Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0193

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ għall-politika dwar il-konsumaturi 2004-2005 kif stabbilit mid-Deċiżjoni 20/2004/KE

    /* KUMM/2006/0193 finali */

    52006DC0193

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ għall-politika dwar il-konsumaturi 2004-2005 kif stabbilit mid-Deċiżjoni 20/2004/KE /* KUMM/2006/0193 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 4.5.2006

    KUMM(2006) 193 finali

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ għall-politika dwar il-konsumaturi 2004-2005 kif stabbilit mid-Deċiżjoni 20/2004/KE

    WERREJ

    1. Daħla 4

    2. Azzjonijiet biex jiġi pprovdut livell għoli komuni ta' protezzjoni tal-konsumatur 4

    2.1. Azzjoni 1: Il-pariri xjentifiċi, l-analiżi tar-riskji eċċ. rilevanti għas-saħħa/sikurezza tal-konsumaturi 4

    2.2. Azzjoni 2: It-tħejjija ta' inizjattivi leġiżlattivi u oħrajn ta' (awto)regolament 5

    2.3. Azzjoni 3: Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' żviluppi fis-suq li jkollhom impatt fuq l-interessi kemm ekonomiċi kif ukoll dawk li mhumiex tal-konsumaturi 5

    2.4. Azzjoni 4: Il-ġbir u l-iskambju tad- data u t-tagħrif li jservu ta' bażi ta' l-evidenza għall-iżvilupp ta' politika dwar il-konsumaturi u għall-integrazzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi f'politiki oħra ta' l-UE 5

    3. Azzjonijiet biex jippromwovu l-infurzar effettiv tar-regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur 6

    3.1. Azzjoni 5: Il-koordinament ta' l-azzjonijiet ta' sorveljanza u nfurzar 6

    3.2. Azzjoni 7: Monitoraġġ u evalwazzjoni tas-sikurezza ta' prodotti u servizzi mhux alimentari 6

    3.3. Azzjoni 8: Il-monitoraġġ ta' l-Iskemi għar-Riżoluzzjoni Alternattiva tal-Kunflitti 7

    3.4. Azzjoni 9: (Azzjoni Konġunta) Kontribuzzjonijiet finanzjarji lil korpi pubbliċi u mhux għal skopjijet ta' qligħ li jikkostitwixxu netwerks Komunitarji ta' l-għoti ta' tagħrif u għajnuna lill-konsumaturi 7

    3.5. Azzjoni 10: (Azzjoni Konġunta) Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti speċifiċi ta' sorveljanza u infurzar 7

    4. Azzjonijiet biex jippromwovu l-involviment xieraq ta' l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-politiki ta' l-UE 8

    4.1. Azzjoni 13: Taħriġ għall-membri ta' l-istaff ta' għaqdiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-konsumaturi u azzjonijiet oħra għall-iżvilupp tal-kapaċità 8

    4.2. Azzjoni 14: Azzjonijiet ta' tagħrif dwar id-drittijiet tal-konsumaturi 8

    4.3. Azzjoni 15: L-edukazzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-azzjonijiet immirati lejn il-konsumaturi żgħażagħ, u l-iżvilupp ta' għodod interattivi għall-edukazzjoni tal-konsumaturi 8

    4.4. Azzjonijiet 16 u 17: Kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-operat ta' organizzazzjonijiet Komunitarji tal-konsumaturi 9

    5. Azzjonijiet biex jippromwovu għadd ta' għanijiet 9

    5.1. Azzjoni 18: Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal proġetti speċifiċi fuq il-livell Komunitarju jew nazzjonali b'appoġġ għall-politika dwar il-konsumaturi 9

    5.2. Azzjoni 19: L-evalwazzjoni ta' azzjonjiet meħuda f'dan il-qafas. 9

    6. Konklużjoni 10

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ għall-politika dwar il-konsumaturi 2004-2005 kif stabbilit mid-Deċiżjoni 20/2004/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1. DAħLA

    Id-Deċiżjoni 20/2004/KE tat-8 ta' Diċembru 2003 tistabbilixxi qafas ġenerali għal azzjonijiet b'appoġġ tal-politika dwar il-konsumaturi għall-perjodu 2004-2007. Dan ir-rapport jagħti stampa globali ta' l-implimentazzjoni tagħha matul l-2004 u l-2005, biex jissodisfa r-rekwiżit ta' rapport ad interim skond l-Artikolu 13[1].

