EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0030

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ħarsa lura lejn il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond

/* KUMM/2007/0030 finali */

52007DC0030

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ħarsa lura lejn il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond /* KUMM/2007/0030 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.1.2007

KUMM(2007) 30 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Ħarsa lura lejn il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Ħarsa lura lejn il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond

WERREJ

1. Daħla 3

2. Ħarsa ġenerali lejn ir-regolamenti tal-Komunità dwar is-sajd fil-baħar fond. 4

3. L-Effettività tar-Regolamenti 5

3.1. Il-mizuri li gew adottati huma adegwati? 5

3.1.1. Il-livelli tat-TACs 5

3.1.2. Kemm huma xierqa t-TACs għall-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-bahar fond 6

3.1.3. Il-ġestjoni ta’ l-isforz għal stokkijiet tal-fond 7

3.2. Implimentazzjoni tar-Regolament 8

3.2.1. Programmi xjentifiċi ta' kampjunar u ta' osservazzjoni 8

3.2.2. Listi ta' portijiet deżinjati 8

3.2.3. Listi ta' bastimenti b'liċenzji tal-baħar fond 9

3.2.4. Rappurtar ta' l-isforzi fis-sajd 9

3.2.5. Sorveljanza u kontroll 9

4. Konklużjonijiet 10

ANNESS 12

1. DAħLA

L-ambitu ta' din l-analiżi huwa limitat għas-sajd fil-baħar fond li jsir fl-ilmijiet Komunitarji u ż-żoni Regolatorji tal-Kummissjoni tas-Sajd għall-Grigal ta' l-Atlantiku (NEAFC) u l-Kumitat għas-Sajd fil-Lvant Ċentrali ta' l-Atlantiku (CECAF). Għalhekk ma jitqiesx sajd li jsir f'żoni rregolati oħra, bħalma huma dawk ta' l-Organizzazzjoni għas-Sajd fil-Majjistral ta' l-Atlantiku (NAFO), l-Organizzazzjoni għas-Sajd fix-Xlokk ta' l-Atlantiku (SEAFO) jew żoni mhux regolati f'ibħra internazzjonali.

Ukoll, l-istudju jikkonċentra aktar fuq il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond milli fuq konsiderazzjonijiet ekosistemiċi usa', bħalma hu l-ħarsien tal-ħabitats vulnerabbli. Din hija sempliċement kwistjoni ta' fejn tingħata l-importanza, u ma timplikax li l-Kummissjoni tqis li l-impatt tas-sajd fil-baħar fond fuq l-ekosistema huwa anqas importanti.

Speċijiet tal-baħar fond huma ġeneralment meqjusa bħala dawk li jgħixu f'fond ta' aktar minn 400 metru. F'dak il-fond ftit li xejn hemm dawl, għalhekk il-katina ta' l-ikel tiddependi fuq il-fdalijiet mill-organiżmi fil-livelli fuqana tal-kolonna ta' l-ilma. Għaldaqstant il-produttività hija baxxa ferm. L-ispeċijiet tal-ħut tal-baħar fond tipikament jgħixu ħajja twila, idumu biex jikbru u jimmaturaw tard. Huma ġeneralment ta' fekondità baxxa. Minħabba dawn il-karatteristiċi kollha, huma partikolarment vulnerabbli għas-sajd żejjed.

B'ċerti eċċezzjonijiet, is-sajd għall-ispeċijiet tal-baħar fond żviluppa u espanda qabel ma kien disponibbli biżżejjed tagħrif li fuqu seta' jissejjes il-parir għall-ġestjoni. Dan kien partikolarment minnu matul l-aħħar għaxar snin, meta l-isfruttar żdied fir-rigward ta' numru ta' speċijiet hekk kif is-sajd ġie estiż għal ilmijiet aktar fondi jew għal żoni ġodda. Id- data dwar il-ħatt l-art u l-isforzi tas-sajd hija fqira, u r-rimi ta' ħut lura ġeneralment ma jiġix rappurtat, avolja jista' jkun sinifikanti. Minħabba f'hekk, kien diffiċli għall-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) li jissuġġerixxi livell ta' sfruttar li jista' jkun sostenibbli, iżda min-naħa l-oħra dan iqis li l-aktar speċijiet sfruttati tal-baħar fond qed jinqabdu f'livelli li mhumiex bijoloġikament sikuri u li l-isforz tas-sajd għandu jitnaqqas immedjatament. Sajd ġdid għandu jiġi permess biss meta dan jikber b'rata baxxa ħafna, u meta flimkien miegħu jitwettqu programmi għall-ġbir tad- data li jippermettu l-evalwazzjoni ta' l-istatus ta' l-istokkijiet.

Il-biċċa l-kbira tas-sajd fil-baħar fond jirriżulta fil-qbid ta' taħlita ta' speċijiet. Pereżempju, ġew irreġistrati madwar 70 speċi tal-baħar fond fil-qabdiet minn bastimenti tas-sajd bit-tkarkir li jistadu għar- roundnose grenadier. Ftit li xejn huwa magħruf dwar l-effetti li għandu s-sajd fil-baħar fond fuq l-ekosistemi, ħlief għall-ħsara diretta li tista' ssir lil-ħabitats mill-irkaptu tas-sajd li jintuża. L-ICES talbet li l-informazzjoni rilevanti kollha ssir disponibbli għall-grupp ta' ħidma, kif ukoll li jiġu żviluppati programmi ta' monitoraġġ dirett, pereżempju bl-użu ta' bastimenti ta' riċerka.

