Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006IP0350

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha

    ĠU C 305E, 14.12.2006, p. 244–245 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    52006IP0350

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha

    Official Journal 305 E , 14/12/2006 P. 0244 - 0245


    P6_TA(2006)0350

    L-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha

    Il-Parlament Ewropew

    - wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ta' l- 14 ta' Novembru 2001,

    - wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l- 4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tad-Doha Round wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong [1],

    - wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit- 18 ta' Diċembru 2005 [2],

    - wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi d-Doha Round tnieda fl-2001 bil-għan li jirranġa l-iżbilanċi eżistenti fis-sistema ta' kummerċ multilaterali, li ħareġ mit-twemmin komuni illi sistema multilaterali biss, ibbażata fuq kummerċ ħieles u ġust, regoli ġusti u ekwi, setgħet tistimula żvilupp ġenwin u tpoġġi l-ħtiġijiet u l-interessi tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fil-qalba tal-programm ta' Ħidma ta' Doha;

    B. billi jekk ma jiġix konkluż id-Doha Round il-kredibilità tas-sistema ta' kummerċ multilaterali tiġi sfidata u jirriżulta ċaqliq lejn ftehimiet ta' kummerċ bilaterali u reġjonali, li ta' spiss jaċċentwaw żbilanċi bejn id-dinja żviluppata u d-dinja li għadha qed tiżviluppa;

    C. billi l-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) ibatu l-iktar mis-sospensjoni tar-Round peress li r-ribilanċjament tar-regoli tal-kummerċ li ilhom mistennija, li jpoġġu l-kummerċ għas-servizz ta' l-iżvilupp sostenibbli u jirrispettaw is-sistema iktar wiesgħa ta' gvernar globali, ma jistax jintlaħaq barra l-qafas multilaterali;

    D. billi t-tiġbid ta' l-atmosfera kurrenti ta' inċertezza dwar il-futur tal-multilateraliżmu u tad-WTO innifisha żżid l-inċertezza ekonomika u politika globali u ġġib magħha konsegwenzi ekonomiċi, finanzjarji u soċjali;

    E. billi l-istruttura kurrenti tad-WTO teħtieġ li tiġi riformata biex tiffaċilita negozjati u żżid ir-responsabbiltà u t-trasparenza,

    1. Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur l-approċċ multilaterali għall-politika kummerċjali u l-irwol li d-WTO għandu jkollha bħala l-entità li tagħti garanzija ta' kummerċ internazzjonali bbażat fuq ir-regoli; għalhekk, jesprimi dispjaċir għas-sospensjoni sine die tan-negozjati tad-Doha Round f'Lulju 2006 u jinsab iddispjaċut b'mod speċjali illi flessibiltà insuffiċjenti minn uħud mill-parteċipanti ewlenin wasslet għat-twaqqif;

    2. Hu mħasseb illi jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar id-DDA jista' jkun hemm riskju ta' kollass ta' din issistema kummerċjali multilaterali preżenti; jenfasizza li ċaqliq lejn ftehim bilaterali/reġjonali jwassal għal negozjati żbilanċjati u inqas trasparenti, li ħafna drabi jpoġġu lill-ifqar pajjiżi f'pożizzjoni ta' żvantaġġ;

    3. Jenfasizza li l-konsegwenzi f'perjodu qasir jew medju ta' din is-sospensjoni jaffetwaw l-iktar lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u lil pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), speċjalment jekk l-impenji favur l-iżvilupp meħuda f'Hong Kong ma jibqgħux rispettati aktar;

    4. Hu mħasseb illi s-sospensjoni tan-negozjati multilaterali jistgħu jirriżultaw fi tkabbir ta' tilwim kummerċjali, li permezz tiegħu Membri tad-WTO jippruvaw jieħdu permezz tal-litigazzjonijiet dak li ma setax jinkiseb bin-negozjati;

    5. Iħeġġeġ impenn qawwi mill-parteċipanti ewlenin kollha, inklużi l-UE, l-Istati Uniti u l-G-20 biex jaslu fi ftehim bilanċjat fuq kull wieħed mis-suġġetti ewlenin tan-negozjati tar-Round, ipoġġu l-iżvilupp fil-qalba tal-konklużjonijiet u jevalwaw iktar ir-riżultat biex jassiguraw li d-DDA eventwalment tirriżulta fi tkabbir ekonomiku sostenibbli u li jagħmel sens b'mod partikolari għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; jenfasizza illi, sabiex jiġi implimentat bi sħiħ il-mandat ta' Doha, is-suċċessi posittivi tan-negozjati għandhom jiġu preservati u l-offerti magħmula sa issa dwar diversi elementi ta' l-aġenda ta' negozjar għandhom jiffurmaw il-bażi tan-negozjati;

    6. Jikkunsidra li l-pajjiżi żviluppati għandhom ikomplu joħolqu kundizzjonijiet kummerċjali iktar favorevoli għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u LDCs, indipendentament mir-riżultat finali tar-round; jistieden lill-pajjiżi żviluppati u lil dawk fi stadju ta' żvilupp avvanzat biex isegwu l-inizjattiva ta' l-UE "Kollox barra Armi", li tiggarantixxi 100 % ta' aċċess għas-suq ħieles minn dazji u kwoti għall-LDCs;

    7. Jenfasizza l-ħtieġa ta' riformi istituzzjonali sabiex jittejjeb il-fonzjonament tad-WTO u jtenni l-importanza li tiżdied ir-responsabbiltà u l-leġittimità demokratika tan-negozjati u l-organizzazzjoni tad-WTO; huwa konvint li l-proċess multilaterali, ibbażat fuq approċċ axxendenti u trasparenti għandu jkun fil-qalba tan-negozjati; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa ta' proċess inklussiv li jinvolvi lill-membri kollha;

    8. Hu konvint li għandna nużaw is-sospensjoni tan-negozjati bħala sejħa biex tirrifletti fuq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitjiebu n-negozjati tal-kummerċ fil-futur;

    9. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabilixxu ftehima biex jassiguraw il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew fin-negozjati internazzjonali kummerċjali ta' l-Unjoni Ewropea;

    10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.

    [1] Testi Adottati, P6_TA(2006)0123.

    [2] Numru tad-dokument 05-6248, simbolu tad-dokument WT/MIN(05)/DEC).

    --------------------------------------------------

    Top