Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006IR0334

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom: tkomplija għall-White Paper dwar spinta ġdida liż-żgħażagħ Ewropej

    ĠU C 156, 7.7.2007, p. 8–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 156/8


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom: tkomplija għall-White Paper dwar spinta ġdida liż-żgħażagħ Ewropej

    (2007/C 156/02)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    iqis essenzjali, speċjalment minħabba d-dibattitu attwali dwar il-futur ta' l-Ewropa, li tiżdied il-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom fil-komunitajiet fejn jgħixu;

    jisħaq fuq il-bżonn li l-kwistjonijiet taż-żgħażagħ jiġu indirizzati mill-Kunsilli kollha fis-setturi kollha, għaliex iż-żgħażagħ għandhom jiġu kkunsidrati fl-oqsma kollha ta' interess għall-UE;

    ifakkar li ż-żgħażagħ jirrappreżentaw fattur ewlieni sabiex jintlaħqu l-miri ta' l-Istrategija ta' Lisbona l-ġdida, u jikkunsidraha essenzjali li jingħataw edukazzjoni aħjar, taħriġ, mobilità, dħul fl-impjieg;

    però, ma jissottovalutax l-isfidi kbar li qegħdin jiffaċċjaw iż-żgħażagħ illum, bħalma huma il-qagħad, id-dewmien sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, in-natura inċerta tax-xogħol, diffikultajiet sabiex isibu alloġġ u bħala konsegwenza d-diffikultajiet sabiex jagħżlu t-triq ta' ħajjithom;

    jipproponi proġetti li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ sabiex jieħdu sehem fil-gvern lokali u reġjonali fit-tmexxija tal-komunitajiet rispettivi tagħhom, kif ukoll kuntatti bejn l-awtoritajiet lokali u l-iskejjel sabiex titrawwem kuxjenza ċivika u użu informat tad-dritt tal-vot;

    isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja inizjattivi ħalli jinxterdu l-politiki Ewropej dwar iż-żgħażagħ u d-dispożizzjonijiet tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ fil-livell lokali, permezz tan-netwerks ta' l-awtoritajiet lokali u billi jingħata rwol attiv lill-amministraturi żgħażagħ.

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

    Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-politika Ewropea li tikkonċerna l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom Tkomplija għall-White Paper dwar Spinta Ġdida liż-Żgħażagħ Ewropej: Li timplimenta l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u informazzjoni għalihom bil-għan li tippromwovi li jkunu ċittadini Ewropej attivi u d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni anness li fih analiżi dettaljata tar-rapporti nazzjonali ta' l-Istati Membri għall-parteċipazzjoni u l-informazzjoni (COM(2006) 417 finali — SEC(2006)1006);

    Wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tat-13 ta' Ġunju 2006 li tagħti istruzzjonijiet lill-Kumissjoni għall-Kultura, l-Edukazzjoni u r-Riċerka sabiex tħejji opinjoni dwar dan is-suġġett;

    Wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea Spinta ġdida liż-Żgħażagħ Ewropej, COM(2001) 681 finali;

    Wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fis-sede tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar il-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ;

    Wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom;

    Wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ;

    Wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fis-sede tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-għanijiet komuni għall-informazzjoni taż-żgħażagħ;

    Wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-24 ta' Mejju 2005 dwar indikaturi ġodda fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

    Wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fis-sede tal-Kunsill dwar l-evalwazzjoni ta' l-attivitajiet li twettqu fil-qafas tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, u dwar l-implimentazzjoni ta' l-għan komuni: li tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-sistema tad-demokrazija rappreżentattiva;

    Wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar il-Perjodu ta' Riflessjoni u Pjan D (COM(2005) 494 finali u COM (2006) 212 finali) u l-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar Politika ta' Komunikazzjoni EwropeaId-dibattitu dwar l-Ewropa, bl-involviment tal-poplu (COM(2006) 35 finali);

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Il-Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-perjodu ta' riflessjoni u lil hinn: Il-Pjan D għad-Demokrazija, Djalogu u Dibattitu u l-White Paper dwar Politika ta' Komunikazzjoni Ewropea;

