This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007AR0296
Opinion of the Committee of the Regions on A global approach to migration: Developing a European policy on labour immigration in conjunction with relations with third countries
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Approċċ globali għall-immigrazzjoni: L-iżvilupp ta' politika ewropea dwar l-immigrazzjoni tal-ħaddiema fil-qafas tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Approċċ globali għall-immigrazzjoni: L-iżvilupp ta' politika ewropea dwar l-immigrazzjoni tal-ħaddiema fil-qafas tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi
ĠU C 257, 9.10.2008, p. 20–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.10.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 257/20 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Approċċ globali għall-immigrazzjoni: L-iżvilupp ta' politika ewropea dwar l-immigrazzjoni tal-ħaddiema fil-qafas tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi”
(2008/C 257/04)
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tfassal, kemm jista' jkun malajr, politika ta' immigrazzjoni Ewropea li tirrispetta l-kompetenzi tad-diversi livelli ta' gvernanza filwaqt li terfa' r-responsabbiltajiet tagħha; |
— |
jilqa' bi pjaċir l-inizjattivi tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' mekkaniżmi li jiffaċilitaw il-migrazzjoni regolari tal-ħaddiema, jekk ikun hemm żbilanċ bejn it-tfassil ta' miżuri restrittivi kontra l-immigrazzjoni irregolari u dawk immirati lejn il-promozzjoni ta' l-immigrazzjoni regolari, u jappella sabiex il-Kummissjoni tiżviluppa politika tal-migrazzjoni li tiżgura li l-miżuri fil-livell Ewropew jirrappreżentaw valur miżjud, bħalma huwa l-każ għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin; |
— |
jaqbel li l-impjieg illegali huwa wieħed mill-iktar aspetti attraenti ta' l-immigrazzjoni irregolari u li għaldaqstant l-Istati Membri l-ġodda għandhom isaħħu u jtejbu l-isforzi tagħhom biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fil-ġlieda kontra s-suq tax-xogħol irregolari; |
— |
jiddispjaċih li r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni ma ssemma fl-ebda dokument ta' referenza u jfisser it-tħassib tiegħu fir-rigward tan-nuqqas ta' attenzjoni li ngħatat lid-dimensjoni reġjonali u lokali, meta s'issa dejjem ġie rikonoxxut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol x'jaqdu fil-ġestjoni tal-migrazzjoni, u li l-Kumitat tar-Reġjuni għandu kontribut konsultattiv x'jagħti f'dan il-qasam; |
— |
isostni li l-iżvilupp tad-dimensjoni esterna tal-politika u l-istrumenti Ewropej għall-ġestjoni ta' l-immigrazzjoni għandu jimxi id f'id mat-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali u lokali, bl-inklużjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta' l-approċċ globali għall-migrazzjoni. Għalhekk għandu jiġi żgurat li l-Kummissjoni Ewropea tippromovi rwol iktar proattiv għall-Kumitat tar-Reġjuni fil-fażi inizjali ta' l-azzjoni Komunitarja; |
— |
jilqa' l-inizjattiva għall-promozzjoni tal-migrazzjoni ċirkolari, u jinnota li din tista' sservi ta' kontribut pożittiv għas-swieq tax-xogħol ta' l-Istati Membri u għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini. |
Rapporteur: |
: |
Anna TERRÓN I CUSÍ (ES/PSE), Segretarja għall-Affarijiet ta' l-Unjoni Ewropea, Gvern tal-Generalitat tal-Katalonja |
Dokumenti ta' referenza:
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-emigrazzjoni ċirkolari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi
COM(2007) 248 finali
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali
COM(2007) 249 finali
Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-iskop ta' impjieg bi kwalifiki għoljin
COM(2007) 637 finali
Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru
COM(2007) 638 finali
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rakkomandazzjonijiet ġenerali
1. |
iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tfassal, kemm jista' jkun malajr, politika ta' immigrazzjoni Ewropea li tirrispetta l-kompetenzi tad-diversi livelli ta' gvernanza filwaqt li terfa' r-responsabbiltajiet tagħha; |
2. |
jilqa' bi pjaċir l-inizjattivi tal-Kummissjoni għat-twaqqif ta' mekkaniżmi li jiffaċilitaw il-migrazzjoni regolari tal-ħaddiema, jekk ikun hemm żbilanċ bejn it-tfassil ta' miżuri restrittivi kontra l-immigrazzjoni irregolari u dawk immirati lejn il-promozzjoni ta' l-immigrazzjoni regolari, u jappella sabiex il-Kummissjoni tiżviluppa politika tal-migrazzjoni li tiżgura li l-miżuri fil-livell Ewropew jirrappreżentaw valur miżjud, bħalma huwa l-każ għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin; |
3. |
jaqbel li l-impjieg illegali huwa wieħed mill-iktar aspetti attraenti ta' l-immigrazzjoni irregolari u li għaldaqstant l-Istati Membri l-ġodda għandhom isaħħu u jtejbu l-isforzi tagħhom biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fil-ġlieda kontra s-suq tax-xogħol irregolari; |
4. |
jemmen li sabiex is-suq tax-xogħol illegali jiġi miġġieled, l-isforzi għandhom jiġu kkonċentrati l-ewwel u qabel kollox fuq dawk il-persuni, impjegaturi jew individwi, li jimpjegaw persuni minn pajjiżi terzi bi status irregolari fi Stat Membru. Ħafna drabi l-immigranti jsibu ruħhom f'pożizzjoni vulnerabbli ħafna u jistgħu jkunu sfruttati b'mod immorali jew illegali; |
5. |
iqis li l-permess uniku huwa strument tajjeb biex tiġi evitata l-immigrazzjoni irregolari hekk kif seħħet s'issa u jfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba; |
6. |
iqis li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija fundamentali sabiex tissawwar stampa globali u koerenti ta' l-immigrazzjoni, hekk kif stqarr il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta' l-2005, fejn huwa fakkar li l-kwistjonijiet marbutin mal-migrazzjoni jikkostitwixxu element ċentrali tar-relazzjonijiet ta' l-UE ma' għadd kbir ta' pajjiżi terzi, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma reġjuni periferiċi ta' l-Unjoni (1); |
7. |
jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li fit-twaqqif tas-“sħubijiet ta' mobbiltà” għandha tingħata prijorità lill-pajjiżi terzi li huma lesti li jieħdu azzjoni biex jindirizzaw il-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin; |
8. |
jilqa' bi pjaċir il-proposti għall-iżvilupp ta' kollaborazzjoni msaħħa mal-pajjiżi terzi permezz ta' “sħubijiet ta' mobbiltà” jew assistenza teknika u/jew finanzjarja, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex forom ġodda ta' kollaborazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini jew ta' transizzjoni, fi spirtu ta' ugwaljanza, sabiex b'hekk toħloq relazzjoni bbażata fuq il-fiduċja li tgħin lil dawn il-pajjiżi jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u jwaqqfu mekkaniżmi għall-ġestjoni ta' l-immigrazzjoni regolari; |
9. |
jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol ċentrali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fin-negozjati u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transizzjoni, b'mod speċjali f'oqsma bħall-iżvilupp u l-kooperazzjoni. Ifakkar fir-rwol importanti li qdew l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-programmi AENEAS, MEDA u TACIS fost oħrajn, u jenfasizza r-rabtiet u l-iskambju ta' għarfien li saru mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transizzjoni permezz tal-komunitajiet ta' immigranti; |
10. |
jiddispjaċih li r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni ma ssemma fl-ebda dokument ta' referenza u jfisser it-tħassib tiegħu fir-rigward tan-nuqqas ta' attenzjoni li ngħatat lid-dimensjoni reġjonali u lokali, meta s'issa dejjem ġie rikonoxxut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol x'jaqdu fil-ġestjoni tal-migrazzjoni, u li l-Kumitat tar-Reġjuni għandu kontribut konsultattiv x'jagħti f'dan il-qasam; |
11. |
