Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0059

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-iskart u l-prodotti sekondarji

    /* KUMM/2007/0059 finali */

    52007DC0059

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-iskart u l-prodotti sekondarji /* KUMM/2007/0059 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 21.2.2007

    KUMM(2007) 59 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    li Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-iskart u l-prodotti sekondarji

    WERREJ

    1. Daħla 3

    2. L-isfond għal din il-Komunikazzjoni 4

    2.1. L-ambitu ta' din il-Komunikazzjoni 4

    2.2. Il-Kuntest ta’ din il-Komunikazzjoni 4

    3. L-applikazzjoni tal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja 6

    3.1. Kunċetti ġenerali dwar id-definizzjoni ta' skart 6

    3.2. Il-materjal ikkonċernat huwa residwu tal-produzzjoni jew prodott? 6

    3.3. Il-kondizzjonijiet sabiex residwu tal-produzzjoni ma jitqiesx bħala skart 7

    3.4. Fatturi oħra li l-qorti tuża sabiex tiddistingwi bejn skart u prodott sekondarju 9

    ANNESS 1 – eżempji ta' skart u mhux skart 12

    1. Gagazzi ( slags ) u trabijiet li jifdal mill-produzzjoni tal-ħadid u ta' l-azzar 12

    2. Prodotti sekondarji mill-industrija ta' l-ixel u x-xorb – għalf għall-annimali 12

    3. Prodotti sekondarji mill-kombustjoni – ġibs prodott bit-tneħħija tal-kubrit mill-gassijiet tal-kombustjoni 13

    4. Fdalijiet u materjal simili ieħor 13

    ANNESS II – skema ta' deċiżjonijiet għal għażliet bejn skart u prodotti sekondarji 15

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    li Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-iskart u l-prodotti sekondarji

    (Test b'rilevanza għaż-ŹEE)

    1. DAħLA

    Għal dawn l-aħħar tletin sena, id-definizzjoni ta' skart kellha sehem importanti fil-ħarsien ta’ l-ambjent Ewropew mill-impatti tal-ġenerazzjoni u tal-ġestjoni ta' l-iskart. Oġġetti u sustanzi li huma definiti bħala 'skart' huma kkontrallati mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iskart sabiex jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Id-definizzjoni ta' skart tiġi applikata mill-awtoritajiet kompetenti speċifikati fid-Direttiva 2006/12/KE[1] (id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart), fuq bażi ta' każ b'każ, meta jkun hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet dwar ġarr ta' skart jew dwar permessi. Fil-parti l-kbira, hu ċar x'inhu u x'mhux skart. Madankollu, inqalgħu numru ta' kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta' din id-defenizzjoni.

    Waħda minn dawn hi marbuta mad-distinzjoni bejn dawk il-materjali li ma'humiex l-oġġettiv ewlieni ta' proċess tal-produzzjoni iżda jistgħu jitqiesu bħala prodotti sekondarji li ma humiex skart, u dawk il-materjali li għandhom jiġu trattati bħala skart. Fil-fatt, ma teżistix distinzjoni ċara, anzi hemm varjetà wiesgħa ta' każijiet tekniċi li għandhom riskji u impatti ambjentali differenti u numru ta' aspetti li diffiċli tittrattahom. Madankollu, għal fini li tiġi applikata l-leġiżlazzjoni ambjentali, hemm bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet ġuridiċi fuq bażi ta' każ b'każ - skart jew mhux skart. Xi drabi, kien diffiċli li ssir din id-distinzjoni.

    Sabiex ittejjeb iċ-ċerteżża ġuridika tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u bl-iskop li d-definizzjoni ta' skart tiġi tinftiehem u applikata aħjar, din il-Komunikazzjoni għandha l-għanijiet li tiggwida lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiddeċiedu każ b'każ jekk materjal partikolari jkunx skart jew le, u li tagħti informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi dwar kif għandhom jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Din il-Komunikazzjoni għandha tgħin ukoll sabiex, fost l-Istati Membri tal-UE, jittnaqqsu d-differenzi fl-interpretazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

    Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tfisser id-definizzjoni ta' skart li hi mniżżla fl-Artikolu 1 tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart, kif hi interpretata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, sabiex tiżgura li d-Direttiva tiġi implimentata sew. Fil-liġi ta' l-UE dwar l-iskart, kunċetti bħal prodott sekondarju jew materja prima sekondarja m'għandhom ebda tifsira ġuridika – sempliċement, il-materjali huma skart jew m'humiex. Għall-iskopijiet ta' din il-Komunikazzjoni biss[2], għandhom jintużaw it-termini deskrittivi li ġejjin, flimkien mad-definizzjoni ta' skart kif imniżżla fid-Direttiva:

    - Prodott – il-materjal kollu li jiġi maħluq deliberament waqt proċess ta' produzzjoni. F'ħafna każijiet ikun possibbli li jiġi identifikat prodott (jew aktar) "primarju", li jkun il-materjal prinċipali prodott.

    - Residwu tal-produzzjoni – materjal, li waqt proċess ta' produzzjoni ma jkunx prodott apposta, iżda li jista' jkun jew ma jkunx skart.

    - Prodott sekondarju – residwu tal-produzzjoni li mhux skart.

    Kif imħabbar fl-Istrateġija Tematika dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart, l-effettività tal-linji ta' gwida proposti fil-Komunikazzjoni għandhom jiġu reveduti fl-2010, fil-kuntest ta' reviżjoni ta' l-istrateġija. Fl-istess okkażjoni, għandha ssir reviżjoni dwar jekk aktar ġurisprudenza mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) tkunx għamlet reviżjoni tal-linji ta' gwida neċessarji.

