Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0061

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Qafas koerenti ta’ indikaturi u punti ta’ referenza biex bihom jiġi monitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    /* KUMM/2007/0061 finali */

    52007DC0061

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Qafas koerenti ta’ indikaturi u punti ta’ referenza biex bihom jiġi monitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ /* KUMM/2007/0061 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 21.2.2007

    KUMM(2007) 61 finali

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Qafas koerenti ta’ indikaturi u punti ta’ referenza biex bihom jiġi monitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Qafas koerenti ta’ indikaturi u punti ta’ referenza biex bihom jiġi monitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ

    INTRODUZZJONI

    Il-politika dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ tifforma parti importanti mill-istrateġija ta’ Liżbona ta’ l-UE. Il-kapijiet ta’ l-Istati u tal-Gvernijiet talbu li “jkun hemm mhux biss bidla radikali fl-ekonomija Ewropea, iżda wkoll programm ta’ sfida […] għall-modernizzar tas-sistemi ta’ l-għajnuna soċjali u tas-sistemi edukattivi”.[1] Fl-2002, huma mmiraw li “jagħmlu s-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ [Ewropej] referenza ta’ kwalità dinjija sa l-2010”.[2]

    Bħala parti mill-kontribut tagħhom għall-Istrateġija ta’ Liżbona, il-Ministri ta’ l-Edukazzjoni adottaw għanijiet komuni għat-titjib tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ u programm ta’ ħidma għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, magħruf bħala l-programm ta’ Edukazzjoni u Taħriġ 2010.[3] Dan jiġi implimentat permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u l-indikaturi u l-punti ta’ referenza għandhom rwol importanti biex jimmonitorjaw u jappoġġjaw il-qsim ta’ esperjenzi u prassi tajba.

    Għalhekk ġie żviluppat sett ta’ indikaturi u punti ta’ referenza komprensiv[4] li jiġi mtejjeb kontinwament bħala bażi ta’ tħejjija għar-rapporti annwali li juru l-progress[5] kif ukoll għar-rapporti Konġunti tal-Kummissjoni/Kunsill għall-Kunsill Ewropew fir-Rebbiegħa.[6] Dan is-sett ta’ indikaturi jikkomplementa l-indikaturi strutturali[7], li jimmonitorjaw il-progress lejn l-għanijiet globali ta’ Liżbona.

    F’Mejju ta’ l-2005[8] il-Kunsill, għamel din it-talba li ġejja lill-Kummissjoni, fejn stedinha biex tirrapporta lura sa l-aħħar ta’ l-2006:

    - "[Biex] tivvaluta l-progress li sar lejn it-twaqqif ta’ qafas koerenti ta’ indikaturi u punti ta’ referenza bħala segwitu ta’ l-għanijiet ta’ Liżbona fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż konsiderazzjoni mill-ġdid ta’ kemm huma adattati l-indikaturi eżistenti biex jiġi monitorjat il-progress." (op. cit.)

    Il-Kummissjoni kienet mistiedna wkoll tagħmel rapport dwar l-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda f’oqsma bħall-impatt ta’ l-ICT fuq l-istruzzjoni u t-tagħlim, ir-riżultati tal-mobilità fis-suq tax-xogħol, u l-ambjent soċjali li minnu jkunu ġejja l-istudenti terzjarji .

    Din il-Komunikazzjoni b’dan il-mod tipproponi qafas ta’ indikaturi u punti ta’ referenza biex jiġu segwiti l-għanijiet ta’ Liżbona fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, li hu koerenti u għall-ewwel darba jirrifletti bi sħiħ l-għanijiet aktar dettaljati li hemm fil-programm Edukazzjoni u Taħriġ 2010 (sezzjoni 2). Barra minn hekk, tkopri wkoll għanijiet marbuta mal-konverġenza ta’ strutturi ta’ edukazzjoni għolja fil-“proċess ta’ Bolonja”, u l-“proċess ta’ Kopenħagen” fit-taħriġ vokazzjonali. Din tagħti fil-qosor infrastruttura ta’ statistika li minnha jistgħu jitnisslu l-indikaturi (sezzjoni 3). Hi tistieden lill-Kunsill biex jadotta l-qafas bħala bażi ta’ għoti ta’ l-Edukazzjoni u 2010 (sezzjoni 4).

    IL-QAFAS TA’ INDIKATURI U PUNTI TA’ REFERENZA BIEX JIġI MONITORJAT IL-PROGRESS LELN L-GħANIJIET TA’ LIżBONA.

    L-indikaturi u l-punti ta’ referenza huma elementi prinċipali fit-tfassil tal-politika bbażata fuq l-evidenza u biex jiġi monitorjat il-progress meħtieġ għall-proċess ta’ Liżbona. Huma jipprovdu l-għodda għal:

    - Tisħiħ statistiku ta’ messaġġi politiċi ewlenin;

    - Analiżi tal-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona, kemm fuq livelli ta’ l-UE kif ukoll fuq dawk nazzjonali;

    - Identifikazzjoni ta’ eżempji ta’ ħidma tajba li jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni u skambju mill-pari u bejniethom;

    - Tqabbil tal-ħidma ta’ l-UE ma’ dik ta’ pajjiżi terzi , bħall-Istati Uniti u l-Ġappun.

    Il-qafas preżenti ta’ 29 indikatur (annessi hawn taħt) u l-5 punti ta’ referenza servew biex jimmonitorjaw il-progress lejn it-13-il għan dettaljati matul il-perjodu 2004 - 2006. Minkejja dan, kien hemm tibdil kontinwu fil-qafas, kemm biex titjieb il-kwalità tiegħu kif ukoll biex jiġi rifless l-iżvilupp ta’ l-istrateġija.