isostni li l-iżvilupp tad-dimensjoni esterna tal-politika u l-istrumenti Ewropej għall-ġestjoni ta' l-immigrazzjoni għandu jimxi id f'id mat-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali u lokali, bl-inklużjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta' l-approċċ globali għall-migrazzjoni. Għalhekk għandu jiġi żgurat li l-Kummissjoni Ewropea tippromovi rwol iktar proattiv għall-Kumitat tar-Reġjuni fil-fażi inizjali ta' l-azzjoni Komunitarja (2); |
12. |
jenfasizza l-ħidma ta' l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali fil-politiki ta' integrazzjoni ta' l-immigranti, u r-rwol li jaqdu sabiex jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' aċċess għas-suq tax-xogħol ikunu effikaċi u jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol li jistgħu jaqdu dawn l-awtoritajiet kemm biex iħarrġu l-ħaddiema migranti fis-swieq tax-xogħol Ewropej kif ukoll biex jgħinuhom jintegraw, f'każ ta' ritorn, fis-suq tax-xogħol tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom; |
13. |
ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fil-provvista ta' servizzi pubbliċi għall-immigranti (regolari u irregolari), fosthom permezz tal-politiki ta' akkoljenza, saħħa, edukazzjoni u akkomodazzjoni. Kif tfakkar id-Dikjarazzjoni tal-Ħames Konferenza tal-Parlamenti tar-Reġjuni Kapitali ta' l-Unjoni Ewropea (April 2006), għal ċerti reġjuni u awtoritajiet lokali, il-fenomenu ta' l-immigrazzjoni kellu u għad għandu prezz għoli f'termini ta' servizzi pubbliċi, u għalhekk ikun xieraq li jiġu studjati sistemi oħra li jippermettu li l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali jingħataw rwol ikbar fl-iżvilupp ta' inizjattivi u strateġiji nazzjonali relatati ma' l-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni fi ħdanu; |
14. |
jindika l-preferenza tiegħu għat-terminu “immigrazzjoni irregolari”, billi f'ħafna lingwi uffiċjali t-terminu illegali jirreferi b'mod ċar għal attitudni kriminali, u jappella biex it-terminu “immigrant illegali” ma jintużax; |
15. |
jinnota li jissemmew politiki oħra ta' l-UE li jistgħu jeffettwaw lill-migranti, bħall-politika ta' l-iżvilupp, l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impjieg u politiki oħrajn marbutin mal-qasam soċjali u ekonomiku, u għalhekk jitlob koordinazzjoni mtejba mal-politiki kollha li jeffettwaw lill-immigranti; |
16. |
jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-tbassir ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-bżonn ta' ħaddiema fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri lill-Eurostat u tal-listi ta' xogħlijiet li diffiċilment jinstab persunal għalihom, bil-għan li jkun hemm għarfien iktar dettaljat dwar l-azzjonijiet u l-previżjonijiet ta' l-Istati Membri. Madankollu wieħed għandu jqis il-kompetenza nazzjonali fir-rigward ta' l-ammissjoni ta' persuni minn pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol; |
17. |
jinnota li huwa importanti wkoll li jkun hemm sistema soda u aġġornata ta' ġbir ta' l-istatistika li tgħin lill-Istati biex b'mod volontarju jaqsmu l-informazzjoni u l-esperjenza fl-ambitu tal-politiki u s-suq tax-xogħol, hekk kif tistipula d-Direttiva KE Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja fl-ambitu tal-migrazzjoni u l-ħarsien internazzjonali (3); |
18. |
jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġbir ta' informazzjoni u data statistika, u jisħaq fuq il-kontribut li jistgħu jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tat-twaqqif ta' portal Ewropew għall-immigrazzjoni u t-tisħiħ tas-servizzi tan-netwerk EURES, fost oħrajn. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jamministraw bosta portali ta' l-Internet li jistgħu jikkomplementaw dawn l-inizjattivi; |
19. |
huwa mħasseb fir-rigward tan-nuqqas ta' referenza espliċita għall-ftehimiet internazzjonali li l-Istati Membri ffirmaw fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u jfakkar li l-Istati Membri għandhom jaġixxu b'konformità mad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol (ILO, 1998), mal-Pjan ta' Azzjoni għall-Ħaddiema Migranti (ILO, 2004) u, b'mod ġenerali, mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, hekk kif imfissra fil-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ; |
