu segwiti l-avveniment nnotifikati. Mill-2004 l-avvenimenti ftit li xejn ingħalqu permezz ta’ messaġġi formali.

13. Rispons u segwiment ta’ l-avvenimenti nnotifikati fl-2005

Miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali kienu biżżejjed biex jikkontrollaw it-tixrid tal-biċċa l-kbira ta’ l-avvenimenti. Madanakollu sitt avvenimenti kellhom bżonn ta’ rispons ikkoordinat li jinvolvi kuntatti bejn awtoritajiet sanitarji fl-Istati Membri. Erbgħa minnhom kienu relatati mar-riskju ta’ propagazzjoni ta’ l-influwenza tat-tjur għar-reġjun Ewropew (ir-Rumanija, ir-Russja, l-Ukranja u t-Turkija).

14. L-influwenza tat-tjur ta’ patoġeniċità għolja ħafna tat-tip tal-virus A/H5N1daħlet ġewa r-Russja matul ix-xahar ta’ Awissu 2005. L-avvenimenti, kif ukoll it-tliet tifqigħat addizzjonali ta’ l-influwenza tat-tjur fir-Rumanija, fit-Turkija u fl-Ukranja, ġew innotifikati fil-pront mill-Kummissjoni lill-Istati Membri. It-tqassim ta’ informazzjoni permez tal-mesaġġi u konferenzi telefoniċi ta kuraġġ lill-isforz tanġibbli ta’ koordinazjoni biex jinġiebu fis-seħħ miżuri biex isaħħu l-preparatezza tar-rispons għal progressjoni potenzjali tal-fażijiet ta’ twissija rigward pandemija. L-Istati Membri ġew regolarment infurmati permezz ta’ l-EWRS dwar miżuri li ttieħdu fuq livell Nazzjonali u rispons konsistenti intlaħaq fuq livell Komunitarju (L-iktar il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni, l-implimentazzjoni ta’ sorveljanza attiva, l-avviżi liċ-ċittadini ta’ l-UE li jivvjaġġaw lejn u minn postijiet affettwati, it-tisħiħ tas-sinerġiji fis-servizzi veterinarji, l-iffinalizzar tal-pjanijiet kontra l-pandemija).

15. F’Marzu ta’ l-2005 tifqigħa kbira tad-deni emorraġiku ta’ Marburg wasslet għall-ħtieġa ta’ l-assistenza teknika tal-personal ta’ numru ta’ Organizzazzjonijiet Ewropej Non Governattivi fl-Angola. B’riżultat ta’ din it-tifqigħa ċittadin ta’ l-UE miet ġewwa Luanda; membri tal-personal oħrajn mill NGOs li kellhom kuntatt ma’ pazjenti morda jew infettati inżammu fil-kwarantena jew ġew evakwati lejn il-pajjiżi oriġinarji rispettivi tagħhom (l-iktar l-Italja u l-Portugall). L-informazzjoni pprovduta permezz ta’ l-EWRS ippermettiet il-koordinazzjoni ta’ rispons rapidu sabiex jittieħdu miżuri fuq livell nazzjonali biex jippreparaw l-unitajiet speċjali ta’ iżolazzjoni fl-isptarijiet (Bio sigurtà livell 4), għall-kwarantena tal-kuntatti u biex jittrasportaw ma’ l-UE il-kampjuni għad-dijanjożi bl-analiżi tal-laboratorju.

16. Fit-13 ta’ April 2005 il-Kummissjoni iċċirkolat messaġġ EWRS dwar avveniment relatata mad-distribuzzjoni żbaljata ta’ kampjuni tal-virus ħaj ta’ l-influwenza A/H2N2 fit-twettiq tat-testijiet ta’ kontroll (testijiet ta’ profiċjenza) Il-virus A/H2N2 ikkonċernat kien simili għall-varjant A/H2N2 li kien iċċirkola fil-bnedmin fl-1957-58 fil-bidu ta’ dik li tissejjaħ il-pandemija ta’ l-influwenza. Il-vażetti li fihom il-virus ħaj kienu inbagħtu mill-Kulleġġ Amerikan tal-Patoloġisti lejn iktar minn 3,700 laboratorjufi 18 -il pajjiż minn Ottubru ta’ l-2004 sa kmieni f’April ta’ l-2005. Fl-UE il-varjant kien tqassam fil-Belġju, f Franza, fil-Ġermanja, fl-Italja u fir-Renju Unit. Il-punti ta’ kuntatt ta’ l-EWRS fl-Istati Membri kkonċernati ġew informati mill-Kummissjoni dwar l-inċident u l-proċeduri operattivi għad-distruzzjoni tal-virus inġiebu fis-seħħ b’mod rapidu fuq livell nazzjonali. Il-kampjuni kollha riċevuti ġew distrutti u ebda każijiet tas-sindrome li tixbaħ lill-influwenza ma ġew identifikati fost persuni involuti fl-immaniġġjar u l-ipproċessar tal-kampjuni.

