Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0281

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - L-Istrateġija tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u r-Riforma tal-politika Ewropea ta’ koeżjoniIr-raba’ rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni {SEC(2006) 726}

    /* KUMM/2006/0281 finali */

    52006DC0281




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 12.6.2006

    KUMM(2006) 281 finali

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    L-Istrate ġija tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u r-Riforma tal-politika Ewropea ta’ koeżjoniIr-raba’ rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni

    {SEC(2006) 726}

    WERREJ

    1. Diskrepanżi ekonomiċi u soċjali fl-UE mkabbra 3

    1.1. It-Tkabbir – għadu miexi bil-mod iżda mistenni jirkupra 3

    1.2. Diskrepanzi 4

    1.2.1. PGD – l-Istati Membri l-ġodda qed jikbru malajr iżda l-konverġenza tibqa’ perspettiva fit-tul 4

    1.2.2. Impjieg – 24 miljun impjieġ ġdid meħtieġ biex tintlaħaq il-mira ta’ 70% 4

    1.3. Xejriet fid-diskrepanzi 4

    1.3.1. Diskrepanzi bejn l-Għanijiet... 4

    1.3.2. ...u f’kull għan 5

    1.3.3. Is-sehem tar-Riċerka u l-Iżvilupp u ta’ l-ICT fit-tkabbir ekonomiku sostenibbli 6

    2. Żviluppi ta’ dan l-aħħar fil-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE 7

    2.1. L-eżekuzzjoni tal-baġit ta’ l-2005 – livelli rekord ta’ impenji 7

    2.2. Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni 2007-2013 7

    2.3. “Il-Politika ta’ Koeżjoni u l-ibliet: il-kontribut urban għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fir-reġjuni” 8

    2.4. Il-politika ta’ Koeżjoni fil-qalba ta’ l-Istrateġija ta’ Tkabbir ekonomiku u ta’ l-Impjiegi 8

    2.5. Riżorsi sinteżi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005 9

    2.6. Innovazzjonijiet fil-programmi l-ġodda ta’ politika ta’ koeżjoni 10

    2.6.1. JASPERS 10

    2.6.2. JEREMIE 11

    2.6.3. JESSICA 11

    2.6.4. L-immodernizzar tas-servizzi pubbliċi 11

    2.7. Linji ta’ Gwida Strateġiċi għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond għas-Sajd Ewropew 12

    Introduzzjoni

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp ta’ politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE, il-perjodu sa mill-pubblikazzjoni tat-Tielet Rapport ta’ Progress fir-rebbiegħa ta’ l-2005 kien wieħed importanti għal tliet raġunijiet prinċipali. L-ewwel nett, wara t-tkabbir ekonomiku storiku f'Mejju 2004, l-implimentazzjoni ta' programmi ta' koeżjoni fl-Istati Membri l-ġodda ħadet spinta 'l quddiem fl-2005 u issa waslu r-riżultati dwar l-ewwel sena sħiħa ta’ implimentazzjoni. It-tieni nett, saru avvanzi prinċipali rigward it-tħejjija tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. B’mod partikolari, il-Ftehim InterIstituzzjonali ffirmat fis-17 ta’ Mejju 2006 mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar il-Perspettivi Finanzjarji għall-2007-2013 ipprovda l-bażi għall-Istati Membri u għar-reġjuni madwar l-UE biex jimxu 'l quddiem fit-tħejjijiet ta' programmi ġodda. Flimkien ma’ dan, il-Kummissjoni adottat bosta dokumenti ewlenin biex tħejji t-triq għal din il-ħidma (inklużi l-abbozz tal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni, l-abbozz tal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità dwar l-Iżvilupp Rurali u l-Linji ta’ Gwida ta’ l-Għajnuna Statali Reġjonali 2007-2013). It-tielet, deċiżjonijiet ewlenin ta’ politika li ttieħdu fl-ogħla livell fl-2005 stabbilew il-post ċentrali tal-politika ta’ koeżjoni fl-aġenda tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi ta’ l-Unjoni (l-“istrateġija ta’ Liżbona”).

    Dan ir-raba' rapport ta’ progress jindirizza dawn il-kwistjonijiet. Jibda billi jippreżenta x-xena b’aġġornament dwar ix-xejriet fl-Istati Membri u d-diskrepanzi bejnhom u bejn ir-reġjuni. Din hija segwita minn spjegazzjoni ta’ l-iżviluppi ewlenin fil-qafas ta’ politika inkluż il-ftehim dwar ir-riżorsi għall-politika ta’ koeżjoni għall-Perspettivi Finanzjarji 2007 – 2013.

    1. DISKREPANżI EKONOMIċI U SOċJALI FL-UE MKABBRA

    Din it-taqsima tipprovdi stampa tax-xejriet soċjali u ekonomiċi u tal-livelli ta’ diskrepanza. Qed titressaq evidenza ġdida dwar il-fatturi determinanti tad-diskrepanzi fil-PGD, fir-rati tat-tkabbir ekonomiku u fl-impjieg, notevolment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ammonti ta’ investiment fin-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp u fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni.

    1.1. It-Tkabbir – għadu miexi bil-mod iżda mistenni jirkupra

    Fl-2005, l-ekonomija ta’ l-Unjoni kienet ikkaratterizzata minn tkabbir ekonomiku baxx kontinwu skond l-istandards storiċi. Bejn l-2000 u l-2004, il-medja tat-tkabbir ekonomiku tal-PGD fil-25 Stat Membru ta' l-UE kienet ftit iżjed minn 1½% kull sena. Jeżistu varjetajiet konsiderevoli madwar l-UE, bil-prestazzjoni l-aktar b'saħħitha evidenti fost l-Istati Membri l-anqas għonja, b'mod partikolari l-istati Baltiċi u s-Slovakkja, iżda wkoll fil-Ġreċja u fl-Irlanda, kif ukoll fil-pajjiżi ta’ adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija. Ir-rati ta’ tkabbir ekonomiku l-aktar baxxi nstabu f’bosta Stati Membri relattivament għonja inklużi l-Ġermanja, d-Danimarka, l-Italja, l-Olanda u l-Portugall, kif ukoll Malta, li kollha kellhom tkabbir ekonomiku ta’ inqas minn 1% għal kull sena.

