Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0304

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006 - L-ewwel sena tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir Ekonomiku rivedut {SEC(2006) 751}

/* KUMM/2006/0304 finali */

52006DC0304




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.6.2006

KUMM(2006) 304 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU 2006 – L-ewwel sena tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir Ekonomiku rivedut

{SEC(2006) 751}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Finanzi Pubbliċi fl- EMU 2006 – L-ewwel sena tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir Ekonomiku rivedut

1. IL-PATT TA’ STABILITÀ U TKABBIR EKONOMIKU RIVEDUT JAGħLAQ SENA

Għaddiet sena minn mindu l-Kapijiet ta’ l-Istati u l-Gvernijiet ta’ l-UE approvaw l-elementi ewlenin għar-riforma tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir Ekonomiku (PST), abbażi ta’ l-ideat imressqa mill-Kummissjoni f’Komunikazzjoni f’Settembru 2004. Il-Kummissjoni kienet issuġġeriet li qafas komuni fiskali msaħħaħ b’bażi loġika ekonomika b’saħħitha jista’ jippermetti li jsiru preparamenti aħjar għad-differenzi fis-sitwazzjonijiet ekonomiċi madwar l-UE mkabbra u jista’ jikkontribwixxi għal kredibilità ikbar u responsabbiltà tal-PST fl-Istati Membri, biex ikompli fuq il-kultura ta’ politika fiskali b’saħħitha stabbilita fl-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin.

Ir-riforma tal-PST ta’ l-2005 kkonfermat ir-regoli u l-prinċipji fundamentali tat-Trattat u reġgħet stabbiliet il-kunsens fost il-25 Stat Membru għal politiki fiskali b’saħħithom. Il-limiti ta' 3 fil-mija u 60 fil-mija għad-defiċit u d-dejn tal-gvern jibqgħu l-ankri tas-sistema. Notevolment, il-PST rivedut fih numru ta’ dispożizzjonijiet li jikkontribwixxu għal identifikazzjoni minn kmieni u għal korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defiċits eċċessivi.

Fl-istess ħin, ir-riforma tal-PST żiedet il-flessibbiltà u l-bażi loġika ekonomika tal-qafas. B’mod partikolari, il-PST riveduta tagħti attenzjoni ikbar għall-iżviluppi tad-dejn u l-implimentazzjoni tal-politiki strutturali li jsaħħu l-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi tal-gvern f’konformità ma’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Jeħtieġ li l-Istati Membri isaħħu l-isforzi ta’ konsolidazzjoni baġitarja fi żminijiet ekonomiċi pożittivi li se jkunu essenzjali biex jinħolqu marġini baġitarji għal żminijiet inqas favorevoli. L-għanijiet fuq perjodu ta' żmien medju huma rrinfurzati permezz ta’ rabta iktar ċara mas-sostenibilità u s-sitwazzjonijiet speċifiċi ta' kull pajjiż. Fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet issa qed jittieħdu wara analiżi ekonomika ġenerali u ssir iktar enfasi fuq l-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali strutturali iktar milli fuq ir-riżultat nominali fuq perjodu ta' żmien medju biss.

B'mod ġenerali, ir-riforma ta' l-2005 saħħet il-PST u kkonfermat mill-ġdid ir-rwol prinċipali tiegħu fil-proċess ta' koordinazzjoni baġitarja bħala strument li jikkontribwixxi għall-kisba ta' grad għoli ta' stabilità makroekonomika, kundizzjoni essenzjali għal tkabbir sostenibbli kemm ekonomiku kif ukoll ta’ impjiegi, kif irrikonoxxut fil-Linji Gwida Integrati.

Il-qafas il-ġdid daħal fis-seħħ formalment fis-sajf ta’ l-2005 ma' l-addozzjoni min-naħa tal-Kunsill ta' pakkett korrispondenti ta' leġiżlazzjoni sekondarja[1]. Minn dakinhar, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Kunsill kollha kellhom jitgħallmu kif jgħixu bir-regoli l-ġodda u jiżguraw li jkunu implimentati b'mod effettiv. Sena wara r-riforma, il-Kummissjoni tanalizza l-implimentazzjoni tal-PST rivedut u tenfasizza l-isfidi tal-ġejjieni.