20. |
huwa tal-fehma li huwa estremament importanti li jitwaqqaf netwerk ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu żviluppati strumenti u indikaturi statistiċi komuni li jipprovdu stampa aktar preċiża tal-migrazzjoni; |
21. |
jixtieq jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' gruppi ta' ħidma u forums permanenti (konferenzi, seminars, eċċ.) bil-għan li jkun hemm skambju ta' l-esperjenzi u l-prattika t-tajba dwar kif jintlaqgħu l-immigranti u kif jiġu integrati fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol; |
22. |
jappoġġja r-ratifika tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti kollha u tal-membri tal-familji tagħhom min-naħa ta' l-Istati Membri; |
Fir-rigward tal-migrazzjoni ċirkolari u r-rabtiet ma' pajjiżi terzi
23. |
jilqa' l-inizjattiva għall-promozzjoni tal-migrazzjoni ċirkolari, u jinnota li din tista' sservi ta' kontribut pożittiv għas-swieq tax-xogħol ta' l-Istati Membri u għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini; |
24. |
jagħraf li l-migrazzjoni ċirkolari tista' toħloq rabta pożittiva bejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' destinazzjoni, u li tista' tkun strument ta' promozzjoni tad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-fehim reċiproku; |
25. |
jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li l-migrazzjoni ċirkolari taħdem tajjeb sabiex jiġi evitat li din tkun triq oħra għall-immigrazzjoni irregolari, u li għalhekk għandha tuża mezzi effettivi sabiex tiggarantixxi r-ritorn tal-migranti u tiffavorixxi ċ-ċirkolarità. Min-naħa tiegħu, jifhem li l-migrazzjoni ċirkolari ma tistax tieħu post il-migrazzjoni permanenti u lanqas ma tista' trażżan l-inizjattivi ta' l-Istati Membri fl-ambitu tal-politika ta' integrazzjoni ta' l-immigranti; |
26. |
jappella għal rabta ikbar bejn il-politika ta' immigrazzjoni u politiki oħra ta' l-UE, bil-għan li jittejjeb il-qafas ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta' oriġini u ssir kontribuzzjoni “għat-tnaqqis ta' l-inċentivi tal-migrazzjoni [irregolari]” (4); |
27. |
ifaħħar is-sħubijiet ta' mobbiltà li saru ma' pajjiżi terzi u jagħraf l-importanza tal-promozzjoni ta' ftehimiet mal-pajjiżi ta' oriġini. Fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-qsim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati membri għandu jiġi kkunsidrat fil-ftehimiet ta' mobbiltà. Dawn il-ftehimiet għandhom jindirizzaw kwistjonijiet bħall-istrumenti meħtieġa għall-ġestjoni konġunta tal-flussi migratorji, miżuri li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u jiffaċilitaw id-dħul mill-ġdid u r-ritorn ta' l-immigranti irregolari, u mekkaniżmi li jiffavorixxu l-iżvilupp ekonomiku ta' dawn il-pajjiżi; |
28. |
jinnota l-importanza li jintlaħqu ftehimiet mal-pajjiżi terzi dwar id-dħul mill-ġdid fil-qafas ta' l-impenji tagħhom, u jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li dawn il-proċeduri jiġu ssemplifikati filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet ta' l-immigranti u d-drittijiet rikonoxxuti fil-livell internazzjonali; |
29. |
jitlob li jiġi rikonoxxut ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kooperazzjoni transkonfinali internazzjonali; u jitlob li l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Politika Ewropea tal-Viċinat tiġi ffaċilitata, filwaqt li jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jaħdmu flimkien ma' l-awtoritajiet reġjonali fil-pajjiżi ta' oriġini, billi jużaw il-programmi tal-Kummissjoni Ewropea, b'mod partikolari l-iskema pilota konġunta għall-kooperazzjoni reġjonali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi terzi ġirien; ifakkar li dawn l-amministrazzjonijiet għandhom l-ikbar għarfien dwar l-impatt ekonomiku u soċjali ta' l-immigrazzjoni u l-konsegwenzi korrispondenti fir-reġjuni ta' oriġini; |
30. |