    Skond it-tbassir tal-Komunità Ewropea huwa previst irkupru fit-tkabbir ekonomiku ta’ aktar minn 2% madwar l-UE bejn l-2005 u l-2007. It-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jaqbeż it-3% kull sena f’16 mill-25 Stat Membru, kif ukoll fir-Rumanija u l-Bulgarija. It-tkabbir ekonomiku mhux mistenni li jaqbeż it-2% b’ħafna – anzi bi ftit li xejn – fil-Ġermanja, l-Italja, Franza, l-Belġju, l-Olanda, l-Awstrija, id-Danimarka l-Portugall u f’Malta. Dawn il-pajjiżi jkopru akar minn nofs il-popolazzjoni totali fl-UE27.

    1.2. Diskrepanzi

    1.2.1. PGD – l-Istati Membri l-ġodda qed jikbru malajr iżda l-konverġenza tibqa’ perspettiva fit-tul

    It-tkabbir ekonomiku relattivament mgħaġġel fit-tlettax-il pajjiż tal-koeżjoni meta mqabbel mal-parti l-kbira tal-pajjiżi ta' l-UE15 (3.6% fis-sena kontra 2.2%, il-medja l-UE15 fis-sena, imkejjel tul il-perjodu 1995-2005) jissuġġerixxi li l-konverġenza tad-dħul twettqet; madankollu d-daqs tad-distakk fil-qligħ ifisser li iridu jgħaddu ħafna snin qabel ma l-grupp b’mod ġenerali jasal għal tnaqqis sostanzjali fid-distakki. Madankollu, xi wħud mill-Istati Membri l-ġodda diġà laħqu l-livell tal-pajjiżi ta’ l-UE-15 l-inqas għonja u bl-istess mod, il-livelli tad-dħul għal kull persuna fi Spanja qed ikomplu jersqu lejn dawk fl-Italja u l-Ġermanja.

    1.2.2. Impjieg – 24 miljun impjieġ ġdid meħtieġ biex tintlaħaq il-mira ta’ 70%

    Fl-2004, l-impjieg ta’ l-UE kiber b’ 0.6%. Ir-rata medja ġenerali ta’ impjieg[1] żdiedet b’0.4 punti perċentwali għal 63.3% (64.7% fl-UE15 u 56.0% fl-UE10). L-UE għadha qed taqa’ taħt il-mira tar-rata ta’ mpjieg ta’ Liżbona ta’ 70% li għandha tintlaħaq sa l-2010, minkejja l-fatt li kien hemm rati relattivament għolja ta’ tkabbir ekonomiku fl-impjieg. Bejn l-1998 u l-2004, inħolqu kważi 10 miljun impjieg addizzjonali fl-UE25 (ftit inqas minn fl-UE 27, minħabba f’telf sostanzjali ta’ impjieg fir-Rumanija). Ftit iktar min-nofs ta’ dan it-tkabbir ekonomiku ta’ impjieg twettaq fil-perjodu 1998-2000, filwaqt li t-tkabbir ekonomiku ta’ impjiegi bejn l-2000 u l-2004 wassal għall-ħolqien ta’ 4½ miljun impjieg. F’dawn l-aħħar snin reċenti deher ukoll tnaqqis fix-xejra lejn telf ta’ impjieg fil-Polonja, il-Ġermanja u r-Rumanija, li effettwa b'mod negattiv il-prestazzjoni ta' l-UE27 sa mill-2000 - f'dawn it-tliet pajjiżi, l-impjieg totali niżel bi kważi 1½ miljun fil-perjodu 2000-2004.

    Sabiex tintlaħaq il-mira ta' impjieg ta' 70%, 24 miljun impjieg addizzjonali jkunu meħtieġa fl-UE 27 – żieda ta’ kważi 12% fuq il-livelli attwali ta’ impjiegi. Għall-Istati Membri l-ġodda flimkien mar-Rumanija u l-Bulgarija, minħabba fil-persistenza ta’ rati ta’ impjiegi baxxi fil-parti l-kbira tal-pajjiżi l-kbar, b’mod partikolari fil-Polonja u l-Bulgarija, iż-żieda ġenerali meħtieġa hija ta’ kważi 25% tal-livelli attwali ta’ impjieg.

    1.3. Xejriet fid-diskrepanzi

    Dan li ġej huwa eżami tal-qagħda u x-xejriet rigward il-gruppi differenti u r-reġjuni li għandhom jiġu mmirati mill-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 skond il-proposti tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2004, miżmuma fil-ftehim bejn l-Istati Membri fil-. Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005.

    1.3.1. Diskrepanzi bejn l-Għanijiet...

    L-għan il-ġdid ta’ Konverġenza għall-2007-2013 (reġjuni fejn il-PGD għal kull persuna huwa inqas minn 75% tal-medja ta’ l-UE, 2000-2002) japplika għal 100 reġjun, inklużi 16-il status ieħor mogħti, tranżitorju ‘li qed jitrażżan bil-mod lejn tmiemu’[2] – li jagħmel tajjeb għal ftit aktar minn 35% tal-popolazzjoni fl-UE27. L-għanijiet il-ġodda ta’ Kompetittività u ta’ Impjieg Reġjonali (RCE) japplikaw fil-prinċipju għall-bqija ta’ l-Unjoni, jew għall-155 reġjun b’ 61% tal-popolazzjoni ta’ l-UE27, filwaqt li 133 reġjun ieħor huwa kklassifikat bħala ‘fil-fażi ta’ l-introduzzjoni progressiva’[3] (kważi 4% tal-popolazzjoni).

    Ir- reġjuni ta’ Konverġenza (inklużi dawk li jinsabu fil-fażi li jitrażżnu bil-mod lejn tmiemhom) huma kkaratterizzati minn livelli baxxi ta’ PGD u impjieg, kif ukoll qgħad għoli. It-total tas-sehem tagħhom fil-PGD ta’ l-UE27 huwa biss ta’ 12½% meta mqabbel ma’ sehem ta’ popolazzjoni ta’ 35%. Għalkemm it-tkabbir ekonomiku medju attwali f’dawn ir-reġjuni huwa ’l fuq mill-medja tal-livell ta’ l-UE, ir-rata in ġenerali, mhijiex biżżejjed biex tintlaħaq il-medja ta’ l-UE f’termini tal-livell tal-PGD għal kull persuna fil-futur qrib.

