Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006IP0568

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007 (2006/2252(INI))

ĠU C 317E, 23.12.2006, p. 480–485 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

52006IP0568

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007 (2006/2252(INI))

Official Journal 317 E , 23/12/2006 P. 0480 - 0485


20061223

P6_TA(2006)0568

Strateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006–2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006–2007 (2006/2252(INI))

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006–2007 (COM(2006)0649),

- Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas- 27 ta' Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija għall-adeżjoni [1],

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Copenhagen tal- 21 u t- 22 ta' Ġunju 1993 u tal-Kunsill Ewropew ta' Madrid tal- 15- 16 ta' Diċembru 1995, tal-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu tat- 12- 13 ta' Diċembru 1997, tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad- 19- 20 ta' Ġunju 2003 u tal-Kunsilli ta' Brussell tas- 16- 17 ta' Diċembru 2004, tas- 16- 17 ta' Ġunju 2005 u tal- 15- 16 ta' Ġunju 2006,

- Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas- 16 ta' Marzu 2006 dwar il-karta dwar l-istrateġija għat-tkabbir [2],

- Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad- 19 ta' Jannar 2006 dwar il-perjodu ta' riflessjoni: l-istruttura, is-suġġetti u l-kuntest għall-evalwazzjoni tad-dibattitu dwar l-Unjoni Ewropea [3],

- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0436/2006),

A. l-Unjoni Ewropea hija proġett politiku bbażat fuq valuri u objettivi komuni,

B. l-UE evolviet f'unjoni politika ta' demokraziji li għandha impenn lejn standards demokratiċi u lejn l-iżvilupp ta' kultura ħajja tad-demokrazija,

C. l-inċentiva offruta mill-prospett ta' l-isħubija ma' l-UE bla dubju kkontribwixxa għall-promozzjoni ta' riformi, il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, it-tisħiħ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u ż-żieda fl-istabilità fil-pajjiżi ġirien,

D. il-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad- 19- 20 ta' Ġunju 2003 tenna mill-ġdid l-impenn għal implimentazzjoni sħiħa ta' l-aġenda ta' Thessaloniki, u l-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal- 15 u s- 16 ta' Ġunju 2006 tenna mill-ġdid l-intenzjoni li jonora l-impenji attwali mwettqa għall-pajjiżi tax-Xlokk ta' l-Ewropa (it-Turkija u l-Kroazja, pajjiżi li magħhom qed jitwettqu negozjati ta' sħubija, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja/FYROM, bħala pajjiż kandidat, u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, bħala kandidati potenzjali) fir-rigward tat-tkabbir, waqt li jenfasizza l-ħtieġa li jiżgura li l-Unjoni "hija f'pożizzjoni li tiffunzjona f'sens politiku, finanzjarju u istituzzjonali waqt it-tkabbir",

E. l-UE għandha tipproċedi mill-bażi ta' l-impenn irriversibbli tagħha għad-demokrazija u mill-fehma irriversibbli tagħha li d-demokrazija taħdem biss jekk id-demos – iċ-ċittadini ta' l-Ewropa – jirrikonoxxu u jappoġġaw it-tkabbir ta' l-UE permezz ta' l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tagħhom,

F. il-Parlament Ewropew, flimkien mal-parlamenti nazzjonali, u bl-appoġġ ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-korpi tas-soċjetà ċivili, jista' jikkontribwixxi għat-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni tal-proċess tat-tkabbir, u b'hekk iżid il-kunsens pubbliku dwar din il-kwistjoni,

G. it-tkabbir għandu - kif stabbilit fit-Trattat - jikkontribwixxi għall-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u għall-kisba ta' unjoni aktar mill-qrib fost il-popli ta' l-Ewropa, iżda ma jipperikolax il-karatteristika politika ta' dan il-proġett; it-tkabbir għandu jippromwovi l-paċi, is-sigurtà, l-istabilità, id-demokrazija u l-prosperità fl-Ewropa,

H. għal dik ir-raġuni, trid titqies il-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-Unjoni meta jiġi kkunsidrat il-futur ta' l-Ewropa,

I. l-istqarrija maħruġa fill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen tal- 20- 22 ta' Ġunju 1993 semmiet bħala kunsiderazzjoni importanti "il-kapaċità ta' l-Unjoni li tassorbi membri ġodda, filwaqt li żżomm il-momentum ta' l-integrazzjoni Ewropea",

