Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0693

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-piż tar-rispons, is-simplifikazzjoni u l-iffissar ta’ prijoritajiet fil-qasam ta’ l-istatistiċi tal-Komunità

    /* KUMM/2006/0693 finali */

    52006DC0693

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-piż tar-rispons, is-simplifikazzjoni u l-iffissar ta’ prijoritajiet fil-qasam ta’ l-istatistiċi tal-Komunità /* KUMM/2006/0693 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 14.11.2006

    KUMM(2006) 693 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar it-tnaqqis tal-piż tar-rispons, is-simplifikazzjoni u l-iffissar ta’ prijoritajiet fil-qasam ta’ l-istatistiċi tal-Komunità

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar it-tnaqqis tal-piż tar-rispons, is-simplifikazzjoni u l-iffissar ta’ prijoritajiet fil-qasam ta’ l-istatistiċi tal-Komunità

    INTRODUZZJONI

    Il-Komunikazzjoni ta’ Marzu 2005 dwar “Regolazzjoni Aħjar għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2005) 97) identifikat is-simplifikazzjoni bħala prijorità għall-UE. Dan huwaa r-rispons għat-talba tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tiġi issemplifikata u mtejba l-kwalità tal-leġislazzjoni ta’ l-UE. Hija integrata bis-sħiħ fl-iffukar mill-ġdid ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona dwar it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ l-impjiegi. Il-politika ta’ l-UE għal regolazzjoni aħjar għandha l-għan li tfassal regolamenti aħjar biex tkun tista’ iżżid il-benefiċċji għaċ-ċittadini, tnaqqas l-ispejjeż b’konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji, b’mod partikulari fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

    Fil-qasam tal-produzzjoni ta’ statistiċi uffiċjali nazzjonali u Komunitarji, korpi politiċi f’kull livell (lokali, nazzjonali u Ewropew) issa ilhom għal ftit taż-żmien isejħu għas-simplifikazzjoni tal-ħtiġijiet. Assoċjazzjonijiet kummerċjali wkoll saħħqu ripetutament li jridu jaraw tnaqqis tal-piż ta’ l-istatistiċi.

    Il-Kummissjoni (Eurostat) hija għalkollox konxja minn dan id-dibattitu u qed tikkunsidra l-aħjar mod kif tista' ttaffi l-problema mill-angolu ta' l-ispejjeż u l-piż li qed jirriżulta mill-istatistiċi tal-Komunità. Fil-25 ta’ Mejju 2005 l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbilità ta’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u tal-Komunità[1], li giet milqugħa mill-Kunsill Ecofin fis-7 ta' Ġunju 2005. Din inkludiet Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jiżguraw konformità mal-15-il prinċipju tal-Kodiċi ta’ Prattika għall-Istatisika Ewropea li ġie adottat unanimament mill-Kumitat tal-Programm ta' l-Istatistika fl-24 ta' Frar 2005. Il-kwistjoni dwar il-piż tar-rispons hija indirizzata minn bosta mill-prinċipji li hemm fil-Kodiċi.

    B’żieda ma dan, il-Kummissjoni reġgħat irreferit għall-bżonn ta' simplifikazzjoni fil-qasam ta' l-istatistiċi fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "l-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju" tal-25 ta' Ottubru 2005[2]. Aktar speċifikament, statistiċi strutturali kummerċjali u statistiċi ta' l-Intrastat żdiedu b'mod ċar fil-programm kurrenti ta' simplifikazzjoni mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni u li jkopri s-snin 2005-2008.

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2005 ukoll għarrfu li t-tnaqqis ta' l-istatistiċi u tal-ġbir ta' data jistħoqqlu l-attenzjoni, waqt li jitqiesu b’mod partikolari l-ħtiġijiet speċjali u r-riżorsi limitati ta’ l-SMEs.

    Fil-livell Komunitarju, il-mira lejn tnaqqis tal-piż tar-rispons u tas-simplifikazzjoni hija sforz biex jibqgħu jingħataw statistiċi ta' kwalità għolja. B’mod partikulari, l-inizjattiva tal-qafas ta’ Regolazzjoni Aħjar, qed tingħata attenzjoni għall-bżonn ta' tagħrif li jikkwantifika l-effetti u l-impatti ta' miżuri politiċi. L-azzjoni qiegħda attwalment immirata fuq erba' pilastri: ħarsa dettaljata lejn il-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-istatistiċi, kemm jekk diġà adottata kif ukoll jekk qed tiġi ppreparata, każ b'każ; l-utilizzazzjoni ta’ xejriet fit-teknoloġija ta’ l-IT; il-ħtif ta’ opportunitajiet li jinbtu mill-importanza li qed dejjem tiżdied ta’ aggregati Ewropej għall-kuntrarju ta’ indikaturi nazzjonali ; u l-isfruttament tal-potenzjal kollu offrut minn sorsi amministrattivi biex jieħdu post l-istħarriġ statistiku. Madankollu, dawn il-miżuri jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar. Din il-Komunikazzjoni għalhekk tfassal metodu strateġiku biex jibqa' jitnaqqas il-piż ta' l-istatistika fuq l-intrapriżi. Hija bbażata fuq żewġ linji prinċipali ta’ azzjoni: is-simplifikazzjoni u l-iffissar ta’ prijoritajiet . It-tnejn ser ikollhom l-appoġġ ta' proċess ta' ippjanar imtejjeb li jinvolvi kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri.

