EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0211

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsillewropew - Aġenda taċ-ċittadin - Il-kiżba tar-riżultati għall-Ewropa

/* KUMM/2006/0211 finali */

52006DC0211

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsillewropew - Aġenda taċ-ċittadin - Il-kiżba tar-riżultati għall-Ewropa /* KUMM/2006/0211 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.5.2006

KUMM(2006) 211 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILLEWROPEW

AĠENDA TAĊ-ĊITTADIN IL-KIŻBA TAR-RIŻULTATI GĦALL-EWROPA

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILLEWROPEW

AĠENDA TAĊ-ĊITTADIN IL-KIŻBA TAR-RIŻULTATI GĦALL-EWROPA

DAĦLA

F’dinja globalizzata, qatt ma kien hemm żmien aktar mil-lum fejn kien hemm bżonn ta’ l-Unjoni Ewropea, iżda fl-istess ħin qatt ma kien hemm daqstant dubji dwarha. Dan hu l-paradoss li għandhom quddiemhom il-mexxejja kollha fl-Ewropa, sew fl-Istati Membri ta' l-UE kif ukoll fl-istituzzjonijiet tagħha.

L-iżvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea huwa storja straordinarja ta’ suċċess, li ħolqot paċi, ġid u stabbilità li qatt ma kien hawn bħalhom filwaqt li għaċ-ċittadini tagħha serviet ta’ protezzjoni kontra tibdil ġej minn barra. Il-prinċipji u l-valuri ta’ l-UE ma nbidlux – il-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, it-tolleranza, is-solidarjetà u l-kisba tal-progress permezz ta’ kooperazzjoni paċifika għandhom siwi llum daqs dakinhar meta kien ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma. Daqstant ieħor jista' jingħad għar-rwol ċentrali tar-rikkezza kulturali u d-diversità fl-identità Ewropa. Iżda fuq medda ta’ 50 sena, l-Ewropa, kif ukoll id-dinja, inbidlu. Jeħtieġ li l-UE tippromwovi u tisħaq fuq il-valuri tagħha fuq sfond ta’ diversità u tibdil dejjem jikbru. Il-laqgħa ta’ Hampton Court f’Ottubru li għadda wriet li hemm qbil politiku ġenerali dwar in-natura ta’ dawn l-isfidi u r-rwol essenzjali ta’ l-UE fit- twieġeb għalihom permezz tal-modernizzazzjoni u r-riforma. L-aġenda maqbula f'Hampton Court, inkluż l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien, hija ċentrali għall-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u ta’ l-impjiegi.

Matul 50 sena, l-aspettattivi taċ-ċittadini ta’ l-UE kibru. Dan huwa kemm għarfien tar-relevanza akbar ta’ l-UE kif ukoll sfida għall-mexxejja kollha ta' l-Ewropa. Iċ-ċittadini ta’ l-UE jridu li jifhmu aktar dak li tagħmel l-UE, u kif tagħmlu, kif ukoll iridu li jkollhom sehem fih. Iħossu li l-UE hi importanti, iżda mbiegħda.

L-għan tat-Trattat Kostituzzjonali huwa li jgħin biex din il-qasma tissewwa. Il-Kummissjoni qed tkompli tafferma l-prinċipji u l-valuri tagħha u t-titjib li tista’ ġġib fl-effettività, il-ftuħ u l-kontabilità ta’ l-UE. Ħmistax-il Stat Membru rratifikaw it-Trattat Kostituzzjonali u jista' jkun hemm oħrajn fix-xhur li ġejjin. L-elettorati ta’ żewġ Stati Membri ivvutaw kontra fir-referenda. Għad mhemmx qbil ġenerali dwar il-passi li jmiss.

Iżda ċ-ċittadini jridu UE li taħdem b’mod effiċjenti, issa. Id-dibattiti li saru skond il-Pjan D (għad-demokrazija, id-djalogu u d-dibattitu), juru li ċ-ċittadini Ewropej għandhom xewqa qawwija biex l-UE tieħu azzjoni f’ħafna oqsma: il-ħolqien ta’ l-impjiegi, il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli u s-solidarjetà,

Biex twieġeb għal dawn l-impenji, u minkejja li mhemmx qbil dwar it-Trattat Kostituzzjonali, l-UE ħadet għadd ta’ passi ’l quddiem li kienu sinifikanti: qbil dwar qafas finanzjarju ta’ seba’ snin, aġenda msaħħa għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi skond l-Istrateġija riveduta ta’ Liżbona, aġenda soċjali ġdida, Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, Pjan ta’ Azzjoni biex tissaħħaħ iż-żona ta’ l-UE tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, irduppjar ta’ l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp sa l-2010, kif ukoll qbil politiku dwar kwistjonijiet sensittivi bħal ma hi l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi u l-kimiċi, u ftehim dwar qafas ta’ politika ġdida għall-enerġija. L-UE issa trid iddawwar dawn il-kisbiet f’benefiċċji konkreti.