    Bħalissa jinħass il-bżonn li jiġi identifikat qafas ġdid li jirrifletti bi sħiħ il-prijoritajiet politiċi ta’ l-istrateġija ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 kif din ġiet żviluppata. Hemm il-ħsieb li għall-ġejjieni l-indikaturi u l-punti ta’ referenza jiġu strutturati b’referenza għat-tmien oqsma politiċi ewlenin identifikati fl-istrateġija. Dawn huma:

    2.1. Titjib ta’ l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

    2.2. Promozzjoni ta’ l-effiċjenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

    2.3. Tagħlim tul il-ħajja jsir realtà;

    2.4. Kompetenzi ewlenin fost iż-żgħażagħ;

    2.5. Modernizzar ta’ l-edukazzjoni fl-iskejjel,

    2.6. Modernizzar ta’ l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (il-proċess ta’ Kopenħagen);

    2.7. Modernizzar ta’ l-edukazzjoni għolja (il-proċess ta’ Bolonja);

    2.8. Kapaċità li wieħed jiġi mħaddem.

    Dan il-qafas ġdid se jkun appoġġjat minn sett aktar konċentrat ta’ 20 indikatur ewlieni u oqsma ta’ indikaturi (ara t-tabella fit-tmiem ta’ din is-sezzjoni) appoġġjati, bħal qabel, minn indikaturi oħra f’kuntest fejn hemm bżonn. Dan se jfisser li l-indikaturi ewlenin fil-ġejjieni jkunu jistgħu jaħdmu fuq livell ta’ ġeneralizzazzjoni għolja. Minkejja dan, permezz ta’ l-użu ta’ indikaturi f’kuntest fejn hemm bżonn, ma għandux ikun hemm telf li jinħass fid-dettall biex jiġi evalwat il-progress meta mqabbel mal-qafas eżistenti. Il-proposta hi msejsa fuq ix-xogħol tal-Unit Ewropew tal-Eurydice, tas-Cedefop u tas-CRELL taċ-ċentru ta’ Riċerka Konġunt f’Ispra[9] kif ukoll fuq il-parir tal-Grupp Imwaqqaf dwar l-Indikaturi u l-Punti ta’ Referenza.

    Titjib ta’ l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

    Il-bżonn li jiġi żgurat li s-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ Ewropej ikunu kemm effiċjenti kif ukoll ġusti reġa’ ġie mtenni dan l-aħħar mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006.[10] Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar l-Effiċjenza u l-Ekwità, li tiġi investigata l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ ifisser li jiġi analizzat safejn “individwi jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ, fejn jidħlu opportunitajiet, aċċess, trattament u riżultati.”[11] Il-Kunsill adotta punt ta’ referenza dwar dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, billi irrikonoxxa l-importanza ċentrali ta’ din id-dimensjoni ġusta għall-parteċipazzjoni effettiva fit-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll fis-soċjetajiet ta’ llum li kulma jmur qed isiru aktar kompetittivi. Barra minn dan, iridu jiġu monitorjati suġġetti speċifiċi bħall-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-integrazzjoni tal-minoritajiet etniċi, l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, it-tnaqqis fin-nuqqas ta’ qbil reġjonali eċċ.

    L- indikaturi ewlenin parteċipazzjoni f’edukazzjoni bikrija (1) [12] , edukazzjoni għal dawk bi bżonnijiet speċjali (2) u dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien (3) se jintużaw biex jimmonitorjaw il-progress. Flimkien ma’ dan, id-dimensjoni ta’ ekwità se tiġi analizzata billi d- data tinqasam skond is-sess, l-età u l-isfond soċjo-ekonomiku ta’ min qed jitgħallem. Se jintuża’ indikatur imħallat dwar l- istratifikazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ (13) ibbażat fuq data kwalitattiva mill-Eurydice biex jiġi analizzat l-impatt li jħallu l-istruttura u d-divrenzjar istituzzjonali tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ. [13] Se jinbeda xogħol fuq l-iżvilupp ta’ indikatur imħallat dwar l-ekwità. Indikaturi ewlenin għal dan il-qasam politiku: 1, 2, 3, u 13.

    Promo zzjoni ta’ l-effiċjenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

    L-importanza li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi ntweriet fil-Komunikazzjoni dwar l-investiment effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ (2003),[14] ir-Rapport Interim Konġunt (2006)[15] u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Marzu 2006.[16] Aktar reċenti, il-Komunikazzjoni “Effiċjenza u ekwità fis-sistemi Ewropew edukattivi u ta’ taħriġ”[17] wriet li t-titjib fl-effiċjenza ma jfissirx li għandha tonqos l-ekwità fis-sistemi edukattivi, iżda li t-titjib fl-effiċjenza u l-ġustizzja jistgħu jimxu flimkien.

    L-indikatur globali dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ (19) xorta jibqa’ importanti. Se tingħata attenzjoni speċjali lill-investiment privat u pubbliku u lill-investiment fl-edukazzjoni għolja li relattivament mhix iffinanzjata biżżejjed meta mqabbla mal-kompetituri globali .

    Minkejja dan, l-indikaturi dwar l-investiment weħidhom ma jkoprux l-effiċjenza ta’ l-investiment, li għandha x’taqsam mal-proporzjon ta’ investiment mal-produzzjoni jew riżultati. Se jsiru żviluppi metodoloġiċi u żviluppi fil-kunċett bl-għan li jinħolqu indikaturi mħallta dwar l-effiċjenza ta’ l-investiment b’kooperazzjoni mas-CRELL. Indikatur ewlieni għal dan il-qasam politiku: 19.

    Tagħlim tul il-ħajja jrid isir realtà.