17. STATI MEMBRI ĠODDA

Mid-data ta’ adeżjoni f’Mejju ta’ l-2004 l-10 Stati Membri ġodda kellhom aċċess b’mod sħiħ għall-EWRS u użaw is-sistema b’mod attiv biex jinnotifikaw tali avvenimenti ġodda u biex isegwu l-kummenti dwar l-avvenimenti li ġew irrappurtati minn Stati Membri oħrajn jew mill-Kummissjoni. Sitt Stati Membri ġodda fl-2004 (l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovenja) u 6 fl-2005 (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovenja) impostaw total ta’ 7 u 10 messaġġ fl-2004 u fl-2005 rispettivament. Mis-7 messaġġi impostati fl-2004, 3 kienu ta’ livell ta’ attivazzjoni 1, 2 kienu mesaġġi ta’ livell ta’ attivazzjoni 2, u 2 kienu mesaġġi relatati ma’ miżuri li ttieħdu b’rispons għal sitwazzjonijijet epidemjoloġiċi speċifiċi (miżuri intenzjonati). Fir-rigward tan-natura ta’ l-avvenimenti li, fl-2004, wasslu għan-notifika ta’ livell 3, kienu assoċjati ma’ tifqigħat ta’ diarrhoea akuta, u messaġġi singoli kienu notifikazzjonijiet relatati mal-virus tad-dengue, leġjonellożi, shigellożi u tal-virus West Nile. Minn 10 messaġġ iċċirkolat matul l-2005, 8 kienu messaġġi ta’ livell ta’ attivazzjoni 1, u 2 kienu messaġġi li jinnotifikaw il-miżuri ppjanati b’rispons għal avvenimenti speċifiċi. Avvenimenti relatati ma’ l-influwenza tat-tjur, id-diarrhoea akuta u salmonellożi ġew innotifikati darbtejn u notifikazzjonijet singoli kienu assoċjati ma’ l-enkefalite li tinxtered bil-qurdien, il-malarja, l-intossifikazzjoni bl-ikel u l-cholera.

Analiżi reċenti ppreparata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)[5], li tkopri l-perijodu minn Ġunju sa Diċembru 2005 turi li l-ammont ta’ riskji nnotifikati permezz ta’ l-EWRS huwa komparabbli bejn Stati Membri Ġodda u mhux (wara aġġustament fil-popolazzjoni), fejn wieħed jista’ josserva integrazzjoni tajba fi Stati Membri ġodda fis-sistema ta’ twissija fl-UE għall-mard komunikabbli.

18. TISĦIĦ TAL-MEZZI INFORMATIĊI

Is-sistema preżedenti ta’ l-HSSCD żviluppata fl-1991 ma baqgħetx aktar f’konformità mal—kondizzjonijiet ta’ l-utent u ta’ sigurtà. Aktar minn hekk ġie ukoll irrimarkjat mill-Istati Membri l-overloading ta’ messaġġi matul partikolarment l-avvenimenti importanti, bħalma huma s-SARS, ħoloq diffikoltajiet u ostakli fl-użu tagħha. Għal dawn ir-raġunijiet ġie deċiż li jiġi kkompletat tibdil komplut ergonomikuu teknoloġiku tas-sistema biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ l-utent. Is-sistema l-ġdida ingħatat bidu fis-17 ta’ Mejju ta’ l-2004 u ġiet ferm apprezzata mill-Istati Membri f’ħafna okkażjonijiet. Madanakollu, wkoll wara l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-eżerċizzju reċenti tal-’Common Ground’, ġew ikkunsidrati xi titjib bħalma huma funzjoni fl-estrazzjoni ta’ l-informazzjoni b’mod effiċenti u fil-ħin, u dawn jinsabu taħt konsiderazzjoni attiva.