    Din il-Kumunikazzjoni hija ppreżentata flimkien mal-Komunikazzjoni ewlenija "Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar fl-UE" bħala eżempju konkret ta’ kif il-Kummissjoni beħsiebha twettaq l-impenji tagħha.

    SIMPLIFIKAZZJONI

    Il-piż tar-rispons fuq l-intrapriżi jista' jitnaqqas permezz ta' tlaqqigħa ta' żewġ elementi: l-ewwel, is-simplifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ statistiċi fl-oqsma ta’ prijorità magħżula u, it-tieni, il-promozzjoni ta' għodda u metodi ta' l-istatistika li jagħmluha aktar faċli li jintlaħqu l-obligazzjonijiet ta' l-istatistika.

    Oqsma ta’ prijorità għas-simplifikazzjoni

    Qed tittieħed azzjoni f’numru ta’ oqsma li diġà ġew issuġġeriti għas-simplifikazzjoni u se jiġu żviluppati aktar fuq medda qasira ta’ żmien.

    Intrastat

    Matul l-eżistenza tiegħu (sa mill-1993) saru sforzi kbar biex jitnaqqas il-piż li tpoġġa fuq in-negozji bis-sistema tal-ġbir ta’ data għall-istatistiċi tal-Komunità fir-rigward tal-kummerċ fil-merkanzija bejn l-Istati Membri (Intrastat). Tfasslu limiti biex ikunu eżenti numru kbir ta’ intrapriżi, in-numru ta’ intestaturi ta’ nomenklatura tnaqqsu, xi tagħrif m'għadux obbligatorju, u ġie introdott rappurtaġġ simplifikat għal prodotti kumplessi.

    Simplifikazzjoni fuq linji simili se titkompla, u fuq medda qasira ta' żmien din se twassal għal aktar tnaqqis tal-piż impost mill-Intrastat. Madankollu, fuq medda ta' żmien medja jew twila, mhux mistenni li dan se jwassal għal aktar tnaqqis kbir tal-piż fuq dawk li jwieġbu. Għalhekk il-Kummissjoni se tipproponi li teqleb għal sistema ta’ fluss wieħed ta’ rappurtar f’perjodu ta’ żmien medju. Attwalment, statistiċi dwar kummerċ bejn l-Istati Membri ta’ l-UE huma prodotti bl-użu ta’ sistema li biha kull pajjiż jirrapporta l-flussi ta' importazzjoni u ta’ esportazzjoni. Għalhekk, kull fluss huwa rrapurtat darbtejn. Fis-sistema ta' fluss wieħed ta' rappurtar, l-istatistiċi dwar dan il-fluss jinġabru f'pajjiż wieħed biss.

    Filwaqt li dan jista' jnaqqas id-dikjarazzjonijiet ta' l-Intrastat b'aktar minn 50% (fil-każ ta' rappurtar minn naħa tad-dispaċċ), l-introduzzjoni ta' sistema ta' influss wieħed bl-ebda mod ma hija sempliċi peress li għad jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri fil-kontroll tal-fluss tal-kummerċ minħabba li hemm differenzi fil-ġbir u l-ipproċessar tad- data . Għalhekk, huwa essenzjali li l-fluss wieħed ta' rappurtar jiġi introdott bil-ftit il-ftit fuq medda ta' żmien u li dan jiġi akkompanjat mill-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu kwalità ta’ tagħrif aċċettabli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se twettaq analiżi komprensiva ta’ l-impatt li jkollha l-introduzzjoni ta’ fluss wieħed ta’ rappurtar. Il-miżuri li se jittieħdu biex isostnu l-kwalità tat-tagħrif se jiġu studjati. Barraminhekk, l-Istati Membri se jkunu imħajra jwettqu studji simili fuq livell nazzjonali. Dawn iż-żewġ tipi ta' studji iwasslu għal rakkomandazzjonijiet ċari dwar kif għandha tiġi implimentata s-sistema ta' fluss wieħed b'kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Eurostat u l-Istati Membri.

    Qabel ma tkun tista' tiġi adottata sistema ta’ fluss wieħed ta’ rappurtar, jeżistu numru ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati. Dawn jinkludu l-iffissar ta’ sett ta' data tal-qalba, l-armonizzar tas-sistemi tal-ġbir u l-ipproċċessar tad- data , u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri. Punti oħra li wkoll iridu jiġu eżaminati huma kif jista’ jsir użu aħjar mit-tagħrif amminstrattiv, kif jistgħu jitnaqqsu l-klassifikazzjonijiet żbaljati, u kif għandhom jiġu trattati kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità

    Sabiex ikunu jistgħu jiġu trattati dawn il-kwistjonijiet u oħrajn, se jiġi ppreparat pjan ta’ azzjoni dettaljat għal diskussjoni ma’ l-Istati Membri.

