Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006IP0346

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (2005/2161(INI))

    ĠU C 305E, 14.12.2006, p. 219–232 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    52006IP0346

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (2005/2161(INI))

    Official Journal 305 E , 14/12/2006 P. 0219 - 0232


    P6_TA(2006)0346

    Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (2005/2161(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    - wara li kkunsidra t-30 anniversarju, fl-2005, mit-twaqqif ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-UE u ċĊina,

    - wara li kkunsidra l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina li tnediet fl-2003,

    - wara li kkunsidra l-qafas legali prinċipali għal relazzjonijiet maċ-Ċina, jiġifieri l-Ftehima dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni Ekonomika bejn il-KE u ċ-Ċina, iffirmata f'Mejju 1985, li tkopri r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u l-programm ta' koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina [1],

    - wara li kkunsidra d-dokument ta' politika mill-Kummissjoni, intitolat "Sħubija li qed timmatura: interessi u sfidi komuni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina" (COM(2003)0533, approvat mill-Kunsill Ewropew fit- 13 ta' Ottubru 2003,

    - wara li kkunsidra l-ewwel dokument ta' politika li qatt ħarġet iċ-Ċina dwar l-UE, maħruġ fit- 13 ta' Ottubru 2003,

    - wara li kkunsidra d-djalogu politiku bejn l-UE u ċ-Ċina li twaqqaf b'mod formali fl-1994 bħala għarfien ta' l-istatus taċ-Ċina bħala poter emerġenti fix-xena internazzjonali,

    - wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li nbeda f'Jannar 1996, li ġie interrott u nbeda mill-ġdid fl-1997, iż-żjara tat-Trojka f'Xinjiang f'Ottubru 2005, li saret fil-qafas tad- Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, u s-Seminar ta' Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Londra f'Diċembru 2005, bil-Parlament Ewropew bħala osservatur,

    - wara li kkunsidra d-Djalogi Settorjali li għadhom sejrin bejn iċ-Ċina u l-Kummissjoni, bħad-djalogu li nbeda dan l-aħħar dwar l-impjieg u d-djalogu dwar id-drittijiet għal proprjetà intelletwali (IPR),

    - wara li kkunsidra l-Ftehima dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn il-KE u ċ-Ċina li daħlet fis-seħħ fl-2000 u ġġeddet fl-2004 [2],

    - wara li kkunsidra l-ftehima maċ-Ċina dwar koperazzjoni fil-programm ta' l-UE Galileo li jirrigwarda nnavigazzjoni bis-satellita, iffirmat fit- 30 ta' Ottubru 2003.

    - wara li kkunsidra t-8 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar f'Beijing f'Settembru 2005 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fi tmiem tas-Summit, u d-9 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li se jsir fil-Finlandja fit-tieni nofs ta' l-2006,

    - wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Bidla fil-Klima, maħruġa fit-8 Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, u l-impenn biex tiġi żviluppata u tintwera bi prova fiċ-Ċina u fl-Unjoni Ewropea teknoliġija talfaħam avvanzata b'emissjonijiet qrib iz-zero billi l-karbonju jinġabar u jiġi maħżun (CCS),

    - wara li kkunsidra s-sessjoni ta' l-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu ( 5- 14 ta' Marzu 2006) u r-rapport tal-gvern tal-Prim Ministru Wen Jiabao li ġie ppreżentat waqt dan il-kungress,

    - wara li kkunsidra l-iktar żewġ laqgħat interparlamentari riċenti tiegħu maċ-Ċina li saru f'Beijing, Shanghai u Hainan f'Marzu 2004 u fi Brussell f'Ottubru 2005 rispettivament,

    - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet riċenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat- 13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina [3], tat- 8 ta' Settembru 2005 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikulari fir-rigward tal-libertà tar-reliġjon [4], tat- 28 ta' April 2005 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2004 u l-politika ta' l-UE dwar il-kwistjoni [5] u tal- 11 ta' April 2002 dwar Strateġija ta' l-UE fir-rigward taċ-Ċina [6],

    - wara li kkunsidra l-embargo ta' l-armi ta' l-UE introdott wara l-inċidenti ta' trażżin tal-protesti fi Tiananmen f'Ġunju 1989, kif appoġġjat mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat- 2 ta' Frar 2006 dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Barranija u ta' Sigurta' Komuni [7],

    - wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas- 7 ta' Lulju 2005 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE, iċ-Ċina u t- Tajwan u dwar is-sigurtà fil-Lvant Imbiegħed [8],

    - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat- 18 ta' Novembru 2004 [9], tat- 13 ta' Jannar 2005 [10], u tas- 27 ta' Ottubru 2005 [11] dwar il-każ tal-Lama Tenzin Delek Rinpoche, li ġie impriġjunat u ttorturat u b'hekk fil-periklu li jitlef ħajtu,

    - wara li kkunsidra n-nuqqas ta' progress fid-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,

    - wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    - wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0257/2006),

    A. billi l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina hija ta' importanza kbira fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċĊina, billi sħubija strateġika ġenwina għandha tkun ibbażata fuq valuri komuni,

    B. billi l-aċċettazzjoni ta' politika Waħda Ċiniża twassal għal rispett ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kwistjoni tat-Tajwan permezz ta' djalogu kostruttiv;

    C. billi, minbarra l-valuri demokratiċi, l-kredibilità, l-istabilità u r-responsabilità għandhom jikkostitwixxu l-bażi fondamentali tar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,

    D. billi t-tisħiħ tar-relazzjoni ta' l-UE maċ-Ċina ser ikun kruċjali biex jintlaħqu sfidi globali bħall-bidla filklima, is-sigurtà u n-non-proliferazzjoni ta' l-armi,

    E. billi ċ-Ċina fiha nnifisha tikkostitwixxi l-ikbar sfida fil-globalizzazzjoni tal-kummerċ u billi qed tesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi ħafna, b'rati li jilħqu madwar 9 % fis-sena,

    F. billi l-iżvilupp ekonomiku qawwi taċ-Ċina, flimkien ma' l-isħubija permanenti tagħha fil-Kunsill tas- Sigurtà tan-NU u l-isħubija tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), qed iġiegħel lillpajjiż jerfa' responsabilità internazzjonali li qiegħda dejjem tiżdied,

    G. billi "djalogi settorjali" bejn l-UE u ċ-Ċina żdiedu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin,

    H. billi l-UE hija l-ikbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina u l-ikbar investitur f'dak il-pajjiż u billi ċ-Ċina hija ttieni l-ikbar sieħba kummerċjali ta' l-UE; billi r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi qed idellu lkwistjoni ta' riformi demokratiċi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

    I. billi sħubija fid-WTO toħloq lista ta' drittijiet u obbligi kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina; billi, barra minn hekk, ħafna minn dawn l-obbligi għadhom m'humiex qed jiġu applikati u implimentati b'mod xieraq min-naħa taċ-Ċiniża, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, it-trattament nazzjonali u t-trasparenza,

    J. billi 70 % tal-prodotti foloz li jinqabdu fis-suq Ewropew joriġinaw miċ-Ċina, u billi kull sena madwar ħames miljun biċċa lbies u aċċessorji foloz jiġu kkonfiskati mis-servizzi tad-dwana,

    K. billi l-Istat ta' l-Ekonomija tas-Suq (MES — Market Economy Status) huwa strument ekonomiku aktar milli strument politiku; billi ċ-Ċina għandha ttejjeb il-prestazzjoni tagħha biex tingħata l-MES,

    L. billi relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina jeħtieġu aċċess reċiproku għas-suq stabbilit fuq il-bażi legali tar-regoli tad-WTO u fuq il-kompetizzjoni ugwali u ġusta,

    M. billi t-tmexxija Ċiniża, fil-White Paper tagħha dwar "Il-Bini ta' Demokrazija Politika fiċ-Ċina" (2005) tikkonferma l-preminenza tal-Partit Komunista Ċiniż (CCP) fis-sistema governattiva soċjalista taċ-Ċina,

    N. billi r-Renju Nofsani preżenti qed igawdi minn network kumpatt ta' qrati mifrux madwar il-pajjiż, li jixhed progress sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni xi tletin sena ilu,

    O. billi waqt is-sessjoni ta' l-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu ( 5- 14 ta' Marzu 2006) kelliem għall-Qorti Suprema tal-Poplu ddikjara li ċ-Ċina mhux se tabolixxi l-piena tal-mewt, li għaliha l-pajjiż jiġi kkritikat fix-xena internazzjonali, għaliex ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (PRC) għadha pajjiż li qed jiżviluppa fil-fażi bikrija tas-soċjaliżmu,

    P. billi n-numru ta' eżekuzzjonijiet li twettqu huwa sigriet ta' l-istat fiċ-Ċina, iżda li, skond stimi mogħtija minn ġuristi Ċiniżi, madwar 8,000 persuna jmutu b'dan il-mod kull sena,