Iżda l-Unjoni trid li tmur aktar lilhinn, permezz ta’ aġenda misjuqa minn prinċipji ta’ politika li jindirizzaw l-aspettattivi taċ-ċittadini ta’ l-UE u li jsaħħu l-appoġġ tagħhom għall-proġett Ewropew. L-għeruq ta’ aġenda bħal dik iridu jkunu ġejjin mill-prijoritajiet stabbiliti tat-tkattir tal-ġid, tas-solidarjetà u s-sigurtà, u l-imbuttatura għal tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Dawn huma essenzjali biex tiġġedded il-fiduċja fl-Ewropa. Dan l-appoġġ jista’ wkoll ikun mobilizzat minn proġetti bħal ma huma Erasmus, Galileo, l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija jew faċilitajiet għal protezzjoni ċivili Ewropea. Iżda sew il-prinċipji politiċi kif ukoll il-proġetti jridu jitwaħħdu ma’ aġenda politika koerenti. Għalhekk irid ikollhom magħhom strateġija pass pass biex jiġu solvuti d-diffikultajiet ta’ bħalissa dwar it-Trattat Kostituzzjonali. L-għan ta’ din l-istrateġija fuq żewġ binarji hu biex, biż-żmien, jintlaħaq ftehim istituzzjonali li jsaħħaħ l-ambizzjoni politika ġenerali li jitfassal " projet de vie en commun ".

Aktar minn kull ħaġa oħra, din l-istrateġija teħtieġ rieda politika madwar l-Ewropa kollha, fl-Istati Membri u fir-reġjuni. Istituzzjonijiet effettivi huma meħtieġa biex l-UE tkun tista’ taħdem, u biex titlaħħam in-natura politika tal-proġett Ewropew. Iżda l-istituzzjonijiet ta' l-UE ma jistgħux jagħtu saħħa ġdida lill-Ewropa waħedhom. Lanqas ma għandhom jagħmlu dan, f’Ewropa li hi, u li għandha tkun, demokratika aktar milli sempliċement amministrattiva. Hu essenzjali li kulħadd iħoss li dak li qed iseħħ ikun tiegħu. Huwa għalhekk li l-ewwel pass istituzzjonali ’l quddiem jista’ jkun l-adozzjoni s-sena d-dieħla, 50 sena wara t-Trattat ta’ Ruma, ta’ dikjarazzjoni politika mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew li mhux biss tfisser il-valuri u l-ambizzjonijiet ta’ l-Ewropa, iżda wkoll ikollha inpenn maqsum bejn kulħadd biex dawn jinkisbu: “ obligation d’engagement ”. L-iskop u l-istil tad-dokument għandu jkun ispirat mid-Dikjarazzjoni ta’ Messina, li kienet sew tweġiba għal intopp istituzzjonali, kif ukoll prekursur ta' Trattat, f'dak il-każ it-Trattat ta’ Ruma.

L-AĠENDA TA’ POLITIKA: EWROPA LI ĠĠIB RIŻULTATI

Aġenda taċ-Ċittadini ġdida Ewropea għandha tikseb il-paċi, it-tkattir tal-ġid u s-solidarjetà f’kuntest ġdid, il-globalizzazzjoni. Għandha tipproduċi suq wieħed miftuħ u li jkun jiffunzjona għal kollox, u li jibdel l-erba’ libertajiet f’realtà b’mod effettiv; il-promozzjoni tas-solidarjetà, l-opportunità, l-aċċess u s-sostenibbiltà; u żieda fis-sigurtà. Hija aġenda għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha ta' l-Ewropa, li tibni fuq dak li nkiseb sa issa, u li ssegwi d-direzzjoni li hemm diġà, b’attenzjoni partikolari fuq it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ l-impjiegi.

Integrazzjoni ekonomika akbar: suq wieħed għas-seklu 21

L-ekonomija Ewropea għandha quddiemha sfidi ġodda u opportunitajiet fis-seklu 21. Is-suq wieħed, flimkien ma’ politika effettiva dwar il-kompetizzjoni, ġabu benefiċċji kbar ħafna għaċ-ċittadini Ewropej, b’mod li l-Ewropej jistgħu jserrħu moħħhom dwar l-għażla u l-opportunitajiet f’oqsma bħal ma huma t-telekommunikazzjonijiet u l-ivvjaġġar bl-ajru li xi darba kienu meqjusa bħala setturi magħluqa. Fetħet it-triq għall-ħolqien ta’ l-euro, li min-naħa tiegħu saħħaħ id-dinamiżmu tas-suq wieħed u saħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja u ekonomika, biex b’hekk l-UE issaħħet b’mod globali. Fl-aħħar, l-istrateġija riveduta ta’ Liżbona poġġiet il-pedamenti għall-immodernizzar ta’ l-ekonomiji tagħna biex jinħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi għaċ-ċittadini kollha.

Wasal iż-żmien li naraw fejn waslet l-integrazzjoni ekonomika, u b'mod partikolari s-suq wieħed, u biex inħarsu lejn il-futur, billi nindirizzaw il-mistoqsijiet li ġejjin.