2. L-esperjenza matul l-ewwel sena

L-esperjenza ta’ l-ewwel sena bil-PST rivedut hija pjuttost pożittiva. B’mod ġenerali, reġa’ beda l-aġġustament baġitarju u kien hemm implimentazzjoni mingħajr problemi u konsistenti tal-proċeduri tal-PST, li bbenefikaw minn żieda fil-bażi loġika ekonomika għad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet. Madankollu, ħareġ xi ftit tħassib fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-fergħa preventiva tal-Patt peress li għadu mhux ċar jekk il-konsolidazzjoni fiskali hix se tinġieb konformi mal-prospetti ta' tkabbir imtejba. Il-qies tas-suċċess tal-Patt rivedut se jkun il-punt sa fejn l-Istati Membri se jirnexxielhom jiksbu l-aġġustament fiskali meħtieġ matul is-snin.

(i) Esperjenza pożittiva, speċjalment fir-rigward tal-fergħa korrettiva tal-PST

Bażi loġika ekonomika mtejba tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv

Il-PST rivedut jinkludi numru ta’ dispożizzjonijiet importanti li jiżguraw li jiġu identifikati kif suppost id-defiċits eċċessivi. Jippermetti li jitqiesu aħjar kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, speċifiċi għall-pajjiż fl-applikazzjoni tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv. Jipprevedi li meta defiċit jaqbeż it-3 fil-mija tal-PGD, il-Kummissjoni għandha dejjem tipprepara rapport li jipprovdi valutazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja fl-Istat Membru kkonċernat. Minn Marzu ta’ l-2005, il-Kummissjoni adottat tali rapporti għal tliet Stati Membri. Ir-rapporti kkunsidraw l-elementi kollha li dehru rilevanti għal valutazzjoni tas-sitwazzjoni meta ġie deċiż li jeżisti defiċit eċċessiv u meta ġiet stipolata d-data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tiegħu.

Il-PST rivedut jibqa' sistema bbażata fuq ir-regoli

Il-PST rivedut jispeċifika li d-defiċits li jaqbżu t-3 fil-mija tal-PGD li mhumiex temporanji jew li ma jibqgħux viċin il-valur ta’ referenza għandhom jitqiesu bħala eċċessivi. Fil-fatt, mir-riforma, id-defiċits kollha li jaqbżu t-3 fil-mija tal-PGD – f’xi każijiet b’marġni żgħir - tqiesu bħala eċċessivi. Dan jikkonferma li l-PST jibqa’ qafas essenzjalment ibbażat fuq ir-regoli li hu l-aħjar garanzija sabiex jiġu infurzati l-impenji u sabiex kull Stat Membru jiġi ttrattat b'mod indaqs.

Ġew stabbiliti dati ta’ skadenza realistiċi sabiex id-defiċits eċċessivi jitranġaw...

Filwaqt li l-korrezzjoni f’waqta tad-defiċits eċċessivi tibqa’ l-prinċipju ta’ gwida biex ikunu stabbiliti rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill uża l-ispazju għall-ġudizzju ekonomiku fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv biex jistipola dati ta’ skadenza għall-Istati Membri biex jirranġaw id-defiċit eċċessiv tagħhom. F’din il-perspettiva, l-Istati Membri bi prospetti dgħajfa ta’ tkabbir ekonomiku ngħataw perjodi ta’ skadenza itwal għall-korrezzjoni ta’ defiċit eċċessiv imdaqqas (minn sentejn sa tliet snin). L-Istati Membri b’defiċit ta’ kemmxejn iktar minn 3 fil-mija u bi tkabbir imbassar li jkun viċin il-potenzjal jew li jisbquh, ingħataw perjodu ta’ skadenza qasir.

Il-kooperazzjoni mtejba fuq il-livell ta’ l-UE ppermettiet li jkunu stipolati dati ta’ skadenza li qiesu l-istrateġiji ta’ konsolidazzjoni fiskali maħsuba fuq livell nazzjonali, dejjem jekk dawn l-istrateġiji kienu kompletament konsistenti mar-regoli tal-PST.