    Q. billi fl-2005 l-awtoritajiet tas-sigurtà Ċiniżi rreġistraw 87,000 "każ ta' laqgħat pubbliċi b'attendenza kbira ħafna", żieda ta' 6.6% fuq l-2004,

    R. billi, skond twissijiet minn xjentisti soċjali lokali, il-linji politiċi tat-tmexxija Ċiniża għal soċjetà armonjuża u l-bini ta' rħula soċjalisti ġodda jirriflettu l-istadju attwali ta' tranżizzjoni perikoluż tal-PRC għal ekonomija tas-suq,

    S. billi l-PRC introduċiet politika ta' "tarbija waħda" fl-1976, li bħalissa qed tiġi diskussa taħt it-titolu intriganti "Iċ-Ċina se tixjieħ qabel ma tistagħna?",

    T. billi ċ-Ċina keċċiet lill-Fondazzjoni Friedrich Naumann minn Beijing fl-1996,

    U. billi f'Marzu 2004 ċ-Ċina inkludiet fil-kostituzzjoni tagħha dispożizzjoni li bis-saħħa tagħha għandhom jiġu rispettati u garantiti mill-istat id-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina ffirmat imma ma rratifikatx il- Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

    V. billi qed ikun hemm rapporti disturbanti kontinwi dwar priġuneriji politiċi, b'mod partikulari ta' membri ta' minoranzi reliġjużi u etniċi, allegazzjonijiet ta' tortura, l-użu mifrux ta' xogħol sfurzat, l-użu ta' spiss tal-piena tal-mewt u r-repressjoni sistematika tal-libertà tar-reliġjon, tal-libertà tal-kelma u talmezzi tal-komunikazzjoni, inkluż l-internet,

    W. billi regolamenti ġodda dwar affarijiet reliġjużi daħlu fis-seħħ fl- 1 ta' Marzu 2005,

    X. billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar L-Għajbien Sfurzat jew Mhux Volontarju irrimarka li l-laqgħa tiegħu f'Ġinevra f'April 2006 kien jikkoinċidi ma' għeluq is-17-il sena ta' Gedhun Choekyi Nyim, il-Panchen Lama tat-Tibet, li nħataf miċ-Ċiniżi kontra r-rieda tiegħu u tal-ġenituri tiegħu meta kellu sitt snin,

    Y. billi, kważi għaxar snin wara li saret it-talba inizjali, iż-żjara fil-PRC mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tortura fl-aħħar seħħet bejn l- 20 ta' Novembru u t- 2 ta' Diċembru 2005; billi, madankollu, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin ma ġiex milqugħ għal żjara ta' segwitu għaż-żjara li għamel fiċ-Ċina l-predeċessur tiegħu f'Novembru 1994, u billi ċ-Ċina naqset milli toħroġ stedina permanenti lill-proċeduri tematiċi kollha tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal- Bniedem tan-NU,

    Z. billi, fl-Appell Globali 2006 tiegħu, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) kompla jitlob lill-PRC biex toħroġ regolamenti xierqa dwar refuġjati nazzjonali, u għal iktar aċċess għal persuni li qed jitolbu refuġju mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jafu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali,

    AA. billi, skond l-Annwarju 2005 tal-Qorti Suprema tal-Poplu, madwar 400 ċittadin ġew ikkundannati għal reati politiċi fl-2004, 25 % iktar mis-sena ta' qabel,

    AB. billi skond il-Fondazzjoni Dui Hua, li ngħatat "stat speċjali ta' konsultazzjoni" mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU, il-PRC bħalissa għandha bejn 3,000 u 3,500 persuna fil-ħabs għar-reat ta' "theddida għas-sigurtà pubblika",

    AC. billi l-portal ta' l-internet "Google" issottometta ruħu għal restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Ċiniżi, u ċaħad l-aċċess għal siti ta' l-internet li jkun fihom elementi ta' kritika u kliem bħal "Taiwan", "indipendenza", "Tibet" jew "Tiananmen",

    AD. billi fl- 14 ta' Marzu 2006 is-servizzi ta' l-aħbarijiet barranin Reuters u BBC rrappurtaw dwar ittra miftuħa (bid-data tat- 2 ta' Marzu 2006) miktuba minn diversi persuni li qabel kienu membri importanti tas-CCP, fejn ikkritikaw it-tisħiħ taċ-ċensura ta' l-istampa,

    AE. billi l-kampanja fir-Reġjun Awtonomu ta' Xinjiang Uighur li tindirizza t-"tliet elementi ta' ħażen" li huma l-estremiżmu reliġjuż, is-separatiżmu u t-terroriżmu għadha għaddejja u wasslet għal numru kbir ta' arresti s-sena l-oħra, skond il-meżżi ta' komunikazzjoni mmexxija mill-istat,

    AF. billi, minħabba l-kontrolli stretti tal-Gvern Ċiniż fuq informazzjoni dwar, u aċċess għal, inħawi Tibetani fiċ-Ċina, huwa diffiċli li wieħed jiddetermina b'mod preċiż l-ammont ta' abbużi kontra d-drittijiet talbniedem,

    AG. billi t-tmexxija Ċiniża tenfasizza "il-qawmien paċifiku" jew "l-iżvilupp paċifiku" taċ-Ċina fir-rigward ta' lapparenza mill-ġdid tal-PRC fix-xena dinjija,

    AH. billi l-possibilità ta' tqarrib mill-ġdid tal-PRC mat-Tajwan għandha tinżamm ħajja; billi din il-possibilità trid tiġi segwita b'mod paċifiku bis-saħħa tad-djalogu u d-diplomazija, kif ukoll billi titqies ir-rieda talpopli fuq iż-żewġ naħat,

    AI. billi l-kawżi għaliex qed tiħżien ir-relazzjoni bilaterali bejn iċ-Ċina u l-Ġappun huma politiċi, mhux ekonomiċi,

    AJ. billi l-approċċ preżenti Amerikan lejn iċ-Ċina bħala poter li qed jikber jista' jiġi kkaraterizzat millkunċett ta' "con-gagement", li hija taħlita ta' żewġ strateġiji: it-trażżin (containment) u l-impenn (engagement),

    AK. billi l-impenn u l-influwenza taċ-Ċina fl-Afrika żiedu b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar għaxar snin,

    AL. billi ċ-Ċina għandha rabtiet finanzjarji u kummerċjali sostanzjali mar-Repubblika Iżlamika ta' l-Iran (esplorazzjoni u importazzjoni taż-żejt u gass/esportazzjoni ta' armi), u jista' jkollha rwol kruċjali flisforzi biex l-Iran ikun ipperswadut biex jieħu approċċ aktar koperattiv fuq kwistjonijiet nukleari;

    AM. billi ċ-Ċina qed tikkopera ma' pajjiżi ġirien tagħha fil-kuntest ta' l-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni ta' Shanghai (SCO),

    AN. billi ċ-Ċina u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta' l-Asja tax-Xlokk (ASEAN) iddeċidew fl-2002 li jistabbilixxu z-zona ta' kummerċ ħieles ASEAN-Ċina,

    AO. billi f'dawn l-aħħar ftit snin il-Kummissjoni u l-Parlament flimkien kienu b'mod kostanti qed jiffukaw lattenzjoni fuq il-Macao u l-Hong Kong,

    Koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina

    1. Jistenna b'ħerqa l-bidu ta' l-Isħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina u l-koperazzjoni iktar mill-qrib li din l-isħubija se toħloq fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jifformulaw politika konsistenti u koerenti dwar iċ-Ċina;

    2. Jilqa' x-xogħol tal-Kummissjoni fil-qasam tad-djalogi settorjali maċ-Ċina, li bħalissa jkopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, minn kwistjonijiet ambjentali għal affarijiet soċjali u d-drittijiet tal-bniedem u jitlob li l- Parlament ikun infurmat regolarment minn żmien għall-ieħor dwar il-progress li jkun sar;

    3. Jistieden liċ-Ċina u lill-UE biex jistabbilixxu l-isħubija u r-relazzjoni bilaterali tagħhom fuq il-bażi ta' lonestà reċiproka u fuq il-bażi fondamentali tal-kredibilità, ta' l-istabilità, tar-responsabiltà u ta' ftehim reċiproku; iħeġġeġ kemm liċ-Ċina kif ukoll lill-UE biex itejbu l-koperazzjoni tagħhom fuq din il-bażi sabiex ikollhom rwol stabbli, responsabbli u kredibbli fi ħdan il-komunità internazzjonali;

