Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AR0295

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija

    ĠU C 257, 9.10.2008, p. 41–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.10.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 257/41


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija”

    (2008/C 257/08)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jemmen fl-importanza li tissaħħaħ il-komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej billi dawn jingħaqdu fi djalogu permanenti bil-għan li jinfetaħ dibattitu demokratiku bbażat fuq il-fiduċja u s-solidarjetà, sabiex jippromovi l-ispirtu Ewropew u jiffaċilita l-ksib ta' ċittadinanza Ewropea attiva;

    jinsisti fuq ir-responsabbiltà komuni tar-rappreżentanti nazzjonali, reġjonali u lokali li jinkludu d-dimensjoni Ewropea fl-azzjonijiet tagħhom; u jitlob għaldaqstant li titħeġġeġ is-sħubija fil-qasam tal-komunikazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jitwassal iktar għarfien aħjar dwar l-Ewropa għand iċ-ċittadini u sabiex jitwasslu messaġġi ċari u oġġettivi dwar il-miżuri li jittieħdu fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea;

    jilqa' l-fażi l-ġdida tal-Pjan D bl-isem “Niddibattu l-Ewropa”, li żżomm il-ħidma fil-livell lokali (l-approċċ “going local”) u li toffri mezz ieħor biex jintlaħqu n-nies, jiġu stabbiliti l-kuntatti u tittieħed azzjoni fi sħubija fil-kuntest ta' l-elezzjonijiet Ewropej u tar-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona;

    jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkofinanzja sensiela ġdida ta' proġetti tas-soċjetà ċivili fil-kuntest ta' Pjan D, u jaqbel ma' l-importanza mogħtija lis-sejħiet għall-proposti u l-azzjonijiet deċentralizzati li jappoġġjaw il-proġetti lokali; jilqa' bis-sħiħ il-fatt li dawn is-sejħiet għall-proposti jpoġġu lill-involviment tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni u s-semplifikazzjoni tad-djalogu mal-politiċi lokali fil-qalba ta' l-objettivi; madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura ruħha li l-awtoritajiet lokali u reġjonali stess ikunu eliġibbli għal dawn is-sejħiet għall-proposti;

    jipproponi li d-Djar ta' l-Ewropa, żoni pubbliċi maħsuba sabiex jattiraw liċ-ċittadini bis-saħħa ta' medda wiesgħa ta' attivitajiet, ma jitħallewx biss għall-belt kapitali ta' kull Stat Membru. L-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll bliet oħrajn għandu jkollhom il-possibbiltà li joħolqu żoni ta' din ix-xorta skond numru ta' kriterji fissi; fid-dawl ta' dan, jilqa' l-ħsieb tal-Kummissjoni li żżomm il-ħidma saħansitra iktar fil-livell lokali billi tinkoraġġixxi d-dibattiti lil hinn mill-bliet kapitali ta' l-Ewropa, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni u t-tieni ġenerazzjoni taċ-ċentri Europe Direct ippjanati għall-2009;

    Huwa lest jikkontribwixxi u jipparteċipa b'mod attiv fl-inizjattivi ta' l-istituzzjonijiet l-oħra, fosthom is-summits taċ-ċittadini li jistgħu jiġu organizzati mill-Presidenzi ta' l-UE.

    Rapporteur

    :

    Is-Sinjura DU GRANRUT (FR/PPE), Kunsillier Reġjonali ta' Picardie

    Dokumenti ta' referenza

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija

    (COM(2007) 568 finali)

    Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni: Proposta għal Ftehim Inter-istituzzjonali dwar Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija

    (COM(2007) 569 finali)

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Nikkomunikaw dwar l-Ewropa bl-Internet. Ninkludu ċ-ċittadini

    (SEC(2007) 1742)

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Niddibattu l-Ewropanibnu fuq l-esperjenza ta' Pjan D għal Demokrazija, Djalogu u Dibattitu

    (COM(2008) 158 finali)

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    I.   Nikkomunikaw dwar l-Ewropa: responsabbiltà komuni

    1.

    jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea sabiex titfassal strateġija ġdida ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej, b'konformità max-xewqa tal-Kunsill Ewropew, billi tinkludi aktar mill-qrib lill-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri, u billi tagħraf l-importanza ta' l-azzjonijiet fil-livelli reġjonali u lokali;

    2.

    jemmen fl-importanza li tissaħħaħ il-komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej billi dawn jingħaqdu fi djalogu permanenti bil-għan li jinfetaħ dibattitu demokratiku bbażat fuq il-fiduċja u s-solidarjetà, sabiex jippromovi l-ispirtu Ewropew u jiffaċilita l-ksib ta' ċittadinanza Ewropea attiva;

    3.

    itenni l-konvinzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa assoluta li jiġi mħeġġeġ dibattitu, dwar il-valuri komuni, ir-rebħiet tal-kostruzzjoni Ewropea u l-impatt tal-politiki Komunitarji fuq ħajjet iċ-ċittadini, kif ukoll l-isfidi għall-futur ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' djalogu deċentralizzat, u l-bżonn li jkun hemm inkoraġġiment għal għarfien aħjar tal-kwistjonijiet Ewropej fost iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea;

    4.

    jinsisti fuq ir-responsabbiltà komuni tar-rappreżentanti nazzjonali, reġjonali u lokali li jinkludu d-dimensjoni Ewropea fl-azzjonijiet tagħhom; u jitlob għaldaqstant li titħeġġeġ is-sħubija fil-qasam tal-komunikazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jitwassal iktar għarfien dwar l-Ewropa għand iċ-ċittadini u sabiex jitwasslu messaġġi ċari u oġġettivi dwar il-miżuri li jittieħdu fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea;

    5.

    għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex liċ-ċittadini toffrilhom strumenti ġenwini ta' parteċipazzjoni; f'dan ir-rigward huwa jagħmel enfasi fuq ir-rwol tal-mezzi tal-komunikazzjoni l-kbar, l-aktar l-internet bħala strument tal-prossimità u mezz tal-komunikazzjoni fundamentali, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    6.

    jilqa' x-xewqa tal-Kummissjoni Ewropea li jissaħħaħ il-prinċipju ta' sħubija bejn l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri; jisħaq bil-kbir fuq il-ħtieġa li jingħarfu s-sehem essenzjali tiegħu kif ukoll dak ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali f'dan ir-rigward; jinnota li l-Kummissjoni tammetti li n-nuqqas ta' għarfien dwar l-Unjoni Ewropea huwa l-aktar ir-riżultat tan-nuqqas ta' impenn min-naħa ta' l-Istati Membri, u li għarfet l-effetti pożittivi tal-komunikazzjoni deċentralizzata u l-ħtieġa ta' azzjoni fil-livelli lokali u reġjonali;

    7.

    jilqa' l-fażi l-ġdida tal-Pjan D bl-isem “Niddibattu l-Ewropa”, li żżomm il-ħidma fil-livell lokali (l-approċċ “going local”) u li toffri mezz ieħor biex jintlaħqu n-nies, jiġu stabbiliti l-kuntatti u tittieħed azzjoni fi sħubija fil-kuntest ta' l-elezzjonijiet Ewropej u tar-ratifika tat-Trattat ta' Lisbona;

    8.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tintegra l-ħtieġa tal-komunikazzjoni fit-tħejjija ta' kull politika Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward tal-politiki li għandhom impatt dirett fuq it-territorji, l-aktar il-Fondi Strutturali u jemmen li l-baġit rivedut ta' l-UE għandu jinkludi kapitlu dwar il-komunikazzjoni maċ-ċittadini;

    9.

    jaħseb li jaqbel li wieħed juża l-fażi ta' ratifika tat-Trattat ta' Lisbona u l-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin sabiex iħeġġeġ dibattitu ġenwin dwar l-Ewropa; għal dan il-għan il-Kumitat waqqaf grupp ta' ħidma speċifiku sabiex itejjeb il-ħila komunikattiva tal-membri tiegħu meta jitkellmu dwar l-Ewropa maċ-ċittadini Ewropej;

    II.   Insaħħu l-politika ta' sħubija għal komunikazzjoni deċentralizzata koerenti u integrata

    10.

