EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0731

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-għoti ta' l-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba lilhinn mill-1 ta' Jannar 2007 lir-Repubblika ta' El Salvador

/* KUMM/2006/0731 finali - ACC 2006/0237 */

52006PC0731

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-għoti ta' l-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba lilhinn mill-1 ta' Jannar 2007 lir-Repubblika ta' El Salvador /* KUMM/2006/0731 finali - ACC 2006/0237 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.11.2006

KUMM(2006) 731 finali

2006/0237 (ACC)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-konformità ta' El Salvador ma' l-impenji meħuda skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 980/2005 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-għoti ta' l-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba lilhinn mill-1 ta' Jannar 2007 lir-Repubblika ta' El Salvador

(preżentata mill-Kummissjoni)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-konformità ta' El Salvador ma' l-impenji meħuda skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 980/2005 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

1. Dan ir-rapport huwa b'konformità ma' l-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati[1] (minn issa 'l quddiem: "ir-Regolament GSP").

Sfond

2. B'konformità ma' l-Artikoli 10 u 30 tar-Regolament GSP, ir-Repubblika ta' El Salvador (minn issa 'l quddiem: "El Salvador") ġiet aċċettata b'mod proviżorju bħala pajjiż benefiċjarju mill-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, kif speċifikat fit-taqsima 2 tar-Regolament GSP (minn issa 'l quddiem "l-inċentiv speċjali"), mill-1 ta' Lulju 2005.

Bi qbil ma' l-Artikolu 10(3) tar-Regolament GSP, fl-24 ta' Ottubru 2005 El Salvador talab lill-Kummissjoni biex jingħata l-inċentiv speċjali sal-31 ta' Diċembru 2008. It-talba mibgħuta minn El Salvador inkluża evidenza ta' ratifikazzjoni ta' 24 konvenzjoni elenkati fl-Anness III tar-Regolament GSP, il-leġiżlazzjoni u l-miżuri biex id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet irratifikati minn El Salvador jiġu implimentati b'mod effettiv u l-impenn tal-pajjiż li jaċċetta u jikkonforma b'mod sħiħ mal-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u analiżi kif maħsub fil-konvenzjonijiet rilevanti u l-istrumenti relatati.[2] Hu u jibgħad it-talba tiegħu, iżda, El Salvador, bi qbil ma' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament GSP, irrefera għall-inkompatibilità mal-Kostituzzjoni tiegħu ta' dispożizzjonijiet inklużi fil-konvenzjonijiet ILO Nru 87 (li jirrigwardaw il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-ħarsien tad-dritt ta' organizzazzjoni) u n-Nru 98 (li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt ta' organizzazzjoni u ta' negozjar kollettiv). Madankollu, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament GSP, El Salvador impenja ruħu li jiffirma u jirratifika dawn iż-żewġ konvenzjonijiet qabel l-aħħar tas-sena 2006.

Wara eżami bir-reqqa tat-talba u l-evidenza mibgħuta u l-impenn magħmul minn El Salvador, il-Kummissjoni b'Deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 2005[3] inkludiet El Salvador fil-lista definittiva tal-pajjiżi li jibbenefikaw mill-inċentiv speċjali mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2008.

L-istatus preżenti

3. Skond l-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament GSP, il-Kunsill għandu jiddeċiedi jekk għandux jissokta bl-inizjattiva speċjali għal El Salvador lilhinn mill-1 ta' Jannar 2007 fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni dwar il-konformità ta' El Salvador ma' l-impenji tagħha li tiffirma u tirratifika ż-żewġ konvenzjonijiet ta' l-ILO msemmija hawn fuq qabel tmiem l-2006.

4. Il-Kummissjoni saret taf li l-Parlament ta' El Salvador irratifika l-konvenzjonijiet ta' l-ILO Nru 87 u Nru 98 b'vot unanimu fl-24 ta' Awwissu 2006. Il-gvern ta' El Salvador umbagħad ipproċeda biex jiddepożita b'mod formali l-konvenzjonijiet ratifikati fil-bini ta' l-ILO f'Ġinevra fis-6 ta' Settembru 2006. Il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament GSP għalhekk intlaħqu.

5. Barra minn hekk, kif previst fl-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament GSP, fl-24 ta' Ottubru 2006 El Slavador għamel impenn li jżomm ir-ratifika taż-żewġ konvenzjonijiet ILO u l-leġiżlazzjoni u l-miżuri implimentattivi tagħhom fil-ġejjieni. El Salvador laqgħa wkoll il-monitoraġġ u l-analiżi minn żmien għal żmien tar-rekord ta' implimentazzjoni skond id-dispożizzjonijiet taż-żewġ konvenzjonijiet irratifikati.