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-politika Ewropea rigward iż-żgħażagħ Li tindirizza l-problemi taż-żgħażagħ fl-Ewropal-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-żgħażagħ u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva;

    Wara li kkunsida l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Tkomplija għall-White Paper dwar Spinta Ġdida liż-Żgħażagħ Ewropej: Li timplimenta l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u informazzjoni għalihom bil-għan li tippromwovi li jkunu ċittadini Ewropej attivi (COM 2006) 417 finali);

    Wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni riċenti tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fis-sede tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom bil-għan li tippromovi li jkunu ċittadini Ewropej attivi;

    Wara li kkunsidra dan l-abbozz ta' opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-politiki Ewropej li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom Tkomplija għall-White Paper dwar Spinta Ġdida liż-Żgħażagħ Ewropej: Li timplimenta l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u informazzjoni għalihom bil-għan li tippromwovi li jkunu ċittadini attivi;

    Wara li kkunsidra l-abbozz ta' opinjoni adottat mill-Kummissjoni għall-Kultura, l-Edukazzjoni u r-Riċerka fit-30 ta' Novembru 2006, (CdR 334/2006 rev.1) (Rapporteur: is-sur Roberto Pella, Membru tal-Kunsill tal-Provinċja ta' Biella, Viċi-Sindku ta' Valdengo (IT/EPP));

    adotta l-opinjoni segwenti fis-sessjoni plenarja numru 69, li saret fit-23 ta' Marzu 2007:

    1.   Introduzzjoni

    Il-Kumitat tar-Reġjuni

    1.1

    jilqa' l-Komunikazzjoni ġdida mill-Kummissjoni, li tevalwa s-segwitu li ngħata mill-Istati Membri għall-għanijiet komuni dwar il-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom;

    1.2

    jikkonsidra li mindu ġiet ippublikata l-White Paper ta' l-2001, l-Istati Membri għamlu progress u qegħdin jiffokaw aktar fuq iż-żagħażagħ, imma li għad fadal ħafna xi jsir, jew permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (OMC) fil-qasam taż-żgħażagħ, jew permezz ta' azzjonijiet oħra konnessi mal-politiki relatati;

    1.3

    jinnota r-Riżoluzzjoni riċenti tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fis-sede tal-Kunsill, li tidentifika miżuri ġodda intiżi sabiex isaħħu l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom;

    1.4

    jaqbel mal-Kunsill li l-erba' temi prijoritarji proposti fil-White Paper (parteċipazzjoni, informazzjoni, attivitajiet volontarji u għarfien aħjar taż-żgħażagħ) u l-għanijiet komuni rilevanti għadhom topiċi ħafna, u jemmen li għandhom jiggwidaw il-ħidma ta' l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej f'dan is-settur partikolari, u fil-politiki l-oħra kollha li jikkonċernaw liż-żgħażagħ;

    1.5

    jisħaq fuq il-bżonn li l-kwistjonijiet taż-żgħażagħ jiġu indirizzati mill-Kunsilli kollha fis-setturi kollha, għaliex iż-żgħażagħ għandhom jiġu kkunsidrati fl-oqsma kollha ta' interess għall-UE;

    1.6

    jindika però li l-Kunsill seta' saħaq iktar fuq l-importanza ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, speċjalment fis-sezzjonijiet li jindikaw il-miżuri intiżi li jmexxu 'l quddiem l-implimentazzjoni ta' l-għanijiet komuni, dan għaliex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jwettqu rwol kruċjali fl-edukazzjoni u fit-tkabbir ta' kuxjenza ċivika fost iż-żgħażagħ;

    1.7

    iqis essenzjali, speċjalment minħabba d-dibattitu kurrenti dwar il-futur ta' l-Ewropa, li tiżdied il-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom fil-komunitajiet fejn jgħixu, sabiex iħossuhom aktar parti mill-Unjoni, ħalli jiġi żgurat li jkunu jistgħu iħaddmu dawk il-jeddijiet li jinsabu fil-karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u sabiex tingħata spinta ġdida lill-intrapriża Ewropea billi tagħmel il-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea realtà, jenfasizza li trid tingħata attenzjoni partikolari, f'dan ir-rigward, lill-“parteċipazzjoni” u lill-“informazzjoni” taż-żgħażagħ li jgħixu f'reġjuni insulari;