    L-approprjazzjonijiet ta' impenn annwali (inkluż il-kontribut ta' l- EFTA ) għall-2004 u l-2005 laħaq madwar €20.6 miljun (madwar €19.5 miljun fi krediti operattivi u €1.1 miljun fi krediti amministrattivi). Mill-2005 'l quddiem, il-Bulgarija u r-Rumanija wkoll issodisfaw il-kriterji għall-parteċipazzjoni, u f'Diċembru 2005 kkontribwew €157 907. Fl-2004, intużaw 93% tal-krediti operattivi u 85% ta' dawk amministrattivi, filwaqt li fl-2005 r-rata ta' twettiq kienet 97% għat-tnejn li huma.

    Fil-31 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat il-programm ta' ħidma ta' l-2004 kif previst fl-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni, u mbagħad f'Diċembru 2004 adottat verżjoni emendata. Il-programm ta' l-2005 ġie adottat fil-5 ta' April 2005, u emendat fis-17 ta' Frar 2006.

    Dan ir-rapport jagħti stampa globali ta' l-infiq allokat għal kull għan skond l-Artikolu 3, u skond kull azzjoni kif hemm elenkat fl-Anness tad-Deċiżjoni. Il-Kumitat Konsultattiv ta' l-Istati Membri ġie kkonsultat dwar il-programmi annwali ta' ħidma, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni ta' azzjonjiet 9, 10, 16, 17 u 18.

    2. AZZJONIJIET BIEX JIġI PPROVDUT LIVELL GħOLI KOMUNI TA' PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

    2.1. Azzjoni 1: Il-pariri xjentifiċi, l-analiżi tar-riskji eċċ. rilevanti għas-saħħa/sikurezza tal-konsumaturi

    Fl-2004 u l-2005, madwar €280 000 ġew allokati għal-laqgħat tal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsum, u bħala kontribut għal kumitati xjentifiċi oħra li jitrattaw kwistjonijiet rigward il-konsumaturi. Din is-somma ntużat biex tlaqqa' 137 laqgħa, li rriżultaw fl-adozzjoni ta' 55 rapport u opinjoni xjentifika.

    Bħala parti mill-isforzi li jinsabu għaddejjin biex jinġabar l-għarfien dwar l-effett tal-kimka fuq is-saħħa tal-bniedem, partikolarment permezz tal-prodotti tal-konsum, it-tieni fażi tal-proġetti CHEM RISK u CHEM TEST ġiet iffininzjata b'€500 000. Somma addizzjonali ta' €41 371 ntefqet fuq evalwazzjoni ta' indikatruri ta' effetti tossiċi riproduttivi kkawżati mill-esponiment għall-prodotti kimiċi.

    2.2. Azzjoni 2: It-tħejjija ta' inizjattivi leġiżlattivi u oħrajn ta' (awto)regolament

    Bħala parti mit-tħejjijiet għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, intefqu kważi €500 000 fuq kompendju/ database annotat u fuq l-analiżi komparattiva ta' l-implimentazzjoni fl-Istati Membri ta' l- acquis dwar il-konsumaturi. Dan jinkludi reviżjoni tal-ġurisprudenza rilevanti, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' lakuni jew dgħjufijiet fl- acquis , kif ukoll ta' kwalunkwe ostaklu li baqa' għall-kummerċ. Ir-riżultati sejrin ikunu disponibbli fil-Ħarifa ta' l-2006.

    Ġew organizzati 14-il laqgħa biex jiġu diskussi diversi kwistjonijiet marbuta mal-Qafas Komuni ta' Referenza dwar il-Liġi Ewropea tal-Kuntratti, bi spiża totali ta' €385 000. Somma addizzjonali ta' €40 000 intużat biex tikkofinanzja konferenza tal-Presidenza tar-Renju Unit dwar dawn il-kwistjonijiet. €163 000 aktar inħarġu b'kontribut għal konferenzi oħra organizzati mill-Presidenza tal-Kunsill dwar suġġetti ta' interess kurrenti għal-politika dwar il-konsumaturi. F'Novembru 2005, in-Netwerk il-ġdid tal-Politika dwar il-Konsumaturi, għall-uffiċjali għolja, iddiskuta l-għażliet strateġiċi għall-politika għas-snin 2007-2013 (€21 000).