- Kif nistgħu nibnu fuq dak li nkiseb diġà?

- Fejn għad fadal xi jsir? Is-Suq Wieħed għadu mhux lest, peress li tinħtieġ integrazzjoni aħjar tas-swieq ta’ l-enerġija u finanzjarji, u t-tneħħija ta’ ostakli għall-moviment ħieles tal-ħaddiema. Dawn huma kwistjonijiet li għandhom effetti diretti fuq iċ-ċittadini; per eżempju, dwar il-prezzijiet ta’ l-enerġija, l-ispejjeż għar- roaming għal min juża telefown ċellulari, l-ispejjeż tal-banek. F’oqsma oħra, il-konsumaturi għadhom 'il bogħod milli jiksbu l-benefiċċji sħaħ: per eżempju, għaliex hu daqshekk diffiċli għal Ewropew fi Stat Membru wieħed biex jikseb assikurazzjoni fi Stat ieħor? Kif se mmexxu ’l quddiem il-privattiv Komunitarju?

- Kif nistgħu nilqgħu għall-isfidi tal-futur? Il-politika ekonomika ta’ l-UE għandha tagħti spinta lill-integrazzjoni u l-konverġenza ta’ l-ekonomiji Ewropej. Jeħtieġ li l-UE tkompli fuq l-aġenda ta’ Liżbona; tippromwovi t-tlestija u t-tħaddim bla xkiel ta’ l-Għaqda Ekonomika u Monetarja u t-tlestija tas-Suq Wieħed; il-politika ekonomika ta’ l-UE tqis b’mod sħiħ il-pressjonijiet esterni, per eżempju fuq il-kompetittività, kif ukoll l-opportunitajiet li toffri l-globalizzazzjoni f’dak li hu investiment u opportunitajiet għall-esportazzjoni. Il-bini ta’ suq wieħed iridi ikun proċess dinamiku, mhux kisba ta’ darba. Suq wieħed qawwi, miftuħ u kompetittiv jista’ jkun parti kbira mit-tweġiba ta’ l-Ewropa għall-isfida tal-globalizzazzjoni.

- Għandna l-aktar mekkaniżmi effikaċi biex niksbu s-suq wieħed? Il-mezzi biex tingħata spinta lill-integrazzjoni ekonomika evolvew matul dawn l-aħħar għoxrin sena, u hemm metodi ġodda ta’ kif tkun stimulata l-imprenditorjalità u l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni hija lesta li taħdem fi spirtu mġedded ta’ tisħib ma’ l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet tagħhom, inkluż permezz ta’ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, biex is-sistema tkun tista’ tiffunzjona u biex jingħataw għajnuna li jieħdu l-affarijiet u r-responsabbiltajiet f’idejhom.

Il-Kummissjoni tintrabat biex tneħħi l-fruntieri li fadal għas-suq wieħed, biex iċ-ċittadini Ewropej u l-imprendituri jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji sħaħ ta’ l-UE. Għal dak il-għan qed tipproponi li tniedi reviżjoni fundamentali tas-suq wieħed biex tara x’irid isir aktar u kif Se tippreżenta rapport – is-suq wieħed fis-seklu 21 – lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla, li jkun jinkludi proposti konkreti għal azzjoni futura. Il-Kummissjoni se taħdem bil-ħeġġa bl-istrateġija ta’ Liżbona, kif ukoll it-tlestija u t-tħaddim bla xkiel ta’ l-Għaqda Ekonomika u Monetarja.

Opportunità, aċċess u solidarjetà

Il-mixja lejn integrazzjoni aktar profonda u aktar wiesgħa għandha ssir id f’id ma’ aktar appoġġ għal wieħed mill-valuri Ewropej l-aktar fundamentali u li l-aktar jgħaqqad: is-solidarjetà.

Biex ikunu sostnuti l-kura tas-saħħa minn fondi pubbliċi, il-ħarsien soċjali u l-pensjonijiet, fuq sfond ta’ tibdil demografiku, u biex iċ-ċittadini ta' l-UE jkunu jistgħu jadattaw għat-tibdil, il-politika trid tadatta għal dinja ġdida tax-xogħol. L-Ewropej qed jgħixu aktar, għandhom quddiemhom tibdil li qatt ma raw bħalu fil-forom tradizzjonali tal-familja, tjiebet l-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi, qed jadattaw għal forom ġodda ta’ migrazzjoni u diversità, u għadhom qed jesperjenzaw il-faqar li jibqa’ mifrux fost gruppi żvantaġġjati. Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tanalizza t-tibdiliet radikali li għaddejjin fis-soċjetajiet tagħna u li tappoġġja tweġibiet sostenibbli f’kull livell biex tqabbel il-ħidma tagħha ma’ l-isfidi ta’ riforma li hemm quddiem l-ekonomija Ewropea.

