Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AR0110

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Limitazzjoni tal-Bidla Klimatika Globali għal 2 gradi Celsius u l-Inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-iskema ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet

ĠU C 305, 15.12.2007, p. 15–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 305/15


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Limitazzjoni tal-Bidla Klimatika Globali għal 2 gradi Celsius u l-Inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-iskema ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet

(2007/C 305/04)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha fl-ogħla livell politiku sabiex tissaħħaħ il-koalizzjoni internazzjonali kontra l-bidla klimatika peress li l-bidla klimatika tista' tiġi indirizzata biss jekk jikkontribwixxu l-pajjiżi (maġġuri) kollha;

huwa tal-fehma li l-Istati Membri li għandhom biss possibbilitajiet limitati għall-produzzjoni ta' l-enerġija minn sorsi rinnovabbli għandhom jingħataw l-għażla li jiksbu l-mira tagħhom għall-enerġija rinnovabbli mill-kummerċ, jew f'sistema ta' ċertifikazzjoni għall-enerġija favur l-ambjent madwar l-UE kollha, jew permezz ta' kuntratti bilaterali ma' Stati oħra li għandhom provvista iktar abbundanti ta' enerġija rinnovabbli. L-għan hawnhekk huwa t-tnaqqis ta' l-ispejjeż globali sabiex jintlaħqu l-miri ta' l-enerġija rinnovabbli;

jirrakkomanda li jiġu provduti riżorsi u miżuri addizzjonali, b'żieda ma' l-użu tal-Fondi Strutturali Ewropej, bħala mezzi utli sabiex jassistu bl-adattar u b'miżuri immirati lejn il-mitigazzjoni, bħall-iffrankar ta' l-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

jenfasizza l-importanza tal-flessibilità reġjonali fil-ksib ta' l-effiċjenza u l-miri ta' l-enerġija rinnovabbli, peress li l-flessibilità reġjonali tnaqqas l-ispiża ġenerali tal-politika tal-klima. Madankollu, dawn il-miri għandhom ikunu obbligatorji fuq livell Ewropew;

jaqbel mal-Kummissjoni li l-avjazzjoni għandha tiġi inkluża fl-ETS peress li din l-industrija hija sors tal-gassijiet b'effett ta' serra li qiegħda tikber malajr, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis l-effetti kollha li din l-industrija għandha fuq il-bidla klimatika;

ser jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' netwerk permanenti ta' awtoritajiet lokali u reġjonali ambizzjużi li huma interessati li jtejbu l-iskambju ta' l-informazzjoni u joħolqu pjattaforma għall-iżvilupp ta' ideat ġodda sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra b'mod kost-effettiv.

Dokumenti ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Il-Limitazzjoni tal-Bidla Klimatika Globali għal 2 gradi Celsius — It-triq 'il quddiem għal 2020 u wara”

COMM(2007) 2

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għall-inklużjoni ta' attivitajiet ta' l-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fil-Komunità

COM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD)

Rapporteur

:

Is-Sinjura Lenie DWARSHUIS-VAN DE BEEK, Membru tal-Kunsill Esekuttiv tal-Provinċja ta' l-Olanda t'Isfel (NL/ALDE)

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jikkunsidra ambjent f'saħħtu bħala pre-kundizzjoni bażika għall-attività tal-bniedem u jemmen, għalhekk, li l-ħarsien ta' l-ambjent huwa ta' importanza essenzjali għall-benesseri tal-bniedem;

2.

jemmen li politika ambjentali u klimatika maħsuba tajjeb żgur tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ekonomiku;

Dwar l-evalwazzjoni tat-theddida li toħloq il-bidla klimatika

3.

huwa tal-fehma li t-theddida tal-bidla klimatika avanzata, li hija kkawżata mill-gassijiet b'effett ta' serra, hija problema urġenti li għandha tiġi indirizzata, bl-ikbar determinazzjoni, qabel kollox mill-ġenerazzjoni attwali;

