EUR-Lex Juurdepääs Euroopa Liidu õigusaktidele

Tagasi EUR-Lexi avalehele

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 52006DC0697

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi prinċipali mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006 {SEG(2006) 1467}

/* KUMM/2006/0697 finali */

52006DC0697

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi prinċipali mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006 {SEG(2006) 1467} /* KUMM/2006/0697 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.11.2006

KUMM(2006) 697 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi prinċipali mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006

{SEG(2006) 1467}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi prinċipali mir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006

1. DAħLA: RAPPORT ĠDID B'APPOġġ GħALL-ISTRATEġIJA EWROPEA GħAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta s-sejbiet u l-messaġġi mir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Kompetittività Ewropea 2006[1].

Ir-Rapport dwar il-Kompetittività jiffoka prinċipalment fuq l-analiżi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ l-iżviluppi tal-produttività, bħala indikatur ewlieni għall-kompetittività fuq medda twila ta' żmien. Il-Kompetittività hawn tfisser żieda sostnuta fl-istandards ta' l-għajxien ta' nazzjon jew reġjun u livell ta' qgħad involontarju baxx kemm jista' jkun. Fuq il-livell ta’ settur industrijali, il-kompetittività tiftiehem bħala ż-żamma u t-titjib tal-pożizzjoni tiegħu fis-suq globali.

Bl-Istrateġija l-Ġdida ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi li tnediet mill-ġdid u li tiddistingwi bejn sfidi makroekonomiċi, mikroekonomiċi u ta’ l-impjiegi, ir-Rapport dwar il-Kompetittività ġie ddisinjat mill-ġdid biex jikkontribwixxi għal bażi analitika solida li fuqu jissejjes il-pilastru mikroekonomiku ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona. Minn dan isegwi wkoll li l-analiżi ta’ kwistjonijiet f’dan ir-rapport tqarrbet lejn l-aġenda tal-politika.

Il-Komunikazzjoni preżenti ma timmirax li tikkonkludi bi proposti konkreti jew bi pjan ta’ azzjoni. L-ambizzjoni tagħha hija li ssostni t-teħid ta’ deċiżjonijiet billi tressaq ‘il quddiem għadd ta’ sejbiet u rakkomandazzjonijiet relevanti għall-politika li jirriżultaw mill-analiżi ekonomika.

Wara li jagħti ħarsa lejn l-iżviluppi reċenti marbuta mat-tkabbir, il-produttività u l-impjiegi fl-Ewropa, ir-Rapport jindirizza aspetti varji relatati ma’ tlieta mill-erba’ azzjonijiet ta’ prijorità ta’ l-aġenda tar-riforma li tressqu mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006: għarfien u innovazzjoni, il-ftuħ tal-potenzjal tan-negozju u lejn politika ta’ enerġija effiċjenti u integrata . Erba’ kapitoli jitrattaw, suċċessivament, il-liberalizzazzjoni tas-swieq ta’ l-enerġija Ewropej, l-ambjent Regolatorju fil-kuntest ta’ l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-impjiegi, l-iffinanzjar ta’ l-innovazzjoni, il-kunċett ta’ “Swieq Pilota” fil-politika ta’ l-innovazzjoni. Barra minn hekk, ir-Rapport jeżamina l-pożizzjoni kompetittiva ta’ żewġ setturi industrijali Ewropej ta’ teknoloġija għolja, il-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u l-industrija farmaċewtika. Fl-aħħar, anness statistiku jippreżenta l-indikaturi tal-kompetittività fuq il-livell settorjali.

2. IL-PRESTAZZJONI TA’ KOMPETITTIVITÀ TOTALI: SINJALI INKORAġġANTI LI L-PRESTAZZJONI DIżAPPUNTANTI FIT-TITJIB TAL-KOMPETITTIVITÀ MATUL L-AħħAR SNIN QIEGħDA TIġI INDIRIZZATA

Fl-aħħar deċennju, il-PGD per capita fil-25 ta’ l-UE kien aktar baxx milli fl-Istati Uniti u r-rata tat-tkabbir tal-PGD reali, il-produttività tax-xogħol u l-produttività totali tal-fatturi fl-Unjoni Ewropea kienu qegħdin jonqsu jew baqgħu l-istess matul il-perjodu 1990-2004. Dawn ix-xejriet għandhom fatturi strutturali u dan l-għarfien, fost dawk li jfasslu l-politika Ewropea, jesiġi risponsi ta’ politika xierqa. Fl-2000, il-Kunsill Ewropew qabel f’Liżbona li jniedi mill-ġdid il-kompetittività Ewropea. Fl-2005, l-istrateġija ta’ Liżbona ġġeddet, b’konċentrazzjoni akbar fuq il-politika mmirata lejn it-tkabbir ekonomiku u aktar impjiegi ta' kwalità. Fil-fatt, l-oqsma ewlenin ta’ l-istrateġija tat-“Tkabbir u Impjiegi” għandhom x’jaqsmu, fost l-oħrajn, ma’ spinta fit-tkabbir tal-produttività bl-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp, mat-titjib ta’ l-infrastruttura Ewropea, bit-tisħiħ tal-kapital uman u l-promozzjoni tal-kompetizzjoni. Dan jgħinna nisfruttaw aħjar il-globalizzazzjoni. Wieħed għandu jħares lejn din l-istrateġija wkoll fil-kuntest usa’ tal-kundizzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma tiġi kompromessa l-kapaċità ta’ ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess.

L-ewwel sinjal inkoraġġanti hija t-tendenza lejn rati akbar ta’ impjiegi f’ħafna Stati Membri ta’ l-UE. Dan hu sa ċertu punt ir-riżultat ta’ riformi fis-suq tax-xogħol li ġew implimentati fl-aħħar snin. Madankollu, ir-rati ta’ l-impjiegi fil-maġġoranza tal-pajjiżi għadhom aktar baxxi mill-miri ta' Liżbona.

