EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0481

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ewropej {SEC(2006) 1096}

/* KUMM/2006/0481 finali */

52006DC0481




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.9.2006

KUMM(2006) 481 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ewropej {SEC(2006) 1096}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ewropej

1. INTRODUZZJONI

1. Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006[1] għamel deskrizzjoni qasira taż-żewġ sfidi li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ l-Ewropa qegħdin jaffaċċjaw meta kkonkluda li huma fatturi kritiċi fl-iżvilupp tal-potenzjali fuq medda twila ta’ żmien ta’ l-UE għall-kompetittività kif ukoll għall-koeżjoni soċjali. Huwa stqarr li r-riformi jridu jitħaffu biex jiġu żgurati sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jkunu kemm effiċjenti kif ukoll ġusti. Dawn il-kwistjonijiet huma ċentrali għat-twettiq ta’ l-objettivi ta’ l-UE fis-Sħubija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-Metodu Miftuh ta’ Koordinazzjoni għall-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali.

2. Ma’ l-Ewropa kollha, fil-kuntest tal-limitazzjonijiet tal-baġit pubbliku u l-isfidi tal-globalizzazzjoni, it-tibdil demografiku u t-tiġdid teknoloġiku, qed issir aktar enfażi fuq it-titjib ta’ l-effiċjenza fis-settur ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan huwa mixtieq, naturalment, iżda ta’ sikwiet wieħed jaħseb li l-objettivi ta’ effiċjenza u ta’ ekwità jeskludu lil xulxin. Ta’ sikwiet jiġri li s-sistemi eżistenti ta’ edukazzjoni u taħriġ ikattru jew saħansitra jikkomplikaw l-inġustizzji eżistenti.

3. Madankollu, l-evidenza turi li minn ħarsa ta’ perspettiva usa’, l-ekwità[2] u l-effiċjenza[3] tabilħaqq isaħħu lil xulxin u din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq dik il-politika fejn dan huwa il-każ. Għandha l-għan li tgħarraf lil dawk li jfasslu l-politika dwar tendenzi fi Stati Membri oħra u r-riċerka ta’ appoġġ disponibbli fuq livell ta’ UE, biex tgħin fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċess attwali ta' riforma tas-sistema. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jistabbilixxi fid-dettall l-evidenza ta’ bażi.[4]

1.1 Quddiem l-isfidi ekonomiċi u soċjali

4. L-UE qed taffaċċja erba’ sfidi soċjo-ekonomiċi marbuta ma’ xulxin: il-globalizzazzjoni, u l-iffaċċjar ta’ pajjiżi industrjalizzati ġodda u li huma kompetittivi ħafna; id-demografija , taħt il-forma ta’ popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ u flussi ta’ migrazzjoni; tibdil mgħaġġel fin-natura tas-suq tax-xogħol; u r- rivoluzzjoni ICT immexxija mit-teknoloġija. Kull waħda minn dawn għandha impatt fuq l-isfida ta’ twassil ta’ edukazzjoni tajba għal kulħadd. Dawk li għandhom kwalifiki baxxi jinsabu f’riskju dejjem jiżdied ta’ qgħad u esklużjoni soċjali. Fl-2004, 75 miljun ċittadin ta’ l-UE kienu bla sengħa (32% tal-forza tax-xogħol) iżda fl-2010 15% biss ta’ l-impjiegi ġodda se jkunu għal dawk li għandhom biss ftit skola.[5]

5. Il-politika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ jista’ jkollha impatt pożittiv sinifikanti fuq ir-riżultati ekonomiċi u soċjali, inkluż l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali, iżda l-inġustizzji fl-edukazzjoni u t-taħriġ ifissru wkoll spejjeż kbar moħbija li ftit li xejn joħorġu fis-sistemi ta’ kontabilità pubblika. Fl-Istati Uniti, l-ispiża medja grossa tul il-ħajja ta’ żgħażugħ ta’ 18-il sena li joħroġ kmieni mill-iskola hija ta’ madwar 450,000 dollaru Amerikan (350,000 euro). Din tinkludi telf fit-taxxa tad-dħul, domanda akbar għal għajnuna għall-kura tas-saħħa u dik pubblika, u l-ispejjeż ta’ rati ogħla ta’ kriminalità u delinkwenza[6]. Fir-Renju Unit kieku 1% tal-popolazzjoni fix-xogħol kellhom il-livell avanzat milli ebda kwalifika, il-benefiċċju lir-Renju Unit ikun madwar £665 miljun kull sena minħabba tnaqqis fil-kriminalità u żieda fil-potenzjal ta’ qligħ[7].

6. Il-politika li tnaqqas spejjeż bħal dawn tista’ ġġib kemm benefiċċji ta’ ekwità kif ukoll ta’ effiċjenza. L-Istati Membri jistgħu jieħdu mis-sistemi tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ l-ogħla benefiċċji reali u fuq medda twila ta’ żmien jekk iqisu l-ekwità flimkien ma’ l-effiċjenza meta jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-riforma tas-sistema.