4.

jaqbel ma' l-evalwazzjoni li l-bidla klimatika ser ikollha impatt sinifikanti fuq il-benesseri tal-bniedem, per eżempju għall-vittmi tas-sħana eċċessiva, problemi tas-saħħa, ħsara lill-bijodiversità, il-produttività agrikola mnaqqsa f'bosta reġjuni, opportunitajiet ta' turiżmu imnaqqsa, kif ukoll ħsara kkawżata minn livelli ogħla tal-baħar u kundizzjonijiet estremi tat-temp, li jistgħu jwasslu għal migrazzjonijiet ambjentali kbar lejn l-eqreb reġjuni żviluppati;

5.

jemmen li l-politika tal-bidla klimatika ser ikollha wkoll bosta effetti pożittivi, peress li ser ittejjeb ukoll il-kwalità ta' l-arja (minħabba l-emissjonijiet imnaqqsa mill-SO2, PM u NOX), is-sikurezza tal-provvista ta' l-enerġija (minħabba d-dipendenza mnaqqsa fuq l-importazzjoni tal-karburanti fossili) u l-fertilità tal-ħamrija (minħabba t-telf ta' materja organika);

6.

jaqbel kompletament mal-Kummissjoni li l-prezz tal-miżuri tal-politika sabiex titnaqqas il-bidla klimatika ser ikun ħafna iktar baxx mill-ispejjeż stmati tal-bidla klimatika u li, għalhekk, il-politika tal-klima hija politika effiċjenti ħafna;

7.

jappoġġja l-istqarrijiet tal-Protokoll ta' Kyoto dwar l-importanza tal-ħamrija agrikola bħala depożitu tal-karbonju. Iż-żieda fil-kontenut tal-karbonju organiku u l-ħażna ta' materja organika fil-ħamrija b'hekk tikkontribwixxi b'mod sostanzjali anke lejn it-titjib fil-bilanċ tas-CO2 fil-pajjiżi. Huwa possibbli wkoll li titnaqqas l-emissjoni ta' gassijiet oħra li jaffettwaw il-klima, bħan-nitrous oxide u l-metanu, eċċetra permezz ta' ġestjoni ta' l-art immirata li tħares il-ħamrija. M'huwiex sempliċement każ ta' manteniment tal-kapaċità tal-ħażna, iżda wkoll, u fuq kollox, li din tintuża. Il-ħamrija llum trid taqdi r-rwol tagħha ta' depożitu tal-karbonju sabiex tinfluwenza b'mod pożittiv il-bilanċ tas-CO2, barra milli tagħti benefiċċji oħra bħaż-żieda fil-fertilità ta' l-art u t-titjib fil-kapaċità tal-ħażna ta' l-ilma. L-użu tal-kompost bħala parti mill-ġestjoni agrikola u ta' riċiklaġġ reġjonali tal-materjal organiku permezz tal-kompost u tal-fdalijiet tal-ħsad huma objettivi ta' prijorità għat-titjib fil-bilanċ tas-CO2;

Dwar id-dimensjoni internazzjonali tal-politika tal-klima

8.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha fl-ogħla livell politiku sabiex tissaħħaħ il-koalizzjoni internazzjonali kontra l-bidla klimatika peress li l-bidla klimatika tista' tiġi indirizzata biss jekk jikkontribwixxu il-pajjiżi (maġġuri) kollha;

9.

isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta pjan ta' direzzjoni għall-inizjattivi rilevanti għall-bidla klimatika u għal strateġija ċara għall-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex tiġi implimentata sal-wasla tas-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima f'Kopenħagen fl-2009;

Id-dimensjoni reġjonali tal-bidla klimatika kif ukoll il-politika tal-klima

10.

jirrikonoxxi li l-vulnerabilità tar-reġjuni Ewropej għall-bidla klimatika tvarja ħafna, l-iktar minħabba d-differenzi fil-kundizzjonijiet naturali u d-densità tal-popolazzjoni;