Il-promozzjoni ta’ drittijiet u garanziji fuq il-post tax-xogħol trid issir b’mod li jinħolqu l-impjiegi. Huwa għalhekk essenzjali li l-Istati Membri jagħmlu enfażi fuq il politika attiva tas-suq tax-xogħol biex jiġi miġġieled il-qagħad fl-Ewropa, u speċjalment il-qagħad fost iż-żgħażagħ, li għadu fuq livelli għolja mhux aċċettabbli f’ħafna Stati Membri. Kif qal il-Kunsill Ewropew meta kien qed ifassal l-istrateġija ta’ Liżbona, “l-aħjar ħarsien kontra l-esklużjoni soċjali huwa mpjieg”.

Il-politika u l-programmi ta’ solidarjetà Ewropea għandhom jippromwovu kwalità aħjar ta’ ħajja, koeżjoni soċjali, u jkattru l-opportunitajiet għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, billi jaħdmu ma’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u oħrajn fuq il-post, kif ukoll ma’ l-imsieħba soċjali, billi jippromwovu d-djalogu soċjali u jimpenjaw lis-soċjetà ċivili. Dan ifisser li l-aspetti politiċi tagħna b’riżq is-solidarjetà għandhom ikunu mqabbla b’mezzi aktar effiċjenti biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-impjiegi, għall-edukazzjoni, għas-servizzi soċjali, għall-kura tas-saħħa u forom oħra ta’ protezzjoni soċjali madwar l-Ewropa.

Għandha tintwera solidarjetà ma’ ġenerazzjonijiet futuri, permezz ta’ tweġiba effettiva mill-UE mhux biss għat-tibdil demografiku, iżda wkoll għat-tibdil ambjentali. L-Unjoni għandha tkompli tieħu rwol fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u kontra t-telf fil-biodiversità permezz ta’ passi biex jiġu implimentati l-impenji ta' Kyoto b'mod li jkun effettiv fejn jidħlu spejjeż, b’azzjoni globali dwar aktar tnaqqis fl-emissjonijiet fil-perjodu ta’ wara l-2012, u pjan ta’ azzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-biodiversità ta’ l-2010.

Il-Kummissjoni se tniedi analiżi komprensiva tar-realtà tas-soċjetà Ewropea u tniedi aġenda għall-aċċess u s-solidarjetà, dimensjoni soċjali b’mod parallel u b’koordinazzjoni mill-qrib mar-reviżjoni tas-suq wieħed, is-sena d-dieħla. Hija se tesplora l-possibbiltà li tiġi żviluppata karta li "tintitola" li biha kull ċittadin Ewropew ikun jaf bi, u jkun jista’ jgawdi, aċċess sħiħ għad-drittijiet li għandu bħalissa. Se tkompli tmexxi ’l quddiem l-aġenda tagħha ta’ żvilupp sostenibbli .

Il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja

L-UE għandha tagħti liċ-ċittadini Ewropej il-fiduċja li jeżistu miżuri biex l-Ewropa tkun post tajjeb u bla perikli fejn wieħed jista’ jgħix, fejn is-sigurtà hija garantita flimkien mal-libertà u l-eżerċizzju tal-libertajiet individwali li huma għall-qalb l-Ewropej.

L-UE għandha taġixxi lilhinn minn hekk. Pereżempju, tinħtieġ

- tiffoka fuq ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-persuni kollha u biex tiżviluppa l-kunċett ta’ ċittadinanza ta’ l-UE.

- politika aktar b’saħħitha kontra t-terroriżmu, billi tkabbar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġijiet u l-awtoritajiet ġudizzjarji billi tneħħi x-xkiel għall-aċċess u għall-iskambju ta’ l-informazzjoni, filwaqt li tħares bis-sħiħ il-privatezza u l-protezzjoni tad- data.

- protezzjoni aħjar fil-fruntieri esterni b’integrazzjoni akbar tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, inkluż, biż-żmien, korp ta’ gwardji tal-fruntieri li jkunu joperaw taħt regoli u proċeduri Ewropej.

- sistema komuni Ewropeja ta' ażil aktar effikaċi sa l-2010 b’armonizzazzjoni akbar ta’ kriterji u proċeduri.

- politika ta’ migrazzjoni komuni aktar koordinata, li tagħraf il-benefiċċji li l-immigranti jkunu integrati aħjar filwaqt li jiġu miġġielda l-immigrazzjoni illegali u l-gruppi kriminali li jittraffikaw il-persuni.

- aktar kooperazzjoni bejn il-korpi tal-pulizija, u aktar kooperazzjoni ġudizzjarja , ibbażata fuq għarfien reċiproku u biex is-sentenzi li jingħataw f’pajjiż ikunu infurzabbli madwar l-UE kollha għal dawk li jiċċaqilqu, jgħixu u jaħdmu madwar l-UE.

- li jsir użu sħiħ tal-mekkaniżmi li hemm bħalissa biex jintlaqa' theddid għas-sigurtà taċ-ċittadini f’firxa wiesgħa ta’ oqsma fosthom l-ikel, is-saħħa u l-bioterroriżmu.