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u b'konformità ma' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament GSP, il-Kummissjoni għalhekk tipproponi lill-Kunsill jiddeċiedi b'mod pożittiv dwar l-issuktar ta' l-għoti ta' l-inċentiv speċjali lil El Salvador.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva taż-żewġ konvenzjonijiet ta' l-ILO f'El Salvador, u li tapplika - fejn meħtieġ - il-miżuri previsti fl-Artikolu 16 tar-Regolament GSP li jippermetti l-irtirar temporanju tal-benefiċċji mogħtija skond l-arranġament ta' l-inċentiv speċjali. Bħala parti mis-sorveljanza msemmija, il-Kummissjoni se tistieden lil El Salvador jikkoopera mill-qrib ma' l-ILO biex tiżgura implimentazzjoni xierqa u konkreta tal-konvenzjonijiet.

6. Deċiżjoni Abbozz tal-Kunsill hija annessa ma' dan ir-rapport.

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Fil-21 ta' Diċembru 2005, wara eżami tat-talba mibgħuta mir-Repubblika ta' El Salvador fl-24 ta' Ottubru 2005, il-Kummissjoni ddeċidiet[4] tinkludi lill-El Salvador fil-lista definittiva ta' pajjiżi li jibbenefikaw mill-Arranġament ta' Inċentiv Speċjali għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Governanza Tajba, (minn issa 'l quddiem "inċentiv speċjali) fuq il-bażi ta' l-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati[5] (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament GSP").

2. El Salvador kien l-uniku pajjiż li invoka - kif stabbilit bl-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament GSP - l-inkompatibilità mal-Kostituzzjoni tiegħu ta' dispożizzjonijiet inklużi fil-konvenzjonijiet ILO Nru 87 (li jirrigwarda l-libertà ta' assoċjazzjoni u l-ħarsien tad-dritt ta' organizzazzjoni) u n-Nru 98 (li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt ta' organizzazzjoni u ta' negozjar kollettiv). Iż-żewġ konvenzjonijiet huma elenkati fil-parti A ta' l-Anness III tar-Regolament GSP, li jeżiġi r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva ta' bosta konvenzjonijiet ILO/UN dwar drittijiet essenzjali tal-bniedem u tal-ħaddiema sabiex pajjiż jibbenefika mill-preferenzi tariffarji addizzjonali.

3. Wara li kkunsidrat id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tar-Regolament GSP, l-aktar l-Artikolu 9(2)(b) tiegħu, li permezz tiegħu l-inċentiv speċjali jista' jingħata lil pajjiż li ma jkunx irratifika u implimenta b'mod effettiv sa tnejn mis-sittax-il konvenzjoni elenkati fil-Parti A ta' l-Anness III sakemm f'każ ta' inkompatibilità mal-Kostituzzjoni tiegħu, il-pajjiż ikkonċernat ikun formalment ikkommetta lilu nnifsu li jiffirma u jirratifika xi Konvenzjoni nieqsa sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li r-Repubblika ta' El Salvador ikkonformat ma' l-impenji stabbiliti fir-Regolament GSP.

4. Għalhekk il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill jiddeċiedi b'mod pożittiv dwar l-issuktar ta' għoti ta' l-inċentiv speċjali lil El Salvador lilhinn mill-1 ta' Jannar 2007, kif stabbilit fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament GSP, billi jadotta d-deċiżjoni abbozz mehmuża.

2006/0237 (ACC)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-għoti ta' l-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba lilhinn mill-1 ta' Jannar 2007 lir-Repubblika ta' El Salvador

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati[6], u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/924/KE[7] El Salvador ġie inkluż għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2008 fil-lista ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw li jibbenefikaw mill-arranġament ta' inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba stipulat fir-Regolament (KE) Nru 980/2005.

(2) B'konformità ma' l-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 l-issuktar ta' l-għoti lilhinn mill-1 ta' Jannar 2007 ta' l-inċentiv speċjali lill-pajjiżi li invokaw kostrizzjonijiet kostituzzjonali speċifiċi għar-ratifika ta' mhux aktar minn żewġ konvenzjonijiet mis-sittax elenkati fil-Parti A ta' l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 huwa suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill

(3) B'konformità ma' l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 il-Kummissjoni bagħtet rapport lill-Kunsill u kkonkludiet li El Salvador ħares l-impenji stabbiliti fl-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament u pproponiet l-issuktar ta' l-arranġament ta' inċentiv speċjali lilhinn mill-1 ta' Jannar 2007,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Ir-Repubblika ta' El Salvador għandha tissokta tibbenefika mill-arranġament ta' iniżjattiva speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba previst fir-Regolament (KE) Nru 980/205 mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2008.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

[…]

[1] ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

[2] El Salvador ta wkoll impenn b'konformità ma' l-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament GSP.

[3] ĠU L 337 tat-22.12.2005, p. 50.

[4] ĠU L 337, 22. 12.2005, p. 50.

[5] ĠU L169, 30.6.2005, p. 1.

[6] ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

[7] ĠU L 337, 22. 12.2005, p.50.

Top