Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0436

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju definittiv anti-dumping u kollettivament jiġbor dazju proviżjorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu friġġijiet b’żewġ bibien li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

    /* KUMM/2006/0436 finali */

    52006PC0436

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jimponi dazju definittiv anti-dumping u kollettivament jiġbor dazju proviżjorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu friġġijiet b’żewġ bibien li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea /* KUMM/2006/0436 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 31.7.2006

    KUMM(2006) 436 finali

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jimponi dazju definittiv anti-dumping u kollettivament jiġbor dazju proviżjorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu friġġijiet b’żewġ bibien li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet iddampjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (‘ir-Regolament bażiku’) kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’). |

    Il-kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skond ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku. |

    Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Mhux applikabbli. |

    Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. |

    IL-KONSULTAZZJONI MA’ PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

    Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

    Il-partijiet interessati fil-proċediment diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

    Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert |

    Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern. |

    Il-valutazzjoni ta’ l-impatt Din il-proposta hija r-riżultat ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni ġenerali ta’ l-impatt, iżda fih lista komprensiva ta’ kundizzjonijiet li jridu jkunu vvalutati. |

    L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

    Sommarju ta’ l-azzjoni proposta Fit-2 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet proċedura kontra d-dumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet ta’ ċerti refriġeraturi b’żewġ bibien li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea. L-investigazzjoni sabet li l-prodott ikkonċernat kien qiegħed jiġi ddampjat, b’dannu għall-industrija tal-Komunità. Din l-investigazzjoni sabet ukoll evidenza ta’ aspett ta’ l-interess tal-Komunità li jorbot kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi anti-dumping. Għalhekk, ġie ssuġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament sabiex jimponi miżuri definittivi. |

    Il-Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

    Il-forma ta’ azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku hawn fuq imsemmi u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali. |

    L-indikazzjoni ta’ kif il-piż amministrattiv u finanzjarju li jaqa’ fuq il-Komunità, fuq il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini hu mminimizzat u pproporzjonat skond l-għan tal-proposta mhix applikabbli. |

    L-għażla ta’ l-istrumenti |

    Strument propost: Regolament. |

    Mezzi oħrajn ma jkunux xierqa għar-raġuni li ġejja: Mezzi oħra ma jkunux xierqa għax ir-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

    L-IMPLIKAZZJONIJIET FUQ IL-BAġIT |

    Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

    1. Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jimponi dazju definittiv anti- dumping u kollettivament jiġbor dazju proviżjorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċertu friġġijiet b’żewġ bibien li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] (‘ir-Regolament bażiku’), u b’mod partikulari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A. MIŻURI PROVIŻORJI

    2. Fit-2 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni ppubblikat notifika[2] li fetħet proċedura anti- dumping fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċerti refriġeraturi ħdejn xulxin li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea. Fl-1 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 355/2006[3] (‘ir-Regolament proviżorju’) imponiet dazju proviżorju anti- dumping fuq l-istess prodott.

    B. Il-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

    3. Sussegwentement għar-rivelazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, fuq il-bażi li fuqha kien deċiż li jkunu imposti miżuri proviżorji anti-dumping, għadd ta’ partijiet interessati taw sottomissjonijiet bil-miktub sabiex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji. Dawk il-partijiet li talbu, ngħataw l-opportunità li jinstemgħu.

    4. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għas-sejbiet definittivi.

    5. Il-partijiet kienu infurmati bil-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, fuq il-bażi li fuqha kien intenzjonat li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni tad-dazji definittivi anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċertu friġġijiet b’żewġ bibien li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u l-ġbir definittiv ta’ l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazju proviżorju. Ġew mogħtija wkoll perijodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għar-rivelazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri.

    6. Il-kummenti orali u miktuba sottomessi lill-partijiet interessati kienu kkunsidrati u, fejn adatt, is-sejbiet ġew immodifikati skond dawn.

    C. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT LI JIXXIEBAĦ

    7. L-istess produttur esportatur imsemmi taħt il-premessi (11) u (12) tar-Regolament proviżorju tenna u elabora aktar l-argumenti tiegħu dwar il-kwistjoni ta’ l-iskop tal-prodott.

    8. B’mod partikolari, dan l-esportatur stqarr li l-iskop tal-prodott kellu jkopri il-friġġijiet-freezers kollha kbar magħquda (“CRF”) b’kapaċità ta ‘l fuq minn 400 litru, minħabba li segmentazzjoni ta’ dawk ir-rifriġeraturi tkun inkonsistenti mal-prattiċi ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità fil-passat, tkun qiegħda twarrab l-evidenza minn partijiet interessati oħra, u tkun tinjora r-realtà tas-suq (stqarrija (i)).