    It-tagħlim tul il-ħajja hu essenzjali, mhux biss għall-kompetittività, għal kemm wieħed ikun jista’ jiġi mħaddem u għall-ġid ekonomiku, iżda wkoll għall-inklużjoni soċjali, għaċ-ċittadinanza attiva u għas-sodisfazzjon personali tan-nies li jgħixu u jaħdmu f’ekonomija bbażata fuq l-għerf.[18]

    Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ issir f’diversi ambjenti u b’mezzi differenti inkluż l-ICT. Li wieħed itemm talanqas l-edukazzjoni għolja sekondarja hu meqjus indispensabbli għall-karriera professjonali u għall-parteċipazzjoni sħiħa fit-tagħlim tul il-ħajja. Il-Kunsill adotta punt ta’ referenza għal talanqas 85% taż-żgħażagħ li jtemmu l-edukazzjoni sekondarja għolja sa l-2010. L-aġġornar u t-titjib tal-ħiliet ta’ l-adulti kien enfasizzat ukoll mill-Kunsill permezz ta’ l-adozzjoni ta’ punt ta’ referenza ta’ 12.5% tal-popolazzjoni adulta biex tipparteċipa fit-tagħlim tul il-ħajja sa l-2010.[19]

    L-immonitorjar tal-progress biex it-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà se jkun kopert b’indikaturi ewlenin dwar il- parteċipazzjoni ta’ l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja (16) , u dwar il- ħiliet ta’ l-adulti (17) , li se jagħtu lok għall-analiżi ta’ l-aċċess u l-livelli ta’ parteċipazzjoni kif ukoll għal-livelli ta’ ħiliet għal gruppi ta’ nies b’eta’ differenti fil-popolazzjoni. L-indikatur dwar ir-rati ta’ kemm żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni sekondarja għolja (9) se jimmonitorja l-Punt ta’ Referenza Ewropea u kemm żgħażagħ huma lesti li jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja. Indikaturi ewlenin għal dan il-qasam politiku: 9, 16 u 17.

    Kompetenzi ewlenin fost iż-żgħażagħ. [20]

    Fl-2000 il-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona wasal għall-konklużjoni li qafas Ewropew għandu jiddefenixxi l-ħiliet bażiċi l-ġodda bħala miżura ewlenija fit-tweġiba ta’ l-Ewropa għall-globalizzazzjoni u l-bidla lejn ekonomiji bbażati fuq l-għerf. Il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona[21] reġa’ tenna l-bżonn li jitjieb l-għerf tal-ħiliet bażiċi. Fl-2002 il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni dwar it-Tagħlim tul il-Ħajja[22] u “l-ħiliet bażiċi l-ġodda”. Il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja [23] li tidentifika tmien kompetenzi bħala l-aktar rilevanti għall-ħajja u għax-xogħol f’soċjetà bbażata fuq l-għerf.[24]

    Wara li qies l-importanza li wieħed jikseb il-ħiliet bażiċi, il-Kunsill adotta punt ta’ referenza speċifiku f’dan il-qasam, l-aktar biex inaqqas il-persentaġġ ta’ dawk bl-età ta’ 15-il sena li jbatu fil-qari fl-Unjoni Ewropea b’talanqas 20% meta mqabbel mas-sena 2000.

    L-indikaturi ewlenin ikopru l-kompetenzi ewlenin li ġejjin: kapaċità fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza (4) , ħiliet lingwistiċi (5) , ħiliet teknoloġiċi (6) , ħiliet ċiviċi (7) u ħiliet dwar kif wieħed jagħraf jitgħallem (8). Indikaturi ewlenin għal dan il-qasam politiku: 4, 5, 6, 7 u 8.

    Modern izzar ta’ l-edukazzjoni fl-iskejjel.

    Il-konklużjonijiet ta’ Liżbona identifikaw kurrikulu[25] u suġġetti ta’ organizzazzjoni [26] bħala t-temi ewlenin li jridu jiġu indirizzati fl-istrateġija ta’ Liżbona. Il-Kunsill issuġġerixxa li għodod bħalma huma l-valutazzjoni li l-iskola tagħmel tagħha nnifisha huma importanti u enfasizza l-bżonn li jiġi appoġġjat it-taħriġ fit-tmexxija u l-użu ta’ dawn l-istrumenti. [27]

    It-titjib fil-kwalità ta’ l-Edukazzjoni li tingħata lill-Għalliema fil-bidu u li jiġi żgurat li l-għalliema kollha prattikanti jieħdu sehem fi żvilupp professjonali kontinwu ġew identifikati bħala fatturi ewlenin biex ikun żgurat li tingħata edukazzjoni ta’ kwalità fl-iskejjel.[28]

    L-immonitorjar tal-progress f’dan il-qasam se jkun kopert mill-indikaturi ewlenin dwar dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien (3) , it-tmexxija ta’ l-iskola (10) , l-iskejjel bħala ċentri ta’ tagħlim lokali għal diversi użu (11) , u l-iżvilupp professjonali ta’ l-għalliema u ta’ min iħarreġ (12). L-informazzjoni dwar l-istrutturi organizzattivi ta’ l-edukazzjoni fl-iskejjel se tingħata mill-Eurydice.[29] Indikaturi ewlenin għal dan il-qasam politiku huma: 3, 10, 11 u 12.

    Modernizzar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

    Il-proċess ta’ Kopenħagen [30] għall-kooperazzjoni mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jissuġġerixxi li r-riforma u l-investiment għandhom jiffukaw fuq (fost affarijiet oħra): it-titjib tad-dehra u kemm hi attraenti r-rotta vokazzjonali għal min iħaddem; żieda fil-parteċipazzjoni fil-VET; u titjib fil-kwalità u l-flessibbiltà ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jingħata fil-bidu.

    L-immonitorjar tal-progress f’dan il-qasam se jkun kopert bl-indikatur ewlieni dwar ir-rati ta’ kemm żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni sekondarja għolja (9) (maqsuma skond is-saff vokazzjonali). Il-punt meta l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jibda jeżisti fi ħdan l-istruttura tas-sistema edukattiva u ta’ taħriġ se jiġi analizzat permezz ta’ l-indikatur dwar l-istratifikazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ (13). L-indikatur tal-kuntest dwar il-parteċipazzjoni f’edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwu se jagħti lok li jiġi analizzat ir-rwol li għandhom l-intrapriżi biex l-impjegati tagħhom jieħdu sehem f’taħriġ vokazzjonali kontinwu u fl-iffinanzjar tiegħu. Indikaturi ewlenin għal dan il-qasam politiku huma: 9 u 13.

    Modernizzar ta’ l-edukazzjoni għolja.