Minkejja dawn, il-progress reċenti fir-rati ta' l-impjiegi fl-UE wasslilna biss żidiet żgħar fil-produttività tax-xogħol. Din il-prestazzjoni diżappuntanti tat-tkabbir tal-produttività tax-xogħol ta’ l-UE tista’ tiġi spjegata kemm b’investiment dgħajjef kif ukoll b’rata tat-tkabbir kumplessiv tal-produttività totali tal-fatturi kajmana. It-tkabbir kumplessiv tal-produttività totali tal-fatturi għadu baxx minn żmien it-tnaqqis fil-pass li seħħ f'nofs id-disgħinijiet. Dan juri l-bżonn li ma jiddewmux aktar ir-riformi skond il-prioritajiet miftiehma fl-Istrateġija għall-Impjiegi u t-Tkabbir. Żiediet fil-produttività li jirriżultaw minn organizzazzjoni u allokazzjoni mill-ġdid tal-produzzjoni, minn ħiliet tax-xogħol imtejba, mill-introduzzjoni ta’ prodotti u proċessi ġodda, b’mod partikolari permezz ta’ ICT, iwittu t-triq ukoll għal domanda akbar għall-investiment u aktar progress fil-produttività tax-xogħol f’termini ta’ intensifikazzjoni tal-kapital.

Żviluppi aktar reċenti jippuntaw lejn aċċelerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku għall-UE, minn 1.7% fl-2005 għal 2,8% fl-2006. Din għandha tkun l-aħjar prestazzjoni tat-tkabbir tal-25 ta’ l-UE mill-2000 u hija akkumpanjata minn rati ogħla ta' tkabbir fl-impjiegi u l-produttività u tnaqqis tal-qgħad. Iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt kellu b’mod ċar impatt negattiv, jekk limitat, fuq it-tkabbir Ewropew. Mudelli simulattivi jgħinu biex jiġu kkwantifikati l-effetti tal-varjazzjonijiet tal-prezz ta’ l-enerġija fit-tul u juru l-varjetà wiesgħa tagħhom fuq pajjiżi u setturi differenti. Minkejja ż-żieda tal-prezzijiet ta’ l-enerġija din is-sena, jidher ċar li l-ekonomija ta’ l-UE qiegħda tirkupra b’mod robust ħafna. Flimkien mat-tmexxija ġdida ta’ l-isħubija għat-Tkabbir u l-Impjiegi, dan jipprovdi opportunità unika biex jitwettqu bil-ħeġġa r-riformi strutturali neċessarji.

3. IL-MUTURI TAL-KOMPETITTIVITÀ

Il-liberalizzazzjoni tas-suq ta’ l-enerġija: rispons qawwi għall-inċentivi jagħmel id-disinn bir-reqqa tal-politika dejjem aktar neċessarju

Is-swieq ta’ l-enerġija Ewropej ilhom għaddejjin minn proċess ta’ liberalizzazzjoni mill-bidu tad-Disgħinijiet. Ir-Rapport jippreżenta evalwazzjoni ta’ xi wħud mill-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-swieq ta’ l-elettriku u tal-gass Ewropej u jiddiskuti l-kwistjonijiet li jqumu mil-liberalizzazzjoni in ġenerali fosthom l-esperjenzi minn barra l-UE.

Is-sejbiet jissuġġerixxu li l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni rriżultat ġeneralment f’operazzjonijiet aktar kost-effiċjenti u parti mill-benefiċċji jaslu għand il-konsumaturi. Madankollu, is-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa ta' l-elettriku u tal-gass irriżultaw li huma partikolarment vulnerabbli għall-poter tas-suq li jirriżulta kemm mill-istruttura preċedenti ta’ l-industrija kif ukoll mill-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn is-swieq. L-entitajiet stabbiliti għadhom jaħkmu l-produzzjoni, l-importazzjoni u l-infrastruttura ewlenija. B'mod partikolari hemm bżonn ta' regolaturi effiċjenti biex jittrattaw din il-kwistjoni. Il-kompetizzjoni fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut għad trid titħaddem tajjeb fil-maġġoranza tal-każi. Madankollu, id-Direttivi dwar l-enerġija jipprovdu għal obbligi ta' servizzi universali u pubbliċi kif ukoll għal regoli speċifiċi dwar il-ħarsien tal-konsumaturi.

Rigward l-R&D, l-evidenza dwar l-effetti fuq l-innovazzjoni tindika li, wara l-liberalizzazzjoni, isseħħ bidla fil-kompożizzjoni ta’ l-isforzi R&D: il-punt fokali ta’ l-innovazzjoni tal-kumpaniji jersaq ‘il bogħod mill-innovazzjoni tat-teknoloġija (fl-interess pubbliku) lejn teknoloġiji li jnaqqsu l-ispejjeż u servizzi tal-konsumatur. Filwaqt li l-infiq totali fl-R&D jidher li naqas, il-konċentrazzjoni fuq l-innovazzjoni li ttejjeb l-effiċjenza jidher li żdiedet. B’riżultat ta’ dan, miżuri addizzjonali ta’ politika jistgħu jkunu neċessarji biex jinkoraġġixxu r-riċerka fundamentali fl-enerġija biex tirkupra s-sitwazzjoni tagħha ta' qabel il-liberalizzazzjoni.