...filwaqt li ġew irrakkomandati sforzi strutturali sinifikanti

Il-fatt li tqiesu l-kundizzjonijiet ekonomiċi ma wassalx għal deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet inqas ibsin, bħal ma kienu qed jibżgħu xi wħud fil-mument tar-riforma. L-aġġustamenti fiskali li l-Kunsill irrikkjeda mill-Istati Membri fl-EDP skond il-PST rivedut kienu ikbar b'mod sinifikanti kemm minn dawk irrakkomandati fil-passat kif ukoll mil-livell ta' sforz fiskali annwali ta’ minn l-inqas 0.5 fil-mija tal-PGD f’termini strutturali. Barra minn hekk, l-isforzi fiskali strutturali rrakkomandati jeskludu l-miżuri ta’ darba jew dawk b’effetti temporanji biss fuq il-bilanċ tal-baġit. Dan jgħin biex l-attenzjoni tkun iffukata fuq il-miżuri li jikkontribwixxu għal finanzi pubbliċi b’saħħithom u sostenibilità baġitarja fuq perjodu ta' żmien twil u jiżgura li d-defiċits eċċessivi jitranġaw b’mod permanenti.

Il-miri fiskali ta’ l-Istati Membri fl-EDP huma konformi ħafna mar-rekwiżiti mħejjija mill-Kunsill fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li jissuġġerixxu li l-Patt il-ġdid huwa aħjar biex jinfluwenza l-pjanijiet u d-deċiżjonijiet tal-politika baġitarja nazzjonali. Matul is-sena d-dieħla se nkunu kapaċi nivvalutaw jekk dan effettivament jissarrafx f’azzjonijiet konkreti. Biex titħaddan azzjoni effettiva, il-Kummissjoni tinsab lesta li tieħu l-passi meħtieġa f’każ li Stat Membru ma jikkonformax mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

Iktar attenzjoni fuq il-livelli u l-iżviluppi tad-dejn

Fil-kuntest ta’ l-EDP, ġiet iddedikata iktar attenzjoni fuq l-iżviluppi tad-dejn. Ġie vvalutat jekk il-livelli tad-dejn ta’ ‘l fuq minn 60 fil-mija tal-PGD kinux qed jonqsu malajr biżżejjed u kinux qed jersqu viċin il-valur ta’ referenza b’pass adegwat. Kien hemm monitoraġġ iktar mill-qrib ta’ l-operat li ħalla impatt negattiv fuq livelli ta’ dejn, inklużi l-iżviluppi fl-aġġustament tal-fluss ta' l-istokk

Djalogu ekonomiku aħjar bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri

F’Marzu ta’ l-2005, il-Kunsill, meta kien qed jaqbel mal-PST rivedut, enfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mtejba bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri sabiex jissaħħu r-responsabbiltà nazzjonali u l-infurzar tar-regoli tal-PST.

L-esperjenza bil-PST rivedut uriet li, bl-introduzzjoni ta’ iktar spazju għall-ġudizzju ekonomiku fil-proċess ta’ sorveljanza fiskali, ir-riforma stimolat djalogu kostruttiv u trasparenti dwar il-politika ekonomika fuq livell ta’ l-UE fuq il-każijiet tal-pajjiżi individwali. Dan saħħaħ l-appoġġ u l-pressjoni tal-pari li, flimkien maż-żieda fir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill involuti, wassal għal operat bla xkiel u effiċjenti tal-Patt. Il-konverġenza ta’ opinjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill fil-valutazzjoni ta’ l-Aġġornamenti tal-Programm ta’ Stabilità u Konverġenza u fir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet skond il-proċedura tad-defiċit eċċessiv mir-riforma tal-PST, għandha titqies f’dan il-kuntest.

(ii) Xi tħassib marbut ma’ l-implimentazzjoni tal-parti preventiva tal-Patt

Fid-dawl ta’ l-esperjenza tal-passat ta’ fallimenti rikorrenti fil-kisba ta’ miri baġitarji fuq perjodu ta’ żmien medju, ir-riforma tal-PST ta’ l-2005 introduċiet numru ta’ bidliet li jsaħħu l-fergħa preventiva tal-patt billi jżidu l-bażi loġika tagħha.