    L-immodernizzar ta’ l-edukazzjoni għolja hu kruċjali biex jintlaħaq l-għan ta’ l-UE dik li ssir ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għerf.[31]

    Il-Kummissjoni enfasizzat li s-settur Ewropew ta’ l-edukazzjoni għolja relattivament mhux iffinanzjat biżżejjed meta mqabbel mal-kompetituri globali tagħna.[32] Minħabba r-rwol importanti li għandhom l-universitajiet fir-riċerka Ewropea, l-għan ta’ l-UE li tinvesti 3% tal-PGD fl-R&D sa l-2010 se jkun ifisser investiment għolja fir-riċerka li ssir mill-universitajiet.[33] Il-Kummissjoni pproponiet ukoll punt ta’ referenza biex talloka talanqas 2% tal-PGD (inkluż finanzjament pubbliku kif ukoll privat) għas-settur ta’ edukazzjoni għolja modernizzat sa l-2015."

    Il-Kunsill iffissa bħala Punt ta’ Referenza Ewropew żieda ta’ 15% fin-numru ta’ gradwati fil-matematika, fix-xjenza u fit-teknoloġija sa l-2010.

    Il-proċess ta’ Bolonja għandu rwol importanti. L-għan tal-proċess ta’ Bolonja huwa li joħloq Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (għan iffissat għall-2010) li fih il-mobilità ta’ studenti universitarji u ħaddiema li jilħqu livelli ta’ edukazzjoni għolja se jkun aktar faċli permezz ta’ struttura komuni fil-lawrja fil-Baċċelerat – Master – PhD.

    Il-monitoraġġ tal-progress f’dan il-qasam se jkun kopert minn indikaturi ewlenin dwar gradwati b’edukazzjoni għolja (14) , mobilità ta’ studenti minn pajjiż għall-ieħor fl-edukazzjoni għolja (15) u investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ (19) . L-indikaturi ewlenin għal dan il-qasam politiku: 14, 15 u 19.

    Kapaċità li wieħed jiġi impjegat.

    Iż-żieda fir-rata ta’ l-impjiegi hi fost l-aktar kriterji ta’ suċċess importanti fl-istrateġija ta’ Liżbona.[34] Ġew iffissati miri konkreti minn Kunsilli Ewropej konsekuttivi dwar ir-rati ta’ impjieg globali, ir-rati ta’ impjieg ta’ ħaddiema kbar fl-età, u r-rati ta’ impjieg tan-nisa.[35] L-importanza tax-xogħol ġiet imsaħħa fit-tnedija mill-ġdid ta’ l-istrateġija[36] livell edukattiv u kompetenzi ewlenin, li jinkludu l-intraprenditorija, huma l-fatturi ewlenin li jiddeterminaw kemm individwu kapaċi jiġi mħaddem u jadatta ruħu tul il-ħajja.[37] Indikatur ewlieni biex bih jiġi monitorjat il-progress fil-qasam ta’ kemm kapaċi jiġi impjegat se jkun il-kisba edukattiva tal-popolazzjoni (18) u l-Ħiliet ta’ l-Adulti (17). Dan l-indikatur se jiġi analizzat flimkien ma’ dawk li jerġgħu jibdew jitgħallmu u jitħarrġu (20). Hija prevista data oħra dwar id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol[38]. Se jinbeda xogħol fuq it-tiswir ta’ indikatur imħallat. L-indikaturi ewlenin għal dan il-qasam politiku: 17, 18 u 20.

    Konklużjoni

    Is-sezzjoni t’hawn fuq ta’ din il-Komunikazzjoni wasslet għall-identifikazzjoni ta’ 20 indikatur ewlieni, li huma koerenti mal-prijoritajiet politiċi identifikati fl-istrateġija ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010. Il-Kunsill hu mistieden jadotta dawn l-20 indikatur biex jipprovdi gwida u direzzjoni strateġika għall-istrateġija.

    20 indikatur ewlieni biex jiġi monitorjat il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ |

    Parteċipazzjoni f’edukazzjoni bikrija Edukazzjoni għal dawk bi bżonnijiet speċjali Dawk li jitilgħu mill-iskola qabel iż-żmien Ħila fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza Ħiliet lingwistiċi Ħiliet teknoloġiċi Ħiliet ċiviċi Ħiliet dwar kif wieħed jagħraf jitgħallem Rati ta’ żgħażagħ li jtemmu l-edukazzjoni għolja Tmexxija ta’ l-iskola Skejjel bħala ċentri ta’ tagħlim lokali għal diversi għanijiet | Żvilupp professjonali ta’ l-għalliema u ta’ min iħarreġ Tqassim f’saffi tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ Gradwati fl-edukazzjoni għolja Mobilità ta’ studenti minn pajjiż għall-ieħor fil-qasam ta’ l-edukazzjoni għolja Parteċipazzjoni ta’ l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja Ħiliet ta’ l-adulti Livell edukattiv tal-popolazzjoni Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ Kemm nies jerġgħu jibdew jitgħallmu u jitħarrġu |

    9 indikaturi ewlenin (1), (3), (4), (9), (14), (15), (16), (18) u (19) diġà jeżistu u intużaw biex jimmonitorjaw it-tkomplija ta’ l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ. It-11 il-indikatur ewlieni li fadal jirreferu għall-oqsma fejn xogħol ta’ żvilupp għadu għaddej. Konsegwentement, il-qafas koerenti ta’ indikaturi għadu xorta fil-proċess li jitwaqqaf. Din l-għodda hi komplementata mill-ħames punti ta’ referenza Ewropej għall-2010 adottati mill-Kunsill, li se jibqgħu jkunu għodda essenzjali biex bihom jitkejjel il-progress li jsir fit-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ Liżbona fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ[39]. Għadd minn dawn il-punti ta’ referenza għandhom rwol importanti bħala miri fl-istrateġija tax-xogħol ta’ l-UE.