Kemm it-teorija kif ukoll l-evidenza jindikaw li, fis-swieq liberalizzati, il-prezzijiet fuq żmien qasir jistgħu jkunu aktar instabbli u d-domanda jista' jkollha taġġusta għall-kapaċità disponibbli aktar minn qabel il-liberalizzazzjoni. Filwaqt li dan iċ-ċaqliq fil-prezzijiet xi kultant jidher li mhux mixtieq, ir-rwol akbar tad-domanda biex tinnewtralizza s-swieq hija konsistenti ma’ żieda fl-effiċjenza fit-tul. Kwistjoni oħra hija li disinn inadegwat tas-suq jista' jwassal għal investimenti f'livell baxx u ineffiċjenti[2]. B'mod speċjali, dan jista' jkun il-każ jekk il-prezzijiet jonqsu milli jirriflettu l-valur reali ta’ l-enerġija, u dan jirriżulta f’rati aktar baxxi ta’ qligħ, jew inkella meta l-ħall inadegwat tar-rabtiet lill-operaturi tan-netwerks iwassalhom biex jiffavorixxu l-azjendi ta' forniment affiljati magħhom. Fi swieq regolati (i.e. infrastruttura), it-tfassil ta' mekkaniżmi biex iħeġġu investimenti effiċjenti huwa ta' ħtieġa, speċjalment fejn tkun ikkonċernata l-kapaċità tat-trasport (transkonfinali). Fatturi bħalma huma proċeduri kkomplikati imposti mill-awtoritajiet pubbliċi jistgħu wkoll jikkontribwixxu għal investiment aktar baxx. Investiment insuffiċjenti fil-ġenerazzjoni tas-saħħa jaf jirriżulta f'nuqqas ta' l-elettriku u qtugħ tad-dawl.

Is-sejbiet mill-analiżi ekonomika inklużi fir-Rapport jindikaw li r-rispons tal-politika għandu l-ewwel jiffoka fuq l-allokazzjoni ċara tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-parteċipanti fis-suq, speċjalment matul perjodi ta’ skarsezza. Barra minn hekk, il-promozzjoni ta' swieq tal-bejgħ bl-ingrossa aktar likwidi, speċjalment għal kuntratti bil-quddiem, se tgħin lill-konsumaturi sabiex jassiguraw irwieħhom kontra varjazzjonijiet fil-prezzijiet. Swieq effiċjenti jirrikjedu livell ogħla ta' trasparenza; mekkaniżmu fuq il-livell ta’ l-UE biex jiġu mmonitorjati aħjar ix-xejriet tad-domanda u l-provvista fis-swieq ta’ l-enerġija ta’ l-UE, li jidentifika n-nuqqasijiet possibbli fl-infrastruttura, fil-provvista u fil-ħażna jikkontribwixxi biex tittejjeb it-trasparenza fuq is-sigurtà tal-kwistjonijiet tal-provvista ta’ l-enerġija ġewwa l-UE.

Fl-aħħar nett, skond riżultati kemm teoretiċi kif ukoll empiriċi, l-impatti tal-liberalizzazzjoni tas-swieq ta’ l-elettriku fuq l-ambjent huma ambigwi. Filwaqt li t-tnaqqis tal-prezzijiet iżid il-konsum ta’ l-enerġija, effiċjenza akbar tal-fjuwil u tibdil tat-taħlita tat-teknoloġiji, ikkawżati minn kompetizzjoni akbar, jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet[3]. Ġeneralment, il-liberalizzazzjoni u l-miri ambjentali huma kompatibbli. Il-liberalizzazzjoni tista' wkoll issaħħaħ l-effett ta' strumenti ambjentali bbażati fuq is-suq, bħall-Iskema Ewropea tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet.

L-ambjent regolatorju: osservanza wiesgħa ħafna tal-prinċipji tar-regolazzjoni aħjar minkejja impenji mhux indaqs

It-titjib ta’ l-ambjent tan-negozju permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ miżuri li jħeġġu l-imprenditorjat u permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ regoli għal Regolamentazzjoni Aħjar huwa llum għan komuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. It-tixrid ta’ strumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar huwa għalhekk prijorità stabbilita b’mod ċar ta’ l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Huwa għalhekk żvilupp pożittiv ħafna li l-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali (NRPs) li l-Istati Membri adottaw fl-2005 jirriflettu r-rieda li jiġi rriformati l-prassi regolatorji. Dawn ir-riformi huma kumplimentarji ħafna għall-Inizjattiva għal Regolamentazzjoni Aħjar mibdija fuq il-livell tal-Komunità, li tikkomprendi programm ta’ semplifikazzjoni għal-leġiżlazzjoni eżistenti, stimi sistematiċi ta’ l-impatt għal-leġiżlazzjoni ġdida, konsultazzjoni imtejba tal-partijiet interessati, kif ukoll il-kejl u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Għaddejja wkoll ħidma fuq l-iffissar ta’ miri kwantitattivi għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi.

L-iżolament ta' l-effetti tar-regolamentazzjoni fuq l-ekonomija huwa mimli diffikultajiet. Madankollu l-letteratura ekonomika (li għadha limitata) f'dan il-qasam tipprovdi evidenza li r-regolamentazzjoni jista' jkollha effetti pożittivi jew negattivi (jekk imfassla ħażin) sinifikanti fuq ir-rendiment ekonomiku u l-innovazzjoni. Ir-Rapport dwar il-Kompetittività janalizza l-bosta miżuri li qed jiġu proposti fl-NRPs u f'postijiet oħra madwar il-25 Stat Membru ta' l-UE fil-qasam ta' Regolamentazzjoni Aħjar. Filwaqt li dawn il-miżuri jvarjaw b’mod konsiderevoli f’termini ta’ l-orizzont ta’ żmien, il-profondità, il-grad ta’ istituzzjonalizzazzjoni u l-effettività possibbli tagħhom, il-maġġoranza ta' l-Istati Membri jipprevedu attività waħda jew aktar ta’ profil għoli f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-Istati Membri jippreżentaw miżuri b’effetti utli fi żmien qasir viżibbli, bħal one-stop shops għar-reġistrazzjoni tan-negozji. L-NRPs u l-iżviluppi mill-pubblikazzjoni tagħhom is-sena l-oħra jirrapreżentaw għalhekk pass ċar fid-direzzjoni t-tajba għall-ambjent regolatorju ta’ l-UE. Id-differenzi kbar li ġew osservati bejn il-miżuri proposti mill-Istati Membri individwali kemm-il darba jirriflettu l-fatt li l-Istati Membri qegħdin f'punti differenti fl-iżvilupp ta' sistema għal Regolamentazzjoni Aħjar.