    2.3. Azzjoni 3: Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' żviluppi fis-suq li jkollhom impatt fuq l-interessi kemm ekonomiċi kif ukoll dawk li mhumiex tal-konsumaturi

    Sar studju b' focus group , bi nfiq ta' €450 000, biex jiġu evalwati l-attitudnijiet u l-istennijiet tal-konsumaturi rigward it-tikketti tal-prodotti u l-informazzjoni li jagħtu, sew għal prodotti ta' l-ikel kif ukoll għal prodotti ta' tip ieħor. Ġie varat studju, bi nfiq ta' €264 000, biex jitħejjew surveys komparattivi tal-prezzjijiet tas-servizzi għall-konsumaturi fil-pajjiżi ta' l-UE. L-istudju għandu l-għan li jiżviluppa metodoloġija u jidentifika l-aktar servizzi rilevanti għal tqabbil simili tal-prezzijiet. Ir-riżultati sejrin ikunu disponibbli fl-2006. Intużaw madwar €2 000 biex jinkiseb l-aċċess għad- databases dwar il-prezzijiet. Bil-parteċipazzjoni ta' ekonomisti esperti, f'Marzu 2005 ġie organizzat brainstorming dwar danni għall-konsumatur (€26 200).

    2.4. Azzjoni 4: Il-ġbir u l-iskambju tad- data u t-tagħrif li jservu ta' bażi ta' l-evidenza għall-iżvilupp ta' politika dwar il-konsumaturi u għall-integrazzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi f'politiki oħra ta' l-UE

    B'appoġġ għall-iżvilupp tal-politika u konċentrazzjoni akbar fuq il-konsumaturi f'oqsma ewlenin tal-politika ta' l-UE li jolqtu l-interessi tagħhom, ġew allokati madwar €2.1 miljun għal stħarriġiet tal-perċezzjonijiet u l-opinjonjiet tal-konsumaturi dwar is-servizzi finanzjarji, is-servizzi ta' interess ġenerali ( SGIs ) u d-drittijiet tal-passiġġieri. Fl-2005, intefqu madwar €440 000 biex jittennew il- focus groups f'dan il-qasam biex jiġu segwiti l-iżviluppi fis-settur. Somma addizzjonali ta' madwar €650 000 ġiet iddedikata għal stħarriġ tal-perċezzjonijiet tal-konsumaturi u ta' l-aġir tagħhom rigward ix-xiri minn pajjiżi oħra. Intefqu madwar €1.25 miljun fuq stħarriġ biex jitkejjel is-sodisfazzjon tal-konsumaturi dwar servizzi speċifiċi fil-pajjiżi kollha ta' l-UE, u madwar €403 000 fuq analiżi tad-danni lill-konsumaturi. Ġiet ikkomissjonata analiżi tar-regoli nazzjonali u l-ġurisprudenza dwar prattiki kummerċjali mhux ekwi fl-Istati Membri l-ġodda (€90 000), biex tikkomplementa studji preċedenti.

    Il-fehmiet dwar id-drittijiet tal-passiġġieri taw kontribut għal passi ulterjuri lejn dawn id-drittijiet fil-politika tat-trasport ta' l-UE. Il-perċezzjonijiet dwar l- SGIs iddaħħlu fir-Rapport ta' l-2005 "Evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet ta' l-industriji tan-netwerk li jfornu servizzi ta' interess ġenerali". Id- data minn stħarriġiet tas-snin preċedenti nġabru flimkien u ġew ippubblikati bħala "Il-Konsumaturi fl-Ewropa – Fatti u Ċifri" (€56 000). Ir-rapport u l-analiżi ta' l-istħarriġiet huma ppubblikati fuq il-websajt Europa.

    3. AZZJONIJIET BIEX JIPPROMWOVU L-INFURZAR EFFETTIV TAR-REGOLI GħALL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

    3.1. Azzjoni 5: Il-koordinament ta' l-azzjonijiet ta' sorveljanza u nfurzar

    Intefqu madwar €220 000 fuq evalwazzjoni tal-fattibbiltà u l-ħolqien ta' prototip bi prova għal database u sistema ta' l-informatika b'appoġġ ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi. Fl-2006 r-riżultati tressqu quddiem l-Istati Membri u nbeda l-iżvilupp tas-sistema.