2. Ippjanar għall-effiċjenza u l-ekwità fi strateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja

7. L-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ iridu l-ħin biex jagħtu l-frott, għalhekk meta jiddeċiedu dwar prijoritajiet ta’ infiq il-gvernijiet għandhom iqisu l-ippjanar fit-tul fuq livelli lokali u nazzjonali. Kif turi t-taqsima li jmiss, l-edukazzjoni li tingħata qabel dik primarja għandha l-ogħla rati ta’ benefiċċju mill- continuum kollu ta’ tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġjati, u r-riżultati ta’ dan l-investiment jakkumulaw biż-żmien.

Figura 1: Benefiċċji minn investiment f’livelli differenti ta’ tagħlim tul il-ħajja

[pic] Sors: Cunha et al (2006) adattat minn EENEE[8]

8. Din il-ħtieġa ta’ ppjanar għal investiment fuq medda twila ta’ żmien tenfasizza l-importanza ta’ Strateġiji ta’ Tagħlim Nazzjonali Tul il-Ħajja, li l-Istati Membri qablu li jadottaw sa tmiem l-2006. Oqsfa ta’ kwalifiki nazzjonali u Ewropej jiffaċilitaw it-tisħiħ tat-tagħlim fil-kuntesti kollha. Dan huwa importanti għall-promozzjoni ta’ l-ekwità peress li bosta minn dawk li huma anqas vantaġġati jibnu l-kompetenzi u l-ħiliet[9] ewlenin b’edukazzjoni non-formali u informali. Li tiżgura li t-tagħlim kollu jkun validu legalment u trasferibbli sabiex jitwarrbu “sqaqien mejta” fit-toroq tat-tagħlim huwa rebħ kemm ta’ effiċjenza kif ukoll ta’ ekwità[10].

9. Jeħtieġ kultura ta’ evalwazzjoni fi ħdan is-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ. Politika effettiva fuq medda twila ta’ żmien trid tkun imsejsa fuq evidenza solida. Biex l-Istati Membri jifhmu bis-sħiħ u jimmonitorjaw x’qed jiġri fis-sistemi tagħhom, jeħtieġu mezzi biex jipproduċu u jkollhom aċċess għal riċerka rilevanti, infrastruttura statistika li tista' tiġbor id- data meħtieġa, u mekkaniżmi li jevalwaw il-progress filwaqt li jiġu implimentati l-istrateġiji politiċi.

10. Politika edukattiva waħedha ma tistax tindirizza l-iżvantaġġ edukattiv. Hemm azzjoni reċiproka ta’ fatturi personali, soċjali, kulturali u ekonomiċi li flimkien jillimitaw l-opportunitajiet edukattivi. Approċċi inter-settorjali huma importanti sabiex il-politika edukattiva u ta’ taħriġ tintrabat ma’ dik dwar l-impjieg, l-ekonomija, l-inklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ, is-saħħa, il-ġustizzja, id-djar u s-servizzi soċjali. L-istrateġiji politiċi ta' dan it-tip għandhom ukoll ikunu maħsuba biex jikkorreġu l-iżbilanċ reġjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw kultura ta’ evalwazzjoni. Għandhom jiżviluppaw politika għall-continuun kollu ta’ tagħlim tul il-ħajja li tqis fis-sħiħ l-effiċjenza u l-ekwità marbuta flimkien u fuq medda twila ta’ żmien, u li tikkomplementa l-politika f’oqsma relatati.

3. IT-TWASSIL TA’ L-EFFIċJENZA U L-EKWITÀ FIL-POLITIKA EDUKATTIVA U TA’ TAħRIġ

3.1. Edukazzjoni li tingħata qabel dik primarja: L-iffukar fuq it-tagħlim minn età bikrija

11. Hemm ġabra sostanzjali ta’ xhieda li l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni li tingħata qabel dik primarja ta’ kwalità għolja għandha benefiċċji fit-tul f’termini ta’ suċċess u soċjalizzazzjoni matul is-snin ta’ skola u l-karriera ta’ dak li jkun għaliex taġevola t-tagħlim ’il quddiem fil-ħajja[11].

12. L-esperjenza Ewropea u ta’ l-Istati Uniti turi li programmi ta’ intervent bikri, speċjalment dawk maħsuba għat-tfal żvantaġġati, jistgħu jipproduċu bosta effetti soċjo-ekonomiċi pożittivi, u li dawn jippersistu sew fil-maturità[12]. Fosthom hemm riżultati aħjar fl-iskola, gradi miżmuma, rati ta’ impjieg, qligħ, prevenzjoni tal-kriminalità, relazzjonijiet familjari u saħħa. Madankollu, sabiex jiġi newtralizzat l-iżvantaġġ tul is-sistema edukattiva kollha, il-programmi li jingħataw qabel l-edukazzjoni primarja jeħtieġ li jissuktaw b’interventi sussegwenti, bħal appoġġ għat-tagħlim tal-lingwi u l-adattament soċjali, inkella t-tendenza hi li l-effetti benefiċċji tagħhom jiħżienu. In-nuqqas ta’ investiment fit-tagħlim bikri jwassal għal livelli sostanzjalment ogħla ta’ nfiq ta’ rimedju fi stadji aktar ’il quddiem fil-ħajja, li huwa anqas effettiv u jista’ jintrabat ma’ żieda ta’ nfiq minħabba l-kriminalità, is-saħħa, il-qgħad u elementi oħra ta’ politika soċjali.

