Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0806

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ir-Rapport ta' kull sentejn dwar il-Qafas Speċjali ta' Assistenza għall-fornituri tradizzjonali ta' l-AKP tal-banana

    /* KUMM/2006/0806 finali */

    52006DC0806

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ir-rapport ta' kull sentejn dwar il-Qafas Speċjali ta' Assistenza għall-fornituri tradizzjonali ta' l-AKP tal-banana /* KUMM/2006/0806 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 15.12.2006

    KUMM(2006) 806 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Ir-rapport ta' kull sentejn dwar il-Qafas Speċjali ta' Assistenza għall-fornituri tradizzjonali ta' l-AKP tal-banana

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Ir-rapport ta' kull sentejn dwar il-Qafas Speċjali ta' Assistenza għall-fornituri tradizzjonali ta' l-AKP tal-banana

    INTRODUZZJONI

    L-importazzjonijiet tal-banana fil-Komunità Ewropea kienu tradizzjonalment regolati b'sistema ta' kwoti bi trattament preferenzjali qawwi għall-banana mill-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP). Kien hemm ħafna nuqqas ta' qbil fuq din il-kwistjoni fis-snin disgħin u fil-bidu tas-snin 2000. Dak iż-żmien kienu saru tibdiliet varji fis-sistema tal-kwota (fl-1998 u fl-2001), u fl-aħħar din is-sistema nbidlet f'waħda ta' tariffi biss li bdiet fl-1 ta' Jannar 2006.

    Sabiex tingħata għajnuna lit-tnax-il fornitur tradizzjonali tal-banana ta' l-AKP jlaħħqu mal-modifiki fl-arranġamenti kummerċjali, twaqqaf Qafas Speċjali ta' Assistenza (SFA) fl-1999, iffinanzjat minn linja baġitarja dedikata. Dawn il-ħames pajjiżi Afrikani u s-seba' pajjiżi tal-Karibew li ġejjin kienu l-fornituri tradizzjonali u allura l-benefiċjarji ta' l-SFA:

    Il-Beliże, il-Kamerun, Kap Verde, Dominika, il-Grenada, il-Kosta ta' l-Avorju, il-Ġamajka, il-Madagaskar, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, is-Somalja, u s-Surinam

    Dan il-qafas jipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju għall-proġetti speċifiċi ppreżentati mill-pajjiżi konċernati, ibbażat fuq strateġija fit-tul li l-Kummissjoni kienet qablet magħha u approvat minn qabel. L-allokazzjonijiet lill-pajjiżi individwali huma kkalkulati fuq bażi annwali wara li jkunu kkunsidrati żewġ kriterji, jiġifieri d-differenza fil-kompetittività osservata meta mqabbla mal-fornituri mill-pajjiżi terzi u l-importanza tal-produzzjoni tal-banana għall-ekonomija tal-pajjiż ta' l-AKP konċernat. Il-baġit annwali gradwalment naqas minn €44.5 miljun fl-1999 għal €30.7 miljun fl-2006. Bejn l-1999 u l-2003 l-metodu għall-allokazzjoni nħoloq b'tali mod li dawk il-pajjiżi li jsofru minn nuqqas akbar ta' kompetittività u li s-settur tal-banana tagħhom jikkontribwixxi aktar għat-total tal-PGD ngħataw appoġġ akbar. Mill-2004, għandu jkun applikat tnaqqis massimu ta' 15% fl-allokazzjonijiet nazzjonali meta jsiru l-kalkoli, u r-rata għandha tkun aktar baxxa għal dawk il-pajjiżi li saru aktar kompetittivi.

    BAżI ġURIDIKA

    Fit-22 ta' April 1999 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 856/1999[1] li jistabbilixxi Qafas Speċjali ta' Assistenza għall-fornituri tradizzjonali ta' l-AKP li jipprovdu l-banana. Fit-22 ta' Lulju 1999 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 1609/1999[2] li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tiegħu.

    L-ġenerali ta' l-iskema hu li titjieb il-kompetittività tal-produzzjoni tradizzjonali tal-banana ta' l-AKP, jew, jekk dan mhux aktar fattibbli, li jappoġġa d-diversifikazzjoni. Fil-qosor, l-għan hu li tinkiseb din il-mira billi jkunu ffinanzjati proġetti mfassla.

    - Biex ikabbru l-produttività,

    - Biex itejbu l-kwalità

    - Biex il-produzzjoni u l- marketing jkunu adattati skond l-istandards ta' kwalità Komunitarji,

    - Biex ikunu stabbiliti għaqdiet tal-produtturi li jiffokaw fuq it-titjib fil- marketing kif ukoll l-iżvilupp ta' metodi ta' produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż id-dħul tal-banana f'suq ġust,

    - Biex ikunu żviluppati strateġiji ta' mfassla biex jissodisfaw il-ħtieġa ta' l-organizzazzjoni komuni tal-KE tas-suq tal-banana,

    - Biex tingħata għajnuna lill-produtturi tal-banana biex jiżviluppaw metodi ta' produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż id-dħul tal-banana f'suq ġust,

    - Biex jingħata appoġġ lid-diversifikazzjoni kulfejn il-kompetittività fis-settur tal-banana ma tkunx sostenibbli.