    - Il-Kummissjoni se tipproponi approċċ fuq żewġ binarji, fejn aktar simplifikazzjoni fuq linji tradizzjonali fuq medda ta’ żmien qasira tiġi kkumplimentata minn sistema ta’ fluss wieħed għall-Intrastat biex jidħlu fis-seħħ fl-2010.

    Statistiċi kummerċjali strutturali

    Fi Frar 2006 il-Kummissjoni pproponiet kitba mill-ġdid tar-regolament li jikkonċerna statistiċi kummerċjali strutturali (SBS)[3]. Il-proposta għandha l-għan li żżomm din l-istatistika importanti aġġornata mal-ħtiġijiet ta’ politika ġdida permezz ta’ titjib fil-fatturi ta’ produttività u kopertura ugwali tas-setturi tas-servizzi u tal-manifattura. Dawn il-kwistjonijiet huma l-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u tat-tkomplija tas-Suq Intern. Filwaqt li twettaq dan, il-kitba mill-ġdid ta' l-SBS għandha wkoll l-għan li tnaqqas kemm jista' ikun l-piż fuq l-intrapriżi billi tneħħi bosta fatturi varjabbli mandatorji, billi tmexxi fatturi varjabbli oħra minn ġbir annwali għal ġbir multi-annwali, u billi tneħħi fatturi varjabbli mhux obbligatorji. Ġie rrakkomandat l-użu tad- data tar-reġistru f’numru ta’ oqsma ġodda.

    Il-kitba mill-ġdid ta’ l-SBS hija eżempju tat-tip ta' għodda li jistgħu jintużaw biex tinkiseb is-simplifikazzjoni:

    - Uħud mill-fatturi varjabbli huma meħtieġa biss fuq livell Ewropew għalhekk, il-kitba mill-ġdid ta’ l-SBS tintroduċi l-possibilità li l-pajjiżi jikkontribwixxu għat-totali Ewropej mingħajr ma jkunu mġegħla jagħtu l-figura flimkien mad-dettalji. Dan mhux approċċ kompletament Ewropew, iżda huwa pass f’din id-direzzjoni u se jnaqqas il-piz sostanzjalment.

    - L-użu ta’ tagħrif amministrattiv se jnaqqas ukoll il-piż fuq in-negozji. Il-kitba mill-ġdid ta' l-SBS tagħmel dan f'oqsma ġodda. Il-ġbir ta’ data dwar demografija kummerċjali (qasam ġdid f’din il-verżjoni ġdida) se jkun ibbażat purament fuq ir-reġistri u għalhekk ma jpoġġi l-ebda piż fuq in-negozji.

    Statistiċi dwar il-produzzjoni ta’ prodotti manifatturati (Prodcom)

    Ittieħdu numru ta’ passi biex jitnaqqas il-piż li tpoġġa fuq l-industrija bir-regolament dwar l-istħarriġ tal-produzzjoni industrijali tal-Komunità[4]:.

    - Fl-2005 il-lista ta’ prodotti (il-lista Prodcom) ġiet issimplifikata biex jitneħħew intestaturi li kienu rrapurtati b’mod ħażin u li l-intrapriżi sabu diffiċli biex jirrapurtaw dwarhom. Tneħħiet il-ħtieġa li tiġi rrapurtata il-produzzjoni tessili kull tliet xhur.

    - Fl-2006 tneħħiet il-ħtieġa li kull xahar tiġi rrappurtata l-produzzjoni ta' l-azzar.

    - L-Istati Membri bħalissa qed jiġu kkonsultati dwar it-tneħħija tas-servizzi industrijali u l-prodotti intermedji mil-lista ta' l-2007.

    It-tnaqqis potenzjali tal-piż bħala riżultat tal-miżuri meħuda huwa sinifikanti: perezempju, is-simplifikazzjoni ta' l-2005 naqqset in-numru ta' intestaturi fil-lista Prodcom minn 5800 għal 4500, u l-ħtieġa li tirrapporta dwar il-produzzjoni tessili kull tliet xhur kienet timponi piż sproporzjonat fuq dawk li jwieġbu.

    It-tfassil mill-ġdid ta' l-istatistiċi kummerċjali

    L-ebda qasam ta’ l-istatistiċi kummerċjali m’għandu jiġu osservat waħdu. Huma meħtieġa statistiċi minn bosta oqsma oħra biex b’hekk tingħata stampa kompleta ta’ l-ekonomija ta’ l-intrapriżi bbażata fuq l-istħarriġ.B’żieda ma dan, l-oqsma ta' l-istatistiċi huma imsenslin ma' xulxin. Pereżempju, l-SBS huma wieħed mis-sorsi l-aktar importanti għall-kontijiet nazzjonali. Għaldaqstant, anke t-tneħħija tal-ħtiġijiet fl-SBS jista' ma jkollha l-ebda effett, minħabba li t-tagħrif jibqa' jinġabar mill-pajjiżi biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-kontijiet nazzjonali tagħhom.

