EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0005

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-miri fl-artikolu 7(2)(b) tad-direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw {SEG(2007)14} {SEG(2007)15}

/* KUMM/2007/0005 finali */

52007DC0005

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-miri fl-artikolu 7(2)(b) tad-direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw {SEG(2007)14} {SEG(2007)15} /* KUMM/2007/0005 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.01.2007

KUMM(2007)5 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

DWAR IL-MIRI FL-ARTIKOLU 7(2)(b) TAD-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI MA GĦADHOMX JINTUŻAW {SEG(2007)14}{SEG(2007)15}

1. Daħla

Id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw (id-Direttiva ELV ) tistipula il-miri li ġejjin għal vetturi li ma għadhomx jintużaw:

- 85% ta' l-użu mill-ġdid u ta' l-irkupru u 80% ta' l-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ sa l-1 ta' Jannar 2006 ("miri ta' l-2006")

- 95% ta' l-użu mill-ġdid u ta' l-irkupru u 85% ta' l-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ sa l-1 ta' Jannar 2015 ("miri ta' l-2015")

Id-Direttiva tipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jerġgħu jeżaminaw il-miri ta' l-2015 fuq bażi ta' rapport tal-Kummissjoni. Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni trid tqis l-iżvilupp tal-materjal li bih huma magħmulin il-vetturi u kull aspett ieħor li għandu x'jaqsam ma' l-ambjent relatat mal-vetturi.

F'konformità mal-mandat imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni ħarġet dan ir-rapport. Element essenzjali ta' l-elaborazzjoni ta' dan ir-rapport kien il-valutazzjoni ta' l-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-miri u l-għażliet alternattivi. Fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni hemm is-sinteżi eżekuttiva tar-Rapport dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt, li jiddeskrivi fil-qosor l-implikazzjonijiet ta' bidla possibbli fil-miri ta' din id-Direttiva, .

2. Il-proċedura tal-valutazzjoni

Il-valutazzjoni ta' l-impatt kien fiha l-analiżi ta' l-informazzjoni disponibbli minn studju dwar l-infiq u l-benefiċċji tad-Direttiva ELV li saret għall-Kummissjoni minn konsulent barrani, konsultazzjonijiet formali u informali ma' diversipersuni interessati fi gruppi ta' ħidma, u konsultazzjoni elettronika fuq ir-rapport finali ta' l-istudju, laqgħat ma esperti mill-Istati Membri u l-ħolqien intern ta' xenarji ta' l-impatti ekonomiċi u ambjentali ta' l-alternattivi.

Il-valutazzjoni kienet ikkumplikata ħafna minħabba l-fatt li d-Direttiva ya' l-ELV għadha fil-bidu ta' l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri u t-tagħrif dwar il-livelli ta' riċiklaġġ u rkupru fl-Istati Membri huwa limitat. L-ewwel rapporti dwar il-miri għandhom jaslu mingħand l-Istati Membri fl-2008 u se jkun fihom l-informazzjoni dwar l-2006.

Madankollu l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni swiet sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni sodisfaċenti tas-sitwazzjoni kurrenti u tal-prospetti tal-futur fejn jidħol l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-vetturi, u jiġi konkluż jekk il-miri ffissati taħt id-Direttiva ELV għall-2015 għandhomx jiġu emendati[1].

3. riżultati tal-valutazzjoni

Il-valutazzjoni turi li l-miri mfassla mid-Direttiva ELV joħolqu benefiċċji sostanzjali, kemm ambjentali kif ukoll ekonomiċi, u li jekk dawn il-miri jiġu revokati jew imnaqqsa jonqsu wkoll dawn il-benefiċċji. Il-kobor tal-benefiċċji ġġenerati huwa marbut ħafna ma' l-ekoinnovazzjoni, li mingħajrha t-tixrid tat-teknoloġija eżistenti jiġġenera benefiċċji ekonomiċi u ambjentali baxxi ħafna filwaqt li l-ekoinnovazzjoni tista' twassal għal benefiċċji ferm akbar.

Dawn il-benefiċċji jiġu bis-saħħa tal-fatt li parti akbar mill-materjali (l-aktar xi tipi ta' plastik) jiġu rriċiklati u rkuprati, u bit-tnaqqis ta' rimi ta' vetturi li ma għadomx jintużaw.

L-Impatti Ambjentali tal-Miri

Għal kull sett ta' miri, il-metall għandu jibqa' jiġi rriċiklat f'livelli għoljin minħabba l-valur għoli tal-metall. Madankollu, miri ogħla ta' riċiklaġġ jagħmluha possibli li jiżdied ir-riċiklaġġ ta' dawk il-metalli li bħalissa jintilfu fil-miżbliet minħabba s-separazzjoni fjakka tal-fdal li jħallu warajhom il-magni tat-tqattigħ.