    2. L-ISFOND GħAL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

    2.1. L-ambitu ta' din il-Komunikazzjoni

    L-ambitu ta' din il-Komunikazzjoni hu li, f'kuntest ta' proċess ta' produzzjoni, issir distinzjoni bejn dak li hu skart u dak li mhux. Mhux rilevanti għal skart ieħor bħal skart muniċipali jew flussi oħra ta' skart simili, jew għal residwi ta' konsum. Ma jittrattax il-kwistjoni ta' meta prodott jista' jsir skart, jew ta' meta skart ma jibqax skart. Ma jittrattax l-iskart li hu eskluż mill-ambitu tad-Direttiva ta' Qasam dwar l-Iskart.

    2.2. Il-Kuntest ta’ din il-Komunikazzjoni

    L-Artikolu 8(2)(iv) tad-Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002[3], li tistipula s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità Ambjentali, talab għal kjarifika tad-distinzjoni bejn dak li hu skart u dak li mhux. Fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Tematika dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart tas-27 ta' Mejju 2003[4], il-Kummissjoni spjegat is-sitwazzjoni dwar id-definizzjoni ta' skart, sejħet għal dibattitu miftuħ dwar il-kwistjoni li jkun issapportjat bil-provi u talbet lill-partijiet interessati li għandhom alternattivi aħjar għad-definizzjoni attwali ta' skart sabiex jippreżentawhom. Il-maġġoranza tal-kummenti talbu li d-definizzjoni bażika ta' skart tibqa' kif inhi u li jiġu ċċarati xi aspetti speċifiċi.

    Fid-dawl ta' dan il-kunsens, permezz ta' l-Istrateġija Tematika dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta' l-iskart adottata fil-21 ta' Diċembru 2005[5], il-Kummissjoni kkommettiet ruħha li tipproponi "Komunikazzjoni li jkun fiha linji ta' gwida li jkunu bbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' prodotti sekondarji f'setturi industrijali rilevanti, dwar meta prodotti sekondarji għandhom jew ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala skart sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni ġuridika għal operaturi ekonomiċi u għal awtoritajiet kompetenti." Dan id-dokument qiegħed iwettaq dak l-impenn.

    2.2.1. Għalfejn huma meħtieġa l-linji ta' gwida?

    F'xi każijiet, il-ġurisprudenza li għadha qed tevolvi u l-assenza relattiva ta' ċarezza ġudizzjarja kkumplikaw l-applikazzjoni tad-definizzjoni ta' skart f'din il-kwistjoni, kemm għall-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi. Hu magħruf li, f'ċirkustanzi simili, l-awtoritajiet kompetenti ta' diversi Stati Membri adottaw soluzzjonijiet differenti għal kull każ – dan iwassal għal inugwaljanzi fit-trattament ta’ l-operaturi ekonomiċi u għal ostakli fis-suq intern. Interpretazzjoni wiesgħa wisq tad-definizzjoni ta' skart timponi spejjeż żejda għan-negozji kkonċernati, u tista' tnaqqas il-potenzjal tal-materjali li, altrimenti, ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw fl-ekonomija. Interpretazzjoni ristretta wisq tista' tirriżulta fi ħsara għall-ambjent, u ddgħajjef il-liġi Komunitarja dwar l-iskart u l-istandards komuni għall-iskart fl-UE.

    Il-Kummissjoni tqis li l-linji ta' gwida huma aktar adegwati sabiex tinkiseb iċ-ċarezza ġudizzjarja milli l-introduzzjoni ta' definizzjoni ta' prodotti sekondarji fid-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart. B'mod partikulari, distinzjoni bejn skart u prodott sekondarju li tkun ibbażata fuq jekk il-materjal ikunx destinat għall-irkupru jew għar-rimi, jew fuq jekk il-materjal għandux valur ekonomiku pożittiv, ma jidhirx li toffri l-garanziji meħtieġa għall-ħarsien ta' l-ambjent. Min-naħa l-oħra, it-traduzzjoni diretta fit-test tad-Direttiva ta' xi lingwaġġ użat mill-ECJ, barra mill-kuntest ġust, tista' toħloq biss inċertezzi ġodda. Għażliet oħra, fosthom kwalunkwe approċċ li jagħmel użu minn listi, ma jidhirx li jkunu prattiċi fis-sens ta' tħaddim tagħhom u ta' l-infurzar tal-liġi. Skond il-kriterja li jorbtu legalment kif stipulati mill-ECJ, il-linji ta' gwida huma għodda flessibli u adattabbli għall-evidenzi u għat-teknoloġiji ġodda.

    2.2.2. Il-kuntest industrijali

    Teżisti varjetà wiesgħa ta' tipi differenti ta' materjali li huma prodott ta' proċessi industrijali u li din il-Komunikazzjoni tista' tapplika għalihom. Fil-vokabularju tan-negozju, dawn jistgħu jkunu identifikati bħala prodotti sekondarji, ko-prodotti, prodotti intermedjarji, prodotti mhux bażiċi jew sub-prodotti. Ebda wieħed minn dawn it-termini ma għandu tifsira fil-liġi Komunitarja dwar l-ambjent, jiġifieri prodotti u prodotti sekondarji għandhom l-istess status: il-materjali jew huma skart jew ma humiex.

    Ħafna drabi, il-proċessi ta' produzzjoni industrijali huma kumplessi u jistgħu jiġġeneraw diversi materjali differenti b'valuri ekonomiċi, impatti ambjentali u tipi ta' status ta' “skart” jew "mhux skart" differenti. Barra minn hekk, il-konsegwenzi ta' status ta' skart/"mhux skart" jista' jvarja bejn settur u ieħor. F'xi setturi, il-materjali li jinbiegħu bħala skart jiġu negozjati liberament bejn negozji fis-suq intern. F'setturi oħra, bħas-settur ta' l-ikel u x-xorb, distinzjoni ċara bejn l-iskart u l-prodott hi kruċjali għall-isfruttament ekonomiku tal-materjal konċernat. Is-sitwazzjoni teknika qed tevolvi kontinwament, b'tibdil rapidu fit-teknoloġija, kemm fil-proċessi ta' produzzjoni kif ukoll fit-trattamenti ta' l-iskart eżistenti.