    Il-Kummissjoni hija konvinta li hemm bżonn li jsir aktar u għalhekk qed tiżviluppa programm għat-tfassil mill-ġdid ta’ l-istatistiċi kummerċjali.Dan it-tfassil mill-ġdid se jinkludi numru ta’ miżuri li jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' metodi li għandhom potenzjal kbir li jnaqqsu l-piż minn fuq in-negozji, bħall-użu aktar intensiv ta' tagħrif amministrattiv għal għanijiet ta' statistika, it-trażmissjoni elettronika awtomatika ta' tagħrif ta' statistika direttament minn kontijiet ta' kumpanija, l-iżvilupp u l-armonizzar ta' tekniċi ta’ estimazzjoni, u integrazzjoni aħjar tas-settijiet ta’ mikrodata li jippermettu lill-Istati Membri li jagħmlu użu aktar effiċjenti mit-tagħrif eżistenti u għalhekk jnaqqsu l-piż minn fuq in-negozji. Aktar tard din il-ħarifa l-Kummissjoni se tagħmel proposta dwar l-immodernizzar tan-negozji u ta' l-istatistiċi tal-kummerċ, li se tinkludi azzjoni dwar il-metodi biex jitnaqqas il-piż. Din il-proposta se tkun fil-forma ta' programm multiannwali għall-perjodu 2008-2013 li se jkun implimentat b'kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Eurostat u l-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni qed tiżviluppa programm għat-tfassil mill-ġdid ta’ l-istatistiċi kummerċjali li se jiffoka fuq it-tnaqqis tal-piż fuq in-negozji permezz ta’ mod aktar intelliġenti ta’ ġbir ta' data .

    Statistiċi ta' l-agrikoltura

    Fl-24 ta’ Frar 2005 il-Kumitat tal-Programm Statistiku approva l-proposti ta' l-Eurostat dwar il-futur ta' l-istatistiċi ta' l-agrikoltura Ewropea, immirati lejn simplifikazzjoni u titjib sostanzjali. Dawn il-proposti qed jiġu implimentati attwalment:

    - Bosta karti ta’ bilanċ twaqqfu u numru ta' karti ta' bilanċ nazzjonali oħra m'għadhomx obbligatorji.

    - Twaqqaf il-ġbir tal-prezzijiet assoluti ta’ kull xahar. Għall-prezzijiet assoluti annwali tnaqqset bin-nofs il-lista tal-prodotti. Ġiet introdotta l-bidla minn indiċi tal-prezzijiet ta' kull xahar għal kull tliet xhur mill-2006 'il quddiem.

    - Għall-għaxar snin li ġejjin ġew proposti żewġ stħarriġiet biss intermedji dwar l-istruttura ta’ l-irziezet minflok tlieta.

    - Se tiġi riveduta l-legiżlazzjoni dwar l-istħarriġ dwar il-bhejjem u l-produzzjoni ta’ l-annimali.

    - Se tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni dwar l-istatistiċi dwar iċ-ċereali u prodotti oħra tar-raba’.

    - Tlestiet l-integrazzjoni tal-kontijiet ekonomiċi tal-forestrija mal-kontijiet ambjentali.

    - Il-programm għall-istħarriġ dwar il-ġonna tas-siġar tal-frott u l-għelieqi tad-dwieli se jiġi rivedut b’konformità mar-riforma ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet b’suq komuni.

    - Qabel tmiem l-2007 se tiġi implimentata sistema ġdida komuni għall-ġbir u l-ivvalidar ta’ l-istatistiċi agrikoli. Din se ttejjeb b'mod konsiderevoli l-kwalità tat-tagħrif u tippermetti t-tnaqqis tal-piż ta’ l-ispejjeż u tar-rispons.

    Dawn l-isforzi sinifikanti li għaddejjin bħalissa biex jiġi ssimplifikat u jitnaqqas il-piż tas-sistema ta’ l-istatistika agrikola għandhom jgħinu biex jiġu sodisfati l-ħtiġijiet li qed jinqalgħu mill-integrazzjoni ta’ interessi ġodda ta' politika fil-Politika Agrikola Komuni (l-iżvilupp rurali, l-ambjent u s-sikurezza ta' l-ikel).

    - Il-Kummissjoni se tfittex b’mod attiv is-simplifikazzjoni tas-sistema Ewropea għall-istatistiċi ta’ l-agrikoltura u se taħdem biex ittejjeb il-kwalità ta’ l-istatistiċi.

