EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0611

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm IDABC

/* KUMM/2006/0611 finali */

52006DC0611

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm IDABC /* KUMM/2006/0611 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2006

KUMM(2006) 611 finali

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm IDABC

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm IDABC

1. INTRODUZZJONI

Bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Deċiżjoni IDABC)[1] il-programm fuq medda ta’ ħames snin dwar l-għoti interoperabbli ta’ servizzi pan-Ewropej e-Government lill-amminstrazzjoni pubblika, negozji u ċittadini (il-programm IDABC) kien tnieda fl-1 ta’ Jannar 2005 bħala tkomplija fuq il-programmi IDA u IDA II.

L-għan ta’ din il-komunikazzjoni huwa li tippreżenta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm IDABC. Il-bżonn sabiex issir il-valutazzjoni jiġi direttament mill-Artikolu 13(2)-(4) tad-Deċiżjoni IDABC, li tirrikjedi wkoll lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tressaq ir-riżultati tal-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi stadju bikri ħafna fiċ-ċiklu tal-programm sabiex tiżgura li l-Kummissjoni, bħala parti mill-valutazzjoni, tirraporta fuq il-konsistenza tal-ammonti għall-2007-2009 b’perspettivi finanzjarji.

Il-ftehim mdewwem dwar il-perspettivi finanzjarji 2007-2013 ma ħalliex lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultat tal-valutazzjoni kmieni kif kien maħsub fid-Deċiżjoni IDABC. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ issa tippreżenta r-riżultati u tikkonferma li l-qafas finanzjarju maħsub fid-Deċiżjoni IDABC għall-2007-2009 huwa konsistenti mal-perspettivi finanzjarji u huwa inkluż fil-programm finanzjarju.

Il-valutazzjoni saret mill-Kummissjoni bl-assistenza ta’ tim ta’ esperti indipendenti minn kumpanija ta’ konsulenza. Rapreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri taw sehemhom fil-metodoloġija u fil-konklużjonijiet permezz ta’ grupp ta’ ġestjoni tal-Kummissjoni u grupp konsultattiv ta’ esperti nazzjonali, kif ukoll permezz tal-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-IDABC (PEGSCO).

Ir-rapport sħiħ tal-valutazzjoni tal-kumpanija ta’ konsulenza jinsab online fuq:http://ec.europa.eu/idabc/en/document/5707/3.

Il-valutazzjoni kienet fil-biċċa kbira pożittiva tiddiskrivi lill-programm IDABC bħala wieħed li globalment għandu kwalità għolja ħafna. Madankollu, il-valutazzjoni tiffoka fuq ftit nuqqasijiet li hi tirrakkomanda għal kunsiderazzjoni għal aktar implimentazzjonijiet tal-programm.

2. SFOND

L-għan tal-programm IDABC huwa li jidentifika, jappoġġja u jippromwovi l-iżvilupp u l-ħolqien tas-servizzi pan-Ewropej e-Government u n-networks telematiċi interoperabbli bażiċi. Huwa mfassal sabiex jgħin biex jintlaħqu miri fil-qasam tal-eGovernment billi

- ikompli jimpromwovi l-introduzzjoni tat-teknoloġiji informatiċi lill-oqsma ta’ politika, speċjalment fejn dan huwa faċilitat bil-leġiżlazzjoni,

- jibni infrastruttura komuni għal skambju ta’ informazzjoni bejn il-fruntieri bejn amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jiġu assigurati komunikazzjonijiet effiċjenti,

- jinkoraġixxi l-ħolqien ta’ servizzi ġodda għan-negozji u għaċ-ċittadini.

Għal dan l-għan, il-programm IDABC jipprovdi l-fondi għall-azzjonijiet taħt żewġ titli, li huma l-Proġetti ta’ Interess Komuni u Miżuri Orizzontali, li huma mniżżla fix-xogħol tal-programm IDABC, għal liema l-Kummissjoni mill-anqas darba fis-sena tadotta emendi wara li tikkonsulta mal-PEGSCO.