Se jkun hemm bżonn ta' riċiklaġġ u rkupru tal-plastik mill-fdal li j]allu wrajhom il-magni tat-tqattigħ sabiex jintlaħqu l-miri ta' l-2015. Ir-riżultat ambjentali tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta' ħafna tipi ta' plastik mill-fdal li jħallu warajhom il-magni tat–tqattigħ huwa wkoll il-fattur determinanti ta' l-impatti tal-miri ambjentali tar-riċiklaġġ u ta' l-irkupru.

Abbażi ta' xenarju fejn il-miri eżistenti għall-2015 jmexxu 'l quddiem il-progress teknoloġiku sabiex ikun hemm aktar separazzjoni ta' plastik mill-fdalijiet li jħallu warajhom il-magni tat-tqattigħ[2], il-miri ta' l-2015 jistgħu jwasslu għall-iffrankar ta' bejn 280 000 u 980 000 tunnellata ta' ekwivalenti tas-CO2, tnaqqis fl-ossidazzjoni fotokimika, fl-aċidifikazzjoni ta' l-arja, fil-kontaminazzjoni ta' l-ilma u fl-ewtrofikazzjoni, u t-tnaqqis ta' l-iskart iġġenerat. Il-benefiċċju attwali favur l-ambjent, iżda, jiddependi mill-iżvilupp teknoloġiku li-l-miri jistimulaw.

Kollox ma' kollox, l-impatti ambjentali ta' kull ġabra ta' miri mnaqqsa jkunu agħar minn dawk tal-miri attwali ta' l-2015. Id-Direttiva ELV xprunat żvilupp teknoloġiku fil-qasam ta' kif jiġu ttrattati l-vetturi li ma għadhomx jintużaw, iżda l-metodi ġodda għadhom ma nfirxux madwar is-suq tar-riċiklaġġ Ewropew. L-iżvilupp kontinwu tat-teknoloġiji tat-trattament tar-riċiklaġġ ta' xi tipi ta' plastik għandu jikseb benefiċċji sostanzjali mir-riċiklaġġ ta' dawk it-tipi ta' plastik. Għad hemm bżonn ta' aktar għajnuna għall-iżvilupp teknoloġiku sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet tas-suq, u jekk jinbidlu l-għodod jew jitbaxxew il-miri tad-Direttiva ELV hemm ċans kbir li dan l-iżvillupp ibatti jew jieqaf għal kollox, bil-periklu li tiġi mhedda l-affidabbiltà ta' l-ippjanar.

L-Impatti Ekonomiċi tal-Miri

L-impatti ekonomiċi li eventwalment iħallu miri differenti, jiddependu mill-istat ta' l-iżvilupp teknoloġiku fl-2015. Bil-miri preżenti, taħt l-aktar kundizzjonijiet favorevoli, il-valur medju miżjud kollu ta' vettura li ma għadhiex tintuża (ELV) bi trattament jiswa bejn €120 u €90, b'total massimu miżjud tal-proċess ta' trattament ta' ELV għan-għadd stmat ta' ELVs ta' bejn wieħed u ieħor €1.6 bn fis-sena fl-2015. Mingħajr l-ebda żvilupp teknoloġiku, xorta jkun hemm qligħ ekonomiku ta' bejn €55 u €80 għal kull ELV.

Bi tnaqqis ta' 5% mill-mira ta' 85% riċiklaġġ, it-telf tal-benefiċċju ekonomiku għall-proċess ta' trattament ta' l-ELVs ikun massimu ta' €1.1 bn fis-sena.

Mira ta' rkupru anqas minn dik attwali ta' 95% bħalissa jkollha impatti fuq in-nefqa ekonomika biss jekk it-tariffi tal-miżbliet fl-2015 jkunu anqas minn €80 sa €100 kull tunnellata. Inkella, tnaqqis fil-mira ta' l-irkupru ma tagħmel l-ebda differenza għan-nefqa tat-trattament.