    Fl-2005 u fl-2006 il-linja baġitarja ammontat għal €34.5 u €30.7 miljun, rispettivament. Id-Deċiżjonijiet relevanti tal-Kummisjsoni li jiffissaw l-ammonti (individwali) disponibbli fl-2005 u fl-2006 kienu adottati fid-29 ta' April 2005[3] u fil-31 ta' Marzu 2006[4]. Il-formula ta' allokazzjoni għall-pajjiżi individwali hi bbażata fuq żewġ kriterji: id-differenza fil-kompetittività bejn kull pajjiż ta' l-AKP u l-fornituri tal-banana tal-Pajjiżi Terzi u l-importanza tas-settur għall-ekonomija ta' kull benefiċjarju. Fir-rigward ta' l-ewwel kriterju, il-valutazzjoni msemmija fis-sezzjoni 7 kkonkludiet li l-għażla tal-prezzijiet tas-CIF bħala għodda biex titkejjel il-kompetittività għandha xi nuqqasijiet għaliex mhux neċessarjament tirrifletti b'mod sħiħ id-differenza fil-kompetittività bejn il-fornituri ta' l-AKP u n-Nazzjon l-Aktar Favorit (MFN).

    L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill jispeċifika li "sal-31 ta’ Diċembru 2000, u kull sentejn minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, akkumpanjat minn proposti jekk hu xieraq, dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsilll". Ir-rapport preżenti jkopri s-snin 2005 u 2006. Ir-rapport preċedenti, li kopra is-snin 2003 u 2004, ħareġ fil-21 ta' Diċembru 2004[5].

    INFORMAZZJONI DWAR IS-SUQ

    Fl-2005 kienu kkounsmati 4 371 324 tunnellata banana fil-KE, li minnhom 3 722 949 tunnellata kienu importati u 648 375 tunnellata kienu prodotti internament, biex b'hekk il-KE saret it-tieni l-akbar suq ta' importazzjoni fid-dinja, wara l-Istati Uniti (3 824 409 tunnellati). Kważi l-banana kollha importata fl-Istati Uniti fl-2005 oriġinat mill-Amerika t'Isfel (il-banana ta' l-AKP tirrapreżenta biss 4 437 tunnellata jew 0.12% ta' l-importazzjonijiet totali).

    F'kuntrast, il-KE hi fornuta minn tliet gruppi differenti: l-Amerika t'Isfel, l-AKP u l-produtturi tal-KE. Fl-2005, 79.5% ta' l-importazzjonijiet fil-KE kien mill-Amerika t'Isfel filwaqt li l-20.5% li jifdal ġie mill-AKP. Il-fornituri ewlenin mill-Amerika t'Isfel lill-KE fl-2005 kienu l-Ekwador, il-Kolombja u l-Kosta Rika, b'1 059 245 tunnellata, 878 229 tunnellata u 623 468 tunnellata, rispettivament. Fl-istess perjodu, il-fornituri ewlenin ta' l-AKP lill-Komunità kienu: il-Kamerun, il-Kosta ta' l-Avorju u r-Repubblika Domenikana, li esportaw 253 349 tunnellata, 183 397 tunnellata u 144 683 tunnellata, rispettivament.

    Mill-1 ta' Jannar 2006, il-KE mmodifikat ir-reġim ta' importazzjoni tagħha. Fl-ewwel sitt xhur ta' l-2006, il-prezzijiet tal-banana kollha (mill-Amerika t'Isfel, l-AKP u l-KE) kienu anqas minn dawk ta' l-2005, għalkemm f'livell komparabbli għal dak ta' l-2004.

    IR-REġIM KUMMERċJALI TAL-KE

    Mill-1 ta' Jannar 2006, il-KE bdiet tapplika reġim ta' importazzjoni ġdid għall-banana li jikkonsisti f'tariffa MFN ta' €176/tunnellata u kwota ta' rata ta' tariffa bla dazju ta' 775 000 tunnellata għall-banana ta' oriġini AKP. Dan ir-reġim il-ġdid huwa b'rispett lejn l-impenji tal-KE biex mill-2006 tgħaddi mis-sistema ta' kwota preċedenti għal reġim purament tariffarju. Ir-reġim jikkunsidra wkoll żewġ sentenzi arbitrazzjoniarbitrali ta' l-2005 fuq il-livell tariffarju proposti mill-KE, li ngħataw wara proċedura ta' arbitrazzjoni speċjali tad-WTO stabbilita fl-Anness tad-Deroga fir-rigward tal-Ftehim ta' Cotonou.

    Il-KE impenjat ruħha biex issegwi mill-qrib l-impatt tar-reġim il-ġdid fuq l-importazzjonijiet ta' oriġini differenti sabiex tiżgura li żżomm kondizzjonijiet ta' aċċess għas-suq ekwivalenti għal dawk tar-reġim preċedenti.

    F'dak li jikkonċerna l-fornituri ta' l-AKP, ir-reġim kummerċjali finali għall-banana se jkun kopert mill-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (EPAs) li bħalissa qed ikunu negozjati bejn il-KE u l-AKP u skedati li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008.

    DEċIżJONIJIET FINANZJARJI

    Linja baġitarja 2005

    Il-Proposti Finanzjarji sottomessi mit-tnax-il benefiċjarju kollha kienu approvati mill-kumitat ta' l-EDF f'Novembru 2005. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet ta' Finanzjament korrispondenti f'Diċembru 2005 u l-Ftehimiet ta' Finanzjament kienu ffirmati fl-ewwel nofs ta' l-2006. L-ammont totali tal-Ftehimiet ta' Finanzjament kollha kien ta' €34.5 miljun, li jirrapreżenta tnaqqis ta' 7.5% mir-riżultat tal-baġit għall-2004.