11.

jagħraf ukoll li d-disponibilità ta' għażliet kost-effettivi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jvarjaw minn reġjun għal ieħor, l-iktar minħabba d-differenzi fil-kundizzjonijiet naturali u l-istruttura ekonomika;

12.

jiddispjaċieh, għalhekk, li l-Kummissjoni m'hijiex qiegħda tagħti iktar attenzjoni lid-distribuzzjoni reġjonali kemm ta' l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni u l-benefiċċji ta' azzjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tniedi analiżi dettaljata tad-dimensjoni reġjonali ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-bidla klimatika u l-politika tal-klima;

13.

jirrakkomanda li jiġu provduti riżorsi u miżuri addizzjonali, b'żieda ma' l-użu tal-Fondi Strutturali Ewropej, bħala mezzi utli sabiex jassistu b'politika ta' adattar u b'miżuri bil-għan ta' mitigazzjoni, bħall-iffrankar ta' l-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Dan jista' jżid l-appoġġ għall-politika Ewropea tal-klima f'dawn ir-reġjuni;

14.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex talloka iżjed mezzi finanzjarji għall-miżuri ta' mitigazzjoni fir-Reviżjoni ta' nofs it-term tal-Baġit għall-2008 peress li l-miri ambizzjużi tal-klima li tressqu jistgħu jinkisbu biss jekk isiru disponibbli iktar fondi pubbliċi;

Dwar il-miri tal-politika tal-klima

15.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi miri għolja unilateralment peress li tmexxija soda hija meħtieġa sabiex tinħoloq koalizzjoni globali kontra l-bidla klimatika. Għalhekk jilqa' l-mira li jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG fl-Unjoni Ewropea, irrispettivament mill-politiki f'reġjuni oħra, b'ta' l-inqas 20 % sa l-2020 meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990;

16.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfassal ukoll miri intermedjarji għall-emissjonijiet CO2, per eżempju għas-sena 2013 jew 2015, sabiex tiġi avanzata l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni, u jiġu ffaċilitati l-analiżi u l-monitoraġġ;

17.

jappoġġja l-miri li l-effiċjenza ta' l-enerġija tittejjeb ta' l-anqas b'20 % sa l-2020, u li s-sehem ta' l-enerġija rinnovabbli tiżdied għal ta' l-inqas għal 20 % sa l-2020. Dawn il-miri jistgħu jkunu għodod effettivi fl-isforzi sabiex tintlaħaq il-mira ġenerali tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet. Dawn l-għanijiet, ma jistgħux jinkisbu biss permezz ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda, iżda jeħtieġu wkoll bidla progressiva fil-mentalità kemm min-naħa tal-produtturi (per eżempju permezz tad-disinjar ta' prodotti li huma effiċjenti mil-lat ta' l-enerġija u fl-istess waqt attraenti għall-konsumaturi) kif ukoll min-naħa tal-konsumaturi;

18.

jenfasizza l-importanza tal-flessibilità reġjonali fil-ksib ta' l-effiċjenza u l-miri ta' l-enerġija rinnovabbli, peress li l-flessibilità reġjonali tnaqqas l-ispiża ġenerali tal-politika tal-klima. Madankollu, dawn il-miri għandhom ikunu obbligatorji fuq livell Ewropew;

Dwar l-iskambju ta' l-emissjonijiet bħala strument tal-politika tal-klima

19.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-iskema Ewropea għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (ETS) għandha rwol ċentrali x'taqdi peress li hija strument kost-effettiv potenzjali għall-mitigazzjoni ta' l-emmissjonijiet GHG;

20.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiġġestjona b'mod effettiv in-numru ta' permesi allokati peress li l-ETS ser jopera b'mod effettiv biss jekk il-cap (jiġifieri l-livell totali ta' permessi ta' l-emissjonijiet) ikun ħafna inqas mil-livell ta' emissjonijiet GHG;