2. ĦARSA ġENERALI LEJN IR-REGOLAMENTI TAL-KOMUNITÀ DWAR IS-SAJD FIL-BAħAR FOND.

Il-qabdiet totali permessi (TACs) ġew introdotti għall-ewwel darba għal xi wħud minn dawn l-ispeċijiet fl-2002 (bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2340/2002)[1] abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni li qieset ir-riżultati miksuba matul għaxar snin ta' sajd (1990-1999). Peress illi l-parir xjentifiku dwar l-istokkijiet tal-baħar fond huwa disponibbli kull sentejn, ir-Regolament 2340/2002 iffissa t-TACs għall-baħar fond għall-2003 u l-2004.

Wara t-tkabbir tal-Komunità fl-2004, il-kwoti kellhom jiġu ffissati għall-Istati Membri l-ġodda skond l-Artikolu 57 ta' l-Att ta' Adeżjoni. Kieku ma sarx dan, l-Istati Membri l-ġodda kien ikollhom jieqfu mis-sajd mas-sħubija fil-Komunità, minkejja li kellhom opportunitajiet ta' sajd leġittimi qabel din id-data. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2269/2004[2] iffissa l-kwoti għall-istati li kienu se jissieħbu permezz ta' metodu simili għal dak li jintuża sabiex jiġu allokati l-kwoti fir-Regolament 2340/2002, iżda abbażi tar-riżultati tal-qabdiet matul il-perjodu 1993-2002 minflok 1990-1999. Fir-Regolament 2269/2004, il-kwoti għall-Istati Membri l-ġodda żdiedu ma dawk fir-Regolament 2340/2002 għall-Istati Membri l-oħra, u dan irriżulta f'żieda fit-TACs Komunitarji. Il-formoli għall-allokazzjoni kumplessiva li rriżultaw intużaw sabiex jiffurmaw il-bażi għall-iffissar tat-TACs fost l-Istati Membri kollha fis-snin sussegwenti. L-allokazzjoni tat-TACs kienet kwistjoni taħraq, għaliex dawk b'industriji tas-sajd stabbiliti ġew allokati ishma akbar tar-riżorsi milli ġew allokati dawk li xtaqu jiżviluppaw opportunitajiet ta' sajd alternattivi iżda li ftit li xejn kellhom riżultati x'juru, fi żmien fejn is-sajd tradizzjonali għall-merluzz beda jitrażżan strettament.

Ir-Regolament dwar it-TACs u l-kwoti ġie kkomplementat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002[3] li jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi ta' aċċess u kundizzjonijiet relattivi għas-sajd ta' stokkijiet [ħażniet] tal-baħar fond; Dan ir-Regolament kien immirat biex jillimita l-espansjoni ta' l-isforzi tas-sajd fuq l-ispeċijiet tal-baħar fond billi jobbliga l-bastimenti kollha li jaqbdu aktar minn 10 tunnellati ta' speċijiet tal-fond fis-sena, ikollhom permess għas-sajd fil-baħar fond, inkella l-qabdiet ta' speċijiet ta' baħar fond ikunu limitati għal 100kg għal kull sajda. Barra minn hekk, il-kapaċità totali tal-bastimenti b'permessi għas-sajd fil-baħar fond ġie ristrett għall-kapaċità kumplessiva tal-bastimenti li qabdu aktar minn 10 tunnellati ta' speċijiet tal-baħar fond fi kwalunkwe waħda mis-snin 1998-2000 inklużi (2000-2003 għall-Istati Membri l-ġodda). Ir-Regolament 2347/2002 introduċa wkoll rekwiżiti speċjali ta' rappurtar u kontroll, fosthom skemi maqbula ta' kampjunar, kopertura mill-osservaturi u r-rekwiżit ta' ħatt l-art biss f'portijiet iddeżinjati. Rekwiżiti ulterjuri dwar il-ġbir tad- data huma speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1581/2004[4].

Ir-Regolamenti 2340/2002 u 2269/2004 ġew sostitwiti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2270/2004[5], li ffissa t-TACs għall-istokkijiet tal-baħar fond għall-2005 u l-2006. Dan ir-Regolament introduċa wkoll TACs fuq għadd ta' stokkijiet li għalihom il-qabdiet qatt qabel ma kienu ristretti. Barra minn hekk, fid-dawl tal-parir xjentifiku li l-istokk ta' l- orange roughy fid-Diviżjoni VI kien eżawrit ferm, dan ir-Regolament introduċa żona magħluqa għal din l-ispeċi fil-Punent tar-Renju Unit u l-Irlanda. Bastimenti tas-sajd fiż-żona l-magħluqa ma jistgħux iħottu l-art l- orange roughy. Bastimenti li jistadu għall- orange roughy li jgħaddu miż-żona l-magħluqa jridu jżommu veloċità ta' aktar minn 8 knots sabiex jiġi żgurat li l-ebda operazzjonijiet tas-sajd ma jsiru fiż-żona.