    1.8

    però, ma jissottovalutax l-isfidi kbar li qegħdin jiffaċċjaw iż-żgħażagħ illum, bħalma huma il-qagħad, id-dewmien sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, in-natura inċerta tax-xogħol, diffikultajiet sabiex isibu alloġġ u bħala konsegwenza d-diffikultajiet sabiex jagħżlu t-triq ta' ħajjithom, in-nuqqas ta' mezzi adegwati sabiex jiksbu l-ħiliet meħtieġa, il-faqar, l-abbandun bikri ta' l-iskola u l-eskluzjoni soċjali;

    1.9

    għalhekk jemmen li l-għanijiet tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom jistgħu jintlaħqu b'mod aktar effettiv jekk l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet jagħmlu kull sforz sabiex joffrulhom prospetti aħjar fil-ħajja, jiggarantulhom it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (li jinkludu d-dritt għax-xogħol, id-dritt għaż-żwieġ u li jkollok familja, u d-dritt li jkun hemm bilanċ bejn il-ħajja familjali u dik professjonali);

    1.10

    ifakkar, f'dan ir-rigward, li ż-żgħażagħ jirrappreżentaw fattur ewlieni sabiex jintlaħqu l-miri ta' l-Istrategija ta' Lisbona l-ġdida, u jikkunsidraha essenzjali li jingħataw edukazzjoni aħjar, taħriġ, mobilità, dħul fl-impjieg, inklużjoni soċjali u servizzi għall-familji żgħażagħ:

    a)

    edukazzjoni u taħriġ aħjar li jivvalorizzaw kemm jista' jkun l-akbar riżorsi ta' l-Ewropa, iż-żgħażagħ. Din l-edukazzjoni għandha tiffoka b'mod partikolari fuq l-istudju tat-teknoloġija, sabiex tippromovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-Ewropa. Fl-istess ħin trid tingħata wkoll attenzjoni adegwata lill-formazzjoni umanistika u tal-valuri. B'mod partikolari huwa importanti li s-sistema edukattiva tagħti attenzjoni xierqa lit-tagħlim tal-kultura u ta' l-istorja Ewropea;

    b)

    mobilità: iż-żgħażagħ Ewropej għandu jkollhom opportunitajiet reali sabiex jiċċaqalqu fit-territorju kollu ta' l-UE, kemm għax-xogħol kif ukoll għall-istudju, peress li dawn l-opportunitajiet ġeneralment iġibu magħhom arrikkiment kulturali konsiderevoli u tqarrib għas-sentiment Ewropew.

    ċ)

    dħul fid-dinja tax-xogħol: iż-żgħażagħ huma wieħed mill-gruppi bl-ogħla livelli ta' qgħad. Hemm bżonn li nippromovu miżuri ġodda sabiex niffaċilitaw id-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol u b'hekk jintegraw fis-soċjetà;

    d)

    inklużjoni soċjali: trid tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali jew li jbatu mill-esklużjoni soċjali. L-emigranti għandhom jissemmgħu b'mod partikolari f'dan il-kuntest;

    e)

    servizzi għall-familji żgħażagħ: il-familji żgħażagħ għandhom problemi partikolari li jridu wkoll jiġu indirizzati mill-korpi ta' l-UE. B'mod konkret iridu jittieħdu miżuri sabiex jgħinuhom jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u tal-familja u tiġi ffaċilitata b'mod definittiv l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

    1.11

    iqis għalhekk li l-politiki għaż-żgħażagħ mħaddma mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jieħdu dimensjoni Ewropea permezz ta' politiki u fondi nazzjonali adegwati, flimkien ma' programmi tal-Komunità speċifiċi li jżidu l-opportunitajiet għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini żgħażagħ fil-ħajja ċivika u politika fuq il-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

    1.12

    ifakkar li l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipji ta' libertà u demokrazija u jemmen li għal dik ir-raġuni jridu jittieħdu aktar passi prattiċi mingħajr telf ta' żmien sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej kollha, anke dawk l-aktar żgħar, ikunu jistgħu jipparteċipaw fiha, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' sussidjarjetà.