F'dan il-kuntest, wieħed għandu jinnota li sistema operattiva għal Regolamentazzjoni Aħjar mhux bilfors twassal sostanzjalment għal anqas regolamentazzjoni. Fost dawk is-seba’ Stati Membri li ġew kategorizzati b’mod wiesgħa fuq il-bażi ta’ indikaturi eżistenti li għandhom ambjenti regolatorji relattivament restrittivi, kif iddefiniti mill-OECD, tnejn jippreżentaw sett ta’ miżuri fl-NRPs tagħhom li jkopru l-elementi kollha jew kważi kollha ta’ l-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar, u li l-maġġoranza ta' l-oħrajn jieħdu miżuri f’mill-inqas żewġ oqsma. Fid-dawl ta' dan, numru mit-tmien Stati Membri elenkati fost dawk b’ambjenti regolatorji inqas restrittivi jinstabu wkoll fost dawk il-pajjiżi b’miżuri fl-elementi kollha jew kważi kollha ta’ l-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar.

Numru dejjem jiżdied ta’ pajjiżi (18) qegħdin jimplimentaw, jew jippjanaw li jimplimentaw, is-sistemi ta’ l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt (IA) tagħhom, li jirriflettu dak li diġà qiegħed iseħħ fil-Kummissjoni u f’numru żgħir ta’ Stati Membri. Dan għandu jgħin biex tiġi żgurata kwalità għola ta’ regolamentazzjoni futura fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ importanza għall-kompetittività nazzjonali u Ewropea. Il-progress s’issa, madankollu, kien kemmxejn kajman u wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-benefiċċji ta’ l-implimentazzjoni ta’ sistema EI jieħdu xi ftit snin biex jimmaterjalizzaw. Barra minn hekk, hemm tħassib li f’numru ta’ każijiet ix-xkiel tar-riżorsi jista’ jkun ostaklu serju. Sakemm din il-kwistjoni ta’ reallokazzjoni ta' riżorsi ma tingħelibx, leġiżlazzjoni ġdida tista’ tiġi mċaħħda mit-titjib fil-kwalità li jirriżulta minn IAs li jevalwaw sistematikament l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali bħala parti mill-proċess integrat.

L-istabbiliment ta' sistema kompletament żviluppata u integrata ta’ Regolamentazzjoni Aħjar għandu jkun l-għan fuq perjodu medju sa twil ta’ l-Istati Membri kollha. Huwa ċar li hija meħtieġa azzjoni urġenti sabiex titwitta' t-triq għas-sistema. Li dan isir b’mod sostnut se jgħin biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet aħjar għall-imprenditorija, tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi – li, f'xi setturi, huma partikolarment tqal – u fl-ostakli għad-dħul fis-suq u biex jikkontribwixxi għal aktar kompetizzjoni, aktar innovazzjonijiet u fl-aħħar mill-aħħar tkabbir ekonomiku ogħla. Il-proċess ġenerali ta’ Regolamentazzjoni Aħjar għadu fl-istadji bikrin tiegħu u s-suċċess finali tiegħu se jiġi influwenzat minn ħafna fatturi li ma jistgħux jiġu kkalkolati b’mod faċli. Il-ħeġġa li biha l-proposti eżistenti se jiġu implimentati wkoll se jkollha rwol importanti.

Din l-analiżi tissuġġerixxi li diġà sar progress madwar l-UE u li l-Istati Membri kollha qiegħdin jieħdu azzjoni fir-rigward tar-Regolamentazzjoni Aħjar, u l-ambjent tan-negozju b’mod aktar ġenerali, imma li sfidi reali jibqgħu. Naturalment, għall-pajjiżi li s’issa jagħmlu inqas enfasi fuq il-politika tar-Regolamentazzjoni Aħjar, kemm l-urġenza ta’ kif ukoll l-benefiċċji potenzjali assoċjati ma’ spinta aktar b’saħħitha fuq l-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar huma akbar milli għall-pajjiżi li diġà kisbu stadju aktar avvanzat. L-Istati Membri f’pożizzjoni tat-tluq inqas pożittiva għandhom jagħmlu sforzi akbar lejn it-twaqqif ta’ sistemi sħaħ ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

L-iffinanzjar ta’ l-innovazzjoni jirċievi l-attenzjoni li jixraqlu, xi nuqqasijiet fil-politika jibqgħu

Ir-Rapport jiffoka l-ewwel fuq problemi partikolari ta’ l-innovazzjoni relatati mal-finanzi u l-għodod tal-politika xierqa biex jiġu ttrattati. Is-sostenn pubbliku jista’ jiġi f’forom varji: miżuri diretti bħall-għotjiet u s-self, miżuri indiretti bħalma huma l-garanziji jew inċentivi fiskali għall-R&D, u miżuri għall-kapital ta’ riskju. Ir-Rapport jiddiskuti l-prattika t-tajba tas-sostenn tal-gvern, kif sostnuta mit-teorija ekonomika, u jippreżenta konklużjonijiet relevanti għall-politika. Dawn il-konklużjonijiet huma mbagħad ikkumplimentati bir-reviżjoni tal-miżuri ta’ l-iffinanzjar ta’ l-innovazzjoni li l-Istati Membri ressqu ‘l quddiem fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali maħruġa f’Ottubru 2005.

Matul l-aħħar snin, numru dejjem akbar ta' pajjiżi bdew jużaw inċentivi fiskali sabiex jinkoraġġixxu l-R&D u, f'bosta pajjiżi, il-benefiċċji pprovduti mid-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq l-R&D żdiedu. Il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali li l-Istati Membri ħarġu f’Ottubru 2005 jikkonfermaw din it-tendenza. Huma jirriflettu wkoll l-importanza dejjem akbar li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom industrija robusta tal-kapital ta' riskju billi jirrappurtaw azzjonijiet attwali ġodda jew imsaħħa fi kważi l-Istati Membri kollha, b'attenzjoni speċjali fuq investimenti fl-istadju bikri. Grupp notevoli ta’ pajjiżi ħabbru azzjonijiet ukoll għall-business angels. Wara li jingħad dan, tingħata ftit attenzjoni, b’mod ġenerali, għall-iffaċilitar tal-mobilità trans-konfinali tal-kapital tar-riskju. L-istess japplika għall-iffinanzjar tad-dejn ta’ proġetti innovattivi, u numru żgħir ta’ Stati Membri ħabbru miżuri f’dan ir-rigward.