    Fil-programmi maqbula, 48% tal-fondi se jservu biex tittejjeb il-kompetittività tas-Settur ta' l-esportazzjoni tal-Banana f'sitt pajjiżi. Madwar 52% tal-fondi se jiffinanzja d-diversifikazzjoni fi tmien pajjiżi ta' l-AKP. L-Anness 1 jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata lejn id-distribuzzjoni ta' fondi bejn iż-żewġ għanijiet ewlenin ta' l-iskema.

    Linja baġitarja 2006

    Il-Proposti ta' Finanzjament imressqin mit-tnax-il pajjiż benefiċjarju kollha kienu approvati mill-kumitat ta' l-EDF f'Otturbru 2006. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet ta' Finanzjament korrispondenti f'Diċembru 2006. Il-Ftehimiet ta' Finanzjament kollha huma mistennija li jkunu ffirmati fl-ewwel nofs ta' l-2007. L-ammont ġenerali ta' dawn il-12-il Ftehim ta' Finanzjament kien ta' €30.7 miljun, li jirrapreżentaw tnaqqis ta' 11% mill-baġit għall-2005.

    Fil-programmi maqbula, 39% tal-fondi se jservu biex itejbu l-kompetittività tas-Settur ta' l-esportazzjoni tal-banana f'ħames stati ta' l-AKP. Madwar 61% tal-fondi se jservu għad-diversifikazzjoni f'disa' Stati benefiċjarji ta' l-AKP. L-Anness 1 jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata lejn l-allokazzjoni tal-fondi bejn iż-żewġ għanijiet ewlenin tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999. It-Tabella 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-allokazzjoni tal-fondi ta' dawn l-għanijiet matul iż-żmien filwaqt li t-Tabella 2 turi dan skond il-pajjiż.

    IMPLIMENTAZZJONI

    Twettiq amministrattiv ġenerali tal-programmi

    L-introduzzjoni tar-regoli finanzjarji l-ġodda kellha effett profond fuq il-modalitajiet ta' l-eżekuzzjoni tal-programmi kollha ffinanzjati mil-linja baġitarja. Matul l-2005 u l-2006 ħafna mill-addattamenti meħtieġa għal dawn il-modalitajiet tlestew. Dawn inkludew l-estensjoni b'24 xahar tal-validità ta' ħafna mill-programmi deċiżi qabel l-2003.

    Ir-riżultati ta' l-ewwel eżerċizzju ta' verifika fl-2004 taħt l-Artikolu 164 tar-Regolament Finanazjarju wassal biex 10 pajjiżi jagħżlu mod parzjalment deċentralizzat għall-ġestjoni tal-programm, filwaqt li fiż-żewġ pajjiżi li baqa' l-programmi kienu se jkunu implimentati permezz ta' ġestjoni ċentralizzata. Dawn il-modalitajiet kienu adottati għall-programmi deċiżi għas-snin baġitarji 2003, 2004, 2005 u għall-programm propost għall-2006, bl-eċċeżżjoni tal-Beliże li qiegħda taqleb għal mod ta' ġestjoni parzjalment deċentralizzata. Għall-programmi implimentati taħt ġestjoni ċentralizzata (il-Beliże, il-Grenada, is-Surinam, il-Kamerun u s-Somalja) il-Kummissjoni qiegħda tipprepara l-kuntratti kollha u tħallas l-pagamenti kollha. Għall-programmi implimentati taħt ġestjoni parzjalment deċentralizzata (il-Ġamajka, Dominika, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, Kap Verde, il-Kosta ta' l-Avorju, il-Madagaskar) parti mill-programm hu implimentat mill-Awtorità Kontraenti indikata fil-Ftehim ta' Finanzjament fuq il-bażi ta' l-Estimi tal-Programm. Il-Kummissjoni tapprova l-Estimi tal-Programm u tikkontrolla ex-ante l-proċeduri kontraenti għall-kuntratti >50 000 euro u ex-post għall-kuntratti <50 000 euro. Permezz ta' l-Estimi tal-Programm, il-ħlasijiet huma deċentralizzati għall-ispejjeż operattivi u kuntratti fuq skala żgħira sal-limiti li ġejjin:

    Xogħlijiet | Provisti | Servizzi | Għotjiet |

    < €300 000 | < €150 000 | < €200 000 | ≤ €100 000 |

    Għall-kuntratti mhux koperti mill-Estimi tal-Programm, il-Kummissjoni tikkontrolla ex-ante l-proċeduri kontraenti għall-kuntratti >50 000 euro u ex-post għall-kuntratti <50 000 euro u toħroġ il-pagamenti.

    Matul l-2005 ir-responsabbiltà għall-programmi ta' l-Istati benefiċjarji kollha ta' l-AKP kienet devoluta għad-Delegazzjonijiet rispettivi. F'Awissu 2005, dan l-eżerċizzju tlesta, u kkontribwixxa ħafna favur it-titjib ta' l-eżekuzzjoni tal-programmi kemm f'termini ta' kwantità (kuntratti ffirmati) kif ukoll f'termini ta' kwalità. Id-Delegazzjonijiet involuti huma l-Ġamajka (il-Ġamajka u l-Beliże), il-Barbados (Dominika, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini u l-Grenada), il-Kosta ta' l-Avorju u l-Kamerun, il-Kenja (is-Somalja) u l-Madagaskar kif ukoll l-uffiċċi fis-Surinam u Kap Verde.