Fis-sistema kurrenti l-possibbiltà ta’ espansjoni tad-dimensjoni ta’ l- attachments mal-messaġġi ittiebet kif ukoll il-possibbiltà li jinkitbu u jinqraw il-kummenti direttament fit-test tal-messaġġi. Ġew miżjuda wkoll xi ftit features ta’ ‘ simple search’ fil-paġna li telenka r-riskji biex jintgħażlu l- flags l-importanti (Kontenut tal-messaġġ, sindrome/marda, organiżmu patoġeniku, raġuni ta’ rappurtar, u pajjiż ta’ l-okkorrenza). Wara li reġgħet inbniet mill-ġdid il-parti prinċipali ta’ tas-sistema, żdiedet magħha funzjoni ta’ kalendarju biex tinħoloq aġenda ta’ laqgħat u biex jiġi ffaċilitat it-tqassim ta’ dokumenti ta’ ħidma fost l-utenti mingħajr overload tal –messaġġi prinċipali. Biex ikun hemm prevenzjoni tar-riskju, speċjalment matul l-avvenimenti rilevanti, sezzjoni ta’ ‘ follow up ’ ġiet inkluża, fejn l-azzjonisti jistgħu iżidu informazzjoni addizzjonali dwar avveniment mingħajr ma jintbagħtu emails lill-utenti. Sistema ġdida ta’ messaġġi ġiet introdotta wkoll f’Mejju ta’ l-2005 (Messaġġjar selettiv) li ser tippermetti lill-azzjonisti li jibagħtu messaġġ lid-destinatarji magħżulin. Il-Kummissjoni Ewropea dejjem tiġi mgħarrfa b’dwan il-messaġġi.

Il-funzjoni tas- search issaħħet u ingħatat l-istess format tal-paġna ta’ l-elenkar tar-riskji ewlenin. Ftit bidliet ergonomiċi u prattiċi ġew implimentati, fejn ġie permess lill-Istati Membri biex jeditjaw parti mid-dettallji tagħhom stess. Ġiet inkluża wkoll lista fid-dettall ta’ l-utenti li tista’ tiġi stampata faċilment għall-manutenzjoni amministrattiva iktar faċli. Sessjoni speċjali għad-dokumenti ta’ referenza (Testi legali, dokumenti ta’ gwida teknika, proċeduri operattivi) inġiebet fis-seħħ.

Funzjoni ta’ messaġġi bl-SMS ġiet attivata sabiex ikum hemm trażmissjoni tan-notifikazzjoni fil-pront mill-utent tal-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ l-SMS li messaġġ urġenti (livell 2 u 3) ikun ġie impostat fuq is-sistema.

Il-livelli ta’ l-utent ġew mkabbra biex jingħata aċċess għall-ECDC u għad-WHO, fejn dwar din ta’ l-aħħar hu jingħata, fi qbil ma’ l-Istati Membri, aċċess bħala ‘read only’ fuq messaġġi dwar riskji magħżulin. L-aħħar, ġew inklużi wkoll funzjonijiet ta’ tisħiħ tas-sigurtà.

19. EŻERĊIZZJU TA’ SIMULAZZJONI TA’ ‘ COMMON GROUND ’

Eżerċizzju ‘ Common Ground ’ inġieb fis-seħħ mill-Aġenzija tal-Protezzjoni tas-Saħħa tar-Renju Unit (HPA) bħala eżerċizzju ‘ command post ’ fuq perijodu ta’ jumejn fit-23 sa’ l-24 ta’ Novembru 2005. Dan l-eżerċizzju kien it-tieni wieħed minn żewġ eżerċizzi ta’ l-Unjoni Ewropea ikkommissjonat mill-Kummissjoni Ewropea għall-valutazzjoni ta’ l-abbiltà u l-kapaċità ta’ l-Istati Membri biex jirrispondu għall-kriżi relatata mas-saħħa, f’dan il-każ mal-pandemija ta’ l-influwenza. L-EWRS kien disponibbli għall-eżerċizzju għall-25 Stati Membri kollha flimkien man-Norveġja, l-Islanda u l-Iżvizzera.