    Mhux aktar minn 10% ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien Tnaqqis talanqas ta’ 20% ta’ l-ammont ta’ studenti li jmorru ħażin fil-qari Talanqas 85% taż-żgħażagħ suppost kellhom itemmu l-edukazzjoni sekondarja għolja Żieda ta’ mill-anqas 15% fin-numru ta’ gradwati fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija, bi tnaqqis fl-istess ħin fl-iżbilanċ bejn is-sessi 12.5% tal-popolazzjoni adulta għandha tipparteċipa fit-tagħlim tul il-ħajja |

    SORSI TA’ DATA LI JAPPOġġJAW IL-QAFAS KOERENTI TA’ INDIKATURI U PUNTI TA’ REFERENZA

    1. Id- data li tappoġġja il-qafas ta’ indikaturi u punti ta’ referenza t’hawn fuq ġejja mis-Sistema Statistika Ewropea (ESS) (sezzjoni 3.1) u, kif mitlub mill-Kunsill, minn servejs ġodda li jridu jiġu mnedija jew minn servejs oħra internazzjonali fejn tqisu l-bżonnijiet ta’ data Ewropea (sezzjoni 3.2).

    L-ESS tikkonforma mal-Kodiċi ta’ Prassi ta’ Statistika Ewropea kif imsemmija fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u tal-Komunità.[40] Hu xieraq li d- data kollha użata fil-qafas koerenti tikkonforma mad-dispożizzjonijiet li hemm f’din il-kodiċi.

    Indi katuri bbażati fuq data mogħtija mis-Sistema Statistika Ewropea (ESS)

    L-infrastruttura statistika meħtieġa biex tinħoloq data fl-ESS hija taħlita ta’ diversi sorsi ta’ data differenti (servejs u data miġbura b’mod amministrattiv) u strumenti u metodoloġiji komuni (manwali, klassifikazzjonijiet, reġistri, definizzjonijiet, kunċetti eċċ.). Infrastrutturi nazzjonali adattati li huma kapaċi jwasslu data armonizzata huma essenzjali biex tkun żgurata l-komparabbiltà peress li l-produzzjoni statistika ta’ l-UE tiddependi fuq sistemi statistiċi nazzjonali.

    Hemm numru ta’ sorsi speċifiċi fuq livell ta’ l-UE li jagħtu informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jistgħu jiġu maqsuma f’żewġ gruppi.

    L-ewwelnett, hemm il-ġabra ta’ data annwali tal-UNESCO/OECD/Eurostat (UOE) marbuta mas-sistemi ta’ edukazzjoni formali fl-Istati Membri (reġistrazzjonijiet, gradwazzjonijiet, personell, edukazzjoni, finanzi, eċċ.); is-Servej Vokazzjonali Ta’ Taħriġ Kontinwu kull 5 snin (is-CVTS) li jiġbor informazzjoni dwar it-taħriġ fuq livell ta’ intrapriża; u s-Servej ta’ Edukazzjoni ta’ l-Adulti kull 5 snin (AES) li se jagħti informazzjoni dwar il-mudelli ta’ tagħlim ta’ l-adulti (servej fi djar) li jkopri dawn l-indikaturi li ġejjin tal-qafas: parteċipazzjoni f’edukazzjoni bikrija (1) , ħiliet teknoloġiċi (6), gradwati fl-edukazzjoni għolja (14) , Mobilità ta’ l-istudenti minn pajjiż għall-ieħor fl-edukazzjoni għolja ( 15) , parteċipazzjoni ta’ l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja ( 16) u investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ (19) .

    It-tieninett, dawn is-servejs speċifiċi huma komplementati minn sorsi ġenerali ta’ informazzjoni bħas-Servej dwar il-Ħaddiema (LFS) u s-Servej ta’ l-UE dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Għajxien (l-SILC, li ġej). Dawk is-servejs jagħtu informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ li jistgħu jiġu marbuta mal-fatturi varjabbli soċjo-ekonomiċi. Barra minn hekk, mudelli ad hoc marbuta mas-servejs jesploraw informazzjoni dwar l-edukazzjoni iżda f’intervalli inqas regolari . Sorsi speċifiċi oħra (servejs dwar l-ICT fid-djar u dwar l-intrapriżi) jagħtu data dwar suġġetti speċjalizzati jew bħala elementi fl-isfond. Dawn is-sorsi jipprovdu data għall-indikaturi: dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien (3) , ħiliet ta’ l-ICT (6) , ir-rati ta’ kemm żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni sekondarja għolja (9) , parteċipazzjoni ta’ l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja ( 16) , il-livell edukattiv tal-popolazzjoni (18) u kemm reġgħu bdew jitgħallmu u jitħarrġu (20) . Se tiġi mistħarrġa l-possibilità li tinġabar data dwar edukazzjoni bi bżonnijiet speċjali (2) .

    Barra minn dan, is-sorsi ta’ l-ESS jipprovdu numru kbir ta’ indikaturi li jiddeskrivu s-sistemi edukattivi fir-rigward ta’ l-investiment, il-proċessi, il-produzzjoni u r-riżultati. Dawn l-indikaturi dwar il-kuntest jagħtu stampa aktar dettaljata u sħiħa ta’ kif sejjer il-pajjiż u jintużaw biex ikomplu jtejbu l-analiżi. Huma pubblikati f’perjodi regolari mill-Eurostat.

    L-Eurostat u l-ESS dejjem moħħhom li jżommu l-kwalità ta’ l-istatistika, l-aktar permezz ta’ l-għarfien u l-identifikazzjoni ta’ oqsma fejn hu meħtieġ it-titjib u aktar xogħol. Il-ġabra ta’ data ta’ l-UOE bħalissa għaddejja minn reviżjoni ta’ kwalità li se twassal għal ippjanar multi-annwali għal titjib.

    Sabiex jiġi żgurat l-għoti u l-kwalità ta’ data għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ statistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja l-Kummissjoni pproponiet regolament.[41] Dan ir-regolament ta’ qafas jelenka l-oqsma li jridu jiġu koperti, ir-rekwiżiti dwar il-kwalità kif ukoll xi miżuri li jimplimentaw. Hekk kif jiġi adottat ir-regolament, il-Kummissjoni beħsiebha tagħti bidu għall-atti speċifiċi implimentattivi tal-Kummissjoni li jkopru l-ġbir tad- data ta’ l-UOE u ta’ l-AES.