    Għodda għas-simplifikazzjoni

    Totali Ewropej

    L-importanza dejjem tiżdied tat-tfassil ta’ politika tat-totali Ewropej u mhux ta' indikaturi nazzjonali toffri wkoll opportunitajiet għas-simplifikazzjoni. Fl-ambitu ta’ statistiċi fuq medda ta’ żmien qasira - ta’ importanza partikolari għall-politika monetarja – kien possibli li jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet (dettall, puntwalità, frekwenza) ta' l-Istati Membri li s-sehem tagħhom tat-total rilevanti Ewropew kien ta’ anqas minn 1%, ta’ l-inqas f’ħafna mill-każijiet. B’żieda ma dan, Eurostat ippropona l-introduzzjoni ta' pjan ta' tehid ta' kampjuni Ewropew, li se jippermetti tnaqqis konsiderevoli fid-daqs ġenerali tal-kampjuni (sa 80%) u għaldaqstant tnaqqis fil-piż ġenerali tar-rispons. Barra minn dan, il-kitba mill-ġdid ta’ l-SBS tagħti lill-Istati Membri l-possibilità li jikkontribwixxu biss għat-total Ewropew fil-livell l-aktar dettaljat ta’ l-analiżi ta' l-attività. L-Eurostat qed jippromwovi wkoll l-idea li jsiru stħarrigiet kontinwi . Din it-teknika twassal għal tnaqqis fid-daqs tal-kampjuni biex jinġabru aggregati Ewropej, filwaqt li tippermetti l-produzzjoni ta’ indikaturi nazzjonali fi frekwenza aktar baxxa.Il-Kummissjoni se tkompli tidentifika oqsma fejn l-attenzjoni qed timxi minn fuq it-tagħrif nazzjonali għal fuq it-totali Ewropej, tiżvilupp għodda u metodi biex tikkoordina l-kampjuni, u tiżviluppa stħarriġ speċjali Ewropew fejn hu meħtieġ.

    - Il-proposta tal-Kummissjoni għal Programm Statistiku tal-Komunità għall-2008-2012 se jippromwovi l-użu tal-kampjuni Ewropej f’każi speċifiċi.

    L-użu ta’ tagħrif amministrattiv

    L-isforzi għall-NSIs u l-piż fuq dawk li jwieġbu ovjament jitnaqqas jekk it-tagħrif rilevanti ma jibqax jinkiseb permezz ta' stħarriġ speċifiku ta' statistika, iżda jkun jista’ jinkiseb minn tagħrif amminstrattiv irreġistrat għal għanijiet oħra. Eurostat huwa konxju li minħabba numru ta' raġunijiet huwa aktar diffiċli li tarmonizza tagħrif amministrattiv u li tiżgura il-komparabilità ta' l-istatistiċi li jinħarġu minnu. Meta jintużaw reġistri amministrattivi teżisti korrelazzjoni bejn il-komparabilità fuq naħa waħda u l-ispiża għall-NSIs u l-piż fuq dawk li jwieġbu fuq in-naħa l-oħra. L-Istati Membri dejjem tħallew jagħmlu użu mill-istħarriġ jew mit-tagħrif amministrattiv jew minn tlaqqigħa tat-tnejn. Barra minn dan, l-Eurostat innifsu juża tagħrif amministrattiv (ta' frekwenza għolja) biex jestrapola riżultati ta’ l-istħarriġ (ta’ frekwenza baxxa). Tlaqqigħa ta’ tagħrif amministrattiv għal estrapolazzjoni appoġjat minn stħarriġ ta' livell regolari jew stħarriġ ta' frekwenza baxxa hija bla dubju strateġija li tnaqqas il-piż tar-rispons u ta' l-ispiża u għalhekk mhux biss tiġi permessa iżda tiġi wkoll segwita b’mod attiv mill-Eurostat.

    - Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm Statistiku tal-Komunità għall-2008-2012 se jippromwovi l-użu tat-tagħrif amministrattiv għal għanijiet ta’ statistika, f’każi speċifiċi.

    L-użu tad-data tal-kontabilità

    L-użu dirett tad- data tal-kontabilità standardizzata permezz ta' għodda elettroniċi huwa pass ieħor 'il quddiem promettenti. Id- data tasal direttament mill-kontijiet ta’ l-intrapriża mingħajr kwestjonarju speċjali. Id- data tal-kontabilità tista’ tiġi ssuplimentata minn stħarriġiet żgħar bħal fil-każ tad- data amministrattiva. Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Istati Membri billi tallinja d-definizzjonijiet ta’ l-atti legali fuq dawk fl-istandards tal-kontabilità, billi tiżviluppa l-għodda elettroniċi neċessarji, u billi toħloq metodi għall-istħarriġ komplementari mmirat u tekniċi ta’ stima li jikkorrespondu.

    Approċċ ta' maħżen ta’ data fir-rigward ta’ statistiċi kummerċjali

    L-integrazzjoni kompleta tas-settijiet kollha tad- data fuq livell mikro tagħmel l-użu u l-użu mill-ġdid tat-tagħrif disponibbli ferm aktar faċli. It-tagħrif jinġabar darba biss u jerġa' jintuża għal stħarrig differenti. Dan inaqqas il-piż kif ukoll jagħmel is-settijiet tad- data aktar utli. Xi Stati Membri diġa kisbu grad konsiderevoli ta’ integrazzjoni, iżda għad fadal ħafna xi jsir qabel ma dawn is-sistemi jiġu implimentati bis-sħiħ. Il-Kummissjoni għandha aċċess biss għal uħud mis-settijiet ta' data fil-livell mikro li jfixkel fl-użu mill-ġdid tat-tagħrif fuq livell Ewropew. Gruppi ta' intrapriżi li huma attivi f’bosta Stati Membru wkoll jeħtieġu li s-settijiet ta’ data integrati fil-livell tal-grupp jiġu stabbiliti fil-livell tal-Kummissjoni.