    2.2.3. Is-sitwazzjoni ambjentali

    Jidher ċar illi kemm il-prodotti kif ukoll l-iskart jista jkollhom materjali tossiċi fihom u jekk ma jintużawx jew jiġu kkontrollati kif xieraq jistgħu jkunu ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Barra minn hekk, l-iskart industrijali u l-iskart li jkun ġej minn estrazzjonijiet spiss ikollhom karatteristiċi li jfissru li jistgħu jkunu ta' periklu partikulari għall-ambjent, meta mqabbla mal-prodotti. Dawn il-perikli jirriżultaw mill-fatt li filwaqt li normalment il-kontenut tal-prodotti jkun diżinjat u kontrollat b'mod speċifiku, il-kompożizzjoni ta' l-iskart aktarx li ma tkunx daqstant ċara.

    Dan ifisser li mil-lat ambjentali, hu ferm importanti li l-materjali jkunu klassifikati preċiżament bħala skart jew mhux skart. Il-liġi dwar l-iskart tħares l-ambjent mill-konsegwenzi ta' l-iskart industrijali b'diversi modi, u speċjalment permezz ta' proċeduri ta' awtorizzazzjoni u ġarr, u ta' standards speċifiċi għall-inċinerazzjoni ta' l-iskart. Jekk il-materjal ma jkunx skart, dan ma jfissirx li ma għandux x'jaqsam mas-sistema ta' ħarsien ta' l-ambjent stipulata fil-liġi Komunitarja. Regolazzjoni li tkun ibbażata fuq il-prodott, u leġiżlazzjoni oħra bħar-Regolament REACH, għandhom il-għan li jħarsu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-impatti potenzjali ambjentali ta' prodotti u materjali oħra li ma humiex skart.

    3. L-APPLIKAZZJONI TAL-KAżISTIKA TAL-QORTI EWROPEA TAL-ĠUSTIZZJA

    3.1. Kunċetti ġenerali dwar id-definizzjoni ta' skart

    L-ECJ iddikjarat konsistentament illi d-definizzjoni ta' skart għandha tkun interpretata b'mod wiesa’, sabiex tkun konsistenti ma’ l-għan tad-Direttiva 2006/12/KE, u ma' l-Artikolu 174(2) tat-Trattat tal-KE li jistipula illi l-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandha timmira li jinkiseb livell għoli ta' ħarsien. Id-definizzjoni ta' skart skond id-Direttiva 2006/12/KE tagħmel referenza għall-Anness 1 tagħha, u għall-Lista Ewropea ta' l-Iskart fid-Deċiżjoni 2000/532/KE[6]. Madankollu, peress li dawn is-sorsi huma t-tnejn indikattivi, id-definizzjoni ta' skart ikollha tiddependi essenzjalment mill-kunċett ta' "rimi".

    F'diversi okkazjonijiet, il-qorti enfasizzat illi materjal jiġi deċiż jekk hux skart jew le skond iċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi, u għaldaqstant, id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti fuq bażi ta' każ b'każ.

    Finalment, ta' min jinnota li anke fejn xi materjal partikulari jkun jissodisfa t-testijiet stipulati mill-ECJ (u deskritti fis-sezzjonijiet 3.3) sabiex jiġi meqjus li mhux skart, jekk fil-prattika jiġi mormi, għandu jiġi bla dubju meqjus u trattat bħala skart.

    3.2. Il-materjal ikkonċernat huwa residwu tal-produzzjoni jew prodott?

    Fil-każ Palin Granit[7] , l-ECJ iddikjarat li r-residwu tal-produzzjoni hu xi ħaġa li mhux il-prodott finali mixtieq mill-proċess tal-manifattura. Fil-każ Saetti , [8] l-ECJ innotat li meta l-produzzjoni tal-materjal ikkonċernat kienet "ir-riżultat ta' għażla teknika" (sabiex jiġi prodott dak il-materjal apposta) dak il-materjal ma setax ikun residwu tal-produzzjoni.

    Għalhekk, sabiex jiġi deċiż jekk materjal hux skart jew le, l-ewwel li wieħed għandu jistaqsi hu jekk il-manifattur kellux, mill-bidu, l-intenzjoni li jipproduċi t-tali materjal.

    Jekk il-manifattur seta' jipproduċi l-prodott primarju mingħajr ma jipproduċi dan il-materjal iżda għażel li jagħmel hekk apposta, mela dan hu evidenza li dan il-materjal ma hux residwu tal-produzzjoni. Evidenza oħra li l-produzzjoni tal-materjal konċernat kienet għażla teknika tista’ tkun modifikazzjoni tal-proċess ta' produzzjoni sabiex il-materjal ikkonċernat jingħata karatteristiċi tekniċi speċifiċi.

    Il-każ tal-'petroleum coke' Fil-każ ta' Saetti u Frediani, l-ECJ intalbet tagħti l-opinjoni tagħha dwar jekk il-'petroleum coke' (kokk li ġej minn żejt mhux raffinat), li hu prodott li l-bażi tiegħu hi l-karbonju u li jiġi prodott waqt ir-raffinament taż-żejt mhux maħdum, kienx skart jew le. Il-qorti sostniet li l-'petroleum coke' ma jistax ikun klassifikat bħala residwu tal-produzzjoni għaliex il-kokk qed ikun prodott b'riżultat ta' deċiżjoni teknika u hu magħmul bl-intenzjoni li jintuża bħala fjuwil. Il-qorti sostniet ukoll li anke jekk il-'petroleum coke' kien riżultat awtomatiku tal-proċess ta' raffinament, ladarba kien hemm ċertezza li l-produzzjoni kollha tal-kokk kienet ser tintuża fil-parti l-kbira għall-istess skopijiet bħal sustanzi oħra (prodotti waqt il-proċess ta' raffinament), allura l-'petroleum coke' kien ukoll prodott tal-'petroleum', manifatturat apposta, u mhux residwu tal-produzzjoni. |

    3.3. Il-kondizzjonijiet sabiex residwu tal-produzzjoni ma jitqiesx bħala skart

    Anke meta materjal ikun meqjus bħala residwu tal-produzzjoni, il-Qorti indikat li dan mhux bilfors iffisser li huwa skart. Il-karatteristiċi tal-materjal li jindikaw il-possibbiltà li jerga' jintuża fl-ekonomija jistgħu jfissru li l-materjal ma għandux jitqies bħala skart.