ifakkar li l-effetti tal-migrazzjoni ċirkolari fil-pajjiżi ta' oriġini għandhom jiġu analizzati u li għandu jiġi eżaminat ukoll l-impatt li għandu l-bgħit ta' flus fuq il-pajjiżi ta' oriġini. Iħeġġeġ li, b'konformità ma' dawn l-istudji, jiġu applikati l-istrumenti neċessarji sabiex dawn it-transazzjonijiet jiġu ffaċilitati; |
31. |
jitlob li jiġu studjati l-possibbiltajiet li jeżistu għall-involviment tal-bliet u r-reġjuni li huma l-oriġini u d-destinazzjoni tal-flussi migratorji fis-sħubijiet ta' mobbiltà billi dawn jistgħu jiffaċilitaw il-mobbiltà ta' l-immigranti u jinfluwenzaw b'mod pożittiv l-integrazzjoni soċjali ta' l-immigranti; |
32. |
jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li tingħata spinta lill-mekkaniżmi li jiffavorixxu l-mobbiltà fi ħdan l-UE tal-ħaddiema immigranti li jgħixu u jaħdmu legalment fi Stat Membru; |
33. |
jenfasizza li huwa importanti li l-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fis-sħubijiet ta' mobbiltà jippromovu b'mod effettiv ir-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-migranti billi jieħdu miżuri attivi biex jippromovu l-istabbiliment ta' infrastruttura tal-produzzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. L-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti għandhom ifakkru dan l-aspett lill-pajjiżi ta' oriġini li magħhom għandhom ftehim ta' mobbiltà, u joffrulhom pariri u appoġġ mingħajr ħlas; |
34. |
iqis li l-idea ta' viża għal iktar minn dħul wieħed li tkun valida għal perjodu twil hija pożittiva billi tiffavorixxi l-migrazzjoni ċirkolari; jappoġġja l-inizjattivi li jħeġġu l-parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol ta' l-Istati Membri tal-persuni b'nazzjonalità ta' pajjiż terz li daħlu fil-pajjiż bħala studenti u ta' dawk li pparteċipaw f'mekkaniżmi ta' migrazzjoni ċirkolari u rrispettaw l-obbligu ta' ritorn; |
35. |
jitlob lill-Kummissjoni tagħmel dak li tista' biex tiżgura li l-migranti ċirkolari, ġaladarba jkunu marru lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, ikunu jistgħu jittrasferixxu d-drittijiet ta' pensjoni li jkunu kisbu fil-pajjiż ta' destinazzjoni; |
36. |
iqis liż-żieda ta' inċentivi fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi bħala miżura komplementari pożittiva li tippromovi l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritjiet lokali u reġjonali fil-proġetti ta' żvilupp; |
37. |
jappoġġja l-idea li jinħolqu ċentri komuni ta' applikazzjoni għall-viża fil-pajjiżi terzi, u jitlob li din l-inizjattiva ma twassalx għal żieda fil-burokrazija iżda pjuttost għal proċeduri iktar sempliċi u iktar mgħaġġla; |
Fir-rigward tal-ġlieda kontra x-xogħol irregolari
38. |
jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiġġieled kontra x-xogħol illegali ta' persuni minn pajjiżi terzi. L-introduzzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi, amministrattivi jew fejn hemm bżonn penali mmirati lejn ir-rispett tad-dispożizzjonijiet legali ta' l-UE hija kompitu ta' l-Istati Membri, minbarra f'każ fejn is-sanzjonijiet ikunu mmirati lejn il-ħarsien ta' l-effettività tal-leġislazzjoni ta' l-UE; |
39. |
jinnota l-bżonn li jiġi vvalutat jekk it-terminu “min iħaddem” jew “intraprenditur” huwiex adattat f'kull verżjoni lingwistika tad-direttiva u jqis li meta fil-leġislazzjoni ta' Stat Membru jkun hemm distinzjoni bejn iż-żewġ termini, ikun preferibbli li jintuża t-terminu “min iħaddem” minflok “intraprenditur” bil-għan li ssir distinzjoni bejn l-inizjattiva intraprenditorjali u l-imġiba kriminali u biex id-direttiva tkopri wkoll sitwazzjonijiet fejn persuna toffri impjieg legali mingħajr ma jkollha l-istatus legali ta' intraprenditur; |
40. |
isostni li l-ġlieda kontra x-xogħol irregolari għandha tinkludi sanzjonijiet għal dawk li jħaddmu lin-nies b'mod illegali, kif ukoll żieda fl-ispezzjoni tax-xogħol u titjib tas-sistemi ta' impjegar legali u analiżi ta' sistemi alternattivi li jippermettu li tiġi promossa l-prattika tajba. Ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu pubbliċi sabiex il-konsumaturi u l-impjegati potenzjali jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati; |
41. |