    Ir-reġistri kummerċjali huma ċ-ċentru ta’ kwalunkwe sistema bħal din, u għalhekk l-implimentazzjoni fis-sħiħ tar-regolament l-ġdid dwar ir-reġistru kummerċjali hija essenzjali. Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll Stati Membri billi tiżviluppa għodda u metodi għall-integrazzjoni sħiħa tas-settijiet ta' data .

    - Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm Statistiku tal-Komunità għall-2008-2012 se tippromwovi d-disponibilità u l-użu ta’ mikrodata.

    - L-Eurostat se jappoġġja l-iżvilupp ta’ proċess ġdid biex jgħaqqad mikrodata eżistenti biex b’hekk jippermetti l-użu aktar effiċjenti tat-tagħrif.

    Id-divrenzjar tal-ħtiġijiet

    Id-divrenzjar tal-ħtiġijiet skond il-piż tal-pajjiżi fit-totali ta’ l-istatistika, jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-piż fuq l-intrapriżi u l-ispejjeż għal xi awtoritajiet nazzjonali u, fl-istess ħin, itejjeb il-puntwalità tat-totali ta’ l-UE. Dan għandu jintuża f’kuntest usa’.

    L-użu tat-teknoloġija ta’ l-IT u l-innovazzjoni metodoloġika

    Bħala pass ieħor fil-ħidma li għaddejja dwar l-użu tad- data tal-kontabbilità ta' l-intrapriżi għal għanijiet ta’ statistika (ara taqsima 2.2.3), Eurostat qed jesplora flimkien ma' l-Istati Membri l-possibilità ta' l-applikazzjoni tal-format elettroniku XBLR (eXtensible Business Reporting Language) . Hekk kif in-negozji jibdew jadottaw l-XBRL għas-sottomissjoni tal-kontijiet tagħhom, organizzazzjonijiet ta’ statistika għandhom ikunu jistgħu joħorġu l-istatistiċi awtomatikament mit-tagħrif ta’ kontabbilità fl-XBRL. Għal dan il-għan, inħolqot task force li tiġbor flimkien bosta organizzazzjonijiet ta’ statistika nazzjonali u banek ċentrali u ngħata bidu għall-iżvilupp tekniku.

    L-Eurostat qed jaħdem ukoll b’mod attiv mal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti biex itejbu l-mezzi ta’ ġbir awtomatizzat ta’ data mhux proċessata mill-intrapriżi.

    L-Eurostat qed jisponsorja wkoll, flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-format Statistical Data and Metadata eXchange (SDMX), li għandu l-istatus ta' standard ISO. Dan l-istandard ibbażat fuq XML jippermetti t-trasferimenti elettroniċi ta’ data statistika u metadata bejn l-organizzazzjonijiet u l-utenti tagħhom. L-istandards SDMX se jgħinu biex l-intrapriżi jirċievu ritorn dwar it-tagħrif li jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ l-istatistika.

    Se tiġi mrawma wkoll ir-riċerka metodoloġika biex jitnaqqas il-piż tar-rispons. Din se tiġi promossa permezz tas-7 Programm ta’ Qafas għar-Riċerka (FP7).

    - Il-proposta ta’ l-implimentazzjoni tal-format Statistical Data and Metadata eXchange (SDMX) f’oqsma speċifiċi ta’ l-istatistika se tiġi sottomessa lill-Istati Membri matul l-ewwel nofs ta' l-2007.

    - L-ewwel sejħa għal proposti għal riċerka dwar l-istatistiċi uffiċċjali fis-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka (FP7), li se titnieda kmieni fl-2007, se tinkludi l-kejl u t-tnaqqis tal-piż tar-rispons bħala tema possibbli.

    L-IFFISSAR TA’ PRIJORITAJIET

    L-iffissar aħjar ta’ prijoritajiet ta’ statistika huwa element ieħor fundamentali fil-proċess ta’ simplifikazzjoni. Il-valutazzjoni tar-rilevanza u l-utilità ta’ l-istatistiċi tal-politiki ta’ l-UE huwa pass kritiku fl-għażla ta' oqsma ta' prijorità għas-simplifikazzjoni.

    It-twettieq tal-prinċipji fil-prattika

    B’konformità mal-prinċipji rilevanti tal-Kodiċi ta’ Prattika, il-Komunikazzjoni tal-25 ta' Mejju 2005 fissret tliet prinċipji ta’ gwida ta’ livell għoli għall-iffissar ta’ prijoritajiet ta’ statistika:

    - L-ewwel wieħed jirrelata mal- ħtiġijiet ta’ l-utenti u l-benefiċċji ta’ l-istatistiċi Ewropej – l-aktar mir-rilevanza tagħhom fir-rigward tat-tfassil tal-politika fuq livell Ewropew.

    - It-tieni wieħed jirrelata mal- valutazzjoni ta’ l-ispejjeż li saru mill-Istati Membri, minn dawk li jwieġbu u mill-Kummissjoni Ewropea għall-produzzjoni ta' l-istatistiċi tal-Komunità.