13. Għadd ta’ pajjiżi Ewropej introduċew politika ta’ nfiq maħsuba għat-tisħiħ ta’ l-edukazzjoni bikrija u t-tfittxija ta’ soluzzjoni ta’ l-iżvantaġġ minn età l-aktar bikrija (p.eż. BE, ES, FR, IT, HU). Politika bħal din hija effettiva ħafna f’termini ta’ effiċjenza u ekwità u tiġġustifika prijorità għolja fl-allokazzjoni tan-nefqa pubblika u privata.

14. It-tip ta’ forniment għal tfal f’età bikrija u l-pedagoġija li trid tintuża għandhom jitqiesu bir-reqqa. Programmi li jiffukaw fuq it-tagħlim kif ukoll fuq il-kompetenzi personali u soċjali għandhom tendenza li jipproduċu riżultati aħjar u, għaldaqstant, effetti sekondarji abkar tul il-ħajja kollha[13]. Se jinħtieġ li tiġi mtejba l-provvista ta’ l-għalliema ta’ l-edukazzjoni li tingħata qabel il-primarja b'taħriġ speċjali f’bosta pajjiżi. L-involviment tal-ġenituri huwa essenzjali għas-suċċess ta’ l-edukazzjoni li tingħata qabel il-primarja u fil-każ ta’ l-iżvantaġġati dan jista’ jitħeġġeġ permezz ta’ l-edukazzjoni ddedikata tal-ġenituri u programmi ta’ sensibilizzazzjoni.

L-edukazzjoni li tingħata qabel dik primarja għandha l-ogħla benefiċċji f’termini ta’ suċċess u adattament soċjali tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jinvestu aktar fl-edukazzjoni li tingħata qabel dik primarja bħala mezz effettiv ta’ kif tistabbilixxi l-bażi għal tagħlim fit-tul, l-ilqugħ minn qabel kontra t-tluq mill-iskola kmieni, żieda fl-ekwità tar-riżultati u fil-livelli ġenerali ta’ ħila.

3.2. Edukazzjoni primarja u sekondarja: Titjib fil-kwalità ta’ l-edukazzjoni bażika għal kullħadd

15. Edukazzjoni obbligatorja u sistemi ta’ taħriġ għandhom jipprovdu l-edukazzjoni bażika u l-kompetenzi ewlenin meħtieġa minn kulħadd biex jimxi ’l quddiem f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien. Dan huwa b’mod speċjali importanti għal xi gruppi żvantaġġati u fejn l-Istati Membri qiegħdin jipprovdu għal għadd akbar ta’ migranti u minoritajiet etniċi. Sistemi ta’ edukazzjoni bi ‘ tracking ’[14] bikri ta’ studenti jaggravaw id-differenzi fil-kompetenza edukattiva minħabba l-isfond soċjali, u b’hekk iwasslu għal aktar riżultati inġusti fir-rendiment ta’ l-istudent u ta’ l-iskola[15]. It- tracking ġie kkunsidrat effettiv fi wħud mill-Istati Membri, fejn skejjel sħaħ huma mfassla għal gruppi ta’ studenti bi ħtiġijiet u livelli ta’ suċċess simili. Iżda, ix-xhieda tmeri dan. Dawk il-pajjiżi Ewropej (p.eż. DE, LI, LU, NL, AT) li jittrekkjaw l-istudenti f’età bikrija juru varjazzjoni akbar fis-suċċess ta’ l-istudent minn dawk il-pajjiżi b’sistemi ta’ skola aktar integrati.

16. It- tracking bikri għandu effetti speċjalment negattivi fuq il-livelli ta’ suċċess tat-tfal żvantaġġati. Dan jiġri parzjalment minħabba li hemm tendenza li tmexxihom lejn forom ta’ edukazzjoni u taħriġ anqas prestiġjużi. It-tħallija tat- tracking sal-livell sekondarju għoli, flimkien mal-possibilità ta’ trasferiment bejn it-tipi ta’ skejjel, tista’ tnaqqas is-segregazzjoni u ġġib ’il quddiem l-ekwità mingħajr tnaqqis fl-effiċjenza[16].