21.

jenfasizza li n-numru totali ta' permessi li għandhom jiġu allokati fl-ETS għandu jitnaqqas b'konformità mal-miri ta' l-emissjonijiet imressqa mill-Kummissjoni għall-2020, sabiex jiġi evitat li parti kbira wisq mill-piż tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet jaqa' fuq is-setturi li m'humiex qegħdin jipparteċipaw fl-ETS, bħall-familji u l-utenti żgħar l-oħra ta' l-enerġija;

22.

huwa favur l-irkant parzjali tal-permessi, speċjalment dawk għall-industriji protetti, peress li dan ser jipprovdi inċentiv akbar sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u, b'hekk, itejbu wkoll l-effiċjenza ta' l-ETS. Dan l-approċċ jikkonforma iktar ukoll mal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”. Joħloq ukoll piż ekonomiku eħfef għall-kumpaniji li jipparteċipaw milli kieku kellhom jiġu rkantati l-permessi kollha;

23.

huwa tal-fehma li l-irkant u l-allokazzjoni (punt ta' referenza) b'xejn tal-parti l-oħra (prinċipali) tal-permessi ta' l-emissjonijiet jistgħu jitħallew f'idejn l-Istati Membri, sakemm il-proċeduri ta' l-allokazzjoni fl-UE jkunu armonizzati sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fost l-Istati Membri u tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema; f'sistema futura ta' skambju, għal setturi ekonomiċi speċifiċi b'punt ta' referenza Ewropew paragunabbli, tista' tiġi kkunsidrata l-idea li l-kwoti jiġu assenjati jew l-objettivi jiġu definiti fil-livell Komunitarju, indipendentement mill-objettivi nazzjonali tat-tnaqqis, li jipprevedi li l-operaturi ekonomiċi kollha jingħataw numru identiku ta' kwoti għal kull unità ta' produzzjoni;

24.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra jekk il-mezzi adattati, per eżempju mill-Fondi Strutturali, għandhomx jintużaw sabiex jikkompensaw l-iktar reġjuni mbiegħda jekk dawn jintlaqtu b'mod relattivament qawwi bl-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS;

25.

jilqa' l-isforzi kollha li huma intiżi sabiex jikkoordinaw is-sistema Komunitarja ta' skambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ma' aproċċi simili f'pajjiżi terzi; hemm bżonn li tiġi evitata d-distorsjoni fil-kompetizzjoni li tivvantaġġja lill-produtturi minn Stati li m'għandhomx sistema analoga ta' skambju tal-kwoti, billi jiġu adottati miżuri adegwati bħal imposti li jikkumpensaw;

26.

jilqa' l-proposta sabiex tiġi estiża l-ETS għal gassijiet u setturi oħra peress li dan ser jgħolli kemm l-effikaċja kif ukoll l-effiċjenza tas-sistema;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra bir-reqqa l-għażla li l-ETS tinfetaħ għall-emittenti intensivi ta' l-enerġija peress li din probabilment tista' tbaxxi l-ispejjeż tagħhom tat-tnaqqis;

28.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-avjazzjoni għandha tiġi inkluża fl-ETS peress li din l-industrija hija sors tal-gassijiet b'effett ta' serra li qiegħda tikber malajr, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis l-effetti kollha li din l-industrija għandha fuq il-bidla klimatika;

29.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-industrija ta' l-avjazzjoni fl-allokazzjoni tal-permessi, b'mod partikulari sabiex jiġi indirizzat il-fatt li emissjonijiet mill-avjazzjoni (kemm karbonju kif ukoll tat-tip idro) għandhom impatt ikbar fuq il-bidla klimatika minn attivitajiet li jitwettqu fil-livell ta' l-art;

30.

huwa oppost bil-qawwi għall-eżenzjoni proposta għat-titjiriet tal-gvern peress li l-gvernijiet għandhom imexxu bl-eżempju sabiex isaħħu l-appoġġ tal-pubbliku għall-politika;

