EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0567

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Ewropa globali - Kompetizzjoni dinjija - Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-TkabbirEkonomiku u l-Impjiegi {SEG(2006) 1228} {SEG(2006) 1229} {SEG(2006) 1230}

/* KUMM/2006/0567 finali */

52006DC0567

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Ewropa globali - Kompetizzjoni dinjija - Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-TkabbirEkonomiku u l-Impjiegi {SEG(2006) 1228} {SEG(2006) 1229} {SEG(2006) 1230} /* KUMM/2006/0567 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.10.2006

KUMM(2006) 567 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-EWROPA GLOBALI: KOMPETIZZJONI DINJIJA Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-TkabbirEkonomiku u l-Impjiegi {SEG(2006) 1228}{SEG(2006) 1229}{SEG(2006) 1230}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-EWROPA GLOBALI: KOMPETIZZJONI DINJIJA

Kontribut lill-Istrateġija ta' l-UE għat-TkabbirEkonomiku u l-Impjiegi

1. L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI

It-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u l-opportunità li joħolqu, huma fil-qalba ta' l-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ewropa. Huma essenzjali għall-ġid ekonomiku, il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostenibbli u sabiex l-Ewropej ikunu lesti għall-globalizzazzjoni. Huma l-kriterju ewlieni li permezz tiegħu iċ-ċittadini jqisu jekk l-Ewropa hijiex tagħtihom riżultat fil-ħajja tagħhom ta' kuljum.

Fl-2005, l-istrateġija mġedda ta' Liżbona pproponiet il-passi li rridu nieħdu fl-Ewropa sabiex inwasslu t-tkabbir u l-impjiegi. Enfasizzat li f'suq miftuħ b'regoli interni ta' kwalità għolja, infurzati effettivament, f'oqsma bħall-kompetizzjoni, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-impjiegi, il-politika soċjali u ta' koeżjoni hija essenzjali sabiex il-kumpaniji Ewropej jingħataw għajnuna sabiex jikkompetu globalment. U enfasizzat il-ħtieġa sabiex jiġu żgurat li s-swieq jinfetħu madwar id-dinja.

Din l-aġenda interna trid tiġi kkomplementata b'aġenda esterna sabiex tinħoloq opportunità f'ekonomija globalizzata li tinkludi l-politika tagħna ta' kummerċ u politiki esterni oħra. Il- prijorità esterna tagħna f'dan il-qasam f'dawn l-aħħar snin kienet li nsegwu ftehim ambizzjuż, bilanċjat u ġust sabiex nilliberalizzaw aktar il-kummerċ internazzjonali, u b'hekk niftħu s-swieq li fihom jistgħu jikkompetu l-kumpaniji Ewropej u nipprovdu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-iżvilupp. Il-WTO tibqa' l-aktar mod effettiv sabiex nespandu u mmexxu l-kummerċ f'sistema msejsa fuq ir-regoli, u ġebla tax-xewka tas-sistema multilaterali. L-Aġenda ta' l-Iżvilupp ta' Doha tibqa' l-ewwel prijorità tagħna, u l-Kummissjoni qed taħdem intensivament sabiex terġa tibda' n-negozjati ta' Doha wara li ġew sospiżi f'Lulju 2006.

Permezz tal-politiki kummerċjali tagħna, inifittxu wkoll li nikkontribwixxu għal medda ta' għanijiet esterni ta' l-Unjoni, partikolarment għanijiet marbuta ma' l-iżvilupp u mal-viċinat. Dawn se jibqgħu funzjonijiet ewlenin tal-politika kummerċjali ta' l-UE. Il-koerenza tal-politiki esterni ta' l-Unjoni hija vitali sabiex jissaħħaħ ir-rwol globali ta' l-UE.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li jiġi propost il-kontribut tal-politika kummerċjali għall-istimolu tat-tkabbir u l-ħolqien ta' l-impjiegi fl-Ewropa. Tipproponi kif, f'ekonomija globali li qed tinbidel malajr, nistgħu nibnu politika ta' kummerċ estern li tkun aktar komprensiva, integrata u li tħares 'il quddiem, li tagħti kontribut akbar għall-kompetittività ta' l-Ewropa. Tenfasizza l-ħtieġa li nadattaw l-għodod ta' politika kummerċjali ta' l-UE għal sfidi ġodda, sabiex ninvolvu msieħba ġodda, u b'hekk niżguraw li l-Ewropa tibqa' miftuħa għas-swieq dinjija u s-swieq l-oħra li huma miftuħin għalina.

Din il-Komunikazzjoni tindirizza wkoll xi wħud mir-rabtiet bejn il-politiki li nsegwu f’pajjiżna kif ukoll 'il barra minn pajjiżna. Hekk kif il-globalizzazzjoni xxejjen id-distinzjonijiet bejn il-politiki domestiċi u internazzjonali, il-politiki domestiċi tagħna kemm-il darba se jkollhom influwenza determinanti fuq il-kompetittività barranija tagħna u viċe versa. L-għarfien tal-ħtieġa għal approċċ integrat u koerenti għall-isfidi domestiċi u globali kien marka distintiva ta' din il-Kummissjoni.[1] Iżda hemm aktar x'isir sabiex dan jiġi rifless fil-modi li naħsbu u naħdmu.[2]

2. DINJA LI QED TINBIDEL

Tibdiliet fl-ordni ekonomiku globali llum huma sinifikanti għall-ekonomija dinjija u r-relazzjonijiet internazzjonali daqskemm kienu sinifikanti fi tmiem il-Gwerra Bierda. L-integrazzjoni ekonomika globali qed tħaffef il-pass, xprunata minn flussi ta' kummerċ u ta' kapital li qed jikbru, swieq finanzjarji aktar integrati, spejjeż ta' trasport dejjem jonqsu, u r-revoluzzjoni fit-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Dan qed joħloq opportunitajiet mingħajr preċedent għat-tkabbir u għall-iżvilupp. Madankollu qiegħed ukoll ipoġġi pressjonijiet ġodda fuq ir-riżorsi naturali, partikolarment il-klima tagħna u fuq l-industriji u l-impjiegi tradizzjonali. Wassal għal erożjoni ta' ċertezzi tradizzjonali u qajjem biżgħat ġodda.

Il-kumpaniji qed jirrispondu għal dawn it-tibdiliet, jikkombinaw teknoloġiji avvanzati u kapital barrani ma' sorsi kbar ta' forza tax-xogħol li qiegħda dejjem aktar teduka ruħha fid-dinja li qed tiżviluppa. Il-katini tal-provvista globali qed jinbidlu hekk kif il-kumpaniji jibagħtu barra l-produzzjoni kumplessa u s-servizzi lil ekonomi li jneffquhom anqas. Il-komponenti ta' prodott wieħed jistgħu jinkisbu minn firxa ta' pajjiżi, biex b'hekk il-kummerċ tradizzjonali f'oġġetti lesta jiġi ssostitwit.

Aktar pajjiżi minn qatt qabel qed jaħtfu l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni. Fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin, l-Istati Uniti, l-Ewropa u l-Ġappun mexxew l-ekonomija dinjija. Illum, qed jingħaqdu magħhom ekonomiji li huma dejjem aktar miftuħa u li qed jikbru, partikolarment iċ-Ċina u l-Indja, iżda wkoll il-Brażil, ir-Russja u oħrajn. Iċ-Ċina diġà hija t-tielet l-akbar esportatur u x'aktarx li ssir it-tieni l-akbar ekonomija nazzjonali fi ftit snin. Fl-istess perjodu, l-Indja tista' ssir is-6 l-akbar.