Proġetti ta’ Interess Komuni huma azzjonijiet fil-qasam politiku ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-ħolqien jew it-titjib tas-servizzi pan-Ewropej eGovernment fl-appoġġ tal-amministrazzjoni pubblika, in-negozji u ċ-ċittadini. Dawn l-azzjonijiet, li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-politika Ewropea u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet madwar l-Ewropa, huma implimentati mis-setturi responsabbli għall-oqsma tad-diversi politiki ta’ l-UE, per eżempju id-Direttorati Ġenerali, u ġeneralment immonitorjati mill-kumitati sezzjonali. Proġetti ta’ Interess Komuni varati taħt il-programm huma deskritti b’mod dettaljat fix-Xogħol tal-Programm IDABC[2]

Miżuri Orizzontali huma azzjonijiet mfassla sabiex jappoġġjaw Proġetti ta’ Interess Komuni u eGovernment b’mod ġenerali. L-ewwelnett, huma jipprovdu u jieħdu ħsieb servizzi infrastrutturali għas-servizzi pubbliċi fil-Komunità. Dawn is-servizzi jipprovdu u jieħdu ħsieb soluzzjonijiet teknoloġiċi u ta’ software u jinkludu servizzi ta’ netwerk, servizzi ta’ middleware , servizzi ta’ sigurtà u linji gwida. It-tieni, huma jibdew, jippermettu u jmexxu l-provvista tas-servizzi pan-Ewropej eGovernment orizzontali lin-negozji u liċ-ċittadini fl-Ewropa, li jinkludu aspetti relatati ma’ organizzazzjoni u koordinazzjoni. Miżuri orizzontali varati taħt il-programm huma deskritti b’mod dettaljat fix-Xogħol tal-Programm IDABC[3]. Miżuri Orizzontali huma implimentati l-aktar mill-unità IDABC.

3. METODOLOġIJA

Il-valutazzjoni iddependiet fuq ħafna metodoloġiji ta’ investigazzjoni, l-aktar riċerka primarja , servej online, intervisti kif ukoll studji ta’ każi, li involvew medda vasta ta’ partijiet interessati, b’kollox mat-tlett mitt rapreżentant tal-kumitati sezzjonali, il-PEGSCO u s-servizzi ta’ l-UE.

4. KWISTJONIJIET TA’ VALUTAZZJONI U MISTOQSIJIET

Il-valutazzjoni iffukat fuq dawn il-ħames oqsma ewlenin li ġejjin:

- Rilevanza: Kemm huma rilevanti l-għanijiet u l-azzjonijiet tal-programm IDABC fir-regward tal-bżonnijiet li qegħdin jevolvu u l-prijoritajiet kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak ta’ l-UE, l-ewwel u qabel kollox il-bżonnijiet u l-prijoritajiet li joħorġu fid-diskussjonijiet li għaddejjin relatati mal-i2010 u b’mod aktar ġenerali għal dawk stabbiliti mill-għanijiet ta’ Liżbona?

- Effiċjenza: Kemm huma ekonomiċi diversi l-kontribuzzjonijiet u l-azzjonijiet mibdula fi kontribuzzjonijiet u riżultati? Liema aspetti tal-programm huma l-aktar effiċjenti jew ineffiċjenti, speċjalment f’termini ta’riżorsi mobilizzati?

- Effettività: Ir-riżultati u l-impatti tal-programm IDABC fil-proċess sa liema punt qed jilħqu l-miri speċifiċi u ġenerali tagħhom? Hemm xi aspetti li huma iktar jew inqas effettivi minn oħrajn, u, jekk hemm x’inhuma l-lezzjonijiet li joħorġu minn dan?

- Utilità : Kif ir-riżultati ta’ l-azzjonijiet tal-programm IDBAC u l-impatti, milħuqa u antiċipati, jaqblu mal-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet immirati? Safejn jistgħu l-miżuri jittieħdu sabiex titjib l-utilità tal-programm u x’għandhom ikunu dawn il-miżuri?

