Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0712

    Green - Paper Diplomatic and consular protection of Union citizens in third countries

    52006DC0712




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 28.11.2006

    KUMM(2006)712 finali

    GREEN PAPER

    Il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadin ta' l-Unjoni fil-pajjiżi terzi

    (preżentat mill-Kummissjoni)

    1. DAĦLA

    1.1. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 20 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn issa 'l quddiem il-KE), fil-każ li ċittadin ta' l-Unjoni jkun f'pajjiż terz fejn l-Istat Membru tiegħu ma jkollux ambaxxata jew uffiċċju konsulari, huwa jkun jista' jibbenefika minn protezzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor li jkun rappreżentat fil-post, bl-istess kundizzjonijiet li dak l-Istat japplika għaċ-ċittadini tiegħu stess.

    Id-Deċiżjoni 95/553/KE[1] fasslet lista ta' interventi li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu f'każ ta' :

    - Arrest jew detenzjoni;

    - Inċident jew mard serju;

    - Att ta' vjolenza fuq ċittadin;

    - Il-mewt ta' ċittadin;

    - Għajnuna għal ċittadin f'diffikultà jew

    - Ir-ripatrijazzjoni tiegħu.

    Barra minn dan, din taħseb ukoll għal proċeduri marbuta ma' għoti ta' flus lil ċittadini f'diffikultà.

    Din il-lista mhix eżawrjenti. Id-Deċiżjoni tippreċiża li ċ-ċittadin jista' jagħmel talba ta' protezzjoni f'każijiet oħra li fihom tkun trid tingħata għajnuna immedjata lil ċittadin f'diffikultà, sakemm l-Istati Membri jkollhom il-kompetenza li jintervjenu.

    Barra minn dan, biex l-iskambju ta' l-informazzjoni jsir skond prattiċi nazzjonali tajba, fi ħdan il-Kunsill ta' l-UE twaqqaf grupp ta' ħidma responsabbli mill-kooperazzjoni ("COCON"). Dan l-aħħar, f'Ġunju 2006 huwa fassal linji gwida dwar il-protezzjoni ta' ċittadini Ewropej fil-pajjiżi terzi[2]. Mingħajr ma jkunu restrittivi, dawn il-linji gwida jpoġġu l-enfażi fuq l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fid-dawl ta' kooperazzjoni mill-qrib, li magħha huma marbuta d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni[3].

    1.2. Hemm ħafna raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni issottomettiet proposti ta' riflessjoni biex il-protezzjoni taċ-ċittadini tkun tista' tissaħħah:

    - L-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ipproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 stabbiliet id-dritt tal-protezzjoni konsulari u diplomatika bħala dritt fundamentali taċ-ċittadin Ewropew;

    - Id-Deċiżjoni 95/553/KE tistipula li hija għandha tkun riveduta ħames snin wara li tkun daħlet fis-seħħ, ħaġa li ġrat f'Mejju 2002;

    - Fl-2007, il-Kummissjoni se tippreżenta l-Ħames Rapport tagħha dwar iċ-ċittadinanza fl-Unjoni, li fih jistgħu jitħabbru inizjattivi dwar id-dritt għall-protezzjoni diplomatika u konsulari;

    - Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni f'Ġunju 2006 dwar it-twettiq tal-Programm ta' The Hague[4] ressqet ċerti suġġerimenti dwar il-protezzjoni diplomatika u konsulari;

    - Il-ħtieġa li jiġu definiti r-relazzjonijiet tal-protezzjoni konsulari u diplomatika ma' oqsma oħra (il-protezzjoni ċivili, l-interventi fil-każ ta' kriżijiet, l-għajnuna umanitarja), kif ġie enfasizzat fir-Rapport ippreżentat fid-9 ta' Mejju 2006 mis-Sur Michel Barnier[5] (minn issa 'l quddiem ir-Rapport Barnier).

    1.3. Il-protezzjoni diplomatika u konsulari tista' tikkonċerna każijiet individwali jew gruppi.

    1.4. Biex jintlaqgħu sitwazzjonijiet ta' kriżi, bħal ma huma diżastri naturali, atti ta' terroriżmu, pandemiji jew kunflitti militari, l-Unjoni għandha ċerti strumenti partikolari:

    - Il-mekkaniżmu ta' protezzjoni ċivili, li jista' jintervjeni fi ħdan kif ukoll barra l-Unjoni

    - L-għajnuna umanitajra lil popolazzjonijiet ċivili milquta minn diżastru barra mill-Unjoni

    - Strumenti speċifiċi biex jintlaqgħu sitwazzjonijiet ta' ġestjoni ta' kriżi bħal ma huwa l-mekkaniżmu tar-reazzjoni rapida

    - Missjonijiet ċivili ta' ġestjoni ta' kriżi fil-qafas tal-Politika Barranija ta' Sigurtà u ta' Difiża.

    Dawn l-istrumenti kollha jinħtieġu kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni biex tkun garantita l-koerenza fl-attivitajiet esterni ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri tagħha.