    Hemm interess li qed jiżdied b’mod mgħaġġel biex tinkiseb data komparabbli b’mod internazzjonali fuq livell nazzjonali. Numru ta’ pajjiżi għalhekk qed jiżviluppaw infrastrutturi statistiċi fejn jidħlu s-sistemi ta’ reġistri u/jew strumenti ta’ servej lonġitudinali/tal-panil/koorti biex tkun tista’ tiġi prodotta informazzjoni aħjar fil-livell ta’ l-iskola u l-istudenti fuq medda ta’ snin.

    Dawk l-iżviluppi jiġu segwiti fuq il-livell Ewropew bl-għan li eventwalment ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni li toħroġ minn dawn is-sistemi nazzjonali fuq livell miġbur flimkien. Fuq il-livell ta’ studenti, dawn l-iżviluppi ġodda se jippermettu li jiġu segwiti aħjar il-"karrieri" ta’ l-istudenti, u fuq il-livell ta’ l-istituzzjoni edukattiva (inklużi l-iskejjel, l-universitajiet, eċċ.), jistgħu jtejbu l-possibiltajiet li jiġu stabbiliti oqsfa kampjunarji affidabbli kif ukoll iservu bħala sors ta’ xi informazzjoni bażika dwar is-sistemi ta’ l-iskejjel li jistgħu jintużaw fuq livell Ewropew miġbur flimkien. Dawn l-inizjattivi fl-ESS għandhom jiġu mħeġġa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-indikaturi: tmexxija ta’ l-iskola (10) , l-iskejjel bħala ċentri ta’ tagħlim lokali għal diversi għanijiet (11) l-iżvilupp professjonali ta’ l-għalliema u ta’ min iħarreġ (12) , u l-istratifikazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ (13) .

    Indikaturi bbażati fuq data magħmula barra mis-Sistema Statistika Ewropea

    L-ESS ma tistax tipprovdi l-infrastruttura statistika għall-indikaturi kollha mitluba fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Mejju 2005 jew għall-qafas ta’ indikaturi u punti ta’ referenza preżentati f’din il-Komunikazzjoni.[42]

    L-azzjoni tal-Eurydice[43] u tas-Cedefop tipproduċi data f’kuntest u indikaturi li jappoġġjaw il-qafas preżentat f’din il-komunikazzjoni. Din id- data hi magħmula b’kooperazzjoni mal-Eurostat.

    L-OECD qed issawwar indikaturi dwar il-ħila fil-qari, il-matematika u x-xjenza (4) permezz tas-servej ta’ PISA [44] u qed tikkoordina xogħol li qed jiżviluppa fuq numru ta’ indikaturi ġodda (ara hawn taħt).

    Il-Kummissjoni qed tħejji servejs speċifiċi f’żewġ oqsma distinti: ħiliet fil-lingwi barranin u ħiliet dwar kif wieħed jagħraf jitgħallem għaż-żgħażagħ. Fiż-żewġ każijiet il-Kunsill talab proposti dettaljati dwar is-servej biex jiġu preżentati lill-Kunsill. [45]

    - Fil-qasam tal- ħiliet lingwistiċi (5) , il-Kummissjoni proponiet il-modalitajiet għall-iżvilupp ta’ għodda biex tiġbor data ħalli tgħaddiha lill-Indikatur Ewropew ta’ Kompetenza fil-Lingwa.[46] Abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill (Mejju 2006)[47], il-Kummissjoni waqqfet Bord Konsultattiv magħmul minn rappreżentanti nazzjonali.

    - Fil-qasam tal- ħiliet ta’ kif wieħed jagħraf jitgħallem(8), in-“Network Ewropew ta’ Dawk li Jfasslu l-Politika biex jiġu Vvalutati Sistemi Edukattivi” vvaluta l-vijabbiltà ta’ l-implimentazzjoni tal-metodoloġiji eżistenti f’servej pilota minn pajjiż għall-ieħor. Tressqet quddiem il-Kummissjoni rakkomandazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ strument ta’ servej. Il-Kummissjoni issa se twaqqaf l-istrutturi adatti ta’ tmexxija għall-iżvilupp ta’ strument ta’ servej u għall-proġett pilota, li mistenni jseħħ fl-2007.

    Kif mitluba mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu f’Mejju ta’ l-2005, il-Kummissjoni waqqfet ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’numru ta’ oqsma.

    - Fil-qasam ta’ l-iżvilupp professjonali ta’ l-għalliema (12) , il-Kummissjoni qed tikkoopera ma’ l-OECD, li bħalissa qed tħejji servej dwar l-għalliema, li se jkopri l-iżvilupp professjonali tagħhom.

    - Fil-qasam tal- ħiliet ta’ l-adulti (17) , il-Kummissjoni identifikat, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri l-ħtiġijiet tad- data ta’ l-UE. Bħalissa qed jiġi eżaminat jekk dawn il-ħtiġijiet tad- data jistgħux jiġu koperti b’servej iffukat fuq il-kejl tal-ħiliet ta’ l-adulti li qed jitħejja mill-OECD, jew jekk servej ġdid ta’ l-UE għandux jiġi żviluppat.

    - Fil-qasam tal- ħiliet ċiviċi (7), il-Kummissjoni qed tikkoopera ma’ Stati Membri biex tidentifika l-bżonnijiet tad- data u biex tħejji mudell Ewropew fl-Istudju li jmiss dwar iċ-Ċivika Internazzjonali u l-Edukazzjoni għal Ċittadinanza (ICCS), li se jsir fl-2008/09 biex tkopri l-bżonnijiet marbuta ma’ l-edukazzjoni għal ċittadinanza attiva.

    Jidher li l-koerenza ta’ l-infrastruttura statistika u l-possibbiltà li jiġi żgurat li d- data tkun komparabbli mal-pajjiżi jiddependi mill-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri f’servejs koordinati minn organizzazzjonijiet oħra internazzjonali. Safejn ikun vijabbli, il-Kummissjoni se tiżgura li d- data tiġi magħmula skond il-linji ta’ gwida tal-Kodiċi ta’ Prassi dwar l-Istatistika Ewropea li se jintuża’ biex tiġi vvalutata l-kwalità tad- data li toħroġ.