    9. Dan l-esportatur stqarr ukoll li jekk it-talba (i) tiġi rifjutata, kull tentattiv biex jiġi ssegmentat is-suq tas-CRF għandu jeskludi mudelli bi tliet bibien fejn xulxin (kif deskritti fil-premessa (12) tar-Regolament proviżorju) mill-iskop tal-prodott ikkonċernat. Fl-essenza, dan l-esportatur argumenta li m’humiex il-karatteristiċi esterni (notevolment il-bibien) tal-mudelli li huma relevanti, imma l-konfigurazzjoni interna. B’mod partikolari, l-esportatur ikkunsidra li l-allinjament tal-kompartiment tal-freezer u ta’ l-ikel frisk kienet il-karatteristika bażika essenzjali li tiddistingwi r-refriġeratur b’żewġ bibien (stqarrija (ii)).

    1. Talba (i)

    10. Hija prattika permanenti ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità li meta jiddefenixxu l-prodott ikkonċernat l-ewwel jikkunsidraw il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-prodott imsemmi. Aktar minn hekk, il-mudelli kklassifikati f’segmenti differenti tal-prodott huma normalment ikkunsidrati li jiffurmaw prodott uniku sakemm ma jeżistux linji ta’ diviżjoni ċari bejn is-segmenti varji.

    11. Wara li taw attenzjoni xierqa lis-sottomissjonijiet li saru mill-partijiet kollha interessati f’dawn il-proċedimenti, l-investigazzjoni identifikat li s-suq tas-CRF huwa tradizzjonalment maqsum fi tliet partijiet: is-segment tar-rifriġeraturi mmuntati mill-qiegħ (i.e. il-kumpartiment ta’ l-iksel frisk imqiegħed fuq il-kumpartiment tal-freezer), is-segment tar-rifriġeraturi mmuntati minn fuq (i.e. il-kumpartment tal-freezer imqiegħed fuq il-kumpartiment ta’ l-ikel frisk) u s-segment tar-rifriġeraturi ħdejn xulxin (i.e. żewġ bibien fejn xulxin li jiftħu fuq żewġ kumpartment mqiegħda ħdejn xulxin). Din il-kategorizzazzjoni tas-suq fi tliet segmenti distinti differenti mhix qiegħda tiġi kkontestata u hi familjari ma’ l-operaturi kollha f’dan in-negozju partikolari. Ġiet aċċettata wkoll mill-esportatur imsemmi f’għadd ta’ sottomissjonijiet bil-miktub. Aktar minn hekk, it-talba hija bbażata fiq "evidenza minn partijiet oħra interessati" li fil-fatt tirrifletti qari selettiv minn dan l-esportatur tal-framment tas-sottomissjoni minn prodottur ta’ oġġett simili li jappoġġa l-miżuri imma ma jimmanifatturax il-prodott konċernat (ara premessa (10) u (104) tar-Regolament proviżorju). F’din is-sottomissjoni, il-manifattur tal-fridges indika li kellu jaffaċċa effett negattiv fuq il-bejgħ tiegħu tal-prodott li m’humiex simili fil-Komunità minħaba l-importazzjonijiet iddampjati. Madankollu, l-fatt li dan il-manifattur allegatament sofra telf minħabba dan l-effett negattiv fih innifsu mhuwiex evidenza li s-CRFs b’kapaċità kbira ta’ l fuq minn 400 litru għandhom ikunu kkunsidrati bħala l-prodott ikkonċernat indipendentement mis-segmenti deskritti hawn fuq li jaqgħu taħthom. Fil-fatt, kien ġiet stabbilit li l-karatteristiċi teknoloġiċi u fiżiċi li jissottolineaw dawn iż-żewġ prodotti huma totalment differenti.

    12. Huwa għalhekk ikkunsidrat li teżisti linja diviżorja ċara bejn it-tliet segmenti li jikkostitwixxu l-univers tas-suq tas-CRF. Qiegħed ikun konkluż li m’hemm ebda ġustifikazzjoni għal espansjoni ta’ l-iskop tal-prodott ikkonċernat sabiex jinkludi s-CRFs kollha kif mitlub minn dan l-esportatur. Bħala konsegwenza, it-talba (i) kellha tiġi rifjutata.

    2. Talba (ii)

    13. F’talba (ii), dan l-esportatur ifittex l-esklużjoni mill-iskop tal-prodott ikkonċernat ta’ mudell partikolari ta’ CRF (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘il-mudell bi tliet bibien’) li diġà kien ġie deskritt fil-premessa (12) tar-Regolament proviżorju.