    3.2. Azzjoni 7: Monitoraġġ u evalwazzjoni tas-sikurezza ta' prodotti u servizzi mhux alimentari

    Fi ħdan il-qafas tal-miżuri li jappoġġaw l-implimentazzjni tad-Direttiva Ġenerali dwar is-Sikurezza tal-Prodotti, sar inventarju komparattiv ta' approċċi u metodi għall-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-prodotti tal-konsum. L-inventarju se jiġi ffinalizzat fl-2006, u sejjer iqabbel l-approċċi lejn l-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza għall-prodotti tal-konsum li jieħdu l-awtoritajiet tas-sorveljanza u l-infurzar kif ukoll il-korpi ta' l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni fil-pajjiżi ta' l-UE u ż-ŻEE. Ġew allokati wkoll fondi għall-iżvilupp ta' applikazzjoni ta' l-informatika għall-użu tal-produtturi u d-distributuri biex jaqdu l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw il-prodotti perikolużi lill-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza, kif titlob id-Direttiva. L-applikazzjoni bażika sejra tiġi ttestjata fl-ewwel parti ta' l-2006, u hija mistennija ssir għal kollox operattiva aktar tard fl-istess sena. Il-linji ta' gwida għan-notifika tal-prodotti perikolużi ġew diskussi f'laqgħat ta' ħidma mal-punti ta' kuntatt ta’- RAPEX . L-infiq f'dan il-qasam laħaq €376 850.

    Saru inventarju u analiżi komparattiva tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2001/95/KE dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u l-implimentazzjoni prattika tagħhom, bi spiża ta' €200 000. Ir-riżultati sejrin jappoġġaw il-verifika tat-traspożizzjoni u l-infurzar fl-2006. Sar studju biex jiżviluppa għażliet differenti u prototip għal sistema ta' l-informatika għall-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali li huma parti min-netwerk stabbilit mill-Artikolu 10 tad-Direttiva, bi spiża ta' €207 345. Ir-riżultati tressqu lill-Istati Membri f'Ottubru 2005, u fl-2006 sejrin jittieħdu aktar deċiżjonijiet. F'Marzu 2005, konferenza ma' l-Istati Membri ddiskutiet l-ipprogrammar ta' l-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq (€125 000). F'Awissu 2005 saret laqgħa ta' esperti fejn ġew diskussi l-għażliet għat-titjib tad- Database tal-Korrimenti (€6 000). Wara tnieda studju dwar il-fattibbiltà, b'nefqa ta' madwar €100 000. Evalwazzjonjiet tekniċi b'appoġġ ta' l-iżvilupp ta' standard tas-sikurezza nbdew għal- lighters reżistenti għat-tbagħbis mit-tfal, ir-rixtelli għas-sikurezza tat-tfal u s-slielem (madwar €48 000). Ġew allokati madwar €70 000 għall-appoġġ tekniku ta' l-informatika għas-sistema RAPEX .

    3.3. Azzjoni 8: Il-monitoraġġ ta' l-Iskemi għar-Riżoluzzjoni Alternattiva tal-Kunflitti

    Ġiet varata analiżi komparattiva tal-mezzi ta' rikors li huma disponibbli għall-konsumaturi fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Kanada u l-Awstralja, bi nfiq ta' €185 400.

    3.4. Azzjoni 9: (Azzjoni Konġunta) Kontribuzzjonijiet finanzjarji lil korpi pubbliċi u mhux għal skopjijet ta' qligħ li jikkostitwixxu netwerks Komunitarji ta' l-għoti ta' tagħrif u għajnuna lill-konsumaturi

    Fl-2004, fil-kuntest ta' azzjonijiet konġunti ma' l-awtoritajiet nazzjonali, saru kontribuzzjonijiet ta' kważi €4.7 miljun lil netwerks ta' l-għajnuna lill-konsumaturi. Dawn ikopru kontribuzzjonijiet lill-fażi tranżizzjonali ta' l- EEJ-Net fi 15-il Stat Membru, in-Norveġja u l-Iżlanda fl-2004 (kważi €737 000), kif ukoll lill-ewwel sena tan-Netwerk Ewropew ta' l-Għajnuna lill-Konsumaturi għall-2005 flimkien mat-twessigħ tiegħu għal 6 Stati Membri ġodda (ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, l-Estonja, il-Litwanja, Ċipru u l-Latvja). Fl-2005, madwar €4 miljuni ġew iddedikati għan-Netwerk ta' l-Għajnuna, inklużi uffiċċji ġodda f'Malta u s-Slovakkja, u l-iżvilupp ta' għodod informatiċi u logo. Ir-riżultat tal-fużjoni tan-netwerks kien il-provvista ta' servizz waħdieni u ċċentralizzat għall-konsumaturi li jkunu ltaqgħu ma' problemi fix-xiri minn pajjiżi oħra, u aktar effiċjenza fl-infiq.