L-EWRS intużat b’mod estensiv matul l-eżerċizzju (437 messaġġ u 3672 rispon) sabiex tippermetti l-komunikazzjoni bejn l-azzjonisti kollha. Ma ġiet irreġistrata ebda ħsara tas-sistema. Madanakollu, fid-dawl tan-natura tas-simulazzjoni, kien hemm overloading konsiderevoli u traffiku informatiku kbir ħafna. Fl-istadji preliminari l-EWRS ħadem b’mod effettiv; madanakollu, filwaqt li l-eżerċizzju mexa ‘l quddiem l-utenti tgħabbew b’numru ferm kbir ta’ messaġġi. L-Istati Membri innotaw li ż-żmien u riżorsi eċċessivi intnefqu fir-rintraċċar ta’ l-informazzjoni rilevanti u, għal uħud, dan sar impossibbli fid-dawl tar-riżorsi limitati disponibbli. Il-parteċipanti ikkummentaw dwar id-diffikolatjiet fl-estrazzjoni ta’ informazzjoni b’maniera effettiva u fil-ħin. Filwaqt li l-EWRS kienet l-unika sistema għall-komunikazzjoni Ewropea simultanja disponibbli l-azzjonisti użaw is-sistema għal kull xorta ta’ skambju ta’ informazzjoni meta din ġiet żviluppata biss għal notifika uffiċjali tal-miżuri u l-koordinazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar kif inhu previst fil-Leġiżlazzjoni komunitarja.

20. IĊ-ĊENTRU EWROPEW GĦALL-PREVENZJONI U L-KONTROLL TAL-MARD

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ġie stabbilit uffiċjalment f’Mejju ta’ l-2005 iżda inbdew l-attivitajiet tagħha minn Marzu 2005. Minħabba li t-trasferiment ta’ l-operat ta’ l-EWRS lejn l-ECDC huwa stipolat fir-regolament tal-bidu, l-ECDC ġie integrat rapidament fl-attivitajiet kollha relatati ma’ l-EWRS

L-ECDC ilu konness ma’ l-EWRS minn April ta’ l-2005. L-ECDC ipparteċipa fil-laqgħa ta’ l-EWRS li saret wara l-istabbiliment u kkontribwixxa f’kollaborazzjoni stretta mal-Kummissjoni fid-diskussjonijiet.

L-ECDC implimenta l-mandat tiegħu ta’ monitoraġġ tar-riskji permezz tal-messaġġi EWRS bħala sors ta’ informazzjoni dwar ir-riskji fl-Ewropa, ikkomplimentat minn riċerka attiva tas-sorsi addizzjonali formali u informali. L-informazzjoni dwar ir-riskji hija miġbura f’rapport ta’ kull ġimgħa ikkomunikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

21. KONKLUŻJONIJIET

L-analiżi ta’ l-operazzjonijiet EWRS turi li s-sistema hija wżata iktar frekwentament mill-Istati Membri u hija bħalissa kkunsidrata bħala mezz xieraq għall-komunikazzjoni rapida ta’ l-informazzjoni biex jikkoordinaw miżuri u maniġġjar tar-riskju fuq livell Komunitarju. Numru totali ta’ notifikazzjonijiet iċċirkolati permezz ta’ l-EWRS irdoppjaw fl-2004 u l-2005 meta mqabbel mar-rapport preċedenti. Stati Membri ġodda użaw l-EWRS b’mod effiċenti biex juru attività komparabbli ma’ dik ta’ l-Istati Membri l-qodma.