    Ir- reġjuni ta’ l-RCE għandhom kollettivament livelli relattivament għolja tal-GDP; madankollu, it-tkabbir ekonomiku jibqa’ dgħajjef f’ħafna reġjuni u r-rati ta’ impjieg jirriżultaw ’il bogħod mil-mira ta’ 70% f’ħafna minnhom. Bl-istess mod, ir-rati tal-qgħad huma relattivament baxxi iżda xorta waħda ta’ kważi 7% għall-grupp kollu meta meqjus bħala entità sħiħa. Il-prestazzjoni tat-tkabbir ekonomiku huwa aħjar fir-reġjuni fil-fażi ta’ introduzzjoni progressiva, billi jirrifletti t-tluq tagħhom b’suċċess mill-istatus attwali ta’ Għan 1 ta’ prijorità tagħhom. Madankollu, l-PGD u l-livelli ta’ impjieg għadhom lura fejn dawk tar-reġjuni l-oħra ta’ l-RCE, filwaqt li l-qgħad huwa ogħla. Dawn il-medji jissuġġerixxu li qed jippersistu ħtiġijiet reali madwar l-UE li jirrikjedu investiment kontinwu, sabiex iżidu l-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku f’konformità ma’ l-għanijiet ta’ Liżbona.

    1.3.2. ...u f’kull għan

    Hemm varjazzjonijiet reġjonali wiesgħa madwar l-UE fir-rata tat-tkabbir ekonomiku; fir-reġjuni ta’ l-għan ta’ Konverġenza, pereżempju, it-tkabbir ekonomiku wera medja ta’ 2.6% fis-sena bejn l-1995 u l-2002, madankollu f’16 minn dawn ir-reġjuni kien inqas minn 1% filwaqt li fi 15 oħra qabeż il-5%.

    Il-livelli ta’ PGD jindikaw ukoll sitwazzjonijiet reġjonali differenti sew fi ħdan kull għan. Taħt l-għan ta’ Konverġenza, hemm bosta reġjuni bi PGD għal kull persuna (f’termini ta’ PPS) 'l isfel minn 25% ta’ l-medja ta’ l-UE fl-2002, li jinsabu kollha fir-Rumanija u l-Bulgarija (dawn it-tnejn attwalment ikopru t-12-il reġjun l-inqas prosperu). Fl-istess ħin, hemm disa’ reġjuni koperti mid-dispożizzjonijiet sabu fil-fażi ta’ trażżin lejn tmiemhom, fejn il-PGD għal kull persuna huwa aktar minn 80% tal-medja ta’ l-UE25. Taħt l-għan ta’ l-RCE (inklużi r-reġjuni li jinsabu fil-fażi ta’ trażżin lejn tmiemhom), 8 reġjuni għandhom PGD għal kull persuna li huwa inqas minn 85% taċ-ċifra ta’ l-UE25, filwaqt li f’7 oħra huwa aktar minn 150% ta’ dan.

    Ir-rata ta’ impjieg, fir-reġjuni koperti mill-għan ta’ l-RCE hija ta' 10 punti perċentwali ogħla minn dik fir-reġjuni ta’ Konverġenza. Hemm distakki kbar fir-rati ta' impjieg bejn ir-reġjuni fi ħdan kull għan. Għalhekk fir-reġjuni ta’ Konverġenza, 'il fuq minn 25 miljun ruħ jgħixu f’reġjuni b'impjieg għoli, filwaqt li 27 miljun ruħ oħra jgħixu f’reġjuni b'impjieg baxx, b’distakk bejn ir-reġjuni ta’ impjieg baxx u dawk ta’ impjieg għoli li jaqbeż l-10 punti perċentwali. Globalment, il-mira ta’ rata ta’ impjieg ta’ 70% ntlaħqet biss f’żewġ reġjuni fl-għan ta’ Konverġenza, f’Cornwall fir-Renju Unit u f’Centro fil-Portugall.

    Fir-reġjuni ta’ l-RCE, ir-rata medja ta’ impjieg hija ogħla, 66.7%, iżda hawnhekk ukoll ir-rati ta’ impjieg ivarjaw b’10 punti perċentwali jew iżjed bejn reġjuni b’impjieg għoli u dawk b’impjieg baxx. L-għan tar-rata ta’ impjieg ta’ 70% jintlaħaq f’49 reġjuni ta’ l-RCE.

    Mill-pubblikazzjoni tat-Tielet rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni[4], kien hemm biss tibdil żgħir fil-miżuri tat-taqsiriet tal-livelli ta’ diskrepanza reġjonali. Din mhijiex sorpriża billi l-indikaturi makroekonomiċi ewlenin rari jinbidlu b’mod drastiku f’perjodu ta’ żmien daqshekk qasir. L-użu taċ-ċifri għall-UE27 (meta mqabbel ma’ dawk ta’ l-UE25, li ntużaw fit-Tielet rapport ta’ progress) juri li fl-2002 l-10% tal-popolazzjoni ta’ l-UE27 li tgħix fir-reġjuni l-aktar prosperi tkopri aktar minn 19% tal-PGD totali għall-UE27, meta mqabbla ma' biss 1.5% għall-10% tal-popolazzjoni li qed tgħix fir-reġjuni l-inqas għonja. Jekk il-PGD fil-PPS huwa kkonsidrat – l-10% l-aktar għonja jkopru biss ftit 'il fuq minn 15% tal-PGD f’dawn it-termini filwaqt li s-sehem għal dawk l-10% li huma l-inqas għonja jaqbeż it-3%. F’dawn it-termini ta’ PPS, il-proporzjon bejn l-ewwel 10% u l-aħħar 10% f’termini tal-PGD huwa ta’ 5:1. L-aġġustament tal-PPS huwa importanti. Meta mhux aġġustat għall-prezzijiet relattivi, il-proporzjoni (f’euros) huwa ta’ 12.5:1.