B'riżultat ta' dan qed tinbidel in-natura tal-kummerċ dinji. Għadna ma ngħixux f'dinja mingħajr tariffi, iżda ħafna setturi mexjin f'dik id-direzzjoni. Għall-Ewropa, l-għarfien, l-innovazzjoni, il-proprjetà intellettwali, is-servizzi u l-użu effiċjenti tar-riżorsi issa huma l-qofol tal-kompetittività. Il-politika kummerċjali u l-aproċċ kollu tagħna għall-kompetittività internazzjonali jeħtieġ li jiġu adattati.

3. ANALIŻI: IS-SISIEN TAL-KOMPETITTIVITÀ TA' L-UE

Jeżistu żewġ rekwiżiti kritiċi u marbuta għall-kompetittività Ewropea. L-ewwelnett, li jkollna l-politiki interni t-tajbin, li jirriflettu l-isfida kompetittiva esterna u li jżommulna idejna miftuħa għall-kummerċ u l-investiment. It-tieninett, li niżguraw li swieq oħra jkunu aktar miftuħa u jkollhom regoli aktar ġusti, partikolarment l-imsieħba kummerċjali ewlenija tagħna fil-ġejjieni . It-tnejn li huma jridu jkunu sostnuti minn regoli trasparenti u effettivi – domestiċi, bilaterali u multilaterali .

3.1. Il-Politiki t-Tajba f'Pajjiżna

i) Swieq kompetittivi: is-suq uniku huwa vitali fil-ħolqien ta' kumpaniji globalment kompetittivi fl-UE. Id-dixxiplini tiegħu jippromwovu l-prevedibbiltà u t-trasparenza u jippermettu li n-negozju jisfrutta d-daqs tas-sweiq u l-ekonomiji fil-kobor, jinkoraġġixxu l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi u l-innovazzjoni u ma jħallux li l-għajnuniet mill-istat jintużaw bħala għodda antikompetittiva u protezzjonista. Rawwem l-iżvilupp ta' regoli u standards ta' kwalità għolja li jgħinu fl-iffurmar ta' normi globali.

Is-swieq kompetittivi għenu lill-industrija Ewropea tal-manifattura sabiex ġeneralment iżżomm is-sehem tagħha tal-PGD fid-dawl tal-globalizzazzjoni, filwaqt li l-qagħda ta' l-Istati Uniti u l-Ġappun iddgħajfet. Il-prodott ta' l-industrija ta' l-UE żdied b'40% matul l-aħħar għoxrin sena[3] u l-qagħda ta' l-UE fis-swieq dinjija baqgħet kważi ma nbidlitx. L-industriji tas-servizzi tagħna huma mexxejja dinjija f'medda wiesgħa ta' oqsma.

Dan huwa l-każ l-aktar għaliex il-kumpaniji ta' l-UE jbigħu prodotti u servizzi bi premium ta' disinn u kwalità[4]. Il-prodotti ta' kwalità superjuri huma responsabbli għal terz tad-domanda dinjija u nofs l-esportazzjoni Ewropea. F'dawn il-prodotti ta' valur ogħla, l-UE qiegħda t-tieni, eżatt wara l-Ġappun, iżda qabel l-Istati Uniti, filwaqt li pajjiżi bħaċ-Ċina għadhom lura sew.

Iżda l-UE qed titlef il-vantaġġ fl-oqsma ta' l-ogħla teknoloġija. It-titjib tar-rendiment tagħna fl-innovazzjoni, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, kemm għall-prodotti – fosthom prodotti agrikoli ta' kwalità b'valur miżjud għoli – kif ukoll għas-servizzi huwa kritiku biex tinżamm il-kapaċità li għandha l-UE għall-bejgħ ta' prodotti ta' l-aqwa kwalità. Jeħtieġ li nqisu wkoll il-punt fokali estern tagħna. L-esportazzjoni Ewropea hija b'saħħitha f'pajjiżi fejn id-domanda hija statika, iżda mhix f'pożizzjoni daqshekk tajba fil-konfront tal-Ġappun u l-Istati Uniti fi swieq li qed jikbru b'rata mgħaġġla, partikolarment fl-Ażja.

ii) Swieq miftuħa : Ekonomija Ewropea miftuħa hija essenzjali għall-ħolqien ta' l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropea għall-kompetittività internazzjonali tagħna . Jekk nilqgħu b'idejn miftuħa l-kummerċ globali u l-investiment, intejbu l-kapaċità tagħna li nisfruttaw il-benefiċċji ta' suq uniku effettiv. Nesponu lill-ekonomija domestika għal pressjonijiet kompetittivi kreattivi, li jservu ta' impetu u li jippremjaw l-innovazzjoni, u nipprovdu aċċess għal teknoloġiji ġodda u nżidu l-inċentivi għall-investiment.

Jeħtieġ li l-Ewropa twarrab il-protezzjoniżmu. Il-protezzjoniżmu jgħolli l-prezzijiet għall-konsumaturi u n-negozju u jillimita l-għażla. Fit-terminu l-medju, il-ħarsien ta' setturi li jikkompetu ma' l-importazzjoni minn kompetizzjoni esterna ġusta, jiżvija r-riżorsi mis-setturi l-aktar produttivi ta' l-ekonomija. Peress li ġidna jiddependi mill-kummerċ, l-ostakli reċiproċi li jagħmlulna l-oħrajn ikunu ta' ħsara għall-ekonomija tagħna.

L-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet temporanji u mmirati fuq l-importazzjonijiet antikompettivi lejn l-Ewropa jista' jkollha rwol fid-difiża ta' l-interessi Ewropej mill-kummerċ inġust. Irridu nżommu dawn l-istrumenti meħtieġa ta' difiża kummerċjali filwaqt li niżguraw li jiġu adattati għal kundizzjonijiet ta' kummerċ globali li qed jinbidlu.

iii) Ġustizzja soċjali : Irridu nirrikonoxxu wkoll l-impatti tal-ftuħ tas-swieq għal ċerti reġjuni u ħaddiema, partikolarment dawk anqas kwalifikati, li potenzjalment jistgħu ikunu ta' xkiel. Il-bidla strutturali mhix xi ħaġa ġdida, iżda hija mgħaġġla aktar bil-globalizzazzjoni. It-tneħħija ta' l-ostakli għall-aġġustament fis-suq intern u ċ-ċaqliq tar-riżorsi għal setturi fejn jistgħu jintużaw bl-aktar mod effettiv hija essenzjali biex jiġu rrealizzati l-benefiċċi tal-kummerċ u sabiex jinħolqu l-impjiegi fl-Ewropa. Iżda l-effetti negattivi tal-ftuħ tal-kummerċ jista' jinħass ferm f'setturi jew reġjuni partikolari, u jista' jkebbes l-oppożizzjoni politika għall-kummerċ ħieles. Jeħtieġ li naħdmu aħjar biex nantiċipaw l-effetti tal-ftuħ tal-kummerċ. billi ngħinu lis-setturi, lir-reġjuni u lill-ħaddiema biex jadattaw; u billi niżguraw li l-benefiċċji jgħaddu għand iċ-ċittadini tagħna. Hekk kif nimxu fit-triq tal-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni f'pajjiżna, għandna nfittxu wkoll li nippromwovu l-valuri tagħna, fosthom dawk soċjali u ambjentali, madwar id-dinja[5].

3.2. Il-Ftuħ ta' Swieq Barranin

Il-ftuħ progressiv tal-kummerċ huwa sors importanti ta' kisbiet tal-produttività, it-tkabbir u l-ħolqien ta' l-impjiegi. Huwa fattur essenzjali fit-tnaqqis tal-faqar u l-promozzjoni ta' l-iżvilupp, bil-potenzjal fit-tul li jgħin sabiex jiġu indirizzati ħafna mill-fatturi fl-isfond li jmexxu l-isfidi globali li nħabbtu wiċċna magħhom, mis-sigurtà sal-migrazzjoni sat-tibdil fil-klima.