    4. Jiddispjaċih li relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi akbar maċ-Ċina ma wasslux għal progress sostanzjali fil-qasam tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li huma komponenti fundamentali fid-djalogu politiku bejn iċ-Ċina u l-UE; huwa ta' l-opinjoni, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina irid jimxi id f'id ma' l-iżvilupp ta' djalogu politiku ġenwin, produttiv u effettiv;

    Sitwazzjoni ekonomika

    5. Jinnota li l-UE, wara t-tkabbir, għaddiet lill-Ġappun biex saret l-ikbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina u li, fl-istess waqt, iċ-Ċina telgħet mit-tielet l-ikbar sieħba kummerċjali ta' l-UE biex saret it-tieni l-ikbar, wara l- Istati Uniti;

    6. Jinnota li fl-2005, il-bilanċ fil-kummerċ taċ-Ċina laħaq il-USD 102 biljuni, li huwa iktar minn darbtejn l-ammont tas-sena ta' referenza preċedenti (USD 32 biljun); li fl-2005, ir-riżervi ta' muniti laħqu madwar USD 819-il biljun — żieda ta' USD 209 biljuni meta mqabbel mas-sena preċedenti; li jekk din ix-xejra tkompli, x'aktarx iċ-Ċina se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha 'l fuq minn USD 1000 biljun fir-riżervi ta' muniti barranin fl-aħħar ta' l-2006, u b'hekk ikollha l-ikbar ħażna ta' muniti barranin fid-dinja; li tbassiriet inizjali għall-2006 jindikaw dħul ta' kapital ta' madwar USD 50 biljun, primarjament f'investimenti diretti privati fit-tul; jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li ċ-Ċina bdiet tnaqqas ir-rabta (pegging)tal-munita tagħha (Renminbi) mad-dollaru Amerikan u b'hekk mhix kontra l-possibilità ta' evalwazzjoni mill-ġdid tal-munita; jaħseb li għandhom jittieħdu bis-serjetà twissijiet dwar nuqqas ta' ħlas supplimentari fuq riskju għal operazzjonijiet ta' self;

    7. Jinnota l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel taċ-Ċina, li jagħmilha r-raba' l-ikbar ekonomija fid-dinja f'termini ta' dollari, anke meta bħalissa hija evalwata inqas; b'hekk jistieden lill-Kummissjoni biex teżerċita pressjoni politika u ekonomika bil-ħsieb li ġġib flessibilità fir-rata tal-kambju tal-munita Ċiniża, li qed tintrabat ma' valur baxx artifiċjali, sitwazzjoni li tmur kontra l-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ dinji; jistieden liċ-Ċina sabiex b'mod gradwali tifflowtja r-rata tal-kambju tagħha; jistieden liċ-Ċina biex tissostitwixxi l-irbit fiss tal-munita tagħha mad-dollaru b'rabta ma' basket ta' muniti, inkluż l-euro;

    8. Hu mħasseb dwar l-iżvilupp ta' inugwaljanza u ta' distribuzzjoni inġusta tal-ġid, il-qgħad kbir u lurbanizzazzjoni bla kontroll, ir-rata li qed tikber ta' kriminalità u ta' korruzzjoni u mhux b'inqas il-problemi ambjentali taċ-Ċina;

    9. Jagħraf li ċ-Ċina hija iktar minn suq li qed jikber malajr; jenfasizza l-fatt li r-rivoluzzjoni teknoloġika preżenti ta' pajjiż ta' dan id-daqs għandha implikazzjonijiet enormi fuq l-ekonomija globali;

    10. Huwa tal-fehma li żvilupp ekonomiku bbilanċjat huwa ta' importanza kbira kemm għaċ-Ċina kif ukoll għall-UE; jenfasizza l-fatt li l-istaġnar ta' l-ekonomija Ċiniża minħabba tkabbir mhux ikkontrollat huwa theddida serja kemm għall-istabilità interna taċ-Ċina kif ukoll għall-benesseri ta' l-ekonomija globali; jirrikonoxxi li żvilupp ekonomiku mgħaġġel fiċ-Ċina jippreżenta sfida enormi għall-isforzi globali biex jiġu ttrattati l-problemi tal-bidla tal-klima, meta l-emissjonijiet tas-CO2 mill-impjanti li jiġġeneraw l-elettriku li jaħdmu bil-faħam huma maħsuba li jirduppjaw sa l-2030;

    11. Jilqa' l-fatt li fil-ħarifa 2006 il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva li tippubblika dokument ta' strateġija dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali fuq medda twila ta' żmien ta' l-Unjoni maċ-Ċina sabiex tantiċipa b'mod iktar adegwat l-impatt tat-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u biex tevita li jsiru deċiżjonijiet ad hoc, b'hekk tgħin biex tiżgura li ċ-Ċina ma tibqax titqies bħala theddida, iżda li titqies bħala sfida u bħala sieħba li qed tevolvi;

    12. Jenfasizza li relazzjoni kummerċjali dejjem iktar pożittiva għandha wkoll twassal għal riformi firrigward tad-drittijiet tal-bniedem, u jirrikonoxxi li, sakemm ma jkun hemm kodiċi ta' kondotta li jorbot legalment dwar l-esportazzjoni ta' armi u sakemm is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tallibertajiet ċivili u politiċi — inkluża l-kwistjoni ta' Pjazza Tiananmen — ma jiġux indirizzati b'mod xieraq, l- UE m'għandhiex tneħħi l-embargo fuq l-armi;

    13. Jistieden liċ-Ċina biex tiżviluppa klima ta' investiment solida u kredibbli għall-kummerċ u l-industrija barranin u sabiex tingħata prijorità assoluta lit-titjib tas-sigurtà legali għal kumpanniji barranin;

    14. Ifakkar liċ-Ċina li aktar ftuħ tas-swieq tagħha għal kumpanniji u investimenti barranin, speċjalment fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, tal-banek u tas-servizzi finanzjarji jrid jitqies bħala parti integrali ta' lisħubija strateġika; jistieden liċ-Ċina biex tirriforma s-suq u s-sistema ekonomika tagħha kif xieraq, u biex tikkonforma b'mod iktar rigoruż mar-regoli dwar l-anti-dumping u biex tinforzahom b'mod iktar strett;

    15. Fid-dawl tar-riżultati ta' l-investigazzjoni tal-anti dumping fis-settur taż-żraben, fejn ġie ppruvat li ċĊina kienet qed tippratika intervenzjoni mill-Istat u dumping soċjali, u fid-dawl tal-passi meħuda mill-Kummissjoni sabiex tikkoreġi dan it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, tħeġġeġ lill-Unjoni sabiex l-imsieħba tagħha filkummerċ, bħaċ-Ċina, jaderixxu mar-regoli tal-kummerċ internazzjonali ġust u fuq prinċipju ta' ekwita'; jitlob lill-Kummissjoni, sabiex meta din tikkunsidra kif il-miżuri ta' anti-dumping għandhom jintużaw — ħaġa li din ser tagħmel fi żmien qasir, tissimplifika l-proċeduri sabiex il-mekkaniżmi ta' l-antidumping jistgħu jintużaw aktar malajr mill-SMEs; barra minn hekk, isejjaħ sabiex il-proċedura ta' l-antidumping issir aktar trasparenti;

    16. Huwa tal-fehma li fil-qafas ta' l-isforzi biex is-sistema bankarja Ċiniża tiġi mmodernizzata u liberalizzata, l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib ma' l-awtoritajiet Ċiniżi bil-ħsieb li jiġu adottati standards ta' kontabilità internazzjonali u l-istandard ta' Basel II, li għandhom jiżguraw iktar sigurtà għal investituri mill- UE;

    17. Jilqa' l-modernizzazzjoni mgħaġġla tas-settur finanzjarju Ċiniż; jenfasizza, madankollu, l-importanza kbira li tiġi żgurata tranżizzjoni bla skossi sabiex tiġi evitata kwalunkwe instabilità finanzjarja li jista' jkollha konsegwenzi fuq is-swieq finanzjarji globali; jissuġġerixxi, b'mod partikulari, li għandha tiġi evitata "tellieqa sal-qiegħ" li tinvolvi konkorrenza regolatorja li tagħmel ħsara bejn is-swieq finanzjarji globali; jissuġġerixxi, bil-kontra, li regolaturi ewlenin madwar id-dinja għandhom jippromwovu standards ta' l-ogħla kwalità; ifakkar li l-UE nnifisha hija impenjata favur il-konverġenza globali ta' standards fl-oqsma tal-kontabilità (Standards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju), tal-verifika (Standards Internazzjonali tal-Verifika), rekwiżiti ta' kapital għall-istituzzjonijiet ta' kreditu (Basel II), il-money laundering u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tatterroriżmu (Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Azzjoni Finanzjarja kontra l-Money Laundering (FATF)) u r-regolamentazzjoni tas-suq fit-titoli (Standards ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli); jirrimarka li l-UE tkun lesta toffri l-esperjenza u l-għajnuna tagħha lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jimplimentaw konverġenza meta tkun meħtieġa;