iqis li l-ġlieda kontra x-xogħol irregolari, li hija wieħed mill-fatturi li l-iktar jiġbdu l-flussi ta' l-immigrazzjoni irregolari, għandha tkun prijorità fl-azzjonijiet ta' l-UE relatati mal-politika ta' immigrazzjoni u jqis li l-bażi legali tad-direttiva għandha tiffoka fuq il-ġlieda kontra x-xogħol irregolari u konsegwentement fuq it-tnaqqis ta' l-immigrazzjoni irregolari, u mhux bil-kontra; |
42. |
ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, jistgħu jaqdu rwol importanti fl-applikazzjoni tal-miżuri ta' kontroll u superviżjoni tas-suq tax-xogħol u li jista' jkun hemm bżonn li jiżdiedu r-riżorsi umani u materjali sabiex jiżdied in-numru ta' spezzjonijiet; |
43. |
iqis li, fil-qafas tal-ġlieda kontra x-xogħol irregolari, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-migranti u t-traffikar tal-persuni, u jikkritika bis-sħiħ lill-organizzazzjonijiet u n-netwerks tal-kriminalità organizzata li jappoġġjaw lill-fenomenu ta' l-immigrazzjoni irregolari, b'mod partikolari l-isfruttament fl-ambitu tax-xogħol, attività li saret vantaġġuża ħafna għalihom; |
44. |
jappoġġja l-inizjattivi mmirati lejn il-ġlieda kontra x-xogħol irregolari u jħeġġeġ il-promozzjoni ta' inizjattivi konġunti bejn id-diversi livelli ta' amministrazzjoni (nazzjonali, reġjonali u lokali) u l-imsieħba soċjali (prinċipalment dawk li jħaddmu u t-trade unions, iżda wkoll l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet favur id-drittijiet tal-bniedem) f'dan il-qasam. Iħeġġeġ it-tnedija ta' inizjattivi ta' promozzjoni u azzjonijiet ta' informazzjoni f'setturi speċifiċi tad-dinja tax-xogħol li jkollhom l-għan li jiskoraġġixxu lil dawk li jħaddmu lin-nies b'mod irregolari u jinfurmawhom bil-benefiċċji ta' l-impjegar legali; |
45. |
jaqbel li ma jkunx siewi li fl-applikazzjoni tad-Direttiva jiġu esklużi l-individwi li jimpjegaw ħaddiema b'mod irregolari, iżda jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li huwa impossibbli li jkun hemm prevenzjoni ta' sitwazzjonijiet bħal dawn jekk ma jitfasslux soluzzjonijiet effikaċi u komplementarji li jindirizzaw l-iskarsezza tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol; |
46. |
jinnota li huwa importanti li l-proċeduri għall-impjegar temporanju jkunu iqsar u iktar flessibbli u li jiġu stabbiliti sistemi għall-immigrazzjoni staġjonali, bħal dawk inklużi fil-pjan dwar il-politiki għall-migrazzjoni legali ta' l-2005, bħala elementi li jistgħu jikkontribwixxu sabiex ma jkomplewx jitħaddmu migranti b'mod irregolari; |
47. |
jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni estremament vulnerabbli li jinsabu fiha n-nisa immigranti fl-Unjoni Ewropea, kemm fl-ambitu tax-xogħol kif ukoll f'dak personali, u jsejjaħ għal attenzjoni ikbar għal din il-kwistjoni; |
48. |
jappoġġja d-deċiżjoni li ma jiġux imposti sanzjonijiet fuq il-persuni minn pajjiżi terzi effettwati mill-proposta, anke jekk l-eżiġenza ta' ritorn jew espulsjoni (5) tista' titqies bħala kastig, u jilqa' s-sanzjonijiet ekonomiċi fir-rigward ta' dawk li jiksru l-liġi, b'mod speċjali fil-forma tal-ħlas ta' l-ispejjeż marbutin mal-vjaġġ ta' ritorn, li magħhom wieħed jista' jżid l-akkomodazzjoni u l-manteniment ta' l-immigrant ikkonċernat sakemm tintemm il-proċedura ta' ritorn; jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tiggarantixxi l-konsistenza ta' l-istrumenti leġislattivi marbutin mal-miżuri dwar ir-ritorn, u l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; |
49. |
iħeġġeġ it-teħid tal-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema li jintbagħtu lura, jitħallsu dak li jmisshom; |
50. |
jitlob ħarsien aħjar mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għall-ħaddiema li huma vittmi ta' abbuż u jitlob li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jingħatalhom id-dritt ta' residenza fuq perijodu fit-tul, b'mod speċjali f'każi gravi ħafna, b'konformità mad-Direttiva 2004/81/KE dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni li tiffaċilita l-immigrazzjoni illegali li jikkooperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti; |