31.

jemmen li t-teknoloġiji tal-Ġabra u l-Ħażna tal-Karbonju (Carbon Capture and Storage — CCS) għandha tiġi inkluża fl-ETS biss jekk ikun hemm kundizzjonijiet stretti ta' monitoraġġ u ta' sikurezza. L-ewwel però, hemm bżonn li jintwera permezz ta' impjanti ta' prova sa liema punt u b'liema spiża dawn it-teknoloġiji jistgħu jikkontribwixxu sabiex jevitaw l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra;

Dwar strumenti oħra tal-politika tal-klima

32.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa sistemi li permezz tagħhom l-Istati Membri u r-reġjuni jistgħu jilħqu l-miri dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija b'mod kost-effettiv;

33.

huwa tal-fehma li l-Istati Membri li għandhom biss possibbilitajiet limitati għall-produzzjoni ta' l-enerġija minn sorsi rinnovabbli għandhom jingħataw l-għażla li jiksbu l-mira tagħhom għall-enerġija rinnovabbli mill-kummerċ, jew f'sistema ta' ċertifikazzjoni għall-enerġija favur l-ambjent madwar l-UE kollha, jew permezz ta' kuntratti bilaterali ma' Stati oħra li għandhom provvista iktar abbundanti ta' enerġija rinnovabbli. L-għan hawnhekk huwa t-tnaqqis ta' l-ispejjeż globali sabiex jintlaħqu l-miri ta' l-enerġija rinnovabbli;

34.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-mira għall-effiċjenza ta' l-enerġija fuq livell aggregat (jiġifieri l-intensità enerġetika ta' l-ekonomija kollha kemm hi) li tqis id-differenzi reġjonali fl-istruttura settorjali. Dan jista' jagħti lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-flessibilità sabiex jilħqu l-mira b'medda usa' ta' miżuri, inkluż il-miżuri mmirati lejn il-konsum ta' l-enerġija ta' l-apparati u l-istruttura industrijali ta' l-ekonomija (reġjonali);

35.

jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas il-medja ta' emissjonijiet ta' karozzi mibjugħin fl-UE minn 2012 għal 120 gr ta' CO2 għal kull kilometru, u li tappoġġja r-riċerka f'dan il-qasam sabiex il-mira ta' 95 gr għal CO2 għal kull km jista' jinkiseb sa l-2020;

36.

isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra bir-reqqa l-prinċipju tas-sussidjarjetà meta toħloq strumenti ta' politika ġodda. L-awtoritajiet reġjonali u lokali huma f'qagħda tajba sabiex jieħdu miżuri effettivi fil-qasam tat-trasport pubbliku, l-infrastruttura tat-traffiku, l-infrastruttura ta' l-enerġija, il-politika ta' l-ispazju, il-miżuri ta' l-enerġija-effiċjenza u l-miżuri ta' komunikazzjoni mmirati lejn il-pubbliku;

Dwar ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika Ewropea tal-klima

37.

huwa konvint li l-miżuri fuq livell reġjonali u lokali huma indispensabbli għal politika Ewropea tal-klima li hija effettiva;

38.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali wkoll għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-adattar għall-bidla klimatika. Il-KtR ser ifassal opinjoni dwar dan is-suġġett fi żmien debitu;

39.

jinnota li l-awtoritajiet reġjonali u lokali diġà qegħdin jikkontribwixxu lejn il-politika Ewropea tal-klima f'diversi modi, per eżempju:

a.

jikkomunikaw mal-pubbliku, per eżempju fl-iskejjel, dwar il-bżonn li tittieħed azzjoni sabiex ma jkunx hemm iktar bidla klimatika;

b.

jagħmlu l-kwistjonijiet tal-klima u ta' l-enerġija fattur prinċipali fl-ippjanar ta' l-ispazju;

c.

