EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AR0155

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Sinerġija tal-Baħar l-Iswed — Inizjattiva ta' kooperazzjoni reġjonali ġdida

ĠU C 105, 25.4.2008, p. 46–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 105/46


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Sinerġija tal-Baħar l-Iswed — Inizjattiva ta' kooperazzjoni reġjonali ġdida

(2008/C 105/10)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel il-miżuri ta' żvilupp reġjonali u lokali iktar effettivi permezz ta' l-inizjattiva ta' Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, billi tuża l-aqwa prattiki lokali u reġjonali u bil-promozzjoni tat-tkattir u l-iskambju tagħhom u ta' azzjonijiet ta' netwerking; iżda jħoss li l-importanza tal-livell lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-istrateġija għandha tiġi enfasizzata b'iktar ċarezza;

jilqa' bħala pass 'il quddiem lejn żvilupp demokratiku u stabbli tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed il-progress riċenti fil-proċess ta' tkabbir u s-sħubija fl-UE tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-1 ta' Jannar 2007, biex b'hekk tkun żgurata aktar stabbilità, sigurtà u prosperità kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; bl-istess mod, in-negozjati ta' sħubija mat-Turkija jimmarkaw pass ieħor 'il quddiem f'din id-direzzjoni;

jappoġġja l-ħolqien ta' identità marittima għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, għal dawk kollha involuti fl-attivitajiet marittimi varji. Għandhom jitqiesu l-isforzi sabiex jingħelbu problemi ambjentali u sabiex jiġi żviluppat it-turiżmu, sakemm il-kulturi tradizzjonali jkunu appoġġjati u l-wirt marittimu kulturali u naturali jkun ppreservat b'mod aktar effettiv;

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex issaħħaħ ir-rwol tat-trasport fil-qafas tal-politika marittima futura, peress li t-trasport huwa wieħed mill-iktar attivitajiet marittimi importanti u li jinvolvi kull qasam;

jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali mir-reġjun tal-Baħar l-Iswed fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji marbuta mal-migrazzjoni, b'enfasi fuq ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni sabiex, b'konsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet tal-bniedem u s-sikurezza pubblika, isseħħ kooperazzjoni estensiva u ffokata bejn l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi u korpi oħrajn simili li jiżguraw li l-migrazzjoni sseħħ f'konformità sħiħa mal-liġi;

jagħti l-appoġġ tiegħu għall-Ewroreġjun emerġenti tal-Baħar l-Iswed, li għandu l-għan li jippromovi l-kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali bejn il-pajjiżi tar-reġjun u sabiex ikunu appoġġjati l-istabbilità demokratika, il-governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli.

Rapporteur

:

Krasimir MIREV (BG/PSE), Sindku ta' Targovishte

Dokument ta' Referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew: Sinerġija tal-Baħar l-Iswed — Inizjattiva ta' kooperazzjoni reġjonali ġdida

COM(2007) 160 Finali

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rakkomandazzjonijiet ta' politika ġenerali

1.

jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel il-miżuri ta' żvilupp reġjonali u lokali iktar effettivi permezz ta' l-inizjattiva ta' Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, billi tuża l-aqwa prattiki lokali u reġjonali u bil-promozzjoni tat-tkattir u l-iskambju tagħhom u ta' azzjonijiet ta' netwerking; iżda jħoss li l-importanza tal-livell lokali u reġjonali għandha tiġi enfasizzata b'mod iktar ċar sabiex l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija tkun suċċess; dawn għandhom jingħataw spinta ġdida bħala strumenti ta' politika Komunitarja għall-modernizzazzjoni ekonomika, għal aktar kompetittività u t-tqarrib bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha;

2.

jilqa' bħala pass 'il quddiem lejn żvilupp demokratiku u stabbli tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed il-progress riċenti fil-proċess ta' tkabbir u s-sħubija fl-UE tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-1 ta' Jannar 2007, li b'hekk ikun żgurat aktar stabbilità, sigurtà u prosperità kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; b'mod simili, in-negozjati ta' l-adeżjoni mat-Turkija huma pass ieħor 'il quddiem f'din id-direzzjoni;

3.

jenfasizza l-importanza tal-prospettiva reġjonali u lokali fil-proċess tat-tkabbir u jirrikonoxxi ir-rwol ewlieni tal-politika reġjonali u lokali fl-iżgurar ta' l-istabbilità domestika, li tiddipendi b'mod kruċjali fuq id-demokrazija bażika;

4.

jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' sħubija, il-Politika Ewropea ta' Viċinat u s-sħubija strateġika mal-Federazzjoni Russa u jappoġġja l-involviment tiegħu u ta' istituzzjonijiet Ewropej oħrajn bil-għan li tiġi appoġġjata s-sħubija fiż-żona tal-Baħar l-Iswed, skond il-mudell ta' l-imsieħa EwroMediterranji, iż-żona Baltika u l-Baħar tat-Tramuntana;

5.

jinnota li l-awtoritajiet reġjonali u lokali tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed jaqdu rwol ewlieni fl-oqsma li ġejjin: il-proċess ta' transizzjoni demokratika u tmexxija tajba; il-bini ta' kapaċità amministrattiva; it-tisħiħ tal-paċi; id-djalogu bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet; il-migrazzjoni; il-ġlieda kontra l-kriminalità; l-enerġija; l-ippjanar tat-trasport u ta' l-infrastruttura; l-ippjanar urban u l-iżvilupp rurali; u josserva ugwalment ir-rwol pożittiv li jista' jkollha l-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali mas-soċjetà ċivili f'dawn l-oqsma kollha sabiex jaqdu l-interessi taċ-ċittadini;

6.

jenfasizza li l-inizjattiva tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed taqbel b'mod dirett mar-rwol istituzzjonali tiegħu; għaldaqstant iħoss li huwa essenzjali li jsir użu mill-kapaċità tiegħu li jaġixxi u jipparteċipa; iħeġġeġ li jkun utilizzat ir-rwol tiegħu fl-iżgurar ta' rappreżentanza magħquda tas-sistemi reġjonali u lokali ta' l-Unjoni Ewropea;

7.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li minkejja l-iżvilupp pożittiv sinifikattiv tul dawn l-aħħar snin, għadhom jeżistu differenzi bejn il-pajjiżi tar-reġjun fil-pass li bih qiegħed isiru r-riformi ekonomiċi u l-kwalità tat-tmexxija;

8.

huwa konxju li l-inizjattiva tal-Kummissjoni m'għandhiex il-għan li tkun strateġija ġdida għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; minflok, huwa previst li tkun proċess ta' bini fuq il-linji gwida ewlenin ta' l-UE għall-iżvilupp tar-reġjun, għat-tagħlim, il-kooperazzjoni u t-tkattir ta' l-aqwa prattika f'livell reġjonali u lokali, permezz tal-kooperazzjoni territorjali, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta' Lisbona u ta' Göteborg; madankollu, jaħseb li d-dimensjoni reġjonali għandha tissaħħaħ f'termini politiċi jekk l-inizjattiva għandha tirnexxi;

Politika ta' l-ambjent, tat-trasport, ta' l-enerġija u marittima

9.

jiġbed l-attenzjoni għall-istat kritiku ta' l-ambjent fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, u b'mod partikulari fid-delta tax-xmara Danube u fir-riservi naturali l-oħra taż-żona, u speċjalment fuq iż-żieda fl-ewtrofikazzjoni (jiġifieri żieda fil-produttività primarja ta' kwalunkwe ekosistema), b'effetti negattivi fuq il-bijodiversità, l-artijiet mistagħdra u s-sajd, u għat-tniġġis ikkawżat mill-petrol u d-dranaġġ;

10.

jinnota li jenħtieġu aktar analiżi fil-fond tal-perikli ambjentali potenzjali għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed (u għax-xmajjar li jgħaddu mir-reġjun ); dawn il-perikli jinħolqu, fost oħrajn, mill-bidla fil-klima u mir-riskju ta' diżastri naturali li jirriżulta minnha. Meta wieħed iqis dan, hemm bżonn li jkunu identifikati reazzjonijiet xierqa u jiġu appoġjati proġetti ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati b'mod konġunt mill-Unjoni Ewropea li għandhom l-għan li jtejbu l-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza tas-sigurtà ċivili;

11.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja l-użu ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, bħall-enerġija mir-riħ u mill-mewġ; għandu jkun hemm ukoll appoġġ għal attività ta' riċerka u innovazzjoni ulterjuri f'dan il-qasam;

12.

jitlob lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' skoperti xjentifiċi u teknoloġiċi fil-qasam tar-riċerka tal-baħar, bħall-bijoteknoloġija “blue” (applikazzjonijiet fil-baħar u akwatiċi tal-bijoteknoloġija), sistemi ta' gwida navigazzjonali u attivitajiet turistiċi, sabiex b'hekk jiġu indirizzati perikli tal-preżent u fil-ġejjieni b'mod partikulari fir-rigward tal-bidla fil-klima u bidliet oħra, it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut, it-turiżmu mhux sostenibbli u l-bidliet fix-xejriet demografiċi fil-popolazzjonijiet kostali;