- Koerenza: Safejn l-azzjonijiet jiffurmaw parti minn strateġija “ħolistika” fil-qafas tal-programm u kemm huma milħuqa tajjeb is-sinerġiji bejn l-azzjonijiet tal-programm u l-attivitajiet l-oħra tal-Komunita’ fiż-żona pan-Ewropea eGovernment u tas-servizzi infrastrutturali?

Minbarra mistoqsijiet speċifiċi marbuta mal-kwistjonijiet tal-valutazzjoni, tliet mistoqsijiet li jolqtu aktar minn qasam wieħed tqanqlu fir-rigward ta’

- l-istat preżenti tal-progress tal-azzjonijiet ffinanzjat mill-programm IDABC, u

- il-koordinazzjoni u l-involviment ta’ l-Istati Membri.

- il-limitu sa kemm twettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni finali tal-programm IDA II ma’ l-implimentazzjoni tal-programm IDABC.

5. SEJBIET

5.1. Rilevanza

Id- data kollha li nġabret għall-valutazzjoni turi livell sodisfaċenti ħafna ta’ rilevanza għall-programm IDABC. Il-valutazzjoni sabet li l-għanijiet u l-azzjonijiet pjanati tal-programm IDABC huma kompletament konformi mal-bżonnijiet u l-prijoritajiet stabbiliti fil-livell ta’ l-UE skond l-għanijiet ta’ Liżbona. Il-programm IDABC ġeneralment jikkontribwixxi direttament għall-għanijiet aktar wiesgħa bħal faċilitazzjoni ta’ innovazzjoni u adozzjoni ta’ ICT kif ukoll għanijiet aktar speċifiċi bħall-ħolqien ta’ forza tax-xogħol aktar mobbli, pereżempju billi jipprovdi servizzi ta’ informazzjoni li jiffaċilitaw iċ-ċaqliq bejn il-fruntieri. Madankollu, IDABC indirettament jikkontribwixxi wkoll fiż-żieda ta’ l-effiċjenza fl-iskambju tad- data bejn l-Istati Membri u jnaqqas il-burokrazija għan-negozji u għaċ-ċittadini. Hija tikkonkludi li r-rilevanza hija b’mod ċar waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenija tal-partijiet interessati ta’ l-IDABC u hija mfittxa b’mod attiv f’numru ta’ metodi kumplimentarji f’livelli differenti.

5.2. Effiċjenza

Il-valutazzjoni tinnota li analiżi profonda tal-effiċjenza f’dan l-istadju hija prematura, minħabba li l-livell baxx tal-progress tal-programm f’dan l-istadju bikri. L-ebda riżultati jew impatti attwali m’huma viżibbli u mkejla. Minkejja dan, ibbażat fuq id- data miġbura mis-servej, il-valutazzjoni tipprova tara kif ir-riżorsi huma użati sabiex l-attivitajiet jkunu implimentati b’mod sodisfaċenti mill-perspettiva ekonomika.

5.3. Effettività

Il-programm IDABC għadu fl-istadji bikrin tiegħu, u għalhekk stima dettaljata tal-benefiċċji mill-programm IDABC lill-Komunità għadha mhix possibbli. Minkejja dan, huwa possibbli li jsiru ipotesijiet rigward l-evoluzzjoni tal-azzjonijiet fil-ġejjieni. Skond il-valutazzjoni, il-maġġoranza tal-Proġetti ta’ Interess Komuni huma bħalissa ikkunsiderati li x’aktarx iwasslu skond l-iskeda, waqt li l-Miżuri Orizzontali huma ġeneralment mistennija li jkollhom bżonn aktar għajnuna jew aktar żmien, primarjament minħabba dewmien biex jinbdew, proċeduri twal u nuqqas ta’ ħaddiema. Madankollu, kif jidher mill-evidenza aneddotali li toħroġ mill-istudji ta’ każijiet, livelli tajba ta’ effettività x’aktarx jintlaħqu kemm mill-Proġetti ta’ Interess Komuni u anki mill-Miżuri Orizzontali.