    Titjib fil-Kompetittività

    Il-proġetti mmirati għall-kompetittività ta' l-esportaturi tal-banana komplew f'dawk il-ħames pajjiżi li appoġġaw dan l-għan matul l-2002-2004. Għall-2005 u l-2006, dawn il-programmi jinkludu:

    - It-tiġdid tal-pjantaġġuni fil-Beliże, il-Kamerun, il-Ġamajka u s-Surinam. Fil-Ġamajka l-pjantaġġuni intlaqtu b'mod qawwi minn urugani kemm fl-2004 kif ukoll fl-2005. Fil-Beliże, il-Ġamajka u s-Surinam qed ikunu introdotti varjetajiet ġodda ta' banana li jirreżistu aħjar mard bħalma hija s-Sigatoka s-Sewda.

    - Investimenti biex jinkiseb jew jinżamm l-EUREGAP u/jew iċ-ċertifikat ta' kwalità ISO 14001 fil-Beliże, il-Kamerun, il-Kosta ta' l-Avorju, il-Ġamajka u s-Surinam. Dawn l-istandards ta' kwalità huma imposti mix-xerrejja bl-ingrossa l-kbar Ewropej.

    - Trattament, imballaġġ u ħżin tal-banana fil-Kamerun, il-Kosta ta' l-Avorju u s-Surinam.

    - Infrastrutturi soċjali fil-pjantaġġuni u mikro-proġetti soċjali għall-ħaddiema tal-pjantaġġuni fil-Kamerun u l-Kosta ta' l-Avorju.

    - Assistenza teknika għall-Beliże, il-Kamerun u l-Ġamajka, iffokata l-aktar fuq l-iżvilupp rurali u t-tisħiħ istituzzjonali.

    Taħt l-SFA 2005 Santa Luċija talbet li tuża 30% ta' l-allokazzjoni tagħha għat-taħriġ u l-assistenza teknika biex tappoġġa l-bqija tas-settur ta' l-esportazzjoni tal-banana. Minkejja l-programmi li jappoġġaw l-kompetittività ta' l-esportazzjonijiet tal-banana ħadu kważi 50% ta' l-allokazzjoni disponibbli fl-2005, fl-2006 il-figura niżlet għal 39% li hi simili għall-perċentwali tal-perjodu ta' wara s-sena 2000 (ara l-Anness 1). Il-ħames pajjiżi kollha li jappoġġaw dan l-għan kienu kapaċi jżommu jew iżidu l-kwantitajiet tal-banana esportata lejn il-KE matul il-perjodu 2003 sa l-2006.

    [pic]

    Diversifikazzjoni

    L-għan tad-diversifikazzjoni ntgħażel minn seba' pajjiżi fl-2005 u l-2006 (l-Kap Verde, Dominika, l-Grenada, l-Madagaskar, is-Somalja, Santa Luċija, u San Vinċenz u l-Grenadini). Dawn il-pajjiżi jew waqfu jesportaw jew raw l-esportazzjoni tal-banana tagħhom tonqos b'mod sostanzjali bejn l-1990 u l-2000. Ħadd minnhom ma kien kapaċi jirkupra s-swieq matul il-perjodu 2003 sa l-2006. L-attivitajiet ippjanati jkopru firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi u tipi ta' investimenti, iżda kollha għandhom l-għan li jipprovdu lill-(ex-)bdiewa u ħaddiema tal-banana aċċess għal sorsi alternattivi ta' dħul finanzjarju. Ittawlet ukoll id-durata tal-programmi li saret tipikament durata ta' bejn erba' u ħames snin peress li jieħdu aktar żmien biex jiksbu l-impatt sħiħ tagħhom. Il-programmi għall-2005 u l-2006 jinkludu:

    - It-taħriġ vokazzjonali, inkluż taħriġ ta' qari u kitba għall-adulti, biex itejbu l-possibbiltà ta' xogħol għall-ex-bdiewa u ħaddiema tal-banana fis-setturi tas-servizzi fil-pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant.

    - Id-Diversifikazjzoni agrikola lejn l-ortikultura li timmira s-suq l-lokali fil-Madagaskar u l-industrija tat-turiżmu u s-swieq lokali fil-Karibew tal-Lvant. Ex-esportaturi tal-banana fil-Ġamajka qed jingħataw għajnuna biex jiddiversifikaw għall-produzzjoni tal-banana u l-pjantaġġini għas-suq lokali (il-Ġamajka tikkonsma mal-100 000 tunnellata kull sena ta' banana friska u proċessata u pjantaġġini). Appoġġ għad-diversifkazzjoni agrikola tinkludi t-tisħiħ ta' servizzi ta' estensjoni agrikola provduta mill-Ministeri ta' l-Agrikoltura.

    - It-tisħiħ tat-turiżmu u/jew s-settur privat in ġenerali fil-Karibew tal-Lvant.

    - L-iżvilupp rurali f'żoni li tradizzjonalment jipproduċu l-banana fil-Beliże, Kap Verde, il-Ġamajka u s-Somalja (inklużi investimenti f'irrigazzjoni fuq skala żgħira).