    18. Huwa tal-fehma li ċ-Ċina qed tiffaċċja żbilanċ konsiderevoli fl-iżvilupp reġjonali u iktar żbilanċi fiddħul finanzjarju ġenerali, u li t-tmexxija Ċiniża ġdida għandha timpenja ruħha biex tiffaċċja dawn il-problemi bl-għajnuna u l-kompetenza tal-Kummissjoni;

    19. Jistieden liċ-Ċina biex tuża proċedura trasparenti u ġusta fl-għoti ta' kuntratti għall-akkwist pubbliku li tagħti lil organizzazzjonijiet barranin opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw;

    20. Huwa tal-fehma li l-piraterija u l-iffalzifikar ta' prodotti u marki Ewropej minn industriji Ċiniżi jikkostitwixxu ksur serju tar-regoli internazzjonali tal-kummerċ; iħeġġeġ liċ-Ċina biex issaħħaħ b'mod sinifikanti l-ħarsien tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPR) għal invenzjonijiet Ċiniżi u barranin; jistieden liċĊina biex tenforza l-liġijiet preżenti dwar il-ħarsien ta' l-IPR; jilqa' l-ħolqien tal-katedra ta' l-IPR fl-Università ta' Beijing;

    21. Jirrikonoxxi l-importanza ta' l-MES għaċ-Ċina; jenfasizza, madankollu, il-fatt li l-MES huwa strument ekonomiku aktar milli strument politiku; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tnaqqas l-indħil ta' l-istat fl-ekonomija u biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha fir-rigward tal-konformità żbilanċjata tagħha ma' sistemi ta' governanza korporattiva u ta' kontabilità u l-qafas mhux effettiv tagħha relatat ma' proċeduri ta' falliment;

    22. Jinnota li l-problemi riċenti fis-settur taż-żraben juru l-ħtieġa li ċ-Ċina tadotta politika ta' anti-dumping iktar xierqa; jenfasizza l-urġenza ta' tali politika fil-kuntest ta' l-isħubija taċ-Ċina fid-WTO;

    23. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrikonoxxu li d-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw is-setturi tat-tessuti, tal-ħwejjeġ u taż-żraben huma sistemiċi, u jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tirrivedi listrateġija ekonomika u kummerċjali tagħha fir-rigward taċ-Ċina, biex tikkoreġi l-iżbilanċji attwali u biex tantiċipa l-isfidi;

    24. Jistieden liċ-Ċina biex tadotta politika ekonomika bbażata iktar fuq il-konsum soċjali (edukazzjoni, saħħa, pensjonijiet, eċċ) u domestiku u inqas fuq l-investiment u l-esportazzjoni;

    25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-awtoritajiet Ċiniżi fil-kampanja tagħhom kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-piraterija ta' prodotti;

    Is-sitwazzjoni interna

    26. Huwa wkoll tal-fehma li bħalissa hemm diffikulta' sabiex jitbassar l-iżvilupp futur taċ-Ċina u se jiddipendi l-iktar fuq kwistjonijiet domestiċi bħall-iżvilupp ulterjuri bla xkiel ta' l-ekonomija u t-titjib gradwali ta' l-istandards ta' l-għajxien tal-maġġoranza tal-popolazzjoni;

    27. Jaqbel għal kollox mal-konklużjoni fil-White Paper imsemmija hawn fuq dwar il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu aktar il-kunċett tad-demokrazija u l-għarfien dwar il-kunċetti ġuridiċi fis-soċjetà Ċiniża kollha kemm hi;

    28. Jenfasizza l-fatt li l-modernizzazzjoni soċjo-ekonomika mgħaġġla tal-PRC għandha titwettaq flimkien mal-pluraliżmu politiku u l-modernizzazzjoni istituzzjonali meħtieġa u li din tista' tmantni lilha nnifisha minn sorsi indiġeni bħax-xogħlijiet tar-riformaturi liberali ta' lejn tmiem is-seklu 19, u speċjalment il-ħsibijiet bażiċi ta' Sun Yat-sen;

    29. Jinnota li s-sigurtà soċjali, is-saħħa u s-sigurta' fil-post tax-xogħol, id-dritt li tifforma trade unions, irrelazzjonijiet industrijali u d-djalogu soċjali jirrappreżentaw sfidi ewlenin għall-ġejjieni taċ-Ċina; jistieden liċĊina biex tirratifika l-konvenzjonijiet ewlenin ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b'mod partikulari l-Konvenzjoni 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta' Organizzazzjoni u l- Konvenzjoni 98 dwar l-innegozjar kollettiv u biex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' qafas ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta' miżuri effettivi fil-ġlieda kontra kull forma ta' skjavitù modern, ħaddiema tfal u l-isfruttar, b'mod partikulari ta' ħaddiema nisa, sabiex tiżgura r-rispett għad-drittijiet fondamentali tal-ħaddiema u biex tiskuraġġixxi d-dumping soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex titensifika u tirrapporta lura regolarment dwar id-djalogu strutturat f'dawn l-oqsma mal-kontropartijiet tagħha fiċĊina;

    30. Huwa tal-fehma li ċ-ċaħda tad-dritt li jiffurmaw trade unions indipendenti hi kontroproduttiva fiddawl tal-protesti u d-dimostrazzjonijiet li qed jiżdiedu minn ħaddiema madwar ċ-Ċina kontra senzjar impost, paġi u benefiċċji oħra mhux imħallsa, korruzzjoni b'mod uffiċjali u mmaniġġjar ħażin; għalhekk jistieden lill-gvern Ċiniż biex jirrikonoxxi u jiggarantixxi l-istess dritt bażiku għall-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-assoċjazzjoni u d-dritt ta' azzjoni industrijali;

    31. Jiġbed l-attenzjoni għall-problema li qed tikber tax-xogħol minn persuni taħt l-età fiċ-Ċina u l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux favorevoli li jħabbtu wiċċhom magħhom ħaddiema taħt l-età fil-pajjiż, minkejja l-fatt li xogħol minn persuni taħt l-età huwa projbit mill-liġi tax-xogħol Ċiniża; għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex mhux biss itejbu l-infurzar tal-liġi, imma wkoll jindirizzaw l-għerq tal-kawżi tal-problema tax-xogħol minn persuni taħt l-età, bħad-disparitajiet ekonomiċi li qed jikbru, bħall-istruttura soċjali li qed tinbidel malajr u bħall-falliment tas-sistema edukattiva li tipprovdi edukazzjoni adegwata għat-tfal kollha u li tintlaħaq mill-bwiet ta' kulħadd;

    32. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diskriminazzjoni soċjo-ekonomika terribbli fiċ-Ċina kontra l-150 miljun ħaddiem migrant mill-kampanja; jieħu nota tal-miżuri meħuda mill-gvern Ċiniż biex isolvi l-problema, murija bil-pubblikazzjoni uffiċjali fit- 28 ta' Marzu 2006 tal-linji gwida ġodda tal-gvern, u jesprimi l-intenzjoni tiegħu biex isegwi bir-reqqa r-riżultati ta' l-implimentazzjoni ta' din il-politika ġdida;

    33. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Macao u f'Hong Kong u jittama li l-aspetti li jagħmlu kuraġġ taż-żewġ esperjenzi jservu ta' eżempju u jistimulaw biex il-proċess politiku Ċiniż jimxi 'l quddiem;

    34. Jirraġuna li sakemm is-CCP mhix suġġetta għall-ordni ta' stat kostituzzjonali, il-partit se jibqa' stat ġo stat u b'hekk ikun vulnerabbli ħafna għal każijiet serji ta' abbuż tal-poter bħall-ħażen nazzjonali ta' korruzzjoni fi ħdan l-istruttura politika, u tali sitwazzjoni ddgħajjef il-possibilità li tinħoloq soċjetà bbażata fuq listat tad-dritt;

    35. Jingħaqad mal-kritika, espressa fil-ġurnali ta' l-avukati taċ-Ċina, li l-Artikolu 126 tal-Kostituzzjoni Ċiniża għandu jinkludi wkoll projbizzjoni fuq l-indħil tas-CCP jew tal-Gvern Ċiniż fl-operat tal-ġustizzja;

    36. Jistenna li jsiru sforzi ġodda biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, u jittama li l-bidla gradwali ta' mħallfin mhux kwalifikati ma' ġuristi kompetenti twaqqaf il-korruzzjoni endemika fi ħdan il-ġudikatura u b'hekk titqawwa l-fiduċja popolari f'din l-istituzzjoni fondamentali ta' l-istat;