Il-biċċa l-kbira tal-parir xjentifiku dwar l-istokkijiet tal-baħar fond tinħareġ darba kull sentejn, iżda kultuant jinħareġ parir speċifiku għal ċerti stokkijiet, jew deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta' organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd, li jirrikjedu li jittieħdu miżuri speċifiċi f'limitu ta' żmien relattivament qasir. Eżempju ta' dan huwa r-rakkomandazzjoni li ġiet adottata min-NEAFC li l-isforz tas-sajd fuq l-istokkijiet tal-baħar fond għandu jitnaqqas bi 30% fl-2005 u l-2006. Minflok ma emendat ir-Regolamenti 2347/2002 u 2270/2004, il-Kummissjoni inkludiet rekwiżiti sabiex jitnaqqas l-iforz tas-sajd f'jiem kW bi 30% meta mqabbel mal-livelli ta' l-2003 fil-proposti tagħha għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005[6] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 51/2006[7] li jiffissaw l-opportunitajiet ta' sajd għall-2005 u l-2006 rispettivament sabiex jikkonformaw mar-rakkomandazzjoni tan-NEAFC. Madankollu, il-Kunsill tal-Ministri aċċetta biss żewġ tnaqqisiet suċċessivi ta' 10% fl-isforz fl-2005 u l-2006.

3. L-EFFETTIVITÀ TAR-REGOLAMENTI

Hemm żewġ aspetti li għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni ta' kemm ikunu effettivi r-regolamenti. L-ewwel huwa jekk il-miżuri adottati humiex biżżejjed għall-ħarsien ta' l-istokkijiet tal-baħar fond. It-tieni huwa jekk dawk il-miżuri ġewx implimentati tajjeb u għalhekk kisbu r-riżultati maħsuba.

3.1. Il-mizuri li gew adottati huma adegwati?

3.1.1. Il-livelli tat-TACs

Huwa relattivament reċenti li saru sforzi sabiex jiġi rregolat is-sajd fil-baħar fond. Barra minn hekk, dawn l-isforzi kienu motivati mill-ħtieġa li titwaqqaf jew titrażżan l-espansjoni rapida tas-sajd fuq speċijiet li dwarhom ftit li xejn huwa magħruf. In-nuqqas ta' għarfien bażiku dwar il-bijoloġija ta' l-ispeċijiet tal-baħar fond u ta' l-ekosistma tal-baħar fond ifisser li l-limitazzjonijiet tat-TAC u ta' l-isforzi li ġew iffissati kienu x'aktarx arbitrarji. Konformità sħiħa ma' l-approċċ prekawzjonarju kienet tesiġi l-iffissar ta' TACs u limiti fuq l-isforzi ferm aktar baxxi, jew saħansitra l-waqfien mis-sajd.

It-TACs iffissati għall-2003 u l-2004 kienu pass fit-triq it-tajba iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kienu għolja wisq biex l-istokkijiet isostnuhom. Barra minn hekk, il-qabdiet iddikjarati għall-biċċa l-kbira tal-każijiet kienu konsiderevolment aktar baxxi mit-TACs, u dan jissuġġerixxi li t-TACs ma kinux qed jirrestrinġu s-sajd. Fil-proposti tagħha għal-livelli tat-TACs 2005 u 2006 għall-istokkijeit tal-baħar fond, il-Kummissjoni għalhekk ippruvat tiżgura li jkunu ġenwinament restrittivi billi użat il-livelli reali tal-qabdiet u mhux it-TACs eżistenti, bħala l-linja ta' bażi. Fejn il-parir xjentifiku indika ħtieġa għal tnaqqis konsiderevoli fl-isforz tas-sajd jew il-qabdiet, iżda ma speċifikax ċifra partikolari, ġie propost tnaqqis ta' 30% fl-opportunitajiet għall-qbid. Fejn il-parir xjentifiku indika ħtieġa sabiex jitnaqqas l-isforz tas-sajd jew il-qabdiet b'ċifra partikolari, dik iċ-ċifra ntużat sabiex jiġi kkalkulat it-TAC propost. Madankollu, sabiex jittaffa l-impatt soċjali u dak ekonomiku, it-TAC propost qatt ma kien inqas minn 50% tal-qabda fl-2003.

Il-Kunsill tal-ministri ma setax jaċċetta l-metodoloġija tal-Kummissjoni, u minflok adotta tnaqqis aktar modest b'massimu ta' 15% fir-rigward tat-TACs eżistenti u mhux il-qabdiet iddikjarati. Dan ġara minħabba d-diffikultajiet politiċi bil-preżentazzjoni ta' tnaqqisiet kbar fl-opportunitajiet tas-sajd fuq l-istokkijiet tal-baħar fond, meta dawn kienu jitqiesu bħala alternattivi għas-sajd dejjem aktar batut fuq il-blata kontinentali. Madankollu, għall-istokkijiet li ġew proposti TACs għalihom għall-ewwel darba fir-Regolament 2270/2004, il-Kunsill aċċetta l-proposta tal-Kummissjoni għal tnaqqis ta' bejn 30% u 50% tal-livell reali tal-qabdiet iddikjarati.

