This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006DC0417
Communication from the Commission to the Council on European policies concerning youth participation and information - Follow-up to the White paper on a New Impetus for European Youth : Implementing the common objectives for participation by and information for young people in view of promoting their active European citizenship {SEC(2006) 1006}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-politika Ewropea li tikkonċerna l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom - Tkomplija għall-White paper dwar Spinta Ġdida liż-Żgħażagħ Ewropej : Li timplimenta l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u informazzjoni għalihom bil-għan li tippromwovi li jkunu ċittadini Ewropej attivi {SEG(2006) 1006}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-politika Ewropea li tikkonċerna l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom - Tkomplija għall-White paper dwar Spinta Ġdida liż-Żgħażagħ Ewropej : Li timplimenta l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u informazzjoni għalihom bil-għan li tippromwovi li jkunu ċittadini Ewropej attivi {SEG(2006) 1006}
/* KUMM/2006/0417 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 20.7.2006 KUMM(2006) 417 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar il-politika Ewropea li tikkonċerna l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom Tkomplija għall- White Paper dwar Spinta Ġdida liż-Żgħażagħ Ewropej : Li timplimenta l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ u informazzjoni għalihom bil-għan li tippromwovi li jkunu ċittadini Ewropej attivi {SEG(2006) 1006} 1. INTRODUZZJONI 1.1. Mument kruċjali Il-politika dwar iż-żgħażagħ hi ta’ importanza kruċjali għall-għanijiet ta’ l-Unjoni Ewropea (UE). Hi tinsab f’salib it-toroq bejn l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi u l-politika dwar iċ-ċittadinanza, li tfittex kemm li tiffaċilita t-transizzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kif ukoll li tiżviluppa ċ-ċittadinanza tagħhom b’mod attiv. Iż-żgħażagħ la huma grupp statiku u lanqas omoġenu u t-talbiet tagħhom u l-mezz kif jesprimu ruħhom inbidlu b’mod kostanti. Il-proporzjon ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni Ewropea qed jonqos u qed jidħlu fil-fażi ta’ adulti aktar tard. Il-karrieri li jieħdu ż-żgħażagħ qed isiru kull ma jmur individwalisti u t-transizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol tista' xi kultant tkun diffiċli. Barra minn hekk, l-interess taż-żgħażagħ fl-affarijiet pubbliċi qed jonqos, bir-riskju konsegwenti ta' defisit fiċ-ċittadinanza. L-għan ta’ dan id-dokument hu li jevalwa t-tkomplija mogħtija mill-Istati Membri għall-għanijiet komuni dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għalihom adottata mill-Kunsill fl-2003 permezz tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni taż-żgħażagħ u biex jagħti suġġerimenti għal aktar titjib. Għandu miegħu dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff li jagħti analiżi dettaljata tar-rapporti nazzjonali ta' l-Istati Membri dwar il-parteċipazzjoni u l-informazzjoni. Dan l-eżerċizzju ta’ rappurtar iżda huwa wkoll parti minn sett ta’ azzjonijiet usa’ mwettqa mill-Unjoni Ewropea sabiex tgħaqqad l-Ewropa maċ-ċittadini tagħha u ġie f’mument kruċjali ta' dibattitu dwar il-ġejjieni ta' l-UE.[1] Fil- White Paper dwar Politika Ewropea tal-Komunikazzjoni[2] u fil-Pjan D tagħha għad-Demokrazija, id-Djalogu u d-Dibattitu[3], il-Kummissjoni riċentement tenniet il-ħtieġa li tagħti liċ-ċittadini – b’mod partikolari liż-żgħażagħ – l-għodda biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess Ewropew tat-tiswir tad- deċiżjonijiet u biex issaħħaħ is-sens li għandhom biex jieħdu responsabbiltà tal-proġett Ewropew. Dan il-messaġġ kien ikkonfermat fuq l-ogħla livell politiku[4] kif ukoll miż-żgħażagħ infushom li esprimew ir-rieda li jilagħbu rwol akbar fl-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea u b'hekk jiżviluppaw ruħhom bħala ċittadini Ewropej attivi[5]. It-talba tagħhom għandhom tintlaqa’ u l-prinċipju li ż-żgħażagħ jiġu involuti f'affarijiet Ewropej, enfasizzat diġa' fil- White Paper dwar iż-żgħażagħ[6] ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2001, għandu jissaħħaħ aktar. Ġew żviluppati diversi inizjattivi fil-qasam taż-żgħażagħ mindu ġiet adottata l- White Paper dwar iż-żgħażagħ. Dan jirrifletti l-importanza dejjem aktar