    - L-assistenza teknika u appoġġ istituzzjonali fis-seba' pajjiżi kollha.

    [pic]

    Pajjiż

    Impenji u Ħlasijiet

    B'mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-programmi tibqa' lura. Tmiena u erbgħin fil-mija biss tal-fondi kollha allokati intużaw għal xogħlijiet, provisti u kuntratti ta' servizz jew għotjiet filwaqt li tħallsu biss 35%. Għall-programmi deċiżi bejn l-1999 u l-2005, għalhekk, madwar €150 miljun għad iridu jiġu kkuntrattati (RAC) u madwar €186 million għad irid jitħallsu (RAL).

    [pic]

    It-Tabella 2 tippreżenta l-progress għal kull sena ta' allokazzjoni.

    [pic]

    L-allokazzjonijiet għall-2006 huma inklużi fit-Tabella 2, iżda ġaladarba l-Ftehimiet ta' Finanzjament għad iridu jkunu ffirmati, mhumiex inklużi fit-titoli parzjali. B'mod partikulari, il-programmi deċiżi wara l-introduzzjoni tar-Regolament Finanzjarju fl-2003 qegħdin tard.

    [pic]

    L-istatus finanzjarju ta' kull pajjiż, kif preżentat fit-Tabella 3, juri varjetà kbira bi kważi l-fondi kollha impenjati f'kuntratti għas-Somalja u ¼ minnhom biss impenjati għall-Madagaskar u Kap Verde. Il-programmi deċiżi għall-pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant, li kollha jappoġġaw id-diversifikazzjoni, juru l-akbar dewmien. Madankollu, bl-adattamenti għall-programmi kważi kollha lesti u r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni mgħoddija lid-Delegazjzonijiet, l-eżekuzzjoni tal-programmi rkuprat. Kif turi t-Tabella 3, għall-2006 l-ammonti impenjati f'kuntratti u mħallsin sa l-aħħar ta' Ottubru tjiebu sostanzjalment meta mqabbla mas-snin preċedenti. Il-Kummissjoni tittama li tirkupra parti mid-dewmien matul is-sentejn li ġejjin.

    Fil-valutazzjoni ta' l-SFA imsemmija fis-sezzjoni 7, it-tqabbil ta' l-eżekuzzjoni finanzjarju tad-diversifikazzjoni u l-attivitajiet tal-kompetittività f'termini ta' ħeffa juri li dawn ta' l-aħħar marru aħjar. L-analiżi ta' l-eżekuzzjoni tal-programmi sallum turi li l-isforzi fit-tul meħtieġa mis-settur tal-banana ma jadattawx ruħhom faċilment għall-ħtieġa skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill biex ikollhom il-programmi ta' appoġġ deċiżi kull sena. Barra minn hekk, il-bżonn li jkunu aġġustati l-modalitajiet tal-programm wara l-introduzzjoni tar-Regolament Finanzjarju temporanjament naqqas l-attivitajiet u għalhekk l-impatt tal-programmi. Madankollu, il-parti l-kbira tal-problemi operattivi li nqalgħu nstabitilhom soluzzjoni fl-2005. Dan ikkontribwixxa għal aċċelerazzjoni b'saħħitha tal-programmi fl-2006.

    [pic]

    VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT TAL-QAFAS SPEċJALI GħALL-GħAJNUNA (L-SFA

    Ġenerali

    Twettqet valutazzjoni esterna ta' l-iskema bejn tmiem l-2005 u l-bidu ta' l-2006[6]. Kien possibbli li jkunu skrutinizzati l-interventi f'disa' pajjiżi ta' l-AKP (Il-Beliże, il-Kamerun, il-Kosta ta' l-Avorju, Dominika, il-Grenada, il-Ġamajka, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini u s-Surinam) ġaladarba f'dawn il-pajjiżi kienet reġistrata b'mod ġenerali aċċellerazzjoni qawwija fl-attivitajiet tal-proġetti fil-perjodu 2003-2005, filwaqt li t-tliet benefiċjarji l-oħra (Kap Verde, il-Madagaskar u s-Somalja) kienu għadhom ma bdew l-ebda investiment taħt l-SFA fil-bidu ta' l-istudju.

    Relevanza ta' l-istrateġiji tal-pajjiżi taħt l-SFA

    L-istrateġiji fuq medda medja sa twila ta' żmien (kif espressi fid-Dokumenti dwar l-Istrateġija tal-Banana), li kienu qablu magħom il-benefiċjarji ta' l-AKP u li jifformaw il-bażi tal-programmi maqbula kull sena mal-gvernijiet tagħhom, instabu relevanti. Dawk l-Istati li għażlu li jappoġġaw l-kompetittività tas-setturi tal-banana tagħhom kienu kapaċi jżommu jew iżidu l-kwantità tal-banana esportata lejn il-KE, anke fl-ewwel ftit xhur ta' l-2006. Dawk li għażlu li jappoġġaw id-diversifikazzjoni raw l-esportazzjoni tal-banana tagħhom (il- Windwards kienu qed jesportaw madwar 191 000 tunnellata b'kollox fl-1996 u 79 000 tunnellata biss fl-2004) u s-sehem fis-suq ikomplu jitherrew matul il-perjodu 1996-2004. Każ speċjali hu l-Ġamajka li tappoġġa ż-żewġ għanijiet.