    Dawn l-oqsma ta' intervent jistgħu jitwettqu bis-sħiħ permezz ta' tisħiħ tal-protezzjoni taċ-ċittadini stipulata bl-Artikolu 20 tal-KE.

    1.5. L-Artikolu 20 tal-KE jagħti importanza partikolari għaż-żieda qawwija fi vjaġġi li jagħmlu ċittadini ta' l-Unjoni lejn pajjiżi terzi[6], kif ukoll taż-żieda fl-għadd ta' ċittadini li jmorru jgħixu f'dawn il-pajjiżi. Bħalissa, mhux kull Stat Membru għandu rappreżentazzjoni permanenti u aċċessibbli f'kull wieħed mill-pajjiżi terzi.

    Illum, huma biss tlieta l-pajjiżi li fihom l-Istati Membri kollha huma rappreżentati. Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, u minn 167 pajjiż terz hemm 107 li fihom hemm massimu ta' għaxar pajjiżi rappreżentati[7]. Din is-sitwazzjoni dehret l-aktar ċara meta t-tsunami kien laqat ir-reġjun tax-Xlokk ta' l-Ażja fi tmiem l-2004, fejn il-maġġoranza ta' l-Istati Membri ma kellhom lanqas rappreżentanza waħda fil-pajjiżi differenti li ntlaqtu mid-diżastru. Barra minn dan, 17-il Stat Membru huma rappreżentati fit-Tajlandja, fil-waqt li 6 biss huma rappreżentati fis-Sri Lanka u tlieta fil-Brunej. Fil-kunflitt fil-Libanu ta' Lulju 2006, deher ukoll li l-Istati Membri kollha m'għandhomx ħlief rappreżentanza permanenti waħda u aċċessibbli fuq il-post. Barra minn dan, ir-rapport Barnier wera li kien hemm preżenza Ewropea permezz tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea f'pajjiżi fejn ir-rappreżentanzi nazzjonali kienu xi minndaqqiet limitati ħafna. Anki jekk m'għandhomx kompetenzi konsulari, dawn id-delegazzjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati meta jsir sforz komuni biex jinqasmu r-riżorsi bejn kulħadd.

    1.6. Quddiem il-limitazzjonijiet tar-riżorsi konsulari u diplomatiċi ta' l-Istati Membri, joħroġ li l- acquis communautaire ta' bħalissa ftit hu żviluppat, jikkonsisti biss fid-Deċiżjoni 95/553/KE u għal skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fi ħdan il-COCON.

    Madankollu, iċ-ċittadini jitolbu tisħiħ fid-dimensjoni Ewropea. Dwar dan, stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru wera[8], fl-istess ħin, nuqqas ta' għarfien min-naħa taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom kif ukoll aspettativa qawwija mill-Ewropa f'dan il-qasam. Barra minn dan, wieħed jista' jinduna li nofs il-persuni residenti fl-Unjoni jaħsbu li se jivvjaġġaw lejn pajjiż terz matul it-tliet snin li ġejjin u li huma biss 23% fosthom li qalu li jafu bil-possibbilitajiet li joffri l-Artikolu 20 tal-KE; fl-istess waqt, 17% huma tal-fehma li huwa possibbli li tintalab protezzjoni mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    Fl-aħħar, fil-Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2006 "Proġett għaċ-ċittadini"[9], il-Kummissjoni saħqet, minn naħa waħda, fuq il-ħtieġa li l-Unjoni tiżviluppa l-kooperazzjoni f'materji konsulari, biex iċ-ċittadini Ewropej jingħataw protezzjoni aħjar fil-pajjiżi terzi u min-naħa l-oħra fuq li ċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni jkunu jafu d-drittijiet u li jkollhom aċċess sħiħ għalihom.

    Il-Kummissjoni qed tipproponi toroq biex titjieb l-informazzjoni li għandhom iċ-ċittadini u biex jingħata ħsieb dwar il-firxa ta' protezzjoni li wieħed għandu jagħtihom, dwar l-istrutturi u r-riżorsi li l-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispozżizzjoni f'dan il-qasam, u dwar ir-relazzjonijiet li għandhom jinbnew ma' l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi.

    2. L-INFORMAZZJONI LIĊ-ĊITTADINI

    Wieħed ma jistax jgħaddi mingħajr l-għoti ta' informazzjoni liċ-ċittadini fil-qasam tal-protezzjoni konsulari.

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi diversi miżuri, xi wħud fuq perjodu ta' zmien qasir u oħrajn li jinħtieġu t-teħid ta' deċiżjoni aktar kumplessa fuq livell Ewropew.

    2.1. Informazzjoni fuq id-dritt għall-protezzjoni diplomatika u konsulari .

    L-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri għandhom jaraw li tingħata l-informazzjoni b'mod regolari liċ-ċittadini u lill-oqsma professjonali involuti fit-trasport tal-persuni, bħal ma huma l-aġenziji ta' l-ivvjaġġar.