J. l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet ta' l-UE għandhom jindirizzaw b'kuraġġ il-fatturi istituzzjonali, finanzjarji u politiċi li jsejsu l-kapaċità ta' l-Unjoni li tintegra Stati Membri ġodda,

K. dan jippresupponi analiżi bir-reqqa ta' l-implikazzjonijiet li tista' ġġib magħha sħubija akbar għall-politiki ta' koeżjoni ta' l-Unjoni, u għall-finanzi tagħha,

L. il-kapaċità ta' integrazzjoni hija kunċett evoluzzjonarju li jrid jiġi valutat b'mod regulari fid-dawl ta' ċirkustanzi ġodda,

M. il-kapaċità ta' integrazzjoni hija msejsa fuq kriterji oġġettivi u tindirizza problemi reali, u għalhekk m'għandhiex titħallat mal-perċezzjoni pubblika ta' l-impatt ta' tkabbir ulterjuri,

N. il-kapaċità ta' l-integrazzjoni mhix kriterju ġdid applikabbli għall-pajjiżi kandidati, iżda hija pre-rekwiżit għas-suċċess tat-tkabbir u l-approfondiment tal-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea; ir-responsibilità li ttejjeb il-kapaċità tagħha ta'integrazzjoni hija ta' l-Unjoni u mhux tal-pajjiżi kandidati,

O. il-pajjiżi ta' l-adeżjoni u dawk kandidati għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta'l-adeżjoni stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen (il-kriterji ta-Kopenħagen) u ma' l-obbligi l-oħra kollha li jirriżultaw mit-Trattati u mill-ftehimiet bilaterali,

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li t-tkabbir tal-passat kien suċċess, li saħħaħ l-Unjoni Ewropea billi saħħaħ it-tkabbir ekonomiku, saħħaħ l-irwol ta' l-UE fid-dinja u ppromwova l-iżvilupp ta' politiki ġodda ta' l-UE, u ppromwova d-demokrazija, il-paċi u l-prosperità fl-Ewropa; jenfasizza li t-tkabbir f'sens ġenerali huwa fost l-aktar strumenti effettivi tal-politika barranija u tal-politiki ta' prevenzjoni ta' konflitt ta' l-UE; ifakkar li dan is-suċċess ġej mill-appoġġ wiesa' għat-tkabbir fil-passat bħala twettiq tal-missjoni ta' integrazzjoni Ewropea tal-bidu li tgħaqqad mill-ġdid il-kontinent Ewropew wara l-qasmiet politiċi tas-seklu għoxrin;

2. Jinnota, madankollu, li mill-esperjenzi tal-passat jistgħu jittieħdu xi tagħlimiet, b'mod partikulari dwar il-bżonn li kull pajjiż kandidat jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess u li l-adeżjoni tiegħu tkun negozjata skond skeda bbażata fuq konformita' effettiva mal-kriterji il-kriterji ta' Kopenħagen, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi evitat li tiġi ffissata data kmieni żżejjed għall-adeżjoni finali;

3. Jemmen li dawn it-tagħlimiet għandhom jintużaw sabiex jittejbu l-kwalità u t-trasparenza tal-proċess tat-tkabbir;

4. Huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tonora l-impenji tagħha lejn il-pajjiżi li diġa għandhom prospetti ta' sħubija, sakemm dawn il-pajjiżi jikkonformaw rwieħhom mal-kriterji ta' Kopenħagen għas-sħubija ma' l-UE u jwettqu l-obbligi li joħorġu minn dawn il-kriterji; jenfasizza li s-sodisfazzjon ta' dawn l-impenji huwa inċentiv qawwi għal dawk il-pajjiżi sabiex ikomplu bir-riformi;

5. Jaqbel li l-konsolidazzjoni, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni huma l-priċipji gwida ta' l-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir; huwa tal-fehma li kwalunkwe impenn ulterjuri għat-tkabbir jirrikjed aktar skrutinju, b'aktar reqqa minn qatt qabel, tal-kwistjoni tal-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-Unjoni, kemm jekk mil-lat istituzzjonali, finanzjarju jew dak politiku;

6. Għaldaqstant jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi analiżi profonda biżżejjed tal-kwistjonijiet li jridu jiġu solvuti qabel ma l-Unjoni tkun tista' tagħmel aktar tkabbir;

7. Iqis li "R-Rapport Speċjali dwar il-Kapaċita' ta' l-UE illi tintegra membri ġodda' li jinstab fl-Anness I tal-Kommunikazzjoni, mhux tweġiba sodisfaċenti għat-talba tal-Parlament, fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tas- 16 ta' Marzu 2006, għal 'rapport li jistipula l-prinċipji li jirfdu lil dan il-kunċett".