It-tabella fl-Anness tqabbel it-TACs li jirriżultaw għall-2005 u l-2006 mal-qabdiet iddikjarati għall-2005. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-qabdiet kienu konsiderevolment aktar baxxi mit-TACs, u dan jissuġġerixxi li t-TACs xorta għadhom mhumiex restrittivi.

3.1.2. Kemm huma xierqa t-TACs għall-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-bahar fond

Bi ftit eċċezzjonijiet, fis-sajd fil-baħar fond tinqabad taħlita ta' speċijiet, minkejja li s-sajd fil-fatt ikun intenzjonat biss għal speċi waħda jew tnejn minnhom. Ċerti speċijiet tal-baħar fond, li l-ħabitats tagħhom jestendu għall-pendili tal-blata kontinentali, bħal-ling u t-tusk, jistgħu jinqabdu wkoll bħala qabdiet inċidentali f'sajd demersali fil-baħar baxx.

Sabiex it-TACs ikunu effettivi fis-sajd imħallat, it-TACs għall-istokkijiet individwali għandhom jiġu ffissati relattivament għal xulxin f'livelli li jimminimizzaw ir-rimi lura l-baħar u l-qabdiet inċidentali. Dan mhux la kemm tgħidu, anki f'sajd imħallat f'ilmijiet baxxi fejn hemm ferm aktar informazzjoni disponibbli dwar ir-rati ta' qbid u ta' rimi lura l-baħar. Għall-istokkijiet tal-baħar fond, it-TACs individwali ġew iffissati biss abbażi tal-qabdiet rappurtati uffiċjalment, mis-sajd kollu kumplessivament, prattikament mingħajr l-ebda informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-qabdiet għal kull wieħed mit-tipi distinti ta' sajd involut jew dwar ir-rati ta' rimi lura l-baħar. Barra minn hekk, mit-48 speċi elenkati fl-Annessi I u II tar-Regolament 2347/2002, it-TACs huma ffissati biss għal 9 minnhom. Il-biċċa l-kbira ta' l-ispeċijiet l-oħra jinqabdu sporadikament wisq inkella fi kwantitajiet żgħar wisq sabiex ikun fattibbli li jiġu ffissati t-TACs. Sfortunatament l-għadd ristrett ta' l-ispeċijiet ġestiti bit-TACs inkoraġġixxa r-rappurtar inkorrett ta' l-ispeċijiet maqbuda sabiex ma jitnaqqsux mill-kwoti.

Problema oħra fil-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-baħar fond permezz tat-TACs hija li relattivament ftit huwa magħruf dwar l-istruttura ġeografika ta' l-istokkijiet ta' l-ispeċijiet tal-baħar fond. It-TACs għalhekk kemm-il darba jiġu ffissati fuq żoni ta' ġestjoni enormi, parzjalment għall-prevenzjoni ta' rappurtar inkorretta li jista' jsir li kieku ż-żoni tat-TACs ikunu ddefiniti b'mod aktar ristrett. Il-periklu li tiġi eskluża bi żball żona mir-reġim tat-TAC, intwera bl-iżvilupp tas-sajd għar- roundnose grenadier fl-ilmijiet Norveġiżi taż-Żona ICES III. Ir-Regolament 2270/2004 iffissa TAC ta' 1 590 tunnellata għall-ICES III, iżda speċifika li dan applika għall-ilmijiet Komunitarji u Internazzjonali. It-TAC għalhekk ma kopriex l-ilmijiet Norveġiżi, minkejja li r-riżultati ta l-imgħoddi li fuqhom kien ibbażat kien jinkludi l-qabdiet li saru fl-ilmijiet Norveġiżi. Din il-lakuna ġiet sfruttata minn għadd ta' bastimenti Daniżi li kienu qed jistadu legalment skond id-drittijiet storiċi rikonoxxuti min-Norveġja, u dan żied il-qabdiet tagħhom ta' roundnose grenadier għal aktar minn 14 000 tunnellata fl-2005.

Minkejja d-diffikultajiet u n-nuqqasijiet, it-TACs x'aktarx li kellhom xi effett fit-tnaqqis tal-mortalità mis-sajd f'xi wħud mill-ispeċijiet ewlenin fil-mira. Madankollu, huwa ċar li l-ġestjoni fit-tul ta' l-istokkijiet tal-baħar fond iridu jikkomplementaw it-TACs b'miżuri oħra, partikolarment ir-restrizzjoni ta' l-isforz tas-sajd.

3.1.3. Il-ġestjoni ta’ l-isforz għal stokkijiet tal-fond

Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament 2347/2002, il-kapaċità tal-bastimenti b'permessi għas-sajd fil-baħar fond hija ristretta għall-kapaċità kumplessiva tal-bastimenti kollha li qabdu aktar minn 10 tunnellati ta' speċijiet tal-baħar fond fi kwalunkwe waħda mis-snin 1998, 1999 jew 2000. Dan il-limitu tal-kapaċità kien maħsub sabiex titrażżan l-espansjoni tas-sajd fil-baħar fond, iżda fil-prattika x'aktarx ma kellu l-ebda effett.