5.4. Utilità

Skond l-opinjonijiet espressi matul l-intervisti t-tip ta’ servizzi pprovduti mill-eGovernment huma ikkunsidrati uniċi, peress li l-bżonn għal interfaces telematiċi pan-Ewropej komuni fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi mhux moqdija minn ebda programm jew inizjattiva oħra. L-Istati Membri li ssieħbu ma’ l-UE fl-aħħar tkabbir huma partikularment sodisfatti ħafna bis-servizzi pprovduti, l-aktar peress li IDABC joffrilhom metodu sabiex itejbu l-infrastuttura telematika u servizzi tagħhom. B’mod ieħor differenti, il-valutazzjoni tikkonkludi li l-attivitajiet tal-programm IDABC, il-metodu u l-proċeduri fundamentali juru l-isforzi intenzjonati magħmula għas-sodisfazzjon ta’ l-aspettazzjonijiet ta’ l-Istati Membri u l-prijoritajiet stipulati fil-livell Ewropej.

Dawk li wieġbu s-servej iqisu l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, fil-livelli kollha, bħala il-benefiċjarji ewlenin tal-mira ta’ l-attivitajiet ta’ l-IDABC, bl-intrapriżi bħala il-benefiċjarji ewlenin tat-tieni mira u ċ-ċittadini bħala t-tielet. Madankollu, b’mod ġenerali, ħafna drabi bħalissa n-negozji u ċ-ċittadini m’humiex indirizzati bħala amministraturi. Il-partijiet interessati ma jidhrux li għandhom fehma komuni fuq jekk l-amministraturi humiex grupp immirat suffiċjenti u sodifaċenti jew jekk għandhom jiżdiedu l-isforzi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tan-negozji u ċ-ċittadini.

5.5. 3. Koerenza

Ir-riċerka primarja, l-intervisti u l-opinjonijiet espressi fis-servej jindikaw lejn livell tajjeb ta’ koeranza interna bejn il-miżuri appoġġjati mill-programm IDABC. L-azzjonijiet ta’ l-IDABC jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-programm li jsegwu strateġija ħolistika.

Il-koerenza tal-programm vis-à-vis l-attivitajiet l-oħra tal-Komunità fil-qasam tal-Pan-Ewropew eGovernment u servizzi infrastrutturali, i.e. il-valutazzjoni tosserva li l-koerenza esterna jistħoqqilha aktar attenzjoni. Għalkemm il-partijiet interessati varji qegħdin jagħmlu iżjed sforzi sabiex jiżviluppaw il-komplementarjetajiet, meta jkunu indirizzati kwistjonijiet simili, il-limitu sa fejn jitqiesu programmi oħra xi kultant ma jkunx preċiż, partikolarment fil-livell ta’ azzjonijiet speċifiċi.

5.6. L-istat preżenti tal-progress ta’ l-azzjonijiet ffinanzjat mill-programm IDABC

B’mod ġenerali, fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2006, madwar 50% ta’ l-azzjonijiet inklużi fix-xogħol tal-programm kienu attwalment bdew taħt il-programm IDABC. Il-proporzjon kien ftit akbar għall-Proġetti ta’ Interess Komuniu milli għall-Miżuri Orizzontali Barra minn dan, azzjonijiet li kienu diġà bdew kienu għadhom fil-fażi bikrija tal-iżvilupp. Madankollu, il-valutazzjoni tikkonkludi li s-servizzi maħsuba IDABC Pan-Ewropej eGovernment, li jew kienu bdew fil-ħin jew kienu trasferiti mill-programm IDA II, huma żviluppati, implimentati u użati tajb.

