Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0587

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd

    /* KUMM/2006/0587 finali - CNS 2006/0190 */

    52006PC0587

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd /* KUMM/2006/0587 finali - CNS 2006/0190 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 18.10.2006

    KUMM(2006)587 finali/2

    2006/0190 (CNS)

    CORRIGENDUMAnnule et remplace la page de couverture du docCOM(2006)587 final du 13.10.2006La référence institutionnelle doit se lire KUMM(2006)587 finaliConcerne uniquement la version MT

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u għanijietha L-emendar tar-regolament bażiku tal-Politika Komuni tas-Sajd, (ir-Regolament tal-Kunsill 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd) jirriżulta mill-ftehim politiku li ntlaħaq mill-Kunsill fil-waqt ta' l-adozzjoni tal-Fond Ewropew għas-Sajd. Jimmira li jippermetti ċerti adattamenti tal-flotta għat-titjib tas-sikurezza, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, ta' l-iġjene u tal-kwalità tal-prodott, u sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika. |

    120 | Il-kuntest ġenerali Fil-qafas tal-ftehim politiku li ntlaħaq għall-adozzjoni tal-Fond Ewropew għas-Sajd għall-perjodu 2007-2013, il-Kunsill iddeċieda li jimmodifika d-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta tas-sajd. |

    130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd. |

    141 | Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. |

    KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U EVALWAZZJONI TA' L-IMPATT |

    Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

    219 | Din l-emenda hija r-riżultat ta' deċiżjoni politika adottata mill-Kunsill. Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati saret matul il-proċess ta' l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd. |

    Il-ġbir u l-użu ta' l-għarfien espert |

    229 | Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal parir espert estern. |

    230 | L-evalwazzjoni ta' l-impatt Ma saret l-ebda evalwazzjoni ta’ l-impatt. Din il-proposta ma timplika l-ebda għażla, inkluża l-għażla li ma tittieħed l-ebda azzjoni, peress li hija r-riżultat ta' deċiżjoni politika adottata mill-Kunsill. |

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

    305 | Sinteżi ta' l-azzjoni proposta Huwa propost li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotot li huma inklużi fil-Kapitolu III tar-Regolament 2371/2002, u partikolarment l-Artkolu 11 dwar l-aġġustament tal-kapaċità tas-sajd u l-Artikolu 13 dwar l-iskema tad-dħul u l-ħruġ u t-tnaqqis tal-kapaċità kumplessiva. L-emendi jirrigwardaw, a) Il-possibilità li jiġi allokat lil bastimenti ġodda jew li diġà jeżistu, 4% tat-tunnellaġġ skreppjat bl-għajnuna pubblika bil-għan li jittejbu s-sikurezza, l-iġjene, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew il-kwalità tal-prodott abbord. b) Sabiex tinżamm id-direzzjoni mal-politika eżistenti dwar it-tnaqqis tal-kapaċità, id-dispożizzjoni li s-saħħa mnaqqsa marbuta mal-bdil tal-magna bl-għajnuna pubblika ma tistax terġa' tiżdied. |

    310 | Il-bażi legali L-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea |

    329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. |

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

    331 | Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu mill-Kunsill u l-Kummissjoni. Tħalli f'idejn l-Istati Membri l-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta każ b'każ skond il-bastiment. |

    332 | Din l-emenda għad-dispożizzjonijiet tal-ġestjoni tal-flotta ma żżidx il-piż amministrattiv jew finanzjarju fir-rigward tad-dispożizzjonijiet antiki; l-applikazzjoni tar-regoli ġodda għall-ġestjoni tal-flotta tinkiseb bl-istess riżorsi umani u finanzjarji li ġew applikati għall-ġestjoni tad-dispożizzjonijiet antiki. |

    L-għażla ta’ l-istrumenti |

    341 | Strumenti proposti: Regolament tal-Kunsill abbażi ta' l-Artikolu 37 tat-Trattat. |

    342 | Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Hija emenda għal regolament tal-Kunsill li ma hi prevista b'ebda strument ieħor. |

    IMPLIKAZZJONIJIET FUQ IL-BAġIT |

    409 | Din il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju. |

    1. .

    2006/0190 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

    Billi:

    (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd[3] jistipula d-dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd.

    (2) Id-dispożizzjonijiet attwali li japplikaw għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta għandhom jiġu adattati fid-dawl ta' l-esperjenza.

    (3) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu żieda limitata fit-tunnellaġġ għal bastimenti ġodda jew diġà eżistenti sabiex itejbu s-sikurezza, l-iġjene, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-prodott abbord, sakemm dan ma jżidx il-kapaċità li l-bastimenti jaqbdu l-ħut u sakemm jagħti l-prijorità lis-sajd kostali fuq skala żgħira fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd[4]. Dik iż-żieda għandha tkun marbuta ma' l-isforzi tagħhom li jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta' Jannar 2003 jew l-1 ta' Mejju 2004 u l-31 ta' Diċembru 2006 u mill-1 ta' Jannar 2007 'l quddiem.

    (4) It-tnaqqis tas-saħħa tal-magna meħtieġ għall-bdil tal-magni bl-għajnuna pubblika skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandu jitqies bħala ħruġ tal-kapaċità mill-flotta permezz ta' l-għajnuna pubblika fir-rigward ta' l-applikazzjoni tas-sistema tad-dħul u l-ħruġ u l-aġġustament tal-livelli ta' referenza.