L-argument ewlieni tagħna huwa li t-twarrib tal-protezzjoniżmu f'pajjiżna għandu jkun akkumpanjat mill-attiviżmu fil-ħolqien ta' swieq miftuħa u kundizzjonijiet ġusti għall-kummerċ barra minn pajjiżna. Dan itejjeb l-ambjent kummerċjali globali u jgħin sabiex tiġi xprunata r-riforma ekonomika f'pajjiżi oħra. Isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta' l-industrija ta' l-UE f'ekonomija globalizzata u huwa meħtieġ sabiex jiġi sostnut l-appoġġ politiku domestiku biex inkunu miftuħa aħna stess. Hemm żewġ elementi ċentrali fit-triq ta' din l-aġenda: involviment akbar ma' l-ekonomiji u r-reġjuni maġġuri li qed jixirfu; u ffokar aktar qawwi fuq ix-xkiel għall-kummerċ wara l-fruntiera.

Ekonomiji maġġuri li qed jixirfu, partikolarment, iċ-Ċina, l-Indja, u l-Brażil bir-raġun qed jaħsdu l-benefiċċi tar-rwol dejjem jikber tagħhom fil-kummerċ dinji. Flimkien issa jirrappreżentaw 15% tal-flussi kummerċjali globali. Dan it-tkabbir, ibbażat fuq il-liberalizzazzjoni progressiva, kien essenzjali għall-kisbiet storiċi tagħhom billi ħareġ miljuni ta' nies mill-faqar.

L-UE diġà hija miftuħa ferm għall-esportazzjoni minn dawn il-pajjiżi emerġenti u minn pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw, u lesta li tmur lil hinn minn dan. Iżda ħafna pajjiżi emerġenti jikkombinaw tkabbir għoli ma' ostakli għolja żżejjed għall-esportazzjoni mill-UE. Hekk kif jikbru r-rwol tagħhom u l-benefiċċi li jisiltu mis-sistema ta' kummerċ globali, hekk ukoll jikbru r-responsabbiltajiet tagħhom sabiex ikollhom sehem sħiħ fiż-żamma ta' reġim globali li jiffavorixxi s-swieq miftuħa.

Dan il-ftuħ m'għadux jirrigwarda biss it-tariffi. L-iżgurar ta' aċċess għas-swieq veru fis-seklu 21 ifisser li wieħed jiffoka fuq kwistjonijiet ġodda u jiżviluppa l-għodod tal-politika kummerċjali sabiex jinkisbu t-tipi ta' ftuħ li verament jagħmlu d-differenza:

i) Ostakli mhux tariffarji : It-tnaqqis tat-tariffi jibqa' importanti għall-ftuħ tas-swieq għal esportazzjonijiet industrijali u agrikoli Ewropej. Iżda hekk kif jaqgħu it-tariffi, ostakli mhux tariffarji, bħal regolamenti u proċeduri li jxekklu wisq il-kummerċ isiru l-ostakli ewlenin. Kemm-il darba dawn ikunu anqas viżibbli, aktar kumplessi u jistgħu ikunu aktar sensittivi għaliex jinvolvu direttament ir-regolazzjoni domestika. Ir-regolazzjoni tal-kummerċ hija meħtieġa u leġittima iżda għandha ssir b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, bl-inqas restrizzjoni possibbli fuq il-kummerċ b'konsistenza ma' l-ilħiq ta' għanijiet oħra ta' politika pubblika.

L-indirizzar ta' ostakli mhux tariffarji oħra huwa kkumplikat, jesiġi ħafna riżorsi u għadu mhux kopert kompletament mis-sistema tal-WTO. Strumenti bħal ftehimiet ta' għarfien reċiproku, standardizzazzjoni internazzjonali u djalogi regolatorji, kif ukoll assistenza teknika lil pajjiżi terzi, se jibqa' jkollhom rwol dejjem aktar importanti fil-promozzjoni tal-kummerċ u fil-prevenzjoni ta' regoli u standards li jgħawġu l-kompetizzjoni. Dan se jirrikjedi metodi ġodda ta' xogħol fi ħdan il-Kummissjoni u ma' oħrajn, fosthom l-Istati Membri u l-industrija sabiex jiġu indentifikati u indirizzati l-ostakli.

ii) Aċċess għar-riżorsi: Aktar issa minn qatt qabel, jeħtieġ li l-Ewropa timporta u tesporta. L-indirizzar tar-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għar-riżorsi bħall-enerġija u l-metall u l-iskrepp, materji primi ewlenin fosthom ċertu materjal agrikolu, u ġlud għandu jkun prijorità għolja. Miżuri meħuda minn xi wħud mill-akbar soċji kummerċjali tagħna sabiex jirrestrinġu l-aċċess għall-provvisti tagħhom ta' dawn ir-riżorsi qed jirriżultaw fi problemi kbar għal ċerti industriji ta' l-UE. Sakemm ma jkunux ġustifikati għal raġunijiet ta' sigurtà jew ambjentali, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għar-riżorsi għandhom jitneħħew.

L-enerġija se tkun partikolarment importanti. Hekk kif id-domanda globali tiżdied u l-Ewropa ssir aktar dipendenti fuq sorsi esterni ta' l-enerġija, l-UE teħtieġ tkompli tiżviluppa politika koerenti għall-enerġija kompetittiva, sikura u sostenibbli. Internament, dan ifisser it-tlestija ta’ suq ta' l-enerġija kompetittiv, mifrux ma' l-UE kollha kemm hi, u l-promozzjoni ta' taħlita ta' enerġija li tkun sostenibbli, effiċjenti u varjata. Esternament, jeħtieġ li nippruvaw intejbu t-trasparenza, il-governanza u l-kummerċ fis-settur ta' l-enerġija f'pajjiżi terzi permezz ta' kundizzjonijiet mhux diskriminatorji ta' tranżitu u aċċess ta' partijiet terzi għall-infrastruttura tar-rotta ta' esportazzjoni. u billi nikkontribwixxu għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni u esportazzjoni u niżviluppaw infrastruttura għat-trasport ta' l-enerġija. Id-diversità tas-sorsi, l-provvistà u tat-tranżitu hija essenzjali għall-politiki interni u esterni tagħna.

Il-mixja lejn it-tkabbir ekonomiku permezz tal-kummerċ jista' jkollha implikazzjonijiet ambjentali, partikolarmnet għall-bijodiversità u l- klima tagħna . Jeħtieġ li l-politiki ta' kompetittività esterna tagħna jinkoraġġixxu l-effiċjenza ta' l-enerġija, l-użu ta' enerġiji rinnovabbli, inklużi l-bijofjuwils, teknoloġija għal emissjonijiet aktar baxxi u l-użu razzjonali ta' l-enerġija fl-Ewropa u madwar id-dinja, kemm biex titnaqqas iż-żieda fid-domanda globali għall-enerġija kif ukoll sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista. Ir-rabtiet bejn il-politika kummerċjali u t-tibdil fil-klima partikolarment se jeħtieġu aktar studju.

iii) Oqsma ġodda ta' tkabbir ekonomiku: Se nkunu neħtieġu ffokar aktar qawwi fuq il-ftuħ tas-swieq u regoli aktar b'saħħithom fl-oqsma ġodda ta' kummerċ li huma ta' importanza ekonomika għalina, notevolment il-proprjetà intellettwali (IPR), is-servizzi, l-investiment, il-kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjoni .

Il-valur ta' l-aċċess għal swieq ġodda għall-impriżi ta' l-UE jitnaqqas serjament jekk il-pajjiżi kkonċernati ma jipprovdux biżżejjed ħarsien ta’ l-IPR. Ksur ta' l-IPR jiċħdu lid-detenturi tad-dritt mill-introjtu li jagħtihom l-investiment u fl-aħħar mill-aħħar jheddu l-vijabbiltà ta' l-aktar kumpaniji innovattivi u kreattivi. L-akbar sfida bħalissa hija l-infurzar ta' impenji eżistenti, partikolarment f'ekonomiji emerġenti. Il-Kummissjoni ddedikat riżorsi konsiderevoli għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u t-titjib ta' l-infurzar ta’ l-IPR f'pajjiżi terzi ewlenin bħaċ-Ċina. Tejjibna l-kooperazzjoni ma' soċji bħall-Istati Uniti u l-Ġappun fir-rigward ta' l-IPR u ħdimna biex inħarsu l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' l-UE. Iżda għad fadal ħafna xi jsir.

Is-servizzi huma l-ġebla tax-xewka ta' l-ekonomija ta' l-UE. Jirrappreżentaw 77% tal-PGD u l-impjiegi, qasam ta' vantaġġ komparattiv Ewropew bl-akbar potenzjal għat-tkabbir fl-esportazzjoni mill-UE. Il-liberalizzazzjoni gradwali fil-kummerċ globali fis-servizzi hija fattur importanti fit-tkabbir ekonomiku ġejjieni, ukoll fid-dinja li qed tiżviluppa. L-UE se jeħtiġilha tinnegozja sabiex tilliberalizza l-kummerċ fis-servizzi ma' msieħba kummerċjali ewlenin, speċjalment fejn l-aċċess għas-swieq huwa batut jew fejn l-imsieħba tagħna ftit ħadu impenji fi ħdan il-WTO.

It-titjib tal-kundizzjonijiet ta' investiment f'pajjiżi terzi għas-servizzi u setturi oħra jista' jagħmel kontribut importanti għat-tkabbir ekonomiku, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi li jirċevuh. Hekk kif il-katini tal-provvista jiġu globalizzati, il-kapaċità li ninvestu liberament fi swieq terzi ssir aktar importanti. Il-ġografija u l-prossimità għadhom importanti. L-istabbiliment ta' preżenza "fiżika" f'pajjiż barrani jgħin lill-kumpaniji ta' l-UE sabiex jirrealizzaw opportunitajiet kummerċjali, jwasslu għal prevedibbiltà akbar tal-fluss kummerċjali u jikkonsolida l-immaġni u r-reputazzjoni ta' l-impriża u tal-pajjiż ta' l-oriġni.

Il- kuntratti pubbliċi huma qasam ta' potenzjal sinifikanti li għadu mhux sfruttat għall-esportaturi ta' l-UE. Il-kumpaniji ta' l-UE huma mexxejja dinjija f'oqsma bħat-tagħmir tat-trasport, xogħlijiet pubbliċi u utilitajiet. Iżda jħabbtu wiċċhom ma' prassi diskriminatorji fi kważi s-soċji kummerċjali kollha tagħna, u dan effettivament jagħlaq l-opportunitjiet tagħna għall-esportazzjoni. Dan huwa x'aktarx l-akbar settur kummerċjali li għadu mħares minn dixxiplini multilaterali.

In-nuqqas ta' regoli dwar il- kompetizzjoni u dwar l-għajnuna mill-istat f'pajjiżi terzi jillimita l-aċċess għas-swieq peress li jibni ostakli ġodda li jissostitwixxu t-tariffi jew ostakli tradizzjonali mhux ta' natura tariffarja. L-UE għandha interess strateġiku fl-iżvilupp ta' regoli internazzjonali u l-kooperazzjoni f'politiki ta' kompetizzjoni sabiex tiżgura li kumpaniji Ewropej f'pajjiżi terzi ma' jbatux minn sussidjar żejjed ta' kumpaniji lokali jew prassi antikompetittivi. Għad hemm ħafna xi jsir f'dan il-qasam. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ftit hemm trasparenza dwar l-għoti ta' l-għajnuna.

F'dawn l-oqsma kollha huma essenzjali regoli trasparenti, effettivi u rispettati. L-infurzar tajjeb ta' regoli bħal dawn f'darna huwa l-bażi tal-kompetittività tagħna. Iżda jeħtieġ ukoll li naħdmu ma' l-oħrajn sabiex niżguraw li r-regoli u l-istandards tagħhom ikunu ta' kwalità simili.

4. AĠENDA: PJAN TA' AZZJONI GĦALL-KOMPETITTIVITÀ ESTERNA TA' L-UE

Abbażi ta' din l-analiżi, għandna nibnu aġenda għall-azzjoni fix-xhur u s-snin li ġejjin. L-għanijiet tagħna għandhom ikunu li ninfluwenzaw il-forzi li jmexxu l-bidla, li naħtfu l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni u li nieħdu ħsieb ir-riskji. Din hija l-isfida li tinsab fil-qalba tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Mejju 2006, Aġenda taċ-Ċittadini għall-Ewropa . Ir-rwol tal-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, il-Parlament u oħrajn, fit-tmexxija tal-politika kummerċjali ta' l-UE huwa sors uniku ta' saħħa għall-Ewropa – rwol li l-ebda qasam ta' politika ieħor ma' għandu. Madankollu, rridu niżguraw li l-prijoritajiet u l-metodi tagħna jkunu adattati għall-isfidi tal-ġejjieni.

4.1. Intern

L-istrateġija mġedda ta' Liżbona tipproponi aġenda koerenti għall-adattament ta' l-ekonomiji Ewropej għall-ambjent globali ġdid. Sabiex niżguraw li r-regoli domestiċi tagħna jirrispondu għall-pressjonijiet u l-opportunitajiet ġodda, l-Aġenda taċ-Ċittadin tipproponi reviżjoni fundamentali tas-suq uniku. B'hekk jiġi eżaminat kif is-suq intern jista' jgħin aktar lin-negozju Ewropew sabiex jagħmel it-tibdiliet meħtieġ sabiex jikkompeti internazzjonalment permezz tad-diversifikazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-innovazzjoni. Iżda hemm inizjattivi oħra ta' politika li għandna nsegwu issa.

Il-proċess tagħna ta' tfassil ta' politika għadu jinkludi l-isfidi globali għall-kompetittività. Aktar ma jkunu konsistenti r-regoli u l-prassi ma' l-imsieħba ewlenin tagħna, aktar imur tajjeb in-negozju fl-UE. Jeħtieġ li jkollna rwol ewlieni fil-qsim ta' l-aqwa prassi u fl-iżvilupp ta' regoli u standards globali. Sabiex nagħmlu dan b'mod effettiv jeħtieġ li nqisu d-dimensjoni esterna fit-tfassil ta' l-istandards regolatorji u standards oħra tagħna. Dan ma jirrigwardax regolamentazzjoni anqas stretta. Dan jirrigwarda approċċ miftuħ u flessibbli fl-iffissar tar-regoli tagħna u li nfittxu li ma nippermettux frizzjoni kummerċjali fil-ġejjieni – u b'hekk nappoġġaw in-negozju Ewropew – kull fejn hu possibbli. Dan huwa diġà parti mill-aġenda tagħna għal regolamentazzjoni aħjar fl-UE, iżda nistgħu naħdmu aktar minn hekk. Għal dan il-għan kooperazzjoni regolatorja internazzjonali u bilaterali hija għodda essenzjali.