    Xi eżempji huma t-tqassim ta' fuljetti bl-informazzjoni, it-tqegħid ta' posters f'postijiet bħal ma huma l-ajruporti, il-portijiet, l-istazzjonijiet tal-ferrovija jew l-uffiċċji fejn jinħarġu l-passaporti, informazzjoni fuq is-sajt "Europa" u fuq il-websajt tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiż terz. Eżempju ieħor huwa dak ta' kuntatti bit-telefon u bil-posta li jistgħu jsiru ma' EUROPE DIRECT[10], li permezz tagħhom iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jistaqsu mistoqsijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni konsulari u diplomatika fil-pajjżi terzi.

    Azzjonijiet suġġeriti:

    - Tqassim ta' fuljetti, inkluż fl-oqsma professjonali implikati

    - Informazzjoni fuq is-sit "Europa" u fuq il-websajt tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi terzi.

    - Twaħħil ta' posters fl-ajruporti, fil-portijiet, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija jew f'kull post ieħor xieraq.

    - Servizzi ta' informazzjoni liċ-ċittadini.

    2.2. Informazzjoni fuq ir-rappreżentazzjoni ta' l-Istati Membri fil-pajjiżi terzi

    Fin-nuqqas ta' ambaxxata u ta' konsolat ta' pajjiżu, iċ-ċittadin għandu jkollu informazzjoni dwar l-ambaxxati u l-konsolati ta' l-Istati Membri l-oħra fil-pajjiż terz fejn ikun sejjer.

    Il-Kummissjoni tistma li hi tkun tista' tieħu ħsieb it-twettiq ta' l-għoti ta' din l-informazzjoni bil-għajnuna ta' l-Istati Membri. Għal dan il-għan dawn jistgħu jintalbu li jagħtu lill-Kummissjoni lista aġġornata ta' l-ambaxxati u konsolati kollha tagħhom fil-pajjiżi terzi, flimkien mad-dettalji kollha meħtieġa biex isir kuntatt magħhom.

    Azzjoni ssuġġerita:

    - Il-pubblikazzjoni u l-aġġornament tad-dettalji ta' fejn jistgħu jiġu kkuntattjati l-ambaxxati u l-konsolati ta' l-Istat Membri rappreżentati f'kull pajjiż terz.

    2.3. L-użu tal-passaport bħala mezz ta' informazzjoni.

    Ir-Rapport Barnier issuġġerixxa li l-passaporti kollha għandhom iġibu l-Artikolu 20 tal-KE.

    Fir-rapport tagħha lill-Kunsill Ewropew fil-15 ta' Ġunju 2006[11], il-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni talbet lill-Istati Membri biex jibdew iġibu l-Artikolu 20 tal-KE fuq il-passaporti tagħhom.

    Il-Kummissjoni tistma li dan ikun mod effikaċi biex iċ-ċittadini jitfakkru fid-drittijiet tagħhom.

    Azzjoni ssuġġerita:

    - L-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri biex iġibu l-Artikolu 20 tal-KE fuq il-passaport.

    2.4. Avviżi lil min jivvjaġġa

    Biex ma jiġrix li ċittadini jmorru lejn pajjiż terz fejn ikun hemm riskju għas-sigurtà tagħhom u għal saħħithom, kull wieħed mill-Istati Membri joħroġ avviż liċ-ċittadini tiegħu li fih jagħti l-istima tiegħu tar-riskju, liema stima tista' tkun differenti minn dik ta' l-Istati Membri l-oħra minħabba l-għarfien li jkollu tal-pajjiż ikkonċernat jew inkella minħabba t-tip ta' rabtiet li jkollu miegħu[12].

    Ta' min jara jekk ikunx possibbli li l-avviżi differenti jkunu ppreżentati b'mod koordinat.

    Per eżempju, id-Deċiżjonijiet 2119/98/KE[13] u 2000/57/KE[14] stabbilew netwerk fuq livell Komunitarju biex titħajjar kooperazzjoni, koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni ħalli jkun hemm prevenzjoni u kontroll aħjar tal-mard li jittieħed. L-informazzjoni hija dwar il-miżuri ta' saħħa pubblika li jittieħdu mill-Istati Membri biex jilqgħu għal xi theddida, anki theddida ta' pandemja. Din tixxandar permezz ta' sistema ta' twissija rapida (Early Warning and Response System -EWRS).

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmaw ukoll lill-professjonisti kkonċernati u lill-pubbliku in ġenerali b'dak li jkun sar qbil dwaru fuq livell Komunitarju. Ikun ukoll importanti li jinħarġu avvizi ta' twissija minn qabel liċ-ċittadini dwar ir-riskji permezz ta' informazzjoni xierqa u komuni permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti, u fil-forma ta' avviż miċ-Ċentru Ewropew tal-prevenzjoni u tal-kontroll tal-mard (ECDC).

    Azzjoni ssuġġerita:

    - Il-preżentazzjoni kkoordinata ta' l-avviżi lil min jivvjaġġa.