    14. Minn mindu beda dan il-proċediment, il-Kummissjoni kienet iddefiniet l-iskop tal-prodott fuq il-bażi tal-karatteristiċi esterni, prinċipalment il-preżenza ta’ għall-anqas żewġ bibien separati biċ-ċappetti, mqegħdin fejn xulxin. Dan il-metodu kien meqjus adatt skond iż-żewġ raġunijiet tal-karatteristiċi fiżiċi u l-perċezzjoni tal-konsumatur. Fir-rigward tal-karatteristiċi fiżiċi, il-preżenza ta’ żewġ bibien biċ-ċappetti, ħdejn xulxin, kienet ikkunsidrata l-aktar fattur viżibbli immedjat. Rigward il-perċezzjoni tal-konsumatur, element ewlieni kien il-fatt li l-applikant innifsu kien immarkitja u rreklama repetittivament il-mudell bi tliet bibien bħala rifriġeratur ħdejn xulxin. Il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-kumpartamenti ta’ ġewwa kienu mqiegħda b’mod differenti f’refriġerant tipiku ħdejn xulxin minn mudell bi tliet bibien, imma din id-distinzjoni ma kinitx ikkunsidrata deċiżiva għall-esklużjoni tar-refriġeraturi bi tliet bibien ħdejn xulxin mid-definizzjoni tal-prodott minħabba li ebda evidenza konklużiva ma ġiet sottomessa f’dan ir-rigward. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli dak il-ħin, il-Kummissjoni indikat fil-premessa (14) tar-Regolament proviżorju li "m’hemm ebda definizzjoni użatai b’mod komuni għar-refriġeraturi ħdejn xulxin”.

    15. Il-kwistjoni kompliet tiġi eżaminata wara miżuri proviżorji. Evidenza li tappoġġa definizzjoni tas-segment tar-refriġeraturi ħdejn xulxin fuq il-bażi tal-konfigurazzjoni ta’ ġewwa tal-kumpartimenti u mhux fuq il-bażi tal-pożizzjoni tal-bibien ġiet sottomessa mill-esportatur imsemmi hawn fuq. Wara skopertura definittiva, fid-dawl ta’ aktar evidenza provduta mill-istess esportatur, il-pożizzjonijiet espressi minn xi istituti ewlenin ta’ riċerka u mill-korpi ta’ klassifikazzjoni, li l-parti l-kbira tagħhom jikklassifikaw ir-rifriġeraturi ħdejn xulxin fuq il-bażi tal-konfigurazzjoni ta’ ġewwa u mhux fuq il-bażi tal-pożizzjoni tal-bibien, ġew ivvalutati. Dan wassal għall-konklużjoni li, mil-lat tal-karatteristiċi fiżiċi, il-mudell bi tliet bibien ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parti mis-segment ta’ bibien ħdejn xulxin, kif imsemmi fil-premessa (10) hawn fuq. Fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumatur, kemm l-applikant kif ukoll l-industrija tal-Komunità issottomettiet servejs tal-konsumaturi li jappoġġaw il-perspettivi rispettivi tagħhom u jikkontradixxu lil xulxin. F’dan ir-rigward, għalhekk, wieħed ma jista’ jasal għall-ebda konklużjoni.

    16. Minn dan t’hawn fuq għalhekk isegwi li l-mudell bi tliet bibien għandu jiġi meqjus bħala taħt is-segment tar-rifriġeraturi mmuntati mill-qiegħ u mhux taħt is-segment tar-rifriġeraturi ħdejn xulxin. It-talba (ii) għaldaqstant ġiet aċċettata.

    17. Bħala konsegwenza ta’ dan, kien meqjus xieraq li jiġi rivedut l-iskop tad-definizzjoni kif determinata fir-Regolament proviżorju. Għalhekk, il-prodott ikkonċernat huwa definittivament definit bħala freezers-rifriġeraturi magħquda bil-kapaċità li taqbeż l-400 litru u b’kumpartamenti ta’ freezers u rifriġeratur ħdejn xulxin, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, bħalissa klassifikabbli taħt il-kodiċi CM ex 8418 10 20.

    D. DUMPING

    1. Il-valur normali

    18. Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti, il-kontenut tal-premessi (18) sa (22) tar-Regolament proviżorju rigward il-valur normali huma hawnhekk ikkonfermat.

    2. Prezz ta’ l-Esportazzjoni

    19. Kif stipulat fil-premessa (23) tar-Regolament proviżorju, il-prezz ta’ l-esportazzjoni għall-bejgħ fil-Komunità li jsir permezz ta’ importaturi relatati sar fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Fil-kostruzzjoni ta’ dan il-prezz ta’ l-esportazzjoni, marġini ta’ profitt għall-kumpanija li kienet ikkunsidrata bħala importatur indipendenti tal-prodott ikkonċernat ġie użat. Wara li l-iskopertura finali saret lill-partijiet interessati, produttur esportatur wieħed issottometta li l-kumpanija li ġiet użata biex tistabbilixxi l-marġini tal-profitt ma kinitx importatur mhux relatat imma klijent indipendenti ta’ wieħed mill-importaturi relatati. It-talba ġiet investigata sewwa u ġie konkluż li l-kumpanija kkonċernata ma kkwalifikatx bħala importatur mhux relatat. Konsegwentement ġie deċiż li l-marġini ta’ profitt ma setax jintuża għall-kostruzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni. Għalhekk kellu jinstab sors alternattiv biex jistabbilixxi marġini raġonevoli ta’ profitt kif meħtieġ taħt l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Ebda informazzjoni alternattiva dwar il-profitt ta’ importatur indipendenti ma setgħet tinkiseb fi ħdan il-qafas ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ prodotti ġejjin mill-istess settur ta’ prodotti u l-produtturi esportaturi Koreani kkonċernati huma l-istess, kien ikkunsidrat raġonevoli għal dan l-iskop li jintuża l-marġini ta’ profitt ta’ 5% li kien użat fil-proċedimenti anti-dumping tal-microwave ovens[4].