Kritika waħda indirizzata lejn il-Patt Oriġinali ta’ Stabilità u Tkabbir Ekonomiku kienet li l-objettiv uniformi fuq perjodu ta’ żmien medju ta’ sitwazzjoni viċin il-bilanċ jew ta’ bilanċ, impona fuq xi pajjiżi li jesperjenzaw tkabbir nominali għoli, qagħda politika mhux meħtieġa. Il-PST rivedut ma jirrikjedix iktar li Stat Membru jimmira għal qagħda baġitarja uniformi viċin il-bilanċ fuq perjodu ta' żmien medju. Minflok, objettivi differenti fuq perjodu ta’ żmien twil huma stipolati għal kull Stat Membru li jqisu ċirkostanzi ekonomiċi u baġitarji speċifiċi għal kull pajjiż, sabiex ikun ipprovdut marġini ta’ sikurezza sufficjenti fir-rigward tat-3 fil-mija tal-valur ta’ referenza tal-PGD, u biex jiżgura l-kisba u ż-żamma ta’ livelli tad-dejn għaqlija matul iż-żmien. Il-PST rivedut jinkludi wkoll numru ta’ prinċipji ta’ politika fiskali b’saħħithom u sempliċi għall-Istati Membri li għadhom ma laħqux il-miri tagħhom għall-perjodu ta’ żmien medju u għall-imġiba fiskali fil-titjib ċikliku. Partikolarment l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro jew li qed jipparteċipaw fl- ERM II għandhom isegwu aġġustament strutturali annwali ta’ 0.5 fil-mija tal-PGD bħala livell. Għandhom isegwu aġġustament ogħla fi żminijiet tajbin.

L-objettivi baġitarji speċifiċi għall-pajjiż fuq perjodu ta’ żmien medju jirriflettu l-prinċipji ekonomiċi u l-istrateġiji nazzjonali...

Fis-sessjoni ta’ l-2005 tal-Programmi aġġornati ta’ Stabilità u Konverġenza, ġew stipolati objettivi baġitarji differenti fuq perjodu ta’ żmien medju għall-Istati Membri individwali. Pajjiżi b’riskju relativament għoli għas-sostenibilità fiskali (dejn għoli, tkabbir b’potenzjal baxx) għandhom objettivi baġitarji ta’ bilanċ jew ta’ ftit żieda. L-Istati Membri b’dejn baxx u bi prospetti ta’ tkabbir potenzjali għoljin jimmiraw għal defiċit sa wieħed fil-mija tal-PGD li jippermetti spazju għall-manuvra baġitarja filwaqt li jistabilizza valuri għaqlija ta' dejn.

Interessanti l-fatt li xi pajjiżi pproponew miri fuq perjodu ta’ żmien medju li huma iktar ambizzjużi minn kemm hu strettament meħtieġ mill-PST rivedut. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan sar biex jippermetti konsistenza bejn l-objettivi stipolati fil-kuntest Ewropew u strateġija nazzjonali biex tiżgura s-sostenibilità tal-finanzi tal-gvern. Dan jipprovdi evidenza li l-objettivi li jirriflettu aħjar ir-realtajiet ekonomiċi speċifiċi għall-pajjiż f’UE ta’ 25 Stat Membru, huma aċċettati aħjar bħala ankri għat-tħejjija ta' politika fiskali fuq livell nazzjonali.

...iżda l-isforzi fiskali pjanati biex jintlaħqu l-objettivi mhumiex dejjem ambizzjużi biżżejjed u jonqsu milli jilħqu l-livell ta’ 0.5 fil-mija fl-2006

L-aġġornamenti ta’ l-2005 tal-Programmi ta’ Stabilità u Konverġenza kkonfermaw l-intenzjonijiet ta’ dawk l-Istati Membri li għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju sabiex jagħmlu progress biex jilħquh. Madankollu, minħabba l-qabża kbira, f’xi każijiet, bejn is-sitwazzjonijiet fiskali attwali u l-objettivi baġitarji speċifiċi għall-pajjiż fuq perjodu ta’ żmien medju miftiehma dan l-aħħar, setgħu kienu mistennija iktar sforzi ta’ konsolidazzjoni pjanati.