    3.5. Azzjoni 10: (Azzjoni Konġunta) Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti speċifiċi ta' sorveljanza u infurzar

    Fl-2004, azzjoni konġunta ma' l-awtoritajiet tal-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja u l-Lussemburgu ġiet kofinanzjata bi spiża ta' €110 000, biex tiġi żviluppta Sistema ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq permezz ta' l-Internet. Fost l-oħrajn, għandha l-għan li tiffaċilita t-tidħil min-naħa ta' l-industrija ta' riżultati dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-analiżi tad- data statistika. Ix-xogħol għandu jintemm sa' tmiem l-2006. Fl-2005, ġiet kofinanzjata azzjoni konġunta ma' 15-il Stat Membru, bi spiża ta' aktar minn €1 miljun, biex tiġi żviluppata l-aħjar prattika f'diversi oqsma tas-sorveljanza tas-suq.

    Ma' l-awtoritajiet ta' l-Italja, il-Ġermanja, Ċipru, il-Finlandja u Franza, ġiet kofinanzjata azzjoni konġunta ta' sorveljanza biex tiġi stabbilita sistema għar-reġistrazzjoni onlajn ta' l-inċidenti u l-korrimenti kkawżati mill-inġestjoni ta' oġġetti mhux ta' l-ikel min-naħa ta' tfal bejn l-etajiet ta' 0-3 (€77 128). Din l-azzjoni, bl-isem ta' " Susy Safe ", sejra tiġbor id- data mingħand l-assoċjazzjonjiet tal-konsumaturi u l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza, tipprova tidentifika t-tipi ta' prodotti kkonċernati fil-korrimenti, tevalwa l-impatt ta' diverġenzi soċjo-ekonomiċi fir-riskju ta' korriment, u tittratta kwistjonijiet ta' l-edukazzjoni tal-konsumaturi. L-ewwel riżultati huma mistennija fl-ewwel parti ta' l-2007.

    4. AZZJONIJIET BIEX JIPPROMWOVU L-INVOLVIMENT XIERAQ TA' L-ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-KONSUMATURI FIL-POLITIKI TA' L-UE

    4.1. Azzjoni 13: Taħriġ għall-membri ta' l-istaff ta' għaqdiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej tal-konsumaturi u azzjonijiet oħra għall-iżvilupp tal-kapaċità

    Intefqu madwar €1.3 miljun fuq tmintax-il kors ta' taħriġ għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fl-2004 u l-2005. Aktar minn 400 membru ta' l-istaff tagħhom, li minnhom 50% kienu minn Stati Membri ġodda, ir-Rumanija u l-Bulgarija, irċevew taħriġ fil-ġestjoni, il- lobbying u l-liġi tal-KE. Fl-evalwazzjonijiet ex post , il-parteċipanti esprimew livell għoli ta' sodisfazzjon bil-korsijiet ta' taħriġ. Dawn il-korsijiet jaqdu rwol partikolari fit-titjib tal-kapaċitajiet u l-ħiliet ta' l-istaff ta' l-assoċjazzjonjiet fl-Istati Membri l-ġodda. Fl-2004, ġew organizzati laqgħat ta' ħidma, bejn l-esperti ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, dwar il-kimika fil-prodotti ta' konsum u dwar il-monitoraġġ tas-sikurezza tal-prodotti (€87 500).

    4.2. Azzjoni 14: Azzjonijiet ta' tagħrif dwar id-drittijiet tal-konsumaturi

    Kważi €2 miljuni ntefqu fuq kampanja ta' tagħrif dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u ta' promozzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fil-Polonja, li varataha f'Varsavja l-Kummissarju Danuta Huber fis-16 ta' Mejju 2005. L-assoċjazzjoni tal-konsumaturi Pollakka rrapurtat żieda sostanzjali fl-għadd sew ta' simpatizzanti kif ukoll ta' mistoqsijiet min-naħa tal-konsumaturi. Fl-2005, aktar minn €2 miljun ġew iddedikati għall-varar ta' kampanji bħal din fir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u s-Slovenja. Madwar €130 000 ġie allokat għal stħarriġiet biex jitkejjel l-impatt ta' dawn il-kampanji.