    20. Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti, is-sejbiet fil-premessi (23) sa (24) tar-Regolament proviżorju rigward id-determinazzjoni tal-prezz ta’ l-esportazzjoni huma hawnhekk ikkonfermati.

    3. Tqabbil

    21. Kif indikat fil-premessa (26) tar-Regolament proviżorju, f’każijiet fejn m’hemm ebda paragun dirett bejn il-mudelli esportati u l-mudelli domestiċi u sabiex jiġi stabbilit il-valur normali kemm jista’ jkun fuq il-bejgħ domestiku tal-produtturi esportaturi, saru aġġustamenti għall-valuri normali stabbiliti għal xi mudelli biex jirriflettu l-valur tas-suq tal-karatteristiċi fiżiċi differenti bejn il-mudell mibjugħ domestikament u l-mudell esportat skond l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku. Tnejn mill-produtturi esportaturi kkontestaw l-aġġustamenti li saru fl-istadju proviżorju.

    22. Produttur esportatur wieħed saħaq li ebda aġġustament ma seta’ jsir minħabba anke kieku kien hemm xi differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi bejn il-mudelli esportati u l-mudelli mibjugħa domestikament proposti għall-paragun, dawn id-differenzi ma jkollhomx impatt fuq il-prezz tas-suq. Din it-talba kellha tiġi rrifjutata minħabba li n-numru ta’ differenzi misjuba bejn il-mudelli esportati u dawk mibjugħa domestikament u dawk proposti għall-paragun ġew imqassma f’seba’ gruppi u dawn id-differenzi spiss kienu jinkludu fatturi importanti bħal dispenser għall-ilma u s-silġ, sprej tal-bibien u sistema biex tikkontrolla t-temperatura. Għalhekk, wara loġika ekonomika normali, differenzi simili jkollhom impatt fuq il-valur tas-suq għal dawn il-mudelli.

    23. Il-produttur esportatur l-ieħor li għalih, sabiex jirrifletti sewwa l-valur tas-suq tad-differenti fil-karatteristiċi fiżiċi, sar aġġustament mill-Kummissjoni fl-istadju proviżorju fuq il-valuri sottomessi għad-differenzi, ikkontesta il-kalkolazzjoni riżultanti. Wara l-iskopertura finali, il-kumpanija ippuntat li xi elementi fl-istrateġija tal-Kummissjoni jistgħu jwasslu għal tfixkil fil-valur normali li ġie kkalkulat u talbet li l-valur normali għall-mudelli esportati mingħajr ma jinbenda l-bejgħ domestiku korrispondenti. It-talba ġiet investigata u ġie konkluż li xi aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni għat-talba tal-kumpanija dwar il-karatteristiċi fiżiċi setgħu wasslu għal valuri normali mfixkla. Kien għalhekk deċiż li jiġu kostruiti valuri normali għal din il-kumpanija f’każijiet fejn ebda paragun dirett bejn il-mudelli esportati u mudelli mibjugħa domestikament jistgħu jsiru, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

    24. It-tliet produtturi esportaturi kkontestaw id-determinazzjoni proviżorja biex ma jingħatx aġġustament, mitlub taħt l-Artikolu 2(10)(g) tar-Regolament bażiku, għal spejjeż tal-kreditu li kellhom jitħallsu għall-bejgħ domestiku. It-tliet esportaturi ssostanzjaw li t-termini ta’ kreditu użati ġew maqbula kontrattwalment u infurzati mill-kumpaniji. Ġie muri wkoll li l-irċevuti jistgħu jintrabtu mal-ħlas. Fid-dawl ta’ dawn l-ispejjeż għall-kreditu domestiku nstabu li kellhom impatt fuq il-komparabbiltà tal-prezz kif meħtieġ skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u konsegwentement ġie deċiż li jingħataw aġġustamenti għal dawn l-ispejjeż.

    25. Produttur esportatur wieħed talab l-esklużjoni tal-bejgħ relatat ta’ l-importaturi ta’ prodotti danneġġjati u/jew li ma jaħdmux tajjeb mill-kalkolazzjoni tad-dumping. Dan il-bejgħ, li kien biss parti minuri mill-bejgħ tal-kumpanija fis-suq tal-Komunità, kien ġie rrappurtat separatament u kien ġie vverifikat waqt il-verifiki fuq il-post. Kienet ingħatat evidenza li dan il-bejgħ fil-fatt kien prodotti li ma jaħdmux tajjeb jew li huma danneġġjati, u li l-klijenti u l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti kienu kompletament distinti meta pparagunati mal-klijenti u l-prezzijiet tal-bejgħ regolari. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ bejgħ kumparabbli fis-suq domestiku tal-kumpanija, ebda paragun sinifikanti ma seta’ jsir fir-rigward ta’ dan il-bejgħ. Għaldaqstant, din it-talba ġiet aċċettata.