8. Huwa tal-fehma li l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-Unjoni hija msejsa b'mod ewlieni fuq tliet pilastri, li huma l-istituzzjonijiet tagħha u l-leġittimità tagħhom u l-kapaċita' tagħhom li jaġixxu u li jieħdu deċiżjoni b'mod demokratiku u effiċjenti f'ċirkostanzi ġodda, ir-riżorsi finanzjarji tagħha u l-kontribut globali tagħhom għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, u l-kapaċita' ta' Unjoni akbar li ssegwi l-għanijiet politiċi tagħha;

9. Ifakkar li r-responsabilità għat-titjib fil-kapaċità ta' l-Unjoni għat-tkabbir hija ta' l-istess l-Unjoni, u mhux tal-pajjiżi kandidati;

10. Jemmen li l-UE tista' biss tistenna attitudni pożittiva dwar it-tkabbir mingħand iċ-ċittadini jekk dawn jaraw Ewropa li twettaq riżultati; jenfasizza, għaldaqstant, li l-kapaċità ta' integrazzjoni ma tistax titqies b'mod separat mill-kapaċita' ta' l-UE li taġixxi; iqis li t-tkabbir għandu jkun parti mill-Aġenda taċ-Ċittadini ta' l-Unjoni u għandu jkun komunikat bħala tali;

11. Iqis li l-funzjonament xieraq ta' l-Unjoni jiddependi fuq il-fedeltà bla kundizzjonijiet tal-Membri kollha tagħha mal-valuri universali li fuqhom hija msejsa l-UE bħala proġett politiku: id-drittijiet inaljenabbli u invjolabbli tal-persuna umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt li jagħmlu l-identità Ewropea;

12. Jemmen li kwalunkwe nuqqas li jiġi żgurat li l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE tkun taqbel ma' l-aġenda tagħha ta' tkabbir, idgħajjef l-Unjoni internament u esternament u jonqsu l-benefiċċji taż-żieda fis-sħubija akbar għall-membri kollha tagħha, u li dan l-effett ma jkun kumpensat permezz ta' daqs estern akbar;

13. Jikkritika lill-Kummissjoni għal mod superfiċjali li bih tittratta l-aspetti istituzzjonali, u f'dan ir-rigward jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tat- 13 ta' Diċembru 2006 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-kapaċita' ta' l-UE li tintegra Stati Membri ġodda [4];

14. Ifakkar it-termini tar-riżoluzzjoni msemmijha hawn fuq tad- 19 ta' Jannar 2006 u jafferma mill-ġdid li, wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, it-Trattat ta' Nizza mhux ser jipprovdi bażi adegwata għal tkabbir ulterjuri;

15. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kapijiet ta' Stati u Gvernijiet sabiex jikkonkludu l-proċess kostituzzjonali sat-tmiem ta' l-2008, kif intqal fil-Kunsill Ewropew ta' ġunju 2006, sabiex jagħti lok lill-Unjoni li taħdem b'mod aktar effettiv, aktar trasparenti u aktar demokratiku, li huwa pre-rekwiżit għal tkabbir ulterjuri;

16. Ifakkar lill-Kapijiet ta' Stati u l-Gvernijiet dwar id-dmir tagħhom li jtemmu dan il-proċess qabel l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, sabiex jevitaw dewmien fin-negozjati ta' adeżjoni attwali;

17. Jenfasizza li r-riforma istituzzjonali ta' l-Unjoni hija bżonn fih innifsu, indipendentement minn tkabbir ieħor, u għandha tiġi segwita b'mod rigoruż u malajr;

18. Jikkonferma li n-negozjati ta' adożjoni ser jimxu 'l quddiem skond il-merti u l-kisbiet ta' kull msieħeb fin-negozjati;