17. Bosta Stati Membri (p.eż. BE-NL, CZ, IE, IT, LV, HU, PT, SK, UK) [17]fittxew li jtejbu l-effiċjenza permezz tad-deċentralizzazzjoni, billi jagħtu aktar diskrezzjoni lill-istituzzjonijiet individwali fl-iddeterminar tal-kontenut tal-korsijiet, fl-allokazzjoni ta’ baġits jew it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-persunal. Il-motivazzjoni hija ġeneralment li l-għarfien taċ-ċirkostanzi lokali u l-ħtiġijiet speċifiċi jagħmlu t-teħid tad-deċiżjonijiet deċentralizzat aktar effiċjenti. Sistemi ta’ rendikont taħt forma ta' eżamijiet finali u ċentrali u sistemi ta’ valutazzjoni interna jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej (p.eż. DK, EE, EL, FR, IE, IT, CY, LV, LT, HU, MT, NL, AT, PL, PT, SI, FI, UK, LI, NO, RO)[18]. Hemm xi xhieda internazzjonali li t-taħlita ta’ awtonomija lokali għall-istituzzjonijiet u sistemi ta’ rendikont ċentrali tista’ ttejjeb ir-rendiment ta’ l-istudent. Madankollu, is-sistemi ta’ rendikont għandhom ikunu maħsuba biex jiżguraw impenn sħiħ ta’ ekwità u biex jevitaw konsegwenzi lokali potenzjalment inġusti ta’ deċiżjonijiet deċentralizzati, p. eż. dwar id-definizzjoni ta’ żona minn fejn jintbagħtu t-tfal l-iskola. Xi pajjiżi bnew objettivi ta’ ekwità u inċentivi fis-sistemi ta’ rendikont tagħhom flimkien ma’ azzjonijiet suċċessivi għall-istituzzjonijiet li ma jirnexxilhomx jilħqu l-livelli meħtieġa ta' ekwità.

18. L-aktar fatturi importanti għall-effiċjenza u l-ekwità huma l-kwalità, l-esperjenza u l-motivazzjoni ta’ l-għalliema u t-tipi ta’ pedagoġija li jużaw. F’kollaborazzjoni mal-ġenituri u s-servizzi ta’ welfare ta’ l-istudent, l-għalliema jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jiżġuraw il-parteċipazzjoni ta’ dawk li huma l-aktar żvantaġġati. Dan huwa effettiv b’mod partikolari fejn l-iskejjel ikollhom strateġiji ta’ inklużjoni li jiġu l-ħin kollu aġġornati u li huma msejsa fuq ir-riċerka pedagoġika. L-Istati Membri rsistew biex isibu l-aqwa taħlita ta’ miżuri biex iħeġġu għalliema motivati ta’ esperjenza jgħallmu fl-aktar skejjel li fihom sfida[19]. L-iżvilupp ta’ politika ta’ reklutaġġ li tiżgura li t-tagħlim ta’ kwalità għolja jista’ jintleħaq minn studenti żvantaġġati għandu jkun prijorità.

Il-biċċa l-kbira tar-riċerka tagħti x’tifhem li s-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ li jsegwu permezz ta’ tracking l-istudenti f’età bikrija jaggravaw l-effett ta’ l-isfond soċjo-ekonomiku fuq il-kompetenza edukattiva u ma jżidux l-effiċjenza fuq medda twila ta’ żmien. L-effiċjenza u l-ekwità t-tnejn jistgħu jitjiebu jekk jiffukaw fuq it-titjib tal-kwalità ta’ l-għalliema u l-proċeduri ta’ reklutaġġ f’żoni żvantaġġati u l-ħolqien ta’ sistemi ta’ awtonomija u rendikont li jevitaw l-inġustizzji.

3.3. Edukazzjoni ogħla: Titjib ta’ l-investiment flimkien ma’ tkabbir tal-parteċipazzjoni

19. L-edukazzjoni ogħla hija settur ewlieni ta’ ekonomija u soċjetà msejsa fuq l-għarfien. Tinstab fil-qalba tat-‘trianglu ta’ l-għarfien’ ta' edukazzjoni, innovazzjoni u riċerka. Kif tispjega l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Modernizzazzjoni ta’ l-Universitajiet[20], is-settur ta’ l-edukazzjoni ogħla ta’ l-UE għandu quddiemu għadd ta’ sfidi u jeħtieġ li jiġi mmodernizzat jekk irid isir aktar kompetittiv u jġib ’il quddiem l-ogħla kwalità. Waħda mill-isfidi huwa l-ħolqien ta’ sistemi diversifikati li jippermettu sehem ġust għal kulħadd, filwaqt li tibqaw fattibbli finanzjarjament u jaqdu r-rwol tagħom b’mod aktar effiċjenti. Il-Kummissjoni diġà pproponiet li l-UE għandha timmira, fi żmien għaxar snin, li ddedika ta’ l-inqas 2% tal-PGD lill-attivitajiet kollha tas-settur ta’ edukazzjoni ogħla mmodernizzata[21] sabiex tibni soċjetà bbażata fuq l-għarfien.

20. Kien hawn s’issa żieda kostanti fl-għadd ta’ studenti u f'dak li huwa mistenni mill-universitajiet Ewropej, iżda l-livelli ta’ finanzjament ma żdidux skond dan. Fl-istess ħin, l-espansjoni ta’ l-għadd ta’ studenti ma ġabitx aktar ġustizzja peress li ffavorit l-aktar, individwi minn gruppi soċjo-ekonomiċi ogħla, jew dawk li l-ġenituri tagħhom attendew edukazzjoni ogħla[22].