    1.3.3. Is-sehem tar-Riċerka u l-Iżvilupp u ta’ l-ICT fit-tkabbir ekonomiku sostenibbli

    L-element ta r-Riċerka u l-Iżvilupp huwa wieħed mill-fatturi ewlenin fid-determinazzjoni tal-kapaċità innovattiva ta’ reġjun. Filwaqt li mhux kull reġjun jista’ jkollu kapaċità ewlenija ta’ Riċerka u Żvilupp, il-konċentrazzjoni ta’ livelli għolja tan-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp f’numru limitat mhux ħażin ta’ reġjuni ta’ l-UE jqajjem tħassib. L-estimi tan-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp skond ir-reġjun[5] jissuġġerixxu li 35 reġjun għandhom intensitajiet ta' Riċerka u Żvilupp li jaqbeż il-mira ta’ Liżbona għal medja ma' l-UE kollha ta’ 3% tal-PGD. Dawn il-35 reġjun ikopru 46% tan-nefqa totali tar-Riċerka u l-Iżvilupp fil-UE27 – li huwa darbtejn daqs sehemhom fil-PGD. Fil-pajjiżi bl-ogħla rata ta’ nfiqfir-Riċerka u l-Iżvilupp, in-nefqa hija ta’ 7% tal-PGD fi Braunshweig (DE), u din taqbeż l-4% fi 12-il reġjun ieħor.

    Il-konċentrazzjoni ta’ l-attività f’dan il-qasam tfisser inevitabbilment li f’ħafna reġjuni, ma hemm prattikament l-ebda nefqa fir-Riċerka u l-Iżvilupp – f’ 47 reġjun in-nefqa fir-Riċerka u l-Iżvilupp hija anqas minn 5% tal-PGD. B’mod kollettiv, dawn is-47 reġjuni jkopru madwar 0.5% min-nefqa totali tar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-UE27 (is-sehem tagħhom mill-PGD huwa ta’ 3.5%).

    L- aċċess għall-ICT huwa wkoll rikonoxxut bħala mutur importanti għall-iżvilupp ta’ l-ekonomija ta’ l-għarfien. Madwar l-UE b’ mod ġenerali, kważi nofs l-individwi privati kollha kellhom aċċess għall-internet fl-2005 (ċifra li mistennija tiżdied). Tqabbil taċ-ċifri juri li jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, li għandhom rati ta’ penetrazzjoni li jaqbżu s-70% fl-Olanda, fid-Danimarka u fl-Iżvezja, filwaqt li jilħqu madwar l-20% fil-Litwanja, fir-Repubblika Ċeka, fl-Ungerija, fis-Slovakkja, u fil-Greċja. Ir-rati ta’ penetrazzjoni huma wkoll ġeneralment ħafna iżjed baxxi fost l-Istati Membri l-ġodda bl-eċċezzjoni notevoli tas-Slovenja (48%) u l-Latvja (42%).

    Fir-reġjuni attwalment taħt l-Għan 1, madwar terz biss ta’ l-individwi privati għandhom aċċess għall-internet. Għal dawn ir-reġjuni, l-aċċess għall-internet huwa aktar baxx meta mqabbel ma’ reġjuni oħra fl-istess Stat Membru; id-distakk huwa partikolarment evidenti fi Spanja, fil-Belġu u fl-Italja. Madankollu, id-differenzi huma aktar sinifikanti bejn l-Istati Membri milli fi ħdanhom – fir-reġjuni taħt l-Għan 1 fl-Iżvezja, ir-Renju Unit jew il-Ġermanja l-aċċess għall-internet huwa akbar milli għall-individwi privati fl-UE b 'mod ġenerali, u ogħla sew mill-aċċess pereżempju fir-reġjuni li ma jaqgħux taħt l-Għan 1 fl-Italja,. Għalhekk, jissokta jippersisti distakk territorjali fil- broadband fl-użu ta’ l-internet, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kopertura tal- broadband , hemm disponibilità ta’ 90% fid-djar urbani fl-UE15 meta mqabbla ma’ 60% tal-popolazzjoni rurali.

    2. ŻVILUPPI TA’ DAN L-AħħAR FIL-POLITIKA TA’ KOEżJONI TA’ L-UE

    2.1. L-eżekuzzjoni tal-baġit ta’ l-2005 – livelli rekord ta’ impenji

    Fl-2005, ġew allokati € 27.1 biljun taħt l-ERDF, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-fond ta’ qabel l-adeżjoni magħmula għall-pajjiżi kandidati (ISPA), b’impenji li jilħqu t-total ta’ €11.2 biljun għall-ESF, l-ogħla ċifra li qatt ġiet allokata f’sena waħda taħt il-politika ta' koeżjoni. B’kollox fl-2005, € 16.9 biljun tħallsu taħt l-ERDF u € 3 biljun taħt il-Fond ta' Koeżjoni u l-ISPA bejniethom. Għall-ESF, il-ħlasijiet laħqu ammont addizzjonali ta’ €11.2 biljun.

    Għall-erba’ Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-ISPA mgħadda flimkien, il-ħlasijiet magħmula fl-2005 laħqu total ta’ aktar minn € 33 biljun. F’termini ta’ eżekuzzjoni, għall-perjodu inizjali ta’ pprogrammar wara l-adeżjoni, l-Istati Membri l-ġodda kienu f'qagħda li hija ġeneralment simili għal dik li qed jiffaċċaw l-Istati Membri l-antiki fil-fażi ta' bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni 2000 - 2006.

    2.2. Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni 2007-2013

    Bħala l-ewwel pass fit-tnedija tat-taħdita dwar il-prijoritajiet għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi dwar il-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni ppubblikat fis-6 ta’ Lulju 2005 abbozz ta’ programm intitolat “Il-Politika ta’ Koeżjoni bħala Appoġġ għat-Tkabbir ekonomiku u l-Impjieg: Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013”[6].