13.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' preservazzjoni aħjar tal-wirt marittimu, waqt li titqies iż-żieda possibbli fit-turiżmu b'rabta ma' l-iżvilupp ta' kulturi tradizzjonali;

14.

jappoġġja l-ħolqien ta' identità marittima għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed, għal dawk kollha involuti fl-attivitajiet marittimi varji. Għandhom jitqiesu l-isforzi sabiex jingħelbu problemi ambjentali u sabiex jiġi żviluppat it-turiżmu, sakemm il-kulturi tradizzjonali jkunu appoġġjati u l-wirt marittimu kulturali u naturali jkun preservat b'mod aktar effettiv;

15.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet nazzjonali jappoġġjaw il-ħolqien ta' bażi ta' data reġjonali preċiża billi tuża t-tagħrif li jeżisti u tfisser fid-dettall l-aspetti ekonomiċi u ambjentali tar-riżorsi marittimi individwali u l-impatt tagħhom minn perspettiva soċjali;

16.

jirrakkomanda li jiġu evalwati u kkoordinati pjanijiet ta' strateġija speċifiċi, skond dawk stabbiliti fi ħdan l-Istrateġija Tematika dwar il-Ħarsien u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar, li jipproponu l-istabbiliment ta' reġjuni tal-baħar usa', b'mod partikulari għall-baċiri tal-baħar magħluqa bħalma hu l-Baħar l-Iswed; dawn għandhom jitlestu mill-Istati Membri skond proposta mill-Kummissjoni Ewropea;

17.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex issaħħaħ ir-rwol tat-trasport fil-qafas tal-politika marittima futura, peress li t-trasport huwa wieħed mill-iktar attivitajiet marittimi importanti u li jinvolvi kull qasam;

18.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw monitoraġġ ambjentali aktar bir-reqqa ta' l-istat tat-tniġġis fir-rotot marittimi ewlenin, u jaħseb li t-teknoloġija ġdida tal-GMES tista' tintuża b'suċċess għal dan il-għan;

19.

jipproponi li l-isforzi għat-tlestija tat-terminals tal-baħar jerġgħu' jingħataw il-ħajja, l-ewwel nett dawk li għandhom karatteristiċi intermodali ċari, b'mod partikulari peress li t-twettiq ta' xi proġetti TEN-T qiegħed jibqa' lura u dawn jaffettwaw id-dimensjoni marittima;

20.

jirrakkomanda li jissaħħaħ ir-rwol tal-portijiet strateġiċi bħala prijorità għall-iżvilupp ta' politika marittima futura u b'mod parallel li jitwettaq studju dwar il-konnessjonijiet bejn il-portijiet ewlenin u dawk sekondarji u dwar l-ispustjar u d-dekonċentrazzjoni possibbli ta' ċerti attivitajiet tal-portijiet lejn ċentri iżgħar;

21.

jipproponi lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali li jirregolaw l-attivitajiet ta' estrazzjoni tar-riżorsi marittimi tradizzjonali ta' l-enerġija, bħaż-żejt u l-gass, fuq il-bażi ta' standards ta' sigurtà ambjentali definiti sew u sabiex jimplimentaw monitoraġġ effettiv ta' dawn l-attivitajiet, li jiġu appoġġjati inizjattivi mmirati lejn l-aġġornament jew it-titjib tal-faċilitajiet tal-portijiet għar-riċeviment ta' ilma żejtni u li jiġu favoriti innovazzjonijiet fit-trasport fuq il-baħar u l-ġestjoni taż-żejt; anke permezz ta' l-użu tal-pipelines fuq l-art;

22.

jirrakkomanda li titjieb is-sikurezza tar-rotot marittimi u li tiġi studjata l-possibilità li jiġi introdott pilotaġġ obbligatorju għat-tankers taż-żejt u bastimenti oħra b'tagħbija perikoluża u li tiġi studjata l-possibilità li jiġi introdott pilotaġġ obbligatorju ġenerali fil-linji dojoq tat-traffiku marittimu;

23.

jinnota l-ħtieġa sabiex jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqsu l-gassijiet b'effett ta' serra u jappoġġja l-iskema tal-kummerċ ta' permessi għal min iniġġes;

24.

jirrakkomanda li jiġu żviluppati xenarji għal miżuri ta' ħarsien tal-kosta li jafu jkunu meħtieġa, ibbażati fuq il-previżjonijiet varji dwar iż-żjieda fil-livell tal-baħar u l-bidliet fil-kundizzjonijiet tat-temp;

25.