    2.5. Il-pubblikazzjoni tal-miżuri kollha biex jitwettaq l-Artikolu 20 tal-KE.

    Fl-interess tat-trasparenza, iċ-ċittadini għandhom jiġu informati b'mod effettiv bid-drittijiet tagħhom li joħorġu mill-Artikolu 20 tal-KE. Per eżempju, il-linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

    Azzjoni ssuġġerita:

    - Il-pubblikazzjoni tal-miżuri kollha biex jitwettaq l-Artikolu 20 tal-KE.

    3. IL-FIRXA TAL-PROTEZZJONI TAĊ-ĊITTADINI.

    Minħabba l-fatt li l-protezzjoni mhix uniformi, minħabba li l-Artikolu 20 tal-KE ma jorbotx lill-Istati Membri ħlief biex jagħtu protezzjoni liċ-ċittadini ta' l-Unjoni bl-istess kundizzjonijiet li bihom jagħtu protezzjoni liċ-ċittadini tagħhom stess, iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom quddiemhom daqstant sistemi ta' protezzjoni daqs kemm hemm Stati Membri.

    Dawn is-sistemi jista' jkollhom firxa ta' azzjoni u saħħa ġuridika differenti.[15]

    Il-Kummissjoni tistma li d-differenzi bejn l-aspetti differenti tal-protezzjoni jixraq li jkunu studjati fil-fond biex jiġu eżaminati l-possibbiltajiet li ċ-ċittadini tingħatalhom protezzjoni simili, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

    B'effett immedjat, għandhom jiġu eżaminati l-possibbilitajiet li ġejjin:

    3.1. Il-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jaħdmu u li jgħixu fil-pajjiżi terzi.

    Permezz tad-Deċiżjoni tagħha 88/384/KEE li tistabbilixxi proċedura ta' kommunikazzjoni u konsultazzjoni minn qabel fuq il-politiki ta' l-emigrazzjoni fir-rigward tal-pajjiżi li mhumiex membri[16], il-Kummissjoni stabbiliet proċedura ta' konsultazzjoni bejn l-Istati Membri biex titmexxa 'l quddiem, fost affarijiet oħra, l-inklużjoni fil-ftehimiet bilaterali ta' għadd massimu ta' dispożizzjonijiet komuni u biex titjieb il-protezzjoni taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li jkunu jaħdmu u jgħixu fil-pajjiżi terzi.

    L-inklużjoni fil-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi terzi tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni taċ-ċittadini ta' l-UE hija meħtieġa biex din il-protezzjoni tkun assigurata, kif stipulat mill-Artikolu 20 tal-KE.

    Azzjoni ssuġġerita:

    - Inklużjoni fil-ftehimiet bilaterali ta' l-Istati Membri mal-pajjżi terzi tad-dispożizzjonijiet li jipproteġu liċ-ċittadini ta' l-Unjoni li jkunu jaħdmu u jgħixu f'dak il-pajjiż, biex tkun applikata bis-sħiħ id-Deċiżjoni 88/384/KEE.

    3.2. Il-membri tal-familja ta' ċittadin ta' l-Unjoni li ma jkollux in-nazzjonalità ta' Stat Membru.

    Il-ħtieġa ta' protezzjoni konġunta taċ-ċittadini u tal-membri tal-familja tagħhom li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta' l-UE dehret fil-kunflitt tal-Libanu f'Lulju 2006, waqt il-proċeduri ta' evakwazzjoni u ta' ripatrijazzjoni lejn Ċipru ta' membri tal-familja ta' ċittadini ta' Stati Membri mhux rappreżentati. Jeħtieġ li jintemmu d-diffikultajiet konsiderevoli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u l-familji tagħhom f'sitwazzjonijiet bħal dawn u għalhekk li jiġu stabbiliti l-metodi biex tingħata garanzija ta' protezzjoni konġunta liċ-ċittadin f'diffikultà u lill-membri tal-familja tiegħu li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta' Stat Membru ta' l-UE.

    Azzjoni ssuġġerita:

    - Estensjoni tal-protezzjoni konsulari lill-membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-Unjoni, li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' pajjiż terz, permezz tal-meżżi xierqa (emenda tad-Deċiżjoni 95/553/KE jew proposta tal-Kummissjoni abbażi ta' l-Artikolu 22 tal-KE).

    3.3. L-identifikazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-kadavri.

    Il-konsegwenzi tat-tsunami fi tmiem l-2004 wrew il-kobor tal-problema marbuta ma' l-identifikazzjoni u tar-ripatrijazzjoni tal-kadavri. L-awtoritajiet lokali tal-pajjiż terz jistgħu jitolbu serje ta' formalitajiet, bħal ma hi l-kisba ta' ċertifikat għall-kadavru (mogħti mill-awtorità konsulari) jew ta' ċertifikati sanitarji u tal-pulizija li jiċċertifikaw il-mewt, ir-rispett ta' ċerti regolamenti dwar is-saħħa pubblika fejn jidħol it-tebut jew inkella t-traduzzjoni legali tad-dokumenti amministrattivi.