ta’ politika dwar iż-żgħażagħ fl-Ewropa u fl-Istati Membri. Il- White Paper b'mod partikolari wasslet għall-adozzjoni fl-2002[7] ta' qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ li fih l-Istati Membri qablu, minn naħa, li jdaħħlu ż-żgħażagħ f'ċerta politika importanti għall-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ u l-integrazzjoni professjonali u, min-naħa l-oħra, biex jiżviluppawhom f’ċittadini responsabbli u attivi. Fir-rigward tal-linja ta’ ċittadinanza attiva tal-qafas ta’ kooperazzjoni Ewropea, l-Istati Membri qablu li jiffukaw fuq erba’ prijoritajiet speċifiċi taż-żgħażagħ li għalihom kieku japplikaw Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (l- OMC ), prinċipalment il-parteċipazzjoni, l-informazzjoni, l-attivitajiet volontarji u konoxxenza u għarfien akbar taż-żgħażagħ. Sussegwentement ġew adottati għanijiet komuni mill-Istati Membri għall-parteċipazzjoni u l-informazzjoni[8] fl-2003 flimkien ma’ attivitajiet volontarji[9] u konoxxenza akbar taż-żgħażagħ[10] fl-2004. Bħala parti mill- OMC taż-żgħażagħ, l-Istati Membri ħadu r-responsabbiltà li jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet differenti fuq perjodu ta' erba' snin. Konsegwentement dan hu mument importanti għall-politika dwar iż-żgħażagħ għaliex din il-Komunikazzjoni tissimbolizza l-ewwel darba li rapporti ta' implimentattivi ġew ippreżentati lill-Kummissjoni. L-esperjenza miksuba minn dan l-ewwel eżerċizzju ta’ rappurtar dwar il-prijoritajiet ta' parteċipazzjoni u informazzjoni għandha sservi bħala esperjenza utli għar-rapporti dwar iż-żewġ prijoritajiet li fadal, prinċipalment attivitajiet volontarji (fl-aħħar ta’ l-2006) u konoxxenza u għarfien akbar dwar iż-żgħażagħ (fl-aħħar ta’ l-2008). Din se tidħol ukoll fl-evalwazzjoni ġenerali tal-qafas taż-żgħażagħ tal-kooperazzjoni Ewropea fl-aħħar ta' l-2009. L-importanza li jiddaħħlu ż-żgħażagħ f’ċerta politika importanti għaż-żgħażagħ, li saħqu dwarha fil- White Paper dwar iż-żgħażagħ bħala t-tieni pilastru biex tiġi żviluppata l-politika dwar iż-żgħażagħ, kienet imsaħħa sew fl-2005 permezz ta’ l-adozzjoni tal-Patt Ewropew dwar iż-Żgħażagħ[11], li ta attenzjoni speċjali li ż-żgħażagħ jiġu integrati fil-ħajja professjonali u soċjali fl-istrateġija reveduta ta’ Liżbona. Il-qafas tal-politika hu kumplimentat mill-programm YOUTH , li hu meqjus bħala riżorsa prezzjuża għall-promozzjoni taż-żgħażagħ bħala ċittadini Ewropej attivi kif ukoll biex jiġu integrati fis-soċjetà. Dawn l-għanijiet se jkunu msaħħa fil-programm futur “Iż-Żgħażagħ qed jaġixxu”. 1.2. Evalwazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri ġeneralment jirrikonoxxu l-effett qawwi li l-azzjonijiet favur iż-żgħażagħ iħallu fuq is-soċjetà in ġenerali. Dan jikkonferma l-importanza ta’ approċċ minn ġenerazzjoni għall-oħra u tul iċ-ċiklu tal-ħajja għall-politika taż-żgħażagħ. Huma jirrikonoxxu li l-prijoritajiet Ewropej dwar il-parteċipazzjoni u l-informazzjoni taw spinta lill-politika nazzjonali dwar iż-żgħażagħ u jibqgħu essenzjali biex jiżviluppaw liż-żgħażagħ bħala ċittadini attivi. Huma jifhmu iżda li għad iridu jsiru sforzi u li l-proċess iħalli l-frott dejjem jekk l-Istati Membri - bi qbil mal-prinċipju ta' sussidjarjetà - jibqgħu jikkooperaw ma' xulxin u ma' awtoritajiet reġjonali u lokali fit-territorju tagħhom stess. L-involviment taż-żgħażagħ, inkluż dawk b’inqas opportunitajiet, fil-livelli kollha fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika huwa fundamentali għat-tfassil ta' politika sostenibbli u għal demokrazija parteċipattiva. Id-djalogu li diġà qed jiġi żviluppat bejn iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet Ewropej għandu għalhekk jiġi żviluppat aktar. 2. INFORMAZZJONI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 2.1. Implimentazzjoni ta’ l-għanijiet komuni għall-informazzjoni 2.1.1. Aċċess għall-informazzjoni miż-żgħażagħ Filwaqt li l-Istati Membri żviluppaw għadd ta’ għodda informattivi għaż-żgħażagħ, madwar 12 biss waqqfu strateġija informattiva li tindirizza l-mistoqsijiet kollha ta’ interess għaż-żgħażagħ u li tintegra l-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. L-Istati Membri jenfasizzaw dawk is-siti ta’ l-internet li fihom informazzjoni dwar iż-żgħażagħ bħala l-għodda prinċipali għat-tixrid ta’ l-informazzjoni. Bħalissa jeżisti portal nazzjonali dwar iż-żgħażagħ f’19-il Stat Membru. Il-ħolqien ta’ portal Ewropew dwar iż-żgħażagħ fl-2003 u r-rabtiet li jibni ma’ portals nazzjonali nstab li kien suċċess kbir. Huma jagħrfu li dan tejjeb il-kooperazzjoni minn ministeru għall-ieħor u l-iskambji fil-qasam ta’ l-informazzjoni dwar iż-żgħażagħ. L-Istati Membri juru wkoll rieda ċara biex ikomplu jiżviluppaw uffiċċji fejn tingħata informazzjoni personalizzata u biex jindirizzaw il-kwistjoni ta’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet li jkunu qed jiġu esklużi mill-mezzi ta’ informazzjoni, l-aktar billi jgħinuhom ikollhom aċċess għall-għodda tas-soċjetà informatika bħall-internet. Fir-rigward tal-kontenut, l-azzjoni iffukat l-aktar fuq suġġetti bħall-ħin liberu, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-attivitajiet volontarji, xi kultant ittraskurat informazzjoni dwar parteċipazzjoni, edukazzjoni, xogħol u vjaġġar fl-Ewropa. Fir- RU (l-Ingilterra), Connexions Direct (is- CXD ), is-servizz nazzjonali online li jagħti pariri, informazzjoni u appoġġ liż-żgħażagħ joffri pariri bit-telefon, b’messaġġ miktub, permezz ta’ konsulenti u imejl “ online ”. Fis- Slovenja , iċ-ċentri ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ u li jagħtuhom pariri joqogħdu attenti ħafna għall-popolazzjoni żagħżugħa ta’ Romany. F’ Ċipru u fi Spanja , inħolqu mobile units biex jinfurmaw liż-żgħażagħ dwar oqsma rurali. 2.1.2. Informazzjoni ta’ kwalità Ħafna Stati Membri jużaw il-karta Ewropea ta’ l-informazzjoni għaż-żgħażagħ biex jassiguraw li jkun hemm standards ta’ kwalità fejn tidħol l-informazzjoni mogħtija mis-servizzi ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ. Ir-rwol tan-netwerking hu meqjus ukoll essenzjali biex itejjeb il-ħiliet u l-kwalifikazzjonijiet tal-ħaddiema li jagħtu informazzjoni liż-żgħażagħ. In-netwerks Ewropej tal-EURODESK, ERYICA U EYCA għandhom irwol kruċjali fl-iżvilupp ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-membri tagħhom. Fi Franza , 32 ċentru ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ iffinanzjati mill-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-istruttura tagħhom ta’ taħriġ għall-istaff biex jassiguraw li l-istandards ta’ kwalità jintlaħqu. Il-karta Ewropea ta’ informazzjoni dwar iż-żgħażagħ hi applikata flimkien ma’ standards ta’ kwalità nazzjonali oħra. In-netwerks Ewropej ta’ informazzjoni dwar iż-żgħażagħ ġabru kompendju ta' inizjattivi ta' kwalità. 2.1.3. Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-informazzjoni Kważi l-ebda miżuri ma ttieħdu mill-Istati Membri biex jimplimentaw dan l-għan komuni. Numru limitat ta’ rapporti nazzjonali jindikaw iżda li ż-żgħażagħ jew l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jiġu kkonsultati dwar strateġiji ta’ informazzjoni jew dwar l-iżvilupp ta’ materjal informattiv. Fis- Slovakkja , iċ-ċentri ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ jikkooperaw ma’ volontiera li jxerrdu informazzjoni dwar iż-żgħażagħ fi skejjel, universitajiet u postijiet oħra. 2.2. Ostakli li ltaqgħu magħhom Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri jvarjaw u jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej: 1. Metodoloġija: xi wħud mill-Istati Membri jsibuha partikolarment diffiċli biex ifissru l-punt ta’ tluq li minnu għandu jiġi mkejjel il-progress u biex jidentifikaw indikaturi li jevalwaw il-progress li jkun sar. 2. Koordinazzjoni bejn il-protagonisti: it-titjib fil-koordinazzjoni bejn protagonisti istituzzjonali differenti b’kompetenzi f’suġġetti dwar iż-żgħażagħ f’livelli differenti huwa sfida kbira. 3. Nuqqas ta’ riżorsi, speċjalment fuq livell lokali. 2.3. Is-suġġetti ewlenin identifikati għal aktar kooperazzjoni L-Istati Membri normalment jirrikjedu li jibqgħu jiġu implimentati l-għanijiet komuni u l-linji ta' azzjoni adottati. L-isfidi ewlenin għall-ġejjieni qrib se jkunu li jiġu stabbiliti strateġija informattiva nazzjonali koerenti, kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ assoċjati aħjar, aktar attenzjoni fuq iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet u t-tixrid tal-karta Ewropea b’informazzjoni għaż-żgħażagħ. 