    37. Jilqa' l-wegħda li għamel il-President tal-Qorti Suprema tal-Poplu waqt l-10 Kungress Nazzjonali tal- Poplu li minn Lulju 2006 appelli kontra sentenzi li jimponu l-piena tal-mewt se jibdew isiru f'qorti miftuħa; jistenna li din il-wegħda sseħħ;

    38. Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tabolixxi l-piena tal-mewt u tiddikjara moratorju effettiv fir-rigward ta' persuni li diġà ġew ikkundannati; jinnota s-sinjal sinifikanti li taw il-ġuristi Ċiniżi li l-piena tal-mewt għandha tiġi imposta biss f'każi fejn isiru reati serji u vjolenti, bil-maqlub tas-sitwazzjoni preżenti, fejn 68 reat jistgħu jwasslu għall-piena tal-mewt, u li nofshom ma humiex reati kapitali; huwa mħasseb dwar il-fatt li ċ-Ċina twettaq iktar eżekuzzjonijiet minn kull pajjiż ieħor fid-dinja; jistieden liċ-Ċina biex tippubblika l-figuri uffiċjali ta' l-eżekuzzjonijiet li saru fis-sena 2005/2006;

    39. Jappoġġja bil-qawwa t-talba tal-Professur Liu Renwen, ġurista u membru ta' l-Akkademja Ċiniża tax- Xjenzi Soċjali, biex jintemm il-kummerċ illegali fl-organi ta' persuni ġġustizzjati, billi jiġu imposti dispożizzjonijiet u kontrolli stretti;

    40. Huwa mħasseb serjament dwar l-azzjoni qawwija li tittieħed mill-awtoritajiet kontra "aġitaturi"; jinnota li, skond Blue Paper maħruġa mill-Akkademja tax-Xjenzi Soċjali ta' Beijing, raġunijiet għal protesti talmassa inkludew b'mod partikulari problemi ambjentali serji ħafna li pperikolaw is-saħħa u l-eżistenza ta' ħafna bdiewa f'reġjuni li ġew industrijalizzati riċentement, kif ukoll esproprjazzjonijiet tal-mistħija ta' raba' għal skopijiet ta' bini, mingħajr ma nsemmu l-arbitrarjetà u l-korruzzjoni ta' l-awtoritajiet lokali;

    41. Jilqa' l-intenzjoni tal-Gvern Ċiniż li jnaqqas id-distakk li qed jikber fid-dħul ekonomiku bejn il-popolazzjonijiet tar-reġjuni kostali u dawk tal-kampanja, li jiġu ffaċċjati problemi ambjentali serji, li titwettaq amministrazzjoni aħjar tar-riżorsi naturali u li jiġu żviluppati u stimulati teknoloġiji iktar effiċjenti;

    42. Jiġbed l-attenzjoni fuq l-impatt tat-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina fuq ir-riżorsi naturali u fuq l-ambjent lokali u globali prinċipalment bħala riżultat ta' l-emissjonijiet ta'CO2; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jieħu lmiżuri kollha meħtieġa biex iħares l-ambjent u b'mod partikulari biex jiżgura l-provvisti ta' l-ilma għax-xorb għall-popolazzjoni u biex jieħu azzjoni kontra t-tniġġis atmosferiku u biex tinżamm il-bijodiversità; isejjaħ għal djalogu intensiv bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea dwar riżorsi naturali u l-ambjent;

    43. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jissorveljaw mill-qrib il-programmi ta' investiment tagħhom favur il-kampanja, fil-kuntest tal-biża' espressa minn riċerkaturi Ċiniżi li membri lokali tal-partit jinterpretaw referenzi għal "irħula ġodda" bħala sejħa għal proġetti ta' bini minn fuq dahar il-bdiewa, u meta wieħed iqis il-fatt stabbilit li s'issa, għoxrin fil-mija biss tas-sussidji ta' l-istat għas-settur agrarju fil-fatt waslu għand il-bdiewa li kienu intitolati għalihom;

    44. Huwa mħasseb dwar rapporti riċenti ta' abbużi serji kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem fl-inħawi Tibetani taċ-Ċina, inklużi t-tortura, l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni arbitrarja, l-arrest fid-dar u tipi oħra ta' sorveljanza mhux ġudizzjarja ta' dissidenti, detenzjoni mingħajr proċess legali pubbliku, repressjoni tallibertà tar-reliġjon u restrizzjonijiet arbitrarji fuq il-libertà tal-moviment; huwa mħasseb ħafna dwar l-intensifikazzjoni tal-kampanja hekk imsejħa "edukazzjoni patrijottika" minn Ottubru 2005 fil-monasteri u l-kunventi tat-Tibet, l-isfurzar tat-Tibetani biex jiffirmaw stqarrijiet li jiddenunzjaw lid-Dalai Lama bħala separatist perikoluż u jipproklamaw it-Tibet bħala "parti miċ-Ċina", inkluż l-arrest ta' membri tal-kleru mill-Monasteru ta' Drepung f'Novembru 2005 għax irrifjutaw li jiddenunċjaw lid-Dalai Lama; jistieden liċ-Ċina biex tħalli korp indipendenti jkollu aċċess għall-Gedhun Choekyi Nyima, il-Panchen Lama tat-Tibet, u għall-ġenituri tiegħu, kif mitlub mill-Kumitat għad-Drittijiet tat-Tfal tan-NU; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jintensifika lparteċipazzjoni pożittiva tiegħu f'negozjati dwar it-talbiet tad-Dalai Lama għall-awtonomija tat-Tibet;

    45. Jieħu nota li l-politika ta' "tarbija waħda" taċ-Ċina rriżultat fi żbilanċ fit-tqassim tal-popolazzjoni; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirrikonoxxi l-fatt li l-bilanċ futur bejn il-partijiet tal-popolazzjoni li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux se jkollu effetti ekonomiċi kbar; jenfasizza l-fatt li l-UE qed tiffaċċja wkoll il-problema ta' popolazzjoni li qed tixjieħ; jistieden liċ-Ċina biex taħsibha mill-ġdid dwar l-implimentazzjoni konkreta talpolitika tagħha ta' "tarbija waħda" sabiex tieħu ħsieb l-iżvantaġġi ekonomiċi u soċjali ta' dik il-politika;

    46. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jipprovdu miżuri li jħarsu l-benesseri ta', u jwaqqfu l-krudeltà fuq l-annimali, speċjalment fir-rigward tat-trobbija ta' l-annimali għall-pil tagħhom; iħeġġeġ liċ-Ċina biex twaqqaf l-abbuż ta' l-annimali għal skopijiet ta' mediċina tradizzjonali, kif isir fil-każ tal-qrun tar-rinoċeronte u l-bili ta' l-orsijiet;

    Drittijiet tal-Bniedem

    47. Jenfasizza l-fatt li t-twettiq tad-drittijiet bażiċi mill-PRC jirrikjedi t-twaqqif ta' Qorti Kostituzzjonali, li mingħajrha l-emendi kostituzzjonali, bħal dik ta' Marzu 2004 dwar id-drittijiet tal-bniedem, jibqgħu fil-biċċa l-kbira simboliċi;

    48. Jenfasizza li ċittadini Ċiniżi għandu jkollhom il-jedd legali għad-drittijiet bażiċi tagħhom, u jħeġġeġ lill-qrati biex jindirizzaw bis-sħiħ inġustizzji ċari fuq il-bażi tal-Kostituzzjoni, b'hekk jitwettaq proċess legali f'saħħtu li issa, bil-mod il-mod, qed iżid fil-momentum;

    49. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-istat jastjeni milli jirregola r-reliġjon u l-espressjoni reliġjuża; jafferma l-ħtieġa, partikolarment fil-kuntest tat-taħdidiet bejn uffiċjali Ċiniżi dwar id-definizzjoni ta' "reliġjon" u speċjalment ta' "reliġjon legali", ta' liġi komprensiva dwar ir-reliġjon li tilħaq l-istandards internazzjonali u tiggarantixxi libertà reliġjuża ġenwina;

    50. Jikkundanna l-kuntradizzjoni bejn il-libertà kostituzzjonali tat-twemmin (iddikjarata fl-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni) u l-indħil kontwinwu ta' l-Istat fl-affarijiet ta' komunitajiet reliġjużi, b'mod partikulari firrigward tat-taħriġ, l-għażla, il-ħatra u l-indottrinazzjoni politika tal-ministri tar-reliġjon; jikkundanna b'mod partikulari l-fatt li l-Istat jagħti d-dritt ta' eżistenza legali lil ħames reliġjonijiet biss u barra minn hekk, ipoġġihom taħt il-kontroll ta' l-assoċjazzjonijiet reliġjużi "patrijottiċi" Ċiniżi korrispondenti, jipproteġi attivitajiet reliġjużi "normali" (zhengchang) biss u jagħmel ir-reġistrazzjoni uffiċjali tagħhom suġġetta għall-aċċettazzjoni tal-prinċipji li huma l-bażi tat-"Tliet Awtonomiji";