    Il-familji tal-vittmi jkollhom ukoll iħabbtu wiċċhom mal-kumplessità tal-proċeduri u ma' l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni.

    Xi Stati Membri aderew mal- Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tas-26 ta' Ottubru 1973 dwar it-trasferiment tal-kadavri [17], li għandha l-ħsieb li tiffaċilita l-formalitajiet amministrattivi tar-ripatrijazzjoni tal-kadavri. Madankollu, dan l-istrument iħalli diskrezzjoni wiesgħa f'idejn l-Istati Membri. Huwa importanti li l-Istati Membri jiġu konvinti li għandhom jaderixxu ma' dan l-istrument, hekk kif tkun qed issir azzjoni ta' simplifikazzjoni.

    Għall-ispejjeż marbuta mar-ripatrijazzjoni tal-kadavri, azzjoni kumplimentari tista' tkun il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' kumpens.

    Għar-ripatrijazzjoni tal-kadavri hija meħtieġa l-identifikazzjoni minn qabel. Dwar dan, il-Kummissjoni tħeġġeġ ir-riċerka u l-iżvilupp ta' strumenti effikaċi li jippermettu l-analiżi tad-DNA u li jkunu jiswew anqas flus minn dawn li jeżistu bħalissa.

    Azzjonijiet suġġeriti:

    Għall-ewwel:

    - Emenda tad-Deċiżjoni 95/553/KE biex tiġi inkluża l-identifikazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-kadavri.

    - Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li għadhom ma jaderixxux mal-Konvenzjoni ta' Strasbourg ta' l-1973 biex jaderixxu magħha.

    Għat-tul:

    - Simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' ripatrijazzjoni tal-kadavri.

    - Wara ċertu żmien, il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' kumpens.

    - Titħeġġeġ ir-riċerka u l-iżvilupp ta' strumenti ta' analiżi tad-DNA barra l-ispeċjalizzazzjoni fl-identifikazzjoni tal-vittmi f'xi laboratorji Ewropej.

    3.4. Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri biex tingħata għajnuna finanzjarja f'każ ta' bżonn

    Id-Deċiżjoni 95/553/KE turi l-kumplessità tal-proċedura ta' rimborż ta' l-ispejjeż u ta' l-għajnuna finanzjarja mħallsa lil ċittadini f'diffikultà. Minn jitlob l-għajnuna jkollu jikseb awtorizzazzjoni mill-Istat Membru tiegħu u jiffirma dokument li fih iwiegħed li se jagħti l-flus lura; l-Istat tan-nazzjonalità jagħti l-flus lura meta jintalab mill-Istat li jkun ta l-għajnuna; iċ-ċittadin iħallas lura lill-Istat tiegħu. Iċ-ċittadini ta' ċerti Stati Membri jistgħu jintlabu jiddepożitaw il-passaport tagħhom bħala garanzija għall-Istat li jkun qed jagħti l-għajnuna.

    Soluzzjoni tista' tkun li jinżammu files , b'mod ċentralizzat f'uffiċċju komuni fil-pajjiżi terzi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi kif deskritti fid-Deċiżjoni 95/553/KE.

    Azzjoni ssuġġerita:

    - Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri biex tingħata għajnuna finanzjarja f'każ ta' bżonn

    4. STRUTTURI U RIŻORSI

    4.1. Il-ħolqien ta' uffiċċji komuni

    It-talba għall-protezzjoni m'għandhiex toħloq xi problema speċifika sakemm dak li jkun irid isir ikun rimedju għal sitwazzjonijiet individwali, bħal ma hu t-telf ta' dokumenti. Madankollu, is-sitwazzjoni tista' tkun differenti fil-każijiet kollettivi, riżultat ta' diżastri, pandemji, atti ta' terroriżmu jew kunflitti militari.

    Huwa meħtieġ li l-ħidmiet jinqasmu kemm jista' jkun indaqs bejn l-Istati Membri, meta għadd kbir ta' ċittadini li ma jkollhomx rappreżentazzjoni ta' l-Istati tagħhom jitolbu l-għajnuna jew ir-ripatrijazzjoni. Fil-linji gwida li ssemmew hemm tentattiv biex ikun hemm qsim ta' din ix-xorta.

    Tweġiba għal dan it-tip ta' sitwazzjonijiet tista' tkun il-ħolqien ta' uffiċċji komuni, kif propost mir-Rapport Barnier u kif milqugħ mill-Kummissjoni, kif imsemmi fit-28 ta' Ġunju 2006, dwar it-twettiq tal-Programm ta' The Hague[18]. Xi proposti bħal dawn kienu ngħataw appoġġ mill-Parlament Ewropew[19].

    Il-ħolqien ta' uffiċċji komuni jkun jippermetti l-koerenza tal-funzjonijiet u biex jitnaqqsu l-ispejjeż fissi ta' l-istrutturi tan-netwerks diplomatiċi u konsulari ta' l-Istati Membri.