    2.   Dwar il-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ

    Parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità

    2.1

    jinnota li l-Kunsill iħares lejn l-għan li “ż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità” prinċiparjament bħala l-promozzjoni ta' l-involviment tagħhom fi strutturi parteċipattivi;

    2.2

    ifakkar li huwa possibbli li tieħu sehem fil-ħajja tal-komunità lokali mingħajr ma tkun f'xi struttura organizzata; jemmen li dan l-għan għandu jiġi interpretat b'mod wiesa', li jinkoraġġixxi l-inizjattivi li wkoll ifittxu li jinvolvu żgħażagħ li minn jeddhom jiddeċiedu li jieħdu sehem fil-ħajja tal-komunità lokali tagħhom;

    2.3

    jaqbel kompletament li għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ li huma l-aktar żvantaġġjati u jemmen li dawn iż-żgħażagħ għandhom jiġu identifikati b'mod aktar preċiż f'kull żona lokali; jilqa' l-inizjattivi li ħadu l-Polonja u l-Litwanja mmirati lejn żgħazagħ li jgħixu f'żoni rurali;

    2.4

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu u jimplimentaw miżuri baġitarji intiżi sabiex isaħħu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ mill-aktar żoni periferiċi ta' l-UE fil-ħajja ċivika Ewropea. Id-distanza ta' dawn iż-żoni fil-fatt tagħmilha aktar diffiċli għalihom sabiex jintegraw u jipparteċipaw;

    2.5

    japprezza wkoll dawk l-inizjattivi kollha li ttieħdu mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex isostnu strutturi parteċipattivi permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji jew billi jipprovdu tagħmir, assistenza teknika, riżorsi umani, bini jew għajnuna sabiex jinbnew websajts.

    Parteċipazzjoni fis-sistema tad-demokrazija rappreżentattiva

    2.6

    iqis li dan l-għan għandu importanza fundamentali jekk iċ-ċittadinanza attiva ser titpoġġa fil-prattika: b'hekk iż-żgħażagħ ikollhom aktar piż fil-korpi lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll f'ministeri u partiti politiċi, filwaqt li jiġi żgurat li l-ġuvintur u t-tfajliet ikollhom opportunitajiet indaqs;

    2.7

    jisħaqq fuq l-importanza li l-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji l-ġodda jiġu sfruttati kemm jista' jkun sabiex l-UE toqrob aktar lejn iż-żgħażagħ. Għalhekk huwa essenzjali għall-istituzzjonijiet Ewropej li jinkoraġġixxu d-diversi miżuri innovattivi li f'dan il-kuntest jistgħu jiġu offruti mill-atturi soċjali Ewropej u, b'mod partikolari, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; f'dan il-kuntest, jikkunsidra li l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi jkun ta' benefiċċju partikolari, u b'mod speċifiku, jipproponi li l-Kummissjoni tippromovi l-organizzazzjoni ta' Forum Annwali taż-Żgħażagħ fejn iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet pubbliċi jistgħu jaqsmu l-opinjonijiet u jinkoraġġixxu inizjattivi ġodda;

    2.8

    jilqa' l-inizjattivi kollha ta' l-Istati Membri li jżommu djalogu miftuħ maż-żgħażagħ: kunsilli lokali, nazzjonali u reġjonali, parlamenti taż-żgħażagħ, kummissjonijiet speċifiċi taż-żgħażagħ, ombudsmen jew korrispondenti, u laqgħat inter-ministerjali; u jittama li dan kollu jkompli jiżviluppa;

    2.9

    jirrapporta li fl-Italja twaqqaf korp konsultattiv għal amministraturi żgħażagħ, fil-qafas ta' l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Kunsilli Lokali Taljani, li wieħed mill-kompiti tiegħu huwa li josserva, jinkoraġġixxi u jsaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fl-amministrazzjonijiet lokali;