    51. Jistieden lill-Kunsill biex jgħarraf lill-Parlament dwar miżuri li ttieħdu bħala segwitu għad-dikjarazzjoni li saret fir-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tat- 8 ta' Settembru 2005 dwar id-destin ta' bosta isqfijiet maqfulin il-ħabs fil-PRC minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet tal-PRC biex jeħilsu minnufih lill-membri kollha tal-Knisja Nisranija li għadhom qed jinżammu fil-ħabs b'mod inġust u li qed jiġu ppersegwitati;

    52. Jinnota li attwalment hemm iktar Insara madwar iċ-Ċina li jipprattikaw ir-reliġjon f'postijiet għal dan l-iskop li huma "illegali" (kemm fi knejjes Protestanti ġo djar kif ukoll ma' gruppi Kattoliċi sigrieti leali lejn il- Vatikan) milli jattendu postijiet tat-talb "patrijottiċi", u li ż-żewġ gruppi ta' prattikanti, magħmulin minn ċittadini li josservaw il-liġi, ma jikkostitwixxu l-ebda theddida għas-sigurtà pubblika; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jieqaf mill-persekuzzjoni u mill-priġunerija ta' gruppi Nsara bħal dawn; isostni li Nsara li ma jidentifikawx ruħhom mal-"knejjes patrijottiċi" għandhom id-dritt li jipprattikaw ir-reliġjon fil-libertà;

    53. Jikkundanna l-ksur serju tal-libertà reliġjuża bl-ordinazzjoni illegali riċenti ta' isqfijiet ( 30 ta' April 2006, Kunming — Yunnan; 3 ta' Mejju 2006, Wuhan — Anhui), ikkaġunat mhux ftit mill-pressjoni qawwija u mit-theddid minn korpi mhux tal-Knisja li ġie sottomess għalihom il-kleru Kattoliku leali lejn il- Vatikan;

    54. Huwa tal-fehma li l-aħħar ordinazzjonijiet inaqqsu mill-kredibilità ta' l-istqarrijiet riċenti ta' l-awtoritajiet Ċiniżi dwar ir-rieda tagħhom li jħejju t-triq għal djalogu sinċier u kostruttiv bejn il-PRC u s-Santa Sede; jirrimarka, għalhekk, dwar il-ħtieġa li tiġi rispettata l-libertà tal-Knisja u tinżamm l-awtonomija ta' l-istituzzjonijiet tagħha minn kwalunkwe indħil estern, li, barra milli jiġi espress f'imġiba li tmur kontra t-talbiet negozjati miż-żewġ naħat, idgħajjef il-kunfidenza fi djalogu reċiproku u progress fil-libertà fiċ-Ċina;

    55. Jirrimarka li r-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura tan-NU, wara li temm il-missjoni tiegħu, irringrazzja lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għall-koperazzjoni tiegħu, iżda ċanfar lill-Ministeri tas-Sigurtà ta' l- Istat u tas-Sigurtà Pubblika għax ostakolaw jew irrestrinġew l-isforzi tiegħu biex jiġbor tagħrif;

    56. Huwa mħasseb bil-kbir dwar l-istqarrija tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura li l-prattika tat-tortura għadha mifruxa fiċ-Ċina, sitwazzjoni ta' min jikkundannaha li fil-fatt qed tiġi rrikonoxxuta dejjem iżjed minn uffiċjali tal-Gvern u f'rapporti, kif ukoll mil-"livell palpabbli ta' biża' u awtoċensura" li huwa osserva waqt intervisti mad-detenuti;

    57. Japprova r-rakkomandazzjonijiet preliminari tar-Rapporteur Speċjali għall-Gvern Ċiniż, eż. dwar riforma tal-liġi kriminali billi jiġi miżjud ir-reat tat-tortura skond id-definizzjoni fil-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Kastig Krudili, Inuman jew Degradanti ieħor, kif ukoll l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti għall-ilmenti għal detenuti li huma suġġetti għat-tortura u trattament ħażin;

    58. Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jirrivedi l-verdetti li ngħataw għar-reat ta' "theddida għas-sigurtà pubblika", meta wieħed iqis li fil-maġġoranza l-kbira tal-każi, l-akkużat ma kien għamel xejn ħlief li jeżerċita b'kuraġġ id-dritt kostituzzjonali fondamentali tiegħu li jikkritika fil-miftuħ il-linji politiċi tal-Gvern u tas- CCP;

    59. Għal darb'oħra jistieden lill-Gvern tal-PRC biex itejjeb il-kundizzjonijiet ta' priġunerija fil-ħabsijiet tiegħu u biex iwaqqaf u jabolixxi t-tortura ta' detenuti;

    60. Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress sostanzjali fir-rigward tal-ħelsien ta' priġunieri politiċi detenuti minħabba l-involviment tagħhom fid-dimostrazzjonijiet fil-Pjazza ta' Tiananmen u, bl-istess mod, jiddispjaċih li l-awtoritajiet Ċiniżi jkomplu jinjoraw sejħiet għal inkjesta sħiħa u imparzjali dwar il-ġrajjiet ta' l-1989; isejjaħ għal evalwazzjoni uffiċjali mill-ġdid tal-ġrajja il-Pjazza ta' Tiananmen mill-awtoritajiet Ċiniżi, il-pubblikazzjoni tal-lista ta' priġunieri politiċi u l-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet tagħhom;

    61. Isejjaħ l-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jiżvelaw fejn jinsab l-avukat għad-drittijet tal-bniedem Gao Zhisheng u sabiex jirrilaxxawh sakemm dan mhux ser ikun mixli b'reat kriminali; bl-istess mod isejjaħ għar-rilaxx ta' Chen Guangcheng li għen persuni fl-isforzi tagħhom sabiex jieħdu azzjoni kontra l-awtoritajiet lokali tagħhom li wettqu abborti sfurzati u sterilizzazzjoni, u r-rilaxx ta' Bu Dongwei, li kien mibgħut għal sentejn u nofs "Ri-edukazzjoni permezz ta' Xogħol" (RTL) u li hu detenut f'post mhux magħruf; jikkundanna r-repressjoni reċenti ta' l-avukati tad-difiża min-naħa ta' uffiċjali Ċiniżi bl-għan li jwaqqfu l-isfidi legali għall-awtorità tagħhom; jitlob, b'mod partikulari, il-ħelsien immedjat ta' Gao Zhisheng, wieħed mill-avukati u dissidenti Ċiniżi li l-aktar li kkritika bla tlaqliq, u li kien arrestat fuq suspett ta' attività kriminali, u ta' Chen Guangcheng, difensur tad-drittijiet tan-nies tal-kampanja li kien ikkundannat għal aktar minn erba' snin ħabs; b'hekk iħeġġeġ l-awtoritajiet sabiex jiżguraw li dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jwettqu attivitajiet paċifiċi u leġittimi mingħajr biża' ta' arrest arbitrarju, tortura jew trattament ħażin u li jingħataw aċċess lill-rappreżentazzjoni xierqa legali fil-każ ta' arrest;

    62. Jingħaqad mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, mal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id- Detenzjoni Arbitrarja u mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jabolixxi l-"Edukazzjoni mill-ġdid permezz tax-Xogħol" u forom simili ta' "edukazzjoni mill-ġdid" sfurzata ta' detenuti fil-ħabsijiet, f'ċentri ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess fil-qorti u fi sptarijiet psikjatriċi;

    63. Jirrifjuta s-sistema ta' psikjatrija pulizjeska msejħa Ankang, li hi mifruxa madwar il-pajjiż kollu, li tintuża fil-konfront ta' dissidenti politiċi u soċjali, li tagħti x'tifhem li twiegħed "is-saħħa permezz tal-mistrieħ u tal-paċi", imma fil-fatt tkisser lill-"pazjenti" tagħha; iwiddeb lill-awtoritajiet kontra t-twessigħ ta' l- Ankang minn 22 għal 125 klinika, iżda, għall-kuntrarju, jistedinhom ineħħu din it-tebgħa nazzjonali;

    64. Jikkundanna b'mod partikulari l-eżistenza tal-kampijiet tax-xogħol ta' Laogai mifruxin madwar ilpajjiż, li fihom il-PRC iżżomm bħala detenuti attivisti favur id-demokrazija, attivisti fil-qasam tax-xogħol membri ta' minoranzi mingħajr proċess ġust, li jiġu sfurzati jaħdmu f'kundizzjonijiet terribbli u mingħajr trattament mediku; iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex tirratifika l-konvenzjoni taä l-ILO 29 u 105 dwar l-Eliminazzjoni ta' xogħol infurzat u obbligatorju; jistieden liċ-Ċina biex tippreżenta stqarrija bil-miktub li tgħid li kwalunkwe prodott esportat ma ġiex immanifatturat minn ħaddiema sfurzati f' xi kamp ta' Laogai u, jekk lebda assigurazzjoni ma tista' tingħata, jinsisti li l-Kummissjoni tipprojbixxi l-importazzjoni ta' tali prodotti fl-UE;