jitlob lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jikkoordinaw u jassistu lir-reġjuni li huma viċin tal-baħar fl-identifikar ta' mezzi għall-ħarsien b'suċċess ta' l-ambjent attwali u b'mod partikulari fl-istabbiliment ta' żoni transreġjonali u/jew transnazzjonali tal-ħarsien tal-baħar u fl-iżvilupp ta' proposti konkreti għat-tnaqqis sinifikattiv ta' skart radjuattiv, ta' tniġġis ikkawżat mill-bastimenti (b'mod partikulari emissjonijiet ta' gassijiet, skart u saborra ta' l-ilma), u sabiex jappoġġjaw sforzi li jiżguraw il-kwalità ta' l-ekosistemi u l-ambjent naturali kostali u lil hinn mix-xatt, waqt li jibqa' jitqies l-impatt sinifikattiv li l-attività ekonomika jaf ikollha fuq l-istat ta' l-ambjent tal-baħar, b'mod partikulari permezz ta' l-iskart tan-nutrijenti fil-baħar;

L-edukazzjoni, id-diversità kulturali u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet

26.

jenfasizza r-rwol ewlieni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-appoġġ u ċ-ċelebrazzjoni tal-kulturi tal-komunitajiet fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tgħin l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jipparteċipaw fi programmi kulturali ġodda ta' l-UE (Kultura 2007);

27.

jinnota l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li l-iżvilupp u d-diversità tal-kultura joffrru lill-pajjiżi tar-reġjun, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tilħiq ta' l-objettivi ta' Lisbona;

28.

jenfasizza li l-kooperazzjoni transkulturali u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet jeħtieġ li jissaħħu sabiex isir użu tad-diversità kulturali bħala strument li jgħaqqad il-popli flimkien f'Ewropa multilingwistika u multikulturali;

29.

jinnota l-ħtieġa għal sforzi iktar iffokati fuq livell reġjonali u lokali għall-iżvilupp ta' fiduċja fir-reġjun u s-soluzzjoni paċifika għal “kunflitti ffriżati” (frozen conflicts) permezz ta' programmi speċjali ta' kooperazzjoni;

30.

jisħaq dwar il-ħtieġa li jinżamm approċċ multilingwistiku f'Ewropa mkabbar, peress li dan huwa għodda importanti ħafna sabiex iċ-ċittadini jiġu inklużi fil-proġett politiku komuni Ewropew;

31.

jappella lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jappoġġjaw programmi u proġetti mmirati lejn il-kooperazzjoni interreġjonali taż-żgħażagħ fil-livell lokali u reġjonali;

Il-Migrazzjoni, l-impjieg u l-affarijiet soċjali

32.

jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali mir-reġjun tal-Baħar l-Iswed fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji marbuta mal-migrazzjoni, b'enfasi fuq ġestjoni aħjar tal-flussi migratorji, sabiex bir-rispett dovut għad-drittijiet tal-bnedmin u s-sigurtà pubblika, dawn isiru b'legalità totali, anke permezz ta' kollaborazzjoni estiża u ffukata bejn l-aġenziji li jinfurzaw il-liġi u korpi oħra simili;

33.

jappoġġja strumenti politiċi ta' l-UE li jappoġġjaw attivitajiet immirati lejn it-tħeġġiġ ta' l-integrazzjoni soċjali tal-migranti permezz ta' programmi mmirati b'mod speċifiku lejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

34.

jilqa' l-inizjattivi ppjanati mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiġġieled l-immigrazzjoni illegali u l-appoġġ għall-iskambju ta' l-aqwa prattiki f'dak il-qasam;

35.

jappoġġja l-inklużjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji tal-migrazzjoni, u jinnota li t-tfassil tal-programmi komuni tal-politika tal-migrazzjoni fil-livell lokali u reġjonali jistgħu jiżguraw żvilupp ekonomiku fil-ġejjieni, bi tkabbir ekonomiku iktar qawwi u aktar prosperità fir-reġjuni;

36.

jilqa' l-inizjattivi ta' l-UE dwar opportunitajiet ugwali fil-livell lokali u reġjonali u jsejjaħ lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jipprovdu appoġġ f'dan ir-rigward;

Governanza tajba, inizjattivi reġjonali u netwerking

37.

jagħraf l-importanza ta' dak li ntlaħaq fir-reġjun mill-1989 'il hawn permezz ta' inizjattivi bħall-Kooperazzjoni Ekonomika fil-Baħar l-Iswed (BSEC) u l-Assemblea Parlamentari tal-Kooperazzjoni Ekonimika fil-Baħar l-Iswed (PABSEC);