Iċ-ċittadini Ewropej jistennew li jaraw riżultati pożittivi mit-tibdil ekonomiku u strutturali . Ir-raġunijiet għas-swieq miftuħa jkunu mhedda jekk il-benefiċċji li jirriżultaw minnhom ma jaslux għand iċ-ċittadini. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom rwoli importanti fl-iżgurar li l-benefiċċji tal-ftuħ tal-kummerċ u l-globalizzazzjoni jilħqu ċ-ċittadini kollha u ma jinqabdux minn interessi speċifiċi. Wara li ġie lliberalizzat il-kummerċ fit-tessuti fi tmiem l-2005, dawn il-benefiċċji ma' ġewx trażmessi b'konsistenza. Il-Kummissjoni se twaqqaf monitoraġġ sistematiku tal-prezzjoni ta' l-importazzjoni u l-konsum qabel ma tikkunsidra azzjoni ulterjuri.

Il-kumpaniji u n-nies, jeħtieġu ż-żmien u l-prevedibbiltà biex jadattaw. Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi ta' politika ta' koeżjoni ta' l-UE jipprovdu opportunitajiet sabiex jiġu antiċipati, ssir tħejjija għal u tingħata risposta għat-tibdil marbut mal-globalizzazzjoni. Dawn l-opportunitajiet iridu jinħatfu. Il-Fond Ewropew għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni se jipprovdi wkoll risposta mgħaġġla għal problemi partikolari ddefiniti sew li jirriżultaw mir-ristrutturar. L-għan għandu jkun li nippromwovu l-adattament, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, u mhux li nipproteġu impjiegi individwali jew kumpaniji minn tibdil inevitabbli. Se nkomplu wkoll inħaffu l-kummerċ għall-kumpaniji f'darna, nimmodernizzaw id-dwana fl-UE billi nirrevedu l-kodiċi doganali u nintroduċu d-dwana elettronika.

4.2. Estern

i) Id-WTO

Id-dinja teħtieġ sistema kummerċjali multilaterali b'saħħitha. Hija l-aktar mod effettiv sabiex nespandu u mmexxu l-kummerċ għall-benefiċċju ta' kulħadd u din tipprovdi qafas uniku sabiex jissolvew id-diverġenzi.

L-Ewropa mhix se tirtira mill-multilateraliżmu. Nibqgħu sodi fl-impenn tagħna għall-multilateraliżmu u lesti nħallsu, raġjonevolment, sabiex inżommu s-sistema vitali. Is-sospensjoni tan-negozjati ta' Doha hija opportunità mitlufa għat-tkabbir globali u l-iżvilupp. L-UE għamlet offerti sinifikanti ta' liberalizzazzjoni, mhux lanqas fl-agrikoltura, u għamiltha ċara li hija lesta tkompli sejra fi ħdan il-limiti tal-mandat attwali tagħha, bħala parti minn ftehim globali. L-Ewropa tibqa' impenjata għad-WTO u qed taħdem ħafna sabiex terġa' tibda n-negozjati malli jippermettu ċ-ċirkostanzi f'pajjiżi oħra.

ii) Ftehimiet ta' Kummerċ ħieles

Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (Free Trade Agreements(FTA)), jekk jitqiesu b'attenzjoni, jistgħu jinbnew fuq ir-regoli tal-WTO u regoli internazzjoni oħra billi jagħmlu aktar, b'rata aktar mgħaġġla fil-promozzjoni ta' ekonomiji miftuħa u l-integrazzjoni, billi jindirizzaw kwistjonijiet li mhumiex lesti għad-diskussjonijiet multilaterali u billi jwittu t-triq għal-livell li jmiss ta' liberalizzazzjoni multilaterali. Ħafna kwistjonijiet ewlenin, fosthom l-investiment, il-kuntratti pubbliċi, il-kompetizzjoni, kwistjonijiet regolatorji oħra u infurzar ta' l-IPR, li għalissa m'humiex fl-ambitu tad-WTO jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' l-FTAs.

Madankollu, l-FTAs jistgħu wkoll iġorru riskji għas-sistema kummerċjali multilaterali. Jistgħu jikkumplikaw il-kummerċ, jherru l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u jeskludu l-aktar ekonomiji dgħajfa. Sabiex ikollhom impatt pożittiv, l-FTAs iridu jkunu komprensivi fl-ambitu, jipprovdu għal-liberalizzazzjoni sostanzjalment tal-kummerċ kollu u jmorru lil hinn mid-dixxiplini tad-WTO. Il-prijorità ta' l-UE se tkun li tiżgura li kwalunkwe FTAs ġodda, inkluża dik tagħna, jservu bħala triq lejn, u mhux xkiel għal-liberalizzazzjoni multilaterali.

L-FTAs ma huma bl-ebda mod ġodda għall-Ewropa. Pereżempju, għandhom rwol importanti fil-viċinat Ewropew billi jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi u regolatorji fi ħdan l-UE. Huma parti min-negozjati tagħna għal Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi Afrikani tal-Karibew u dawk tal-Paċifiku u ftehimiet ta' assoċjazzjoni fil-ġejjieni ma' l-Amerika Ċentrali u l-Komunità ta' l-Andes. Iżda filwaqt li l-ftehimiet bilaterali attwali tagħna jappoġġaw tajjeb l-għanijiet tal-viċinat u ta' l-iżvilupp tagħna, l-interessi kummerċjali ewlenin tagħna, fosthom dawk fl-Ażja, mhux moqdija daqshekk tajjeb. Il-kontenut ta' dawn il-ftehimiet ukoll jibqa' limitat. Fl-iżviluppi kummerċjali bilaterali, għandna nibqgħu inqisu kwistjonijiet oħra kif ukoll ir-rwol usa' tal-politika kummerċjali fir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE. Iżda sabiex il-politika kummerċjali tkun tista' tgħin fil-ħolqien ta' l-impjiegi u fl-ixprunar tat-tkabbir, għandhom ikunu l-fatturi ekonomiċi li jkollhom rwol primarju fl-għażla ta' FTAs fil-ġejjieni.

Il- kriterji ekonomiċi ewlenin għal imsieħba ġodda ta' l-FTA għandhom ikunu l-potenzjal tas-swieq (daqs ekonomiku u tkabbir) u l-livell ta' ħarsien kontra l-interessi ta' l-esportazzjoni mill-UE (ostakli tarriffarji u mhux tariffarji) Għandna wkoll inqisu n-negozjati ta' l-imsieħba potenzjali tagħna mal-kompetituri ta' l-UE, l-impatt li x'aktarx ikollu dan fuq is-swieq u l-ekonomiji ta' l-UE, kif ukoll ir-riskju li l-aċċess preferenzjali għas-swieq ta' l-UE li bħalissa qed igawdu minnu msieħba tagħna ġirien u pajjiżi li qed jiżviluppaw, jibda sejjer lura.

Abbażi ta' dawn il-kriterji ASEAN , Korea u Mercosur (li magħhom għaddejjin in-negozjati) joħorġu bħala prijoritajiet. Jikkombinaw livelli għolja ta' ħarsien ma' potenzjal ta' swieq kbar u huma attivi fil-konlużjonijiet ta' FTAs mal-kompetituri ta' l-UE> L- Indja, ir-Russja u l- Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (attwalment ukoll għaddejjin in-negozjati) huma ta' interess dirett għall-UE għaliex huma wkoll għandhom kombinazzjoni ta' potenzjal tas-swieq u livelli ta' protezzjoni. Iċ-Ċina wkoll tissodisfa ħafna minn dawn il-kriterji, iżda tesiġi attenzjoni speċjali minħabba fl-opportunitajiet u r-riskji li tippreżenta.