    Il-funzjonijiet eżerċitati fi ħdan dawn l-uffiċċji komuni jistgħu jkunu bbażati fuq sistema ta' provvista bejn l-Istati Membri, b'mod li jkunu jistgħu jitwettqu l-proposti li ġejjin:

    - Fil-każ tal-pajjiżi u l-preżenza tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri, dawn l-uffiċċji jkunu jistgħu jiġu milqugħa fir- rappreżentanzi jew fl-ambaxxati nazzjonali jew f'waħda biss jew ikollhom parti mid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni skond metodu li jrid jinstab. F'kull każ, l-aġenti konsulari jkunu jeżerċitaw, taħt l-awtorità ta' l-Istat tagħhom, il-funzjonijiet tagħhom fl-uffiċċji komuni. Fl-ewwel stadju, l-erba' żoni sperimentali suġġeriti fir-Rapport Barnier: Jistgħu jingħażlu l-Karibew, il-Balkani, l-Oċean Indjan u l-Afrika tal-Punent, Dawn iż-żoni ġew suġġeriti minħabba li jmorru fihom ħafna turisti Ewropej, minħabba li hemm rappreżentanza relattivament dgħajfa ta' l-Istati Membri kif ukoll minħabba li hemm delegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jkunu jistgħu jagħtu l-appoġġ xieraq. Il-programm ta' skambju ta' persunal bejn is-servizzi diplomatiċi nazzjonali ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Kunsill jista' jintuża f'dan il-każ, fl-ispirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2006 dwar l-Ewropa fid-dinja[20].

    - Biex jitwettqu l-funzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu iwaqqfu u jippubblikaw, għall-attenzjoni taċ-ċittadini, regoli li jistabbilixxu sistema ta' provvista u ta' qsim ta' l-inkarigi li sseħħ fi ħdan l-uffiċċju komuni f'kull pajjiż terz.

    - Biex jitħaffef ix-xogħol ta' l-uffiċċji komuni, il-kampanji ta' informazzjoni jistgħu jiġu organizzati billi ċ-ċittadini jiġu mistiedna jirreġistraw irwieħhom fuq bażi volontarja, u b'hekk iħaffu l-ħidma li jista' jkun hemm ta' salvataġġ.

    - Ġew adottati xi miżuri importanti fil-qasam tal-politika komuni dwar il-viżi, fuq il-bażi ta' Deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati mill-Istituzzjonijiet konsulari komuni (ICC). Dawn il-miżuri speċifiċi huma eżempju tal-valur miżjud li jista' jinkiseb għall-Ewropa. Biex jiġi kkumpensat in-nuqqas ta' preżenza konsulari f'ċerti pajjiżi terzi, diġà ġiet estiża l-possibbiltà li diġà teżisti li Stat Membru wieħed ikun jista' jirrappreżenta Stat Membru ieħor għat-tqassim ta' viżi[21]. Barra minn dan, bis-saħħa ta' emendi oħra li saru lill-istruzzjonijiet, issaħħet il-kooperazzjoni konsulari u ngħatalhom rwol akbar fl-applikazzjoni tal-politika komuni tal-viżi[22]. Fit-twessiegħ ta' dawn il-miżuri, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-aħħar inizjattivi biex jitlesta l-acquis li jeżisti dwar dan. Dawn jikkonsistu fi proposta għat-twaqqif ta' ċentri komuni fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-viżi[23], biex titħaffef l-introduzzjoni tal-biometrija u biex jinfirex l-ambitu ta' applikazzjoni tar-rappreżentazzjoni. Imbagħad, hija ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi Kodiċi dwar il-viżi, strument uniku li jirrevedi u jerġa' jiġbor id-dispożizzjonijiet relattivi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-ħruġ tal-viżi[24]. Il-proposta ta' Kodiċi taħseb b'mod partikolari biex issaħħaħ il-kooperazzjoni konsulari lokali fil-qasam tal-viżi, u biex issir aktar effikaċi. Għat-tul, ikun xieraq li wieħed jeżamina l-konverġenza bejn l-iżviluppi lejn uffiċċji komuni taħt l-angolu ta' protezzjoni konsulari u dawk relattivi għaċ-ċentri komuni fil-qafas tal-politika tal-viżi.

    Azzjonijiet suġġeriti:

    - Il-ħolqien, fl-ewwel stadju, ta' "uffiċċji komuni" fil-Karibew, fil-Balkani, fl-Oċean Indjan u fl-Afrika tal-Punent.

    - Il-pubblikazzjoni ta' regoli li jistabbilixxu sistema ta' sostituzzjoni bejn l-Istati Membri fil-pajjiżi terzi.

    - Kampanji ta' informazzjoni li jħajru liċ-ċittadini li jirreġistraw irwieħhom f'uffiċċju komuni.

    - Għat-tul, eżerċizzju mill-uffiċċji komuni li jkollhom funzjoni konsulari, dwar il-ħruġ ta' viżi jew il-leġiżlazzjoni dwar id-dokumenti.