3. IL-PARTEĊIPAZZJONI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FIL-ĦAJJA DEMOKRATIKA 3.1. Implimentazzjoni ta’ l-għanijiet komuni għall-parteċipazzjoni L-analiżi tar-rapporti turi li hemm ċertu ammont ta’ xebh bejn il-politiki nazzjonali għaż-żgħażagħ, għaliex l-azzjonijiet favur il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ issa qed isiru b'mod aktar koordinat. L-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet komuni dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tinkiseb l-aktar permezz tal-mezzi li ġejjin: 3.1.1. Tisħiħ tal-qafas Il-qafas legali fil-qasam tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ġie mtejjeb. Uħud mill-Istati Membri adottaw leġiżlazzjoni u oħrajn żviluppaw pjan ta’ azzjonijiet strateġiċi jew qablu dwar obbligazzjonijiet ġodda biex jikkonsultaw liż-żgħażagħ. L- Irlanda adottat liġi dwar iż-żgħażagħ, ir- Repubblika Ċeka kunċett dwar iż-żgħażagħ, il- Portugall programm ta’ riforma dwar iż-żgħażagħ, l- Iżvezja abbozz ta’ liġi tal-gvern – "Saħħa biex tiddeċiedi", l- Estonja u s- Slovenja pjan strateġiku, il- Latvija programm politiku għaż-żgħażagħ, is- Slovakkja pjan għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, u l- Italja pprovdiet fondi speċjali biex tappoġġja l-politika taż-żgħażagħ. 3.1.2. Appoġġ għall-istrutturi parteċipattivi u rappreżentattivi Ġew implimentati numru ta’ azzjonijiet bil-għan li jappoġġjaw l-istrutturi parteċipattivi u jippromwovu d-djalogu ma’ l-imsieħba fil-qasam taż-żgħażagħ. Issa jeżistu kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ f’ħafna mill-Istati Membri, b’żieda sew f’fergħat reġjonali u lokali. Strutturi oħra bħall-parlamenti taż-żgħażagħ jew kummissjonijiet speċifiċi taż-żgħażagħ ġew żviluppati wkoll. Jeħtieġ iżda li jkun hemm interazzjoni aħjar bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. B’mod parallel, ġew organizzati konsultazzjonijiet regolari, laqgħat u smigħ aktar spiss fl-aħħar sentejn bejn iż-żgħażagħ u dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet. Dawn l-ispazji għad-djalogu xi minn daqqiet ġew formalizzati permezz ta’ kuntratti ta’ partenarjat. Xi pajjiżi nnominaw ombudsmen jew korrispondent assenjat fuq affarijiet taż-żgħażagħ f’ministeri li għandhom portafolji b’implikazzjonijiet għaż-żgħażagħ, filwaqt li oħrajn għażlu li jiżviluppaw aktar prassi orizzontali bħal laqgħat inter-ministerjali. Ir-rapporti nazzjonali urew il-bżonn għall-aktar sforzi fuq il-livell lokali u għat-tneħħija ta’ l-ostakli li jaffettwaw il-parteċipazzjoni ta’ ċerti gruppi ta’ żgħażagħ. Għandha tingħata attenzjoni speċjali wkoll biex iż-żgħażagħ jiġu kkonsultati b’mod sistematiku u strutturat dwar kwistjonijiet li jolqtuhom. Dan jgħodd mhux biss għall- OMC jew għall-kwistjonijiet marbuta mal-patt Ewropew taż-żgħażagħ iżda wkoll għal kwalunkwe qasam fejn il-kontribut taż-żgħażagħ jista’ jagħmel differenza. Xi pajjiżi nnominaw individwi speċifiċi biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet marbuta maż-żgħażagħ bħal, fil- Finlandja , ombudsmen, fir- RU , korrispondent nazzjonali taż-żgħażagħ u fil- Litwanja , koordinaturi taż-żgħażagħ ġol-muniċipalitajiet. Oħrajn waqqfu strutturi konsultattivi bħal kummissjonijiet taż-żgħażagħ u kunsilli lokali f’ Lussemburgu u fil- Belġju , parlamenti taż-żgħażagħ f’ Ċipru u f’ Malta , strutturi parteċipattivi għaż-żgħażagħ fil- Greċja u fi Spanja , u b’mod aktar speċifiku għaż-żgħażagħ żvantaġġjati fil- Ġermanja u għaż-żoni rurali fil- Polonja , proġetti ta' appoġġ għaż-żgħażagħ fl- Awstrija. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'demokrazija rappreżentattiva, in-nuqqas ta' interess tagħhom żdied u jrid ikun indirizzat b’mod urġenti. Numru limitat biss ta’ Stati Membri urew li qed jirriflettu fuq din is-sitwazzjoni. Prassi biex tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet jistgħu jiġu identifikati: - fl-Olanda: vot parallel għaż-żgħażagħ; - fil-Finlandja : il-votazzjoni fl-elezzjonijiet lokali minn 16; - fi Franza : reġistrazzjoni awtomatika fuq il-lista ta’ l-eletturi; - fil-Belġju, l-Olanda u r- RU : l-użu ta’ l-internet. 3.1.3. Appoġġ għall-proġetti Il-prinċipji komuni li hemm wara azzjoni pubblika huma li i) ż-żgħażagħ iridu jkunu l-protagonisti ewlenin tal-proġetti parteċipattivi tagħhom, ii) l-aktar mod apprezzat ta’ tagħlim huwa dak li titgħallem billi tagħmel, iii) l-involviment parteċipattiv taż-żgħażagħ irid jiġi mħajjar fl-oqsma kollha fejn isiru l-proġetti. Numru ta’ Stati Membri jenfasizzaw l-isforzi magħmula biex jinfetħu attivitajiet u proġetti għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet. Hu essenzjali li jingħata appoġġ għall-proġetti u strutturi, speċjalment l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-programm YOUTH għandu effett qawwi importanti f'dan il-qasam. Fi Franza , inħoloq programm “Envie d’agie” biex jappoġġja u jippremja l-ewwel proġetti li jsiru miż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ, jiffinanzja proġetti innovattivi u kreattivi kif ukoll attivitajiet volontarji u proġetti intraprenditorjali. Id-Danimarka , b’kooperazzjoni ma’ diversi muniċipalitajiet u organizzazzjonijiet jew klabbs taż-żgħażagħ, waqqfet il-proġett “il-Politika żagħżugħa fil-Muniċipalitajiet Daniżi” biex tenfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ ikunu involuti aħjar fit-tfassil tal-politika. 