Kull avveniment li kien jeħtieġ rispons iktar kumpless u koordinazzjoni tal-miżuri li ġew irrappurtati fid-dettall skond il-paragrafu 2.2 għall-2004 (żewġ avvenimenti ta’ leġjonellożi fil-bastimenti tal-cruises; A/H5N1 fil-Vjetnam; żewġ avvenimenti tal-virus tal-West Nile; il-kwestjoni tal-kelb bl-idrofobija introdott illegalment fi Franza; tifqigħat ta’ l-epatite A fl-impjant turistiku ta’l-Eġittu; l-inċident ta’ l-A/H5N1 fl-għasafar kaċċaturi; u erba’ avvenimenti li huma relatati mas-SARS) u skond il-paragrafu 2.4 għall-2005 (avvenimenti ta’ l-A/H5N1 fir-reġjun Ewropew; tifqigħa tad-deni emorraġiku ta’ Marburg fl-Angola; u l-inċident ta’ l-A/H2N2) ġew innotifikati mingħajr dewmien, u ġie dimostrat tisħiħ ċar wara l-2003. Dawn l-avvenimenti rilevanti (kif kienu għas-SARS matul l-2003) jirrappreżentaw test sinjifikanti għall-utilità ta’ l-EWRS. Is-sistema ġabet fis-seħħ ir-rwol istituzzjonali tagħha permezz ta’ ċirkolazzjoni fil-ħin ta’ messaġġi fost il-punti ta’ kuntat ta’ l-EWRS fl-Istati Membri, billi pprovdiet pożizzjonijiet mqassmin fost l-awtoritajiet sanitarji nazzjonali pubbliċi, u billi ffaċilitat l-iskambju ta’ l-informazzjoni, kif ukoll parir xjentifiku fuq kwestjonijiet speċifiċi.

Madanakollu, b’mod partikolari l-analiżi tal-messaġġi ta’ ‘l-informazzjoni’ u ta’ ‘livell 1’ wriet li numru minnhom kienu ffokati fuq kwestjonijiet ta’ valutazzjoni tar-riskji u li parti kbira minnhom kienu talbiet għall-għarfien dwar jekk avvenimenti simili ġew innotifikati kienu identifikati fi Stati Membri oħrajn. Fir-rigward ta’ dan il-punt l-involviment fil-ġejjieni ta’ l-ECDC fl-assistenza tal-Kummissjoni fl-operat ta’ l-EWRSA (Art.8 tar-Regolament 851/2004)[6] għandha ttejjeb is-sitwazzjoni, billi tiffoka fuq l-użu ta’ l-EWRS kif inhu stipolat fid-Deċiżjonijiet 2119/98/KE u 2000/57/KE.

L-applikazzjoni ta’ funzjonijiet ġodda fil-paġna ta’ elenkar tar-riskji għamlet possibbli speċifikazzjoni aħjar tal-kriterji kkunsidrati rilevanti mill-Istati Membri meta jirrappurtaw kif ukoll definizzjoni aħjar tas-sindrome u l-marda, l-organiżmu patoġeniku u l-oriġini ġeografika ta’ l-avvenimenti. Madankollu in-numru li għadu għoli tal-messaġġi fil-kategoriji ‘mhux applikabbli’ ‘mhux magħrufin’ u ‘mhux elenkati’ jissuġġerixxi l-aġġornament u definizzjoni iktar preċiża ta’ dawk il-listi.

L-applikazzjoni ġdida żviluppata għall-EWRS ġiet apprezzata mill-Istati Membri u rriżultat f’titjib rejali tar-rendiment ta’ l-utilizzazzjoni tas-sistema. Aktar minn hekk in-notifikazzjoni fil-ħin ta’ l-avvenimenti rilevanti ssaħħet meta mqabbla mar-rapport preċedenti.

Numru ta’ Stati Membri ma pprovdewx ir-rapporti analitiċi annwali dwar l-operat ta’ l-EWRS (Art.3 tad-Deċiżjoni 2000/57/KE). l-Istati Membri jissuġġerixxu li jiffokaw fuq l-analiżi ta’ kull sena ta’ l-operat ta’ l-EWRS dwar l-avvenimenti (Bħalma huma dawk irrappurtati skond il-paragrafi 2.2 u 2.4 għal-2004 u l-2005) li wasslu għal rispons sinjifikanti fit-termini tal-miżuri sanitarji pubbliċi li nġiebu fis-seħħ jew li ġew ippjanati u li wasslu għal koordinazzjoni tal-miżuri fuq livell ta’ l-UE.

[1] ĠU L268, 03.10.1998, p.1

[2] ĠU L21, 26.01.2000, p.32

[3] Il-Bulgarija, r-Rumanija u l-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Islanda, il-Lichtenstein u n-Norveġja) jagħmlu parti min- network ta’ l-EWRS.

[4] Livelli ta' attivazzjoni kif definiti fl-Anness 2 tad-Deċiżjoni 2000/57/KE

[5] ĠU L142, 30.04.2004, p.1

[6] ĠU L142, 30.04.2004, p.1

Top