F'termini ta' kontenut , FTAs ġodda xprunati mill-kompetittività jeħtieġ li jkunu komprensivi u ambizzjużi fl-ambitu, u jimmiraw lejn l-ogħla livell possibbli ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ inkluża liberalizzazzjoni wiesgħa tas-servizzi u l-investiment. Għandu jiġi żviluppat mudell ġdid ta' ftehim dwar investiment ta' l-UE b'koordinazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri. Fejn l-imsieħba tagħna jkunu ffirmaw FTAs ma' pajjiżi oħra li huma kompetituri ma' l-UE, għandna għallinqas infittxu parità sħiħa. Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-forom kollha ta' dazi, taxxi u imposti u restrizzjonijieit oħra fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu eliminati.

L-FTAs għandhom jindirizzaw ukoll ostakli ta' natura mhux tariffarja permezz ta' konverġenza regolatorja kull fejn hu possibbli u jkun fihom dispożizzjonijiet sodi dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ. Għandhom jinkludu dispożizzjonijiet aktar sodi għall-IPR u l-kompetizzjoni, fosthom pereżempju dispożizzjonijeit dwar l-infurzar ta' drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fuq l-istess linji tad-Direttiva tal-KE dwar l-Infurzar. Nippruvaw ninkludu dispożizzjonijiet dwar governanza tajba f'oqsma finanzjarji, tat-taxxa u ġudizzjarji kull fejn ikun xieraq. Għandna niżguraw ukoll li r-Regoli ta' l-Oriġini ta' l-FTAs ikunu sempliċi u aktar moderni u jirriflettu r-realtajiet tal-globalizzazzjoni. Se nistabbilixxu mekkaniżmi interni għall-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni u r-riżultati li jinkisbu minn FTAs ġodda.

Aħna u nikkunsidraw FTAs ġodda, se jkun jeħtiġilna naħdmu sabiex insaħħu l-iżvilupp sostenibbli permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali. Dan ikun jista' jinkludi l-inkorporazzjoni ta' dispożizzjonijiet ġodda ta' kooperazzjoni f'oqsma marbuta ma' standards ta' xogħol u ta' ħarsien ambjentali. Se nqisu wkoll il-ħtiġijiet ta' żvilupp ta' l-imsieħba tagħna u l-impatt potenzjali ta' kwalunkwe ftehim fuq pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw, partikolarment l-effetti potenzjali fuq l-aċċess preferenzjali li għandhom il-pajjiżi foqra għas-swieq ta' l-UE. L-impatt possibbli fuq l-iżvilupp għandu jiġi inkluż bħala parti mill-evalwazzjoni ta' impatt kumplessiv li se jsir qabel ma jiġi deċiż li jinfetħu n-negozjati dwar l-FTA. Bi qbil mal-pożizzjoni tagħna fid-WTO, se ninkoraġġixxu lill-imsieħba tagħna fl-FTA sabiex jiffaċilitaw l-aċċess li jkollhom l-inqas pajjiżi żviluppati għas-suq tagħhom, jekk hu possibbli billi jippermettulhom aċċess mingħajr dazji u kwoti.

Dawn huma kisbiet ambizzjużi ferm. In-negozjar ta' ftehimiet bilaterali jista' jkun kumpless u esiġenti, iżda jeħtieġ li noħolqu punti ta' tluq sostanzjali li minnhom inkunu nistgħu nagħtu bidu għan-negozjati. Se jkun jeħtiġilna li naqsmu ambizzjonijiet simili ma' l-imsieħba prospettivi tagħna mill-bidu nett sabiex nevitaw li aktar tard jeħlu n-negozjati minħabba nuqqas ta' qbil f'dak li nkunu qed nistennew. Id-deċiżjoni li nagħtu bidu għan-negozjati għandha tittieħed skond il-każ, abbażi ta' dawn il-kriterji ekonomiċi iżda wkoll abbażi ta' kemm ikunu lesti jagħmlu dan l-imsieħba tagħna u konsiderazzjonijiet politiċi usa'. Id-dispożizzjonijiet ta' l-FTA għandhom ikunu parti integrali mir-relazzjonijiet globali mal-pajjiż jew ir-reġjun ikkonċernat. L-aqwa mod sabiex isir dan fi ħdan l-artikitettura istituzzjonali usa' se jeħtieġ li jiġi stabbilit skond il-każ.

iii) Il-Kummerċ u l-Kompetittività Tranżatlantiċi

Ir-relazzjoni kummerċjali tranżatlantika hija bil-wisq l-akbar fid-dinja u fil-qalba ta' l-ekonomija globali. Il-kisbiet ekonomiċi mill-indirizzar ta' l-ostakli mhux tradizzjonali u ta' wara l-fruntieri huma potenzjalment sinifikanti fl-UE u fl-Istati Uniti. Ilna nippruvaw nagħmlu dan għal xi żmien, l-aktar reċentement permezz ta' l-Inizjattiva Ekonomika Tranżatlantika, mnedija fl-2005, u medda ta' djalogi regolatorji. Minkejja ċertu progress, irriżulta li dan huwa territorju diffiċli u neħtieġu nerġgħu nagħtu spinta lil dan il-proċess.

Jeħtieġ li naħdmu flimkien sabiex nindirizzaw sfidi globali. Il-parti tagħna fl-ekonomija dinjija timplika li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-indirizzar ta' oqsma bħall-ħarsien ta' l-IPR jew is-sigurtà tal-kummerċ se tkun ta' importanza kbira.

iv) Iċ-Ċina

Iċ-Ċina hija l-uniku u l-akbar test tal-kapaċità li għandha l-Ewropa sabiex tittrasforma l-globalizzazzjoni f'opportunità għall-impjiegi u t-tkabbir. Iċ-Ċina għandha quddiemha sfidi kbar fl-indirizzar ta' kwistjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi urġenti. L-Ewropa jkollha timxi kif għandu jkun maċ-Ċina, bħala opportunità, bħala sfida u bħala imsieħba prospettivi.

Il-Kummissjoni se tfassal strateġija komprensiva dwar iċ-Ċina fil-ġimgħat li ġejjin. Fir-rigward tal-kummerċ u kwistjonijiet ekonomiċi, l-istrateġija se tidentifika sett ċar ta' prijoritajiet, tiffoka fuq sfidi ċentrali bħall-infurzar ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali, kwistjonijiet dwar l-aċċess għas-swieq u opportunitajiet ta' investiment u tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-Kummisjoni, l-Istati Membri u oħrajn fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet.

v) L-infurzar ta' l-IPR

L-UE għandha tfittex li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar l-IPR fi ftehimiet bilaterali fil-ġejjieni kif ukoll l-infurzar ta' impenji eżistenti sabiex tnaqqas il-ksur ta' IPR u l-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' oġġetti foloz. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-attività ta' infurzar u kooperazzjoni ma' numru ta' pajjiżi prijoritarji, partikolarment maċ-Ċina, ir-Russja, ASEAN, il-Korea, Mercosur, iċ-Ċile u ma’ l-Ukrajna; u se naħdmu biex intejbu l-infurzar fit-Turkija fil-kuntest tan-negozjati tas-sħubija. Dan se jinkludi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni doganali, il-ħolqien u t-tisħiħ ta' djalogi dwar l-IPR, it-tisħiħ tal-preżenza tagħna fuq l-art, l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi b'appoġġ għad-detenturi tad-drittijiet, partikolarment l-SMEs, u t-trawwim ta' l-għarfien dwar kwistjonijiet ta' IPR fost il-kumpaniji ta' l-UE, partikolarment dawk li joperaw fiċ-Ċina.

vi) Strateġija mġedda għall-aċċess għas-swieq

L-Istrateġija ta' l-UE għall-Aċċess għas-Swieq ġiet imnedija fl-1996 sabiex tgħin fl-infurzar ta' ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali u sabiex tiftaħ is-swieq ta' pajjiżi terzi. Għandha l-għan li tagħti informazzjoni lill-esportaturi dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-swieq u toħloq qafas sabiex tindirizza l-ostakli għall-kummerċ. Id- Database dwar l-Aċċess għas-Swieq, li nħolqot b'appoġġ għal din l-istrateġija għenet sabiex in-negozju u r-responsabbli għall-politika jkunu infurmati dwar il-kundizzjonijeit tas-swieq, iżda ma' laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha.