Il-pjanijiet baġitarji ta’ l-Istati Membri li għadhom ma laħqux l-objettiv fuq perjodu ta' żmien medju (iżda mhux fl- EDP ) għas-snin 2007 u 2008 huma konformi mal-livell ta' aġġustament strutturali ta' 0.5 fil-mija tal-PGD tal-PST il-ġdid. Madankollu, l-aġġustament ippjanat għall-2006 jonqos sew milli jilħaq l-aġġustament ta’ 0.5 fil-mija. Skond it-Tbassir għar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni, bħala medja l-bilanċ strutturali għall-UE mhux se jitjieb u saħansitra se jiddeterjora għal xi wħud mill-Istati Membri, u li se jdawwar il-qagħda fiskali f’waħda espansiva u pro-ċiklika. Eżekuzzjoni baġitarja rigoruża u, jekk ikun meħtieġ, miżuri ta’ konsolidazzjoni addizzjonali fl-2006, flimkien ma' pjanijiet ta' politika fiskali ambizzjużi għall-2007 huma meħtieġa sabiex titnaqqas il-qabża bejn l-isforzi reali u r-rekwiżiti skond il-PST.

Minkejja t-titjib ċar, xorta jibqgħu xi mistoqsijiet rigward il-kredibbiltà ta’ l-aġġustamenti baġitarji fuq perjodu ta’ żmien medju pjanati mill-Istati Membri

L-esperjenza taħt il-PST oriġinali wriet li, biex ikunu kredibbli, il-pjanijiet baġitarji fuq perjodu ta' żmien medju jeħtieġ ikunu bbażati fuq previżjonijiet makroekonomiċi realistiċi u kawti u appoġġjati b'miżuri permanenti u riformi strutturali. Il-valutazzjoni dwar dan il-punt hija wkoll imħallta.

Karatteristika ta’ inkoraġġiment ta’ l-aħħar sessjoni ta’ Programmi ta’ Stabilità u Konverġenza hi li l-istimi baġitarji fuq perjodu ta’ żmien medju huma, kważi fil-każijiet kollha, ibbażati fuq suppożizzjonijiet makroekonomiċi realistiċi. Dan jikkostitwixxi f’titjib ewlieni meta mqabbel ma’ l-esperjenza tas-snin ta’ qabel meta previżjonijiet baġitarji kienu bbażati tipikament fuq previżjonijiet makroekonomiċi ottimisti żżejjed. Żvilupp ieħor pożittiv hu li l-ħtieġa li wieħed jirrikorri għall-miżuri ta’ darba jew oħrajn temporanji fi pjanar fuq perjodu ta’ żmien medju spiċċat. Tali miżuri jirrappreżentaw inqas minn 0.1 fil-mija tal-PGD ta’ l-UE fl-2006 u huma negliġibbli fl-2007 u fl-2008. Madankollu, f’numru ta’ każijiet, il-miżuri li fuqhom tissejjes il-konsolidazzjoni prevista mhumiex speċifikati biżżejjed. It-taħlita, f’xi programmi, ta’ aġġustament fiskali li waqa’ lura flimkien ma’ nuqqas ta’ speċifikazzjoni tal-miżuri li fuqhom tissejjes il-konsolidazzjoni prevista tagħti lok għal tħassib.

3. L-Isfidi tal-ġejjieni

B'mod ġenerali, l-esperjenza ta' sena bil-PST rivedut uriet li l-qafas fiskali ta' l-UE qed jerġa' jikseb mill-ġdid kredibilità. Ir-riforma tal-PST ippermettiet bażi loġika ekonomika msaħħa tar-regoli, żieda fir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-qafas, u proċess bla xkiel u b’iktar kooperazzjoni fl-applikazzjoni tiegħu. Dawn l-iżviluppi jiggarantixxu xi ftit ottimiżmu għall-implimentazzjoni fil-ġejjieni. Madankollu, b’ħarsa 'l quddiem, diġà ġew identifikati numru ta’ sfidi.

(i) L-assigurazzjoni li l-ispirtu tar-riforma jitkompla matul iż-żminijiet tajbin

Ir-riżultati baġitarji fl-2005 huma inkoraġġanti. Id-defiċit nominali fl-UE tnaqqas għal 2.3 fil-mija tal-PGD, minn 2.6 fil-mija tal-PGD fl-2004. Il-bilanċ strutturali tjieb b’madwar ¾ fil-mija tal-PGD, l-ikbar titjib mill-1997. It-tnaqqis fid-defiċit li kien ikbar minn kemm mistenni, kien prinċipalment riżultat ta’ dħul li kien ikbar minn kemm mistenni li, f'konformità mar-regoli riveduti, kienu allokati għat-tnaqqis fid-defiċit, iżda wkoll minħabba l-implimentazzjoni msaħħa tal-politika.