Raġuni waħda għal dan hija li xi wħud mill-istokkijiet tal-baħar fond jinqabdu bħala qabdiet inċidentali f'sajd għal speċijiet tal-baħar baxx. L-eżempji tal-ling u t-tusk diġà ssemmew. Eżempju ieħor huwa dak ta' l-arġentini, li huma elenkati bħala speċijiet tal-baħar fond fir-Regolament 2347/2002, iżda li jinqabdu inċidentalment fis-sajd għall-istokkafixx. Dan ifisser li l-limiti fil-kapaċità jinkludu bastimenti li ma jkunux qed jistadu għall-istokkijiet tal-fond, u jirrappreżentaw propozjon ferm akbar tal-kapaċità totali tal-flotta milli tissuġġerixxi l-importanza relattiva tas-sajd fil-baħar fond.

It-tieni problema hija li l-Artikolu 4 jesiġi li l-kapaċità kumulattiva tal-bastimenti kollha li jkunu qabdu aktar minn 10 tunnellati fi kwalunkwe waħda mis-snin 1998 sa l-2000 jkunu inklużi fil-limitu. Jekk bastiment wieħed ikun qabad 10 tunnellati ta' speċijiet tal-baħar fond f'waħda biss minn dawk is-snin, u bastiment ieħor ikun qabad 10 tunnellati biss f'sena oħra minn dawk is-snin, il-kapaċità taż-żewġ bastimenti tkun inkluża fil-limitu tal-kapaċità. Ir-riżultat huwa li l-limiti tant huma għolja li mhumiex realistiċi, u li ma jirrestrinġux l-għadd ta' bastimenti li jistadu għal speċijiet tal-baħar fond.

Dan in-nuqqas hedded ukoll l-effettività tat-tnaqqis ta' l-isforzi impost bir-Regolamenti 27/2005 u 51/2006, li jesiġu tnaqqisiet ta' 10% u 20% rispettivament fin-numru ta' jiem kW mistada minn bastimenti b'liċenzji għas-sajd fil-baħar fond għal-livelli mistada fl-2003 (is-sena li fiha r-Regolament 2347/2002 daħal fis-seħħ u għalhekk l-ewwel sena li għaliha hija disponibbli data effettiva dwar l-isforzi). Peress li ħafna mill-bastimenti b'liċenzji tal-baħar fond mhux qed jistadu għal stokkijiet tal-baħar fond, it-tnaqqis ta' l-isforzi mhux bilfors inaqqas ir-rata li biha jiġu sfruttati, u jista' wkoll jirrestrinġi żżejjed l-isforz tas-sajd ta' xi tipi oħra ta' sajd. Filfatt, sabiex jiġi evitat li t-tnaqqis nominali ta' l-isforz fuq l-ispeċijiet tal-baħar fond ikun dominat minn tnaqqisiet ta' l-isforz fis-sajd għall-istokkafixx, fejn isir qbid inċidentali ta' arġentini, ir-Regolament 51/2006 jeskludi l-arġentini mil-lista ta' speċijiet tal-baħar fond għall-iskopiiet tal-kalkoli ta' l-isforzi.

Aħna u nikkunsidraw kemm huma adegwati l-miżuri adottati, għandna nqisu li mhuwiex immedjatament ċar jekk żewġ tnaqqisiet suċċessivi fl-isforz, ta' 10%, għall-2005 u l-2006, fir-rigward tal-livelli ta' l-isforzi fl-2003 humiex biżżejjed sabiex tinkiseb konformità mar-Rakkomandazzjoni tan-NEAFC li l-isforz tas-sajd fuq l-istokkijiet tal-baħar fond għandu jitnaqqas bi 30% mil-livelli għolja ta' dan l-aħħar. Din il-kwistjoni hija diskussa aktar fit-taqsima 4.2.4 dwar ir-rappurtar tal-livelli ta' l-isforzi tas-sajd mill-Istati Membri.

3.2. Implimentazzjoni tar-Regolament

3.2.1. Programmi xjentifiċi ta' kampjunar u ta' osservazzjoni

L-Artikolu 8 tar-Regolament 2347/2002 esiġa li l-Istati Membri jwaqqfu programm ta' osservazzjoni sabiex jiġbru informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-bastimenti b'liċenzji għas-sajd fil-baħar fond. Dawn kellhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni fi żmien 6 xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

Din id-data ta' skadenza ma setgħetx tiġi rispettata. Meta ġie adottat ir-Regolament 2347/2002, l-Istati Membri b'allokazzjonijiet għar-riżorsi tal-baħar fond kienu l-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Sa tmiem Marzu 2003, tliet xur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2347/2002, l-uniku pjan ta' kampjunar li kien tressaq kien dak mill-Ġermanja. L-Iżvezja infurmat lill-Kummissjoni li kienet tqis il-qabdiet tagħha ta' speċijiet tal-baħar fond bħala żgħar wisq sabiex ikun meħtieġ pjan ta' kampjunar. Wara tfakkiriet bil-miktub, il-pjanijiet ta' kampjunar ġew ipprovduti minn Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit. L-ebda pjanijiet ta' kampjunar ma tressqu mill-Belġju, id-Danimarka, l-Olanda u l-Iżvezja, minkejja li l-STECF innutat li l-kwoti tal-baħar fond għal dawk il-pajjiżi kollha huma żgħar ħafna. Wara t-tkabbir, l-Istati Membri l-ġodda kellhom iressqu wkoll pjanijiet ta' kampjunar, minkejja li lanqas wieħed ma tressaq.