    Somma addizzjonali ta' €126 000 ġiet iddedikata għall-manteniment u l-aġġornament tal-paġni tal-websajt europa li jittrattaw l-affarijiet tal-konsumaturi. Intefqu €25 000 fuq l-istampar mill-ġdid ta' l-Istrateġija dwar il-Politika tal-Konsumaturi, il-pubblikazzjoni stampata ta' l-istħarriġ dwar l-opinjonjiet tal-konsumaturi fuq is-servizzi ta' interess ġenerali, il-ħażna, id-distribuzzjoni u l-illustrazzjonijiet għall-pubblikazzjonjiet. Ġew allokati €50 000 għall-pubblikazzjoni ta' fuljett fuq ir-regoli ġodda dwar prattiki kummerċjali inġusti.

    4.3. Azzjoni 15: L-edukazzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-azzjonijiet immirati lejn il-konsumaturi żgħażagħ, u l-iżvilupp ta' għodod interattivi għall-edukazzjoni tal-konsumaturi

    Fl-2004 u l-2005, intefqu €3.2 miljun fuq it-tieni u t-tielet edizzjoni tad-Djarju tal-Konsumatur Ewropew, immirat lejn il-konsumaturi żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 16-18-il sena. Madwar 940 000 kopja ta' l-edizzjoni 2005/2006 ġew prodotti u distribwiti. L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali qed jikkontribwixxu għat-tielet edizzjoni tad-Djarju (2006/2007), li se jasal f'idejn aktar minn miljun żagħżugħ u żagħżugħa. Ir-riżultati ta' evalwazzjoni ta' l-ewwel snin tad-Djarju li saret fl-2005 kienu pożittivi, fil-parti l-kbira tagħhom. Kważi €400 000 ġew iddedikati għall-adattament għall-Istati Membri l-ġodda ta' l-għodod ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti permezz ta' l-Internet, li fl-2005 kienu ġew żviluppati għall-UE-15, u €1 800 intefqu fuq laqgħa ta' l-esperti dwar dan is-suġġett. Ġew iddedikati madwar €50 000 għal analiżi tal-ħtiġijiet għall-iżvilupp ta' Gradi Integrati ta' Master fi kwistjonjiet tal-konsumaturi.

    4.4. Azzjonijiet 16 u 17: Kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-operat ta' organizzazzjonijiet Komunitarji tal-konsumaturi

    Ġew allokati għotjiet għall-ispejjeż operattivi għall-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Koordinament tar-Rappreżentanza tal-Konsumaturi fl-Istandardizzar ( ANEC , madwar €1.2 miljun fl-2004 u €1.3 miljun fl-2005) u l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi ( BEUC , madwar €1.2 miljun fl-2004 u €1.25 miljun fl-2005). Fir-rigward tas-snin ta' l-imgħoddi, dawn l-għotjiet żdiedu biex jippermettu l-integrazzjoni fuq il-livell ta' l-UE ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi mill-Istati Membri l-ġodda.

    5. AZZJONIJIET BIEX JIPPROMWOVU GħADD TA' GħANIJIET

    5.1. Azzjoni 18: Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal proġetti speċifiċi fuq il-livell Komunitarju jew nazzjonali b'appoġġ għall-politika dwar il-konsumaturi

    Wara s-sejħa għall-proposti li saret fl-2004, b'kollox ġew iffinanzjati 15-il proġett speċifiku, bl-infiq ta' somma totali ta' madwar €2.3 miljun. Il-benefiċjarji ewlenin kienu organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi u NGOs oħra. Ħames proġetti gawdew minn 75% ta' kofinanzjament riservat għall-Istati Membri l-ġodda. Is-sejħa għall-proposti ta' l-2005 saħħet ir-rekwiżiti għas-sħubijiet bejn il-pajjiżi, u saħqet iktar fuq it-tixrid tar-riżultati. Erba' proġetti ntagħżlu għall-kofinazjament, b'total stmat ta' €2.35 miljun. Tnejn minnhom jiffukaw fuq il-bini tal-kapaċitajiet ta' l-assoċjazzjonjiet tal-konsumaturi fl-Istati Membri l-ġodda. Il-kuntratti jiġu ffirmati wara li jkunu saru kontrolli dettaljati tal-baġit u jkunu ġew approvati l-baġits finali. L-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji ġiet deċiża fi żmien tliet xhur mill-iskadenza għat-tressiq tal-proposti, u l-lista ta' proġetti ffinanzjati ġiet ippubblikata fuq il-websajt Europa.