Il-varjetà wiesgħa ta' skemi u strumenti, kif ukoll il-ħsieb li kemm-il darba jiġi ddikjarat li dawn jiġu riveduti u ristrutturati tindika li qed issir ħafna sperimentazzjoni. Hemm b’mod ċar ambitu għat-tagħlim u l-iskambju reċiproku ta’ l-aħjar prattika, li jkun aktar faċli jekk l-evalwazzjonijiet tal-miżuri eżistenti jkunu aktar frekwenti, aktar sistematiċi u aktar komparabbli. Ukoll, kultant teżisti fl-istess pajjiż varjetà wiesgħa ta’ strumenti, li toħloq il-ħtieġa għal aktar sforzi sistematiċi biex jiġu infurmati l-utenti potenzjali imma wkoll biex strumenti eżistenti jsiru aktar sempliċi u aċċessibbli.

Finalment, jidher li aktar sforzi għandhom jiġu mmirati lejn l-iffaċilitar tal-proviżjoni trans-konfinali ta’ kapital tar-riskju u l-iffinanzjar tad-dejn ta’ proġetti innovattivi. Il-provvista ta’ kapital ta’ riskju fi stadju bikri qiegħed jiġi indirizzat f’ħafna pajjiżi; madankollu, dan jibqa’ b’mod ċar qasam fejn għandu jsir aktar. Ukoll, l-evalwazzjoni u s-semplifikazzjoni ta’ skemi eżistenti għandhom jitwettqu b’mod aktar sistematiku u t-tagħlim reċiproku dwar il-politika għandu jkompli.

Għandu jkun ċar, madankollu, li jekk dawn l-isforzi huma neċessarji, mhumiex ċertament biżżejjed biex jinkiseb l-għan aktar ġenerali li l-ekonomija Ewropea tiġi trasformata f’waħda aktar dinamika u bbażata fuq l-għarfien. Barra milli tiġi mwaqqfa politika komprensiva dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, dan ikun jeħtieġ ukoll li jiġu implimentati dawk ir-riformi li jqajmu l-attività ekonomika b’mod ġenerali, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-ambjent tan-negozju, tal-kompetizzjoni, tal-kummerċ estern, ta' l-edukazzjoni u tas-swieq tax-xogħol.

Il- metodu tas-swieq ewlenin jista’ jikkontribwixxi għal politiki ta’ innovazzjoni li kapaċi jantiċipaw il-bżonnijiet globali

Ir-Rapport wettaq reviżjoni tal-letteratura dwar il-metodu tas-swieq ewlenin, kunċett utli biex jinftehmu aħjar il-fatturi wara s-suċċess globali ta’ l-innovazzjonijiet u t-teknoloġiji l-ġodda, speċjalment fil-każ ta’ disinni ta’ innovazzjoni li qegħdin jikkompetu.

Filwaqt li l-metodu tas-swieq ewlenin huwa primarjament relevanti għall-intrapriżi, jista’ jgħin ukoll lill-gvernijiet biex jiddisinjaw politika dwar it-teknoloġija aktar effettiva fir-rigward ta’ l-iffaċilitar tas-suċċess globali potenzjali ta’ l-attivitajiet ta’ innovazzjoni tal-kumpaniji. Għal dan il-għan, jistgħu jiġu applikati xi kriterji ġenerali għall-iddisinjar ta’ partijiet varji tal-politika ta’ l-innovazzjoni (mill-programmi ta’ fondi u akkwist pubbliku sar-regolamentazzjoni u l-istabbiliment ta’ standard): l-inkorporazzjoni tal-bżonnijiet ta’ swieq globali u l-preferenzi ta’ klijenti minn barra, it-trasferiment ta’ preferenzi tas-suq domestiku barra mill-pajjiż, l-enfasizzar fuq it-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni, li titħalla l-kompetizzjoni fost disinni ta’ innovazzjoni differenti, u li jiġu indirizzati tendenzi globali (għalkemm dan ta’ l-aħħar huwa diffiċli ħafna minħabba li huwa diffiċli li tiġi identifikata bidla partikolari bħala tendenza globali).

Huwa għalhekk punt kritiku għal kull politika li tipprova ssostni l-istabbiliment ta’ suq ewlieni li tantiċipa swieq globali, li tiżviluppa disinn ta’ innovazzjoni li jirrispondi għal dawn il-bżonnijiet globali li jinqalgħu u li tintroduċi vantaġġi fl-ispejjeż li jkunu għolja biżżejjed biex jipperswadu pajjiżi oħra li jsegwu, mingħajr indħil fil-ħidma tal-forzi kompetittivi.

Sabiex il-kunċett ta’ swieq ewlenin jista' jitħaddem fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni dan l-aħħar ipproponiet fil-Komunikazzjoni dwar l-Innovazzjoni tagħha[4] li, l-ewwel jiġu kkonsultati il-partijiet interessati, b’mod partikolari l-Pjattaformi Teknoloġiċi u l-Bordijiet ta’ Innovazzjoni Ewropej INNOVA, biex jiġu identifikati oqsma possibbli fejn taħlita ta’ politika min-naħa tal-proviżjoni u min-naħa tad-domanda tista’ tgħin fil-ħolqien ta’ swieq aċċessibbli għall-innovazzjoni u, it-tieni, jiġu mibdija inizjattivi ta’ swieq ewlenin pilota fl-oqsma l-aktar promettenti fl-2007. Fuq bażi ta’ din l-esperjenza, il-Kummissjoni se tipprepara strateġija komprensiva tas-swieq ewlenin.