21. Kulħadd ħaseb li sistema “ħielsa” ta’ edukazzjoni ogħla (finanzjata kompletament mill-istat) hija, minnha nnifisha, ġusta. Fil-fatt, ir-realtà wriet mod ieħor peress li l-fattur ewlieni determinanti fis-sehem ta’ l-istudent kien l-isfond soċjo-ekonomiku. Il-biċċa l-kbira ta’ l-evidenza turi li normalment dawk li jieħdu sehem fl-edukazzjoni ogħla jibbenefikaw b’mod sinifikanti u s-sistemi progressivi ta’ taxxa ma jinnewtralizzawx biżżejjed dawn il-benefiċċji. Dan jista’ jkollu effett bil-kontra tat-tqassim tal-ġid. Dan l-effett regressiv jinħass b’mod partikolari fejn is-sistemi ta’ l-iskola jaggravaw l-effetti ta’ l-isfond soċjo-ekonomiku fuq is-suċċess edukattiv. Sabiex jinkiseb bilanċ aktar ġust bejn l-ispejjeż imġarrba mill-individwi u s-soċjetà u l-benefiċċji akkumulati minn kull wieħed minnhom[23], u sabiex ikun hemm kontribut biex l-universitajiet ikollhom il-fondi żejda li jeħtieġu, bosta pajjiżi qiegħdin iduru lejn dawk li l-aktar jibbenefikaw b’mod dirett mill-edukazzjoni ogħla, l-istudenti, biex jinvestu fil-ġejjieni tagħhom stess billi jħallsu l-miżati għat-tagħlim. (p.eż. BE, ES, IE, NL, AT, PT, UK, LI)[24]. Ix-xhieda tagħti x’tifhem ukoll li l-effetti tas-suq tal-miżati għat-tagħlim jistgħu jtejbu l-kwalità tat-tagħlim u tat-treġija fl-universitajiet, u jsaħħu l-motivazzjoni ta’ l-istudent[25].

22. B’mod ċar, l-iżvilupp tal-miżati tat-tagħlim mingħajr appoġġ finanzjarju supplimentari għal studenti ifqar fih riskju ta’ aktar inġustizzja fl-aċċess għal edukazzjoni ogħla. L-aktar żvantaġġati huma ta’ sikwiet dawk li jaħarbu r-riskju u d-dejn, u x’aktarx li jitnaffru li jużaw il-ħin fl-istudju flok jaqilgħu l-flus, meta jqisu li wara l-lawrea d-dħul privat tagħhom mhux żgurat. Dan huwa rilevanti b’mod partikolari fejn il-livell tal-miżati għat-tagħlim ikun ibbażat fuq stimi ta’ rati ta’ dħul fil-ġejjieni, bis-suppożizzjoni impliċita li l-ekonomija tkompli tippremja l-gradwati fuq l-istess livell kif tagħmel bħalissa. B’garanziji ta’ djun bankarji u offerti ta’ djun marbuta mad-dħul, boroż ta’ studju u għotjiet wara stħarriġ tal-mezzi finanzjarji, il-gvernijiet jistgħu jħeġġu l-aċċess minn studenti anqas għonja. Skemi bħal dawn diġà daħlu f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej (p.eż. BE, ES, FR, IE, IT, LV, LT, NL, AT, PT, UK, LI). Dawn huma reċenti wisq biex setgħu ġew studjati fis-sħiħ, iżda x-xhieda mill-Awstralja u l-Stati Uniti turi li l-miżati tat-tagħlim supplimentati b’appoġġ finanzjarju mmirat iżidu l-għadd ta’ l-istudenti mingħajr ma jħallu effett negattiv fuq l-ekwità[26].

23. Bħala riżultat ta’ l-inekwitajiet aktar kmieni fiċ-ċiklu edukattiv, l-istudenti minn sfond soċjali żvantaġġat ta’ sikwiet ma jilħqux il-livell ta’ kwalifiki meħtieġa biex ikollhom aċċess għal edukazzjoni ogħla. Anki dawk li ta’ sikwiet isibuha bi tqiela jikkunsidraw imorru l-università[27]. Il-politika ta’ tisħiħ ta’ l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi ta’ l-iskejjel hija vitali, flimkien ma’ ħidma biex jinbidlu perċezzjonijiet kulturali ta’ l-edukazzjoni ogħla. Għal dan il-għan, it-tagħrif dwar l-opportunitajiet u l-vantaġġi li toffri l-edukazzjoni ogħla għandu jkun immirat lejn l-istudenti ta’ l-iskola, permezz ta’ żjarat fl-iskejjel, programmi ta’ pariri esperti u gwida tul il-ħajja, u, l-aktar kruċjali, ġewwa l-familji meta it-tfal ikunu għadhom relattivament żgħar[28]. L-universitajiet għandhom ikunu mħeġġa jiżviluppaw politika komprensiva ta’ sensibilizzazzjoni u aċċess, li tista’ tinkludi l-introduzzjoni ta’ programmi li jiffaċilitaw l-istudju u postijiet assenjati.