iħeġġu l-investiment fl-infrastrutturi għall-istazzjonijiet tal-bijomassa u l-bijokarburant;

d.

jistimolaw l-investiment fl-infrastrutturi tas-sħana, li jqabbdu l-provvista tas-sħana (sħana li tibqa', sħana ġeotermika, ħażna tal-kesħa u tas-sħana fil-ħamrija) mad-domanda;

e.

isaħħu t-trasferiment modali fit-trasport permezz, per eżempju, tal-politika ta' l-ispazju;

f.

iħeġġu t-trasport pubbliku reġjonali, per eżempju konnessjonijiet ta' light rail;

g.

aktar ippjanar u l-introduzzjoni ta' rotot għall-mixi u rotot oħra ta' trasport għal traffiku mhux motorizzat;

h.

jippromovu teknoloġija nadifa fit-trasport pubbliku permezz ta' akkwist pubbliku li huwa favur l-ambjent;

i.

jissemplifikaw il-proċeduri għall-permess għall-proġetti ta' enerġija rinnovabbli;

j.

itejbu r-regolamentazzjoni ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija mill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-ħolqien ta' ċentri ta' l-esperti;

k.

iwaqqfu sħubiji internazzjonali sabiex jestendu l-koalizzjoni internazzjonali kontra l-bidla klimatika, u t-trasferiment tat-teknoloġija ta' l-iffrankar ta' l-enerġija għal pajjiżi inqas żviluppati;

l.

isaħħu r-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġija permezz tal-ħolqien ta' “widien ta' l-enerġija” (energy valleys) reġjonali;

m.

jorbtu l-għanijiet għall-effiċjenza ta' l-enerġija jew l-enerġija rinnovabbli ma' l-għanijiet reġjonali bħall-impjieg, l-innovazzjoni, il-politika soċjali;

n.

ifasslu miri ambizzjużi, bħal pjanijiet ta' azzjoni għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet lokali jew reġjonali u “żoni newtrali għall-klima” jew “trasport pubbliku u binjiet newtrali għall-klima”;

o.

jużaw l-akkwist pubbliku bħala għodda għat-tnaqqis fl-użu ta' l-enerġija u għat-titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija għall-prodotti u s-servizzi;

p.

iħeġġu t-trattament tal-materjal organiku u materji primi fil-livell reġjonali u lokali, minħabba li t-tnaqqis fil-moviment tat-trasport jikkontribwixxi lejn il-bilanċ tas-CO2;

40.

ser jassumi r-responsabilità tiegħu billi jħeġġeġ b'mod qawwi l-implimentazzjoni ta' dawn it-tipi ta' miżuri fuq livell reġjonali u lokali permezz ta' tliet tipi ta' azzjoni:

a.

it-titjib fit-tixrid ta' l-għarfien dwar il-miżuri klimatiċi li huma kost-effettivi;

b.

it-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni fl-UE;

c.

it-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni fl-UE u r-reġjuni f'partijiet oħra tad-dinja, bħal fl-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja, parzjalment billi jintensifikaw ir-relazzjonijiet li jeżistu diġà bejn dawn ir-reġjuni;

41.

isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex torganizza konferenza dwar il-politika tal-klima reġjonali u lokali, sabiex ixxerred l-aħjar prattiki fost ir-reġjuni Ewropew, u sabiex tiddiskuti kif il-Kummissjoni tista' tappoġġja il-politiki tal-klima reġjonali u lokali b'mod effettiv;

42.

ser jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' netwerk permanenti ta' awtoritajiet lokali u reġjonali ambizzjużi li huma interessati li jtejbu l-iskambju ta' l-informazzjoni u joħolqu pjattaforma għall-iżvilupp ta' ideat ġodda sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra b'mod kost-effettiv;

43.

joffri li jipparteċipa b'mod attiv fil-proċess addizzjonali ta' tfassil tal-politika Ewropea tal-klima.

Brussell, l-10 ta' Ottubru 2007

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE


Top