This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006PC0015
Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on the assessment and management of floods {SEC(2006) 66}
Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on the assessment and management of floods {SEC(2006) 66}
Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on the assessment and management of floods {SEC(2006) 66}
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 18.01.2006 COM(2006) 15 finali 2006/0005 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar ta’ l-għargħar [SEC(2006) 66] (ippreżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA | 110 | Ir-raġunijiet għal u l-għanijiet tal-proposta Bejn l-1998 u l-2004, l-Ewropa kellha aktar minn 100 każ ta’ għargħar qawwi, inkluż dak katastrofiku ta’ l-2002 li seħħ tul ix-xmajjar Danubju u Elbe. Dan l-għargħar wassal għall-mewt ta’ madwar 700 ruħ, għaċ-ċaqliq ta’ madwar nofs miljun ruħ u għat-telf ekonomiku assikurat li laħħaq is-somma ta’ mill-anqas 25 biljun Euro. L-għargħar li seħħ fis-sajf ta’ l-2005 fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fi Franza, fil-Ġermanja u fir-Rumanija u f’postijiet oħra, kompla żied sew dawn il-figuri. L-assi li jkunu f’riskju minħabba l-għargħar jistgħu jkunu ħafna u jinkludu djar privati, it-trasport u l-infrastruttura tas-servizzi pubbliċi, l-intrapriżi kummerċjali u industrijali, u art agrikola. Pereżempju, matul ix-xmara Rhine hemm iktar minn 10 miljun ruħ li jgħixu f’żoni li huma f’riskju ta’ għargħar qawwi u l-ħsara li jista’ jkun hemm minħabba l-għargħar tlaħħaq il-165 biljun Euro. Il-valur totali ta’ l-assi ekonomiċi li jinstabu sa 500 metru mil-linja tal-kosta Ewropea, inklużi x-xtajtiet, l-art agrikola u l-faċilitajiet industrijali, bħalissa huwa stmat li jlaħħaq is-somma ta’ bejn il-500 u l-1,000 biljun Euro[1]. Flimkien mal-ħsara ekonomika u soċjali, l-għargħar jista’ jkollu wkoll effetti ambjentali serji, pereżempju meta l-impjanti tat-trattament ta’ l-ilma tad-dranaġġ jew il-fabbriki li jkollhom kwantitajiet kbar ta’ kimiċi tossiċi jisfaw mgħarrqa. L-għargħar jista’ wkoll jeqred artijiet mistagħdra u jnaqqas il-bijodiversità. Hemm żewġ xejriet li juru li fl-Ewropa hemm żieda fir-riskju ta’ l-għargħar u f’iktar ħsara ekonomika minħabba l-għargħar. L-ewwel, l-iskala u l-frekwenza ta’ l-għargħar x’aktarx li fil-ġejjieni se jiżdiedu minħabba l-bidla fil-klima, minħabba l-immaniġġjar ħażin tax-xmajjar u minħabba l-bini f’żoni li jkunu f’riskju mill-għargħar. It-tieni, kien hemm żjieda sostanzjali fil-vulnerabilità minħabba n-numru ta’ nies u l-assi ekonomiċi li jinstabu fiż-żoni li huma f’riskju mill-għargħar. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jitnaqqsu u li jkunu mmaniġġjati r-riskji ta’ l-għargħar li jolqtu s-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, l-infrastruttura u l-proprjetà. | 120 | Il-Kuntest ġenerali L-għargħar huwa fenomenu naturali li ma jistax ikun evitat. Madankollu, il-ħidma tal-bniedem qed tgħin biex tiżdied il-possibilità tiegħu kif ukoll l-effetti negattivi li jiġru minħabba fih. Meta wieħed iqis li ħafna mill-baċini tax-xmajjar fl-Ewropa jinsabu f'iktar minn pajjiż wieħed, azzjoni konġunta fuq livell ta’ Komunità tista’ jkollha valur miżjud sostanzjali u ttejjeb il-livell ġenerali tal-ħarsien mill-għargħar. Meta jitqies ir-riskju li jista’ jkun hemm għall-ħajja tal-bniedem, għall-assi ekonomiċi u għall-ambjent, l-impenn ta’ l-Ewropa lejn żvilupp sostenibbli jista’ jinkiser jekk ma tittiħidx azzjoni xierqa. Il-Komunità għandha tradizzjoni ta’ leġiżlazzjoni ambjentali fuq il-kwalità ta’ l-ilma; madankollu, il-problema ta’ l-għargħar u l-impatt tal-bidla tal-klima fuq ir-riskji ta’ l-għargħar għadhom ma ġewx indirizzati. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 2000/60/KE[2] (WFD) introduċiet il-prinċipju tal-koordinazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri fi ħdan il-baċini tax-xmajjar, bil-ħsieb li tikseb kwalità tajba għall-ilmijiet kollha, iżda ma stabbiliet l-ebda għan għall-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar[3] forniet analiżi u pproponiet azzjoni miftiehma fuq livell ta’ UE. Din il-proposta hija komponent wieħed ta’ dik l-azzjoni. | 139 | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ma jeżistu l-ebda dispożizzjonijiet fil-qasam tal-proposta. | 140 | Il-Konsistenza ma’ strateġiji politiċi u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni Il-politika tar-riċerka Ewropea ilha tappoġġja r-riċerka f’oqsma differenti ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar sa mill-bidu tas-snin tmenin permezz ta’ Programmi ta’ Qafas suċċessivi. Is-Sitt Programm ta’ Qafas qed jappoġġja l-ikbar proġett ta’ riċerka ta’ l-UE li qatt sar s’issa dwar l-għargħar, il-”FLOODsite”.[4] Dan qed jiżviluppa analiżi integrata tar-riskju ta’ l-għargħar kif ukoll tal-metodi ta’ mmaniġġjar. Is-Seba’ Programm ta’ Qafas li huwa propost se jkompli jappoġġja r-riċerka fuq il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju. Il-politika reġjonali Ewropea ħarġet flus għal diversi investimenti, inklużi miżuri marbuta ma’ l-għargħar (il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni). Il-Fond tas-Solidarjetà joffri strument finanzjarju speċifiku għal ħidmiet ta’ emerġenza f’każ li jiġri diżastru kbir. Ir-Regolamenti tal-Politika ta’ Koeżjoni li hemm proposti għall-2007-2013 se jagħmlu l-miżuri marbuta ma’ l-għargħar eliġibbli bħala parti mill-prevenzjoni tar-riskju. Il-politika agrikola komuni riformata se tgħin b’mod pożittiv għall-ħarsien mill-għargħar permezz ta’ mekkaniżmi ta’ separazzjoni (de-coupling) u ta’ konformità reċiproka. Ir-Regolament ta’ l-Iżvilupp Rurali adottat fl-2005[5] jinkludi miżuri marbuta ma’ l-għargħar (miżuri ta’ tħejjija u ta’ ppjanar kif ukoll miżuri operattivi) fost l-attivitajiet li se jkunu eliġibbli għall-appoġġ. | IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT | Il-Konsultazzjoni mal-partijiet interessati | 211 | Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin immirati u l-profil ġenerali ta’ min wieġeb Wara l-għargħar ta’ l-2002 il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u l-partijiet l-oħra interessati ħejjew dokument tekniku dwar l-aħjar prassi. Dan id-dokument tlesta fl-2003. Wara l-Komunikazzjoni ta’ Lulju 2004 fuq l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar u l-konklużjonijiet pożittivi tal-Kunsill ta’ Ottubru 2004, li talbu lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta xierqa, il-Kummissjoni laqqgħet Forum Konsultattiv Speċjalizzat, li fih ħadu sehem esperti mill-Istati Membri, minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi Ewropej, mill-industrija, mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u mill-komunità xjentifika involuta fi proġetti kbar ta’ riċerka, kif ukoll partijiet interessati oħra. It-tliet laqgħat ta’ dan il-Forum Konsultattiv Speċjalizzat li saru matul l-2005 sawru l-qafas ċentrali tal-konsultazzjoni li kien ikkomplementat b’konsultazzjoni li saret fuq l-internet. | 212 | Taqsira tat-tweġibiet u kif dawn ġew ikkunsidrati F’termini ta’ ambitu, ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-baċin tax-xmara u ta’ l-elementi ewlenin li għandhom ikunu inklużi, il-proċess ta’ konsultazzjoni wera appoġġ wiesa’ għall-metodu propost għall-programm ta’ azzjoni. Kien hemm kontribuzzjonijiet importanti fuq kif għandu jiġi definit l-ambitu (permezz ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju biex ikunu evitati sforzi f’żoni li ma jkollhom l-ebda riskju sostanzjali ta’ għargħar ), fuq kif ikun evitat l-irduppjar ta’ l-isforzi billi jkunu magħrufa l-pjani eżistenti ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar, kif ukoll fuq l-iżvilupp ta’ mapep tar-riskju ta’ l-għargħar u fuq l-iżvilupp ta’ pjani ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. Aktar dettalji dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni jinstabu fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt mehmuża hawnhekk (SEC(2006)66 ta’ 18.1.2006). Kopji tad-dokumenti li saru u li ġew diskussi fil-proċess ta’ konsultazzjoni kif ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni li saret fuq internet qed jidhru fuq is-sit: http://europa.eu.int/comm/environment/water/flood_risk/index.htm | Il-Ġbir u l-użu tal-kompetenzi | 221 | L-Istudji xjentifiċi/speċjalizzati kkonċernati L-esperti mill-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-membri tal-konsorzja li ħadmu fuq proġetti kbar ta’ riċerka marbuta ma’ l-għargħar kienu kkonsultati permezz tal-Forum Konsultattiv Speċjalizzat. L-istudji rilevanti ta’ speċjalizzazzjoni, mill-idroloġija u l-ġeoloġija sa l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-industrija ta’ l-assigurazzjoni, kienu kollha involuti. | 222 | Il-Metodoloġija użata Saru sensiela ta’ laqgħat bejn l-2003 u l-2005. | 223 | L-organizzazzjonijiet ewlenin/l-esperti li kienu kkonsultati L-esperti mill-Istati Membri, mill-pajjiżi kandidati u mill-pajjiżi ta’ l-EFTA; il-Kummissjonijiet Internazzjonali tal-Ħarsien tax-Xmajjar; il-partijiet interessati rilevanti, l-organizzazzjonijiet u l-NGOs Ewropej; lista sħiħa qed tidher fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt. | 2243 | Taqsira tal-pariri riċevuti u li ntużaw Il-partijiet kollha li ġew ikkonsultati għarfu u aċċettaw li hemm riskji li jistgħu jkunu serji u jkollhom konsegwenzi irreversibbli. Intlaħaq ftehim ukoll dwar il-valur miżjud ta’ azzjoni fuq livell Komunitarju. | 225 | Wieħed jaċċetta l-fatt li huwa impossibbli li l-għargħar ikun evitat kompletament, għalkemm huwa possibbli li wieħed inaqqas ir-riskju għall-ħajja tal-bniedem, għall-ambjent u għall-assi ekonomiċi. Kien hemm qbil ġenerali fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni Komunitarja waqt li kienet enfażizzata l-ħtieġa biex ikun hemm metodu flessibbli li jqis ix-xogħol li sar diġà fuq livell nazzjonali u lokali. Aktar minn hekk, il-proċess ta’ konsultazzjoni forna appoġġ kbir għal metodu gradwali, li jibda b’valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ l-għargħar u li mbagħad, fejn ikun ġustifikat, jgħaddi biex ir-riskju ta’ l-għargħar jitpoġġa f’mappa u wara jsiru u jkunu implimentati l-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. Fil-qosor, il-proċess ta’ konsultazzjoni wassal il-messaġġ ċar li l-isfida ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar teħtieġ azzjoni fuq livell Ewropew, ta’ Stati Membri kif ukoll fuq il-livell reġjonali u tal-baċin tax-xmara. | 226 | Il-mezzi li ntużaw biex il-parir espert ikun disponibbli għall-pubbliku Id-dokumenti ta’ l-aħjar prassi kif ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni li saret fuq l-internet jinstabu fuq is-sit ta’ l-internet tal-Kummissjoni. | 231 | L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA | 305 | Taqsira ta’ l-azzjoni proposta L-għan tad-Direttiva proposta huwa li jitnaqqsu u li jkunu mmaniġġjati r-riskji ta’ l-għargħar li jolqtu s-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, l-infrastruttura kif ukoll il-proprjetà. Din għandha twassal biex ikun hemm mappa ta’ l-għargħar li jolqot lil dawk l-inħawi kollha li huma f’riskju kbir, għall-koordinazzjoni fil-baċini tax-xmajjar li jinsabu f’iktar minn pajjiż wieħed, kif ukoll biex isiru pjani ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar permezz ta’ proċess b’parteċipazzjoni wiesa’. Meta titqies id-diversità fuq il-medda ta’ l-UE f’termini ta’ ġeografija, idroloġija u l-istruttura taċ-ċentri ta’ abitazzjoni, id-Direttiva proposta tipprovdi lill-Istati Membri bi flessibilità sostanzjali biex ikunu determinati l-livell ta’ ħarsien meħtieġ, il-miżuri li jridu jittieħdu biex jintlaħaq dan il-livell ta’ ħarsien, kif ukoll l-orarji biex ikunu implimentati l-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. Id-Direttiva proposta u l-miżuri meħuda biex jimplimentawha huma marbuta mill-qrib ma’ l-implimentazzjoni tal-WFD. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tallinja b’mod sħiħ l-aspetti organizzattivi u istituzzjonali u ż-żmien ta’ bejn id-Direttivi, fuq il-bażi tad-distretti tal-baċin tax-xmara, fuq l-awtoritajiet kompetenti u fuq il-kumitat stabbilit bil-WFD. L-orarji huma sinkronizzati kompletament[6] u dan ikompli jiżgura li l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika ikun ikkoordinat mill-qrib. Ladarba tkun adottata d-Direttiva ta’ l-Għargħar, l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi, li se jkollhom skopijiet komplementari, tkun teħtieġ li tiġi kkordinata mill-qrib. Ir-rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni huwa wkoll sinkronizzat kompletament, u l-Istati Membri jistgħu jintegraw il-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar fil-pjani ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara. Dan ifisser li ċerti aspetti provduti mill-WFD, l-aktar taħt l-Artikolu 4, 11 u 13 ta’ dik id-Direttiva, se jkollhom konsegwenzi fuq il-kontenut tal-mapep tar-riskju ta’ l-għargħar kif ukoll fuq il-pjani ta’ l-immaniġġjar. | 310 | Il-Bażi legali L-Artikolu 175(1) tat-Trattat KE huwa l-bażi legali xierqa, b’mod konsistenti ma’ strumenti simili li jindirizzaw il-prevenzjoni tar-riskju u l-immaniġġjar tal-baċin ta’ xmara, speċjalment id-Direttiva Seveso (96/82/KE) u l-WFD (2000/60/KE). | 320 | Il-Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika kemm-il darba l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. | L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin: | 321 | Ix-xmajjar u l-ibħra reġjonali ma jinstabux biss fil-konfini ġeo-politiċi preżenti; minflok ħafna mill-baċini tax-xmajjar u ż-żoni kostali huma maqsuma bejn diversi pajjiżi. Taħt dawn il-kondizzjonijiet, metodu purament nazzjonali biex ikun immaniġġjat ir-riskju ta’ l-għargħar mhuwiex teknikament u ekonomikament possibbli. | 323 | Azzjoni li tittieħed mill-Istati Membri waħedhom tista’ twassal għal metodi differenti u anke kontradittorji. Azzjoni bħal din mhux biss ittawwal iż-żmien għas-soluzzjoni tal-problemi marbuta ma’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar iżda twassal ukoll għal użu ħażin ta’ riżorsi limitati. | 324 | Il-proposta se tistabbilixxi qafas komuni biex ikunu indirizzati l-isfidi komuni u se tistabblixxi metodi komuni għall-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. L-ippjanar u l-azzjoni kkordinata fi ħdan il-baċini tax-xmajjar u fis-sotto-baċini mhux biss se tiżgura l-konsiderazzjoni xierqa ta’ l-interessi tal-partijiet kollha involuti, iżda wkoll l-aħjar użu tar-riżorsi. Din il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi diġà bdiet taħt l-awspiċi tal-Kummissjonijiet Internazzjonali tax-Xmajjar, bħalma huma dawk tal-baċini tad-Danubju, ta’ l-Oder, ta’ l-Elbe, tar-Rhine, tal-Maas/Meuse u tax-Scheldt/Escaut. L-għanijiet dettaljati għall-ħarsien mill-għargħar kif ukoll l-aħjar miżuri biex jintlaħqu l-għanijiet u l-għeluq iż-żmien mhux se jkunu definiti fuq livell ta’ UE. | Għalhekk il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. | Il-Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: | 332 | Fl-isfond ta’ l-esperjenzi reċenti tal-ħsarat ikkawżati mill-għargħar fuq proprjetà privata, fuq l-infrastruttura, fuq l-intrapriżi u fuq l-ambjent, il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt turi li l-ħsara li jista’ jkun hemm fil-futur u li wieħed jista’ jistenna jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni żgur li se tkun ferm akbar mill-ispejjeż, eż. l-immappjar ta’ l-għargħar, għal sistemi ta’ tbassir ta’ l-għargħar u għal sistemi ta’ twissija minn qabel. Fl-istess waqt, il-baċini tax-xmajjar u s-sotto-baċini u r-reġjuni li m’għandhomx riskju kbir ta’ għargħar jistgħu jiġu eżentati minn kwalunkwe miżura taħt din id-Direttiva; l-istess jgħodd għall-baċini tax-xmajjar, għas-sotto-baċini u għar-reġjuni fejn diġà ttieħdu miżuri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-immappjar ta’ l-għargħar u/jew tal-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. Id-deċiżjoni fuq jekk ikunx involut “riskju sinifikanti” se tkun tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali, u minkejja l-prinċipju tal-kordinazzjoni mhu se tittieħed l-ebda azzjoni fuq livell ta’ Komunità fil-baċin ta’ xmara u f’sotto-baċin. | L-Għażla ta’ l-istrumenti | 341 | Strumenti proposti: direttiva. | 342 | Mezzi oħra mhumiex xierqa għar-raġunijiet li ġejjin. Regolament ikun jinvolvi li jkollhom jittieħdu mhux biss deċiżjonijiet fuq il-livell ta’ ħarsien mill-għargħar, iżda wkoll miżuri u għeluq iż-żmien għar-reġjuni kollha tal-Komunità permezz ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja; din l-istrateġija titqies bħala waħda politikament u teknikament mhux fattibbli. Fl-isfond tad-dokumenti u l-gwida teknika fuq l-aħjar prassi li jeżistu diġà, ir-Rakkomandazzjonijiet ma jiżgurawx il-koordinazzjoni meħtieġa min-naħa għall-oħra tal-konfini amministrattivi u politiċi. Direttiva tipprovdi l-qafas regolatorju meħtieġ fuq il-prinċipji u l-istrutturi tal-valutazzjoni u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, waqt li tippermetti elementi ewlenin, bħalma huma l-livell ta’ ħarsien, l-għażla u l-ġbir flimkien ta’ miżuri u ta’ għeluq iż-żmien, biex jilħqu l-għan tas-sussidjarjetà. | L-IMPLIKAZZJONI FUQ IL-BAġIT | 401 | Waqt li l-implimentazzjoni u l-iffinanzjar