    2.10

    jafda li l-Istati Membri kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser jintegraw b'mod sistematiku programmi ta' taħriġ għall-parteċipazzjoni demokratika fl-istituzzjonijiet, fis-sistema edukattiva uffiċjali u li jinkoraġġixxu kuntatti interattivi bejn l-edukazzjoni formali u mhux formali;

    2.11

    jenfasizza li kuntatti bejn l-iskejjel u l-awtoritajiet lokali jistgħu jkunu mezz effettiv sabiex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' l-istudenti fil-ħajja tal-komunitajiet tagħhom, u jsejjaħ lill-amministraturi lokali — speċjalment dawk żgħażagħ — sabiex iservu ta' ambaxxaturi u jorganizzaw dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet ta' interess lokali li jkunu miftuħa wkoll għaż-żgħażagħ li telqu mill-iskola;

    2.12

    huwa konvint li l-mira li l-gvern lokali jinfetaħ għaż-żgħażagħ iġġib magħha fehma reali tar-responsabbiltà fir-rigward tat-tmexxija tat-territorju proprju tiegħu u tgħin sabiex tinħoloq kuxjenza ċivika u tinkoraġġixxi l-eżerċizzju informat tad-dritt għall-vot, li s'issa interessa lil ftit wisq żagħżagħ;

    2.13

    jilqa' l-inizjattiva Finlandiża li testendi d-dritt tal-vot għall-elezzjonijiet lokali liż-żagħżagħ li għandhom 'il fuq minn 16-il sena, u l-inizjattiva Ġermaniża relatata mal-proġetti taż-żgħażagħ dwar ir-riġenerazzjoni urbana, u jilqa' s-sejħa tal-Kunsill sabiex jiġi kkunsidrat dibattitu sabiex titbaxxa l-età għad-dritt tal-vot;

    2.14

    jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-każ ta' mara żagħżugħa bħala deputat sindku fil-belt ta' Stokkolma;

    2.15

    jikkunsidra l-Karta Ewropea Riveduta dwar il-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Lokali u Reġjonali tal-Kunsill ta' l-Ewropa bħala strument siewi ħafna, u jittama li din tasal għand l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni, u li magħha jkun hemm ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib f'dan il-qasam bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kungress ta' l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali.

    Parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea

    2.16

    jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni, ikkonfermati mill-Kunsill, dwar kif għandu jintlaħaq dan il-għan;

    2.17

    bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat il-kummenti preċedenti tal-KtR (1) dwar politika sostnuta ta' dibattitu u konsultazzjoni maż-żgħażagħ u tappoġġja bis-sħiħ l-idea ta' djalogu mtejjeb dwar l-Aġenda Ewropea. Madankollu jisħaq li dan għandu jinvolvi b'mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    2.18

    jilqa' l-programm il-ġdid “Żgħażagħ f'azzjoni” u l-programmi oħra ta' edukazzjoni u taħriġ għaż-żgħażagħ, li taw l-opportunità lil ħafna żgħażagħ sabiex jiksbu esperjenza prattika ta' l-Ewropa, u jħeġġeġ għal aċċess usa' u disseminazzjoni mifruxa ta' dawn il-programmi, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ l-aktar żvantaġġjati jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiddeċentralizzaw aktar il-ġestjoni ta' dan il-programm, sabiex jiżguraw is-sussidjarjetà billi t-tmexxija tiegħu tiġi aktar f'idejn l-awtoritajiet reġjonali, u jiddispjaċih li twaqqaf il-programm Imprendituri Żgħażagħ, li għin ħafna żgħażagħ sabiex jiftħu negozju u jiksbu esperjenzji importanti;