3.2. Ostakli li ltaqgħu magħhom Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri jvarjaw u jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej: 1. Metodoloġija: xi Stati Membri jsibuha partikolarment diffiċli biex ifissru l-punt tat-tluq li minnu għandu jiġi mkejjel il-progress u biex jidentifikaw indikaturi li jevalwaw il-progress li jkun sar. 2. Nuqqas ta’ appoġġ dirett jew indirett: barra mill-importanza li jiġu allokati riżorsi għal strutturi u proġetti, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jirrikonoxxu l-importanza li jagħtu appoġġ stabbli, sew permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva, żvilupp ta’ partenarjati maż-żgħażagħ jew sew billi jelaboraw l-għodda komuni bħal linji ta' gwida dwar il-parteċipazzjoni. 3. Nuqqas ta’ involviment taż-żgħażagħ infushom: iż-żgħażagħ dażgur għandhom dritt li ma jipparteċipawx. Iżda, jista’ jsiru aktar affarijiet biex iħajru l-involviment taż-żgħażagħ speċjalment fid-demokrazija rappreżentattiva. L-influwenza ta’ sħabhom bħala “ambaxxaturi” li jaqsmu l-esperjenza tista’ tkun mistħarrġa. Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tista’ tissaħħaħ ukoll permezz ta' għarfien u promozzjoni tal-benefiċċji individwali u soċjali ta' l-involviment. 4. L-inerzja tal-protagonisti istituzzjonali – fil-qasam taż-żgħażagħ u f’oqsma oħra: l-interazzjoni bejn il-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali trid tiġi mtejba. L-iżvilupp ta’ strutturi ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ għandu jkun appoġġjat aktar u jiġi organizzat djalogu maż-żgħażagħ fuq firxa ta’ suġġetti aktar wiesa’. Il-mobilizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet lokali hi kruċjali biex tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ ħalli jipparteċipaw fuq livell lokali. 3.3. Suġġetti importanti identifikati għal aktar kooperazzjoni L-Istati Membri jappoġġjaw li jibqgħu jiġu implimentati l-għanijiet komuni u l-linji ta’ azzjonijiet adottati. Huma jikkonfermaw l-importanza li jimmobilizzaw aktar lill-awtoritajiet lokali, iwaqqfu biżżejjed mekkaniżmi biex jikkonsultaw b’mod wiesa’ maż-żgħażagħ kollha fuq firxa aktar wiesgħa ta’ suġġetti billi jużaw ukoll l-għodda tas-soċjetà informatika għall-politika parteċipattiva interattiva eż. “politika dwar il-publikazzjoni ta’ l-opinjonijiet u l-ħsibijiet fuq l-Internet”, jiżviluppaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet kif diġà diskuss mill-Ministri Żgħażagħ[12], kif ukoll jippromwovu kif jitgħallmu jipparteċipaw u l-edukazzjoni f’ċittadinanza. Il-possibbiltajiet offruti mill-iskejjel jistgħu jkunu sfruttati aħjar, billi jiġu żviluppati l-kurrikula ta' l-edukazzjoni ċivika u billi jużaw aħjar ir-riżorsi li għandhom l-iskejjel ħalli jiġu organizzati attivitajiet li jippromwovu “kif jitgħallmu jipparteċipaw billi jipparteċipaw”. 4. IL-PARTEĊIPAZZJONI ATTIVA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FL-IŻVILUPP TA’ L-UNJONI EWROPEA 4.1. Djalogu strutturat imtejjeb maż-żgħażagħ fuq l-Aġenda Ewropea Il-bżonn li ż-żgħażagħ ikunu involuti b’mod attiv f’dibattiti u djalogi dwar it-tiswir tal-politika huwa essenzjali wkoll b’relazzjoni ma’ l-aġenda Ewropea. Dan ġie enfasizzat ta’ spiss mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il- White Paper ta’ l-2001 għaż-żgħażagħ, laqgħat regolari ma’ l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, ġimgħa għaż-żgħażagħ Ewropej, konsultazzjonijiet dwar il- portal Ewropew taż-żgħażagħ, avvenimenti dwar il-Presidenza taż-żgħażagħ u konferenzi oħra, kampanji, forums, konsultazzjonijiet li saru fl-Istati Membri huma xi wħud mill-eżempji ta’ sforzi li saru mill-Istituzzjonijiet Ewropej u mill-Istati Membri biex ipoġġu fil-prattika dawn il-prinċipji u biex jinvolvu aħjar liż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' l-UE. Iżda, il-Kummissjoni, speċjalment abbażi tat-talba taż-żgħażagħ għal spazji kontinwi, kredibbli u kostruttivi għad-djalogu f’fora Ewropej riċenti, tqis li dawn l-ispazji eżistenti għad-djalogu maż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet Ewropej jistgħu jkunu żviluppati u strutturati aħjar fuq livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. Għandu jittieħed vantaġġ mill-ispinta mogħtija mill-avvenimenti t’hawn fuq u mill-inizjattivi riċenti bħall-Pjan D, sabiex jippruvaw irawwmu s-sens taċ-ċittadinanza Ewropea li għandhom in-nies billi jappoġġjaw infrastruttura demokratika li tikkontribwixxi lejn it-twaqqif ta’ “pont uman” u “Ewropa ta’ uċuh”. 