    L-abbozz tal-Linji ta’ Gwida jistipulaw il-qafas għall-programmi l-ġodda li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond Soċjali Ewropew (ESF), u l-Fond ta' Koeżjoni. It-test prinċipali għall-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni fil-ġejjieni se jkun il-kontribut tagħhom għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi f’konformità ma’ l-aġenda mġedda ta’ Liżbona. L-abbozz tal-linji ta’ Gwida jirrifletti r-rwol tal-politika ta’ koeżjoni bħala l-istrument prinċipali f’livell ta’ l-UE fir-realizzazzjoni ta’ l-ambizzjoni ta’ l-UE biex issir a) post aktar attraenti fejn wieħed jista' jinvesti u jaħdem; b) żona ta’ tkabbir ekonomiku għoli, kompetittività u innovazzjoni; c) post ta’ impjieg sħiħ u produttività ogħla b’żieda u titjib fl-impjiegi.

    Wara l-adozzjoni ta’ l-abbozz tal-Linji ta’ Gwida, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika f’Lulju 2005 biex tiġbor il-fehmiet dwar il-prijoritajiet għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi ta’ politika ta’ koeżjoni. Ir-riżultati ta’ l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni għandu jgħin biex jifforma l-verżjoni finali tal-Linji ta’ Gwida li għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill wara l-adozzjoni tar-regolamenti l-ġodda fl-2006 u fid-dawl ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, kif ukoll ta' dawk tal-Kumitat tar-Regjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

    2.3. “Il-Politika ta’ Koeżjoni u l-ibliet: il-kontribut urban għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fir-reġjuni”

    Bħala żieda kumplimentari mal-Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunità għall-Koeżjoni, 2007-2013, il-Kummissjoni se tressaq Komunikazzjoni fl-2006 fil-qasam ewlieni tal-kontribut taż-żoni urbani għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi fir-reġjuni. Dan id-dokument għandu jservi ta' referenza għall-Istati Membri u għar-reġjuni fit-tfassil ta' l-Oqfsa ta' Referenza Strateġika Nazzjonali għall-politika ta' koeżjoni u għall-programmi operattivi li jirriżultaw. Ġie ppubblikat dokument ta’ ħidma ta’ l-impjegati tal-Kummissjoni dwar il-kontribut taż-żoni urbani lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi, fit-23 ta’ Novembru 2005 (ara l-Tabella 4 fl-anness).

    Filwaqt li huwa rrikonoxxut li qed isiru ħafna kompetenzi fil-livell nazzjonali jew reġjonali, hemm ħafna li l-ibliet jistgħu jagħmlu, b’mod partikolari meta l-kapaċità tagħhom għall-azzjoni hija msaħħa mill-programmi Ewropej. Il-linji ta’ gwida għad-diversi oqsma ta' prijorità li fuqhom l-ibliet jistgħu jieħdu azzjoni jinkludu t-titjib fl-attrazzjoni, jew 'id-disponibbiltà fl-investiment', il-promozzjoni ta’ l-intraprenditorija, l-impjegabbiltà u t-tkabbir ekonomiku ta’ l-ekonomija ta’ l-għarfien; l-iżvilupp komunitarju u t-tnaqqis fid-diskrepanzi bejn l-inħawi residenzjali u l-gruppi soċjali, it-titjib fis-sigurtà lokali u l-prevenzjoni tal-kriminalità. L-ibliet jikkonċentraw mhux biss l-opportunitajiet iżda wkoll l-isfidi u jeħtieġ li jitqiesu l-problemi speċifiċi li -żoni urbani jaffaċċjaw. L-iżvilupp ta' sħubija effettiva hija wkoll essenzjali, bil-wasla ta’ atturi fil-livelli kollha biex jindirizzaw dawn l-isfidi.

    2.4. Il-politika ta’ Koeżjoni fil-qalba ta’ l-Istrateġija ta’ Tkabbir ekonomiku u ta’ l-Impjiegi

    Permezz tat-tnedija mill-ġdid ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, il-politika ta’ koeżjoni ġiet rikonoxxuta bħala l-istrument ewlieni f’livell Komunitarju li jikkontribwixxi għall-l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi – mhux biss għax tirrappreżenta terz mill-baġit Komunitarju, izda wkoll għax l-istrateġiji mfassla f’livelli lokali u reġjonali jkunu jridu jiffurmaw ukoll parti integrali mill-isforz fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi. Ir-rwol ta’ l-SMEs, il-ħtieġa li jintlaħqu domandi lokali tas-sengħa, l-importanza tar-raggruppamenti, il-ħtieġa ta’ ċentri lokali ta’ innovazzjoni huma tali li f’ħafna mill-każijiet l-istrateġiji jridu wkoll jinbnew minn isfel, f’livelli reġjonali u lokali. Barra minn hekk, dan ma japplikax biss għall-aġenda ekonomika izda wkoll għall-isforz usa’ biex jinvolvi ċ-ċittadini li, permezz tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ ggvernar f’ħafna livelli li taħthom titmexxa l-politika ta’ koeżjoni, għandhom l-opportunità li jkunu involuti direttament fl-istrateġija tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi ta’ l-Unjoni.

    Din l-istrateġija hija msejsa kemm fil-prijoritajiet imniżżla fl-abbozz tal-Linji ta' Gwida Strateġiċi tal-Komunità, 2007-2013, kif ukoll fil-proposta li għandhom jiġu stabbiliti l-miri tan-nefqa kwantitattiva għall-ġenerazzjoni li ġejja ta’ programmi tal-politika ta’ koeżjoni sabiex perċentwal partikolari mill-fondi jintuza għal għanijiet marbuta b’mod ċar ma’ l-Istrateġija tat-Tkabbir ekonomiku u ta’ l-Impjiegi (“assenjazzjoni”).Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005, il-15-il Stat Membru qabel it-tkabbir ekonomiku ta' l-aħħar għandhom iwittu t-triq billi jadottaw miri ta’ assenjazzjoni ambizzjużi (għall-għanijiet ta’ Konverġenza u ta’ Kompetittività Reġjonali u ta’ Impjieg il-miri għandhom ikunu daqs 60% u 75% tan-nefqa totali, rispettivament).L-Istati Membri l-ġodda għandhom il-possibilità li jadottaw miri ta’ assenjazzjoni fuq bażi volontarjuL-abbozz tar-regolamenti jeħtieġ li jirrapporta dwar il-kisbiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-miri ta' assenjazzjoni.