    2.19

    jipproponi li l-awtoritajiet Ewropej lokali u reġjonali jipprovdu forum għaż-żgħażagħ mill-komunitajiet tagħhom li jaħdmu fl-istituzzjonijiet u fl-uffiċċji Ewropej jew li jipparteċipaw fi programmi Ewropej, u jiġu involuti bħala ambaxxaturi f'dibattiti dwar l-Ewropa, u b'hekk isaħħu l-metodu ta' parteċipazzjoni doppja filwaqt li jagħtu valur lix-xogħol, u lill-esperjenza edukattiva u vokazzjonali barra mill-pajjiż;

    2.20

    isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja inizjattivi ħalli jinxterdu l-politiki Ewropej dwar iż-żgħażagħ u d-dispożizzjonijiet tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ fil-livell lokali, permezz tan-netwerks ta' l-awtoritajiet lokali u billi jingħata rwol attiv lill-amministraturi żgħażagħ.

    3.   Dwar l-informazzjoni għaż-żgħażagħ

    Aċċess għall-informazzjoni miż-żgħażagħ

    3.1

    ifakkar li d-dritt għall-informazzjoni huwa l-bażi tax-xogħol għall-informazzjoni taż-żgħażagħ li sar mill-Unjoni Ewropea; bħala kosegwenza, jikkonsidrah d-dmir ta' l-Istati Membri u, f'każ ta' bżonn, ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jimplimentaw bħala parti mill-proċess edukattiv politiki li jiżguraw l-eżerċizzju effettiv ta' dan id-dritt miż-żgħażagħ, billi jiffukaw b'mod speċjali fuq il-promozzjoni taċ-ċarezza u tal-faċilità ta' l-aċċess għall-informazzjoni;

    3.2

    jilqa' bis-sħiħ il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea aċċettat il-kummenti tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-importanza tad-dimensjoni lokali u reġjonali fil-politika taż-żgħażagħ, waqt li rrikonoxxiet li l-mobilizzazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali hija kruċjali sabiex titrawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-lokalità. Jisħaq f'dan ir-rigward fuq l-importanza tad-dimensjoni lokali u reġjonali għaliex huwa f'dan il-livell li jseħħ l-ewwel kuntatt dirett mal-politika u ċ-ċittadinanza attiva ssir realtà;

    3.3

    jinnota b'sodisfazzjoni li l-websajts li jipprovdu informazzjoni liż-żgħażagħ issa jeżistu kważi fl-Istati Membri kollha, imma jħeġġeġ li tiġi mfassla strateġija effettiva ta' informazzjoni li tkopri l-oqsma differenti tal-mistoqsijiet u suġġetti li jinteressaw liż-żgħażagħ;

    3.4

    jaqbel mal-Kunsill li l-portall taż-żgħażagħ Ewropew huwa għodda utli ħafna li għandha tiġi żviluppata u mxerrda, u li l-istrumenti li jiġu pprovduti lokalment u dawk fil-livell nazzjonali jew Ewropew għandhom jiġu kkoordinati aħjar, sabiex l-informazzjoni tiġi ċċirkulata aktar malajr u b'mod aktar faċli;

    3.5

    jemmen li n-netwerks ta' assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ li jaħdmu f'livell lokali għandhom jieħdu sehem fil-proċess ta' konsultazzjoni u parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, sabiex jiġi evitat il-periklu li jipparteċipaw biss in-netwerks nazzjonali maġġuri u jsejjaħ għall-iżvilupp ta' kanali għall-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni taż-żgħażagħ li m'humiex f'xi assoċjazzjoni. Għal dan il-għan ikun milqugħ is-sehem dirett tal-muniċipalitajiet li jistgħu jiżviluppaw il-mudelli tagħhom sabiex iż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-proċess ta' konsultazzjoni u kooperazzjoni.

    Informazzjoni ta' kwalità

    3.6

    huwa informat mill-Kummissjoni li huma biss ftit l-Istati Membri li jiffukaw fuq it-taħriġ ta' dawk li jaħdmu fl-ambitu ta' l-informazzjoni għaż-żgħażagħ; isejjaħ għal aktar attenzjoni f'dan ir-rigward, bi programmi speċifiċi ta' studju;

    3.7

    iqis li l-Kummissjoni għandha titfa' aktar enfasi fuq ir-rabta bejn l-informazzjoni u l-konsulenza, sabiex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa sabiex jiksbu, jagħżlu u jwieżnu l-informazzjoni, u b'hekk isiru utenti informati. L-Istati Membri huma mħeġġa sabiex jużaw il-kanali kollha eżistenti sabiex iwasslu l-informazzjoni liż-żgħażagħ (Internet, mobiles, videos u ċinema).

    Parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-informazzjoni

    3.8

    bi pjaċir jinnota l-attenzjoni ġdida li qiegħda tingħata lill-kunsilli lokali taż-żgħażagħ, bl-involviment sistematiku taż-żgħażagħ f'korpi lokali responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet u bis-sostenn ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi l-formulazzjoni ta' kriterji preċiżi dwar l-għan tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ sabiex tappoġġja l-parteċipazzjoni fil-livell lokali u ċ-ċittadinanza attiva;

    3.9

    jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti fil-perfezzjonament ta' strateġiji ta' informazzjoni, fil-ħolqien ta' prodotti ta' informazzjoni, fit-tixrid ta' l-informazzjoni u fl-attivitajiet ta' konsulenza;

    3.10

    iqis li l-kontribuzzjonijiet ta' żgħażagħ individwali jew ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f'dan ir-rigward jirrappreżentaw riżorsa siewja li għandha tintuża' bl-aktar mod effettiv, u jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw modi ġodda ta' parteċipazzjoni.

    4.   Dwar il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni

    4.1

    huwa konxju li s-settur taż-żgħażagħ jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, u għalhekk isejjaħ għal impenn konġunt min-naħa tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    4.2

    iqis fuq kollox li l-Kummissjoni tista' tenfasizza l-kisbiet u b'mod aktar speċifiku l-aħjar prattiċi ta' l-Istati Membri.

    5.   Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Dwar il-parteċipazzjoni

    5.1

    jirrikmanda li l-Istati Membri jiggarantixxu opportunitajiet indaqs bejn iċ-ċittadini kollha, irġiel u nisa, u b'mod partikolari fost l-addoloxxenti taż-żewġ sessi u fost il-ġuvintur u t-tfajliet;

    5.2

    jafda li r-riżorsi jitqassmu b'mod ġust bejn il-proġetti ta' l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk immirati għal żgħażagħ individwali, filwaqt li ma jiġux injorati l-programmi għall-aktar gruppi żvantaġġjati;

    5.3

    jittama wkoll li l-Istati Membri jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ sabiex jieħdu sehem f'korpi lokali, reġjonali u nazzjonali, f'ministeri u partiti politiċi, u li dawn jiġu kkonsultati permezz tal-kunsilli taż-żgħażagħ u strutturi oħra ta' parteċipazzjoni;

    5.4

    jipproponi proġetti min-naħa ta' l-Istati Membri li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ sabiex jieħdu sehem fil-gvern lokali u reġjonali u fit-tmexxija tal-komunitajiet rispettivi tagħhom, kif ukoll li jkun hemm kuntatti bejn l-awtoritajiet lokali u l-iskejjel sabiex titrawwem kuxjenza ċivika u użu informat tad-dritt tal-vot;

    5.5

    isejjaħ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex jinkludu liż-żgħażagħ fid-dibattiti dwar il-futur ta' l-Ewropa, sabiex isaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea, billi jagħtu sehem attiv lil dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet jew fl-uffiċċji Ewropej jew li huma involuti fil-programmi Ewropej.

    Dwar l-informazzjoni

    5.6

    iqis essenzjali li l-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għall-informazzjoni permezz ta' strateġiji speċifiċi li jirriflettu l-bżonnijiet taż-żgħażagħ filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-aktar gruppi vulnerabbli, u fl-istess ħin jiġi pprovdut it-taħriġ neċessarju lil dawk kollha li huma involuti fl-edukazzjoni u t-trawwim taż-żgħażagħ;