Il-Kummissjoni se tippreżenta komunikazzjoni dwar Strateġija Mġedda dwar l-Aċċess għas-Swieq fil-bidu ta' l-2007. X'aktarx li dan se jkun jinvolvi it-twaqqif ta' prijoritajiet regolari f'dak li jirrigwarda s-setturi u s-swieq fejn it-tneħħija ta' ostakli għall-kummerċ ikun jirriżulta fl-akbar kisbiet għall-esportaturi ta' l-UE.

Il-Kummissjoni se teħtieġ li tikkonċentra r-riżorsi f'ċerti pajjiżi, tinvesti fl-għarfien tekniku, tikkoordina għodod ta' politika u taħdem aktar mill-qrib ma' l-Istati Membri u l-industrija/esportaturi. Għandna wkoll nutilizzaw l-esperjenza ta' negozjati eżistenti sabiex nidentifikaw x'jaħdem u x'ma jaħdimx meta nfittxu li nneħħu ostakli aktar kumplessi.

vii) Il-Kuntratti pubbliċi

Kważi l-imsieħba maġġuri kollha ta' l-UE joperaw prassi restrittivi fil-kuntratti pubbliċi li jiddiskriminaw kontra l-fornituri li ġejjin mill-UE. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tressaq proposta sabiex jiġu indirizzati dawn il-prassi sabiex tiżgura kundizzjonijiet ġusti għall-fornituri ta' l-UE meta jitfgħu l-offerti għal kuntratti pubbliċi f'pajjiżi barranin.

L-aħjar mod sabiex nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet huwa li ninkoraġġixxu lil pajjiżi terzi sabiex jinnegozjaw ftehimiet sostanzjali ma' l-UE. Minħabba li swieq ta' l-UE miftuħa huma importanti għall-ġid tagħna, l-isfida hi li nsibu modi ġodda sabiex niftħu swieq kbar barranin tal-kuntratti pubbliċi mingħajr ma ngħalqu tagħna. Għalhekk, fejn imsieħba kummerċjali importanti għamluha ċara li ma jridux jimxu lejn ir-reċiproċità, għandha nikkunsidraw bir-reqqa restrizzjonijiet immirati fuq l-aċċess għal xi biċċiet mis-suq ta' l-EU tal-kuntratti pubbliċi sabiex ninkoraġġixxu lill-imsieħba tagħna sabiex joffru ftuħ reċiproku tas-swieq. Dan l-approċċ ma jitqiesx għall-ifqar pajjiżi li qed jiżviluppaw.

viii) Ħarsa lura lejn l-Istrumenti ta' Difiża Kummerċjali

L-istrumenti ta' difiża kummerċjali huma parti mis-sistema multilaterali u jgħinu sabiex niżguraw li l-benefiċċji tas-swieq miftuħa ma jkunux preġudikati minn prezzijiet, prassi kummerċjali jew sussidji inġusti. Jeħtieġ li niżguraw li l-oħrajn japplikaw standards għolja fl-użu ta' strumenti ta' difiża kummrċjali u li r-regoli internazzjonali jiġu rrispettati bis-sħiħ.

Jeħtieġ ukoll li niżguraw li l-istrumenti jkunu effettivi u li jkunu adattati għat-tibdil fl-ekonomija globali. Pereżempju, il-manifatturi fl-UE jikkompetu dejjem aktar mad-distributuri Ewropej li jkunu bagħtu l-produzzjoni barra – kemm-il darba l-uniku mod sabiex jirrispondu għall-kompetizzjoni internazzjonali u b'hekk jassiguraw l-impjiegi fl-Ewropa. Il-fornituri jipproduċu f'aktar minn pajjiż wieħed, kemm-il darba kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE. Il-prodotti armati f'pajjiż ħafna drabi jkun fihom biċċiet li ġew prodotti f'pajjiż ieħor. Il-konsumaturi u manifatturi oħra jistennew il-benefiċċji ta' għażla usa', prezzijiet aktar baxxi u standards ogħla. Jeħtieġ li nqisu jekk l-istrumenti tagħna jippermettulniex li nqisu din il-medda wiesa' ta' interessi Ewropej.

Fil-każ ta' sussidji inġusti, jeħtieġ li nsaħħu r-rekwiżiti ta' trasparenza fuq il-livell itnernazzjonali u nsaħħu l-kapaċità tagħna li nissorveljaw il-prassi f'pajjiżi terzi. Fejn dan ikun ġustifikat, se nużaw il-mekkaniżmi tad-WTO biex jissolva t-twilwim jew l-istrumenti tagħna stess kontra s-sussidji sabiex inneħħu l-prassi barranin li jgħawġu żżejjed il-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni se tiġbor l-opinjonijiet mill-esperti u l-partijiet interessati sabiex tqis kif tkun tista' ssaħħaħ l-użu tagħna ta' strumenti ta' difiża kummerċjali fis-seklu 21. Dan se jwassal għal Green Paper aktar tard din is-sena.

5. KONKLUŻJONI

L-iżgurar tal-kompetittività ta' l-Ewropa fl-ekonomija globali billi jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ se jesiġi prijoritajiet u approċċi ġodda fil-politika kummerċjali, flimkien ma' regoli ta' kwalità għolja ta' l-UE, u rabtiet aktar b'saħħithom bejn dawn it-tnejn. Se jeħtieġ li tkun parti integrali ta' strateġija usa' ta' Liżbona. Se teħtieġ kooperazzjoni aktar b'saħħitha fi ħdan il-Kummissjoni u ma' l-Istati Membri, l-industrija u oħrajn, bi qbil mal-proposti dwar il-koerenza fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "l-Ewropa fid-Dinja".

Il-mezzi prinċipali u sostantivi sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna jibqgħu fi ħdan is-sistema ta' negozjar multilaterali. Huwa għalhekk li l-Ewropa tibqa' impenjata ferm lejn il-multilateraliżmu. Is-sistema ta' kummerċ dinji bbażata fuq id-WTO hija essenzjali għall-prevedibbiltà, l-istabbiltà u l-kundizzjonijiet essenzjali l-oħra għat-tkabbir globali Se jkun jeħtiġilna li nsegwu opportunitajiet ġodda, ir-raffinar ta' l-isforzi sabiex niftħu s-swieq u nindirizzaw tgħawwiġ kummerċjali fi ħdan is-sistema multilaterali u permezz ta' inizjattivi bilaterali. Se nippruvaw noħolqu l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni globali miftuħa u ġusta u li naqsmu r-regoli u l-istandards tagħna ma' l-imsieħba tagħna.

Fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni tipproponi :

Internament :

- Niżguraw li l- proposti tal - politiki interni, filwaqt li jtejbu l-istandards Ewropej, huma kompatibbli ma' l-isfidi globali tal-kompetittività

- Niżguraw li l-benefiċċji mill-ftuħ tas-swieq jgħaddu għand iċ-ċittadini billi nissorveljaw l-iżviluppi fil-prezzijiet ta' l-importazzjoni u tal-konsumaturi.

- Inħejju l-poplu għall-bidla permezz tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi ta' politika ta' koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.