    Bħala parti miċ-ċiklu l-ġdid ta’ ggvernar ta’ l-Istrateġija tat-Tkabbir ekonomiku u ta’ l-Impjiegi, l-Istati Membri ressqu l-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali fil-ħarifa 2005 segwiti mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn l-istrateġiji nazzjonali fil-forma tar-Rapport Annwali tal-Progress adottat f’Jannar 2006[7].

    Ir-Rapport Annwali tal-Progress (RAP) għamel bosta rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-politika ta' koeżjoni. L-ewwel, irrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li n-nefqa Komunitarja għall-koeżjoni u għall-iżvilupp rurali tkun immirata lejn l-appoġġ għall-Istrateġija ta’ Liżbona in ġenerali. Fi kliem ieħor, il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għandhom jagħtu appoġġ dirett lill-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali. B’mod partikolari, l-RAP irrakkomanda li fil-kuntest tal-programmi l-ġodda ta’ politika ta’ koeżjoni, l-Istati Membri l-ġodda jitħeġġu biex jassenjaw ir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni għal miżuri li jsegwu l-għanijiet ta’ Liżbona, kif kien diġà miftiehem għall-UE-15 mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005.

    It-tieni, l-RAP saħħaħ il-ħtieġa għal sforzi akbar għall-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni bejn dawk responsabbli għall-programmi ta’ riforma nazzjonali u dawk li qed iħejju għall-programmi ta’ politika ta' koeżjoni, għall-perjodu 2007 - 2013. Dawn ir-rabtiet ikunu jeħtieġu li jiġu stabbiliti malajr hekk kif it-tħejjija ta’ dawn il-programmi tintensifika, bil-bidu ta’ l-adozzjoni ta’ l-Oqfsa ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali. It-tielet, ir-Rapport Annwali ta’ Progress saħaq li l-Istati Membri għandhom iqisu l-impatt makro-ekonomiku tat-trasferimenti mir-riżorsi ta’ politika ta’ koeżjoni. Fl-aħħar, l-RAP irrakkomanda li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi ta' politika ta' koeżjoni jirriflettu l-prijoritajiet imniżżla fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali u l-4 azzjonijiet ta' prijorità[8]. Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 kkonferma ħafna mir-rakkomandazzjonijiet ta' l-RAP u kkonkluda li l-Istati Membri għandhom iqisu l-prijoritajiet fil-Programmi ta’ Reforma Nazzjonali tagħhom meta jfasslu l-Oqfsa ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali.

    2.5. Riżorsi sinteżi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2005

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2005 u l-adozzjoni tal-ftehim Inter-istituzzjonali fis-17 ta’ Mejju 2006 jwittu t-triq għall-PE u għall-Kunsill sabiex jilħqu ftehim dwar il-qafas finanzjarju għall-baġit Komunitarju 2007-2013, pass ewlieni lejn it-tħejjija tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi ta' politika ta' koeżjoni. B’rizultat ta' dan, il-baġit tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 għandu jammonta għall-EUR 308 biljun ekwivalenti għal 0.37% tal-GNI ta' l-UE27. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ madwar 10% meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, b’kontribut l-aktar għoli mill-għan ta’ kooperazzjoni tat-territorju Ewropew u mill-għan tal-Kompetittività Reġjonali u ta’ l-Impjieg (eskluż ir-reġim tranżitorju “ta’ introduzzjoni"), bi tnaqqis ta’ madwar -50% and -20% rispettivament. Dan isejjaħ għal sforż akbar ta’ konċentrazzjoni li jiżgura l-uzu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi Komunitarji.

    L-Istati Membri l-ġodda għandhom jirċievu 51.3% mit-total tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni Fil-medji annwali, dan jikkorrispondi, f’termini assoluti, għal żieda ta’ madwar 165% tar-riżorsi finanzjarji disponibbli meta mqabbla mal-perjodu 2004-2006 (sena b’ sena). F’termini ta’ trasferiment massimu għall-baġits nazzjonali (illimitati), it-trasferimenti medji għall-Istati Membri l-ġodda għandhom jirrappreżentaw madwar 3.5% tal-PGD tagħhom meta mqabbla ma’ 3.8% fil-proposta tal-Kummissjoni.

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f’Diċembru, ikkonfermati mill-ftehim politiku li ntlaħaq dwar il-proposti leġiżlattivi f’Mejju 2006, ikkontribwew ukoll għat-tħaffif tal-ħidma fuq it-testi regolatorji l-ġodda, b’mod partikolari billi ċċaraw il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar għadd ta’ kwistjonijiet bħalma huma l-eliġibbiltà ta’ VAT li ma tingħatax lura, infiq għad-djar, rati massimi ta’ kofinanzjament u l-bażi għall-kalkolu ta’ rati bħal dawn, kif ukoll l-applikazzjoni tar-regola awtomatika ta’ dikommissjoni (N+2). B'mod ġenerali, l-Istati Membri ppruvaw jiksbu flessibilità massima fl-allokazzjoni, l-amministrazzjoni, u l-kontroll tar-riżorsi Komunitarji. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda se jkollhom jiġu inkorporati filwaqt li tiġi evitata t-tidjijf tad-dixxiplina finanzjarja u l-konċentrazzjoni tematika, finanzjarja u ġeografika difiża mill-Kummissjoni.