    Dawn l-istrateġiji nstabu wkoll li huma koerenti ma' l-istrateġiji ta' żvilupp tal-pajjiżi rispettivi ta' l-AKP u l-istrateġiji ta' appoġġ li l-Kummissjoni kienet qablet magħhom fid-Dokumenti Nazzjonali dwar l-Istrateġiji.

    B'mod ġenerali, l-istrateġiji ta' 2003-2006 (bażi għall-ftehimiet ta' finanzjament li skondthom huma mnedija l-investimenti), jirriflettu f'mod aktar koerenti it-tibdiliet nazzjonali u internazzjonali u l-prospetti futuri tas-suq Komunitarju tal-banana. Din il-konsiderazzjoni hija valida aktar minn qatt qabel għal dawk il-pajjiżi li b'fehma soda jimmiraw li jtejbu l-kompetittività tas-setturi nazzjonali tal-banana: Il-Kamerun, il-Kosta ta' l-Avorju, il-Beliże u s-Surinam.

    L-impatti ta' l-SFA fuq is-settur tal-banana.

    F'dawk il-pajjiżi fejn, matul il-perjodu ta' qabel l-investimenti ta' l-SFA, is-settur tal-banana kiber jew baqa' stabbli, l-SFA kellu impatt fuq it-tisħiħ tal-produttività u l-effiċjenza u t-tnaqqis fl-ispejjeż. Dan hu l-każ kemm tal-Kamerun kif ukoll tal-Kosta ta' l-Avorju. Hawn, is-settur huwa dejjem aktar konċentrat u dipendenti fuq il-preżenza tal-kumpaniji tal-produzzjoni ta' daqs medju sa kbir u/jew kumpaniji kummerċjali (multinazzjonali jew le). L-SFA kellu impatt apprezzabbli fuq il-produzzjoni u l-organizzazzjoni tas-settur li diġà kienu tajbin. Għall-Kamerun, id- data turi li ir-rata tar-rendiment medju kibret bi 13.9% meta l-perjodu 1994-98 jitqabbel ma' l-2002-04; l-esportazzjonijiet żdiedu b'20% bejn l-1998 u l-2003; in-numru ta' ħaddiema impjegati għal kull 1000 tunnellata naqas minn 50.78 fl-1998 għal 40.77 fl-2003; u għal kumpanija speċifika l-ispejjeż tal-prodott imballat inxtorob bi 12.8% bejn l-2000 u l-2005. Fil-Kosta ta' l-Avorju, kien diġà sar progress sostanzjali fil-perjodu 1991-99, bl-esportazzjonijiet jiċċaqalqu minn 118 400 tunnellata prodotta fuq wiċċ ta' 12 000 ettaru fl-1991 għal 217 500 tunnellata prodotta fuq wiċċ ta' 5 493 ettaru fl-1999. Aktar titjib deher fil-perjodu 1999-2004, bl-esportazzjonijiet jilħqu 229 000 tunnellata, prodotta fuq wiċċ ta' 5 120 ettaru fl-2004. Bl-istess mod, ir-rata tar-rendiment kienet ta' 9.9 tunnellata kull ettaru fl-1991, 39.6 tunnellata kull ettaru fl-1999, u 41.7 tunnellata kull ettaru fl-2004.

    L-adattament ta' l-istrateġiji ta' l-SFA fil-kuntest u l-karatteristiċi strutturali tas-settur kellu riżultati tajbin kemm fil-Beliże kif ukoll fis-Surinam, fejn l-SFA kellu sehem fundamentali fil-qawmien tas-settur. Fil-Beliże, wara l-urugan Iris, li qered il-pjantaġġuni kollha fl-2001, il-produzzjoni telgħet minn 472 kaxxa kull ettaru fl-2001 għal 760 kaxxa kull ettru fl-2004. Fis-Surinam, wara l-kriżi u l-għeluq ta' l-impjant fl-2002-2003, il-produzzjoni niżlet minn 15.7 tunnellata kull ettaru fl-2001 għal 14.5 tunnellata kull ettaru fl-2004, iżda rkuprat b'mod qawwi għal 34.8 tunnellta kull ettaru fl-2005.

    Barra minn hekk, it-titjib fil-kompetittività (imkejla skond ix-xejriet ta' l-esportazjzoni totali u l-pożizzjonament fis-suq Komunitarju), miksub parzjalment minħabba l-investimenti ta' l-SFA biex tiżdied il-produttività (imkejla f'termini tat-titjib fir-riżultati u l-produttività tax-xogħol, flimkien ma' l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jonqsu), kellu konsegwenzi posittivi għall-impjieg fis-settur tal-banana, b'mod partikulari għall-Kamerun, is-Surinam u l-Beliże.

    Fil-Ġamajka, l-SFA intuża biex jappoġġa l-kompetittività ta' dawk il-kumpaniji li baqgħu fis-settur ta' l-esportazzjoni tal-banana, permezz ta' strateġija ta' assistenza teknika mfassla tajjeb li tiffoka fuq il-kwalità kummerċjali tal-prodott. L-ewwel effetti tagħha jistgħu jidhru fl-evoluzzjoni ta' l-indikaturi tal-kompetittività. L-SFA ippromwova wkoll attivitajiet (iffinanzjati kemm taħt l-għan tal-kompetittività kif ukoll l-għan tad-diversifikazzjoni) li l-mira tagħhom kienet li jappoġġaw il-produtturi fiċ-ċaqliqa tagħhom għas-suq lokali u għall-pjantaġġini, b'riżultati pjuttuost ta' suċċess.