    - It-tielet kategorija tkopri “kwistjonijiet speċifiċi” ta’ importanza għar-rapport bejn l-ispiża u l-effettività ta' l-istatistiċi uffiċjali, inkluża l-korrelazzjoni bejn il-komponenti differenti tal-kwalità ta’ l-istatistika (pereżempju, “il-preċiżjoni” jew “id-dettall” kontra “il-puntwalità”), u l-possibiltajiet għal obligazzjonijiet ta’ rappurtar flessibli li jiffukaw fuq ħtiġijiet prinċipali Ewropej.

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, ġie żviluppat metodu kombinat kwalitattiv u kwantitattiv għall-valutazzjoni tar-rapport bejn l-ispiża u l-effettività, b’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika ta’ l-Istati Membri, u ġew ittestjati għal oqsma magħżula (statistiċi dwar it-trasport u l-affiljati barranin), b'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-utenti ta' l-istatistiċi fuq livell komunitarju. Il-metodu, żviluppat bl-użu ta' l-istess prinċipji u metodoloġija użati għal skemi simili oħrajn (il-mudell ta' l-ispiża netta ta' l-UE jew il-mudell standard ta' l-ispiża f’xi Stati Membri), u r-riżultati tat-testijiet ġew evalwati b’mod posittiv mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-istatistika.

    Il-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-istatistika ta’ l-Istati Membri li għandhom is-sjieda konġunta tal-metodu qablu li jtejbuh kontinwament biex jilħqu l-aqwa bilanċ bejn l-ħtiġijiet fuq naħa ta’ analiżi sempliċi u maniġġabli u, fuq in-naħa l-oħra, dettal u preċiżjoni fl-irfinar tal-ħtiġijiet ta' effikaċja fin-nefqa.

    It-twettieq tal-metodu fil-prattika

    Kif ġie rrakkomandat mill-Kunsill fit-8 ta’ Novembru 2005, il-metodu huwa inkorporat fil-proposta ġejjiena tal-Kummissjoni dwar il-programm statistiku multi-annwali għall-2008-2012. Dan se jservi bħala għodda komuni għal analiżijiet strutturati, sistematiċi u trasparenti bħalaappoġġ ta’ għażliet ta’ politika. Il-metodu jassigura l-involviment attiv ta' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil- valutazzjoni ta' l-ispejjeż totali għall-Istati Membri u dawk li jwieġbu b'konformità mal-prinċipji tal-mudell ta’ l-ispiża amministrattiva netta ta’ l-UE u għall-Kummissjoni. Jassigura wkoll l-involviment attiv ta’ l-utenti ta’ l-istatistiċi fil- valutazzjoni tal-benefiċċji ta’ l-istatistiċi, b’mod speċjali r-rilevanza u l-utilità għall-politiki ta' l-UE. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil oqsma fejn il-Komunità għandha kompetenza esklussiva meta mqabbla ma dawk l-oqsma fejn il-kompetenza hija maqsuma.

    L-appoġġ għall-produzzjoni ta’ l-istatistiċi (nazzjonali u) Komunitarji huwa biss parti żgħira mill-piż amministrattiv totali li jaqa’ fuq l-intrapriżi, b'mod partikulari fuq l-SMEs. Iżda dan il-piż huwa ipperċepit bħala wisq itqal. Fil-livell Komunitarju, l-Kummissjoni qed tkompli tesplora mezzi biex tikkontribwixxi fl-isforz ġenerali biex jitnaqqas dan il-piż. Għaldaqstant, il-proposta hija li dan il-metodu jiġi applikat fuq bażi kontinwa għal:

    i) attivitajiet ta’ statistika ġodda li għandhom implikazzjonijiet ta’ riżorsi sinifikanti għal dawk li jwieġbu, u

    ii) ħtiġijiet eżistenti għall-istatistiċi,

    biex b’hekk bil-mod il-mod il-programm ta' statistika jsir aktar bilanċjat. Minħabba l-organizzazzjoni netwerk tas-sistema ta’ l-istatistika Ewropea u l-fatt li din taħdem fuq il-bażi ta’ sussidjarjetà, dan jista', madankollu, isir biss a spejjeż ta' investiment maġġuri mill-Istati Membri. B’mod partikulari, dawn iridu jagħtu tagħrif kredibli dwar l-ispiża li hija direttament relatata mal-ħtiġijiet tal-Komunità għall-produzzjoni ta’ l-istatistiċi.

    - Il-proġetti ġodda kollha ta' l-istatistika li jistgħu jimponu piż addizzjonali sinifikanti fuq dawk li jipprovdu d- data , b'mod partikulari l-intrapriżi, ser ikunu soġġetti għal analiżi ta’ l-ispejjeż mqabbla mal-benefiċċji qabel ma dawn jiġu implimentati.

    - L-oqsma kollha li huma koperti mill-programm ta' l-istatistika multi-annwali li jmiss (2008-2012) ser ikunu soġġetti għal analiżi ta' l-ispejjeż mqabbla mal-benefiċċji qabel it-tmiem tal-programm.