L-aċċess ħieles għall-edukazzjoni ogħla mhux bil-fors jiggarantixxi l-ekwità. Biex jissaħħu kemm l-effiċjenza kif ukoll l-ekwità, l-Istati Membri għandhom joħolqu kondizzjonijiet u inċentivi xierqa biex jiġġeneraw aktar investiment minn sorsi pubbliċi u privati, fosthom, fejn xieraq, permezz ta’ miżati għat-tagħlim flimkien ma’ miżuri finanzjarji għall-iżvantaġġati. Jinħtieġu wkoll azzjonijiet speċifiċi fuq il-livell skolastiku. L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla għandhom joffru medda aktar differenzjata ta’ servizzi pprovduti u inċentivi biex jissodisfaw diversi ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi li dejjem jiżdiedu.

3.4. Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali: It-titjib tal-kwalità u r-rilevanza

24. Filwaqt li l-popolazzjoni tagħna qiegħda tixjiħ, il-livell għoli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE b’mod persistenti hija problema serja li dejjem tiżdied. Sa l-2050 se jkun hemm 65% aktar Ewropej bl-età ta’ 65 jew iżjed, u 20% inqas bl-età tax-xogħol (15-64 sena)[29]. Hemm ukoll domanda akbar għal dawk b’ħiliet ogħla. Dawk li jidħlu fis-suq tax-xogħol bl-aktar livelli baxxi ta’ kwalifiki għandhom quddiemhom l-ogħla riskji ta’ qgħad. Filwaqt li l-intervent bikri biex tiżdied il-parteċipazzjoni u jitjiebu l-kwalifiki huwa l-aktar metodu effiċjenti biex jitjiebu l-prospetti ta’ impjieg, it-tranżizzjoni mid-dinja ta’ l-edukazzjoni għal dik tax-xogħol hija kruċjali. Ix-xhieda turi li f’pajjiżi b’sistemi ta’ edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ żviluppati tajjeb (VET), min jieħu sehem fihom jista’ jistenna dħul raġjonevoli mill-qligħ .[30] It-tneħħija tat-truf li ma jwasslu għal imkien fis-sistemi vokazzjonali sabiex l-istudenti jistgħu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni terzjarja hija fondamentali biex jinġibdu lejha. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw toroq flessibbli u ċari permezz ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali sabiex iżidu t-tagħlim u l-impjieg. Dan għandu jgħin biex jinkiseb bilanċ bejn dawk li għandhom edukazzjoni ogħla u dawk bi kwalifiki vokazzjonali li jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

25. Minħabba l-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tixjiħ, opportunitajiet aħjar ta’ tagħlim għall-adulti huma importanti kemm għall-ekwità kif ukoll għall-effiċjenza, fost l-oħrajn biex tiġbed mill-ġdid lejn it-tagħlim dawk ta’ bla sengħa u tgħinhom isiru aktar adattati għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel. Min jimpjega għandu t-tendenza li jipprovdi taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol li dawk li għandhom sengħa; ħaġa li tirrendi dħul sostanzjali mill-qligħ lill-individwu u lil min jimpjega[31]. Madankollu, irriżulta li l-impriżi baqgħu lura milli jipprovdu taħriġ lill-iżvantaġġati, dawk li huma inqas ta’ skola u dawk li m’għandhomx skola bażika.

26. 10.8% biss ta’ l-adulti Ewropej jipparteċipaw f’tagħlim formali, non-formali jew informali ta’ tul il-ħajja, ’il bogħod sewwa mill-kriterju ta’ l-UE ta’ parteċipazzjoni ta’ 12.5% sa l-2010. Id- data dwar il-kompetenza edukattiva preċedenti ta’ dawk f'tagħlim non-formali (figura 2) turi li min qiegħed f'qiegħ l-iskali tal-kwalifiki x'aktarx li huwa fost dawk li jipparteċipaw l-anqas f’aktar tagħlim biex itejbu l-prospetti tagħhom ta’ impjieg.

Figura 2: Il-Parteċipazzjoni ta’ dawk bejn 25-64 sena f’tagħlim mhux formali skond il-kompetenza edukattiva (%) , 2003 [pic]

■ UE 25: 6.5 % ■ UE 25: 16.4 % ■ UE 25: 30.9 %

Sors: EUROSTAT: LFS, AHM, 2003

Popolazzjoni mmirata: 25-64 sena. Perjodu ta’ referenza: 12-il xhar

27. Il-benefiċċji soċjali u kulturali tat-taħriġ huma importanti għax jipprovdu sens ta’ impenn soċjali u jistgħu jgħinu l-adult jerġa’ jidħol fiċ-ċiklu tat-tagħlim. F’termini ta’ ekwità, in-nies qiegħda u dawk li ma rnexxewx fis-sistema ta’ edukazzjoni obbligatorja jeħtieġu aċċess għal skemi ta’ taħriġ għall-adulti ffinanzjati mill-istat, iżda l-passat ta’ dawn l-iskemi f’dak li hu titjib tal-prospetti ta’ impjieg ta’ adulti żvantaġġati huwa b’mod ġenerali mhux tajjeb[32]. Żewġ strateġiji jistgħu jtejbu din il-qagħda.