Esternament :

- Se nżommu l- impenn tagħna għan-Negozjati Kummerċjali ta' Doha u ldWTO bħala l-aħjar mod għall-ftuħ u l-ġestjoni tal-kummerċ dinji.

- Nagħmlu proposti dwar il-prijoritajiet fir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment maċ- Ċina bħala parti minn strateġija wiesgħa sabiex nibnu sħubija benefiċjali u ġusta.

- Nagħtu bidu għat-tieni fażi ta' l-istrateġija ta' l-UE dwar l- infurzar ta' l-IPR .

- Nagħmlu proposti għal ġenerazzjoni ġdida ta' FTAs magħżula u prijoritizzati bir-reqqa

- Nagħmlu proposti għal strateġija ġdida u msaħħa dwar l-aċċess għas-swieq.

- Nipproponu miżuri sabiex niftħu s-swieq barranin tal- kuntratti pubbliċi .

- Inħarsu lura lejn kemm huma effettivi l-istrumenti tagħna ta' difiża kummerċjali .

Din se tkun aġenda ambizzjuża maħsuba sabiex tiffoka l-kontribut tal-politika kummerċjali fuq it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa, sabiex tikkontribwixxi għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ globali u sabiex tikkomplementa għanijiet oħra ta' politika esterna fi ħdan il-politka kummerċjali tagħna, partikolarment għanijiet marbuta ma' l-iżvilupp u mal-viċinat. Se tkun element ċentrali biex inqisu kemm hi effettiva il-politika kummerċjali Ewropea fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Statistical Annex (intra-EU trade excluded)

Table 1: Market potential and key economic indicators of main EU trade partners

Market potential 2005-25 (€ bn)** | GDP (2005, €Bn) | Annual average growth rates 2005-25 (%)* | Trade with the EU (2005, €Bn) | Share of EU trade (2005, %) |

USA | 449 | 10 144 | 3.2 | 412.7 | 18.5 |

China | 204 | 1 573 | 6.6 | 209.4 | 9.4 |

Japan | 74 | 3 920 | 1.6 | 116.4 | 5.2 |

India | 58 | 607 | 5.5 | 40.0 | 1.8 |

ASEAN | 57 | 714 | 4.9 | 115.1 | 5.2 |

Korea | 45 | 598 | 4.7 | 53.3 | 2.4 |

Mercosur | 35 | 677 | 3.6 | 51.0 | 2.3 |

Canada | 28 | 849 | 2.6 | 40.8 | 1.8 |

GCC | 27 | 412 | 4.3 | 87.6 | 3.9 |

Russia | 21 | 526 | 3.0 | 163.0 | 7.3 |

Taiwan | 18 | 268 | 4.3 | 36.5 | 1.6 |

Australia | 17 | 526 | 2.5 | 30.1 | 1.4 |

HK | 12 | 149 | 4.8 | 31.1 | 1.4 |

Iran | 10 | 151 | 4.3 | 24.2 | 1.1 |

Ukraine | 5 | 61 | 4.9 | 20.7 | 0.9 |

Source: World Bank, Global Insights and own calculations. Note: * Growth figures from Global Insights 2007-15.

** Indicates cumulative changes in market size: economic size x growth .

Table 2: World market shares in 2003 and change over the 1995-2003 period

market share 2003 (in %) | change in market share between 1995 and 2003 (in percentage points) |

EU | 21.3 | -1.1 |

Japan | 10.5 | -4.0 |

Korea | 4.4 | 0.3 |

Russia | 1.4 | 0.3 |

India | 1.2 | 0.2 |

Ukraine | 0.3 | 0.2 |

USA | 13.8 | -2.7 |

China | 1.2 | 5.1 |

Hong Kong | 1.8 | 0.5 |

Mediterranean | 1.7 | 0.3 |

GCC | 0.6 | 0.1 |

Mercosur | 2.2 | -0.1 |

Brazil | 1.6 | 0.0 |

ASEAN | 8.3 | 0.2 |

Rest of the world | 18.6 | 0.6 |

Note ( The sum of figures in the first column equals 100, the sum of figures in the last column is 0.

Source : UN Comtrade – Calculation by CEPII (2006) – report for DG Trade

Table 3: World market shares in low-, medium-, and high-quality products in 2003 and change over the 1995-2003 period

(level in percent and variation in percentage points)

down-market | mid-market | up-market |

2003 | Variation | 2003 | Variation | 2003 | Variation |

EU | 12.9 | -1.8 | 20.0 | 2.0 | 32.3 | 3.1 |

Japan | 6.7 | -2.2 | 11.7 | -4.4 | 15.2 | -6.9 |

Korea | 5.1 | -0.1 | 4.4 | 0.8 | 3.1 | -0.6 |

USA | 12.0 | -3.7 | 13.6 | -4.1 | 17.9 | 0.2 |

China | 20.4 | 8.1 | 8.2 | 4.6 | 3.7 | 1.5 |

Mercosur | 3.0 | 0.1 | 4.2 | 0.6 | 0.9 | -0.1 |

ASEAN | 7.4 | -2.8 | 7.7 | -1.5 | 5.3 | -0.3 |

Source : UN Comtrade – Calculation by CEPII (2006) – report for DG Trade

Table 4: Contribution to the trade balance by quality of traded goods in 1995 and 2003

EU | USA | Japan | Korea | India | Russia | China |

2003 |

Low-market | -56.6 | -47.1 | -18.9 | 74.8 | 73.2 | 14.1 | 182.7 |

Mid-market | -15.8 | 5.2 | 30.1 | -19.2 | -43.8 | 39.3 | -57.0 |

Up-market | 75.8 | 20.2 | -0.9 | -55.4 | -36.9 | -66.5 | -88.9 |

not classified | -3.4 | 21.7 | -10.3 | -0.3 | 7.6 | 13.1 | -36.8 |

Low-market | -36.5 | -36.4 | -16.0 | 108.4 | 49.9 | 59.3 | 109.7 |

Mid-market | -20.8 | 25.1 | 23.9 | -39.0 | -29.6 | 42.6 | -41.3 |

Up-market | 61.0 | 10.1 | -4.6 | -68.5 | -61.3 | -112.5 | -63.4 |

not classified | -3.7 | 1.3 | -3.3 | -0.9 | 41.0 | 10.6 | -5.0 |

Table 5: Contribution to Trade Balance of high technology products by quality in 2003

Quality | EU25 | USA | Japan | Korea | Russia | India | China |

[pic]

[pic]

[1] Ara "Aġenda taċ-Ċittadini għall-Ewropa" (A Citizen's Agenda for Europe) adottata mill-Kummissjoni f'Mejju 2006, l-"Istrateġija mġedda ta' l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli" (EU's renewed Strategy for Sustainable Development) adottata mill-Kunsill f'Ġunju 2006, u "L-Ewropa fid-Dinja" (Europe in the World), adottata mill-Kummissjoni f'Ġunju 2006.

[2] Id-dokument ta' ħidma ta' l-istaff fih analiżi aktar dettaljata li tagħti l-isfond ta' din il-Komunikazzjoni.

[3] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "A new industrial policy: creating the conditions for manufacturing to thrive" (Ottubru 2005) (Politika industrijali ġdida: il-ħolqien tal-kundizzjonijiet biex il-manifattura tistagħna)

[4] CEPII (2004), European industry's place in the International Division of Labour: situation and prospects (Post l-industrija Ewropea fit-Tqassim Internazzjonali tax-Xogħol: qagħda u prospetti)

[5] Ara "Nippromwovu xogħol deċenti għal kulħadd", adottata mill-Kummissjoni f'Mejju 2006.

Top