4.2. Il-pjan tal-Kummissjoni dwar djalogu strutturat imtejjeb Sabiex ikunu kontinwi, kredibbli u kostruttivi, l-ispazji għad-djalogu għandhom ikunu: - strutturati bi qbil ma’ l-aġenda politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ sa l-2009, jiġifieri, tema ġenerali għal kull Presidenza, għall-prijoritajiet tal-Patt Ewropew dwar iż-Żgħażagħ indirizzat waqt l-ewwel presidenza ta’ kull sena u l-prijoritajiet ta’ l-OMC indirizzati waqt it-tieni presidenza, kif ukoll prijoritajiet oħra orizzontali taż-żgħażagħ; u - strutturati fl-ispazju u fiż-żmien: jiġifieri mil-livell lokali sa dak Ewropew sabiex issir kontribuzzjoni f’waqtha u effikaċi għall-iżvilupp tal-politika fl-UE, eż. qabel l-avvenimenti tal-Presidenza taż-żgħażagħ, il-ġimgħa Ewropea taż-żgħażagħ, li tirrapporta fi ħdan l- OMC jew fl-Istrateġija ta’ Liżbona, ir-ratifikazzjonijiet tat-trattat u l-elezzjonijiet Ewropej. Id-dibattiti li jinvolvu liż-żgħażagħ għandhom ikunu wkoll inklużi u diversi kemm jista’ jkun sabiex titkabbar il-leġittimità tagħhom. Għalhekk għandhom iħajru l-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ żvantaġġjati u ta’ dawk li ma jappartjenu għall-ebda struttura. L-inklużjoni u d-diversità għandhom ikunu l-prinċipji bażiċi għall-Għaqdiet Governattivi Nazzjonali taż-żgħażagħ u għall-korpi rappreżentattivi. Dawn id-dibattiti għandhom barra minn hekk jgħaqqdu flimkien il-protagonisti li jittrattaw il-kwistjonijiet marbuta maż-żgħażagħ kemm b’mod dirett kif ukoll b’mod indirett sabiex jassiguraw approċċ aktar koerenti u mas-setturi kollha. Ir-rwol tal-muniċipalitajiet u ta’ l-iskejjel fit-twaqqif ta’ dawk l-ispazji għad-djalogu b’kooperazzjoni ma’ l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ (speċjalment il-kunsilli taż-żgħażagħ) għandu jiġi mistħarreġ. Il-programm “Iż-żgħażagħ qed jaġixxu” 2007 – 2013 jista’ jappoġġja strutturi bħall-kunsilli taż-żgħażagħ bil-għan li jitwaqqfu dawn l-ispazji għad-dibattitu iżda wkoll netwerks taż-żgħażagħ u avvenimenti bi profil għoli minn fruntiera għall-oħra li jikkontribwixxu għad-dehra u l-effiċjenza tad-djalogu strutturat. 5. KONTROLL TA’ L- OMC Is-suċċess ta’ l- OMC jiddependi fuq kemm iż-żgħażagħ jiġu involuti b’mod effikaċi fl-implimentazzjoni tiegħu. Iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom għandhom, ngħidu aħna, ikunu kkonsultati meta jkunu qed jitħejjew ir-rapporti nazzjonali. L-ewwel eżerċizzju ta' rappurtar juri li dan sar b'mod varjat skond l-Istat Membru. L-Istati Membri barra minn hekk enfasizzaw id-diffikultà biex jiġi evalwat il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet komuni kif ukoll l-iskambju effiċjenti ta’ prassi tajba. Fl-aħħarnett, politika taż-żgħażagħ sostenibbli u kredibbli tista' tkun żviluppata aktar biss permezz ta' għarfien profond tal-qasam taż-żgħażagħ. L-implimentazzjoni fl-istess waqt ta’ l-għanijiet komuni dwar “konoxxenza u għarfien akbar taż-żgħażagħ” għalhekk tibqa’ essenzjali. Biex tkun tista’ twieġeb għal dawn l-aspettattivi u t-tkomplija għar-Riżoluzzjoni ta’ l-24 ta’ Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet li saru fil-qafas tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ[13], il-Kummissjoni tagħmel ċerti proposti biex issaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ l- OMC u tal-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 6). 