    65. Jistieden lill-PRC biex tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra ta' l- 1951 dwar l-Istat tar-Refuġjati u l-Protokoll ta' l-1967 mehmuż magħha, u biex il-Kummissarju Għoli tan- Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jitħalla jkollu aċċess sħiħ għall-persuni mill-Korea ta' Fuq li qed ifittxu kenn u li jafu jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

    66. Jikkundanna b'mod qawwi d-detenzjoni u t-tortura ta' prattikanti tal-Falun Gong fil-ħabsijiet, kampijiet ta' "Edukazzjoni mil-ġdid permezz tax-Xogħol", sptarijiet psikjatriċi u "skejjel għall-edukazzjoni legali"; huwa mħasseb dwar rapporti li organi ta' prattikanti detenuti tal-Falun Gong tneħħew u nbiegħu lil sptarijiet; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex itemm id-detenzjoni u t-tortura ta' prattikanti tal-Falun Gong u li jeħlishom minnufih;

    67. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar il-każijiet numerużi ta' ksur tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfajliet li jirriżultaw mill-konformità sfurzata mal-politika tal-Gvern Ċiniż dwar l-ippjanar tal-familja, inklużi aborti selettivi, sterilizzazzjoni sfurzata, u l-abbandun ta' tfajliet fuq skala enormi;

    68. Iħeġġeġ liċ-Ċina biex mingħajr iktar dewmien tirratifika u timplimenta l-ICCPR;

    69. Jaqbel mal-messaġġ importanti mwassal fl-ittra miftuħa tar-Reuters/BBC hawn fuq imsemmija — li sfortunatament inżammet mistura mill-pubbliku ġenerali fiċ-Ċina — li l-politika preżenti taċ-ċensura qiegħda xxekkel l-iżvilupp politiku taċ-Ċina;

    70. Jesprimi tħassib qawwi dwar it-trażżin attwali min-naħa tal-PRC tal-libertà ta' l-espressjoni u l-aċċess ħieles għall-Internet; jirrepeti t-talbiet tiegħu lil Beijing biex tieqaf milli tintimida, twaqqaf jew titfa' fil-ħabs lil dawk li jiddefendu l-libertà ta' l-espressjoni, kemm jekk ir-ripressjoni hija diretta lejn ġurnalisti jew attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem jew jekk l-aċċess għal informazzjoni ma jibqax possibbli jekk tibblokka siti ta' l-internet li ma jikkonformawx maċ-ċensura ta' l-istat; jikkundanna, għalhekk, il-liġi dwar iċ-ċensura ta' l- Internet li għaddiet mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu u l-eżistenza ta' sistemi ta' ċensura ta' l-Internet magħrufin kollettivament bħala "Il-Firewall il-Kbir taċ-Ċina"; jagħmel stedina b'mod partikulari biex is-sit AsiaNews. it jerġa' jitħalla jkun online mingħajr dewmien — jew f'kwalunkwe każ li ma jkunx blokkjat — meta wieħed iżomm f'moħħu li barra milli hu sors eċċellenti ta' informazzjoni dwar l-Asja u d-difiża taddrittijiet tal-bniedem, is-sit jgħin ukoll biex irawwem id-djalogu bejn il-Vatikan u l-PRC u b'hekk l-unità tal- Knisja Ċiniża;

    71. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-linji politiċi irresponsabbli tal-kumpaniji ewlenin ta' l-Internet Yahoo u Google li b'mod dirett u indirett baxxew rashom għat-talbiet tal-Gvern Ċiniż għal ċensura;

    72. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jiftħu mill-ġdid l-uffiċċju tal-Fondazzjoni Friedrich Naumann f'Beijing, sabiex il-Fondazzjoni titħalla tkompli bix-xogħol tagħha għall-iżvilupp u d-demokrazija;

    73. Jirrikonoxxi l-influwenza globali li qed tiżdied taċ-Ċina iżda b'mod partikulari f'pajjiżi differenti bħall- Belorussja, il-Venezwela, is-Sudan, iż-Żimbabwe, il-Burma/Myanmar, l-Iran u l-Korea ta' Fuq, li r-rekord tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem l-UE tikkritika b'mod qawwi;

    74. Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-Kunsill biex itejbu d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem billi jintroduċu l-interpretazzjoni simultanja waqt il-laqgħat; jitlob li Membri tal-Parlament Ewropew ikunu involuti b'mod iktar attiv fid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem flimkien mal-kollegi tagħhom mill-parlament Ċiniż;

    75. Jiddispjaċih li l-awtoritajiet f'Xinjiang b'mod regolari jiġbru flimkien individwi jew organizzazzjonijiet li allegatament huma involuti fit-"tliet elementi ta' ħażen", li tagħmilha diffiċli li wieħed jiddetermina jekk rejds, detenzjonijiet jew kundanni ġudizzjarji partikulari humiex immirati lejn dawk li qed ifittxu b'mod paċifiku li jesprimu l-fehmiet politiċi u reliġjużi tagħhom jew lejn dawk li huma involuti fil-vjolenza; iqis bħala kontroproduttiva l-qerda minn uffiċjali ta' kotba bil-lingwa Uighuriża, bil-għan li jgħawġu l-fatti storiċi u jrawmu sentiment ta' separatiżmu etniku;

    76. Ħerqan biex jiltaqa' mal-Kap Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong li ġie elett permezz ta' sistema elettorali bbażata fuq il-prinċipji tad-demokrazija b'aktar minn partit wieħed, ir-responsabilità tal-gvern lejn il-leġiżlatura u l-governanza ġenwinament effettiva, li se tkun ta' benefiċċju ċar għan-nies kollha ta' Hong Kong;

    77. Jirrikonoxxi r-rwol dejjem akbar li ċ-Ċina għandha bħala potenza globali fuq livell dinji; f'dan irrigward, iħeġġeġ lill-gvern Ċiniż biex jimpenja ruħu bis-sħiħ f'dak li għandu x'jaqsam mar-responsabiltajiet dejjem akbar tiegħu u biex jieħu sehem attiv fl-organizzazzjonijiet u l-fora internazzjonali u sabiex jippromwovi l-paċi u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti u biex jappoġġja l-valuri universali tad-demokrazija, id-drittjiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

    Politika barranija/Relazzjonijiet mal-ġirien

    78. Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib tad-dinja ta' barra, speċjalment il-ġirien reġjonali ta' Beijing, firrigward tar-rata ta' tkabbir b'ċifri doppji kull sena min-nofs id-90ijiet fin-nefqa militari taċ-Ċina; jirrakkomanda b'mod qawwi — kif approvat minn bosta riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew — li l-embargo ta' l-armi ta' l-UE kontra ċ-Ċina għandu jinżamm sakemm ma jsirx iktar progress fuq kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem; ifakkar f'dan il-kuntest fil-ħtieġa li tiġi inkluża f'aktar negozjati dwar il-Politika Ewropea dwar il-Viċinanzi u dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni, l-adeżjoni għall-embargo ta' l-UE fuq il-kummerċ flarmi mal-PRC;

    79. Jenfasizza r-rabta diretta bejn l-interess ovvju taċ-Ċina li tikseb aċċess għall-ogħla teknoloġija militari Ewropea u li jitneħħa l-embargo fuq l-armi kontra l-PRC, rabta li għandha konsegwenzi sinifikanti għallkoeżjoni tar-relazzjoni transatlantika u l-pożizzjoni tass-suq fl-Ewropa ta' l-industrija ta' l-armi ta' l-ogħla teknoloġija;

    80. Jesprimi tħassib dwar il-profondità tal-koperazzjoni maċ-Ċina fil-programm Galileo u jsejjaħ biex tiġi introdotta iktar protezzjoni biex ikun żgurat li ċ-Ċina, u msieħba oħrajn, ma jkunux jistgħu jittrasferixxu teknoloġiji sensittivi li jintużaw fil-programm għal applikazzjonijiet militari;

    81. Josserva li l-Liġi taċ-Ċina kontra s-Seċessjoni ta' l- 14 ta' Marżu 2005 u l-istazzjonar preżenti ta' iktar minn 800 missila mal-kosta fix-xlokk tal-PRC li tħares lejn it-Tajwan igiddbu l-prinċipju ta' reunifikazzjoni paċifika; jistieden liċ-Ċina u lit-Tajwan biex jistabbilixxu fiduċja u rispett reċiproku u biex ifittxu bażi komuni waqt li jqiegħdu fil-ġenb id-differenzi li jeżistu bejniethom, biex jistabbilixxu l-bażi politika neċessarja għal żvilupp paċifiku u sod tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Fliegu, biex jibdew mill-ġdid djalogu dwar dawk ir-relazzjonijiet sabiex jissaħħu l-iskambji u l-koperazzjoni ekonomika, sabiex isir progress b'mod partikulari fuq it-"tliet ħolqiet diretti" bejn iż-żewġ naħat tal-Fliegu ta' Tajwan (il-posta, it-trasport u l-kummerċ);