Nuqqas kbir fir-Regolament 2347/2002 huwa li mhemm l-ebda strateġija ta' kampjunar iddefinita tajjeb, u dan ifisser li anke jekk jiġi sodisfatt ir-rekwiżit sabiex jiġi implimentat pjan ta' kampjunar, il-kwalità tad- data tista' tkun baxxa, jew inkella jista' jkun diffiċli li d- data mill-Istati Membri differenti tinġema' flimkien. Ir-rapport tal-grupp ta' ħidma ta' l-ICES dwar il-baħar fond, jirreferi għall-użu ta' data miġbura bħala parti minn programmi ta' osservazzjoni fil-każ ta' biss ftit stokkijiet, pereżempju r- roundnose grenadier f'Vb, XII, VI u VII.

3.2.2. Listi ta' portijiet deżinjati

Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament 2347/2002, speċijiet tal-baħar fond ta' aktar minn 100kg jistgħu jinħattu l-art biss f'portijiet deżinjati, li lista tagħhom kellha tintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien 60 jum mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Fi żmien tletin jum minn dakinhar, għandhom jiġu kkomunikati r-riżultati ta' l-ispezzjoni u s-sorveljanza assoċjati għall-ispeċijiet tal-baħar fond f'dawk il-portijiet.

Listi ta' portijiet deżinjati tressqu mill-Istati Membri kollha, iżda l-proċeduri assoċjati ta' spezzjoni u sorveljanza waslu biss mill-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Latvja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

Għal darb'oħra, huwa nuqqas tar-Regolament 2347/2002 li l-ebda linji ta' gwida ma jingħataw għall-proċeduri ta' spezzjoni u sorveljanza. Barra minn hekk, l-ispezzjoni ta' qabdiet maħtuta l-art ta' speċijiet tal-baħar fond, soltu jsiru flimkien ma' l-ispezzjoni ta' kwantitajiet ferm aktar ta' speċijiet demersali maħtuta l-art, u xi kultant jitqiesu li huma ta' prijorità aktar baxxa.

3.2.3. Listi ta' bastimenti b'liċenzji tal-baħar fond

Huma biss il-Portugall u Spanja li kkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94[8] sabiex iressqu lista ta' bastimenti li jinħarġu b'liċenzji għas-sajd fil-baħar fond.

3.2.4. Rappurtar ta' l-isforzi fis-sajd

L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill 2347/2002 jistipula li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw għal kull nofs tas-sena kalendarja, l-informazzjoni dwar il-qabdiet ta' speċijiet tal-baħar fond u ta' l-isforz tas-sajd li jsir, espress bħala jiem kilowatt ta' sajd, maqsuma għal kull tliet xhur, skond it-tip ta' rkaptu, skond l-ispeċi, kif ukoll informazzjoni dwar il-qabdiet ta' l-ispeċijiet addizzjonali elenkati fl-Anness II ta' l-istess Regolament.

Ir-rapporti ta' kull sitt xhur kellhom jintużaw sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dettaljata dwar il-livelli ta' l-isforz tas-sajd skond it-tip ta' rkaptu sabiex l-ispeċijiet maqbuda mill-baħar fond ikunu jistgħu jiġu identifikati aktar preċiżament u b'hekk it-tnaqqisiet fl-isforz ikunu jistgħu jiġu mmirati aħjar. Il-Kumitat argumentat bil-qawwa favur approċċ bħal dan f'diversi laqgħat annwali suċċessivi tan-NEAFC. Madankollu, l-ebda wieħed mill-Istati Membri ma rrapporta regolarment l-informazzjoni dwar l-isforzi, minkejja li xi wħud ipprovdew informazzjoni aktar dettaljata għall-aktar snin reċenti wara talba mill-Kummissjoni.

Madankollu, l-informazzjoni ġiet ipprovduta minn xi wħud mill-Istati Membri, iżda mhux kollha, bi tweġiba għal talba mill-Kummissjoni sabiex jipprovdu l-livelli kumplessivi ta' l-isforzi tas-sajd għas-snin 1998-2004. Din it-talba saret sabiex jiġi evalwat jekk it-tnaqqis ta' 10% fl-isforz tas-sajd għall-2005 meta mqabbla mal-livelli ta' l-isforz fl-2003 li kien rekwiżit tar-Regolament 27/2005 kienx se jkun biżżejjed sabiex jiġu sodisfatti r-rakkomandazzjonijiet tan-NEAFC sabiex jitnaqqas l-isforz tas-sajd bi 30% mil-livelli għolja ta' dan l-aħħar.