19. Jilqa' b'sodisfazzjon u jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kwalità tal-proċess ta' l-adeżjoni billi tagħmlu aktar trasparenti u bbażat fuq benchmarks, u billi b'mod sistematiku tagħmel valutazzjoni ta' l-impatt dwar oqsma ewlenin tal-politika fl-istadji kruċjali tal-proċess;

20. Huwa tal-fehma li r-reviżjoni maħsuba tal-baġit ta' l-Unjoni fl-2008/2009 għandha tqis l-integrazzjoni ġejjiena tal-pajjiżi li kandidati u pre-kandidati;

21. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma ħaditx ħsieb bir-reqqa ta' l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' tkabbir ulterjuri, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi estimi ċari u kredibbli ta' l- baġitarju qabel ma ssir kwalunkwe adeżjoni ulterjuri;

22. Itenni li d-dibattitu jinkludi kwistjonijiet diffiċli li jista' jkollhom implikazzjonijiet għall-politiki komuni ta' l-Unjoni, inklużi l-politiki ta' koeżjoni tagħha;

23. Hu tal-fehma li l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' tkabbir ieħor, li l-komplessità tiegħu ġiet rikonoxxuta b'mod impliċitu impliċitament mill-Kapijiet ta' Stati u Gvernijiet meta huma naqsu li jikkunsidrawh fil-Qafas Finanzjarju 2007-2013, iridu jiġu indirizzat b'urġenza; jistieden lill-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u lill-Kunsill ta' l-ECOFIN sabiex jagħmlu dibattitu konġunt dwar din il-kwistjoni;

24. Jenfasizza li l-konformità mal-kriterji politiċi stipulati fil-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen, inklużi dawk tal-qasam ta' l-istat tad-dritt, għandha tingħata prijorità akbar milli ngħatat s'issa fin-negozjati għall-adeżjoni, u li għandha tiġi stabbilita rabta diretta bejn dawk il-kriterji u l-ftuħ kif ukoll mal-pass ġenerali tan-negozjati;

25. F'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni fil-qafas ta' negozjati attwali ta' kapitolu dwar Drittijiet Ġudizzjali u Fundamentali li jkopri l-kwistjonijiet politiċi, li se jagħti lok lill-istituzzjonijiet ta' l-UE li jagħmlu skrutinju mill-qrib tal-progress fl-oqsma kruċjali;

26. Huwa ta' l-opinjoni li fit-tkabbir preċedenti il-progress fl-oqsma tal-ġustizzja, il-korruzzjoni u d-drittijiet fundamentali ma ngħatax biżżejjed attenzjoni fil-fażijiet bikrija tan-negozjati; iwiegħed li se jkollu rwol ħafna aktar attiv fl-immonitorjar tal-proċess ta' adeżjoni, b'enfasi partikulari fuq l-aspetti politiċi tiegħu, u jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel l-istess u sabiex jagħmel rakkomandazzjonijiet ċari u raġunati kif jixraq lill-pajjiżi kandidati, aktar milli sempliċement jieħu nota tal-progress tekniku tan-negozjati;

27. Ifakkar fil-prospetti ċari ta' sħubija Ewropea li l-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad- 19 u l- 20 ta' Ġunju 2003 offra lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jibqa' impenjat b'mod sħiħ għal dawn il-prospetti li jridu jinżammu biex jikkonsolidaw l-istabilità u l-paċi fir-reġjun; ifakkar lil dawk il-pajjiżi li huma se jiġu valutati wieħed wieħed fuq il-bażi tal-merti tagħhom, u li dan se jiddetermina l-pass ta' l-integrazzjoni tagħhom fl-UE;

28. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta' Novembru 2006 sabiex jiġu adottati l-mandati ta' negozjati għall-faċilitazzjoni tal-visa u ftehimiet ta' rijamissjoni mal-pajjiżi Balkani tal-Punent, bħala l-ewwel pass fil-promozzjoni ta' kuntatti interpersonali bejn dawk il-pajjiżi u l-UE, iżda jenfasizza li l-objettiv huwa vjaġġar mingħajr viża;

29. Jilqa' b'sodisfazzjoni il-progress kontinwu tal-Kroazja, pajjiż kandidat, lejn l-integrazzjoni ta' l-UE, u jitlob lin-negozjaturi taż-żewġ naħat sabieħ iżommu l-momentum li ntlaħaq f'dawn in-negozjati, bil-għan li l-istess negozjati jintemmu kmieni;