28. L-ewwel, l-iskemi ta’ taħriġ vokazzjonali u għall-adulti ta’ suċċess huma ta’ sikwiet ibbażati fuq sħubija bejn in-negozju, is-settur pubbliku, l-imsieħba soċjali u għaqdiet lokali tat-tielet settur[33]. Dawn jiffukaw fuq gruppi mmirati speċifiċi u l-ħtiġijiet tagħhom. Is-sħubija fil-livell sekondarju ogħla tista’ tinvolvi wkoll iż-żgħażagħ f’riskju li jabbandunaw l-istudju, b’offerta ta’ ambjent ta’ tagħlim alternattiv[34]. Inizjattivi bħal dawn jiswew naturalment il-flus, iżda dak li jintefaq minħabba nuqqas ta’ azzjoni u l-għadd għoli ta’ dawk li jabbandunaw huwa ħafna aktar[35].

29. It-tieni, it-taħriġ għandu jkun marbut sew mal-ħtiġjiet ta’ ħiliet ta’ min iħaddem. Għandu jkun rilevanti għas-suq tax-xogħol bl-involviment tan-negozju, mhux biss permezz ta' sħubija, iżda wkoll biż-żieda tal-komponent "on-the-job". Biex il-provvista tax-xogħol tkun taqbel aktar mad-domanda u sabiex l-għażliet edukattivi u ta’ karriera jkunu ffaċilitati, il-gvernijiet għandhom jiżviluppaw aktar it-tagħrif dwar il-ħtiġa tal-ħila għas-suq tax-xogħol. L-għajnuna mill-gvern għal skemi ta’ taħriġ fl-industrija u tul is-settur kollu għandha l-potenzjal li tħeġġeġ l-investiment privat peress li l-ispejjeż ta’ ditti u ħaddiema jinżammu baxxi minħabba li jinqasmu l-ispejjeż ġenerali.[36] Barra minn hekk jonqos ir-riskju ta’ użurpazzjoni – diżinċentiv komuni biex min iħaddem jinvesti fit-taħriġ. Min iħaddem għandu jinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex jibqa’ kompetittiv u jissodisfa r-responsabilità soċjali korporativa tiegħu li jsir ‘organizzazzjoni ta’ tagħlim[37]'. L-iskemi ta’ taħriġ marbuta mas-suq tax-xogħol irriżultaw effettivi b’mod partikolari fiż-żieda ta’ l-opportunitajiet ta’ impjieg għall-iżvantaġġati meta jikkonċentraw fuq il-ħtiġijiet ta’ ħila ta’ l-ekonomija reġjonali u lokali[38].

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw toroq ta’ kwalitajiet differenti u ċari permezz tal-VET sabiex iżidu t-tagħlim u l-impjieg. Għandhom ukoll itejbu l-programmi ta’ taħriġ pubbliku għan-nies qiegħda u għal min huwa żvantaġġat. Il-kwalità u r-rilevanza ta’ programmi bħal dawn jistgħu jittejjbu bit-tħeġġiġ tas- sħubija tal-partijiet interessati fuq livell reġjonali u lokali u bl-iffaċilitar ta’ l-involviment tas-settur privat.

4. AZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA

30. L-Istati Membri naturalment għandhom rwol ewlieni quddiem l-isfidi deskritti f’din il-Komunikazzjoni. Barra mir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom, tinħtieġ azzjoni wkoll fuq il-livell ta’ l-UE. Il-kompetizzjoni ekonomika globali u t-tendenzi soċjali għandhom impatt simili skond il-qagħda ta’ kull pajjiż. Il-valur miżjud ta’ l-istrateġija Ewropea huwa li s-sistemi ta’ edukazzjoni ta’ kwalitajiet differenti u dawk tat-taħriġ jistgħu jibbenefikaw mit-tagħlim minn xulxin u l-iskambju ta’ l-aħjar prassi.

31. Il-Programm il-ġdid ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja huwa ta’ għajnuna għall-mobilità ta’ miljuni ta’ individwi filwaqt li jagħtihom ħiliet ġodda u jgħinhom jadattaw għas-suq tax-xogħol Ewropew, u permezz tal-kooperazzjoni transnazzjonali jsaħħaħ il-kwalità u l-irbit reċiproku ta’ l-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ. Dan il-programm se jaħdem f’sinerġija ma’ l-arranġamenti l-ġodda tal-Fondi Strutturali, li se jkunu ta’ għajnuna fir-riformi ta’ sistemi u proġetti fl-iżvilupp tal-provvista ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ.