    26. L-istess produttur esportatur ikkuntesta d-determinazzjoni proviżorja tal-Kummissjoni biex tirrifjuta l-ispejjeż tal-ġarr bil-baħar irrappurtati għall-iskop biex jiġi aġġustat il-prezz ta’ l-esportazzjoni skond l-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku. L-ispejjeż tal-ġarr bil-baħar irrappurtati ġew irrifjutati minħabba li ġew invojsjati lill-esportatur minn kumpanija relatata. Il-produttur esportatur issa wera li l-kumpanija relatata kienet entità ta’ loġistika li tat il-kuntratt tas-servizzi tat-trasport lil kumpaniji indipendenti tat-tbaħħir. Instabu provi wkoll li l-kumpanija relatata invojsjat lill-esportatur l-ispiża propja tal-ġarr bil-baħar kif invojsjat lilha mill-kumpaniji indipendenti tat-tbaħhir flimkien ma’ qligħ raġonevoli għas-servizzi tagħha. Għalhekk ġie deċiż li l-ispejjeż għat-trasport bil-baħar li ġew rappurtati setgħu jiġu meqjusa bħala tajba u l-kalkolazzjonijiet ġew emendati.

    27. Barra l-aġġustamenti magħmula, skond il-premessi, (22) sa (25) ta’ dan ir-Regolament, il-kontenut tal-premessi (25) sa (30) tar-Regolament proviżorju f’relazzjoni mal-paragun tal-valuri normali u prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, huma hawnhekk ikkonfermati.

    4. Il-marġni tad- dumping

    28. It-tliet kumpaniji kkuntestaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni użat għall-kalkolazzjoni tal-marġini tad-dumping. Kif spjegat fil-premessi (31) sa (34) tar-Regolament proviżorju, sabiex jiġu riflessi fil-kalkolazzjoni tad-dumping id-differenzi sinifikanti tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni li kkostitwixxu tendenzi fost ir-reġjuni differenti u minħabba li paragun tal-valuri normali medji mal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni medji jew ta’ esportazzjoni individwali u tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku ma jkunux irriflettew il-grad sħiħ tal-prattiċi tad-dumping, il-valur normali medju ġie mqabbel mill-prezzijiet tat-trażazzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni individwali fil-Komunità. Għat-tliet produtturi esportaturi ġie kkonfermat li differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-bejgħ kienu jeżistu fost ir-reġjuni u li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (31) sa (34) tar-Regolament proviżorju, ġie fil-fatt ġustifikat li jiġi kkumparat il-valur noramli medju mal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet individwali ta’ l-esportazzjoni kollha fil-Komunità. It-talbiet tal-produtturi esportaturi ġew għalhekk irrifjutati.

    29. Fid-dawl ta’ l-aġġustamenti t’hawn fuq, u wara l-korrezzjonijiet ta’ xi żbalji fil-kalkolazzjoni, l-ammont ta’ dumping finalment iddeterminat, espress bħala persentaġġ tan-nett CIF bil-prezz fruntier tal-Kommunitá, qabel id-dazju, huwa kif ġej:

    Daewoo Electronics Corporation | 3,4% |

    LG Electronics Corporation | 12,2% |

    Samsung Electronics Corporation | de minimis |

    E. PRODUZZJONI TAL-KOMUNITÀ U INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

    30. Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġdid f’dan ir-rigward partikolari, premessi (37) sa (40) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

    F. DANNU

    31. Wara miżuri proviżjonali d-definizzjoni ta’ l-iskop tal-prodott ġiet riveduta kif spjegat fil-premessa (16) hawn fuq. Għalhekk, id-data relatata mal-mudell bi tliet bibien ġiet eskluża mill-analiżi tad-dannu. F’kwalunkwe każ, ta’ min jinnota, li matul l-IP, l-industrija tal-Komunità ma kinitx qed tipproduċi dan it-tip ta’ prodott u l-volum ta’ importazzjonijiet tal-mudell bi tliet bibien mir-Repubblika tal-Korea għall-Komunità kien negliġibbli.

    Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    32. Minħabba li nstab li Samsung Electronics Corporation (‘Samsung’) kellha marġini ta’ dumping de minimis matul l-IP (ara premessa (28) hawn fuq), huwa neċessarju li jkun hemm distinzjoni ta’ dawk l-importazzjonijiet mill-bqija ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea. Din ta’ l-aħħar hija msejħa ‘importazzjonijiet iddampjati’ minn issa ‘l quddiem. Il-premessi (44) sa (47) tar-Regolament rpoviżorji huma għalhekk sostitwiti bil-konsiderazzjonijiet li ġejjin. Sabiex wieħed jippreserva l-kunfidenzjalità, id-data li tikkonċerna l-importazzjonijiet miż-żewġ produtturi Koreano li fadal huma preżentati f’format bl-indiċi.