5.7. Koordinazzjoni u involviment ta’ l-Istati Membri.

Ibbażat fuq l-opinjonijiet espressi mill-intervisti u s-servej, it-twaqqif, fl-Istati Membri, ta’ strateġija koordinata nazzjonali u konsolidata għall-Proġetti ta’ Interess Komuni deher kontroversjali għal ċerti kategoriji ta’ partijiet interessati. Din il-kontroversja fil-fatt twassal għal livell globali ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon fejn għandu x’jaqsam ma’ l-abbiltà li tikkoordina opinjonijiet bejn ir-rapreżentanti ta’ l-Istati Membri f’PEGSCO u fil-kumitati sezzjonali. Madankollu, il-valutazzjoni tinnota li xi Stati Membri implimentaw metodi speċifiċi u effiċjenti li bihom il-membru tal-PEGSCO u l-membri tal-kumitat sezzjonali jikkoordinaw l-opinjonijiet tagħhom.

Ibbażat fuq it-tweġibiet li taw il-membri tal-kumitati sezzjonali, l-valutazzjoni tikkonkludi wkoll li l-livell ta’ għarfien preżenti tal-membri tal-kumitati sezzjonali dwar ir-responsabilità tagħhom mhux konsistenti.

5.8. Il-kalkolu safejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni ta’ aħħar fażi tal-programm IDA II intlaħqu mill-implimentazzjoni tal-programm IDABC.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-programm IDA II ma kinux disponibbli ħlief wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-IDABC. Madankollu, ibbażat primarjament fuq is-sejbiet tal-valutazzjoni, il-biċċa l-kbira tat-tlettax-il rakkomandazzjoni tal-valutazzjoni ta’ l-aħħar tat-terminu IDA II huma diġà meħuda jew fil-proċess li jiġu indirizzati. Tlieta biss mir-rakkomandazzjonijiet għadhom kompletament applikabbli, waħda minnhom minnhom, madankollu, hi li għandha tingħata prijorità lil dawk l-attivitajiet li jikkontribwixxu l-aktar għall-għanijiet u l-miri tal-programm, li probabbilment hija preokkupazzjoni kontinwa għal kull amministratur ta’ programm. M’humiex implimentati r-rakkomandazzjonijiet li jissuġġerixxu li

- dashboard diġitali għandha tkun maħluqa u mmirata biex timmonitorja u ssegwi attivitajiet li għadhom għaddejin u mitmuma, kemm f’rigward ta’ monitoraġġ tal-kisba tal-għanijiet, l-effetti u l-vantaġġi fuq bażi kurrenti kif ukoll biex tenfasizza u tqabbel effetti monetarji ma’ l-ispejjeż.

- programm ta’ kommunikazzjoni għandu jkun stabbilit mmirat għal UE 15 bl-istess mod kif fl-Istati Membri kien mmirat bl-għan li jassigura involviment tal-mod kif jaħdmu u tal-linji gwida ewlenin/arkitetturi.

Bl-introduzzjoni ta’ programm għaddej jaħdem fl-IDABC il-bżonn għal dashboard biex timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet naqas konsiderevolment peress li l-azzjonijiet huma mkejla regolarment mad-dħul tal-programm tax-xogħol, li jirriflettu kemm l-istat ta’ l-azzjonijiet u anki l-pjanijiet għall-ġejjieni, u peress li l-fondi għall-fażijiet sussegwenti huma biss maħruġa meta l-punti importanti jkunu milħuqa. Fl-istess żmien kien introdott rapportar tis-sena dwar l-implimentazzjoni tal-programm u reviżjoni wara l-implimentazzjoni ta’ kull azzjoni fi żmien sena ta' l-implimentazzjoni. Barra minn dan, biex jiżdied l-effett tal-fondi allokati, l-użu mill-ġdid tal-komponenti huwa meħtieġ sal-limitu possibli. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja żviluppi bl-għan li tiżgura l-massimu tal-vantaġġi.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mar-rapreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-PEGSCO biex tiżgura involviment u adozzjoni billi tiffoka fuq azzjonijiet li jkopru l-bżonnijiet stabbiliti b’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri u mas-setturi.

6. KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm IDABC waslet għal numru ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dawn il-konklużjonijiet.

6.1. Teħid ta’ Żmien ta’ l-evalwazzjoni

Kien diffiċli ħafna għall-valutazzjoni, li għandha l-istatus ta’ valutazzjoni interim, li tistabilixxi l-ewwel effetti tal-programm peress li fir-realtà dan għadu fi stadji bikrija ħafna. Problemi simili bit-teħid taż-żmien ġraw lill-valutazzjonijiet preċedenti tal-programmi IDA, il-valutazzjoni innutat li bħala tali tagħmel il-produzzjoni jew l-użu tar-riżultati huma anqas mill-ogħla kwalità.

Rakkomandazzjoni 1

Trid tingħata aktar attenzjoni lit-teħid taż-żmien ta’l-valutazzjoni. Peress li konformità mal-kalendarju tad-Deċiżjoni IDABC hija obligatorja, għall-programmi tal-ġejjieni għandu jkun maħsub livell ogħla ta’ flessibilità fejn għandu x’jaqsam it-teħid taż-żmien tal-valutazzjoni fid-Deċiżjoni, u għalhekk il-programm jibbenefika mir-riżultati tal-valutazzjoni b’mod aktar sħiħ.

Il-Kummissjoni konxja sew li l-valutazzjoni interim preżenti twettqet kmieni wisq sabiex twassal riżultati utli u għall-possibiltà ta’ programm ta’ tkomplija se tissuġġerixxi li valutazzjoni interim titwettaq bħala valutazzjoni f’nofs it-terminu, kif kien il-każ fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għall-programm IDABC.

6.2. Organizazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm

Id-diffikultajiet li kien hemm matul l-implimentazzjoni tal-valutazzjoni, b’mod partikulari dwar id-deskrizzjoni tal-istruttura ġenerali f’terminu ta’ gruppi ta’ partijiet interessati u r-relazzjonijiet tagħhom, uriet il-kumplessità intrinsika tal-organzizazzjoni ġenerali tal-programm, speċjalment fil-każ tal-Proġetti ta’ Interess Komuni. L-idea kontroversjali tal-koordinazzjoni u l-involviment tal-Istati Membri tenfasizza din l-istess kwistjoni. F’termini konkreti, il-valutazzjoni tikkonkludi li l-kumitati sezzjonali u l-amministraturi għandhom ikunu kompletament konxji mir-rwoli tagħhom, u l-membri tal-PEGSCO u l-membri tal-kumitati sezzjonali għandhom jiżguraw livell ogħla ta’ kooperazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2

Il-Kummissjoni trid tiżgura li l-parteċipanti kollha jkunu jafu l-parti tagħhom fill-proċess ta’ l-implimentazzjoni . Il-valutazzjoni tissuġerixxi li jiġu disinjati dijagrammi ta’ l-organizazzjoni u d-deskrizzjonijiet tar-rwoli tal-kontributuri tal-operazzjoni jitqassmu b’mod adegwat, l-ewwel u qabel kollox fil-każ tal-Proġetti ta’ Interess Komuni.

B’kooperazzjoni mar-rapreżentati ta’ l-Istati Membri fil-PEGSO u s-setturi kif irrappreżentati fil-Grupp ta’ l-Inter-servizzi stabbilit taħt il-programm IDABC, il-Kummissjoni se tkompli taħdem sabiex tiżgura li l-parteċipanti kollha huma konxji tar-rwoli u r-responsabilitajiet tagħhom fil-proċess ta’ l-implimentazzjoni.

6.3. Integrazzjoni tal-bżonnijiet li jevolvu tal-utenti fil-programm

Il-valutazzjoni tinnota li l-programm IDABC, bħal ta’ qablu, kien irranġat sew għall-politika tal-prijoritajiet Ewropej li qed jevolvu. Dawn l-isforzi huma apprezzati mill-Istati Membri li jidhru li huma sodisfatti bis-servizzi pprovduti. Madankollu, billi t-twettieq tal-programm huwa fi stadju bikri, mhux l-istudji kollha possibbli li s’issa kienu pjanati fil-livell tal-proġett ġew implimentati, u għalhekk l-irfinar tal-programm sabiex jaqbel mal-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet immirati għadu għaddej.