tal-politika ambjentali hija, bħala regola, dritt u obbligu ta’ l-Istati Membri (l-Artikolu 175(4) tat-Trattat KE), il-Komunità għandha diversi mekkaniżmi ta’ fondi li jistgħu jintużaw biex imexxu ’l quddiem il-ħarsien mill-għargħar, eż. taħt il-politika ta’ riċerka, il-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola (żvilupp rurali). L-inizjattivi u l-miżuri relatati ma’ l-għargħar huma eleġibbli kemm taħt il-leġiżlazzjoni li hemm fis-seħħ f’dawn l-oqsma ta’ politika kif ukoll taħt il-leġiżlazzjoni proposta għall-2007 - 2013. Madankollu, din il-proposta mhu se jkollha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji li jmorru lil hinn mill-proposti li diġà ġew adottati mill-Kummissjoni. | TAGħRIF IEħOR | 510 | Simplifikazzjoni | 511 | Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (tal-Komunità jew nazzjonali) u għall-partijiet privati, l-aktar fejn għandhom x’jaqsmu s-sinkronizzazzjoni u l-koordinazzjoni mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. | 513 | L-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar u l-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-ilma jiffurmaw parti mill-immaniġġjar integrat tal-baċin tax-xmajjar. Dawn jinvolvu l-istess baċini tax-xmajjar u reġjuni u l-istess komunitajiet u partijiet interessati lokali. Għalhekk, hemm rabta qawwija bejn l-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-ilma li hemm diġà fis-seħħ taħt il-WFD u l-miżuri ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar li huma kontemplati taħt din il-proposta. Il-Kummissjoni temmen li ċ-ċiklu ta’ l-implimentazzjoni taħt il-WFD u ċ-ċiklu kontemplat taħt din il-proposta għandhom ikunu sinkronizzati u integrati fejn jikkonċerna d-distretti tal-baċin tax-xmara, l-awtoritajiet kompetenti, l-orarji ta’ l-implimentazzjoni u tar-reviżjoni, il-mekkaniżmi tar-rappurtar, il-parteċipazzjoni tal-kumitat u tal-pubbliku. | 514 | Permezz tal-parteċipazzjoni pubblika, il-partijiet privati se jkunu involuti b’mod sħiħ fil-proċess ta’ l-ippjanar u se jgawdu mis-sinerġiji. | Il-Klawsola ta’ analiżi mill-ġdid/ta’ reviżjoni/ta’ estinzjoni | 531 | Il-proposta ma fiha l-ebda klawsola ta’ reviżjoni. | 550 | It-Tabella ta’ korrelazzjoni L-Istati Membri huma mitluba jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva kif ukoll it-tabella ta’ korrelazzjoni ta’ bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. | 560 | Iż-Żona Ekonomika Ewropea Il-proposta hija ta’ rilevanza għaż-ŻEE, u għalhekk għandha tkun estiża għaż-Żona Ekonomika Ewropea. | 570 | Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Artikolu 1 (il-materja tas-suġġett): Id-Direttiva proposta għandha l-għan li tnaqqas ir-riskji ta’ l-għargħar li jolqtu s-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u l-attività ekonomika. Din tapplika għat-territorju kollu tal-Komunità, u għalhekk għall-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar kemm fix-xmajjar kif ukoll fiż-żoni kostali. Artikolu 2 (definizzjonijiet): Flimkien mad-definizzjonijiet tal-WFD, qed jiġu definiti l-kelmiet ‘għargħar’ u ‘riskju ta’ għargħar’. L-Artikolu 3 (il-koordinazzjoni fi ħdan id-distretti ta’ baċin tax-xmara) qed jieħu post l-istrateġija stabbilita fl-artikolu 3 (WFD), l-aktar fejn jikkonċerna l-użu tat-taqsima ta’ l-immaniġġjar tad-distretti tal-baċin tax-xmara u l-awtoritajiet kompetenti li nħatru taħt il-WFD. Flimkien mal-baċini tax-xmajjar u s-sotto-baċini inklużi f’dawn id-distretti tal-baċini tax-xmajjar, il-meded kollha tal-linja tal-kosta wkoll qed jiġu assenjati lid-distretti rilevanti tal-baċin tax-xmara, u għalhekk huma koperti. Il-Kapitoli II, III u IV jistabbilixxu strateġija gradwali u trasparenti li hija magħmula minn: l-għażla ta’ żoni b’riskju potenzjal kbir ta’ għargħar (il-Kapitolu II, l-Artikoli 4, 5 u 6); it-tħejjija ta’ mapep li juru r-riskju ta’ għargħar għal dawk l-inħawi li huma f’riskju kbir ta’ għargħar (il-Kapitolu III, l-Artikoli 7 u 8, l-Anness); l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar f’baċini tax-xmara u f’żoni kostali vulnerabbli, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni għall-pjani ta’ l-immaniġġjar fid-distretti tal-baċin tax-xmara (il-Kapitolu IV, l-Artikoli 9, 10, 11 u 12); L-orarji tal-Kapitolu III u VI qed ikunu sinkronizzati kompletament ma’ l-orarji għall-implimentazzjoni tal-WFD, inkluż l-intervall ta’ 6 snin għar-reviżjonijiet. Qed tkun żgurata wkoll il-koordinazzjoni mal-proċessi u ċ-ċikli tal-karatterizzazzjoni tad-distretti tal-baċin tax-xmara tal-WFD (billi r-riskji ta’ l-għargħar jitqiegħdu fuq mappa) kif ukoll mal-pjani ta’ l-immaniġġjar ta’ baċin tax-xmara (bil-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar). Barra minn hekk, qed ikun propost li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintegraw il-Pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar mal-Pjani ta’ l-immaniġġjar ta’ baċin tax-xmara tal-WFD. L-Artikolu 14 (l-informazzjoni pubblika u l-parteċipazzjoni) jimponi l-kriterju għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-iżvilupp ta’ pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar kif ukoll fir-reviżjoni tagħhom. Dan il-proċess għandu jkun ikkoordinat ukoll mal-WFD. L-Artikoli 15 u 16 (l-adattamenti tekniċi u l-kumitat) jipprovdu għall-adattamenti tekniċi possibbli ta’ l-artikoli magħżula u ta’ l-anness, kif ukoll jipprovdu l-format tekniku biex tintbagħat u tkun ipproċessata d-data, inkluż statistika u data kartografika. Il-Kumitat stabbilit taħt il-WFD għandu jintuża wkoll għal din id-Direttiva. L-Artikolu 17 (ir-rappurtar) joħloq id-dispożizzjoni meħtieġa għar-rappurtar. Dan u r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta (l-Artikolu 18) huma wkoll sinkronizzati ma’ l-orarju tal-WFD. L-Artikoli 19, 20 u 21 ikopru t-trasponiment, id-dħul fis-seħħ u d-destinatarji. | 1. 