    PROċESS TA’ PPJANAR

    Il-proċess li jwassal għal tifsira tal-programmi ta’ l-istatistika tal-Kummissjoni qed jiġi aġġustat sabiex iħeġġeġ aktar oġġettivi li se jnaqqsu l-ispejjez għall-Istati Membri u għal dawk li jwieġbu. Il-programm issa se jinkludi l-ippjanar ta’ valutazzjoni ta’ l-oqsma eżistenti, u se titpoġġa enfasi akbar fuq il-kwistjoni ta' prijoritizzazzjoni fid-diskussjonijiet annwali ma' l-utenti. F’dan il-kuntest, b’żieda mad-djalogu permanenti ma’ l-utenti tal-Kummissjoni, se tingħata attenzjoni speċjali lill-involviment tal-Kumitat Konsultattiv Ewropew irriformat dwar it-Tagħrif Statistiku fl-Ambiti Ekonomiċi u Soċjali (CEIES)[5], li għandu jassisti lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni billi jiżgura li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' l-utenti u l-ispejjeż merfuha mill-fornituri u produtturi ta' l-informazzjoni fil-koordinazzjoni ta’ l-oġġettivi u l-prijoritajiet strateġiċi tal-politika ta’ informazzjoni statistika tal-Komunità.

    Lil hinn minn dan, id-diskussjonijiet attwali ma’ l-Istati Membri dwar ir-reviżjoni tal-qafas bażiku legali ta' l-istatistiċi tal-Komunità (b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-istatistiċi tal-Komunità[6] huma opportunità għall-esplorazzjoni ta' mezzi kif jistgħu jinvolvu aktar mill-qrib l-NSIs fil-kuntest tal-programmi ta' l-istatistika.

    - Il-Proposta għar-riforma tas-CEIES ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-3 ta' Novembru 2006.

    - Fir-reviżjoni tal-qafas bażiku legali għall-istatistiċi tal-Komunità se jiġu indirizzati mezzi kif jistgħu jiġu involuti aktar mill-qrib l-NSIs fil-kontenut tal-programmi ta' l-istatistika tal-Kummissjoni.

    KONKLUżJONI

    Iggvernar ekonomiku u tfassil tal-politika effiċjenti fl-Unjoni Ewropea, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak komunitarju, jeħtieġ statistiċi ta’ kwalità għolja. Dan huwa kompatibbli mal-konformità kontinwa mal-prinċipji ta’ regolazzjoni aħjar b’mod ġenerali, inkluża s-simplifikazzjoni, li hija wkoll waħda mill-elementi prinċipali tas-Sħubija l-ġdida għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi li tnediet fl-2005.

    L-azzjonijiet ppreżentati mill-Kummissjoni f’din il-Komunikazzjoni huma t-tweġiba għal din l-istrateġija ġenerali mmirata li ttejjeb l-ambjent regolatorju u amministrattiv u li ssaħħaħ il-kompettitività fuq livell kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali.

    Fil-każ ta’ l-istatistiċi, il-Kummissjoni tagħraf il-bżonn li tiżgura li l-istatistiċi Komunitarji jlaħħqu mal-ħtiġijiet ta’ politika ġdida filwaqt li jnaqqsu l-ħtiġijiet kull fejn dawn jistgħu jkunu saru ta' rilevanza politika minima jew li qed dejjem tonqos. Il-Kummissjoni hija impenjata bil-valutazzjoni sistematika tar-rapport bejn l-ispiża u l-effettività ta’ ħtiġijiet ġodda u eżistenti bbażati fuq prinċipji ta’ gwida ta’ livell għoli. L-effetti u l-konsegwenzi tal-proposti leġislattivi ġodda kollha se jibqgħu jiġu evalwati sistematikament, u l-istituzzjonijiet ta' l-istatistika nazzjonali se jkunu infurmati bir-riżultati. Il-Kummissjoni hija ħerqana biex taħdem fuq dawn il-kwistjonijiet mill-qrib ma' l-Istati Membri u ma’ l-utenti aħħarija ta’ l-istatistiċi, li l-impenn tagħhom ser jiżgura li jintlaħqu l-ambizzjonijiet f'dan il-qasam.

    L-isforz biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtiġijiet u r-riżorsi mhux eżerċizzju ta’ darba. Huwa meħtieġ li jsiru sforzi kontinwi flimkien mal-ħtieġa ta' sett ta' strumenti li jistgħu jitħaddmu f’kuntest strateġiku li jirrifletti l-effiċjenza u l-effettività akbar tas-sistema ta' l-istatistika Ewropea kollha kemm hi bi statistiċi mtejba li jaqdu l-politiki ta' l-Unjoni Ewropea. L-azzjonijiet u l-għodda ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni ddaħħlu fil-programm li jmiss ta' l-istatistika multi-annwali tal-Komunità.

    Il-Kummissjoni filwaqt li tikkunsidra l-ħtieġa ta’ impenn konġunt għall-iffissar ta’ prijoritajiet, is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż tar-rispons fil-qasam ta’ l-istatistiċi tal-Komunità, tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaċċettaw l-azzjoni proposta u biex fil-futur jappoġġjaw l-inizjattivi differenti li jwasslu għat-twettiq tagħha..

    [1] COM(2005) 217.

    [2] COM(2005) 535.

    [3] COM/2006/66/Finali

    [4] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 tad-19 ta’ Diċembru 1991

    [5] COM/2006/653/Finali

    [6] ĠU L 52 tat-22.2.1997 pp. 01-07.

    Top