    2002 | 2003 | 2004 | IP |

    Volum ta' importazzjonijiet dumped mir-Repubblika tal-Korea (unitajiet) | ma jistax jingħata tagħrif dwaru |

    Indiċi (2002=100) | 100 | 183 | 336 | 366 |

    Sehem fis-suq ta' l-importazzjonijiet dumped mir-Repubblika tal-Korea | ma jistax jingħata tagħrif dwaru |

    Indiċi (2002=100) | 100 | 121 | 164 | 170 |

    Prezzijiet ta' l-importazzjonijiet dumped mir-Repubblika tal-Korea (EUR/unità) | ma jistax jingħata tagħrif dwaru |

    Indiċi (2002=100) | 100 | 92 | 95 | 95 |

    33. Fuq din il-bażi, il-volum ta’ l-importazzjonijiet iddampjati żdied ħafna (b’266%) bejn l-2002 u l-IP. Żdied b’83% bejn l-2002 u l-2003, b’aktar minn 153 punti perċentwali fl-2004 u b’aktar minn 30 punti perċentwali fl-IP. Matul l-IP, il-volum ta’ l-importazzjonijiet iddampjati kienu bejn 180 000 u 250 000 biċċa.

    34. Is-sehem tas-suq korrispondenti miżmum mill-importazzjonijiet iddampjati żdiedu b’madwar 20 punt perċentwali bejn l-2002 u l-PI, biex jilħaq livell ta’ bejn 42 u 50% matul il-PI. F’termini ta’ indiċi, is-sehem tas-suq żdied b’21 % fl-2003, b’aktar minn 43 punti perċentwali fl-2004 u b’6 punti perċentwali fl-IP. Globalment, iż-żieda fl-ishma tas-suq kienet 70% bejn l-2002 u l-IP.

    35. Finalment, il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet iddampjati naqaf b’madwar 5% bejn l-2002 u l-IP, u fuq il-paragun bejn mudell u mudell, l-importazzjonijiet iddampjati kienu bejn 34,4% u 42% anqas mill-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità, li jiddependi mill-esportatur ikkonċernat.

    36. B’mod simili, il-premessa (68) tar-Regolament proviżorju hija sostitwita kif ġej. Il-volum ta’ l-importazzjonijiet iddampjati tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Korea żdied b’mod sinifikanti b’266% bejn l-2002 u l-IP u sehem korrispondenti tas-suq miżmum mill-importazzjonijiet iddampjati żdied b’madwar 20 punt perċentwali bejn l-2002 u l-IP. Il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet iddampjati kienu aktar baxxi b’mod konsistenti minn dawk ta’ l-industrija tal-Komunità matul il-perjodu kkunsidrat. Fuq paragun medju mwieżen bejn mudell u mudell, l-importazzjonijiet iddampjati kienu anqas mill-prezzijiet ta’ l-industija tal-Komunità b’madwar 34,4% u 42%, li jiddependi mill-esportatur ikkonċernat, filwaqt li għal xi mudelli, it-tnaqqis fil-prezz kien akbar.

    37. Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġdid dwar l-aspett tad-dannu, premessi (41) sa (71) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati, bl-eċċezzjoni tal-premessa (44) sa (47) u l-premessa (68) li ġew indirizzati hawn fuq.

    G. KAWŻAZZJONI

    1. Effetti ta’ l-importazzjonijiet dumped

    38. Kif iddikjarat hawn fuq, instab li Samsung kellu marġini ta’ dumping de minimis matul l-IP. Madankollu, ż-żieda sinifikanti fil-volum ta’ l-importazzjonijiet iddampjati b’266% bejn l-2002 u l-PI, iż-żieda fis-sehem tas-suq b’madwar 20 punt perċentwali, kif ukoll it-tnaqqis li nstab ikkoinċuda mad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija tal-Komunità.

    2. Effetti ta’ fatturi oħra

    Importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn Samsung

    39. Minħabba li Samsung kella marġini ta’ dumping de minimis matul il-PI, kien meħtieġ li jkun eżaminat jekk l-importazzjonijiet tas-Samsung setgħux, minkejja dan, ikkawżaw xi dannu lill-industrija tal-Komunità. Sabiex wieħed jippreserva l-kunfidenzjalità, id-data rigward Samsung hija preżentati hawn taħt f’format bl-indiċi.