    Fil-Gżejjer tar-Riħ, wara l-fokus inizjali fuq il-programmi parzjalment immirati lejn it-titjib tal-kompetittività tas-settur tal-banana, kien hemm ċaqliq progressiv lejn progetti orjentati b'mod ċar favur id-diversifikazzjoni. Minkejja li n-nuqqasijiet tas-settur tal-banana tal-Gżejjer tar-Riħ u il-livell dejjem jiżdied tal-kompetizzjoni fis-suq tal-KE propabbilment kienu sottovalutati meta tfasslet l-istrateġija inizjali, din il-bidla kienet riżutlata ta' kuxjenza gradwali fil-Gżejjer tar-Riħ tal-bżonn tal-bidla fil-qofol ta' l-iżvilupp ekonomiku fil-ġżejjer. Madankollu, minkejja n-niżla ġenerali sa mis-snin disgħin, is-settur tal-banana tal-Gżejjer tar-Riħ jibqa' preżenti fi swieq speċifiċi tal-KE. Element ewlieni ta' dan is-suċċess relattiv ta' l-istrateġija tal-Gżejjer tar-Riħ għas-settur tal-banana tagħhom kien l-orjentament lejn is-suq ta' kummerċ ġust. Minkejja li l-SFA appoġġa s-settur tal-banana b'mod ġenerali, s'issa l-ebda proġett ma kien ippreżentat biex jappoġġa direttament dak l-aspett ta' l-istrateġija tagħhom.

    Tajjeb li wieħed jinnota r-relazzjoni bejn l-SFA u l-kwalità kummerċjali. Fil-Ġamajka, il-Beliże u l-Kamerun, matul il-perjodu eżaminat, il-fondi ta' l-SFA intefgħu fuq strateġija kummerċjali li timmira li tikseb l-EUREPGAP (l-istandard għall-bejjiegħa bl-ingrossa Ewropej ibbażat fuq kriterji ambjentali u soċjali) u ċ-Ċertifikat ISO14001 (ġestjoni ambjentali). Kwalità ċertifikata hija ħtieġa li qed issir aktar importanti fil-kummerċ bl-ingrossa, speċjalment fis-suq Komunitarju. Dawn l-investimenti, iffinanzjati mill-SFA bil-ħsieb li jinkiseb iċ-ċertifikat, kellhom impatt pożittiv fit-titjib kemm ta' l-aspetti ambjentali kif ukoll il-kondizzjonijiet tax-xogħol soċjo-ekonomiċi fil-pjantaġġuni, flimkien mat-tisħiħ tal-pożizzjoni tas-settur fil-katina -.

    Impatti fuq id-diversifikazzjoni ta' l-ekonomiji u l-kondizzjonijiet soċjali

    Minkejja li għadu kmieni għal valutazzjoni ġenerali, l-istudju ta' impatt wera li l-attitivitajiet ta' diversifikazzjoni ffinanzjati fil-perjodu 1999 sa l-2004 kellhom riżultati mħallta. B'mod ġenerali, madankollu, jista' jingħad li l-attivitajiet ta' diversifikazzjoni taħt l-SFA jidhru li kellhom impatt soċjali, għaliex il-proġetti u l-infrastrutturi soċjali li ffinanzjaw kellhom l-għan li jtejbu l-kondizzjonijiet ta' għajxien tal-populazzjoni effettwata bit-tnaqqis tas-settur tal-banana.

    KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

    Fl-analiżi tagħha tal-qagħda preżenti fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' l-SFA, il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-diffikultajiet li nstabu fl-implimentazzjoni ta' dan l-istrument. Madankollu, ħafna mill-problemi operattivi li kienu affaċċjati li kellhom x'jaqsmu mar-Regolament Finanzjarju kienu solvuti fl-2005, u dan ikkontribwixxa favur aċċellerazzjoni qawwija tal-programmi fl-2006. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel l-isforzi kollha biex taċċellera aktar l-eżekuzzjoni filwaqt li tiżgura l-kwalità ta' l-interventi.

    Meta wieħed iqis il-komplessità ta' l-iskema u r-restrizzjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna benefiċjarji, ir-rakkomandazzjoni hi li tissaħħaħ l-assistenza kemm għall-organi tekniċi responsabbli mill-implimentazzjoni fuq il-livell lokali u kif ukoll għar-reċevituri finali. Dan l-appoġġ tekniku għandu jiffoka fuq il-problemi amministrattivi u proċedurali u ovvajment jinħtieġ għarfien espert kwalifikat ħafna.

    Fir-rigward ta' l-allokazzjoni tal-baġit bejn il-pajjiżi benefiċjarji, il-valutazzjoni tenfasizza l-iżvataġġi ta' l-użu tal-prezzijiet taċ-CIF biex titkejjel id-differenza fil-kompetittività. Madankollu, billi wara kollox l-SFA se jieqaf fi tmiem l-2008, mhux fl-interess ta' amministrazzjoni tajba li tkun ikkonsidrata bidla f'dan qasam issa.