2006/0005(COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar ta’ l-għargħar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175 (1) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[7], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[9], Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat[10], Billi: 2. L-għargħar jista’ jwassal għall-mewt u ċ-ċaqliq ta’ persuni, jista’ jpoġġi f’riskju kbir l-iżvilupp ekonomiku u jhedded l-attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità. 3. L-għargħar huwa fenomenu naturali li ma jistax ikun evitat. Madankollu, l-attività tal-bniedem qed tgħin biex tiżdied il-possibilità ta’ l-għargħar, kif ukoll l-impatti negattivi tiegħu. 4. Huwa possibbli u mixtieq li jitnaqqas ir-riskju tal-ħsara ta’ l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent u għall-infrastruttura; madankollu, biex ikunu effettivi, il-miżuri biex jitnaqqas ir-riskju tal-ħsara ta’ l-għargħar iridu jkunu kkoordinati tul il-baċin kollu tax-xmara. 5. Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma[11] titlob li jkun hemm pjani integrati ta’ mmaniġġjar li jridu jiġu żviluppati għal kull baċin ta’ xmara biex jinkiseb stat ekoloġiku u kimiku tajjeb, u se tikkontribwixxi biex jittaffew l-effetti ta’ l-għargħar. Madankollu, li jitnaqqas ir-riskju ta’ l-għargħar mhuwiex wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dik id-Direttiva, u din lanqas ma tqis ir-riskji li jistgħu jiġu kkawżati fil-futur minħabba l-bidla tal-klima. 6. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-Immaniġġjar tar-Riskju ta’ l-Għargħar; il-Prevenzjoni,, il-Ħarsien minn u l-Mitigazzjoni ta’ l-Għargħar” [12] tistabbilixxi l-analiżi u l-istrateġija tagħha biex ikunu mmaniġġjati r-riskji ta’ l-għargħar fuq livell ta’ Komunità, tisħaq li azzjoni miftiehma u kkoordinata fuq livell ta’ Komunità tista’ ġġib valur miżjud sostanzjali kif ukoll ittejjeb il-livell ġenerali tal-ħarsien mill-għargħar. 7. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju biex tiffaċilita l-kooperazzjoni rinforzata fl-interventi ta’ assistenza tal-protezzjoni ċivili[13], timmobilizza l-appoġġ u l-għajnuna mill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenzi kbar, inkluż l-għargħar. Il-protezzjoni ċivili tista’ tipprovdi rispons xieraq għall-popolazzjonijiet affettwati u ttejjeb l-istat ta’ preparazzjoni u ta’ l-irkupru, iżda madankollu ma tindirizzax il-kawżi ewlenin ta’ l-għargħar. 8. Taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea[14], huwa possibbli li tingħata għajnuna finanzjarja immedjata f’każ ta’ diżastru kbir biex ikunu megħjuna n-nies, ir-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati biex dawn jirritornaw lejn kondizzjonijiet ta’ għajxien li jkunu kemm jista’ jkunu normali, iżda dan jista’ jintervjeni biss f’ħidmiet ta’ emerġenza u mhux f’dawk il-fażijiet li jiġu qabel ma sseħħ l-emerġenza. 9. Fil-Komunità kollha jseħħu tipi differenti ta’ għargħar, bħalma huma t-tifwir tax-xmajjar, l-għargħar ta’ ilma qerriedi ( flash floods ), l-għargħar urban, t-tifwir tad-dranaġġ u l-għargħar kostali. Il-ħsara kkawżata mill-għargħar tista’ tvarja wkoll min-naħa għall-oħra tal-pajjiżi u tar-reġjuni tal-Komunità. Għalhekk, l-għanijiet li jikkonċernaw l-immaniġġjar tar-riskji ta’ l-għargħar għandhom ikunu bbażati fuq iċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali. 10. Ir-riskji ta’ l-għargħar f’ċerti żoni tal-Komunità jistgħu jitqiesu bħala mhux sinifikanti, pereżempju f’żoni fejn hemm ftit nies jew xejn jew f’żoni b’assi ekonomiċi jew b’valur ekoloġiku limitati. Għandha ssir valutazzjoni preliminari, fuq livell ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara, dwar ir-riskju ta’ l-għargħar f’kull baċin tax-xmara u sotto-baċin u fiż-żoni kostali assoċjati biex ikun stabbilit ir-riskju ta’ l-għargħar f’kull każ u jekk tkunx meħtieġa aktar azzjoni. 11. Biex isir użu minn għodda valida għall-informazzjoni, kif ukoll bħala bażi importanti biex ikunu stabbiliti l-prijoritajiet kif ukoll id-deċiżjonijiet tekniċi, finanzjarji u politiċi oħra, huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti mapep ta’ l-għargħar u mapep li juru l-ħsara ta’ l-għargħar. Dawn il-mapep għandhom jiddeskrivu ż-żoni skond livelli differenti ta’ riskju ta’ għargħar. 12. Bil-ħsieb li jkunu evitati u jitnaqqsu l-impatti negattivi ta’ l-għargħar fuq iż-żona kkonċernata, ikun xieraq li jkun hemm pjani ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. Il-kawżi u l-konsegwenzi ta’ l-għargħar ivarjaw skond il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Komunità. Il-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar, għalhekk għandhom iqisu ċ-ċirkostanzi ġeografiċi u idroloġiċi partikolari u ċ-ċirkostanzi l-oħra rilevanti tal-baċin tax-xmara u tas-sotto-baċin jew tal-medda tal-linja tal-kosta, u jipprovdu għal soluzzjonijiet maħsuba apposta li jkunu skond il-ħtiġiet u l-prijoritajiet tal-baċin tax-xmara, tas-sotto-baċin jew tal-linja tal-kosta filwaqt li jiżguraw il-koordinazzjoni mad-distretti tal-baċin tax-xmara. 13. Iċ-ċiklu ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar li jinkludi l-passi : Prevenzjoni, Ħarsien, Stat ta’ Preparazzjoni, Rispons għall-Emerġenza u l-Irkupru u r-Reviżjoni għandu jkun wieħed mill-elementi ewlenin tal-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar b’attenzjoni speċjali fuq l-aspetti tal-prevenzjoni, tal-ħarsien u ta’ l-istat ta’ preparazzjoni. 14. Biex ikun evitat l-irduppjar tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jużaw il-mapep eżistenti tar-riskju ta’ l-għargħar u l-pjani eżistenti ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. 