4. IL-KOMPETITTIVITÀ F’SETTURI

Barra li rreveda r-riforma ekonomika (il-liberalizzazzjoni ta’ l-enerġija, l-ambjent regolatorju) u l-politika biex tittejjeb il-prestazzjoni innovattiva, ir-Rapport jeżamina l-pożizzjoni kompetittiva ta’ żewġ setturi importanti, li qiegħdin jikbru malajr u ta’ teknoloġija għolja, l-industrija li tipproduċi oġġetti u servizzi tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) u l-industrija farmaċewtika.

L-industriji ta’ l-ICT għandhom bżonn aktar R&D u politika li tagħmel il-bidla aktar faċli

Dwar l-ICT, ir-Rapport jikkonkludi li l-UE għandha vantaġġi komparattivi f’oġġetti ddifferenzjati ta’ kwalità ogħla, li jitolbu prezzijiet ogħla. Il-kummerċ akbar f’oġġetti intermedji, li huwa l-biċċa l-kbira kummerċ bejn l-intrapriżi, jindika li xi uħud mill-importazzjonijiet huma użati bħala prodotti intermedjarji għal oġġetti lesti aktar kumplessi ta’ valur ogħla.

Il-globalizzazzjoni immoltiplikat il-possibiltajiet li jinqasam il-proċess ta’ produzzjoni u li tiġi lokalizzata l-produzzjoni tal-komponenti skond il-vantaġġi komparattivi tal-postijiet differenti. B’konsegwenza, d-disinn ta’ chip isir fl-Ewropa filwaqt li l-produzzjoni fi kwantità kbira ta’ chips issir fl-Ażja tax-Xlokk; l-iżvilupp ta’ softwer jitwettaq f’laboratorji tas-softwer Ewropej filwaqt li l-kodifikazzjoni tas-softwer isir fl-Indja. Il-prossimità mal-klijenti ta’ prodotti speċjalizzati bħal softwer personalizzat huwa argument ieħor għal-lokalizzazzjoni fl-UE. L-evidenza tissuġġerixxi li l-produzzjoni li hija intensiva fl-għarfien, l-iżvilupp tal-prodotti u R&D strateġiku għadhom jiġu lokalizzati fl-Ewropa filwaqt li l-produzzjoni intensiva fix-xogħol ta’ oġġetti maturi standardizzati ġiet lokalizzata fl-Ażja. Madankollu, it-tkabbir ta' l-investimenti ta' l-R&D fiċ-Ċina u fl-Indja fil-ġejjieni jista' jkun ta' sfida għal din il-qagħda.

Minkejja dan, il-produtturi ta’ l-ICT fl-Istati Membri l-ġodda urew li għadu possibbli li tkun kompetittiv fl-UE bi spejjeż baxxi u produzzjoni fuq skala intensiva bħal wajer insulat, riċevituri tar-radju u tat-televiżjoni u oġġetti ta’ l-elettronika tal-konsumaturi oħrajn, kif ukoll kompjuters. Huwa madankollu diffiċli li din it-tip ta’ produzzjoni tkun kompetittiva fit-tul. Huwa għalhekk neċessarju li jissaħħu aktar ir-rabtiet bejn sistemi ta’ innovazzjoni fl-Ewropa sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ħaddiema b’ħiliet relattivament għolja fl-UE-10.

L-UE hija partikolarment speċjalizzata fis-servizzi tal-komunikazzjoni kif ukoll fis-servizzi ta’ l-IT u l-produzzjoni tas-softwer. Fir-rigward tal-manifattura ta’ l-ICT, il-vantaġġi komparattivi ta’ l-UE jinstabu fil-produzzjoni ta’ strumenti xjentifiċi, prodotti elettroniċi u tagħmir tat-telekomunikazzjoni ta’ kwalità għolja. Ir-risposta għall-isfida minn produtturi bi spejjeż baxxi qiegħda f’li jitkompla t-tlugħ fis-sellum tal-kwalità u fi fluss rapidu ta’ prodotti ġodda innovattivi li jissodisfaw id-domanda dejjem tikber għal oġġetti u servizzi avvanzati. Ikun aktar faċli li jinkiseb dan l-għan jekk il-politika mikroekonomika tajba speċifika skond is-settur u aktar ġenerali tkun f’postha.

Meta mqabbel ma' setturi oħra, is-settur ta' l-ICT fl-UE huwa intensiv mil-lat ta' R&D. Madankollu, fid-dawl tad-distakk li diġà jeżisti vis-à-vis il-kompetituri ewlenin tagħha, iż-żieda ulterjuri ta' l-investimenti fl-R&D se tkun kruċjali għall-kompetittività futura tagħha. Dan mhuwiex daqshekk neċessità għall-intrapriżi l-kbar tas-settur ta’ l-UE daqskemm hi għal dawk iżgħar u dawk li se jibdew. Dan jipponta lejn l-eżistenza ta’ dgħufija aktar sistematika fil-ġenerazzjoni – u ffinanzjar – tar-riċerka f’intrapriżi żgħar innovattivi li ma jistgħux jiġu indirizzati b’miżuri speċifiċi għas-settur biss; jeħtieġ min-naħa l-oħra r-rispons tal-politika orizzontali rrevedut fir-rigward ta’ l-iffinanzjar ta’ l-innovazzjoni. Barra minn hekk, dawn huwa biċ-ċar settur fejn il-kunċett ta' swieq ewlenin huwa rilevanti meta wieħed iqis politiki speċifiċi.

B’konklużjoni, is-swieq ta’ l-ICT jista’ jimxu b’għaġġla kbira u l-innovazzjoni hija fattur primarju għall-kompetittività fuq żmien itwal. Minbarra l-kondizzjonijiet tal-politika speċifika għas-settur li jistgħu jiffaċilitaw l-iktar żvilupp tas-settur, l-ambjent tan-negozju aktar ġenerali u, b’mod speċjali, ir-regolamentazzjoni tas-swieq u s-sistema ta’ l-innovazzjoni huma ta’ importanza primarja biex l-adattament għall-bidla jsir aktar faċli.