Fir-rigward tal-ħaddiema bi kwalifiki għoljin
51. |
jilqa' l-inizjattivi favur il-promozzjoni ta' l-immigrazzjoni legali lejn l-UE, hekk kif jilqa' l-isforzi għall-armonizzazzjoni tad-diversi mekkaniżmi kumplessi ta' aċċess għas-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri; |
52. |
iqis li huwa neċessarju li jiġu żviluppati miżuri bħall-“karta l-blu” bil-għan li l-Unjoni Ewropea ssir destinazzjoni iktar attratenti għall-flussi migratorji ta' ħaddiema kwalifikati u bi kwalifiki għoljin ħafna, u wkoll sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol Ewropej u jiġi żgurat li l-istrateġija ta' Lisbona tiġi implimentata; madankollu, il-Kummissjoni hija mitluba tagħti definizzjoni iktar ċara tat-termini immigranti “kwalifikati” u immigranti “bi kwalifiki għoljin”; barraminhekk jissuġġerixxi li d-definizzjoni tikkunsidra l-livell ta' edukazzjoni tal-migranti, l-esperjenza tax-xogħol tagħhom, il-kompetenzi lingwistiċi tagħhom u fatturi rilevanti oħra; |
53. |
jinnota li l-kontribut li jagħtu l-ħaddiema mhux kwalifikati jew bi kwalifiki inqas għoljin lis-swieq tax-xogħol ta' ċerti pajjiżi Ewropej m'għandux jiġi mminimizzat, u jfakkar lill-Kummissjoni — wara li analizza u evalwa l-possibbiltajiet ta' impjieg għall-ħaddiema mingħajr kwalifiki u semi-kwalifikati — fl-impenji tal-Kunsill fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' ammissjoni għal raġunijiet marbutin mas-suq tax-xogħol, kif stipulat fil-Pjan ta' Politika dwar il-Migrazzjoni Legali; |
54. |
iqis li l-“karta l-blu” m'għandhiex biss tingħata lil dawk il-ħaddiema kwalifikati li jitolbu li jidħlu fiż-żona ta' l-UE, iżda wkoll lil dawk li diġà jgħixu fit-territorju ta' Stat Membru; |
55. |
iqis li huwa indispensabbli li tinġabar informazzjoni bażika preċiża dwar il-bżonn ta' forza tax-xogħol kwalifikata fis-swieq tax-xogħol ta' l-Istati Membri u jitlob lill-Kummissjoni tfassal metodu omoġenu u effettiv għall-ġbir u l-preżentazzjoni ta' data statistika f'dan l-ambitu b'konformità mar-Regolament Nru (KE) 862/2007; |
56. |
jitlob lill-Istati Membri li jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġi ddeterminat kemm daħlu persuni minn pajjiżi terzi minħabba offerti ta' xogħol li jitolbu kwalifiki għoljin, u jiddispjaċih li din il-parteċipazzjoni ma tissemmiex b'mod espliċitu fil-proposta għal direttiva; |
57. |
jistaqsi lilu nnifsu jekk il-mobbiltà fl-ambitu tax-xogħol tal-ħaddiema bi kwalifiki għoljin tistax tiġi effettwata mill-eżiġenza li l-ħaddiema jgħixu għal żmien ta' mill-inqas sentejn fl-ewwel Stat Membru, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex soluzzjonijiet alternattivi li jiżguraw il-mobbiltà tal-ħaddiema u jissodisfaw il-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol nazzjonali; |
58. |
jilqa' l-kundizzjonijiet ta' dħul għall-familji tal-ħaddiema bi kwalifiki għoljin, kwistjoni li tista' tkun determinanti fir-reklutaġġ ta' persunal bi kwalifiki għoljin, kif juru l-esperjenzi ta' pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti; |
59. |
ifakkar fl-importanza li jiġi evitat “brain drain” fil-pajjiżi fil-proċess ta' żvilupp u jinnota bi tħassib li, skond l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-programmi ta' dħul għall-ħaddiema kwalifikati (fosthom din issemmi l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni dwar il-migrazzjoni ċirkolari) jistgħu jaggravaw il-problemi ta' “brain drain” (6); |
60. |
jitlob li jiġu studjati bir-reqqa d-data u l-istatistika dwar il-“brain drain” u l-effetti ta' dan fuq il-pajjiżi ta' oriġini, bil-għan li jinstabu risposti konġunti flimkien mal-pajjiżi ta' oriġini sabiex jiġu evitati, safejn dan huwa possibbli, ir-riskji u l-konsegwenzi ta' dan il-fenomenu; |
61. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa għall-promozzjoni taċ-“ċirkolazzjoni ta' l-imħuħ” bħala alternattiva għat-“telf ta' mħuħ” (brain drain), kunċett li jirreferi għall-fatt li l-migranti jmorru lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u jaqsmu l-benefiċċji tal-kompetenzi miksuba fil-pajjiżi ta' destinazzjoni (7), u li jwassal għal attivazzjoni u tisħiħ tar-rabtiet bejn il-komunitajiet ta' oriġini u ta' destinazzjoni; |