30. Jinnota r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Progress tat-Turkija 2006, li filwaqt li jgħid li r-riformi politiċi fit-Turkija komplew, isemmi li r-ritmu tagħhom naqas u jikkonferma n-nuqqasijiet fil-proċess ta' riforma li kienu diġà ġew msemmija fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas- 27 ta' Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni; jinsisti li dan jinkludi wkoll ir-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa mit-Turkija tal-Protokoll Anċillari li jestendi l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni KE–Turkija għall-għaxar Stati Membri ġodda, iffirmat mit-Turkija f'Lulju 2005, b'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' l-UE tal- 21 ta' Settembru 2005;

31. Jenfasizza li r-rifjut tat-Turkija biex tikkonforma b'mod sħiħ mal-punti tal-Protokoll Addizzjonali qed jipperikola b'mod serju l-progress xieraq tan-negozjati ta' sħubija; jinnota li d-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jinfetħux in-negozjati dwar tmien kapitoli importanti li jkopru oqsma ta' politiki relevanti għar-restrizzjonijiet li poġġiet it-Turkija fir-rigward tar-Repubblika ta' Ċipru u li ma jingħalaq l-ebda kapitolu provviżorjament hija konsegwenza li ma tistax tkun evitata tal-pożizzjoni tat-Turkija dwar din il-kwistjoni; iħeġġeġ lit-Turkija biex tikkopera b'mod kostruttiv biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Protokoll Addizzjonali malajr kemm jista' jkun; jilqa' f'dan ir-rigward l-istedina lill-Kummissjoni li tissottometti rapporti annwali fuq il-progress magħmul fl-indirizzar ta' kwistjonijiet koperti mid-dikjarazzjoni tal-UE tal- 21 ta' Settembru 2005;

32. Jiddispjaċih b'mod sinċier il-fatt li l-isforzi tal-Presidenza Finlandiża li ssib soluzzjoni għal waqfien attwali rigward l-implimentazzjoni sħiħa tal-Protokoll Addizzjonali minn naħa u li jittaffa l-iżolament tal-komunità Ċiprijotta-Torka tal-gżira minn naħa l-oħra ma kellhomx suċċess; jistieden lill-Presidenza Ġermaniża biex tkompli dawn l-isforzi b'determinazzjoni; "f'koperazzjoi mill-qrib ma' inizjattivi tan-NU";

33. Huwa ta' l-opinjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tkun ippreparata biex tadotta skeda biex tiżgura li l-għanijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jinkisbu fi żmien raġjonevoli;

34. Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jagħmel impenni ġodda biss fuq il-bażi ta' valutazzjoni profonda tal-konsegwenzi istituzzjonali, finanzjarji, politiċi u soċjo-ekonomiċi tagħhom; Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi evalwazzjonijiet komprensivi ta' impatt, kull meta tqis applikazzjonijiet ġodda għas-sħubija u meta tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-ftuħ u għall-għeluq ta' negozjati;

35. Ifakkar li, waqt in-negozjati tas-sħubija, meta l-Kunsill, bil-proċedura ta' unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni, jistabbilixxi benchmarks għall-ftuħ u l-għeluq proviżorju ta' kull kapitolu, l-Istati Membri għandhom jipproċedu b'mod imparzjali fir-rigward tal-pajjiżi kollha għas-sħubija;

36. Jemmen li d-dritt tal-kunsens li għandu l-Parlament għandu japplika mhux biss wara l-konklużjoni tal-proċess tan-negozjati, iżda wkoll qabel il-ftuħ ta' negozjati għas-sħubija;

37. Jinnota li waqt li l-UE qed tkompli tagħmel, u tiftaħ, negozjati għal tkabbir mal-pajjiżi tal-Balkani, l-iffaċċjar tal-korruzzjoni endemika u tan-netwerks reġjonali tal-kriminalità organizzata ser jkun fattur dejjem aktar importanti fit-triq ta' l-adeżjoni; Jirrakkomanda bis-sħiħ, għaldaqstant, li l-istrument finanzjarji attwali tat-tkabbir jiġu msaħħa u ffokati mill-ġdid sabiex bħala prijorità ewlenija, jimmiraw fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, b'enfasi partikulari fuq ir-riforma tal-ġudikaturi, it-tisħiħ tal-kapaċita' fl-amministrazzjoni pubblika u t-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali;