15. L-iżvilupp tal-pjani ta’ l-immaniġġjar ta’ baċin tax-xmara taħt id-Direttiva 2000/60/KE u tal-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar taħt din id-Direttiva huma elementi ta’ mmaniġġjar integrat ta’ baċin tax-xmara; għalhekk iż-żewġ proċessi għandhom jużaw il-potenzjal reċiproku għas-sinerġiji. Biex ikunu żgurati l-effiċjenza u l-użu wiesa’ tar-riżorsi, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jeħtieġ li tkun ikkoordinata mill-qrib mad-Direttiva 2000/60/KE. 16. F’każijiet fejn l-ilmijiet jintużaw għal forom differenti ta’ attivitajiet sostenibbli għall-bniedem (eż. għall-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar, għall-ekoloġija, għat-tbaħħir fl-ilmijiet interni jew għall-enerġija idro-elettrika) u minħabba l-impatti ta’ dawn l-użi fuq l-ilmijiet, id-Direttiva 2000/60/KE tipprovdi għal proċess ċar u trasparenti biex ikunu indirizzati dawn l-użi u l-impatti, inklużi l-eżenzjonijiet li jista’ jkun hemm mill-għanijiet ta’ ‘stat tajjeb’ u/jew ta’ ‘non-deterjorazzjoni’ li hemm fl-Artikolu 4(7)) tagħha. 17. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri biex ikunu implimentati s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni[15]. 18. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares b’mod partikolari l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod speċjali, din tfittex li tmexxi ’l quddiem l-integrazzjoni fil-politika tal-Komunità ta’ livell għoli ta’ ħarsien ambjentali skond il-prinċipju ta’ l-iżvilupp sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. 19. Minħabba li l-għanijiet ta’ l-azzjoni li għandha tittieħed ma jistgħux jintlaħqu kif xieraq mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, dawn jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell ta’ Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Kapitolu I Id-Dispożizzjonijiet Ġenerali Artikolu 1 Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas biex, għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent u għall-attività ekonomika, jitnaqqas ir-riskju assoċjat ma’ l-għargħar fil-Komunità. Artikolu 2 Għall-għan ta’ din id-Direttiva, flimkien mad-definizzjonijiet ta’ “xmara”, “baċin tax-xmara”, “sotto-baċin” u “distrett ta’ baċin tax-xmara” kif stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: 1. ”għargħar” tfisser art li normalment ma titgħattiex bl-ilma u li titgħatta temporanjament bl-ilma. 2. ”riskju ta’ għargħar” tfisser il-possibilità ta’ għargħar ta’ ċertu qawwa flimkien mal-ħsara stmata għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent u għall-attività ekonomika assoċjata ma’ każ ta’ għargħar ta’ dik il-qawwa. Artikolu 3 Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-arranġamenti magħmula taħt l-Artikolu 3(1), (2), (3) u (6) tad-Direttiva 2000/60/KE. Kapitolu II Il-Valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ l-għargħar Artikolu 4 1. Għal kull distrett ta’ baċin tax-xmara jew għal kull parti ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali li jkun jinstab fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ l-għargħar skond il-paragrafu 2. 2. Il-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ l-għargħar għandha tinkludi mill-inqas dawn li ġejjin: (a) mappa tad-distrett tal-baċin tax-xmara, inkluż il-konfini tal-baċin tax-xmara, tas-sotto-baċini u fejn ikun xieraq taż-żoni kostali assoċjati, liema mappa tkun turi t-topografija u l-użu ta’ l-art; (b) deskrizzjoni ta’ l-għargħar li jkun seħħ fl-imgħoddi; (c ) deskrizzjoni tal-proċessi ta’ l-għargħar u tas-sensittività tagħhom għall-bidla, inkluż ir-rwol tal-pjanuri ta’ l-għargħar bħala mod ta’ twaqqif/ilqugħ naturali għall-għargħar u bħala rotot ta’ mogħdija għall-għargħar issa jew fil-futur; (d) deskrizzjoni tal-pjani ta’ żvilupp li jkunu jinkludu bidla fl-użu ta’ l-art jew fl-allokazzjoni tal-popolazzjoni u fid-distribuzzjoni ta’ l-attivitajiet ekonomiċi li jwasslu biex jiżdied ir-riskju ta’ l-għargħar fiż-żona stess jew fir-reġjuni ’l fuq jew ’l isfel mix-xmara; (e) valutazzjoni tal-possibilità ta’ għargħar fil-futur ibbażata fuq data idroloġika, tat-tipi ta’ għargħar u ta’ l-impatt mistenni mill-bidla fil-klima u mit-tendenzi ta’ l-użu ta’ l-art; (f) tbassir tal-konsegwenzi stmati ta’ l-għargħar fil-ġejjieni għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent u għall-attività ekonomika li jqis l-iżviluppi fit-tul inkluż il-bidla tal-klima. Artikolu 5 1. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4, kull baċin tax-xmara, sotto-baċin jew medda ta’ linja tal-kosta koperta minn distrett ta’ baċin tax-xmara għandhom jaqgħu taħt waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin: (a) Baċini tax-xmara, sotto-baċini jew meded ta’ linja tal-kosta li għalihom ikun ġie stabbilit li m’hemm l-ebda riskju potenzjali sinifikanti ta’ għargħar jew li raġonevolment jitqies li mhux probabbli li jseħħ għargħar, jew li l-konsegwenzi potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent jew għall-attività ekonomika jkunu meqjusa bħala baxxi; (b) Baċini tax-xmara, sotto-baċini jew meded ta’ linja tal-kosta li għalihom ikun ġie stabbilit li hemm riskji potenzjali sinifikanti ta’ għargħar jew li jitqies b’mod raġonevoli li jista’ jseħħ għargħar. 2. L-assenjazzjoni taħt il-paragrafu 1 ta’ baċin tax-xmara internazzjonali jew ta’ sotto-baċin jew ta’ meded ta’ linja tal-kosta ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali, għandha tkun ikkoordinata bejn l-Istati Membri kkonċernati. Artikolu 6 1. L-Istati Membri għandhom ilestu l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ l-għargħar sa mhux aktar minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jaġġornaw, jekk ikun meħtieġ, il-valutazzjoni taħt il-paragrafu 1 sa mhux aktar tard mill-2018, u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem. Kapitolu III Il-Mapep tar-riskju ta’ l-għargħar Artikolu 7 1. Fuq il-livell ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara, l-Istati Membri għandhom jippreparaw mapep ta’ l-għargħar u mapep indikattivi tal-ħsara ta’ l-għargħar, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-mapep tar-riskju ta’ l-għargħar”. Dawn il-mapep għandhom isiru għall-baċini tax-xmara, għas-sotto-baċini u għall-meded tal-linja tal-kosta identifikati taħt il-punt (b) l-Artikolu 5 il-paragrafu 1. 