Rakkomandazzjoni 3

Għandhom isiru sforzi fil-livell strateġiku tal-programm sabiex tinġabar u titqassam informazzjoni speċifika u aġġornata fuq il-bżonnijiet ta’ l-utenti. Il-valutazzjoni tissuġerixxi li l-membri tal-PEGSCO jkunu avviċinati dwar il-bżonnijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali u internazzjonali, peress li huma sors importanti ta’ għarfien u, fl-istess ħin, li laqgħat ta’ skambju ta’ l-għarfien huma organizzati sabiex jippermettulhom skambju ta’ esperjenzi u lezzjonijiet li tgħallmu ma’ rapreżentanti ta’ Stati Membri oħra u ma’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Data miġbura minn studji possibbli tal-proġett tista’ ukoll tkun sintesizzata u mxerrda.

B’kooperazzjoni mar-rapreżentati ta’ l-Istati Membri fil-PEGSO u s-setturi, il-Kummissjoni se tkompli tirfina l-oqsma importanti miftiehma ma’ l-Istati Membri u kkonfermati bl-“i2010 Pjan ta’ Ħidma eGovernment :Aċċelerazzjoni ta’ l-eGovernment fl-Ewropa għall-Benefiċċju ta’ Kulħadd”[4] bl-għan li tappoġġja l-iżvilupp ta’ servizzi pan-Ewropej eGovernment , jaħdmu wkoll b’kooperazzjoni ma’ l-eGovernment Sub-Grupp tal-i2010 Grupp ta’ Livell Għoli stabbilit fil-kuntest ta’ l-i2010 Pjan ta’ Ħidma eGovernment .

6.4. Miżuri Orizzontali u riżorsi umani

Għalkemm il-programm IDABC għadu fl-istadji bikrija, certi ipotesijiet rigward il-ġejjieni tal-evoluzzjoni ta’ l-azzjonijiet jistgħu jkunu estrapolati mis-sejbiet tal-valutazzjoni. Filwaqt li l-maġġoranza tal-Proġetti ta’ Interess Komuni huma bħalissa ikkunsiderati li x’aktarx jitlestew skond l-iskeda, il-Miżuri Orizzontali huma mistennija li jkollhom bżonn aktar għajnuna jew aktar żmien, primarjament minħabba dewmien biex jinbdew, proċeduri twal u proporzjon mhux favorevoli bejn azzjoni u ħaddiema.

Rakkomandazzjoni 4

Il-limitu sakemm l-azzjonijiet ta’ l-IDABC kapaċi jaqblu mal-punti importanti miftiehma għandhom ikunu ikkontrollati matul l-implimentazzjoni tal-programm, b’mod partikolari għall-Miżuri Orizzontali. F’dan il-kuntest il-valutazzjoni tenfasizza il-ħtieġa li tistabilizza proporzjon aktar ibbilanċjata tal-azzjoni u l-ħaddiema fit-tmexxija tal-Miżuri Orizzontali, kemm fir-rigward tal-programm IDABC u ma kull programm sussegwenti.

Fit-tielet reviżjoni tal-Programm ta’ Ħidma IDABC adottat fl-14.8.2006[5], il-Kummissjoni adottat punti importanti u ffissat limiti ta’ żmien sabiex tkopri għad-dewmien li seħħ fl-ewwel sena tal-programm u biex tqis għall-proporzjon preżenti ta’ l-azzjoni u l-ħaddiema. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-osservanza tal-limiti ta’ żmien u l-punti importanti miftiehma u jekk ikun hemm bżonn tieħu azzjoni.