    ifakkar fi kliem id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Wallström dwar l-approċċ territorjali u r-rwol essenzjali ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jilħqu ċ-ċittadini u jispjegawlhom is-sinifikat u l-effetti pożittivi ta' l-azzjoni politika ta' l-UE fuq l-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni territorjali, l-ambjent, is-sigurtà u l-progress soċjali matul il-ħafna avvenimenti organizzati fi ħdan il-qafas tal-Pjan D madwar l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

    11.

    itenni, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tiegħu li jaħdem fuq il-linji tal-ftehim ta' kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-addendum tiegħu dwar il-politika ta' komunikazzjoni, sabiex iqanqal l-organizzazzjoni ta' dibattiti u avvenimenti b'temi marbuta mal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, bħall-impjiegi, is-sigurtà, il-migrazzjoni, id-drittijiet fundamentali, il-ħarsien ta' l-ambjent, il-provvista ta' l-enerġija, u b'hekk joħroġ fid-dieher il-valur miżjud tal-politika Komunitarja meta tingħaqad mal-kompetenzi tar-rappreżentanti eletti fil-livelli lokali u reġjonali;

    12.

    jitlob li l-persuni ta' kuntatt f'kull rappreżentanza tal-Kummissjoni, li nħatru b'konformità mal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-KtR u l-Kummissjoni Ewropea u li jieħdu ħsieb it-tixrid tat-temi ta' azzjonijiet marbuta mal-komunikazzjoni fil-livelli lokali u reġjonali li jagħżel il-Grupp Inter-istituzzjonali għall-Informazzjoni, għandhom isiru pontijiet ta' informazzjoni operattiva bejn il-Kummissjoni u l-membri tal-KtR. Huma għandhom jiffaċilitaw l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-avvenimenti deċentralizzati u fiż-żjarat uffiċjali tal-Kummissjoni fl-Istati Membri;

    13.

    ifakkar li filwaqt li strateġija ġdida ta' komunikazzjoni teħtieġ interattività akbar bejn l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-korpi Komunitarja tagħha, għandha tixrob ukoll minn reazzjonijiet ta' “fuq il-post” għaliex dawn biss jistgħu jiġu analizzati u mgħoddija mill-awtoritajiet li għandhom għarfien biżżejjed dwar il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-UE u fl-istess ħin huma responsabbli miċ-ċittadini u jinsabu qribhom. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, it-termini tal-protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jinsab fit-Trattat ta' Lisbona. Dawn il-prinċipji jobbligaw lill-Kummissjoni Ewropea sabiex fil-proposti leġislattivi u regolamentari tagħha tikkunsidra l-impatt finanzjarju u amministrattiv fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    14.

    jinnota li l-isforz tal-partijiet interessati lokali u reġjonali u l-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'konsultazzjonijiet formali tal-Kummissjoni Ewropea dwar leġislazzjoni ġdida jsaħħu l-attivitajiet tal-bliet u r-reġjuni bħala pontijiet ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea u huwa parti mill-qafas tal-gvernanza b'diversi livelli. Dan l-iskambju ta' informazzjoni minn żewġ naħat jista' jinvolvi l-uffiċċji reġjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fi Brussell kif ukoll l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej tar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti;

    III.   Nikkomunikaw dwar l-Ewropa: naġixxu fil-livell lokali billi ninvolvu ċ-ċittadini flimkien mar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti

    15.

    jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tingħata informazzjoni iktar adegwata dwar l-Unjoni Ewropea, li tkun immirata lejn gruppi differenti, u li din l-informazzjoni tiġi adattata għar-realtà lokali;

    16.

    jitlob li wieħed jitgħallem mill-avvenimenti li organizzaw l-awtoritajiet reġjonali u l-bliet fi ħdan il-qafas tal-Pjan D kif inhuma mfassla fiż-żewġ rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni deċentralizzata mill-Kumitat tar-Reġjuni;

    17.

    jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkofinanzja sensiela ġdida ta' proġetti tas-soċjetà ċivili fil-kuntest ta' Pjan D, u jaqbel ma' l-importanza mogħtija lis-sejħiet għall-proposti u l-azzjonijiet deċentralizzati li jappoġġjaw il-proġetti lokali; jilqa' bis-sħiħ il-fatt li dawn is-sejħiet għall-proposti jpoġġu lill-involviment tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni u s-semplifikazzjoni tad-djalogu mal-politiċi lokali fil-qalba ta' l-objettivi; madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura ruħha li l-awtoritajiet lokali u reġjonali stess ikunu eliġibbli għal dawn is-sejħiet għall-proposti;

    18.

    jenfasizza li sabiex il-fażi “Niddibattu l-Ewropa” tal-Pjan D tkun effiċjenti f'kull Stat Membru, għandu jkun hemm iktar sinerġiji bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti, il-kelliema tal-gvernijiet nazzjonali, il-kapijiet tar-rappreżentanzi tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, u r-rappreżentanti ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    19.

    jipproponi li d-Djar ta' l-Ewropa, żoni pubbliċi maħsuba sabiex jattiraw liċ-ċittadini bis-saħħa ta' medda wiesgħa ta' attivitajiet, ma jitħallewx biss għall-belt kapitali ta' kull Stat Membru. L-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll bliet oħrajn għandu jkollhom il-possibbiltà li joħolqu żoni ta' din ix-xorta skond numru ta' kriterji fissi; fid-dawl ta' dan, jilqa' l-ħsieb tal-Kummissjoni li żżomm il-ħidma saħansitra iktar fil-livell lokali billi tinkoraġġixxi d-dibattiti lil hinn mill-bliet kapitali ta' l-Ewropa, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni u t-tieni ġenerazzjoni taċ-ċentri Europe Direct ippjanati għall-2009;

    20.

    jenfasizza li l-komunikazzjoni maż-żgħażagħ għandha tfittex li xxerred informazzjoni li tgħinhom jifhmu l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kostruzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea;

    21.

    jitlob lil-livelli kollha ta' gvernanza jassiguraw li matul il-karriera skolastika tagħhom,iż-żgħażagħ jirċievu tagħrif bażiku dwar l-Unjoni Ewropea bil-għan li jifhmu x'inhuma l-poteri tagħha, kif taħdem, l-azzjonijiet tagħha u l-opportunitajiet li toffri għall-futur personali u professjonali tagħhom fil-kuntest ta' l-isfidi tas-seklu 21;

    22.

    jirrakkomandali l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni ta' l-Istati Membri jiġu implimentati bil-kollaborazzjoni tar-rappreżentanti reġjonali u lokali, per eżempju permezz ta' l-organizzazzjoni ta' avvenimenti deċentralizzati fir-reġjuni u diskussjonijiet regolari fi ħdan l-assembleji reġjonali u lokali dwar il-politiki ta' l-Unjoni Ewropea li jsiru, jekk ikun possibbli, fil-preżenza ta' Membru Parlamentari Ewropew u ta' rappreżentant ta' wieħed mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni kif diġà jsir fil-parlamenti nazzjonali;

    23.

    ifakkar li r-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti jistgħu jaqdu rwol kruċjali sabiex jagħtu bidu għall-komunikazzjoni minn żewġ naħat. Bis-saħħa ta' din tingħata informazzjoni dwar is-sehem u r-realtà ta' l-Unjoni Ewropea liċ-ċittadini, u sservihom ta' xprun sabiex jirreaġixxu għal din l-informazzjoni, u b'hekk l-Ewropa tersaq aktar viċin tar-reġjuni li jirrappreżentaw dawn ir-rappreżentanti eletti. Huma jinsabu wkoll fil-pożizzjoni ideali sabiex iwasslu r-reazzjonijiet ta' “fuq il-post”, jiġifieri l-opinjonijiet pubbliċi lokali u reġjonali, lil dawk responsabbli mit-tħejjija ta' l-azzjoni politika ta' l-UE u lil dawk li jieħdu deċiżjoni dwarha;

    24.

    jinsisti fuq ir-rwol tal-partiti politiċi fil-qasam tal-komunikazzjoni fil-livell lokali u reġjonali sabiex jippromovu l-proġett Ewropew, u jinkoraġġixxi r-rappreżentanti lokali u reġjonali biex iħarrġu lill-politiċi żgħażagħ dwar l-affarijiet Ewropej sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-futur jintegraw id-dimensjoni Ewropea fl-azzjonijiet tagħhom;