2. Il-mapep ta’ l-għargħar għandhom ikopru ż-żoni ġeografiċi li jistgħu jegħrqu skond ix-xenarji li ġejjin: (a) għargħar bi probabbiltà għolja (perjodu ta’ rikorrenza probabbli, darba kull 10 snin); (b) għargħar bi probabbiltà medja (perjodu ta’ rikorrenza probabbli, darba kull 100 sena) (c) għargħar bi probabbiltà baxxa (każijiet estremi). Għal kull xenarju stabbilit fl-ewwel sotto-paragrafu għandhom jintwerew l-elementi li ġejjin: (a) il-fond previst ta’ l-ilma; (b) il-veloċità tal-fluss, fejn ikun xieraq; (c) iż-żoni li jistgħu jkunu affettwati mill-erożjoni tax-xatt u mid-depożizzjoni tal-fluss ta’ l-irdim. 3. Il-mapep indikattivi tal-ħsara ta’ l-għargħar għandhom juru l-ħsara potenzjali assoċjata ma’ l-għargħar taħt ix-xenarji msemmija fil-paragrafu 2 u għandhom ikunu mfissra fit-termini ta’ dawn li ġejjin: (a) in-numru ta’ abitanti li x’aktarx ikunu affettwati; (b) il-ħsara ekonomika potenzjali fiż-żona; (c) il-ħsara potenzjali għall-ambjent. Artikolu 8 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mapep tar-riskju ta’ l-għargħar ikunu tlestew sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2013. 2. Dawn għandhom ikunu riveduti, u jekk ikun meħtieġ aġġornati, sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2019, u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem. Kapitolu IV Il-Pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar Artikolu 9 1. L-Istati Membri għandhom iħejju u jimplimentaw pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar fuq il-livell ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara, għall-baċini tax-xmara, għas-sotto-baċini u għall-meded tal-linja tal-kosta identifikati taħt il-punt (b) ta’ l-Artikolu 5 il-paragrafu 1, skond il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. 2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu livelli speċifiċi xierqa ta’ ħarsien għal kull baċin tax-xmara, sotto-baċin jew medda ta’ linja tal-kosta, waqt li jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-probabbiltà ta’ l-għargħar u tal-konsegwenzi ta’ l-għargħar li jista’ jkun hemm għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent u għall-attività ekonomika, u waqt li jqisu aspetti rilevanti: l-immaniġġjar ta’ l-ilma, l-immaniġġjar tal-ħamrija, l-ippjanar ta’ l-ispazju, l-użu ta’ l-art u l-konservazzjoni tan-natura. 3. Il-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar għandhom jinkludu miżuri li jkollhom l-għan li jilħqu l-livelli ta’ ħarsien stabbiliti skond il-paragrafu 2. Il-pjan ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar għandu jindirizza l-fażijiet kollha taċ-ċiklu ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar, waqt li jiffoka fuq il-prevenzjoni, il-ħarsien, l-istat ta’ preparazzjoni, u waqt li jqis il-karatteristiċi tal-baċin tax-xmara jew tas-sotto-baċin partikolari. 4. Il-miżuri ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar li jittieħdu fi Stat Membru m’għandhomx iżidu r-riskji ta’ għargħar fil-pajjiżi ġirien. Artikolu 10 1. L-ewwel pjan ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar għandu jinkludi l-komponenti stabbiliti fil-Parti A ta’ l-Anness. Ir-reviżjoni sussegwenti, skond l-Artikolu 11 (2), għandha tinkludi l-komponenti stabbiliti fil-Parti B ta’ l-Anness. 2. Fi żmien tliet snin mill-pubblikazzjoni jew mill-aġġornament ta’ kull pjan ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport interim li jiddeskrivi l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati. Artikolu 11 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar ikunu tlestew u ġew ippubblikati sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2015 u jkunu ġew implimentati mit-23 ta’ Diċembru 2015. 2. Il-pjan(i) ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar għandu(għandhom) jkun(u) rivedut(i) u aġġornat(i) sa mhux aktar tard mill-2021, u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem. Artikolu 12 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal dawk id-distretti ta’ baċin tax-xmara li jkunu jinstabu kompletament fit-territorju tagħhom isir pjan ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar wieħed biss. 2. Fil-każ ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali li jkun jinsab kollu kemm hu fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni bil-għan li jsir pjan internazzjonali ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar wieħed biss. Fejn dan il-pjan ma jsirx, l-Istati Membri għandhom jipproduċu pjani ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar li jkunu jkopru mill-inqas il-partijiet tad-distrett tal-baċin tax-xmara internazzjonali li jkun jinsab fit-territorju tagħhom. 3. Fil-każ ta’ distrett ta’ baċin tax-xmara internazzjonali li jkun jestendi lil hinn mill-konfini tal-Komunità, fejn ma jsir l-ebda pjan internazzjonali ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar bl-involviment ta’ kwalunkwe pajjiż terz ikkonċernat, l-Istati Membri għandhom jipproduċu pjani ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar li jkopru mill-inqas il-partijiet tad-distrett tal-baċin tax-xmara internazzjonali li jkun jinstab fit-territorju ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Kapitolu V Il-Kordinazzjoni mad-Direttiva 2000/60/KE, l-informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku Artikolu 13 1. L-iżvilupp ta’ l-ewwel mapep tar-riskju ta’ l-għargħar u tar-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva, għandu jkun ikkoordinat mill-qrib ma’ u, jekk ikun xieraq, integrat fir-reviżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2000/60/KE. 2. L-iżvilupp ta’ l-ewwel pjani ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva, għandu jiġi kkoordinat mill-qrib ma’ u, jekk ikun xieraq, integrat fir-reviżjonijiet tal-pjani ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara msemmija fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2000/60/KE. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha taħt l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva jkun ikkoordinat ma’ l-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/60/KE. Artikolu 14 1. L-Istati Membri għandhom jesponu għall-pubbliku l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ l-għargħar, il-mapep tar-riskju ta’ l-għargħar kif ukoll il-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm involviment attiv tal-partijiet kollha interessati fil-produzzjoni, fir-reviżjoni u fl-aġġornament tal-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar imsemmija fil-Kapitolu IV. Kapitolu VI Il-Miżuri ta’ l-implimentazzjoni u l-emendi Artikolu 15 1. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), tista’ tadotta formati tekniċi biex tibgħat u tipproċessa d- data , inkluż statistika u data kartografika. 2. Il-Kummissjoni, waqt li tqis il-perjodi tar-reviżjoni u ta’ l-aġġornament u skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 16(2), tista’ tadatta l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 7(2) u (3) kif ukoll l-Anness għall-progress xjentifiku u tekniku. Artikolu 16 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/60/KE (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat"). 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE irid jiġi stabbilit bħala dak ta’ tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Kapitolu VII Ir-Rapporti u d-dispożizzjonijiet finali Artikolu 17 L-Istati Membri għandhom iressqu l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ l-għargħar, il-mapep tar-riskju ta’ l-għargħar u l-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mit-tlestija tagħhom. Artikolu 18 Sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2018 il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport fuq l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, u kull sitt snin minn hemm ’il quddiem. Artikolu 19 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn wara l-jum tad-dħul fis-seħħ […]. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u jippreżentaw tabella ta’ korrelazzjoni ta’ bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. Artikolu 20 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-[għoxrin] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Artikolu 21 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, […] Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President […] […] Anness Il-Pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar A. Il-komponenti ta’ l-ewwel pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar: 1. il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta’ l-għargħar kif rikjest fil-Kapitolu II; 2. il-mapep tar-riskju ta’ l-għargħar kif imħejjija taħt il-Kapitolu III, u l-konklużjonijiet li jiġu ffurmati minn dawk il-mapep; 3. deskrizzjoni tal-livell xieraq ta’ ħarsien, stabbilit skond l-Artikolu 9 (2); 4. deskrizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-livelli xierqa ta’ ħarsien, inklużi l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 9 u l-miżuri marbuta ma’ l-għargħar meħuda taħt atti Komunitarji oħrajn; 5. deskrizzjoni ta’ l-informazzjoni pubblika u tal-miżuri/azzjonijiet ta’ konsultazzjoni li jkunu ttieħdu; 6. deskrizzjoni tal-proċess ta’ koordinazzjoni fi ħdan kwalunkwe distrett ta’ baċin ta’ xmara internazzjonali u tal-proċess ta’ koordinazzjoni mad-Direttiva 2000/60/KE, kif ukoll lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti. B. Il-komponenti ta’ l-aġġornament sussegwenti tal-pjani ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar: 1. kwalunkwe bidliet jew aġġornamenti minn wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-pjan ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar, inkluża taqsira tar-reviżjonijiet li jkunu saru fil-Kapitoli II, III u IV; 2. valutazzjoni tal-progress li jkun sar biex jinkiseb il-livell ta’ ħarsien; 3. deskrizzjoni ta’, u spjegazzjoni għal, kwalunkwe miżuri previsti fil-verżjoni preċedenti tal-pjan ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar li jkunu għadhom ma twettqux; 4. deskrizzjoni ta’ kwalunkwe miżura addizzjonali minn wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-pjan ta’ l-immaniġġjar tar-riskju ta’ l-għargħar. [1] EUrosion: http://www.eurosion.org [2] Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma, ĠU L 327 tat-22.12.2000 [3] COM(2004)472 finali tat-12.07.2004 [4] http://www.floodsite.net [5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 fuq l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD), ĠU L277 tal-21.10.2005 [6] L-għeluq iż-żmien li hemm fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma kollha jirreferu għat-22 ta’ Diċembru, id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. [7] ĠU C […], […], p. […]. [8] ĠU C […], […], p. […]. [9] ĠU C […], […], p. […]. [10] ĠU C […], […], p. […]. [11] ĠU L 327 tat-22.12.2000, p.1. Id-Direttiva emendata bħala d-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, tal-15.12.2001, p.1) [12] COM(2004)472 finali tat-12.7.2004. [13] ĠU L297, tal-15.11.2001, p.7. [14] ĠU L311, l-14.11.2002, p.3. [15] ĠU L 184, is-17.7.1999, p. 23.