32. Ġewwa l-qafas ta’ l-Istrateġija riveduta ta’ Liżbona u l-Programm ta’ Ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, l-UE tgħin lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw il-politika tagħhom ta’ edukazzjoni u taħriġ billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, data u l-aħjar prassi permezz tat-tagħlim minn xulxin u l-evalwazzjoni reċiproka. L-effiċjenza u l-ekwità huma prijoritarji f’dan ix-xogħol u l-UE se tipprovdi għajnuna partikolari biex tiżviluppa kultura ta’ evalwazzjoni u twettaq skambju ta' l-aħjar prassi dwar l-edukazzjoni primarja. Il-Kummissjoni wkoll beħsieba tressaq ’il quddiem il-ħidma dwar l-edukazzjoni għall-adulti, l-iżvilupp ta’ Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki u qafas Ewropew ta’ l-istatistika u l-indikaturi. Din se tkun mirfuda minn riċerka fl-effiċjenza u l-ekwità bil-fondi tas-seba’ qafas ta’ l-UE għall-R&D.

[1] Kunsill Ewropew 23-24 ta’ Marzu 2006, Konklużjonijiet tal-Presidenza par. 23

[2] L-ekwità tiftiehem bħala kemm individwu jista’ jieħu vantaġġ mill-edukazzjoni u t-taħriġ f’termini ta’ opportunitajiet, aċċess, trattament u riżultati. Is-sistemi li fihom ekwità jiżguraw li dak li jirriżulta mill-edukazzjoni u t-taħriġ huwa indipendenti mill-isfond soċjo-ekonomiku u fatturi oħra li jwasslu għal żvantaġġ fil-formazzjoni ta’ dak li jkun u li t-trattament jirrifletti l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ tagħlim tiegħu. In-nuqqas ta’ ekwità f’dak li huwa sess, stat ta’ minoranza etnika, diżabilità u differenzi reġjonali eċċ. mhuwiex punt ewlieni hawnhekk, iżda huwa rilevanti safejn jikkontribwixxi għal żvantaġġ soċjo-ekonomiku ġenerali.

[3] L-effiċjenza tinvolvi r-rapport bejn dak li jidħol u dak li joħroġ f’proċess. Sistema hija effiċjenti jekk dak li jidħol fil-proċess jipproduċi l-aqwa frott. L-effiċjenza relattiva fi ħdan sistema edukattiva normalment titkejjel permezz tar-riżultati tat-testijiet u l-eżamijiet, filwaqt li l-effiċjenza f’dak li hu marbut mas-soċjetà aktar fil-wisgħa u l-ekonomija titkejjel permezz ta’ kemm tagħti frott fil-privat u fis-soċjetà.

[4] Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni (SWP) (SEC (2006) 1096)

[5] SWP, p. 5

[6] SWP, pp. 13-14

[7] SWP, pp. 12-13

[8] Netwerk Espert Ewropew dwar l-Ekonomija ta’ l-Edukazzjoni (EENEE): www.education-economics.org

[9] COM(2005)548, 2005/0221 (COD), “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja”

[10] SWP, pp. 15-16

[11] SWP, pp. 15-16, 18

[12] SWP, pp. 18-19

[13] SWP, pp. 18-19

[14] Dan jirreferi għas-segregazzjoni tat-tfal fi skejjel għalihom ibbażata fuq l-abilità qabel it-13-il sena. Għalkemm dan mhux bil-fors ifisser taqsim fi gruppi akkademiċi/ġenerali u vokazzjonali, fil-prattika t-tendenza hija din. Din id-definizzjoni ma tinkludix l-i streaming , li jfisser tfassil tal-kurrikulu għal gruppi differenti ta’ tfal ibbażat fuq l-abilità, iżda fi ħdan l-istess skola.

[15] SWP, pp. 19-20

[16] SWP, p. 22

[17] SWP, pp. 22-23

[18] SWP, pp. 23-24

[19] SWP, p. 25

[20] COM (2006) 208 finali.

[21] COM(2006) 208 finali. Ara wkoll, COM (2006) 30 & COM (2005) 152

[22] SWP, pp. 25-26

[23] Ir-rata medja privata ta’ benefiċċju mill-edukazzjoni għolja hija qrib id-9% mifruxa ma’ għaxar pajjiżi OECD.

[24] SWP, pp. 27-29

[25] SWP, p. 28

[26] SWP, p. 29

[27] SWP, p. 28

[28] SWP, p. 29

[29] SWP, p. 30

[30] SWP, p. 30

[31] SWP, p. 31

[32] SWP, pp. 33-34

[33] Il-Kunsill u l-Kummissjoni għarfu l-importanza tad-djalogu soċjali: http://ec.europa.eu/comm/employment_social/social_dialogue/

[34] SWP, pp. 34-37

[35] SWP, pp. 12-14

[36] SWP, pp. 34-35, 37-38

[37] COM(2006)136, “L-implimentazzjoni tas-Sħubija għat-Tkabbir u l-Impjieg: Nagħmlu l-Ewropa punt ta' eċċellenza fir-Responsabbiltà Soċjali ta’ l-Impriżi”

[38] SWP, p. 38

Top