    25.

    jemmen fl-importanza li t-test tat-Trattat ta' Lisbona jinkiteb b'mod ċar u affidabbli, u jkun jinkludi l-benefiċċji tiegħu, il-loġika li jinbena fuqha u t-titjib fir-rigward tat-trasparenza, l-effiċjenza u l-leġittimità ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tħejjija ta' politiki ta' l-Unjoni Ewropea;

    26.

    jirrakkomanda li fi ħdan il-kunsilli reġjonali u lokali tinżamm sessjoni speċjali miftuħa għall-Membri tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Parlament Ewropew mill-istess kostitwenza, li tkun iddedikata għat-twettiq ta' l-integrazzjoni Ewropea u għall-funzjonament istituzzjonali ta' l-UE, per eżempju f'Jum l-Ewropa (fid-9 ta' Mejju);

    27.

    iħabbar l-azzjonijiet prijoritarji li ġejjin, ippjanati mill-Kumitat tar-Reġjuni għall-2008 fil-qasam tal-komunikazzjoni:

    l-organizzazzjoni ta' Forum dwar “Il-Bliet tal-Futur” (mit-8 sa l-10 ta' April 2008);

    l-organizzazzjoni tat-Tielet Forum Annwali tal-Komunikazzjoni (mis-17 sad-19 ta' Ġunju 2008);

    l-organizzazzjoni tas-sitt edizzjoni ta' OPEN DAYS (mis-6 sad-9 ta' Ottubru 2008) li matul il-Ġimgħa tar-Reġjuni u l-Bliet ser tlaqqa' fi Brussell 5 500 parteċipant minn 220 reġjun u belt ta' l-Ewropa. Fl-2008 din l-inizjattiva ser tinkludi 'l fuq minn 150 avveniment deċentralizzat fir-reġjuni msieħba;

    l-organizzazzjoni ta' Forum dwar id-Djalogu Interkulturali (mill-25 sas-27 ta' Novembru);

    il-pubblikazzjoni ta' newsletter elettronika darba fix-xahar dwar il-politiki tal-KtR, li tkun indirizzata lill-mezzi tax-xandir reġjonali, lir-rappreżentanti reġjonali u lokali eletti kif ukoll lir-rappreżentanti ta' l-assoċjazzjonijiet, kif ukoll newsletter fuq il-karta dwar l-attività politika u konsultattiva tal-KtR, ta' l-istituzzjonijiet Ewropej u tar-reġjuni, li tkun indirizzata lill-25 000 persuna responsabbli mit-teħid ta' deċiżjonijiet reġjonali;

    iż-żjara ta' 600 ġurnalista reġjonali u lokali fis-sena fil-KtR fi Brussell b'rabta ma' l-attivitajiet politiċi tal-membri tal-KtR, fl-okkażjoni ta' xi avveniment u bil-kooperazzjoni ta' l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra;

    28.

    jixtieq jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea fit-tħejjija ta' pjan ta' ħidma bbażat fuq l-inizjattivi ta' komunikazzjoni fi ħdan il-kooperazzjoni inter-istituzzjonali u billi jiżdiedu s-sħubiji tal-ġestjoni operazzjonali ma' l-Istati Membri fuq bażi bilaterali;

    29.

    huwa lest jikkontribwixxi u jipparteċipa b'mod attiv fl-inizjattivi ta' l-istituzzjonijiet l-oħra, fosthom is-summits taċ-ċittadini li jistgħu jiġu organizzati mill-Presidenzi ta' l-UE;

    IV.   L-integrazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-qafas inter-istituzzjonali tal-futur rigward il-komunikazzjoni

    30.

    huwa konvint li qafas inter-istituzzjonali dwar l-informazzjoni u l-komunikazzjoni kapaċi jsaħħaħ il-prinċipju ta' sħubija bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali; dan il-qafas għandu jkollu finanzjament adegwat;

    31.