    4.2. L-edukazzjoni ta' l-uffiċjali ta' l-Istati Membri

    Biex żgur ikun hemm edukazzjoni siewja, b'mod partikolari tal-persunal fl-"uffiċċji komuni", il-Kummissjoni tkun tista' torganizza attivitajiet edukattivi komuni, maħsuba għall-uffiċjali ta' l-Istati Membri u ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità dwar, pereżempju, il-kontrolli fil-fruntieri esterni ta' l-UE, dwar ir-ripatrijazzjoni tal-kadavri jew għall-kontenut tad-dritt għall-protezzjoni diplomatika u konsulari.

    Azzjoni ssuġġerita:

    - Edukazzjoni maħsuba għall-uffiċċjali ta' l-Istati Membri u ta' l-Istituzzjonijiet tal-Komunità.

    5. IL-KUNSENS TA' L-AWTORITAJIET TAL-PAJJIŻI TERZI

    It-twettiq ta' l-Artikolu 20 tal-KE jassumi l-kunsens tal-pajjiżi terzi.

    Prinċipju ġenerali tal-liġi internazzjonali hija li l-protezzjoni ta' ċittadin ta' Stat minn Stat ieħor issir bil-kundizzjoni li l-pajjiż terz jagħti l-kunsens tiegħu[25].

    L-Artikolu 20 tal-KE jistipula l-obbligu ta' l-Istati Membri li jidħlu f'negozjati internazzjonali meħtieġa għal dan il-għan.

    Kull Stat Membru suppost għalhekk jiftaħ negozjati bilaterali[26] mal-pajjiżi terzi. Iżda jkun ukoll possibbli li fil-ftehimiet imħallta konklużi mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha tkun negozjata klawsola-standard ta' kunsens għall-protezzjoni diplomatika u konsulari Komunitajra Bis-saħħa ta' klawsola bħal din, il-pajjiż terz ikun qed jaċċetta li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni jkunu jistgħu jirċievu għajnuna mingħand kull Stat Membru rrappreżentat fuq il-post.

    Każ speċifiku jikkonċerna l-poter ta' imbark u tfittxija fuq bastimenti tas-sajd li jkunu jtajru l-bandiera ta' Stat Membru kif ukoll l-arrest tal-kaptan u ta' l-ekwipaġġ. Skond kif stipulat minn ċerti ftehimiet dwar is-sajd, l-awtoritajiet tal-pajjiż terz huma obbligati li jinfurmaw lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-post, li teżerċita "dritt ta' protezzjoni diplomatika"[27] kif enfasizzat fid-digriet "Odigitria".[28]

    Huwa minnu li ma jista' jittieħed l-ebda eżempju ġenerali mid-digriet "Odigitria" barra mill-kuntest tal-ftehim dwar is-sajd li fil-kuntest tiegħu sar. Madankollu, għat-tul, il-kwistjoni ta' l-applikazzjoni ta' dan id-dmir ta' protezzjoni diplomatika tkun tista' titqajjem jekk din tkun toħroġ mill-kompetenzi Komunitarji.

    Azzjonijiet suġġeriti:

    - Tiddaħħal klawsola ta' kunsens fil-ftehimiet imħallta konklużi mal-pajjiżi terzi.

    - Għat-tul: Tiġi eżaminata l-possibbiltà li l-kunsens tal-pajjiżi terzi jiġi assigurat sakemm l-Unjoni tkun qed teżerċita dmir ta' protezzjoni, permezz tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, f'każijiet marbuta mal-kompetenzi Komunitarji.

    6. KONKLUŻJONIJIET

    Permezz ta' din il-Green Paper, il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi toroq ta' riflessjoni bil-ħsieb li jissaħħaħ id-dritt tal-protezzjoni diplomatika u konsulari Komunitarja. Qabel ma jitwettqu l-azzjonijiet meħtieġa għal dan l-iskop, li jkun jinħtieġ inizjattivi min-naħa tagħha jew koordinazzjoni ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni tixtieq tniedi diskussjoni pubblika wiesgħa mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill ta' l-Unjoni, barra milli mal-partijiet kollha interessati: l-Istati Membri, NGOs u s-soċjetà ċivili, kif ukoll maċ-ċittadini Ewropej.

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tixtieq tirċievi kontributi, li jkun fihom pożizzjoni dwar l-azzjonijiet suġġeriti hawnhekk, sal-31/03/2007, permezz tal-posta elettronika, fl-indirizz li ġej: "JLS-DIPLOCONSUL-PROTECTION@ec.europa.eu"

    Il-kontributi li jaslu jixxandru fuq "Your Voice in Europe", bl-isem ta' min għamilhom, ħlief jekk dawn ikunu jixtiequ jibqgħu anonimi jew f'każ li jitolbu li l-kontributi tagħhom jibqgħu kunfidenzjali.

    Dan id-djalogu jingħalaq bl-organizzazzjoni ta' sessjoni ma' dawk kollha interessati.