Kollox ma' kollox, it- trattament ta' ELV bil-miri ta' 85% għar-riċiklaġġ u 95% għall-irkupru jkollu benefiċċji ekonomiċi sostanzjali meta mqabbel ma' miri aktar baxxi. Barra minn hekk, miri ogħla jistgħu jservu għall-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji ta' trattament kemm ġodda kif ukoll eżistenti li jistgħu jipprovdu aktar effiċjenza tar-riżorsi minħabba l-iffaċilitar ta' riċiklaġġ ta' volum akbar ta' plastik mormi u l-produzzjoni ta' materjali sekondarji bi prezz orħos minn materjali puri. Dan inaqqas l-infiq mill-ekonomija ta' l-UE bħala nfiq għall-enerġija (il-plastik jintuża minflok il-fjuwil jew il-ġenerazzjoni ta' l-elettriku) u għal materjal għall-produzzjoni fil-proċess tal-plastik. Anki b'livell ta' innovazzjoni baxx, l-aqwa teknoloġiji li hawn bħalissa joffru vantaġġi finanzjarji fuq il-prattiki li qed jintużaw bħalissa.

Alternattivi oħra li twarrbu qabel

Xi msieħba pproponew għażliet bħar-revoka tal-mira ta' riċiklaġġ jew il bdil tal-miri ma' projbizzjoni sħiħa jew parzjali tal-miżbliet.

Dawn l-alternattivi ma ġewx studjati fil-fond minħabba li l-istudju tal-miri ta' l-2015 li ġew stabbiliti fid-Direttiva kien biżżejjed sabiex juri li t-tneħħija tal-miri jew l-introduzzjoni ta' projbizzjoni tal-miżbliet iwasslu għal tnaqqis sew tal-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali bis-saħħa tar-riċiklaġġ. Barra minn hekk, għażliet bħal dawn x'aktarx li jmorru lil hinn mix-xogħol hekk kif definit fid-Direttiva, u li jwasslu għar-reviżjoni mill-qiegħ tagħha. Dak il-proċess jista' faċilment jhedded il-progress fl-innovazzjoni ta' kif l-iskart jitħaddem.

4. Il-Kwistjoni Ewlenija

L-ekoinnovazzjoni hija l-ixprun ewlieni sabiex jitkabbru l-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali bis-saħħa ta' aktar riċiklaġġ u rkupru

Hemm evidenza li d-Direttiva ELV stimulat żviluppi teknoloġiċi fit-trattament ta l-ELVs; madankollu, il-metodi ġodda ta' trattament għadhom ma ġewx kummerċjalizzati biżżejjed fis-suq ta' riċiklaġġ Ewropew. L-innovazzjoni fl-iżvilupp teknoloġiku ta' teknoloġiji avvanzati għat-trattament tal-fdal tal-magni tat-tqattigħ tinżamm lura minħabba diversi nuqqasijiet tas-suq, xi wħud komuni għall-innovazzjoni industrijali kollha kemm hi, xi wħud relatati ma' l-ekoinnovazzjoni u xi wħud speċifiċi għas-swieq ta' wara l-proċess tat-tqattigħ u tarl-materjal riċiklat tal-plastik, mgħejjuna bis-saħħa ta-l-inċertezzi dwar il-futur tal-miri ta' l-ELV.

Iż-żamma tal-miri li hemm iffissati bħalissa fid-Diretiva għas-sena 2015 tista' tirranġa xi wħud minn dawn in-nuqqasijiet tas-suq u twassal għal benefiċċji ambjentali u ekonomiċi relattivament importanti. Il-livell tal-miri se jiddetermina l-pass tal-progress teknoloġiku fis-settur tat-trattament ta' l-ELVs. Minħabba l-fatt li l-mira ta' riċiklaġġ ta' 85% toħloq xi swieq għal teknoloġiji avvanzati għall-fdalijiet tat-tqattigħ u r-riċiklaġġ tal-polimeri, jiżdied sew ukoll l-investiment fl-Iżvilupp u r-Riċerka (R&D) dwar teknoloġiji ġodda. Sabiex jintlaħqu l-miri sa l-2015 hemm seba' snin għall-kummerċjalizzazzjoni u aktar R&D u sentejn għat-tħaddim kummerċjali tat-teknoloġiji. X'aktarx investiment fl-R&D jissarraf f'aktar żvilupp kummerċjali ta' dak li hemm jew fi żvilupp tat-teknoloġiji ġodda għat-trattament. Anki mingħajr aktar żvilupp teknoloġiku , il-miri ta' 85% riċiklaġġ u 95% ta' rkupru jżidu l-firxa ta' l-aktar teknoloġiji effiċjenti li jeżistu.