Indikaturi u previzjonijiet ekonomiċi jikkonfermaw li l-kundizzjonijiet ċikliċi qed ikomplu jitjiebu fl-UE. L-esperjenza enfasizzat l-importanza li jitmexxew politiki fiskali għaqlija fi żminijiet tajbin sabiex titrażżan l-akkumulazzjoni ta’ dejn u jkun żgurat it-tnaqqis tiegħu għal-livelli sostenibbli. Analiżi wriet li l-politiki fiskali pro-ċikliċi kienu pjuttost spissi fl-UE f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u l-Finanzi Pubbliċi ta' din is-sena fir-rapport ta' l- EMU juru li l-politiki fiskali pro-ċikliċi seħħew b'mod speċjali matul żminijiet tajbin. Huwa kruċjali li tkun evitata qagħda pro-ċiklika fi żminijiet tajbin fiż-żona ta’ l-euro sabiex isir progress rapidu lejn sitwazzjonijiet baġitarji iktar sostenibbli u dan jgħin ukoll fiż-żamma ta’ taħlita ta’ politiki monetarji u fiskali li tappoġġja t-tkabbir u l-impjiegi. Il-pjanijiet baġitarji fformulati mill-Istati Membri għall-2006 u l-previżjonijiet ekonomiċi reċenti tal-Kummissjoni jissuġġerixxu li l-irkupru attwali s'issa mhux qed jintuża biex titħaffef il-konsolidazzjoni fiskali u d-dejn pubbliku jaqbad sew it-triq għan-niżla. Għandhom isiru aġġustamenti fiskali ikbar fl-2006. Il-Kummissjoni se taqdi r-rwol tagħha biex tħaddan l-appoġġ u l-pressjoni tal-pari iktar imsaħħa li huma meħtieġa biex tkun żgurata implimentazzjoni iktar rigoruza tal-baġits ta' l-2006 u t-tħejjija ta' abbozzi ta' baġits ambizzjużi għall-2007.

(ii) Enfasi ikbar fuq is-sostenibilità tal-finanzi tal-gvern

Minkejja l-progress magħmul fit-tnaqqis tad-defiċit ġenerali tal-gvern, il-proporzjon tad-dejn żdied minn 62.4 fil-mija tal-PGD għal 63.4 fil-mija tal-PGD fl-2005 fl-UE. Fis-snin li ġejjin, hu mistenni li taħlita ta’ tkabbir ekonomiku iktar b’saħħtu u bilanċ primarju iktar stabbli se jaqleb ix-xejra ‘l fuq tal-proporzjon tad-dejn osservata sa mill-2003. Il-proporzjon tad-dejn se jaqa’ marġinalment taħt is-63 fil-mija tal-PGD fl-2007. Fid-dawl ta’ l-isfidi baġitarji fuq perjodu ta’ żmien twil li l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE qed jiffaċċjaw, jeħtieġ ikun hemm tnaqqis kbir fil-proporzjonijiet tad-dejn fil-futur qrib.

Fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, is-sostenibilità tal-finanzi tal-gvern għandha ssir għan ewlieni tal-politika għall-Istati Membri kollha ta’ l-UE. Il-PST rivedut ipoġġi enfasi ikbar, bir-raġun, fuq il-kwistjonijiet ta’ dejn u s-sostenibilità. Mir-riforma, sar progress konsiderevoli biex wieħed jifhem id-dinamiċi wara l-impatt baġitarju tax-xjuħija. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qablu fuq il-kwantifikazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għall-finanzi tal-gvern tal-popolazzjoni li qed tixjieħ[2].