Il-prodotti farmaċewtiċi : dgħufijiet sistematiċi jillimitaw industrija li qiegħda tikber

F’termini ta’ produzzjoni u impjiegi s-settur tal-farmaċewtika ta’ l-Ewropa qiegħed jikber, kif ukoll is-sehem tiegħu fl-esportazzjonijiet globali. Din il-prestazzjoni tajba hija parzjalment dovuta għal-lokalizzazzjoni ta’ produzzjoni ta’ l-US fl-Ewropa imma wkoll għal żjieda tal-kompetittività fl-ispiża tagħha.

Madankollu l-istampa totali hija waħda ta' tħassib. L-industrija farmaċewtika Ewropea għandha nuqqas konsiderevoli vis-à-vis l-US fil-produttività tax-xogħol, ħafna akbar mill-manifattura b’mod ġenerali. It-tkabbir tal-produttività fl-US kien l-aktar ir-riżultat ta’ kapital aktar fond, filwaqt li l-komponent l-aktar importanti fl-Ewropa kien it-tkabbir tal-produttività totali tal-fatturi (TEP). Il-kapital aktar fond fl-Ewropa żdied b’rata modesta.

Mill-2000, l-US ikkonsolidat r-rwol ċentrali tagħha bħala post ta’ innovazzjoni fil-prodotti farmaċewtiċi. L-intrapriżi ta’ l-US għandhom il-maġġoranza tal-liċenzji biofarmaċewtiċi, u din id-dominanza qiegħda tkompli tespandi. Ukoll, l-intrapriżi ta’ l-US għandhom rwol prinċipali fid-diviżjoni globali tax-xogħol innovattiv fil-prodotti farmaċewtiċi, kif jidher mill-ishma tagħhom ta’ liċenzji ivvintati flimkien fuq livell internazzjonali. Dawn it-tendenzi huma kkonfermati minn data fil-premessi tal-liċenzji. L-istruttura interna tas-sistema nazzjonali ta’ l-innovazzjoni ta’ l-US hija sors b’saħħtu ta’ vantaġġ kompetittiv u tmexxija industrijali. B’mod partikolari, is-settur tal-biotek għandu rwol vitali fl-integrazzjoni ta’ l-esplorazzjonijiet ta’ opportunitajiet ta’ riċerka ġodda ma’ żvilupp kliniku u tas-suq.

Is-suq ta’ l-US għall-prodotti farmaċewtiċi huwa kemm aktar ikkonċentrat kif ukoll aktar instabbli minn swieq fl-Ewropa. Fi kliem ieħor, il-konċentrazzjoni ogħla tas-suq ta’ l-US ma jfissirx li huwa inqas kompetittiv. Bil-kuntrarju, is-suq ta’ l-US jista’ jkun ikkuntestat ħafna; il-bejgħ mill-prodotti huwa aktar frekwenti milli fl-UE u l-Ġappun; u l-kompetizzjoni minn produtturi ġeneriċi hija sostanzjali. L-imġieba tas-suq ta’ l-US hija konsistenti ma’ dik ta’ suq kkaratterizzat b’kompetizzjoni tat-tip Schumpter, fejn innovaturi jistgħu jiksbu profitti temporanji kważi ta’ monopolju, li min-naħa tagħhom iħeġġu l-isforzi ta’ l-innovazzjoni mill-kompetituri li malajr iwassal għal prodotti aktar innovattivi u profitt għoli għall-ishma fis-suq. Il-kompetizzjoni dinamika hija inqas evidenti fl-UE b’mod ġenerali, u speċjalment f’ċerti pajjiżi kontinentali Ewropej.

L-Ewropa baqgħet wara l-US fl-abbiltà tagħha li tiġġenera, torganizza, u ssostni l-proċessi ta’ l-innovazzjoni u t-tkabbir fil-produttività tal-prodotti farmaċewtiċi. Barra minn hekk, sehem sproporzjonat ta’ R&D farmaċewtiku jitwettaq fl-US, b’konsegwenzi negattivi f’termini kemm ta’ xogħol b’valur miżjud għoli u investimenti kumplimentarji fir-riċerka klinika.

Il-politika ta’ l-ispiża f'isem l-istituzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali Ewropej tista’ tispjega sa ċertu punt id-dinamika differenti li tikkaratterizza l-industrija farmaċewtika ta’ l-UE vis-à-vis dik ta’ l-US. Madankollu, din ma tistax tiġi kompletament spjegata minn fatturi speċifiċi għas-settur. Hija wkoll il-konsegwenza tan-nuqqas relattiv ta’ dinamiżmu ta’ l-Ewropa fir-riforma tas-swieq tax-xogħol u tal-kapital, is-sistemi ta’ l-edukazzjoni, l-infiq pubbliku, u r-reġim tar-regolamentazzjoni tas-suq tagħha. Dan jidher, per eżempju, min-nuqqas relattiv ta’ dinamiżmu ta’ intrapriżi ġodda dedikati għat-teknoloġija fil-ġenerazzjoni u l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ R&D.

Bin-nuqqasijiet fil-kompetittività Ewropea attribwiti għall-inqas parzjalment għat-tgħawwiġ ikkawżat minn politiki eżistenti dwar il-prezzijiet u r-rimbors, il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva li tindirizza wħud mill-kwistjonijiet pressanti billi toħloq il-Forum Farmaċewtiku. Stabbilit f’Ġunju 2005, il-Forum jiġbor flimkien għall-ewwel darba lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri, fl-industrija u partijiet interessati oħra. Fuq bażi ta’ xogħol preċedenti, il-proċess tal-Mediċini tal-G10, se jwassal ‘l quddiem it-tliet suġġetti “Informazzjoni lill-Pazjenti, l-Effettività Relattiva tal-Mediċini u l-Prezzijiet/Rimborż”.

B’mod partikolari l-aħħar żewġ kwistjonijiet kienu s-sors ta’ tgħawwiġ fis-suq fis-Suq Wieħed għall-prodotti farmaċewtiċi fl-UE minħabba li d-deċiżjonijiet diversi fuq il-prezzijiet/rimborż nazzjonali u r-rekwiżiti diverġenti biex tiġi mkejla l-effettività relattiva kellhom effetti mhux mixtieqa fuq Stati Membri oħra b’sistemi differenti, u spiss ikkawżaw ramifikazzjonijiet mhux previsti għas-suq ta’ l-UE b’mod ġenerali.