6.5. Artikulazzjoni tal-programmi relatati tal-KE eGovernment

Il-programm IDABC juri livell għoli ta’ koerenza interna. L-azzjonijiet jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-programm isegwu strateġija ħolistika li tiżgura koordinazzjoni tajba fi ħdan il-programm . Fuq in-naħa l-oħra, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-koerenza tal-programmi IDABC vis-à-vis l-attivitajiet l-oħra tal-Komunità fil-qasam tal-Pan-Ewropew eGovernment u servizzi infrastrutturali. Anki jekk il-partijiet interessati qegħdin jagħmlu aktar ħilithom biex jiżviluppaw komplementarjetà, meta jkunu indirizzati kwistjonijiet simili, il-limitu sa fejn jitqiesu programmi oħra xi kultant ma jkunx ċar.

Rakkomandazzjoni 5

Għanda titwettaq stima strateġika tar-rabtiet bejn il-programmi varji ta’ l-UE li fihom il-KE tiżviluppa inizjattivi interoperabbli ta’ l-eGovernment sabiex jitjibu l-proċessi tat-tagħlim fl-inter-programmi u s-sinerġiji. Ir-riżultati ta’ din l-istima strateġika għandhom iwasslu għal speċifikazzjoni tal-pożizzjonijiet strateġiċi u inter-relazzjonijiet tal-programmi relatati ma’ l-eGovernment tal-KE.

Fil-kuntest li tistabbilixxi l-i2010 eGovernment Pjan ta’ Ħidma, il-Kummissjoni qiegħda tiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi tal-programm u l-esperti allokati fil-programm individwali, jinħolqu sinerġiji bejn diversi programmi ta’ l-UE fil-qasam ta’ l- eGovernment permezz ta’ qsim tax-xogħol, koordinazzjoni u kooperazzjoni. Barra minn dan, bl-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)[6] Programm ta' Appoġġ għall-Politika dwar l-ICT se jkun stabbilit, gradwalment jintegraw bosta programmi eżistenti fil-qasam ta’ l- eGovernment ( eContent+ , eTEN , Modinis ). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qiegħda tinvestiga mezzi biex soluzzjonijiet stabbilliti eGovernment indipendenti mill-programm, billi tiddefinixxi mekkaniżmi biex tiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja u operattiva tagħhom kif meħtieġa mid-Deċiżjoni IDABC, bl-istess mod bl-għan li tiżgura sinerġiji u żżid l-effiċjenza fl-infiq. Permezz ta’ aktar tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-integrazzjoni l-Kummissjoni se tkompli tiżgura t-titjib tat-tagħlim fl-inter-programmi u sinerġiji.

7. KONKLUżJONIJIET

Filwaqt li tenfasizza xi nuqqasijiet li hi tirrikomanda li tingħatalhom kunsiderazzjoni f’implimentazzjonijiet oħra tal-programm IDABC, il-valutazzjoni issemmi l-aktar konklużjonijiet pożittivi, madankollu, tinnota li stima dettaljata tal-programm IDABC hija pjuttost prematura f’dan l-istadju bikri ta’ l-implimentazzjoni.

Kif spjegat hawn fuq, il-Kummisjoni se tagħti l-aktar kunsiderazzjoni possibli għar-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni.

[1] Id-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar l-għoti interoperabbli tas-servizzi tal-pan-Ewropej eGovernment lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (IDABC), ĠU L 144, 30.4.2004 (Ara ĠU L 181, 18.5.2004, p. 25. http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/oj/2004/l_181/l_18120040518en00250035.pdf

[2] C/2006/3606, ara http://ec.europa.eu/idabc/en/document/5101

[3] C/2006/3606, ara http://ec.europa.eu/idabc/en/document/5101

[4] COM(2006)173Finali,ara http://europa.eu.int/information_society/activities/egovernment_research/doc/highlights/comm_pdf_com_2006_0173_f_en_acte.pdf

[5] C/2006/3606, ara http://ec.europa.eu/idabc/en/document/5101

[6] COM(2005) 121Finali, ara http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/cip/docs/com121_en.pdf

Top