    Fil-ġurisprudenza reċenti, ( Palin Granit u każijiet oħra li ġew wara) l-ECJ stipulat test, imqassam fi tliet partijiet, li residwu tal-produzzjoni jkun irid jissodisfa sabiex ikun meqjus bħala prodott sekondarju. Il-qorti ddikjarat li meta l-użu l-ieħor tal-materjal ikun assigurat u mhux sempliċiment possibbiltà, mingħajr il-ħtieġa ta' aktar proċessar qabel jerga' jintuża u bħala parti minn proċess kontinwu ta' produzzjoni, allura dak il-materjal ma jkunx skart. Dan it-test huwa kumulattiv – it-tliet partijiet kollha jridu jiġu sodisfatti. Barra minn dan it-test, l-ECJ innotat li l-użu li għalih il-prodott sekondarju jkun intenzjonat irid ikun skond il-liġi – fi kliem ieħor, illi l-prodott sekondarju mhux xi ħaġa li l-manifattur hu obbligat li jarmi jew li l-użu intenzjonat tiegħu mhux permess mill-liġi ta’ l-UE jew dik nazzjonali (ara l-Iskema tad-Deċiżjonijiet fl-Anness II).

    3.3.1. Hija ħaġa ċerta jew sempliċiment possibbiltà li l-materjal jerġa' jintuża?

    Jekk ikun hemm il-possibbiltà li, fil-fatt, il-materjal mhux ta' użu, ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa sabiex ikun ta' użu, jew jekk ma hemmx suq għalih, allura dak il-materjal għandu jibqa' jitqies bħala skart. L-istatus ta' skart iħares lill-ambjent mill-konsegwenzi potenzjali ta' din l-inċertezza. Jekk wara jsir magħruf li, fil-fatt, dan l-iskart jista' jerġa' jintuża, allura l-materjal jitlef l-istatus tiegħu ta' skart hekk kif ikun lest għall-użu bħala prodott irkuprat (ara Mayer Parry[9] ).

    F'xi każijiet, jista' jkun hemm il-potenzjal li jintuża ċertu proporzjon tal-materjal filwaqt li l-kumplament ikun irid jintrema. Jekk, meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi każ b'każ, l-użu fiċ-ċert ma jkunx jista' jiġi garantit għall-materjal kollu kkonċernat, allura fil-bidu, il-materjal għandu jitqies bħala skart. Madankollu, l-eżistenza ta' kuntratti fit-tul bejn sid il-materjal u dawk li ser jagħmlu użu minnu tista' sservi ta' indikazzjoni illi l-materjal kopert mill-kuntratt ikun ser jintuża, u għalhekk illi ċ-ċertezza ta’ l-użu hija preżenti.

    Bl-istess mod, jekk il-materjal ikun ser jiġi maħżun għal żmien indefinit, qabel l-użu mill-ġdid potenzjali iżda mhux ċert tiegħu, allura fil-perjodu li jdum maħżun, dan għandu jitqies bħala skart ( Palin Granit ).

    3.3.1.1. L-użu ġdid ser jagħti vantaġġ finanzjarju lid-detentur ta' l-iskart

    Meta l-manifattur ikun jista' jbigħ il-materjal bi qligħ, dan jista' jindika li x'aktarx li dak il-materjal ikun ser jintuża. (Palin Granit) Madankollu, dan waħdu ma hux definittiv – ara l-ġurisprudenza msemmija qabel li tikkonferma li l-iskart jista' jkollu valur ekonomiku. ( Vessovo and Zanetti[10], Tombesi[11] ). Il-Kummissjoni tqis li hu importanti li, meta jiġi kkunsidrat dan it-test, ikunu stmati l-ispejjeż tat-trattament ta' dan l-iskart, għaliex hemm ir-riskju li jiġi offrut prezz nominali sabiex il-materjal jiġi klassifikat bħala 'mhux skart', u b'hekk ikun permess li jiġi trattat 'il barra minn stabbilimenti ta' trattament ta' skart xierqa. Madankollu, prezz għoli, bħal jew ogħla mill-prezzijiet kurrenti tas-suq għall-materjal, jista' jindika li l-materjal mhux skart.

    Il-każijiet Spanjoli dwar id-Demel

    Fil-każijiet konġunti tal-Kummissjoni v Spanja (C-416/02 u C-121/03), il-qorti sostniet li meta demel jintuża bħala fertilizzant għall-ħamrija fil-kuntest ta' prassi legali ta' tixrid fuq rqajja' ta' art identifikati b'mod ċar (independentament milli jekk l-irqajja' ta' art jinstabux 'l ġewwa jew 'l barra mir-raba' li ġġenera d-demel imsemmi) u jekk il-ħażna tiegħu hi llimitata għall-bżonnijiet tat-tali operazzjonijiet ta' tixrid, dak id-demel ma jkunx skart.