    Finalment, f'termini ta' impatti ta' l-SFA fuq is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tas-settur tal-banana u l-pajjiżi konċernati, il-valutazzjoni wriet li għadu kmieni wisq biex jitkejlu l-impatti ta' l-SFA fuq id-diversifikazjzoni ta' l-ekonomiji konċernati. L-impatt kien b'mod ġenerali sodisfaċenti għall-programmi li mmiraw is-settur tal-banana fejn il-kondizzjonijiet għall-kompetittività kienu raġonevolment favorevoli. Madankollu, l-SFA jista' jitgħallem minn esperjenżi oħra relattivament ta' suċċess, bħalma hija l-konverzjoni tal-Gżejjer tar-Riħ għal suq ta' kummerċ ġust, bħala opportunità għall-intrapriżi żgħar biex jissoppravivu l-kompetizzjoni tas-suq globali.

    Pajjiż | Tisħiħ tal-Produttività (I) |

    Pajjiż |1999 |2000 |2001 |2002 |2003 |2004 |2005 |2006 |Total | | | | Ammont |Tip |Ammont |Tip |Ammont |Tip |Ammont |Tip |Ammont |Tip |Ammont |Tip |Ammont |Tip |Ammont |Tip | | | | Il-Beliże | | | | |0,45 |(9/10) |0,80 |(7) | | | | | | |0,89 |(9,12,13) |2,14 |23,88 | |Il-Kamerun | | | | | | | | | | | | | | |0,00 | |0,00 |38,41 | |Cape Verde |0,50 |(7) | | | | |0,50 |(7) |0,50 |(7/14) |0,50 |(7/14) |0,5 |(7/12) |0,5 |(7,12) |3,00 |3,00 | |Dominika |1,01 |(7/10) |1,27 |(7/10) |6,70 |(7/10/11) |6,40 |(10/14) |5,90 |(17/18) |5,30 |(15/19) |4,51 |(16) |3,83 |(13/14/17) |34,92 |45,64 | |Granada |0,06 |(14) |0,00 |(-) |0,50 |(10) |0,50 |(10) |0,50 |(12/13/14) |0,50 |(15) |0,5 |(15/16) |0,5 |(13/14) |3,06 |4,50 | |Il-Kosta ta' l-Avorju |0,38 |(7/14) |0,30 |(7/14) |0,25 |(7/14) | | | | | | | | |0,00 | |0,93 |25,85 | |Il-Ġamajka | | | | |1,53 |(14) |1,80 |(7) |1,65 |(7/14) |2,42 |(7/14) |1,65 |(12/14) |1,75 |(7,12,14) |10,80 |37,14 | |Il-Madagaskar |0,00 | |0,00 | |0,00 | |0,50 |(7) |0,50 |(7) |0,50 |(7) |0,5 |(7/12) |0,5 |(7) |2,50 |2,50 | |Santa Luċija |3,81 |(7/11) |3,92 |(7/11) |9,20 |(7/9/10/11/13/14) |8,80 |(7/9/10/11/13/14) |8,00 |(20) |7,26 |(7/11/12/14) |3,06 |(7/11/15/20) |5,41 |(7/11/13/14/21) |49,46 |60,56 | |San Vinċenz u l-Grenadini |4,84 |(8/14) |5,65 |(8/14) |6,40 |(8) |6,10 |(11/14) |5,60 |(11/14) |5,33 |(15) |4,53 |(16) |3,85 |(14/17) |42,30 |44,36 | |Is-Somalja | | | | |0,60 |(14) |2,80 |(1/7) |2,60 |(1/7/14) |2,07 |(1/7) |1,76 |(7/13) |1,5 |1/7 |11,33 |11,33 | |Is-Surinam | | | | | | | | | | | | | | | | |0,00 |19,14 | |TOTAL |10,60 | |11,14 | |25,63 | |28,20 | |25,25 | |23,88 | |17,01 | |18,73 | |160,44 |316,31 | |% ta' diversifikazzjoni |24% | |26% | |60% | |64% | |63% | |64% | |52% | |61% | |51% | | | |45,00 | |43,48 | |43,00 | |44,00 | |40,00 | |37,30 | |32,83 | |30,70 | |316,31 | | |

    Noti dwar it-Tabella tat-Tkabbir tal-Produttività u d-Diversifikazzjoni:

    1 IRRIGAZZZJONI U DRENAĠĠ

    2 TIĠDID TAL-PJANTAĠĠINI

    3 TRATTAMENT FITO-SANITARJU

    4 FERTILZZANTI

    5 IMBALLAĠĠ

    6 FRIŻA

    7 ŻVILUPP AGRIKOLU/RURALI

    8 TOROQ

    9 INFRASTRUTTURA SOĊJALI

    10 MIKRO-KREDITU

    11 PROĠETTI SOĊJALI

    12 TAĦRIĠ

    13 APPOĠĠ ISTITUZZJONALI

    14 ASSITENZA TEKNIKA

    15 SETTUR PRIVAT

    16 ICT

    17 TURIŻMU

    18 L-ILMA

    19 INFRASTRUTTURA

    20 AMBJENT

    21 ENERĠIJA

    22 STALLAZZJONIJIET TAL-FUNIKULAR

    [1] ĠU L 108, 27.4.1999, p.2.

    [2] ĠU L 190, 23.7.1999, p. 14.

    [3] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2005/1303

    [4] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2006/1137

    [5] COM(2004) 823 finali

    [6] in-Nru tas-CRIS tal-kuntratt 2005/102-529.

    Top