Data kumplessiva dwar l-isforzi għas-snin 2000-2005 (jew estimi ta' l-isforzi tas-sajd għas-snin qabel l-2003 meta r-Regolament 2347/2002 daħal fis-seħħ) ingħatat mid-Danimarka, Franza, l-Irlanda, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, il-Ġermanja u r-Renju Unit Dawn id- data jindikaw li l-isforz tas-sajd fl-2005 l-aktar l-aktar kien 65% ta' l-isforz li sar fl-2000, u dan jissuġġerixxi li l-Komunità verament irrispettat ir-rakkomandazzjoni tan-NEAFC.

3.2.5. Sorveljanza u kontroll

L-Artikolu 7 tar-Regolament 2270/2004 introduċa żona ta' protezzjoni għall- orange roughy. Bastimenti b'liċenza għas-sajd fil-baħar fond li jidħlu fiż-żona ma jistgħu jżommu abbord, iħottu l-art jew jittrażbordaw l-ebda kwantità ta' orange roughy , u lanqas ma jistgħu jħottu l-art xi kwantità ta' orange roughy fi tmiem il-vjaġġ tas-sajd tagħhom, sakemm l-irkaptu kollu li jġorru abbord ma jkunx marbut u stivat matul il-ħin imqatta' fiż-żona u l-veloċità medja tagħhom matul it-tranżitu ma jkunx għallinqas 8 knots .

L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri tesiġi monitoraġġ mill-qrib tad- data VMS u partikolarment li jinxtegħel sinjal ta' twissija meta l-veloċità ta' wieħed mill-bastimenti taqa' taħt it-8 knots . Dan ma jidhirx li ġie implimentat effettivament, fl-ebda wieħed mill-Istati Membri. Partikolarment, l-allarmi fiċ-Ċentri ta' Monitoraġġ dwar is-Sajd (FMC) ġeneralment mhumiex issettjati sabiex tingħata twissija awtomatika meta bastiment tas-sajd ikun qed jistad fi'żoni rregolati jew ikun għaddej minnhom. Dan ifisser li minkejja li huwa teknikament possibbli, l-FMCs ma jżommux lill-ispetturi lokali infurmati bi kwalunkwe attivitajiet suspettużi minn bastimenti speċifiċi fiż-żona tas-sajd. Li kieku jsir dan, kien jippermetti li tali bastimenti jkunu fil-mira ta' l-ispetturi meta jaslu fil-port.

Fit-taqsima 4.1.3, ġie nnutat li d-definizzjoni ta' bastimenti li jeħtieġu liċenzji għas-sajd fil-baħar fond kienet wiesgħa wisq, u kienet tinkludi ħafna bastimenti li l-qabdiet tagħhom ta' stokkijiet tal-baħar fond ikunu biss marġinali. Minbarra li jillimita l-effettività tal-limitazzjonijiet ta' l-isforzi tas-sajd fil-baħar fond, dan jista' jwassal ukoll għal problemi ta' kontroll għall-istokkijiet li mhumiex tal-baħar fond. Dan huwa għaliex, bħala detentur ta' liċenzja għas-sajd fil-baħar fond, bastiment jista' jistad leġittimament f'żoni fejn Stat Membru jkollu kwoti għas-sajd fil-baħar fond. Madankollu, dan ma jfissirx li l-bastiment bilfors jistad għall-istokkijiet tal-baħar fond f'dawk iż-żoni. Il-liċenzja għas-sajd fil-baħar fond f'ċerti każijiet, ipprovdiet il-leġittimità għall-attivitajiet ta' sajd f'żoni fejn il-bastiment m'għandu l-ebda dritt li jistad għall-ispeċijiet li fil-fatt ikun qed jistad għalihom.

4. KONKLUżJONIJIET

- Ħafna stokkijiet tal-baħar fond tant għandhom produttività baxxa li livelli ta' sfruttar sostenibbli x'aktarx li jkunu baxxi wisq sabiex isostnu sajd li jkun ekonomikament vijabbli. Għalhekk għandu jiġi rikonoxxut li l-livelli attwali ta' sfruttar ta' dawk l-istokkijiet għandu jitnaqqas inevitabbilment, b'għażla, għal finijiet ta' konservazzjoni ta' l-istokkijiet, inkella għax l-istokkijiet inkunu ġew eżawriti bis-sajd. Barra minn hekk, iż-żminijiet ta' rkupru ta' l-istokkijiet tant huma twal li t-tnaqqisiet fl-isfruttar għandhom jitqiesu bħala permanenti, mhux biss sabiex jerġgħu jiġġeddu l-istokkijiet, iżda wkoll sabiex jippermettu rati ogħla ta' sfruttar fil-medda t-twila.

- Fi kwalunkwe każ, il-miżuri fis-seħħ attwalment ma ġewx implimentati tajjeb biżżejjed sabiex jitħarsu l-istokkijiet tal-baħar fond.