    3.3.2. Il-materjal jista' jerga' jintuża mingħajr aktar proċessar?

    F'xi każijiet, jista jkun diffiċli li jsir dan it-test. Spiss, fil-katina tal-valur ta' prodott sekondarju jkun hemm serje ta' xogħol xi jsir bħala parti mill-użu mill-ġdid tal-materjal: Il-materjal jiġi prodott, u mbagħad, jista' jiġi maħsul, imnixxef, raffinat jew omoġenizzat, jistgħu jiżdiedulu karatteristiċi jew materjali oħra li jkunu bżonnjużi sabiex il-materjal jerga' jintuża, il-kwalità tiegħu tiġi kkontrollata, eċċ. Xi xogħolijiet minn dawn isiru fis-sit tal-produzzjoni tal-manifattur, oħrajn fis-sit ta' min ikun ser jagħmel użu minnu, u oħrajn minn partijiet intermedjarji. Sakemm dawn ix-xogħlijiet jiffurmaw parti integrali mill-proċess ta' produzzjoni (ara t-taqsima li jmiss), huma ma jżommux lill-materjal milli jiġi kkunsidrat bħala prodott sekondarju.

    Il-Qorti sabet illi fil-każ li jkun hemm bżonn ta' proċess addizzjonali ta' rkupru qabel il-materjal jerga' jintuża, anke jekk it-tali użu jkun ħaġa ċerta, dan hi evidenza li, sakemm jitlesta l-proċess, il-materjal jibqa' jitqies bħala skart ( Avesta Polarit[12] ).

    3.3.3. Bħala parti mill-proċess kontinwu ta' produzzjoni?

    Jekk, madankollu, il-preparazzjoni tal-materjal għall-użu mill-ġdid tkun tifforma parti integrali mill-proċess kontinwu ta' produzzjoni, u mbagħad fil-fatt jiġi użat, allura l-materjal ikun prodott sekondarju, konformi mat-test stipulat mill-ECJ.

    F'sitwazzjoni bħal din, l-awtorità kompetenti jkollha bżonn tiddeċiedi jekk ix-xogħlijiet deskritti fit-taqsima ta' hawn fuq jiffurmawx parti integrali mill-proċess kontinwu ta' produzzjoni . Meta tagħmel hekk, il-Kummissjoni tqis li l-awtorità jkollha toħloq distinzjoni li tkun ibbażata fuq il-fatti kollha: kemm il-materjal ikun lest sabiex jerġa' jintuża, in-natura u l-ammont ta' xogħol ta' preparazzjoni fuq il-materjal qabel jerġa' jintuża, l-integrazzjoni ta' dawn ix-xogħlijiet fil-proċess ewlieni ta' produzzjoni u jekk ix-xogħlijiet humiex mwettqa minn xi ħadd li mhux il-manifattur, kollha jistgħu jkunu fatti rilevanti. L-awtorità kompetenti tista' wkoll tikkunsidra d-dokumenti ta' referenza BREF sabiex jgħinuha tiddeċiedi jekk ix-xogħlijiet jiffurmawx parti integrali mill-proċess kontinwu ta' produzzjoni. Ta' min jinnota li l-approċċ stipulat mill-Qorti fil-każijiet Palin Granit, Niselli[13] and Spanish manure jindika approċċ aktar ristrett milli wiesa’, għall-kunċett tal-proċess ta' produzzjoni.

    Jekk il-materjal joħroġ jew jinħareġ mis-sit jew mill-fabbrika fejn ġie prodott sabiex isirlu aktar proċessar, dan jista' jkun ta' evidenza li t-tali xogħlijiet ma għadhomx jiffurmaw parti mill-istess proċess ta' produzzjoni. Madankollu, minħabba li l-ispeċjalizzazzjoni fil-processi industrijali qiegħda dejjem tikber, din l-evidenza ma tistax titqies bħala waħda definittiva. Dawk li jkunu ser jagħmlu użu minnu u kumpaniji intermedjarji jistgħu jipparteċipaw fil-preparazzjoni tal-materjal għall-użu tiegħu mill-ġdid, billi jagħmlu xogħlijiet bħal dawk deskritti fit-taqsima 3.3.2 ta' hawn fuq.

    Jekk il-materjal ikun neċessarju bħala parti mill-attività ewlenija tal-manifattur, allura dan hu ta' evidenza li l-materjal ikkonċernat mhux skart.

    Il-każ tal-fdalijiet ta' blat

    Fil-każijiet Avesta Polarit u Palin Granit , il-Qorti ntalbet tiċċara f'liema ċirkustanzi l-fdalijiet ta' blat li ġejjin minn attivitajiet li jseħħu ġewwa minjieri u barrieri għandhom jitqiesu bħala skart. Il-Qorti ddikjarat li fil-każ meta l-blat ikun qed jiġi maħżun b'possibbiltà ta' użu fil-futur jew obbligazzjoni ta' trattament ta' skart fil-futur, dan jitqies bħala skart. Meta ċerti residwi illi jistgħu jiġu identifikati fiżikament, jiġu maħżuna qabel l-użu mill-ġdid potenzjali iżda mhux fiċ-ċert, mingħajr ma jkunu proċessati, sabiex jintużaw fl-irdim ta' galleriji ta' taħt l-art bl-għan li jriffdu kif meħtieġ fl-attività prinċipali tal-minjieri (l-estrazzjoni ta' minerali), dawn ma jiġux meqjusa bħala skart.

    3.4. Fatturi oħra li l-qorti tuża sabiex tiddistingwi bejn skart u prodott sekondarju

    Fil-każ Arco Chemie[14] , u f'ġurisprudenza simili, l-ECJ telenka lista sħiħa ta' fatturi li jistgħu jindikaw li l-materjal huwa skart. L-ebda minn dawn l-elementi ma hu neċessarjament konklużiv, iżda f'xi ċirkustanzi, xi wħud minnhom jistgħu jkunu ta' għajnuna.