L-istimulazzjoni ta' l-R&D fil qasam tat-trattament ta' l-iskart jistgħu ipoġġu lill-UE fuq nett fid-dinja fejn jidħol is-suq tat-teknoloġija b'potenzjal qawwi u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala esportatur tat-teknoloġija. Ir-riżorsi mill-iskart ta vetturi li ma għadhomx jintużaw qed jikbru madwar id-dinja u ħafna pajjiżi qed jiżviluppaw politika ta' riċiklaġġ għal dawn il-vetturi. Barra minn hekk, l-istess teknoloġiji jistgħu jintużaw biex jittrattaw tip ta' skart ieħor, bħall-iskart elettroniku. Teknoloġiji li joffru prodotti minn dawn it-tipi ta' skart ieħor, li jistgħu jintużaw minflok materjal pur li jintuża bħalissa bi prezz orħos, għandhom potenzjal globali kbir.

5. Konklużjonijiet

Il-miri mfassla mid-Direttiva ELV għall-2015 jistgħu jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi u ambjentali sostanzjali. Jekk dawn il-miri jiġu rrevokati jew imnaqqsa jonqsu wkoll dawn iż-żewġ tipi ta' benefiċċji.

Għalkemm kull stima għal 9 snin 'il quddiem żgur li jkollha ċertu ammont ta' inċertezza, il-Kummisjoni tikkonkludi li l-miri ta' 85% ta' l-użu mill-ġdid/riċiklaġġ u ta' 95% ta' l-użu mill-ġdid/irkupru għall-2015 huma l-aħjar għall-ħidma kemm ambjentali kif ukoll ekonomika.

Dawn il-miri għandhom jinżammu stabbli sabiex jiggarantixxu sigurtà ta' l-investiment f'teknoloġiji ta' trattament ta' l-iskart aktar effiċjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni mhix se tipproponi li l-miri jiġu riveduti.

Madankollu, irid jinżamm kont tas-sejba ewlenija illi l-kobor tal-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi ġġenerati jkunu marbuta mal-pass ta' l-ekoinnovazzjoni. Importanti ħafna li t-tnaqqis ta' l-inċertezza dwar iż-żamma tal-miri mfassla bid-direttiva għall-2015 fiha nnifisha tnaqqas l-importanza tan-nuqqasijiet tas-suq li ġew innotati u x-xkiel għall-ekoinnovazzjoni. Sabiex trawwem l-ekoinnovazzjoni f'dan il-qasam, u biex iżżid il-promozzjoni u l-użu tat-teknoloġiji avvanzati, il-Kummissjoni sejra:

- Tiffinanzja, flimkien ma' ħaddieħor, inizjattivi ta' riċerka taħt il-Fond ta' Żvilupp Reġjonali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni, kif ukoll riċerka integrata permezz tas-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka li ġej;

- Tiżviluppa proġetti u inizjattivi taħt Il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni;

- B'mod proattiv u innovattiv tippromwovi t-teknoloġiji tat-tqattigħ u r-riċiklaġġ tal-plastik.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva ELV fl-2009. Dan ir-rapport, fost affarijiet oħra, sejjer jivvaluta l-ħtieġa li jinstab tarf tal-kwistjoni ta' l-implimentazzjoni mhux armonizzata tad-Direttiva. B'mod partikulari, għandu jivvaluta l-infiq ta' l-implimentazzjoni u l-moviment ta' l-oġġetti bejn l-Istati Membri, u jistudja jekk ċerti proviżjonijiet tad-Direttiva għandhomx jaqgħu taħt l-Artikolu 95 tat-Trattat. Dan ir-rapport se jistudja wkoll il-progress ta' l-ekoinnovazzjoni u jagħti każ żviluppi li għandhom x'jaqsmu, bħar-riżultat tar-reviżjoni kurrenti tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart u r-riżultat tal-proġett CARS 21.

[1] Il-piż medju tal-vetturi li huma koperti mid-Direttiva ELV qed jiżdied, u jeżistu differenzi fid- data dwar il-piż speċifiku ta' l-ELV. Piż medju ta' 2015 ELV użat f'dan ir-Rapport huwa 1,025 kg. Madankollu, il-previżjonijiet għall-medji tal-manifatturi kollha tal-karozzi juru piż ogħla ta' ELVs ta' bejn wieħed u ieħor 1,280 kg sa l-2019. Li kellu jintuża dan il-piż ogħla, id-direzzjoni ta' l-impatti tkun l-istess, iżda dawn ikunu aktar qawwija. Differenza li tirriżulta mill-assunzjoni tal-piż hija deskritta fid-dettal fil-Valutazzjoni ta' l-Impatt u l-Annessi tiegħu.

[2] Intuża eżempju ta' bumper tal-PP/EPDM għaliex il-polypropylene x'aktarx huwa l-polimeru l-aktar riċiklat u li għandu impatti ambjentali li jirrappreżentaw bl-aktar mod wiesgħa l-impatti li polimeri oħra li x'aktarx jiġu riċiklati jħallu.

Top