38. Ifakkar lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri li hija r-responsabbiltà tagħhom li jinfurmaw lill-pubbliku b'mod xieraq dwar il-benefiċċji tat-tkabbir tal-passat u dwar ir-riskji li jinvolvi tkabbir ieħor, u li huma għandhom jagħtu lill-pubbliku r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet li jieħdu, b'mod unanimu, matul il-proċess kollu ta' l-adeżjoni;

39. Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem flimkien ma' l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali sabiex tikkomunika l-aġenda tat-tkabbir lill-pubbliku b'mod aktar effettiv, biex b'hekk tittejjeb it-trasparenza tal-proċess;

40. Jilqa' b'sodisfazzjoni ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar rapporti ta' stħarriġ, benchmarks għall-ftuħ ta' kapitoli ta' negozjati u li l-pożizzjoni komuni finali ta' l-UE ssir pubblika;

41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi definizzjoni aktar preċiża ta' "Politika msaħħa tal-Viċinat" u biex tispeċifika fid-dettal dak li tinvolvi relazzjoni ta' dan it-tip;

42. Itenni t-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jippreżentaw, għall-pajjiżi Ewropej kollha li bħalissa m'għandhomx prospetti ta' sħubija, proposti għal relazzjoni bilaterali jew multilaterali mill-qrib ma' l-UE, li taqbel mal-ħtiġijiet u ma' l-interessi speċifiċi tagħhom; jenfasizza li huwa f'idejn il-pajjiżi kollha bi prospetti rikonoxxuti ta' sħubija sabiex jiddeċiedu jekk iridux jissieħbu jew le f'dan il-qafas multilaterali bħala pass intermedju lejn sħubija sħiħa;

43. F'dan il-kuntest, ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqisu li bħala parti mill-Istrateġija ta' Viċinat Imsaħħaħ, u b'addizzjoni għall-istrateġiji rigward relazzjonijiet ma' pajjiżi oħrajn, politika reġjonali ġenerali ta' l-UE fiz-zona wiesgħa tal-Baħar l-Iswed, biex jibnu relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bilaterali jew multilaterali aktar b'saħħithom bejn l-UE u l-pajjiżi kollha ta' din iz-zona, b'mod partikulari fir-rigward tal-kummerċ ħieles, bħal fil-każ tal-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali, l-investiment, is-sigurtà ta' l-energija u l-politika tal-migrazzjoni;

44. Huwa tal-fehma li l-għażliet imsemmija hawn fuq, li jinkludu firxa wiesgħa ta' possibilitajiet operattivi, għandhom ikunu għażla reali u attraenti li, mingħajr ma teskludi s-sħubija sħiħa, tkun qed tagħti lill-pajjiżi msieħba perspettiva stabbli u għall-futur imbiegħed ta' relazzjonijiet istituzzjonalizzati ma' l-UE, u tipprovdi l-inċentiv neċessarju sabiex jiġu kkoltivati r-riformi interni meħtieġa fil-pajjiżi konċernati;

45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill f'dan il-kuntest biex jikkunsidraw li jaġġustaw l-għajnuna tal-Komunità fid-dawl tal-progress miksub mill-pajjiżi benefiċjarji fit-twettiq tar-riformi meħtieġa għall-integrazzjoni Ewropea tagħhom;

46. Jenfasizza li filwaqt li r-Russja mhix kandidat għal sħubija fl-UE u lanqas m'hi parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, ir-relazzjonijiet ma' l-akbar ġara ta' l-UE xorta jibqgħu vitali fil-kuntest ta' kwalunkwe strateġija ġejjiena ta' l-UE għat-tkabbir; iħeġġeġ li f'dan il-kuntest, l-UE għandha tkompli tipprova tiżviluppa sħubija unika u b'firxa wiesgħa mar-Russja, li tinkludi l-kummerċ u l-enerġija, iżda fuq kollox, kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokratizzazzjoni;

47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u parlamenti ta'l-Istati Membri, stati li qed jaderixxu u stati kandidati.

[1] Testi Adottati, P6_TA(2006)0381.

[2] Testi Adottati, P6_TA(2006)0096.

[3] ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 306.

[4] P6_TA(2006)0569.

--------------------------------------------------

Top