    3.4.1. Ma jidher li hemm ebda użu ieħor għalih ħlief li jintrema, jew l-użu tiegħu jħalli impatt qawwi fuq l-ambjent jew jeħtieġ miżuri ta' protezzjoni speċjali

    Kif innottat l-ECJ, jekk xi materjal ma jkun ta' ebda użu, u għalhekk ikun meħtieġ li jintrema, jidher li tkun ħaġa normali li, mill-ħin li jiġi prodott, dan il-materjal jitqies bħala skart. F'xi każijiet, l-użu mill-ġdid tal-materjal huwa pprojbit, inkella l-materjal għandu jintrema jew jiġi rkuprat bħala skart permezz ta' proċedura obbligatorja. Dan jista' jseħħ għal raġunijiet ambjentali, ta' sikurezza jew ta' saħħa pubblika. Eżempju ta' leġiżlazzjoni ta' l-UE li jista' jwassal li ssir ħaġa obbligatorja li wieħed jeqred ċertu materjal jew li jittrattaħ bħala skart hu d-Direttiva 96/59 dwar PCBs/PCTs[15]. Daqshekk ieħor, jekk il-materjal ma' jissodisfax l-istandards tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-użu potenzjali tiegħu, allura dan il-materjal għandu jkun meqjus bħala skart u jibqa' hekk sakemm ikun lest li jissodisfa dawk l-istandards.

    Il-kwistjoni dwar il-ħsara li tista' ssir lill-ambjent minn xi materjal, u l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri speċjali għall-ħarsien ta' l-ambjent sabiex ikun jista' jintuża dak il-materjal, hija aktar kumplessa. Xi prodotti primarji għandhom ukoll potenzjal għoli li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u jeħtieġ li jintużaw b'attenzjoni sabiex ma jikkawżawx din il-ħsara. Madankollu, wara l-pożizzjoni li ħadet l-ECJ dwar l-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta' skart, jekk prodott sekondarju jkollu impatt ogħla fuq l-ambjent minn dak il-materjal jew prodott alternattiv li jkun qed jissostitwixxi, dan jista' jaffettwa l-limiti tad-deċiżjoni dwar jekk hux skart jew le f'sitwazzjonijiet fejn paragun ikun possibbli jew rilevanti.

    Fis-sitwazzjoni opposta, l-assenza ta' periklu evidenti għall-ambjent mill-materjal, mhux prova li l-materjal mhux skart. Fil-każ Palin Granit , l-ECJ ikkunsidrat li anke kieku kien ippruvat illi l-materjal imsemmi ma jippreżenta ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem u għall- ambjent; dan ma kienx kriterju rilevanti sabiex il-materjal jiġi kkunsidrat li mhux skart. Dan jagħmel sens – skart industrijali inert li jkun mormi fejn mhux suppost jista’ ma jkun ta' ebda periklu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Madankollu, bla dubju, dan l-iskart joħloq inkonvenjent u għandu jkun kopert mill-ambitu tad-definizzjoni ta' skart. Minn dan joħroġ li, il-fatt li sustanza tista' tiġi rkuprata bħala fjuwil b'responsabbiltà ambjentali u mingħajr trattament sostanzjali ma jfissirx li dik is-sustanza mhix skart (Arco Chemie). Id-definizzjoni ta' skart qiegħda hemm biex tiżgura li dan it-trattament ta' skart b'responsabbiltà ambjentali jiġi mwettaq tassew.

    Fl-istess każ, l-ECJ iddikjarat li la l-post fejn issir il-ħażna tal-materjal u l-anqas il-kompożizzjoni tiegħu ma huma ta' rilevanza għal jekk il-materjal hux skart jew le. F'xi każijiet – per eżempju fil-barrieri ta’ l-irħam - ir-residwi tal-produzzjoni, bħal ma huma l-qatgħat li jifdal, fil-fatt jistgħu jkunu magħmula mill-istess materjal bħal dak tal-prodott primarju. Madankollu, jekk ikunu ser jintremew, allura xorta jiġu meqjusa bħala skart.

    3.4.2. Il-metodu ta' trattament tal-materjal ikkonċernat huwa metodu standard ta' trattament ta' skart

    F'xi ċirkustanzi, id-destinazzjoni tal-materjal tista' tagħti ħjiel ċara ta' l-istatus tal-materjal Madankollu, l-ECJ sostniet ukoll li jekk l-operazzjoni li se tiġi applikata fuq il-materjal hix waħda mill-operazzjonijiet ta' trattament ta' skart elenkati fl-Anness IIA jew IIB jew le, ma tistax tipprovdi risposta definittiva dwar jekk il-materjal hux skart jew le (Niselli). Dan hu inevitabbli, peress li diversi metodi ta' trattament jew ta' rimi elenkati fl-Anness jistgħu ukoll jiġu applikati b'manjiera perfettament valida għal xi prodott, u viċi-versa. Notevolment, ma hemmx mod kif wieħed jiddistingwi bejn il-il-ħruq ta' fjuwil bħala prodott u l-ħruq ta' skart fuq bażi tal-metodu ta' trattament.

    3.4.3. L-impriża tikkunsidra l-materjal bħala skart

    Fil-każ Arco Chemie il-qorti nnotat li l-perċezzjoni tal-materjal bħala skart jista' jkun fattur li jista' jindika li l-materjal ikkonċernat huwa skart. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-test jista' jinkoraġġixxi approċċ negliġenti lejn il-liġi dwar l-iskart, billi jagħti vantaġġ lil xi negozji li mhumiex konxji ta’ l-obbligi legali tagħhom jew li jippruvaw jevitaw il-ħarsien ta' dawn l-obbligi. Barra minn dan, peress li l-kunċett huwa wieħed ferm suġġettiv, tista' tinħoloq sitwazzjoni fejn il-kunċett ta' skart ikun ivarja minn Stat Membru għal ieħor.

    3.4.4. L-impriża tipprova tillimita l-kwantità tal-materjal prodotta

    Fil-każ ta' Palin Granit ukoll, l-ECJ innotat li jekk l-impriża tipprova tillimita l-kwantità ta' materjal prodotta, dan jista' jindika li l-materjal huwa skart. Dan mhux kriterju definittiv, għaliex wieħed jista' jipprova jvarja l-kwantitajiet prodotti ta' ċertu materjal minħabba fatturi ta' spejjeż, prezz u swieq, aktar milli għax ikun jixtieq li jnaqqas kemm jista' l-kwantità ta' materjal li jkollu jarmi. Aktar minn hekk, l-applikazzjoni ta' dan il-kriterju b'manjiera rigoruża jista' jibdel il-ħsieb ta' xi impriżi milli jadottaw politika ta' prevenzjoni ta' skart f'ċerti ċirkustanzi.