    2002 | 2003 | 2004 | IP |

    Volum ta' l-importazzjonijiet minn Samsung (unitajiet) | ma jistax jingħata tagħrif dwaru |

    Indiċi (2002=100) | 100 | 156 | 183 | 188 |

    Sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet minn Samsung | ma jistax jingħata tagħrif dwaru |

    Indiċi (2002=100) | 100 | 103 | 90 | 88 |

    Prezzijiet ta' l-importazzjonijiet minn Samsung (EUR/unità) | ma jistax jingħata tagħrif dwaru |

    Indiċi (2002=100) | 100 | 87 | 86 | 86 |

    40. Il-volum ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw minn Samsung żdiedu bi 88% bejn l-2002 u l-IP. Speċifikament, żdied b’56 % bejn l-2002 u l-2003, b’aktar minn 27 punti perċentwali fl-2004 u b’aktar minn 5 punti perċentwali fl-IP. Matul l-IP, il-volum ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw minn Samsung kienu bejn 100 000 u 170 000 biċċa.

    41. Is-sehem tas-suq korrispondenti miżmum mill-importazzjonijiet li joriġinaw mis-samsung naqsmu b’madwar 5 punt perċentwali bejn l-2002 u l-IP, biex jilħqu livell ta’ bejn 28 u 36 % matul l-IP. F’termini ta’ indiċi, is-sehem tas-suq żdied b’3 % fl-2003 imma imbagħad naqas bi 13-il punt perċentwali fl-2004 u b’2 punti perċentwali oħra fl-IP. Globalment, it-tnaqqis fl-ishma tas-suq kienu 12 % bejn l-2002 u l-IP.

    42. Finalment, il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjonijiet mis-Samsung naqsu b’madwar 14 % bejn l-2002 u l-IP, u fuq il-paragun bejn mudell u mudell, l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung kienu anqas mill-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità b’madwar 34,1%.

    43. Minħabba ż-żieda fil-volum ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung u t-tnaqqis li nstab, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-importazzjonijiet ikkontribwew għad-dannu li sofriet l-industrija tal-Komunità. Madankollu, ġie osservat ukoll: (i) l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung żdiedu b’pass ħafna aktar bil-mod mill-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea matul il-perjodu 2002 għall-IP. (ii) b’kuntrast ma’ importazzjonijiet oħra Koreani, l-importazzjonijiet mingħand Samsung tilfu madwar 4 punti perċentwali tas-sehem tas-suq bejn l-2002 u l-IP. (iii) il-preżenza li rriżultat, matul l-IP, ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mingħand is-Samsung fuq is-suq tal-Komunità kemm f’termini ta’ volum kif ukoll ta’ sehem mis-suq kien sostanzjalment iżgħar minn dak ta’ l-importazzjonijiet oħra Koreani; u (iv) il-paragun tal-prezz bejn mudell u mudell wera li l-prezzijiet tas-Samsung għalkemm iżgħar minn dawk ta’ l-industrija tal-Komunità, kienu b’mod konsistenti ogħla minn dawk ta’ l-importazzjonijiet oħra Koreani.

    44. Bħala konsegwenza, ġie konkluż li l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung ikkontibwew għal dannu kkawżat mill-industrija tal-Komunità, imma għal grad sostanzjali anqas minn dak ta’ l-importazzjonijiet iddampjati miż-żewġ produtturi l-oħra Koreani. L-impatt marbut ma’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung huwa għalhekk ikkunsidrat mhux suffiċjenti biex jikser ir-rabta każwali bejn l-importazzjonijiet iddampjati u d-dannu riżultanti esperjenzat mill-industrija tal-Komunità.

    45. Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġdid, premessi (72) sa (96) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati, bl-eċċezzjoni ta’ l-ewwel sentenza tal-premessa (73) li tidher hawn fuq.

    H. INTERESS KOMUNITARJU

    46. Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġdid f’dan ir-rigward partikolari, premessi (97) sa (114) tar-Regolament proviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

    I. MIŻURI DEFINITTIVI

    47. Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward dumping, dannu, ikkawżar u interess tal-Komunità, u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazji definitivi kontra d-dumping għandhom jiġu imposti fil-livell ta’ marġini ta’ dumping misjub, imma mhux aktar għolja mill-marġini ta’ dannu ppreżentati fil-premessa (119) tar-Regolament proviżorju u kkonfermat fil-Regolament preżenti. Minħabba li l-marġini tad-dannu kienu dejjem ogħla mill-marġini tad-dumping, il-miżuri għandhom jiġu bbażati fuq dan ta’ l-aħħar.