- aktar kooperazzjoni dwar affarijiet konsulari biex jitħarsu aħjar iċ-ċittadini ta’ l-UE f’pajjizi terzi.

L-azzjoni u l-kontabilità f’ċerti oqsma ta’ tiswir ta’ politika huma mxekkla bl-arranġamenti li hemm bħalissa dwar kif isiru d-deċiżjonjiiet, li twassal għal imblokk u nuqqas ta’ skrutinju demokratiku xieraq. Id-dispożizzjonijiet fit-Trattat li hemm bħalissa (l-artikoli 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u 67(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea) jippermettu li jsir tibdil f’dawn l-arranġamenti, li jtejjbu l-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-Kunsill u jippermettu li jkun hemm skrutinju demokratiku mill-Parlament Ewropew; u t-titjib tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva biex ittejjeb il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u l-kontabilità f’oqsma bħal ma huma l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizjarja kif ukoll il-migrazzjoni legali, billi tuża l-possibbilitajiet li hemm fit-Trattat ta’ bħalissa.

It-tkabbir

Tkabbir wara l-ieħor ta’ l-UE għamluha dak li hi llum – forza qawwija biex tinġieb 'il quddiem il-firxa tal-paċi, tad-demokrazija u l-prosperità u biex l-interessi, il-valuri u l-influwenza ta’ l-Ewropa jitwasslu madwar id-dinja. Huwa permezz tat-tkabbir li l-Unjoni Ewropea saħħet it-trasformazzjoni ta' ex-dittatorjati, għall-benefiċċju ta’ l-istati membri kollha. F’kull tkabbir, kien hemm id-dubji: iżda kull darba l-Unjoni wriet li għandha l-ħila istituzzjonali, finanzjarja u politika biex tintegra membri ġodda.

L-aktar tkabbir riċenti fl-2004 kellu l-ewwel u qabel kollox id-dimensjoni storika politika u strateġika ta’ l-unifikazzjoni mill-ġdid ta’ l-Ewropa. Iżda kien ukoll suċċess ekonomiku, li xpruna d-dinamiżmu fl-ekonomija Ewropea, qawwa t-tkattir ekonomiku u l-ħolqien ta’ l-impjiegi permezz ta’ akbar investiment u kummerċ [1].

Madankollu, fil-waqt li l-maġġoranza tkompli tilqa’ t-tkabbir, xi ċittadini għandhom dubji dwar il-pass u l-firxa tiegħu. L-Unjoni jkollha tonora l-impenji li għandha bħalissa. Fl-istess ħin, hemm il-ħtieġa ta’ dibattitu raġunat dwar it-tkabbir fil-futur u xi jkun ifisser għall-Unjoni kollha kemm hi.

Il-kwistjoni ta’ kif l-UE tista’ tadatta meta ddaħħal membri ġodda filwaqt li tkompli tikseb l-għanijiet ewlenin tagħha mhix xi ħaġa ġdida: il-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen ta’ l-1993 diġà kien tkellem dwar il-kapaċità li tassorbi, u “Agenda 2000” ipproponiet pakkett ta’ riformi istituzzjonali, ta’ politika, u finanzjarji li fetaħ it-triq għall-adeżjonijiet b’suċċess f’Mejju 2004.

L-UE wriet li tista’ tassorbi membri ġodda u tibqa’ effikaċi. Biex turi li dan tista’ terġa’ tagħmlu, trid tara li t-tkabbir ikompli jgħin fil-kisba tal-proġett komuni Ewropew.

Il-Kummissjoni se tniedi dibattitu dwar il-valur miżjud tat-tkabbir u l-kapaċità ta’ l-Unjoni biex tassorbi membri ġodda. Il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar l-istrateġija tat-tkabbir ta’ l-UE aktar tard din is-sena, qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru.

L-UE fid-dinja

Illum aktar minn qatt qabel qed tinħass il-ħtieġa li fuq il-palk dinji jkun hemm il-preżenza ta’ Ewropa li tkun effikaċi. L-interdipendenza globali qed tagħti opportunitajiet ġodda biex il-valuri u l-interessi Ewropej ikunu proġettati, u saħħet l-appoġġ ta’ l-Ewropej għal azzjoni esterna komuni.

In-nuqqas ta’ arranġament istituzzjonali m’għandux iwaqqaf l-iżvilupp tar-rwol globali ta’ l-UE. Jeħtieġ li niksbu dak kollu li nistgħu mill-kapaċitajiet sostanzjali tagħna, pereżempju fid-difiża, billi nimmobilizzaw ir-riżorsi operattivi, ir-riċerka u l-metodu ta’ kif jintlaqgħu l-offerti pubbliċi. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġja l-isforzi ta’ l-istati membri f'din id-direzzjoni.