    ANNESS 1 – eżempji ta' skart u mhux skart

    Dawn l-eżempji huma maħsuba sabiex juru xi każijiet fejn materjali jistgħu jiġu kklassifikati bħala skart jew mhux skart. Huma meħuda minn setturi differenti, iżda la huma definittivi u lanqas komprensivi. Hemm ħafna eżempji oħra li setgħu ntużaw, u f'xi ċirkustanzi anke dawn l-eżempji jistgħu jvarjaw fost l-Istati ta' l-UE, speċjalment jekk ma tkunx ħaġa ċerta li l-prodott sekondarju jkun ser jintuża jew, bil-maqlub, jekk ikun żgur li l-materjal ikun ser jintuża f'xi reġjun jew Stat Membru, iżda mhux fl-UE kollha.

    1. GAGAZZI ( SLAGS ) U TRABIJIET LI JIFDAL MILL-PRODUZZJONI TAL-ħADID U TA' L-AZZAR

    Fil-kalkara ta' funderija ( Blast Furnace ), il-gagazza timmaterjalizza fl-istess ħin li jiġi prodott il-ħadid b'temperatura għolja. Il-proċess tal-produzzjoni tal-ħadid huwa adattat sabiex jiżgura li l-gagazza jkollha l-kwalitajiet tekniki meħtieġa. Fil-bidu tal-proċess issir għażla teknika li tiddetermina t-tip ta' gagazza li tkun ser tiġi prodotta. Barra minn hekk, f'numru ta' applikazzjoniet li huma definiti b'mod ċar, l-użu tal-gagazzi hu neċessarju u t-talba għalih hija kbira. Il-gagazza li tkun ġejja mill-kalkara ta' funderija tista' tintuża direttament fl-aħħar tal-proċess ta' produzzjoni, mingħajr il-bżonn ta' proċessar ieħor li ma jiffurmax parti integrali minn dan il-proċess ta' produzzjoni (per eżempju, id-dħin sabiex jinkiseb id-daqs mixtieq). Għaldaqstant, dan il-materjal jista' jitqies li mhux skart.

    B'kuntrast, il-gagazza tat-tneħħija tal-kubrit tiġi prodotta minħabba l-bżonn li jitneħħa l-kubrit qabel l-ipproċessar tal-ħadid f'azzar. Il-gagazza li tiġi prodotta minn dan il-proċess ikolla kontenut għoli ta' kubrit, u la tista' jiġi użata u lanqas riċiklata fi proċessi metallurġiċi u għalhekk is-soltu tintrema f'landfill. Tip ta' eżempju ieħor huwa t-trab li jiġi estratt mill-proċess ta' produzzjoni ta' l-azzar waqt it-tindif ta' l-arja ta' ġewwa l-impjant. Dan it-trab jinġema' ġewwa filtri permezz ta' proċess ta' estrazzjoni. Dawn il-filtri jkunu jistgħu jiġu mnaddfa u l-kontenut metalliku jerġa' jiġi integrat fiċ-ċiklu ekonomiku permezz ta' operazzjoni ta' riċiklaġġ. Għalhekk, dawn iż-żewġ residwi tal-produzzjoni huma skart li ġej mill-produzzjoni, iżda l-kontenut ta' ħadid estratt mill-filtri ma jibqax jitqies bħala skart ladarba jkun ġie riċiklat.

    2. PRODOTTI SEKONDARJI MILL-INDUSTRIJA TA' L-IXEL U X-XORB – GħALF GħALL-ANNIMALI

    Użu ewlieni tal-prodotti sekondarji li jiġu mis-settur ta' l-ikel u x-xorb hu dak ta' l-għalf għall-annimali. F'ħafna setturi, il-proċessi ta' produzzjoni (eż. il-produzzjoni taz-zokkor, it-tifrik taż-żerriegħa li jittieħed iż-żejt minnha, il-produzzjoni tal-lamtu u l-produzzjoni tal- malt ) jiġġeneraw materjali li jintużaw bħala materjali għall-għalf jew mill-bidwi direttament jew inkella mill-industrija ta' l-għalf kompost għall-annimali. Għalkemm mhux ir-residwi ta' produzzjoni kollha li jkunu ser jiġu proċessati f'għalf għall-annimali jiġu meqjusa awtomatikament bħala mhux skart[16], il-materjali għall-għalf imsemmija jiġu prodotti apposta bi proċessi ta' produzzjoni li jkunu ġew adattati, jew, anke jekk mhumiex prodotti apposta, jissodisfaw il-kriterji kumulattivi ta' prodott sekondarju stipulat mill-qorti, peress li l-użu tagħhom fl-għalf għall-annimali huwa wieħed ċert, mingħajr aktar proċessar minbarra mill-proċess ta' produzzjoni ta' dak il-materjal. Barra minn hekk, il-materjal għall-għalf hu kontrollat mill-leġiżlazzjoni bħal ma huma r-Regolament 178/2002 tal-liġi dwar l-ikel[17] u d-Direttiva 96/25/KE dwar iċ-ċirkulazzjoni u l-użu ta' materjali użati għall-għalf[18]. Għaldaqstant, fiż-żewġ każijiet, dan il-materjal għandu jitqies bħala mhux skart.