    KONKLUżJONIJIET

    Il-Kunsill mistieden:

    - Japprova uffiċjalment il-qafas ta’ indikaturi biex jitkejjel il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona u b’mod partikulari

    - Biex jesprimi appoġġ sħiħ kontinwu fl-iżvilupp ta’ l-indikaturi l-ġodda meħtieġa fi ħdan il-qafas koerenti

    - Biex iħeġġeġ it-titjib tal-ġbir tad- data ta’ l-ESS li għandha ssir b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri permezz ta’ gruppi ta’ ħidma statistika rilevanti.

    L-Istati Membri mistiedna:

    - Jipparteċipaw bi sħiħ f’servejs għall-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda identifikati fi ħdan dan il-qafas u biex jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dawn is-servejs.

    Il-Kummissjoni se:

    - Tippreżenta proposti dettaljati ta’ servej lill-Kunsill qabel it-tnedija ta’ servejs ġodda ewlenin.

    - Tirrapporta lura lill-Kunsill fil-bidu ta’ l-2007 dwar il-progress li jkun sar fit-tħejjija għal servej Ewropew dwar il-kompetenzi taż-żgħażagħ fl-Ilsna Barranin fid-dawl tal-konklużjoni tal-Kunsill dwar il-passi li jmiss.

    - Tirrapporta lura lill-Kunsill fl-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ indikaturi koerenti u dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda biex jissodisfaw il-bżonnijiet tad- data ta’ l-UE.

    - Tniedi xogħol b’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri dwar il-vijabbiltà li jiġi definit punt ta’ referenza ta’ l-UE dwar l-allokazzjoni ta’ mill-anqas 2% tal-PGD għas-settur ta’ edukazzjoni għolja modernizzat sa l-2015.

    - Tirrapporta lura lill-Kunsill qabel l-2010 dwar it-tkomplija fl-UE u mill-Istati Membri tal-ħames punti Ewropej ta’ referenza għall-2010 flimkien ma’ proposti dwar ir-rwol ta’ punti ta’ referenza wara l-2010.

    ANNESS

    LISTA TA’ 29 INDIKATUR UżATI BIEX JIġI MONITORJAT IL-PROGRESS FIL-QASAM TA’ L-EDUKAZZJONI U TAT-TAħRIġ S’ISSA (2003-2006)

    (L-indikaturi għat-tkejjil tal-5 punti ta’ referenza edukattivi qed jiġu stampati b’tipi grassi)

    1. L-età ta’ l-għalliema (% ta’ għalliema li għandhom ’l fuq minn 50 fil-primarja, fis-sekondarja)

    2. Numru ta’ żgħażagħ

    3. Proporzjon ta’ studenti ma’ l-għalliema

    4. Tkomplija ta’ l-edukazzjoni sekondarja għolja

    5. % ta’ studenti li jbatu fil-qari (PISA)

    6. Kif inhuma fil-qari dawk ta’ 15-il sena (PISA)

    7. Kif inhuma fil-matematika dawk ta’ 15-il sena (PISA)

    8. Kif inhuma fix-xjenza dawk ta’ 15-il sena (PISA)

    9. Parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ minn nies li fil-bidu huma ftit li xejn kwalifikati

    10. Studenti reġistrati fl-MST bħala proporzjon ta’ l-istudenti kollha

    11. Gradwati fl-MST bħala % tal-gradwati kollha

    12. Numru totali ta’ gradwati terzjarji fl-MST (tkabbir)

    13. Numru ta’ gradwati fl-MST għal kull 1000 abitant

    14. Nefqa pubblika għall-edukazzjoni

    15. Nefqa privata għall-istituzzjonijiet privati

    16. Nefqa intraprenditorjali għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu

    17. Nefqa totali għall-istituzzjonijiet edukattivi għal kull student, fil-PPS

    18. Nefqa totali għall-istituzzjonijiet edukattivi għal kull student, meta mqabbla mal-PGD

    19. Parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja, popolazzjoni 25-64, kollha, baxxa

    20. Parteċipazzjoni fit-taħriġ vokazzjonali kontinwu, l-intrapriżi kollha

    21. Parteċipazzjoni fit-taħriġ vokazzjonali kontinwu, intrapriżi li jħarrġu

    22. Rati ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni, studenti li għandhom bejn 15-24

    23. Ammont mill-popolazzjoni bejn it-18-24 li telqu mill-iskola qabel iż-żmien

    24. Tqassim ta’ l-istudenti skond in-numru ta’ lingwi barranin li tgħallmu

    25. Numru medju ta’ lingwi barranin mitgħallma minn kull student

    26. Mobilità interna/’l barra ta’ l-għalliema u ta’ min iħarreġ, Erasmus+ Leonardo

    27. Mobilità interna/esterna ta’ l-istudenti ta’ l-Erasmus u tal-Leonardo li qed jitħarrġu

    28. Studenti barranin terzjarji bħala % ta’ l-istudenti kollha rreġistrati, skond in-nazzjonalità

    29. Persentaġġ ta’ l-istudenti tal-pajjiż ta’ l-oriġni irreġistrati barra mill-pajjiż

    [1] Il-Konklużjoni tal-Presidenza, Liżbona, paragrafu 2.

    [2] Il-Konklużjoni tal-Presidenza, Barċellona, paragrafu 43.

    [3] Ir-Rapport Interim Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni: “Edukazzjoni u Taħriġ 2010: is-suċċess ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona jiddependi fuq riformi urġenti” (2004)

    [4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2003.

    [5] L-aħħar ħarġa ġiet ippubblikata f’Mejju ta’ l-2006, SEC(2006) 639.

    [6] Ara r-Rapport Konġunt ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-2006 mill-Kunsill/Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 ĠU Ċ79/1 - 1/4/2006.

    [7] SEC(2004) 1285-2.

    [8] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Mejju 2005 dwar Indikaturi Ġodda fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (2005/C 141/04).

    [9] Iċ-Ċentru għar-riċerka dwar it-tagħlim tul il-ħajja – bbażat fuq indikaturi u punti ta’ referenza (Ispra, I) Iċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunt.