    82. Huwa tal-fehma li fir-rigward ta' l-għażla possibbli ta' proċess paċifiku ta' reunifikazzjoni maċ-Ċina, ir-rieda u l-approvazzjoni ta' 23 miljun ċittadin tat-Tajwan żgur li jridu jitqiesu, u jkunu rispettati, u hekk ukoll is-sovranità u l-integrità tat-Tajwan, fin-negozjati maċ-Ċina dwar l-istat tat-Tajwan; jirrimarka li l-bidu ta' proċess demokratiku ġenwin fil-PRC jista' jgħin biex titnaqqas it-tensjoni u titlesta t-triq għall-kontinwazzjoni ta' djalogu sostanzjali bejn iż-żewġ naħat;

    83. Jistieden liċ-Ċina biex tappoġġja l-possibilità li t-Tajwan ikollu l-istejtus ta' osservatur fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa ta' l-Organizzazzjoni għas-Saħħa fid-Dinja, sabiex tipproteġi s-saħħa tal-poplu tat-Tajwan, ta' rappreżentanti internazzjonali u ħaddiema barranin fuq il-gżira, u tal-popolazzjoni kollha tad-dinja; ifakkar f'dan il-kuntest li infezzjonijiet bħall-HIV/AIDS, it-tuberkulożi, il-malarja, is-SARS, u riċentement, l-influwenza avjarja ma jafux fruntieri u jeħtieġu koperazzjoni mad-dinja kollha — kif ukoll, u speċjalment, mat- Tajwan bħala wieħed mill-iktar ċentri internazzjonali importanti fil-Paċificu tal-Punent; itenni s-sejħa tiegħu biex it-Tajwan ikun rappreżentat aħjar f'fora u f'organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tasal fi tmiemha lesklużjoni mhux ġusta ta' 23 miljun ruħ mill-komunità internazzjonali;

    84. Jikkonkludi li r-relazzjoni problematika bejn Beijing u Tokjo hija kkawżata minn sens reċiproku ta' sfida: Il-Ġappun qed iħossu sfidat mill-qawmien ekonomiku taċ-Ċina u ċ-Ċina mit-tentattiv tal-Ġappun biex ikollu rwol politiku ikbar u iktar attiv fir-reġjun; jistieden liż-żewġ pajjiżi biex ma jagħmlux azzjonijiet li jistgħu joffendu t-tifkira storika jew is-sensibilitajiet tal-pajjiż l-ieħor;

    85. Jilqa' l-inizjattiva Amerikana għall-bidu ta' djalogu strateġiku ma' l-Ewropa dwar il-qawmien taċ-Ċina — element ewlieni ġdid fil-politika tad-dinja "l-ġdida" lejn id-dinja "l-antika" — u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw, kunsens strateġiku dwar kif għandha tiġi ttrattata ċ-Ċina;

    86. Jenfasizza l-importanza globali tar-relazzjonijiet taċ-Ċina fil-qasam ta' l-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu kif ukoll dawk li qed jitfaċċaw issa; jiġbed l-attenzjoni għall-impatt fuq is-suq dinji ta' l-enerġija tażżieda fil-konsum ta' enerġija fiċ-Ċina, li se timxi id f'id mat-tkabbir ekonomiku tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkludu kwistjonijiet dwar l-enerġija fl-istrateġija fit-tul tagħhom għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina biex meta jkun xieraq iqajmu l-kwistjoni fil-kuntatti tagħhom maċ-Ċina;

    87. Jirrikonoxxi l-importanza ekonomika speċjali tal-Kontinent Afrikan għall-PRC (30 % ta' l-importazzjoni taż-żejt/suq li qed jikber għal tagħmir militari Ċiniż), iżda jħeġġeġ lit-tmexxija Ċiniża biex tirrispetta r-responsabilitajiet taċ-Ċina bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u biex fir-relazzjonijiet tagħha ma' stati Afrikani tippromwovi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, irrispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prevenzjoni ta' kunflitti;

    88. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet taċ-Ċina biex ikollhom rwol attiv sabiex jitkattar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u ssir bidla demokratika fil-Burma/Myanmar;

    89. Jistenna li l-PRC tapplika l-proklamazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni nukleari b'mod konkret fir-relazzjonijiet ta' influwenza li ċ-Ċina għandha ma' l-Iran; jenfasizza li pożizzjoni deċiżiva tal-PRC fir-rigward ta' l-Iran tista' turi r-rieda u l-ħila taċ-Ċina li tieħu fuqha responsabilità internazzjonali;

    90. Jilqa' l-impenn taċ-Ċina għat-Taħdidiet bejn is-Sitt Partiti, u jħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jagħmel iktar biex jippromwovi s-sigurtà u l-istabilità fl-Asja tal-Lvant, b'mod partikulari fil-peniżola Koreana, u biex ikollu rwol iktar proattiv fil-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq;

    Konklużjonijiet

    91. Jikkonkludi li relazzjoni ekonomika u kummerċjali kredibbli, stabbli u responsabbli bejn l-UE u ċĊina għandha tkun ibbażata, fuq in-naħa Ewropea, fuq l-iżvilupp ta' strateġija fit-tul u, fuq in-naħa Ċiniża, fuq l-iżvilupp ta' klima soda ta' investiment, fuq it-titjib fis-sigurtà legali għal kumpaniji barranin, fuq il-ftuħ kontinwu tas-swieq tagħha, u qabel kollox, fuq l-osservanza ta' regoli ġusti u ugwali dwar il-kummerċ u fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tad-WTO, inkluża l-konformità mal-ftehim tat-TRIPS fir-rigward tal-ħarsien ta' l-IPR;

    92. Jenfasizza l-importanza li jiġi indirizzat l-kunċett ta' responsabilità soċjali korporattiva u l-bżonn ta' promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ekoloġikament sostenibbli fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu ħsieb li dawn il-prinċipji jiġu applikati;

    93. Jasal għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni ġewwiena taċ-Ċina għandha titjieb billi jissaħħaħ il-proċess indiġenu ta' demokratizzazzjoni, billi tiżdied il-professjonalità tal-ġudikatura, billi tiġi abolita għal kollox lpiena tal-mewt u fuq kollox, billi jiġi implimentat il-programm soċjali tal-Gvern, approvat mill-10 Kungress Nazzjonali tal-Poplu, favur il-komunitajiet tal-kampanja li għadhom lura sabiex tinqeda l-popolazzjoni taċĊina u tiġi promossa l-istabilità fir-reġjun, u billi jitħarsu l-minoritajiet u d-diversità kulturali, speċjalment firreġjuni tat-Tibet u ta' Xinjiang;

    94. Jikkonkludi li politika kredibbli u responsabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem tista' tiġi stabbilita millġdid fiċ-Ċina biss billi jiġu rispettati d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini tagħha, kif iddikjarati fil-Kostituzzjoni tar- Repubblika Popolari;

    95. Jasal għall-konklużjoni li ċ-Ċina tista' tikkontribwixxi b'mod qawwi għal relazzjonijiet kredibbli, stabbli u responsabbli ma' pajjiżi barranin u fil-viċinanzi billi tirrikonoxxi l-pożizzjoni ewlenija tagħha bħala parti interessata serja fil-liġi internazzjonali — u s-sistema ta' promozzjoni tal-paċi, pass ewlieni li l-UE tista' tippromwovi b'mod sinifikanti billi tifformula ma' l-Istati Uniti strateġija komuni ġdida dwar iċ-Ċina;

    *

    * *

    96. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti u dawk kandidati għas-sħubija, lill-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina, u lill-awtoritajiet tat-Tajwan.

    [1] ĠU L 250, 19.9.1985, p. 2.

    [2] ĠU L 6, 11.1.2000, p.40.

    [3] Testi Adottati, P6_TA(2005)0381.

    [4] ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 347.

    [5] ĠU C 45 E, 23.2.2006, p 107.

    [6] ĠU C 127 E, 29.5.2003, p 652.

    [7] Testi Adottati, P6_TA(2006)0037.

    [8] ĠU C 157 E, 6.7.2006, p 471.

    [9] ĠU C 201 E, 18.8.2005, p 122.

    [10] ĠU C 247 E, 6.10.2005, p 158.

    [11] Testi Adottati, P6_TA(2005)0416.

    --------------------------------------------------

    Top