B’ħarsa 'l quddiem, iktar progress huwa meħtieġ biex l-isfidi tal-politika fiskali fuq perjodu ta' żmien twil u dawk fuq perjodu ta' żmien qasir ikunu integrati aħjar. Sa l-aħħar ta’ l-2006, il-Kummissjoni se tirraporta dwar il-possibbiltajiet li jitqiesu b’mod dirett il-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibilità meta l-għanijiet baġitarji speċifiċi għall-pajjiż fuq perjodu ta’ żmien medju jkunu qed jiġu stabbiliti. Numru ta’ konsiderazzjonijiet preliminarji jsiru fir-rapport ‘Il-Finanzi Pubbliċi fl- EMU – 2006’, bil-għan li tiħaddan diskussjoni dwar approċċi alternattivi.

(III) Regolamentazzjoni statistika mtejba

Meta qabel mar-riforma tal-PST, il-Kunsill ikkunsidra li l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas fiskali tistrieħ b’mod kruċjali fuq statistiċi fiskali armonizzati ta’ kwalita, ta’ min joqgħod fuqhom u fil-ħin skond l-istandards tal-kontabilità Ewropej. Il-Kunsill ikkunsidra li x-xogħol li għadu għaddej biex is-sistema ta’ l-istatistika Ewropea ssir iktar robusta u inqas vulnerabbli għal rappurtar mhux korrett għandu jiġi msaħħaħ.

Matul dawn l-aħħar ftit xhur, bosta żviluppi tejbu s-sitwazzjoni. Il-Kunsill emenda r-regolament li jirregola t-trasmissjoni tad-data fiskali mill-Istati Membri sabiex iżid il-kapaċità ta’ l-operat ta’ l-Eurostat biex jevalwa l-kwalità ta’ l-istatistiċi tal-gvern u biex itejjeb it-trasparenza fil-ġbir ta’ data u fil-proċedura ta’ notifika[3]. Fil-25 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jirrikonoxxu l-Kodiċi ta' Prattika għall-Istatistiċi Ewropea bħala grupp komuni ta' standards għall-awtoritajiet ta' l-istatistika fl-UE, u l-qafas istituzzjonali ta’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u Komunitarja ġew imsaħħa skond dawn. [4]

Iktar progress li jibni fuq dawn l-isforzi għandu jsir sabiex jiżgura prattiċi, riżorsi u kapaċitajiet adegwati biex jiġu prodotti statistiċi ta’ kwalità għolja fuq il-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew.

(iv) Sinerġiji aħjar bejn il-politika fiskali u t-tkabbir

L-aħjar kontribuzzjoni tal-politika fiskali għat-tkabbir hija r-rwol tagħha biex twassal ambjent makroekonomiku b’saħħtu u stabbli, kif indikat ukoll fil-Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi. Madankollu, wieħed jista’ jesplora u għandu jesplora iktar sinerġiji. Per eżempju, jista’ tkun sfida l-mod kif se titħaddan l-implimentazzjoni tar-riformi li fl-istess ħin tippermetti l-progress lejn sitwazzjonijiet fiskali sostenibbli u li ssaħħaħ il-prospetti ta’ tkabbir. Ta’ min wieħed iħares lejn il-possibbiltà introdotta mir-riforma tal-PST li jitqiesu riformi strutturali ewlenin fid-definizzjoni tat-triq għall-aġġustament lejn l-għan fuq perjodu ta’ żmien medju, minn din il-perspettiva. Għal dan il-għan, hemm bżonn li wieħed jifhem aħjar l-effetti ekonomiċi u baġitarji tar-riformi strutturali, kif ukoll il-kwantifikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li jsir il-progress lejn sitwazzjonijiet fiskali sostenibbli, huwa importanti li l-baġits ikunu dejjem iktar iffukati fuq prijoritajiet li jsaħħu t-tkabbir, u jkun żgurat l-aħjar użu ta' l-opportunitajiet maħluqa minn tnaqqis fil-piż tad-dejn. Regoli fiskali orjentati lejn perjodu ta’ żmien medju jistgħu jipprovdu kontribuzzjoni importanti f’dan ir-rigward u dawk li diġà jeżistu f’ħafna Stati Membri jistgħu jkunu eżempju ta’ għajnuna għall-oħrajn.