- Il-kontrolli attwali fuq l-isforz japplikaw għat-tipi kollha ta' sajd meħudin flimkien, iżda xi wħud x'aktarx li jkunu aktar sostenibbli minn oħrajn. L-aktar ħtieġa urġenti hija għal informazzjoni aħjar dwar il-forom distinti ta' sajd li bihom qed jinqabdu l-ispeċijiet tal-baħar fond, sabiex ikunu jistgħu jiġu aġġustati l-livelli ta' l-isforz tas-sajd f'kull wieħed minnhom skond l-ispeċi fil-mira u l-ispeċijiet maqbuda inċidentalment. Il-liċenzji għal kull wieħed minn dawn il-forom ta' sajd għandhom jiddependu fuq il-kondotta tajba tal-bastiment fl-imgħoddi.

- L-iskemi ta' kampjunar għall-ġbir ta' l-informazzjoni xjentifika għandhom jiġu deċiżi wara l-konsultazzjoni kemm fuq il-livell Komunitarju kif ukoll ma' partijiet kontraenti oħra tan-NEAFC. Fost il-kritika li wieħed jista' jagħmel dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti, waħda mill-kbar nett hija li minkejja l-obbligu dwar il-ġbir u r-rappurtar tad- data ftit li xejn ngħatat gwida dwar kif għandu jsir dan. L-iskemi ta' kampjunar għalhekk kienu differenti fil-kontenut u fil-kwalità bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, peress li ma kien hemm l-ebda format maqbul għar-rappurtar, id- data miġbura ma setgħux jiġi aggregati faċilment. Il-formati ta' rappurtar għalhekk għandhom jiġu speċifikati biċ-ċar u d- data għandhom ikunu aktar aċċessibbli għall-gruppi ta' ħidma xjentifiċi.

- Il-proċeduri ta' monitoraġġ u kontroll għandhom isiru aktar rigorużi, fosthom proċeduri ċari għar-rappurtar tad- data mill-VMS.

- Għandu jkun hemm enfasi akbar fuq il-ġbir ta' data rilevanti sabiex jiġi evalwat l-impatt ekosistemiku tas-sajd fil-baħar fond, kemm minn bastimenti tas-sajd kummerċjali kif ukoll minn stħarriġ koordinat bejn il-bastimenti tar-riċerka.

ANNESS

Rati ta' utilizzazzjoni tal-kwoti 2005

Speċi: | Żona | TAC 2005-2006 | Qabdiet 2005 | Utilizzazzjoni |

Klieb il-Baħar tal-Fond | V, VI, VII, VIII, IX | 6763 | 3294 | 49% |

Klieb il-Baħar tal-Fond | X | 120 | 16 | 13% |

Klieb il-Baħar tal-fond u Deania histricosa u Deania profondorum | XII | 243 | 148 | 61% |

Ċinturin iswed | I, II, III, IV | 30 | 3 | 10% |

Ċinturin iswed | V, VI, VII, XII | 3042 | 2977 | 98% |

Ċinturin iswed | VIII, IX, X | 4000 | 3389 | 85% |

Ċinturin iswed | CECAF 34.1.2. | 4285 | 3195 | 75% |

Alfonsinos | I, II, III, IV, V, VI, VII, VIII, IX, X, XII, XIV | 328 | 302 | 92% |

Tusk | I, II, XIV | 35 | 5 | 13% |

Tusk | III | 40 | 7 | 18% |

Tusk | IV | 317 | 115 | 36% |

Tusk | V, VI, VII, XII | 604 | 452 | 75% |

Roundnose grenadier | I, II, IV, Va | 20 | 2 | 8% |

Roundnose grenadier | III | 1590 | 881 | 55% |

Roundnose grenadier | Vb, VI, VII | 5253 | 3388 | 64% |

Roundnose grenadier | VIII, IX, X, XII, XIV | 7190 | 5683 | 79% |

Orange roughy | VI; | 88 | 67 | 76% |

Orange roughy | VII | 1148 | 260 | 23% |

Orange roughy | I, II, III, IV, V, VIII, IX, X, XI, XII, XIV | 102 | 60 | 59% |

Linarda | II, IV, V | 119 | 27 | 22% |

Linarda | III | 25 | 1 | 5% |

Linarda | VI, VII | 3137 | 3066 | 98% |

Bażuga | VI, VII, VIII | 298 | 223 | 75% |

Bażuga | IX | 1080 | 430 | 40% |

Bażuga | X; | 1136 | 1119 | 98% |

Lipp tal-qawwi | I, II, III, IV | 36 | 5 | 14% |

Lipp tal-qawwi | V, VI, VII | 2028 | 1545 | 76% |

Lipp tal-qawwi | VIII, IX | 267 | 269 | 101% |

Lipp tal-qawwi | X, XII | 63 | 36 | 57% |

[1] ĠU L 356, 31.12.2002, p. 1–11.

[2] ĠU L 396, 31.12.2002, p. 1-3.

[3] ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6–11.

[4] ĠU L 289, 10.9.2004, p. 6–53.

[5] ĠU L 396, 31.12.2004, p. 4–12.

[6] ĠU L 12, 14.1.2005, p. 1–151.

[7] ĠU L 16, 20.1.2006, p. 1–183.

[8] ĠU L 171, 6.7.1994, p. 7-13.

Top