    3. PRODOTTI SEKONDARJI MILL-KOMBUSTJONI – ġIBS PRODOTT BIT-TNEħħIJA TAL-KUBRIT MILL-GASSIJIET TAL-KOMBUSTJONI

    Installazzjonijiet tat-tneħħija tal-kubrit mill-gassijiet tal-kombustjoni jeliminaw il-kubrit mill-gassijiet tal-kombustjoni, liema gassijiet huma r-riżultat tal-ħruq ta' fjuwils fossili bil-kubrit f'impjanti ta' l-enerġija, sabiex jipprevjenu lil dawn l-emissjonijiet milli jżidu t-tniġġis ta' l-arja u x-xita aċida. Il-materjali li jirriżulta huwa l-ġibs FGD (Flue Gas Desulphurisation gypsum), jiġifieri ġibs prodott bit-tneħħija tal-kubrit mill-gassijiet tal-kombustjoni, li jintuża għall-applikazzjonijiet kollha fejn jista' jintuża l-ġibs naturali u b'mod partikulari fil-produzzjoni tal-plasterbord. Il-proċess jiġi mmodifikat u kkontrollat sabiex il-ġibs FGD ikollu l-karatteristiċi meħtieġa. Barra minn hekk, l-użu tal-materjal huwa assigurat, mingħajr il-bżonn ta' aktar proċessar qabel jerġa' jintuża u bħala parti minn proċess ta' produzzjoni integrat.

    Xi prodotti oħra li ġejjin mill-ħruq tal-faħam ukoll jistgħu jkunu utli, bi ftit jew xejn aktar proċessar. Biss, xi wħud, jintremew fil-landfills regolarment – lignite fly ash (irmied tal-faħam li fih traċċi tal-pjanti), per eżempju. Peress li, fuq livell ta’ l-UE, ma hemmx iċ-ċertezza li ser jintużaw, dawn ma jissodisfawx il-kriterji tal-ECJ fl-UE kollha u għaldaqstant aktarx li jkunu meqjusa bħala skart, anke jekk f'xi każijiet lokali jista' jkun li teżisti applikazzjoni, u allura, ċertezza ta' użu

    4. FDALIJIET U MATERJAL SIMILI IEħOR

    Serratura, laqx ta' l-injam u fdalijiet ta' l-injam mhux maħdum ikunu ġġenerati minn postijiet fejn jisserraw l-injam u waqt operazzjonijiet sekondarji bħal ma huma l-manifattura ta' l-għamara jew tal-pallets u materjali għall-ippakkjar, flimkien mal-prodott ewlieni, l-injam maqtugħ. Wara, dawn l-elementi jintużaw bħala l-materja prima fil-produzzjoni ta' panels bħal ċippbord jew fil-produzzjoni tal-karti. L-użu huwa assigurat, bħala parti minn proċess integrali ta' produzzjoni u mingħajr aktar proċessar ħlief li jiġi mdaqqas skond il-ħtieġa sabiex jintuża għall-prodott finali.

    F'sens usa', il-materjali li jifdal minn proċess ta' produzzjoni, jew materjali li jkollhom biss difetti ta' tip kosmetiku iżda li huma materjalment l-istess bħall-prodott primarju, bħal ma huma rubber compound u vulcanisation mix , qxur u biċċiet oħra tas-sufra, biċċiet ta' plastik u materjali simili jistgħu jitqiesu bħala prodotti sekondarji. Sabiex dan iseħħ, irid ikun possibbli li dawn il-materjali jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw jew direttament fil-proċess primarju jew fi produzzjonijiet integrati oħra fejn l-użu mill-ġdid tagħhom ikun assigurat. Materjali bħal dawn għandhom jitqiesu wkoll bħala mhux skart.

    Meta materjal ta' dan it-tip ikollu bżonn ta' operazzjoni ta' riċiklaġġ jew ta' rkupru sħiħa, jew ikun fih kontaminanti li jeħtieġ li jitneħħew qabel dan jerġa' jintuża jew jiġi proċessat, dan ikun jindika li, sal-ħin li l-operazzjoni ta' riċiklaġġ jew ta' rkupru tkun tlestiet, il-materjal jibqa' jitqies bħala skart.

    ANNESS II – skema ta' deċiżjonijiet għal għażliet bejn skart u prodotti sekondarji

    [pic]

    [1] ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9-21.

    [2] Id-definizzjonijiet ma jirrappreżentawx interpretazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni Ewropea u ma humiex intiżi li jintużaw barra mill kuntest ta' din il-Komunikazzjoni.

    [3] ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

    [4] COM(2003) 301 Finali.

    [5] COM(2005) 666 Finali.

    [6] Kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/573/KE, ĠU.L203 28.7.2001 p. 18.

    [7] Każ C-9/00 Palin Granit Oy (2002) ECR I-3533.

    [8] C-235/02, Saetti Ordni, 15 ta' Jannar 2004.

    [9] C-444/00 Mayer Parry (2003) ECR I-6163.

    [10] Il-Każijiet C-206/88 u 207/88, Vessoso and Zanetti (1990) ECR 1461.

    [11] Il-każijiet konġunti C-304/94, C-330/94, C-342/94 & C-224/95 Tombesi (1997) ECR I-3561.

    [12] Il-każ C-114/01 AvestaPolarit Chrome Oy judgment 11 ta' Settembru 2003.

    [13] C-457/02, Niselli, ordni tal-11 ta' Novembru 2004.

    [14] Il-Każi Konġunti C-418/97 & C-419/97 ARCO Chemie (2000) ECR I-4475.

    [15] ĠU L 243 , 24.9.1996 P. 31 – 35.

    [16] (konformi mal-pożizzjoni li l-Kummissjoni ħadet fil-qorti fil-każ pendenti Commission v Italy ,C-195/05 – l-eżistenza biss ta' karatteristiċi tekniċi speċifikati u ċertu użu mill-ġdid, mhix biżżejjed – it-tliet elementi kumulattivi tal-ġurisprudenza tal-ECJ għandhom jiġu applikati kollha).

    [17] ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3.

    [18] ĠU L 123, 23.5.1996, p. 35-58.

    Top