    48. Id-dazji definittivi għandhom għalhekk ikunu kif ġej:

    Kumpanija | Marġini ta’ dannu | Il-marġni tad-dumping | Dazju anti-dumping propost |

    Daewoo Electronics Corporation | 98,5% | 3,4% | 3,4% |

    LG Electronics Corporation | 74,8% | 12,2% | 12,2% |

    Samsung Electronics Corporation | 66,3% | de minimis | 0% |

    Il-Kumpaniji l-oħra kollha | 98,5% | 12,2% | 12,2% |

    J. ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAŻJU PROVIŻORJU

    49. Fid-dawl tal-kobor tal-marġini tad-dumping misjub għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Korea u minħabba l-livell ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Komunità, huwa meqjus neċessarju li l-ammonti żgurati permezz tad-dazju proviżorju kontra d-dumping impost mir-Regolament proviżorju għandu jkun miġbur definittivament sa l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Minħabba li l-mudell bi tliet bibien huwa issa eskluż mid-definizzjoni tal-prodott (ara l-premessa (12) sa (16) hawn fuq u d-dazji definittivi huma aktar baxxi mid-dazji proviżorji, l-ammonti proviżorji żgurati fuq importazzjonijiet ta’ mudell bi tliet bibien jew li jaqbżu ir-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

    50. Ir-rati tad-dazji kontra d-dumping tal-kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-"kumpaniji l-oħra kollha") huma għalhekk esklussivament applikabbli għal importi ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż interessat u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Prodotti importati manifatturati minn xi kumpanija oħra li ma ssemietx b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inkluż entitajiet konnessi ma’ dawk li ssemmew b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-"kumpaniji l-oħra kollha".

    51. Kull talba għall-applikazzjoni ta’ rati ta’ dazju kontra l-bejgħ taħt il-prezz bħal ta’ dawn il-kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ta’ produzzjoni jew bejgħ ġodda) għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni flimkien ma’ l-informazzjoni kollha relevanti, b’mod partikolari, kull modifika għall-attivitajiet tal-kumpanija assoċjata mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u bejgħ bl-esportazzjoni assoċjat ma’ pereżempju dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ. Jekk adatt, ir-Regolament jiġi emendat kif xieraq billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jibbenefikaw minn dazji individwali.

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Dazju definittiv anti- dumping huwa hawnhekk impost fuq friġġijiet ħdejn xulxin, i.e. refriġeraturi-freezers magħquda ta’ kapaċità li ma taqbiżx l-400 litru, bil-kumpartimenti tal-freezer u r-rifriġeratur imqiegħda ħdejn xulxin, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8418 10 20 (kodiċi TARIC 8418 10 20 91) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea.

    2. Ir-rata tad-dazju anti- dumping definittiv applikabbli għas-CIF nett, prezz ħieles fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manufatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandu jkun kif ġej:

    Kumpanija | Dazju anti-dumping (%) | Kodiċi addizzjonali TARIC |

    Daewoo Electronics Corporation, 686 Ahyeon-dong, Mapo-gu, Seoul | 3,4% | A733 |

    LG Electronics Corporation, LG Twin Towers, 20, Yeouido-dong, Yeongdeungpo-gu, Seoul | 12,2% | A734 |

    Samsung Electronics Corporation, Samsung Main Bldg, 250, 2-ga, Taepyeong-ro, Jung-gu, Seoul | 0% | A735 |

    Il-Kumpaniji l-oħra kollha | 12,2% | A999 |

    3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dażju doganali.

    Artikolu 2

    1. L-ammonti żgurati permezz tad-dazji proviżorji anti- dumping skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Mru 355/2006 fuq importazzjonijiet ta’ rifriġeraturi ħdejn xulxin, i.e. refriġeraturi-freezers magħquda ta’ kapaċità li ma taqbiżx l-400 litru, b’għall-anqas żewġ bibien esterni separati imqiegħda ħdejn xulxin, magħmula minn Samsung Electronics Corporation li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8418 10 20 għandhom ikunu rilaxxati.

    2. L-ammonti żgurati permezz tad-dazji proviżorji anti- dumping skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 355/2006 fuq importazzjonijiet ta’ rifriġeraturi magħquda b’kapaċità li taqbeż l-400 litru, b’żewġ bibien għall-kumpartiment tar-rifriġeratur fuq u bieba waħda għall-kumpartiment tar-rifriġeratur isfel, li jaqgħu taħt il-kdoiċi NM ex 8414 10 20 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea għandhom ikunu rilaxxati.

    3. L-ammonti żgurati permezz tad-dazji proviżorji anti- dumping skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Mru 355/2006 fuq importazzjonijiet ta’ rifriġeraturi ħdejn xulxin, i.e. refriġeraturi-freezers magħquda ta’ kapaċità li ma taqbiżx l-400 litru, bil-kumpartimenti tal-freezer u r-rifriġeratur imqiegħda ħdejn xulxin, li jaqgħu taħt il-kdoiċi NM ex 8414 10 20 (u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti żgurati bl-eċċess tad-dazji definittivi kif stabbiliti fl-Artikolu 1 (2) hawn fuq, għandhom ikunu rilaxxati.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ l-għada ta’ meta ssir il-pubblikazzjoni fil- Ġurnal Ufficjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] ĠU L 56, 6.3.1996. p.1, Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    [2] ĠU C 135, 2.6.2005, p. 4.

    [3] ĠU L 59, 1.3.2006, p.12.

    [4] Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2041/2000, (ĠU L 244, 29.9.2000, p.33, premessa 26).

    Top