    [10] Il-Kunsill Ewropew 23-24 ta’ Marzu 2006, il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, par.23

    [11] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Effiċjenza u Ekwità fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ Ewropej COM (2006) 481

    [12] Jekk jogħġbok irreferi għat-tabella fl-aħħar tas-sezzjoni 2.

    [13] EURYDICE, Data Importanti dwar l-Edukazzjoni fl-Ewropa

    [14] COM (2002) 779 finali ta’ l-10 ta’ Jannar 2003

    [15] L-Immodernizzar ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-Ewropa: kontribuzzjoni essenzjali għall-ġid u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa, Ġurnal Uffiċjali C 79/1 ta’ l-1 ta’April 2006.

    [16] Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell 23/24 ta’ Marzu 2006, il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/89013.pdf

    [17] Op.cit. COM (2006) 481.

    [18] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, Liżbona, 23/24 ta’ Marzu 2000

    [19] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5/6 ta’ Mejju 2003 dwar il-Livelli ta’ Referenza tal-Ħidma Medja Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (Punti ta’ referenza). (2003/C 134/02).http://europa.eu.int/eur-lex/pri/en/oj/dat/2003/c_134/c_13420030607en00030004.pdf

    [20] Il-kompetenzi ewlenin hawnhekk qed jirreferu għal dawk il-kompetenzi, li l-individwi kollha jeħtieġu għall-milja u l-iżvilupp personali, għaċ-ċittadinanza attiva, għall-inklużjoni soċjali u għax-xogħol.

    [21] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, Barċellona 15/16 ta’ Marzu 2002, http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/71025.pdf

    [22] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-tagħlim tul il-ħajja tas-27 ta’ Ġunju 2002, Ġurnal Uffiċjali C 163/01 tad-9.7.2002

    [23] Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja; COM(2005) 548 finali ta’ l-10. 11.2005

    [24] Il-Komunikazzjoni bil-lingwa omm, komunikazzjoni bil-lingwi barranin, kompetenza matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u fit-teknoloġija, kompetenza diġitali, kompetenzi ta’ kif tagħraf titgħallem, kompetenzi interpersonali, interkulturali u soċjali u kompetenzi ċiviċi, intraprenditorija u u espressjoni kulturali

    [25] Il-qafas Ewropew għandu jiddefenixxi l-ħiliet bażiċi l-ġodda provduti permezz tat-tagħlim tul il-ħajja – il-Konklużjonijiet tal-Presidenza (Liżbona 2000).

    [26] L-iskejjel u ċ-ċentri ta’ taħriġ, kollha mqabbda ma’ l-Internet, għandhom jiġu żviluppati f’ċentri ta’ tagħlim b’diversi għanijiet li jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Il-Konklużjoni tal-Presidenza, Liżbona (2000).

    [27] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2001 dwar il-kooperazzjoni Ewropea meta ssir valutazzjoni ta’ kwalita fl-edukazzjoni li tingħata fl-iskejjel. (Ġurnal Uffiċjali L 60, 01.03.2001).

    [28] Ara l-Prinċipji Ewropej Komuni dwar il-Kompetenzi u l-Kwalifiki ta’ l-Għalliema: http://ec.europa.eu/education/policies/2010/doc/principles_en.pdf

    [29] Ara pereżempju id- Data Ewlenija dwar l-Edukazzjoni fl-Ewropa 2005.

    [30] Lejn it-twettiq ta’ l-għan ta’ Liżbona mill-Kummissjoni Ewropea: il-kontribut tal-VET: Rapport finali lill-Kummissjoni Ewropea 1-11-04 . http://europa.eu.int/comm/education/policies/2010/studies/maastricht_en.pdf

    [31] Il-Kunsill Ewropew Informali f’Hampton Court (Ottobru ta’ l-2005); il-Komunikazzjoni “Valuri Ewropej fid-dinja globalizzata – il-kontribut tal-Kummissjoni fil-Laqgħa ta’ Ottubru tal-Kapijiet ta’ l-Istat u l-Gvern” COM (2005) 525.

    [32] Ċaqliq ta’ l-għerf fl-Ewropa: l-universitajiet jiġu megħjuna jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-Istrateġija ta’ Liżbona” COM (2005) 152.

    [33] Ara "Aktar riċerka u innovazzjoni – investiment għat-tkabbir u x-xogħol: approċju komuni", COM (2005) 488 tat-12 ta’ Ottubru 2005. Parti mill-investimenti fl-R&D jintużaw għall-investimenti globali fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

    [34] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, Liżbona (2000).

    [35] Ara per eżempju l-Konklużjonijiet tal-Presidenza, Liżbona (2000)

    [36] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, Brussell (2006)

    [37] L-Edukazzjoni Ewropea Għolja f’perspettiva dinjija SEC(2005) 518.

    [38] Il-Mudell ad hoc tas-Servej dwar il-Ħaddiema fl-2009

    [39] Op.cit. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (2003). L-indikaturi li jappoġġjaw dawn il-ħames punti ta’ referenza huma mdaħħla fl-għodda koerenti ta’ 20 indikatur imsemmija fil-Komunikazzjoni

    [40] COM(2005)217 Il-Kodiċi ta’ Prassi ta’ l-Istatistika Ewropea hi bbażata fuq 15-il prinċipju. Il-Gvern u l-awtoritajiet ta’ l-istatistika fl-UE jimpenjaw ruħhom li jħarsu l-prinċipji stipulati f’din il-kodiċi li tkopri l-ambjent istituzzjonali, il-proċessi statistiċi u r-riżultati.

    [41] Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ statistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja – COM(2005)625

    [42] ĠU (2005/Ċ 141/04) 10.6. 2005.

    [43] Il-unit Ewropew tal-Eurydice u n-netwerk ta’ units nazzjonali tal-Eurydice.

    [44] Il-Programm ta’ Valutazzjoni Internazzjonali ta’ l-Istudenti.

    [45] Op. cit. Il-Konklużjoni tal-Kunsill (Mejju ta’ l-2005).

    [46] “L-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza fil-Lingwa” COM (2005) 356 1/8 2005.

    [47] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza fil-Lingwa (2006/C 172/01).

    Top