    [1] Deċizjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, miġbura fi ħdan il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fid-19 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea mir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari (ĠU L 314 28/12/1995 p.73).

    [2] Dok. 10109/06 tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea tat-2.6.2006.

    [3] Il-linji gwida jitolbu li kull Stat Membru jħejji pjan ta' kriżi li għandu jkun magħruf mill-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri huma wkoll imħajra jaqsmu wkoll it-tibdiliet li jsiru intant fl-avviz tal-vjaġġ. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu liċ-ċittadini ta' l-Unjoni li jxandru u li jibgħatu l-informazzjoni li jkollhom lill-missjonijiet, biex ikunu jistgħu jitwettqu bl-aktar mod effikaċi l-pjani ta' urġenza.

    [4] COM(2006) 331 tat-28 ta' Ġunju 2006 Twettiq tal-Programm ta' The Hague: It-triq ’il quddiem

    [5] Rapport ta' Michel Barnier lill-President tal-Kunsill ta' l-Unjoni u lill-President tal-Komunità Ewropea: "Għal forza Ewropea ta' protezzjoni ċivili: europe aid."

    [6] Fi ħdan il-grupp COCON, f'April 2006, ġie stmat li kull sena jsiru 180 miljun vjaġġ bħal dan.

    [7] Dok. tal-Kunsill 15646/05 tat-12 ta' Diċembru 2005, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Presidenza ta' l-Unjoni, barra l-Unjoni, mhux ippubblikat. Hemm żoni fejn ir-rappreżentanti diplomatiċi u konsulari ta' l-Istati Membri huma ċkejkna. l-Amerika Ċentrali u l-Karibew (pereżempju Stat Membru wieħed huwa rappreżentat fil-Belize, tlieta f'Ħaiti, erbgħa fis-Salvador, l-ebda wieħed fil-Baħamas, l-Ażja Ċentrali (fit-Taġikistan Stat Membru wieħed biss, u tlieta fit-Turkmenistan); l-Afrika Ċentrali u tal-Punent (Stat Membru wieħed huwa rappreżentat fil-Liberja kif ukoll f'Sao-Tomé u tlieta huma fil-Mali u fil-Kongo-Brazzaville).

    [8] Ewrobarometru Nru 188 ta' Lulju 2006.

    [9] COM (2006) 211 finali.

    [10] http://.eu.int/europedirect/index_en.htm.

    [11] Dok 10551/06 tad-15 ta’ Ġunju 2006: Tisħiħ tal-kapaċità ta' reazzjoni ta' l-UE f'każ ta' urġenza jew ta' kriżi.

    [12] Għal ħarsa ġenerali: http://www.travel-voyage.consilium.europa.eu

    [13] ĠU L 268 tat-3.10.1998

    [14] Deċiżjoni 2000/57/KE tal-Kummissjoni tat-22.12.1999 (ĠU L 21, 26.1.2000, p.32)

    15 Pereżempju huma biss ċerti Stat Membri li jagħtu d-dritt ta' apell meta l-protezzjoni tkun rifjutata.

    [15] ĠU L 183 ta' l-14.07.1988, p.35

    [16] Konvenzjoni Nr 80 tas-Serje ta' Trattati tal-Kunsill ta' l-Ewropa (Ratifikat minn 15-il Stat membru)

    [17] ara n-nota f'qiegħ il-paġna 4.

    [18] Riżoluzzjoni tal-5 ta' Settembru 2000 dwar id-diplomazija komuni Komunitarja.

    [19] COM (2006) 278 finali L-Ewropa fid-Dinja – xi suġġerimenti prattiċi għal aktar koerenza, effikaċja u viżibbiltà.

    [20] Deċiżjoni 2004/15 tat-22.12.2003, ĠU L 5 tad-9.1.2004

    [21] Deċiżjoni 2002/585 tas-16.7.2002, ĠU L 187 tas-16.7.2002 dwar il-kooperazzjoni ma' l-aġenziji tal-vjaġġi kif ukoll Deċiżjoni 2004/17 tat-22.12.2003, ĠU L 5 tad-9.1.2004 li tistabbilixxi l-obbligu ta' assikurazzjoni tal-vjaġġi.

    [22] COM(2006) 269 finali, 31.5.2006.

    [23] COM(2006) 403 finali, 13.7.2006.

    [24] Artikoli 45(c) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna ta' l-1961 dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi u 8 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna ta' l-1963 dwar ir-relazzjonijiet konsulari.

    [25] Dawn il-ftehimiet ikunu jikkumplimentaw dawk li huma stipulati fid-Deċiżjoni 88/384/KE: ara l-paragrafu 3.1 ta' din il-COM.

    [26] Pereżempju, il-ftehim bejn il-KEE u r-Repubblika tal-Kosta ta' l-Avorju fil-qasam tas-sajd (ĠU KE L 379/90, p.3)

    [27] Digriet tat-Tribunal ta' l-Ewwel Istanza tas-6 ta' Lulju 1995, Każ T-572/93

    Top