Fir-rigward tal-permess uniku ta' residenza u impjieg
62. |
jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-proposta għal proċedura unika ta' applikazzjoni għal permess konġunt ta' residenza u impjieg, u jħeġġeġ it-titjib tal-proċeduri amministrattivi għall-għotja ta' dan il-permess; |
63. |
jilqa' kwalunkwe proposta li tissemplifika l-mekkaniżmi ta' aċċess għall-UE għal skopijiet ta' xogħol u jitlob li l-proċeduri ta' applikazzjoni u approvazzjoni tal-permessi jitħaffu sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-sistema; |
64. |
iqis li l-permess uniku huwa strument tajjeb għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari attwali, problema mdaqqsa fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea li xxekkel id-dritt għal amministrazzjoni tajba rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea; |
65. |
ifisser is-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tar-rikonoxximent ta' pakkett komuni ta' drittijiet għal dawk kollha li għandhom permess uniku, u jfakkar li dawn id-drittijiet għandhom jiġu rikonoxxuti bħala drittijiet marbutin mal-qafas internazzjonali tal-ħarsien tal-ħaddiema ta' l-ILO; |
66. |
ifakkar f'dak li tistqarr l-opinjoni tal-KtR 233/2006 (8) fir-rigward ta' l-importanza li jittejbu l-mekkaniżmi għar-rikonoxximent u l-validazzjoni taċ-ċertifikati u t-titoli professjonali u, b'mod ġenerali, tal-kompetenzi professjonali ta' l-immigranti, bil-għan li l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol tkun iktar adattata għall-kapaċitajiet tagħhom; |
67. |
ifaħħar it-twaqqif ta' garanziji fil-proċedura ta' preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni unika għal permess konġunt, b'mod speċjali fir-rigward ta' l-eżiġenza li kull rifjut jiġi ġġustifikat u li jkun hemm proċedura ta' appell f'każ ta' rifjut; |
68. |
jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u jinkludu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija ta' politiki ta' immigrazzjoni, b'mod speċjali fl-oqsma marbutin ma' l-integrazzjoni u s-suq tax-xogħol, sabiex dawn jipparteċipaw fid-deċiżjoni dwar in-numru ta' barranin li għandu jiġi ammess fit-territorju tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-karatteristiċi professjonali tagħhom. |
Brussell, it-18 ta' Ġunju 2008.
Il-President
tal-Kumitat tar-Reġjuni
Luc VAN DEN BRANDE
(1) Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell, 15 u 16 ta' Diċembru 2005, Taqsima IV, punt 8.
(2) B'konformità mal-Protokoll ta' Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni ta' Novembru 2005.
(3) Ir-Regolament Nru 862/2007 jagħraf, fost il-kunsiderazzjonijiet tiegħu, (5) “il-bżonn, li dejjem qed jiżdied, għal informazzjoni fil-forma ta' statistika li tirrigwarda l-professjonijiet, l-edukazzjoni, il-kwalifiki u t-tip ta' attività tal-migranti.” Ir-regolament jistipula wkoll (6) li huwa essenzjali li jkun hemm “statistika Komunitarja armonizzata u komparabbli dwar il-migrazzjoni u l-ażil għall-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-leġislazzjoni u l-linji politiċi Komunitarji relatati ma' l-immigrazzjoni u l-ażil, u mal-moviment liberu tal-persuni”.
(4) COM(2007) 248 finali.
(5) COM (2005) 391 u COM (2007) 248.
(6) Nota tat-traduttur: il-verżjoni Spanjola tad-dokument tal-Kummissjoni tuża l-kelma “empresario” li tista' tiġi tradotta kemm bħala “min iħaddem” kif ukoll bħala “intraprenditur”. Il-verżjoni Maltija tuża biss it-terminu “min iħaddem”.
(7) “Niżguraw il-benefiċċji u nnaqsu r-riskji marbutin mal-mobilità tal-ħaddiema”. Dokument tematiku tat-tielet sessjoni: Migrazzjoni għal skopijiet ta' xogħol fil-fruntieri u fuq skala internazzjonali. Forum ta' l-ILO, 2007.
(8) Assemblea Parlamentari Konġunta. Abbozz ta' rapport dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema kwalifikati u l-effett tagħha fuq l-iżvilupp nazzjonali. ACP-UE/100.012/B/2007.