38.

jenfasizza l-ħtieġa sabiex tiġi żviluppata u kkoordinata l-esperjenza ta' inizjattivi reġjonali attwali li jorbtu r-reġjun tal-Baħar l-Iswed ma' l-UE b'valur miżjud Ewropew, bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni tad-Danubju, bl-enfasi fuq il-komplimentarjetà territorjali u tematika;

39.

jirrakkomanda koordinazzjoni mtejba bejn l-inizjattivi varji f'livell nazzjonali u reġjonali fir-reġjun, u kull meta jkun possibbli li jkunu definiti l-oqsma rispettivi ta' attività tagħhom, sabiex ikun evitat l-irduppjar tal-ħidmiet u jintlaħqu riżultati speċifiċi;

40.

jirrakkomanda t-tixrid ta' eżempji reġjonali u lokali ta' l-aqwa prattika, b'mod partikulari fir-rigward ta' clusters ekonomiċi lokali, netwerk fil-qasam tar-riċerka, sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat, l-ippjanar ta' l-ispazju u l-governanza tajba, u l-inkoraġġiment u l-appoġġ ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed fl-iżvilupp ta' eżempji bħal dawn ta' l-aqwa prattika;

41.

jaqbel ma' l-approċċ enfasizzat mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni fir-rigward tar-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-komunikazzjoni, li jippermettu li jkun hemm kunsens pubbliku u jikkontribwixxu għal aktar trasparenza u responsabilità;

42.

jilqa' l-miżuri kollha xierqa ta' l-UE sabiex tgħin fl-iżvilupp tal-pajjiżi individwali, per eżempju fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u fl-assistenza għall-istabbiliment ta' strutturi amministrattivi effettivi, proċess li inevitabilment għandu jinvolvi wkoll il-livelli reġjonali u lokali; f'dan il-kuntest, jilqa' wkoll kwalunkwe inizjattivi xierqa li jappoġġjaw l-iżvilupp awtonomu ta' kooperazzjoni politika u ekonomika fir-reġjun;

43.

jappella lill-UE u lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jappoġġjaw programmi u proġetti għall-mobilità tal-persunal amministrattiv reġjonali u lokali bħala għodda għat-twaqqif ta' kuntatti iktar mill-qrib, għall-iskambju ta' l-esperjenza, u għal prestazzjoni mtejba;

44.

jirrakkomanda li jkunu involuti organizzazzjonijiet li jlaqqgħu flimkien ir-rappreżentanti lokali eletti sabiex jippreżentaw it-tħassib tagħhom f'taħdidiet skedati bħala parti mid-djalogu politiku kontinwu bejn l-UE u l-pajjiżi tar-reġjun;

45.

jappella lill-gvernijiet nazzjonali fir-reġjun sabiex jirrispettaw il-prinċipji tal-Karta Ewropea għall-Awto-Gvernanza Lokali;

Kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali

46.

jenfasizza r-rwol pożittiv potenzjali ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali u b'mod partikulari tas-sindki fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-reġjun, b'mod partikulari f'territorji fejn l-awtoritajiet nazzjonali huma neqsin minn tradizzjonijiet demokratiċi b'saħħithom;

47.

jagħti l-appoġġ tiegħu għall-Ewroreġjun emerġenti tal-Baħar l-Iswed, li għandu l-għan li jippromovi l-kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali bejn il-pajjiżi tar-reġjun u sabiex ikunu appoġġjati l-istabbilità demokratika, il-governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli;

48.

jinnota li hemm skop għall-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Kumitat tar-Reġjuni, fil-qafas tal-kooperazzjoni miftiema bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

49.

jixħet dawl fuq ir-rwol tal-gruppi ta' ħidma stabbiliti tiegħu bħala strument utili għall-appoġġ ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi pre-kandidati u l-pajjiżi kandidati fl-isforzi tagħhom sabiex iwessgħu l-opportunitajiet u jiżviluppaw id-djalogu politiku meħtieġ bejn l-UE, il-pajjiżi pre-kandidati u dawk kandidati;

50.

japprezza l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-inizjattiva għandha tkun organizzata f'ambitu lokali fir-reġjun, bis-sħab jassumu responsabilità maqsum għall-implimentazzjoni tagħha; jippromovi l-inklużjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dan il-proċess, meta wieħed jikkunsidra li dan għandu jiffaċilita l-iżvilupp kontinwu tal-kuntatti bejn il-bliet u l-muniċipalitajiet, l-universitajiet, l-operaturi kulturali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Baħar l-Iswed, inkluż l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

Brussell, 7 ta' Frar 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top