6. KONKLUŻJONIJIET L-analiżi tar-rapporti nazzjonali dwar il-parteċipazzjoni u l-informazzjoni saret f'mument kruċjali għall-UE, meta ż-żgħażagħ iridu jidhru li huma msieħba ta' dawk li jsawru l-politika li tikkonċernahom. Abbażi ta’ din l-analiżi l-Kummissjoni qed tipproponi li tikkonferma r-rilevanza u l-validità ta’ l-għanijiet komuni dwar il-parteċipazzjoni u l-informazzjoni u biex tadatta kemxejn u ttejjeb l-linji ta' azzjonijiet adottati bil-modi li ġejjin: Għall-informazzjoni: Ittejjeb l-aċċess li ż-żgħażagħ għandhom għas-servizzi informattivi - Tistabbilixxi, l-aktar permezz ta' koordinazzjoni aħjar tas-servizzi informattivi fit-territorju tagħhom, strateġiji ta' informazzjoni koerenti, li jħaddnu kollox, li jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha rilevanti għaż-żgħażagħ; - tippromwovi l-għodda tas-soċjetà informatika u approċċji innovattivi fl-informazzjoni dwar iż-żgħażagħ, inkluż dawk immirati biex jgħinu liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet ħalli jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni; Informazzjoni ta' kwalità - tkompli tiżviluppa s-servizzi ta' għoti ta' pariri individwali; - tuża’ l-karta Ewropea dwar l-informazzjoni għaż-żgħażagħ b'mod sistematiku biex tassigura li l-informazzjoni tkun ta' kwalità tajba; Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-informazzjoni - ittejjeb il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-istrateġiji dwar l-informazzjoni pubblika u ssaħħaħ ir-rwol ta’ l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-promozzjoni ta’ l-informazzjoni dwar iż-żgħażagħ. Għall-parteċipazzjoni: Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika - tassigura li jkun hemm konsultazzjoni strutturata taż-żgħażagħ dwar suġġetti li jikkonċernawhom, dan għandu b’mod partikolari jitlob li jiġi msaħħaħ ir-rwol tal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ fil-proċess konsultattiv, billi jkun assikurat li huma jirrappreżentaw ukoll l-interessi taż-żgħażagħ li mhumiex membri f'xi organizzazzjoni; - tiżviluppa l-istrutturi lokali parteċipattivi (eż. il-kunsilli taż-żgħażagħ), b’involviment sistematiku taż-żgħażagħ f’korpi lokali li jfasslu d-deċiżjonijiet, li jimmobilizzaw l-appoġġ ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali; - tanalizza l-ostakli għall-parteċipazzjoni li jaffettwaw ċerti gruppi ta’ żgħażagħ, biex tgħin lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jinvolvu aktar żgħażagħ b’mod aktar effikaċi, b’hekk ikun assikurat li jkunu rappreżentattivi; - tiżviluppa għodda li jippromwovu l-parteċipazzjoni bħal linji ta’ gwida għall-mekkaniżmi parteċipatorji[14] jew il-fora dwar politika parteċipattiva interattiva fuq l-Internet Parteċipazzjoni akbar miż-żgħażagħ fis-sistema ta’ demokrazija rappreżentattiva - tiżviluppa azzjonijiet konkreti li jassiguraw aktar parteċipazzjoni miż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet ta’ demokrazija rappreżentattiva, bħal billi jippromwovu l-involviment tagħhom f'partiti politiċi, jinkoraġġixxu li ż-żgħażagħ jitniżżlu fil-listi tal-partiti u jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fuq dawk il-listi, jiffaċilitaw id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-mexxejja politiċi, billi jenfasizzaw l-impenn ta’ dawk li qed jipparteċipaw u jħajruhom jaġixxu bħala "ambaxxaturi" fost sħabhom, billi jużaw aħjar l-għodda tas-soċjetà informatika ħalli jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-votazzjoni; Appoġġ għal diversi forom ta’ kif jitgħallmu jipparteċipaw - tiżviluppa sinerġiji b’azzjonijiet li jittieħdu fil-qasam edukattiv. Fuq livell Ewropew dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ rabtiet aktar mill-qrib ma’ l- OMC edukattiv u li jagħti taħriġ. Fuq livell nazzjonali, dan jista’ jintlaħaq billi jiġu żviluppati inizjattivi dwar ċittadinanza attiva fl-iskejjel; - tirrikonoxxi aħjar il-forom differenti ta’ parteċipazzjoni miż-żgħażagħ. Parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta’ l-UE: B’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri u ma’ l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-Kummissjoni bi ħsiebha tappoġġja djalogu permanenti u strutturat għal perjodu ta’ tliet snin, bi spirtu ġenwin ta’ partenarjat kostruttiv. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tipproponi l-linji konkreti ta’ azzjoni li ġejjin: Fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali - Twaqqaf spazji strutturati għad-djalogu u d-dibattitu, biż-żmien iffissat skond l-aġenda politika Ewropea, li jibdew b’mod kronoloġiku mil-livell lokali biex jassiguraw li jingħata kontribut f’waqtu u b’mod effikaċi miż-żgħażagħ fid-dibattiti ta' l-UE; Fuq livell Ewropew - Taqbel dwar it-temi ta’ prijorità li jridu jiġu diskussi fuq livell ta’ l-UE sa l-2009 jiġifieri l-inklużjoni soċjali u d-diversità fl-2007, djalogu interkulturali fl-2008 u perspettivi għal aktar kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fl-2009. Dawn it-temi għandhom ikunu diskussi flimkien mal-prijoritajiet trattati permezz ta' l- OMC