Biex l-Ewropa tkun akbar mill-partijiet tagħha magħduda flimkien bħala attur globali, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet għandhom jaħdmu flimkien biex jiksbu riżultati fl-oqsma li ġejjin:

- Konċentrazzjoni u impatt. Mat-tkattir ta’ l-ħidmiet esterni u l-imsieħba ta’ l-UE, hemm bżonn li l-Unjoni jkollha prijoritajiet ċari u xxandar messaġġ ċar dwar dak li tkun qed tipprova takkwista. Għandha tingħata prijorità akbar lill-iżvilupp tal-Politika Ewropea ta’ Viċinat bħala mezz ta’ kif ikunu promossi l-istabbiltà u t-tkattir tal-ġid fil-pajjiżi ta’ madwar l-UE.

- Koerenza. L-UE għandha firxa unika ta’ strumenti għall-politika esterna li jmorru ferm lilhinn mill-"politika barranija" tradizzjonali, fosthom il-kummerċ, il-kooperazzjoni għal-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u d-djalogu politiku. Barra minn dan, l-għanijiet tagħna f’oqsma bħal ma huma l-ambjent, it-trasport, l-enerġija, il-migrazzjoni u s-sigrutà jistgħu jintlaħqu b’mod sħiħ biss billi ssir ħidma lilhinn mill-fruntieri ta’ l-Ewropa. Il-koerenza bejn il-politika interna u esterna hija essenzjali. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tipproponi strateġija ġdida dwar il-kompetittività esterna , billi tħares lejn kwistjonijiet bħal ma huma aċċess imtejjeb għal swieq ta’ barra, prijoritajiet ġodda fir-relazzjonijiet kummerċjali, il-promozzjoni ta' opportunitajiet ta' investiment u l-ħarsien tal-proprjetà intellettwali. F’dan il-kuntest, l-Unjoni għandha tkompli tippromwovi livelli għolja ta’ kompetizzjoni, soċjali u ambjentali madwar id-dinja kollha.

- Koordinazzjoni L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, u l-istituzzjonijiet infushom, iridu jaħdmu flimkien biex ikun hemm azzjoni esterna aktar effikaċi u effiċjenti. Il-politika esterna bil-fors irid ikollha s-sehem ta’ ħafna atturi. Għandhom jiffokaw fuq dak li jkunu qed jippruvaw jiksbu flimkien aktar milli fuq min jagħmel xiex; pereżempju meta jkunu qed iwasslu għajnuna u protezzjoni ċivili effikaċi bi tweġiba għal kriżijiet esterni.

Wara d-diskussjoni dwar ir-rwol ta’ l-Ewropa fid-dinja fil-laqgħa ta’ Hampton Court, il-Kummissjoni se tippreżenta Dokument ta’ Kunċett dwar ir-relazzjonijiet esterni b'ideat konkreti biex ikunu indirizzati dawn l-isfidi fi ħdan il-qafas tat-Trattat li hemm bħalissa, b’mod partikolari kif tista’ tittejjeb il-koerenza u l-koordinazzjoni bejn l-azzjoni tal-Kummissjoni u dik ta’ istituzzjonijiet Ewropej oħra, u dik ta’ l-Istati Membri. |

IL-BAĠIT BIEX TINKISEB L-AĠENDA

Il-baġit huwa wieħed mill-espressjonijiet prattiċi l-aktar importanti ta’ l-għanijiet politiċi ta’ l-Unjoni. Baġit riformat, sew fuq in-naħa tan-nefqa kif ukoll fuq dik tar-riżorsi, huwa essenzjali biex titwettaq l-aġenda taċ-ċittadin. Fil-ftehim reċenti dwar il-Qafas Finanzjarju ttieħdu għadd ta’ passi importanti, Pereżempju ż-żieda fin-nefqa fuq elementi ġodda ta’ politika bħal ma huma s-sigurtà, l-innovazzjoni u r-riċerka u r-riforma tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE biex tkun segwita l-aġenda dwar it-tkattir ekonomiku u ta’ l-impjiegi filwaqt li jkun imħares ir-rwol ċentrali tagħha li tikseb is-solidarjetà madwar l-Unjoni.

Iżda għad irid isir aktar. Id-deċiżjonijiet dwar ir-riżorsi u n-nefqa ta’ l-Unjoni jridu jkunu bbażati fuq qbil ċenerali dwar id-direzzjoni politika futura ta’ l-Unjoni u t-tqassim tal-ħidmiet bejn l-livelli ta’ l-Unjoni u dawk nazzjonali, kif ukoll fuq il-livell ġenerali u s-sorsi ta’ fondi biex ikunu jistgħu jitwettqu l-prijoritajiet ta’ l-Unjoni. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni, fl-2008/9 se toħroġ b’ideat biex ikun hemm riforma komprensiva tal-baġit b’mod li jingħata appoġġ lit-tkattir tal-ġid, lis-solidarjetà u lis-sigurtà permezz ta’ aġenda ġdida ta’ politika.