    2.6. Innovazzjonijiet fil-programmi l-ġodda ta’ politika ta’ koeżjoni

    Matul is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni kienet qed tiżviluppa strumenti ġodda biex tgħin lill-Istati Membri u r-reġjuni biex itejbu l-kwalità tal-proġetti filwaqt li, fl-istess ħin, tgħin biex ir-riżorsi finanzjarji Komunitarji jaħdmu aktar permezz taż-żieda ta’ l-effett ta’ stimolu tal-politika ta’ koeżjoni. Għaldaqstant, ġew żviluppati inizjattivi speċifiċi għall-programmi l-ġodda biex jippromwovu l-inġinerija finanzjarja għal bidu ta’ operat u għall-mikro-intrapriżi, li jikkombinaw l-għajnuna teknika u l-għotjiet, ma’ strumenti li mhumiex għotjiet bħall-fondi, ekwitajiet, kapital ta’ riskju jew garanziji. Dawn l-azzjonijiet għandhom isiru permezz ta' kooperazzjoni imsaħħa kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u Istituzzjonijiet finanzjarji Internazzjonali oħra dwar l-inġinerija finanzjarja fuq il-bażi tal-Memoranda ta' Ftehim li ġew iffirmati fit-30 ta' Mejju 2006. Il-valur miżjud tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam jinkludi l-provvediment ta’ riżorsi addizzjonali ta’ self għall-formazzjoni tan-negozju u għall-iżvilupp fir-reġjuni ta’ l-UE; il-kontribut ta’ perizja finanzjarja u amministrattiva minn istituzzjonijiet speċjalizzati bħalma huwa l-Grupp EIB u Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali oħra, kif ukoll kontribut mis-settur finanzjarju in ġenerali; il-ħolqien ta' inċentivi qawwija għall-implimentazzjoni b'suċċess mill-benefiċjarji billi jingħaqdu l-għotjiet mas-self; u l-aċċertazzjoni ta’ sostenibilità fit-tul permezz tal-karattru rotanti tal-kontribut ta’ l-għotjiet lill-azzjonijiet ta’ inġinerija finanzjarja.

    2.6.1. JASPERS

    JASPERS, (“Joint Assistance in Supporting Projects in European Regions”), “Għajnuna Konġunta fl-Appoġġ għall-Proġetti fir-Reġjuni Ewropej”, hija sħubija ta’ għanjuna teknika ġdida bejn il-Kummissjoni, l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment ul-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. Għandha titpoġġa għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri biex tgħin fit-tħejjija ta' proġetti kbar li se jiġu appoġġjati mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-ERDF. Din tirrifletti l-esperjenza wiesgħa ta’ l-EIB u ta' l-EBRD fit-tħejjija għal proġetti kbar, notevolment fis-setturi tat-trasport u ta' l-ambjent. L-isforzi konġunti tat-tliet istituzzjonijiet huma maħsuba biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni b’ suċċess tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 billi jżidu sew ir-riżorsi disponibbli għat-tħejjija tal-proġetti.

    L-għan ewlieni ta’ JASPERS huwa li jgħin lill-Istati Membri fil-ħidma kumplessa ta’ tħejjija ta’ proġetti ta’ kwalità biex dawn ikunu jistgħu jiġu approvati aktar malajr mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-appoġġ mill-UE. Dan għandu jinkludi appoġġ għall-iżvilupp ta' proġetti msejsa fuq arranġamenti maturi pubbliċi-privati ta’ sħubija. JASPERS għandha tipprovdi għajnuna komprensiva fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-proġett mill-identifikazzjoni inizjali tal-proġett sad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tipprovdi l-għajnuna.

    2.6.2. JEREMIE

    Twaqqfet inizjattiva ġdida fi sħubija mal-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF), sabiex jitjieb l-aċċess għall-finanzi għall-iżvilupp kummerċjali. L-inizjattiva, Riżorsi Konġunti Ewropej għall-Intrapriżi Mikro sa Medji (“JEREMIE”), bdiet il-ħidma tagħha fl-2006 b’evalwazzjoni tad-distakki fil-forniment ta’ prodotti ta’ inġinerija finanzjarja fl-Istati Membri u fir-reġjuni (bħall-fondi għall-investiment ta’ riskju, self u garanziji).

    Din għandha tħejji t-triq għat-tieni fażi li fiha l-EIF jew l-istituzzjoni finanzjarja simili għandha tappoġġja l-awtoritajiet responsabbli għall-programmi ta' koeżjoni biex jitnaqqsu d-distakki identifikati. Dan l-appoġġ għandu jieħu l-forma ta’ amministrazzjoni esperta tar-riżorsi imwarrba fil-ġenb taħt il-programm għall-iżvilupp ta’ aċċess għall-finanzi, kif ukoll ta’ l-attrazzjoni u l-akkreditazzjoni ta’ intermedjarji finanzjarji li jkunu jistgħu jisilfu għall-iżvilupp kummerċjali. L-implimentazzjoni b'suċċess ta’ l-inizjattiva JEREMIE , madankollu, se tkun teħieġ l-appoġġ sħiħ u l-kooperazzjoni ta’ l-awtoritajiet fl-Istati Membri u fir-reġjuni.

    2.6.3. JESSICA

    Bdiet il-ħidma fuq il-JESSICA (Appoġġ Konġunt Ewropew għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni ta’ l-Ibliet) bħala qafas għall-kooperazzjoni mtejba bejn il-Kummissjoni u l-EIB, is-CEB (Il-Bank ta' l-Iżvilupp tal-Kunsill ta' l-Ewropa) u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali oħra (IFIs) fuq l-inġinerija finanzjarja għall-iżvilupp urban sostenibbli. L-għan tagħha hu li tipprovdi l-awtoritajiet b’soluzzjoni lesta għall-ħidma kumplessa ta’ l-iffinanzjar ta’ proġetti għat-tiġdid urban u għall-iżvilupp permezz ta’ l-użu ta’ fondi rotanti.

    Il-JESSICA qed tiġi stabbilita fi sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank ta' l-Iżvilupp tal-Kunsill ta’ l-Ewropa

    2.6.4. L-immodernizzar tas-servizzi pubbliċi

    L-abbozz tar-Regolament ESF għall-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni jinkludi prijorità speċifika ġdida taħt l-għan ta' Konverġenza li jimmira lejn it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-effiċjenza ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-servizzi pubbliċi f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-enfasi fuq din il-prijorità hija riflessa fil-Linji ta' Gwida Strateġiċi Komunitarji għall-Koeżjoni, 2007-2013 bħala linja ta’ gwida għall-azzjoni.

    L-għan ewlieni ta' din il-prijorità huwa li tiġi appoġġjata r-riforma ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-servizzi pubbliċi skond l-għanijiet ta’ l-Istrateġija Ewropea ta’ l-Impjiegi biex jittejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, u f’dan il-kuntest, tittejjeb l-effiċjenza u l-produttività fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.