    (5) Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif jixraq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 huwa emendat hekk:

    (1) L-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Aġġustament tal-kapaċità għas-sajd

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu miżuri li jaġġustaw il-kapaċità għas-sajd tal-flotot tagħhom biex jiksbu bilanċ stabbli u dewwiemi bejn dik il-kapaċità għas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom.

    2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livelli ta' referenza espressi f'TG u kW tal-kapaċità għas-sajd kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12 ma jinqabżux.

    3. L-ebda ħruġ mill-flotta appoġġat minn għajnuna pubblika m'għandu jkun permess sakemm il-liċenza għas-sajd ma tiġix irtirata qabel ma jsir dan, kif imfisser fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1281/2005[5] u, meta jkun hemm ipprovdut għalihom, l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd kif imfissrin fir-regolamenti rilevanti. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6, il-kapaċità li tikkorrispondi għal-liċenza, u fejn meħtieġ għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għas-sajd ikkonċernat, ma tistax tiġi ssostitwita.

    4. Meta tingħata għajnuna pubblika għall-irtirar mill-kapaċità għas-sajd li tmur lil hinn mit-tnaqqis ta' kapaċità meħtieġ għall-konformità mal-livelli ta' referenza kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12, l-ammont tal-kapaċità irtirata għandu jitnaqqas awtomatikament mil-livelli ta' referenza. Il-livelli ta' referenza li jirriżultaw għandhom ikunu l-livelli ta' referenza ġodda.

    5. Bejn l-1 ta' Jannar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2006, fuq bastimenti tas-sajd ta' 5 snin jew aktar, il-modernizzazzjoni 'l fuq mill-gverta prinċipali sabiex tittejjeb is-sikurezza abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene, u l-kwalità tal-prodott jistgħu jżidu t-tunnellaġġ tal-bastiment, sakemm din il-modernizzazzjoni ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut. Il-livelli ta' referenza, kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12, għandhom jiġu adattati kif jixraq. Il-kapaċità korrispondenti m'hemmx għalfejn titqies għall-istabbiliment tal-bilanċ ta' dħul u ħruġ minn Stati Membri skond l-Artikolu 13.

    6. Mill-1 ta' Jannar 2007, sabiex jittejbu s-sikurezza abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene u l-kwalità tal-prodott, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jallokaw mill-ġdid lil bastimenti ġodda jew li diġà jeżistu l-kapaċità li ġejja f'termini ta' tunnellaġġ, sakemm din il-modernizzazzjoni ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut:

    - 4% tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta' Jannar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2006 għall-Istati Membri li kienu parti mil-Komunità fl-1 ta' Jannar 2003, u 4% tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l-1 ta' Mejju 2004 u l-31 ta' Diċembru 2006 għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Komunità fl-1 ta' Mejju 2004, u,

    - 4% tat-tunnellaġġ irtirat mill-flotta bl-għajnuna pubblika mill-1 ta' Jannar 2007.

    Il-livelli ta' referenza, kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12 għandhom jiġu adattati kif jixraq. Il-kapaċità korrispondenti m'hemmx għalfejn titqies għall-istabbiliment tal-bilanċ ta' dħul u ħruġ minn Stati Membri skond l-Artikolu 13.

    L-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lis-sajd kostali fuq skala żgħira, fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006, huma u jallokaw il-kapaċità tas-sajd skond dan il-paragrafu.

    7. Regoli ta' implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2)."

    (2) L-Artikolu 13 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Skema ta' dħul/ħruġ u tnaqqis ta' kapaċità totali

    1. L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw dħul fil-flotta u ħruġ mill-flotta b'mod illi mill-1 ta' Jannar 2003:

    2. id-dħul ta' kapaċità ġdida fil-flotta mingħajr għajnuna pubblika ikun kumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika ta' mill-inqas l-istess ammont ta' kapaċità,

    3. id-dħul ta' kapaċità ġdida fil-flotta b'għajnuna pubblika mogħtija wara l-1 ta' Jannar 2003 ikun kumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika ta':

    4. (i) mill-inqas l-istess ammont ta' kapaċità, għad-dħul ta' bastimenti ġodda ta' 100 TG jew inqas, jew

    5. (ii) mill-inqas 1.35 darbiet l-ammont ta' dik il-kapaċità, għad-dħul ta' bastimenti ġodda ta' aktar minn 100 TG.

    6. il-bdil ta' magna bl-għajnuna pubblika skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 jiġi kkumpensat bi tnaqqis tal-kapaċità f'termini ta' saħħa ugwali għal 20% tas-saħħa tal-magna mibdula. It-tnaqqis ta' 20% f'saħħa għandu jitnaqqas mil-livelli ta' referenza skond l-Artikolu 11(4).

    2. Regoli ta' implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 30(2).

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President[pic][pic][pic]

    [1] ĠU C […], […], p. […].

    [2] ĠU C […], […], p. […].

    [3] ĠU L 358, 31.12.2002, p 59

    [4] ĠU L 223, 15.8.2006, p 1.

    [5] ĠU L 203, 04.08.2005, p. 3-5

    Top