    5.7

    itenni li l-ħolqien ta' Ewropa taċ-ċittadini u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà huma prijorità ewlenija tal-Kumitat, u jixtieq jagħti kontribut billi jikkommetti ruħu li jorganizza djalogi strutturati u sistematiċi, laqgħat mar-rappreżentanti ta' l-assoċjazzjonijiet u l-kunsilli lokali u reġjonali taż-żgħażagħ, filwaqt li jippjana li jwaqqaf grupp ta' ħidma sabiex josserva u jippromovi l-impenji reali ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali u jivverifika l-aħjar prattiċi lokali u reġjonali bl-għajnuna ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali rilevanti; jimmira li jkun strumentali sabiex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom;

    5.8

    jikkommetti ruħu li jferrex b'mod usa' l-informazzjoni dwar temi Ewropej sabiex jiġu żviluppati d-dibattiti fil-livell lokali u reġjonali, u dwar avvenimenti Ewropej organizzati għaż-żgħażagħ, sabiex ikabbar il-parteċipazzjoni bl-aktar mod wiesa';

    5.9

    sabiex jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea, isejjaħ lill-Kummissjoni ħalli tipprovdi kampanja ta' informazzjoni ad hoc sabiex twassal il-programmi kollha Ewropej taż-żgħażagħ.

    Dwar il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni

    5.10

    japprezza l-intenzjoni ddikjarata mill-Kunsill li jadotta u jtejjeb il-linji ta' azzjoni u li jħaddem il-miżuri li ġew indikati fir-Riżoluzzjoni riċenti, u għalhekk jitlob li jiġu kkunsidrati l-kummenti u l-proposti magħmula f'din l-opinjoni;

    5.11

    iħeġġeġ lill-Istati Membri, sabiex ikomplu jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-politiki proprji tagħhom dwar iż-żgħażagħ, bħala parti mir-rapporti ta' rutina li diġa jeżistu, u b'hekk jagħtu l-kontribut tagħhom fil-kuntest ta' l-OMC u jippermettu li l-aħjar prattika tiġi identifikata b'mod preċiż u ddisseminata;

    5.12

    jaqbel li l-linji ta' azzjoni li l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni li jiffukaw fuqhom fil-qasam tal-parteċipazzjoni u l-informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti sa mhux aktar tard minn Marzu 2007, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati pjanijiet ta' azzjoni rilevanti u b'mod partikolari sabiex l-aħjar prattiċi jitferrxu b'mod usa';

    5.13

    jitlob lill-Kummissjoni li tidentifika l-aħjar mezzi sabiex tiżgura analiżi effettiva tal-progress milħuq mill-Istati Membri permezz ta' metodi effikaċi ta' statistika u ta' riċerka kwalitattiva;

    5.14

    jipproponi li jitwaqqaf grupp ta' ħidma responsabbli li jiddefenixxi l-istrumenti li ser jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri sabiex isaħħu l-għanijiet komuni u jsejjaħ lir-rappreżentanti ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ikunu involuti permezz tal-Kumitat;

    5.15

    jerġa' jisħaq li l-għanijiet komuni fir-rigward taż-żgħażagħ jintlaħqu l-aħjar billi ż-żgħażagħ jiġu provduti kondizzjonijiet ta' għajxien aħjar. Jittama li l-Kummissjoni toħloq pjan ta' azzjoni taħt il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ li jkun jista' jiggwida u jappoġġja aħjar l-inizjattivi ta' l-Istati Membri individwali, jipprovdi fondi għal dan l-iskop u possibbilment ikun marbut ma' azzjonijiet innovattivi u skambju dwar l-aħjar prattiċi;

    5.16

    isejjaħ lill-Istati Membri sabiex jallokaw biżżejjed fondi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw l-għanijiet komuni;

    5.17

    jittama li fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni ta' l-inċertezza fl-impjiegi fost iż-żgħażagħ tiġi indirizzata mill-Istati Membri, sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet taż-żgħażagħ, anke fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-Karta Ħadra (Green Paper) l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-liġi tax-xogħol.

    Ruma, 23 ta' Marzu 2007

    Il-President

    tal- Kumitat tar-Reġjuni

    Michel DELEBARRE


    (1)  CdR 253/2005 fin.


    Top