EWROPA TA’ TISĦIB: IS-SUSSIDJARJETÀ, REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR, FTUĦ

It-tfassil ta' aġenda ġdida ta’ politika teħtieġ tisħib ġdid. L-UE hija organizzazzjoni kumplessa u unika li għandha firxa wiesgħa ta’ għanijiet. Tista’ biss tiffunzjona billi taqsam sew il-poter kif ukoll ir-responsabbiltà, u billi żżomm ma’ sett ta’ prinċipji demokratiċi ċentrali – il-kontabilità, it-trasparenza u l-fiduċja. L-UE għandha:

- Tirrispetta l-prinċipju tas- sussidjarjetà , billi taġixxi fuq livell Ewropew biss meta jkun xieraq. Il-Kummissjoni hija impenjata biex taħdem ma’ l-Istati Membri u l-parlamenti nazzjonali tagħhom, ma’ reġjuni, gvernijiet ta’ bliet u lokali, imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili biex tara li l-frott tat-tkattir tal-ġid jintlaħaq minn kulħadd.

- Titnaqqas il-burokrazija. Il-Kummissjoni wriet it-triq billi ssemplifikat il-leġiżlazzjoni eżistenti u billi żiedet l-użu ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt. Iżda dan irid ikun xogħol ta’ kulhadd, u l-istituzzjonijiet kollha, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għandhom jagħmlu aktar biex jissimplifikaw il-ħajja għan-negozju u għaċ-ċittadin. Aktar tard fl-2006 il-Kummissjoni se tressaq għadd ta’ proposti oħra biex madwar l-UE ir-regolamentazzjoni aħjar issir realtà.

- Ftuħ u kontabilità aħjar. Sew il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill qed jieħdu passi importanti biex titjieb it-trasparenza. Trid tittieħed aktar azzjoni fl-istituzzjonijiet kollha. Il-Kummissjoni se tibni fuq l-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza u, per eżempju, tħaffef ix-xogħol fuq l-aċċess għad-dokumenti.

It-tisħib ifisser li l-istituzzjonijiet ta’ l-UE jaħdmu flimkien b’mod effettiv – il-linji li jifirdu l-ħidmiet tagħhom m’għandhomx jitqiesu bħala li huma aktar importanti mill-fatt li kollha għandhom l-istess għanijiet. Jeħtieġ ukoll li jilħqu liċ-ċittadin – għan ċentrali tal-politika l-ġdida dwar il-politika l-ġdida dwar il-komunikazzjoni [2] .

Iżda l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaħdmu aktar mill-qrib ma’ msieħba ċentrali. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom responsabbiltà partikolari biex jaraw li l-UE tiffunzjona tajjeb. Fil-verità f’kull pass – konsultazzjoni qabel ma jitfasslu l-prinċipji politiċi, diskussjoni dwar proposti konkreti, u l-implimentazzjoni – il-politika ta’ l-UE ma tistax tiffunzjona sakemm l-atturi kollha ma jkunux imdaħħla.

B’mod partikolari, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fl-iżvilupp u l-eżekuzzjoni tal-politika Ewropea. Aktar involviment mill-parlamenti nazzjonali jista' jgħin biex il-politika Ewropea tkun aktar rilevanti għal ċirkostanzi diversi, u tkun implimentata b’mod aktar effettiv.

Il-Kummissjoni tixtieq li xxandar direttament il-proposti l-ġodda u d-dokumenti ta’ konsultazzjoni kollha lill-parlamenti nazzjonali, u tistedinhom biex jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom sabiex tkun tista’ ttejjeb il-proċess tat-tfassil tal-politika.

LEJN ARRANĠAMENT ISTITUZZJONALI

L-UE trid tara li l-istituzzjonijiet tagħha jkunu jistgħu jiksbu din l-aġenda ġdida ta’ politika għaċ-ċittadini Ewropej.

Id-dikjarazzjoni ta' Laeken ta’ l-2001 sejħet għal strateġija Kommunitarja ċara, miftuħa, effettiva u kkontrollata demokratikament biex tissawwar Ewropa li tkun tista’ tindika lid-dinja lil fejn għandha timxi. Dik kienet il-bażi għall-ħidma li saret wara mill-Konvenzjoni u l-Konferenza Intergovernattiva biex jintlaħaq qbil dwar it-Trattat Kostituzzjonali. Ħames snin wara, l-għanijiet tad-dikjarazzjoni ta’ Laeken għandhom saħansitra aktar siwi.

F’Ġunju ta’ l-2005, il-Kapijiet ta’ l-Istati u tal-Gvern qablu li jagħmlu evalwazzjoni ġenerali tad-dibattiti fid-diversi pajjiżi tul l-ewwel nofs ta’ l-2006, u li mbagħad jilħqu qbil dwar kif għandhom ikomplu. Fil-Komunikazzjoni dwar il-Pjan D u ż-żmien ta’ riflessjoni [3] , il-Kummissjoni tanalizza l-kwistjonijiet imqajma fid-dibattiti. Fil-qosor, iċ-ċittadini jagħrfu li l-kwistjonijiet li hemm sew fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra minnha jinħtieġu li jkunu affrontati madwar l-Ewropa kollha kemm hi. Huma mħassba dwar l-impjiegi u s-sigurtà, u jridu tweġiba Ewropea għall-globalizzazzjoni. Jixtiequ li jkun hemm viżjoni aktar ċara ta’ lil fejn sejra l-Ewropa, pereżempju, f’dak li hu tkabbir. Hemm l-idea li l-enerġiji ta’ l-Ewropa jistgħu jiġu ffokati b’mod utli fuq il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ politika.