L-għan tal-Forum huwa li tinstab triq ‘l quddiem li tilħaq bilanċ bejn l-għan tas-saħħa pubblika ta’ l-aċċess tal-pazjenti għal mediċini ġodda bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu u l-bżonn li jinħoloq ambjent prevedibbli għan-negozju bi premji ekonomiċi għall-innovaturi. Li jinstab il-bilanċ tajjeb u li jinħoloq ambjent li jwassal għall-innovazzjoni għandu jħeġġeġ il-kompetittività ta’ l-industrija. Fuq bażi tad-deliberazzjonijiet f’dan il-qafas, azzjonijiet konkreti se jkollhom isegwu fuq il-livell ta’ l-UE u b’mod partikolari fuq il-livell ta’ l-Istati Membri sabiex l-Ewropa tiġi ġġenerata mill-ġdid bħala ċentru dinji ta’ l-innovazzjoni farmaċewtika.

5. SINTEżI

It-titjib tal-kompetittività ta’ ekonomiji Ewropej huwa xogħol fit-tul u b’diversi aspetti. Ir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006 tratta numru ta’ riformi li jimmiraw lejn kundizzjonijiet tal-qafas (aċċess għall-finanzi għall-innovazzjoni, regolamentazzjoni aħjar) u suq ta’ partikolarment importanti, l-enerġija. Identifika wkoll il-kontribuzzjoni li l-kunċett ta’ swieq ewlenin jista’ jkollu fid-disinn ta’ politika ta’ l-innovazzjoni aktar antiċipattiva. Barra minn hekk, iddiskuta tendenzi u sfidi reċenti dwar il-kompetittività ta’ żewġ setturi ta’ teknoloġija għolja li qiegħdin jikbru, l-industriji ta’ l-ICT u dawk farmaċewtiċi.

F'konformità mal-missjoni tiegħu f’sostenn tal-pilastru mikroekonomiku ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, ir-Rapport iddokumenta oqsma fejn jistgħu jkunu neċessarji sforzi addizzjonali, per eżempju, fil-każ tar-riformi tas-suq ta’ l-enerġija, f’dak li għandu x’jaqsam mal-benefiċċji tal-konsumaturi mir-rebħ ta’ effiċjenza u regolaturi effiċjenti, l-investiment fit-tul fir-riċerka u l-infrastruttura fundamentali, l-affidabilità u l-effetti ambjentali. Fil-qasam ta’ l-ambjent tan-negozju, ir-Rapport jissuġġerixxi li l-Istati Membri kollha qiegħdin jieħdu xi azzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar, u l-ambjent tan-negozju b’mod aktar ġenerali, imma li dawk l-Istati Membri f’pożizzjoni tat-tluq inqas pożittiva għandhom jagħmlu sforzi akbar lejn it-twaqqif ta’ sistemi sħaħ ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

Fir-rigward tal-politika ta’ l-Innovazzjoni, ir-Rapport innota l-bżonn li jiġi sostnut kapital tar-riskju fi stadju bikri u li l-operazzjonijiet ta’ kapital tar-riskju trans-konfinali jsir aktar faċli u ssottolinja n-nuqqas relattiv ta’ attenzjoni biex jiġi ffaċilitat l-iffinanzjar ta’ l-innovazzjoni permezz ta’ self. Barra minn hekk, identifika l-fatturi li jgħinu biex tiġi ddisinjata politika ta’ l-innovazzjoni orjentata lejn suq ewlieni, jiġifieri l-inkorporazzjoni tal-bżonnijiet tas-suq globali u l-preferenzi tal-klijenti minn barra l-pajjiż, it-trasferiment ta’ preferenzi tas-suq domestiku barra l-pajjiż, l-enfasizzar fuq it-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni, li titħalla l-kompetizzjoni fost disinni ta’ innovazzjoni differenti, u li jiġu indirizzati tendenzi globali.

L-industriji li jipproduċu l-ICT u l-industrija farmaċewtika għandhom ftit affarijiet komuni, barra minn li huma t-tnejn setturi ta’ teknoloġija għolja. Ix-xejriet f’ta’ l-ewwel huma mmexxija prinċipalment mit-teknoloġija filwaqt li għall-prodotti farmaċewtiċi l-politiki dwar l-ispejjeż tas-saħħa għandhom rwol importanti. Madankollu, xi dgħufijiet, bħalma hu n-nuqqas notevoli fl-intensità ta’ l-R&D u n-nuqqas relattiv ta’ intrapriżi innovattivi ġodda huma l-istess. Huwa wkoll ċar li lill’hinn minn miżuri speċifiċi għas-settur – li huma neċessarji u huma msegwija f’fora speċifiċi – il-kompetittività tagħhom tittejjeb sostanzjalment bir-riformi aktar orizzontali mogħtija prijorità fl-aġenda ta’ Liżbona, bħal dawk li jirrigwardaw l-finanzi ta’ l-innovazzjoni, l-ambjent tan-negozju ġenerali, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-iffunzjonar tas-swieq tax-xogħol.

[1] Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SEG(2006) 1467 ta’14.11.2006, Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006 .

[2] Id-‘Disinn tas-suq’ ikopri bosta komponenti: swieq tal-bejgħ bl-ingrossa, swieq tal-bejgħ bl-imnut, swieq tal-fjuwil, swieq tal-kapaċità, mekkaniżmi ta’ l-amministrazzjoni tal-konġestjoni, mekkaniżmi ta’ bbilanċjar.

[3] L-effett ta’ l-aħħar huwa sensittiv għall-kundizzjonijiet inizzjali speċifiċi għall-pajjiż.

[4] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni KUMM(2006) 502 tat-13.9.2006, “Putting knowledge into practice: A broad-based innovation strategy for the EU” (L-Għarfien fil-prattika: Strateġija ta’ innovazzjoni wiesgħa għall-UE).

Üles