    jenfasizza l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-ħidma tal-Grupp Inter-istituzzjonali għall-Informazzjoni (GII), beħsiebu jippreżenta l-programm annwali tiegħu rigward il-komunikazzjoni deċentralizzata kull sena, u jitlob għaldaqstant li jiġi involut fit-tħejjija tal-programm annwali inter-istituzzjonali dwar is-suġġett;

    32.

    jaqbel mal-valutazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Grupp Inter-istituzzjonali għall-Informazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta' titjib u dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf grupp inkarigat mill-koordinazzjoni tal-miżuri li jimplimentaw il-linji gwida ġenerali tal-GII; il-KtR huwa lest jipparteċipa f'dan kollu;

    33.

    jilqa' bi pjaċir il-possibbiltà li jipparteċipa fid-dibattitu annwali inter-istituzzjonali dwar il-komunikazzjoni, u jitlob għalhekk li l-kontribut tiegħu jiġi rikonoxxut flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħala msieħeb ewlieni fl-istrateġija tal-komunikazzjoni deċentralizzata;

    V.   Inżidu l-pontijiet ta' komunikazzjoni: il-mezzi tax-xandir lokali u reġjonali, il-mezzi awdjoviżivi u l-Internet

    34.

    jisħaq fuq il-fatt li sabiex jinkiseb l-objettiv li jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini ta' l-UE dwar il-kwistjonijiet ta' l-UE, in-numru eżistenti ta' kanali ta' informazzjoni jrid jiżdied u jsir aktar effettiv u aċċessibbli. Għandha tittejjeb il-kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet u l-mezzi tax-xandir lokali u reġjonali u għandom jintużaw teknoloġiji ġodda;

    35.

    jesprimi s-sodisfazzjoni tiegħu rigward it-tnedija tal-proġett tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-netwerks ta' informazzjoni pilota fl-2008 bil-għan li jintegraw aħjar il-Parlamenti Nazzjonali fid-dibattitu Ewropew, u fid-dawl ta' dan jitlob li l-Parlamenti Nazzjonali kif ukoll il-Parlamenti Reġjonali u r-rappreżentanti lokali u reġjonali jiġu assoċjati ma' din l-inizjattiva;

    36.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni li l-websites tar-rappreżentazzjonijiet tagħha fis-27 Stat Membru jkunu konnessi mal-websites ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali li għandhom il-poter lokali u reġjonali, tal-bliet u r-reġjuni, u li l-informazzjoni li tingħata tkun adattata għall-kuntest lokali, l-aktar rigward l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej;

    37.

    jirrakkomanda li l-website Europa jkun fiha paġna speċifika dwar ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE; b'hekk joħroġ fid-dieher il-fatt li kważi 75 % tal-leġislazzjoni Ewropea hija implimentata fil-livell lokali u reġjonali, u barra minn hekk, din il-paġna għandha tinkludi ħolqa (link) għall-website tal-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll għal dawk ta' l-assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jappoġġjawh;

    38.

    jenfasizza l-importanza ta' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea e-parteċipazzjoni bl-iskop li ċ-ċittadini jipparteċipaw fit-tħejjija tal-politiki, l-aktar fil-livell lokali u reġjonali; f'dan il-kunstest jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw il-websites tal-lokalitajiet tagħhom b'tali mod li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jesprimu ruħhom fil-qafas tal-konsultazzjonijiet u l-interazzjoni online, b'mod partikolari rigward it-tamiet tagħhom mill-politiki Ewropej;

    39.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi l-vidjos bi produzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-website EU Tube;

    40.

    fl-aħħar jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex lir-rappreżentanti lokali u reġjonali toffrilhom pjattaforma ta' dibattitu fuq il-website Europa sabiex iwieġbu l-mistoqsijiet tal-pubbliku, per eżempju fil-qafas tal-forum Debate Europe — din l-inizjattiva għandha mnejn iżżid l-interazzjoni bejn il-membri tagħna u ċ-ċittadini fl-Istati Membri rispettivi tagħhom;

    41.

    jixtieq jenfasizza l-importanza li jkun hemm għażla wiesgħa ta' kanali ta' informazzjoni u komunikazzjoni sabiex iċ-ċittadini kollha ta' l-UE jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni dwar l-UE bl-istess mod.

    Brussell, id-19 ta' Ġunju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    Top