B’mod aktar ġenerali, issemmew ħafna modi differenti ta’ kif wieħed jista’ jimxi ’l quddiem bit-Trattat Kostituzzjonali. Ir-ratifiki li għaddejjin huma prova ta’ l-inpenn ta’ l-Istati Membri lejn it-Trattat Kostituzzjonali. F'konformità mad-dikjarazzjoni mehmuża mat-Trattat Kostituzzjonali, jekk erbgħa minn kull ħames Stati Membri jirratifikawh, il-kwistjoni tmur quddiem il-Kunsill Ewropew. Iżda f’dan l-istadju ma hemm l-ebda qbil ġenerali dwar kif l-affarijiet għandhom jimxu ’l quddiem.

Il-bini mill-ġdid ta’ klima ta’ fiduċja u serħan il-moħħ, u t-tqarrib mill-ġdid taċ-ċittadini lejn l-Unjoni billi tingħatalhom prova permezz ta’ riżultati konkreti, li l-Unjoni tista’ tindirizza l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom, dan kollu jwitti t-triq għal riżultat pożittiv.

Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li: - Wasal iż-żmien li wieħed jimxi ’l quddiem, billi nużaw ir-riflessjoni tagħna biex intejbu l-kisba tar-riżultati. L-UE għandha issa tiffoka fuq aġenda ġdida ta’ politika għaċ-ċittadini, billi sserraħ fuq djalogu kontinwu, inkluż bl-implimentazzjoni tal-Pjan D. - L-UE għandha tuża t-Trattati ta’ bħalissa b’mod aktar effettiv, kif imfisser f’dan il-dokument, mingħajr ma tantiċipa t-Trattat Kostituzzjonali. - B’mod parallel, il-Kunsill Ewropew għandu jiddeċiedi f’Ġunju biex jadotta strateġija pass pass, li għandha titmexxa ’l quddiem minn Presidenzi ta’ wara, biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal arranġament istituzjonali futur. - Bħala l-ewwel pass ewlieni lejn arranġament istituzzjonali, il-mexxejja ta’ l-UE għandhom jadottaw dikjarazzjoni politika li mhux biss tfisser il-valuri u l-ambizzjonijiet ta’ l-Ewropa, iżda wkoll li permezz tagħha l-mexxejja jimpenjaw ruħhom flimkien biex iwettquhom. Dan jista’ jseħħ is-sena d-dieħla, ħamsin sena wara l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma. Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom jiffirmaw din id-dikjarazzjoni huma wkoll. - Bħala pass ’íl quddiem, id-dikjarazzjoni solenni għandha sservi bħala bażi għal deċiżjonijiet mill-Kunsill Ewropew is-sena d-dieħla biex jinbeda proċess maħsub biex iwassal għal arranġament istituzzjonali futur li għandu jkun żviluppat minn Presidenzi oħra fil-futur. Il-Kummissjoni hija lesta biex tgħin kif ikun hemm bżonn. |

KONKLUŻJONI

L-UE xerrdet il-paċi, il-prosperità u s-sigurtà b’mod li ħadd ma kien joħlom bih meta nħolqot. Hija tista’, u għandha, tkompli tilqa’ l-ħtiġiet u x-xewqat ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ Ewropej.

Għaldaqstant l-UE trid taqbad ir-ritmu fil-ħolqien ta’ aġenda ġdida taċ-ċittadin. Din għandha tinkludi proposti biex jitwasslu aktar benefiċċji għaċ-ċittadini billi terġa’ tkun imnedija din il-mixja biex l-Ewropej jinkisbulhom l-opportunitajiet u s-salvagwardji ta’ Ewropa ibbażata fuq il-ftuħ u s-solidarjetà. Għandha tipprovdi aktar garanziji għas-sigurtà u l-libertà. Għandha tkun marbuta ma’ preżenza globali aktar effikaċi ta’ l-UE.

Fit-twettiq ta’ din l-aġenda, l-UE għandha taħdem bi sħab. Il-kobor ta’ l-isfida jinħtieġ inpenn sħiħ mhux biss mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE, iżda minn kull min għandu x’jaqsam mas-suċċess ta’ l-Ewropa. Il-bini ta’ fiduċja ġdida fl-Unjoni Ewropea bħala forza għall-ġid, is-solidarjetà u s-sigurtà fl-Ewropa u madwar id-dinja toħloq il-kuntest it-tajjeb biex ikun hemm arranġament istituzzjonali.

“Ma hemm l-ebda futur għall-popli ta’ l-Ewropa barra mill-għaqda”

Jean Monnet

[1] KUMM(2006) 200, 3.5.2006.

[2] KUMM(2006) 35, 1.2.2006.

[3] KUMM(2006) 212, 10.5.2006.

Top