Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0493

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar proposta għal emenda f’Anness I tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Effetti Transkonfinali ta’ l-Inċidenti Industrijali

    /* KUMM/2006/0493 finali */

    52006PC0493




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 13.9.2006

    KUMM(2006) 493 finali

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar proposta għal emenda f’Anness I tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Effetti Transkonfinali ta’ l-Inċidenti Industrijali

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ l-UNECE dwar l-Effetti Transkonfinali ta’ l-Inċidenti Industrijali[1]. Il-Konvenzjoni tapplika għall-prevenzjoni ta’, preparazzjoni għal, u r-reazzjoni għall-inċidenti industrijali, f’siti fejn jitwettqu attivitajiet perikolużi li jistgħu joħolqu effetti transkonfinali. Id-Direttiva ta’ Seveso II[2] hija meqjusa bħala l-istrument legali u tekniku li jwettaq l-obbligi tal-Komunità Ewropea li joħorġu mill-Konvenzjoni. L-Anness I tal-Konvenzjoni u tad-Direttiva ta’ Seveso II fih kategoriji u sustanzi perikolużi msemmija sabiex jiġu ddefiniti rispettivament l-attivitajiet u l-istabbilimenti perikolużi.

    Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iżvilupp tal-Konvenzjoni, li rċieva l-mandat mill-Konferenza tal-Partijiet fl-2004, irreveda l-Anness I tal-Konvenzjoni fid-dawl tar-rekwiżiti legali korrispondenti tad-Direttiva ta’ Seveso II kif emendata fl-2003 wara l-inċidenti kbar f’Baia Mare, Enschede u Toulouse.

    Il-Grupp ta’ Ħidma wara t-tieni laqgħa tiegħu f’Marzu 2006 ffinalizza proposa għall-emenda ta’ Anness I tal-Konvenzjoni. L-abbozz ta’ test jaġġusta b’suċċess il-kontenut ta’ l-Anness I tad-Direttiva ta’ Seveso II u fil-biċċa l-kbira jnaqqas d-differenzi eżistenti. Id-dokument ippreżentat għall-adozzjoni kien diskuss matul diversi laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-iżvilupp tal-Konvenzjoni. L-esperti ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u l-Kummissjoni pparteċipaw fid-diskussjonijiet. Il-proposta ġiet approvata mill-Uffiċċju tal-Konvenzjoni fid-disa' laqgħa tiegħu fit-22-23 ta' Mejju 2006.

    L-Anness rivedut għandu jiġi adottat mill-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni. Ir-raba’ laqgħa se ssir f'Ruma fil-15-17 ta' Novembru 2006. Skond l-Artikolu 26 paragrafu 4 tal-Konvenzjoni, kwalunkwe emenda għall-Anness I tidħol fis-seħħ tnax-il xahar wara li s-Segretarju Eżekuttiv jikkomunikaha lill-Partijiet wara l-adozzjoni tagħhom fil-Konferenza tal-Partijiet b'maġġoranza ta' disgħa minn kull għaxra mill-Partijiet.. Dan sakemm ma jkunx hemm mill-inqas sittax-il Parti li jkuni nnotifikaw xi oġġezzjoni.

    Matul il-laqgħa, il-Komunità għandha tagħti l-appoġġ għall-adozzjoni ta' l-Anness I li jkun ġie rivedut.

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar proposta għal emenda f’Anness I tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Effetti Transkonfinali ta’ l-Inċidenti Industrijali

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1), flimkien mat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2),

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Il-Komunità hija Parti mill-Konvenzjoni ta’ l-UNECE dwar l-Effetti Transkonfinali ta’ l-Inċidenti Industrijali[3] (minn hawn ‘il quddiem msejħa “l-Konvenzjoni”)

    (2) Anness I tal-Konvenzjoni fih kategoriji u sustanzi perikolużi msemmija sabiex jiġu definiti attivitajiet perikolużi.

    (3) Skond l-Artikolu 26 paragrafu 4 tal-Konvenzjoni, kwalunkwe emenda għall-Anness I tidħol fis-seħħ tnax-il xahar wara li s-Segretarju Eżekuttiv jikkomunikaha lill-Partijiet wara l-adozzjoni tagħhom fil-Konferenza tal-Partijiet b'maġġoranza ta' disgħa minn kull għaxra mill-Partijiet.. Dan sakemm ma jkunx hemm mill-inqas sittax-il Parti li jkuni nnotifikaw xi oġġezzjoni.

    (4) Intlaħaq qbil fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iżvilupp tal-Konvenzjoni dwar it-test tal-proposta għal emenda f’Anness I, li ġie approvat mill-Uffiċċju tal-Konvenzjoniu u se jkun soġġett għal adozzjoni fil-Konferenza li jmiss tal-Partijiet kollha.

    (5) Fil-Konferenza tal-Partijiet, il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jassiguraw li kwalunkwe emenda għall-Anness I tkun kompatibbli mal-liġi Komunitarja li jkun hemm fis-seħħ.

    (6) L-emenda għall-Anness I kieku tnaqqas id-differenzi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, li qamu l-aktar mid-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2003 li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi[4]

    (7) Ir-riserva introdotta mill-Komunità fil-ħin tar-ratifika tal-Konvenzjoni għandha tiġġedded peress li se ssir parzjalment superfluwa b'riżultat ta’ l-emenda proposta.

    (8) L-emenda għall-Anness I tal-Konvenzjoni għandha tiġi approvata.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Fir-raba’ Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ l-UNECE dwar l-Effetti Transkonfinali ta’ l-Inċidenti Industrijali, il-Kummissjoni se tagħti l-appoġġ tagħha għall-emenda ta' Anness I tal-Konvenzjoni li fiha kategoriji u sustanzi perikolużi msemmija sabiex jiġu ddefiniti attivitajiet perikolużi.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) li jkollha/jkollhom is-setgħa, soġġetta għal adozzjoni ta’ l-emenda f’Anness I tal-Konvenzjoni, li f’isem il-Komunità jirtira(aw) ir-riservi li hemm f’Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/685/KE u jibdilhom/jibdluhom bir-riserva li tidher fl-Anness tagħha.

    Magħmula fi Brussel,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    RISERVA

    L-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, se japplikaw il-Konvenzjoni skond ir-regoli interni tal-Komunità. Għalhekk, il-Komunità, fir-rigward tal-limiti tal-kwantitajiet imsemmija f’Anness I, Parti I, Numri 4, 5 u 6 tal-Konvenzjoni, tirriserva d-dritt li tapplika l-kwantitajiet ta' limitu ta' 100 tunnellata għall-bromin (sustanza tossika ħafna), 5,000 tunnellata għall-metanol (sustanza tossika) 2,000 tunnellata għall-ossiġenu (sustanza ta’ ossidazzjoni).

    [1] Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea dwar il-KONVENZJONI DWAR L-EFFETTI TRANSKONFINI TA’ L-INĊIDENTI INDUSTRIJALI, ĠU L 326/5 of 3.12.1998, http://www.unece.org/env/teia/welcome.htm

    [2] Id-Direttiva ta’ Seveso II 96/82/KE hija emendata mid-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2003 li temeda d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE., ĠU L 10 ta’ l-14.01.1997; ĠU L345, 31.12.2003

    [3] Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1998 dwar il-Konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Effetti Transkonfini ta’ l-Inċidenti Industrijali (98/685/KE), ĠU L 326/1 tat-3.12.1998

    [4] ĠU L 345, 31.12.2003, p. 97

    Top