Bil-għan li jitħaddnu rati ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli fil-pajjiżi ta’ l-UE, u partikolarment f’dawk l-Istati Membri li għadhom fil-proċess ta’ konverġenza nominali, għandha tingħata iktar attenzjoni wkoll għall-implikazzjonijiet tal-politika fiskali dwar żviluppi makroekonomiċi. Il-valutazzjoni tal-politika fiskali fil-kuntest tal-fergħa preventiva tal-PST għandha tqis ħafna iktar il-qagħda makroekonomika ġenerali tal-pajjiż ikkonċernat. L-iżviluppi fi żbilanċi esterni, l-inflazzjoni u l-kompetittività għandhom jingħataw attenzjoni partikolari.

(v) Regoli u istituzzjonijiet fiskali ta' appoġġ fuq livell nazzjonali

Il-ftehim fuq ir-riforma tal-PST enfasizza li r-regoli u l-istituzzjonijiet fiskali nazzjonali jista’ jkollhom rwol iktar prominenti fis-sorveljanza baġitarja domestika. L-esperjenza f'numru ta' pajjiżi ta' l-UE wriet li regoli fiskali mfassla sew u l-istituzzjonijiet jagħtu l-appoġġ tagħhom sabiex jinkisbu sitwazzjonijiet baġitarji sostenibbli u jikkontribwixxu biex il-politiki pro-ċikliċi fiż-żminijiet tajbin ikunu evitati. Il-Kummissjoni laqgħat id-dikjarazzjoni tal-Ministri tal-Finanzi, fil-kuntest tar-riforma tal-PST, dwar l-importanza ta' l-iżvilupp ta' regoli fiskali u istituzzjonijiet adegwati fuq livell nazzjonali.

Bil-għan li jkun stimulat id-dibattitu dwar l-influwenza ta’ kuntesti istituzzjonali fuq ir-riżultati baġitarji, ir-rapport ‘Finanzi Pubbliċi fl- EMU – 2006’ jinkludi studji analitiċi li jipprovdu evidenza li l-Istati Membri li jistrieħu fuq regoli fiskali numeriċi għandhom tendenza li jkollhom defiċits iktar baxxi u inqas politiki fiskali pro-ċikliċi. Fl-istess ħin, jissuġġerixxu li l-preżenza ta’ istituzzjonijiet nazzjonali responsabbli milli jipprovdu analiżi indipendenti u rakkomandazzjonijiet fil-qasam tal-politika fiskali u jifformulaw previżjonijiet ekonomiċi awtonomi kredibbli, għandha impatt pożittiv fuq ir-riżultati baġitarji. Ir-rapport jistudja l-esperjenzi speċifiċi ta’ kull pajjiż u jidentifika karatteristiċi mixtieqa tar-regoli fiskali u l-istituzzjonijiet. Għandu jsir iktar xogħol sabiex ikun appoġġjat it-tixrid tal-prattiċi tajba.

Jista’ jsir progress wkoll fit-tisħiħ ta’ l-interazzjoni bejn il-proċeduri baġitarji nazzjonali u l-qafas ta’ l-UE. Dan kieku jippermetti li jitqiesu aħjar diskussjonijiet fuq livell Ewropew fit-tħejjija tal-baġits nazzjonali. Iktar diskussjonijiet intensivi fuq livell Ewropew qabel ma l-Istati Membri jħejju l-abbozzi tal-baġits għas-sena ta’ wara, kieku jkunu pożittivi għar-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri tal-koordinazzjoni tal-politika ta’ l-UE. Dan kieku jippermetti wkoll li l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti iktar fil-proċess Ewropew ta’ sorveljanza u koordinazzjoni fiskali.

[1] Ir-Regolamenti tal-Kunsill 1055/05 u 1056/05 li jemendaw ir-Regolamenti tal-Kunsill 1466/97 u 1467/97 ġew adottati fis-7 ta’ Lulju 2005.

[2] L-istimi baġitarji fuq perjodu ta’ żmien twil kienu aġġornati abbażi tas-supożizzjonijiet li kien hemm ftehim komuni fuqhom u metodi għal firxa wiesgħa ta' partiti baġitarji (pensjonijiet, kura tas-saħħa, kura fuq perjodu twil ta' żmien, edukazzjoni u benefiċċji għall-qegħda).

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005) li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 (ĠU L 332, 31.12.1993).

[4] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u Rakkomandazzjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u Komunitarji (COM (2005) 217).

Top