    L-appoġġ ipprovdut taħt il-prijorità l-ġdida għandu jippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lis-servizzi pubbliċi li jsiru muturi qawwija ta' kompetittività, żvilupp u tkabbir ekonomiku ta' l-Istati Membri u r-reġjuni. L-implimentazzjoni tal-prijorità l-ġdida għandha trawwem ir-riforma komprensiva jew il-modernizzazzjoni ta’ l-amministrazzjonijiet pubbliċi rilevanti u s-servizzi publiċi, permezz ta' l-identifikazzjoni ta' dawk iż-żoni fejn l-intervenzjonijiet huma l-aktar meħtieġa u għandhom l-ogħla valur miżjud.

    2.7. Linji ta’ Gwida Strateġiċi għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond għas-Sajd Ewropew

    IL-Kunsill adotta r-regolament il-ġdid dwar l-iżvilupp rurali f’Settembru 2005[9]. Għall-2007-2013, il-politika ta’ żvilupp rurali ta’ l-UE se jkollha tliet għanijiet prinċipali: it-titjib tal-kompetittività ta’ l-agrikoltura u l-forestrija Ewropea permezz ta’ l-appoġġ fir-ristrutturar, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; it-titjib ta’ l-ambjent u tal-kampanja permezz ta’ l-appoġġ għall-immaniġġjar ta’ l-art; u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u l-inkoraġġiment tad-diversifikazzjoni ta’ l-attività ekonomika. Il-politika ta' l-UE għall-iżvilupp rurali mhijiex se tibqa parti mill-Fondi Strutturali iżda ż-żewġ politiki se jaħdmu flimkien biex jappoġġjaw id-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali. Il-politika l-ġdida għall-iżvilupp rurali se tiġi ffinanzjata minn fond wieħed, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) li, konformi mal-ftehim tal-Kunsill dwar il-Perspettivi Finanzjarji ta’ Diċembru 2005, se jkollu finanzjament totali ta’ € 69.75 biljun[10] għall-2007-2013.

    Il-Linji ta’ Gwida Strateġiċi Komunitarji għall-Iżvilupp Rurali ġew adottati fi Frar 2006 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Linji ta’ Gwida jidentifikaw iż-żoni importanti għar-realizzazzjoni tal-prijoritajiet ta’ l-UE, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-miri ta’ sostenibilità ta’ Göteborg u ma’ l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

    Il-politika ta’ koeżjoni diġà tikkontribwixxi għall-iżvilupp rurali permezz ta’ l-attivitajiet tagħha f’żoni rurali. Matul il-perjodu 2000-2006, 'il fuq minn €2 biljuni ta’ riżorsi ta’ l-ERDF ġew allokati lill-miżuri li għandhom x’jaqsmu speċifikament ma’ l-agrikoltura, l-forestrija u l-promozzjoni ta’ l-adattament u l-iżvilupp taż-żoni rurali. Din tiżdied flimkien mar-riżorsi responsabbli għal aspetti oħra ta' l-ambjent u l-investiment produttivi fl-infrastruttura bażika f’żoni rurali. Għall-perjodu 2007-2013, il-politika ta’ koeżjoni se tkompli tappoġġja d-diversifikazzjoni ta’ l-ekonomiji rurali permezz ta’ l-ERDF.

    Kwistjoni importanti kemm fil-Pjanijiet Strateġiċi Nazzjonali kif ukoll fil-programmi għall-iżvilupp rurali se tkun l-assigurazzjoni tal-komplementarjetà u s-sinerġija ma’ l-Oqfsa ta’ Referenza Strateġiċi Nazzjonali (NSRFs) u l-programmi tal-Fondi Strutturali biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet taż-żoni rurali fl-UE permezz tal-ħolqien ta’ l-impjiegi u d-diversifikazzjoni ta’ l-attivitajiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċjali lir-rwol taż-żoni rurali fl-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ Liżbona u biex jesploraw l-opportunitajiet biex jisfruttaw il-potenzjalitajiet lokali.

    Il-Kummissjoni adottat l-abbozz ta' regolament għall-Fond Ewropew għas-Sajd (EFF) f'Lulju 2004. Konformi mal-ftehim dwar il-Perspettivi Finanzjarji ta’ Diċembru 2005, il-baġit totali ta’ l-EEF se jkun ta’ € 3,849 miljun għall-2007-2013.

    IL-Linji ta’ Gwida Strateġiċi Komunitarji għall-EFF, li kienu ġew previsti fil-proposta inizjali, ġew inklużi fir-regolament ta’ l-EFF bħala prinċipji ta’ gwida. Dawn il-prinċipji ta’ gwida jqisu l-prijoritajiet ta’ l-UE, u b’mod partikolari l-Istrateġija ta’ Liżbona tat-Tkabbir Ekonomiku u ta' l-Impjiegi.

    [1] Bħala persentaġġ tal-popolazzjoni bejn l-età ta' 15-64.

    [2] Reġjuni fejn il-PGD għal kull persuna għandu mnejn seta’ kien inqas minn 75% tal-medja tal-UE15 (l-hekk imsejjaħ effett ta’ l-istatistika tat-tkabbir ekonomiku).

    [3] Reġjuni attwalment eliġibbli għall-Objettiv 1 li ma jissodisfawx il-kriterja għall-għan ta’ Konverġenza anke meta qed jitqies l-effett ta’ l-istatistika tat-tkabbir ekonomiku.

    [4] COM (2005) 192 tas-17.5.2005

    [5] Hemm xi diffikultajiet ta’ kejl f’din id- data , għalhekk għall-Iżvezja, il-Belġju u l-Irlanda intużat data ta’ livell nazzjonali, għar-Renju Unit data ta' l-1 livell tan-NUTS, filwaqt li għal Malta m'hemmx data .

    [6] COM (2005) 299 tal-5.7.2005

    [7] COM (2006) 30 tal-25.1.2006

    [8] 1) Aktar investiment fl-għarfien u fl-innovazzjoni; 2) Ftuħ tal-potenzjal għan-negozju, b’mod partikolari ta’ l-SMEs; 3) Indirizzar tal-globalizzazzjoni u l-anzjanità; u 4) Mixja lejn politika ta’ enerġija ta’ l-UE effiċjenti u integrata.

    [9] Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru.2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

    [10] Qabel il-modulazzjoni mill-ħlasijiet agrikoli diretti.

    Top