u l-Patt Ewropew dwar iż-Żgħażagħ - skond il-prassi preżenti - kif ukoll skond il-prijoritajiet orizzontali li qablu dwarhom fil-qasam taż-żgħażagħ bħal l-antidiskriminazzjoni u s-saħħa; - Il-Kummissjoni tappoġġja l-idea ta’ forum informali bejn ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ, il-presidenzi, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni li jiltaqgħu regolarment – speċjalment qabel il-Kunsilli ta' l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura fil-ħarifa u fir-rebbiegħa fi Brussell - sabiex itejbu l-koerenza, il-kontinwita' u l-progress bejn l-aġendi tal-Presidenza fil-qasam taż-żgħażagħ; - Torganizza b’mod regolari ġimgħa Ewropea għaż-Żgħażagħ bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjarji u r-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet oħra Ewropej, li qabilhom issir konsultazzjoni Ewropea permezz tal- portal taż-żgħażagħ kull meta jkun possibbli, bil-għan li jinġibdu l-konklużjonijiet dwar avvenimenti mgħoddija, jiġu identifikati perspettivi għall-ġejjieni u tkun assigurata d-dehra tal-programm Ewropew għaż-żgħażagħ; - Tirranġa laqgħat ma’ żgħażagħ li normalment m’għandhomx kuntatt ma’ l-istituzzjonijiet Ewropej; - Torganizza Ewrobarometru speċifiku għaż-żgħażagħ (fl-aħħar ta’ l-2006); - Tistieden lill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ biex jisfrutta bl-aħjar mod l-opportunitajiet li huma offruti permezz tal-konsultazzjonijiet pubbliċi li jitnedew regolarment mill-Kummissjoni, l-aktar permezz ta’ l-internet, dwar politika rilevanti għaż-żgħażagħ; - Timmobilizza n-netwerks ta’ informazzjoni Ewropej biex tappoġġja d-djalogu strutturat[15]. Il-kontroll ta’ l-OMC taż-Żgħażagħ, filwaqt li jibqa’ adattat għall-qasam taż-żgħażagħ, għandu jkun imsaħħaħ ukoll. Għal dan il-għan il-Kummissjoni qed tagħmel il-proposti li ġejjin: - L-Istati Membri jidentifikaw sa l-aħħar ta' l-2006 dawk il-linji ta' azzjoni dwar il-parteċipazzjoni u l-informazzjoni li fuqhom jixtiequ jiffukaw u jiddefinixxu pjan ta' azzjonijiet; - L-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmu bħala tkomplija biex jinvolvu liż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom u jħejju rapport evalwattiv sa l-aħħar ta’ l-2008; - L-Istati Membri jingħataw l-opportunità biex jieħdu sehem, fuq bażi volontarja, f’”reviżjonijiet pilota ta' sħabhom" organizzati mill-Kummissjoni, dwar l-informazzjoni u l-parteċipazzjoni; - L-Istati Membri jippromwovu l-għanijiet komuni fuq livell nazzjonali fost l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ b'mod ġenerali; - il-Kummissjoni se tikkonsulta b’mod sistematiku liż-żgħażagħ u b’mod partikolari lill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar kull proposta marbuta ma' l- OMC ; - Hi se twaqqaf grupp ta’ ħidma dwar id-definizzjoni ta’ indikaturi għall-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet komuni dwar il-parteċipazzjoni u l-informazzjoni. * * * Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill biex japprova billi jiffirma l-proposti magħmula f’din il-Komunikazzjoni. [1] Komunikazzjoni dwar l-aġenda taċ-ċittadini (COM (2006) 211). [2] COM (2006) 35 finali ta’ l-01.02.2006, White Paper dwar Politika Ewropea tal-Komunikazzjoni, Debating Europe, Involving people (Niddiskutu l-Ewropa , Ninvolvu n-nies). [3] COM (2005) 494 finali tat-13.10.2005; Komunikazzjoni dwar il-perjodu ta’ riflessjoni u l-Pjan D (COM (2006) 212). [4] Ara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-15-16 ta’ Ġunju tal-Kunsill Ewropew li jilqgħu l-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-perjodu ta’ riflessjoni u li jinkoraġġixxu lill-Kummissjoni biex tibqa’ għaddejja bl-isforzi u ssaħħaħhom ħalli tkattar id-djalogu maċ-ċittadini. [5] « Iż-Żgħażagħ jitkellmu » It-tħassib u l-aspettattivi taż-Żgħażagħ Ewropej dwar l-iżvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea, analiżi minn Standard Eurobarometer 63, pubblikazzjoni Diċembru 2005. [6] 144441/01 – COM (2001) 681 finali [7] Ġ.U. Ċ 168, 13.07.2002, p.2 [8] Ġ.U. Ċ 295, 5.12.2003, p.6 [9] Dok. tal-Kunsill 13996/04, 15.11.2004, mhux ippubblikat [10] Dok. tal-Kunsill 13997/04, 15.11.2004, mhux ippubblikat [11] Anness I tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew (7619/05) [12] Ġ.U. Ċ 141, 10.06.2005, p.3 [13] Ġ.U. Ċ 141, 10.06.2005, p. 1 [14] Ibbażati fuq il-Karta ta’ Parteċipazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa (l- EYF ). [15] ERYICA, EURODESK u EYCA