    Inħoloq forum fuq l-Internet biex jiġu ffaċilitati l-ħolqien tal-kuntatti u t-tiftix għall-isħab. Dan ta prova li kien għodda siewja sabiex jingħataw tweġibiet għat-talbiet għall-kjarifika b'mod li jkun aċċessibbli għal kulħadd, imma ma wassalx għal xi riżultati notevoli f'dak li jirrigwarda t-tiftix għall-isħab. L-ispejjeż esterni għall-evalwazzjoni ta' l-applikazzjonijiet tal-proġett laħqu €6 000. B'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet ta' l-Assemblea ta' l-Organizzazzjonijiet tal-Konsumaturi, grupp ta' ħidma ad hoc tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar il-Konsumaturi tlaqqa' fi Frar 2005 u ddiskuta kif jistgħu jittejbu proġetti speċifiċi (€4 000).

    5.2. Azzjoni 19: L-evalwazzjoni ta' azzjonjiet meħuda f'dan il-qafas.

    Intefqu €149 730 fuq evalwazzjoni tad- database CLAB dwar kundizzjonijiet kuntrattwali mhux ġusti. Ir-riżultati jitfgħu dubju fuq l-effiċjenza tan-nefqa u l-efikaċja tad- database kif huwa operat bħalissa. Ma ġie pprogrammata l-ebda nfiq ulterjuri fuq is- CLAB . Madwa €85 000 ġew allokati għal evalwazzjoni tal-kontributi finanzjarji mogħtija lil organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumaturi matul il-perjodu 2000-2003. Ir-riżultati sejrin ikunu disponibbli fl-2006. Fl-2005, intefqu €230 000 fuq evalwazzjoni tad-Djarju Ewropew tal-Konsumaturi u fuq evalwazzjoni ta' l-impatt fuq il-politiki nazzjonali tal-konsumaturi ta' l-Istrateġija dwar il-Politika ta' l-UE dwar il-Konsumaturi 2002-2006.

    Ma ġiet iffinanzjata l-ebda azzjoni taħt azzjoniijiet 6, 11 u 12.

    6. KONKLUżJONI

    Id-Deċiżjoni 20/204/KE kellha l-għan li l-infiq iġġibu strettament suġġett għall-għanijiet tal-politika tal-konsumaturi. Fost l-azzjonijiet iffinanzjati, qed tiżdied l-importanza ta' azzjonijiet maħsuba biex ikabbru l-bażi ta' l-għarfien għat-tfassil tal-politika, u qed jiġu utilizzati fi grad għoli biex jappoġġaw l-integrazzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi f'oqsma oħra tal-politika ta' l-UE. Ġew varati azzjonjiet konġunti ġodda ma' l-Istati Membri, partikolarment dwar is-sorveljanza tas-suq. Il-funżjoni taċ-ċentri Ewropej ta' l-għajnuna tal-konsumaturi kabbret l-effiċjenza ta' l-infiq, u t-twettiq tagħhom bħala azzjonjiet konġunti ma' l-Istati Membri ta bażi finanzjarja aktar żgura. Ittellgħu inizjattivi ġodda fl-oqsma ta' l-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-konsumaturi, u ġiet allokata enerġija sostanzjali għall-iffaċilitar ta' applikazzjonijiet speċifiċi tal-proġetti ta' kwalità ogħla. Ingħatat prijorità ogħla lil strumenti ġodda ta' appoġġ lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi, bħalma huma azzjonijiet immirati lejn il-bini tal-kapaċitajiet. Fil-fażi tal-preżent, għadu kmieni wisq biex tiġi evalwata l-parti l-kbira ta' l-esperjenzi l-ġodda, minħabba li r-riżultati se jsiru disponibbli matul is-sentejn li ġejjin.

    [1] Għal raġunijiet prattiċi, ġie deċiż li dan ir-Rapport jiġi ppreżentat wara li t-twettiq tal-baġit ta' l-2005 jkun ingħalaq, b'tali mod li jitressaq rapport plurijannwali għat-twettiq sħiħ tal-baġit fl-2004 u l-2005.

    Top