This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006DC0065
Report from the Commission - Second report based on Article 14 of the Council Framework Decision of 28 May 2001 combating fraud and counterfeiting of non-cash means of payment {SEC(2006) 188}
Rapport tal-Kummissjoni - It-tieni rapport tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament mhux f’kontanti {SEC(2006) 188}
Rapport tal-Kummissjoni - It-tieni rapport tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament mhux f’kontanti {SEC(2006) 188}
/* KUMM/2006/0065 finali */
Rapport tal-Kummissjoni - It-tieni rapport tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament mhux f’kontanti {SEC(2006) 188} /* KUMM/2006/0065 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, il-20.02.2006 COM(2006) 65 finali RAPPORT TAL-KUMMISSJONI It-tieni rapport tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament mhux f’kontanti {SEC(2006) 188} 1. Introduzzjoni Bl-għan li fl-Unjoni tkun garantita protezzjoni uniformi u msaħħa tal-liġi kriminali kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux f’kontanti, il-Kunsill stabbilixxa d-deċiżjoni-qafas tiegħu fit-28 ta’ Mejju 2001. Skond l-Artikolu 14, il-Kummissjoni ppreżentat, fuq il-bażi ta’ l-ewwel informazzjoni riċevuta, rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jikkonformaw irwieħhom mad-deċiżjoni-qafas. Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 u s-26 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni għandha, minn issa 'l quddiem, tippreżenta rapport ġdid, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni addizjonali li titwasslilha. Dan it-tieni rapport mhuwiex verżjoni konsolidata fir-rigward ta’ dak li diġà ġie adottat mill-Kummissjoni iżda japplika biss għall-Istati Membri li ma ġewx ikkunsidrati qabel (AT, DK, GR, LU, NL u PT) u għal dawk li t-trattament tagħhom fl-ewwel rapport jista’ jkun komplut jew emendat (BE u SE). Fit-tieni każ ir-rapport huwa madankollu konsolidat fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Huwa xieraq ukoll li jiġu integrati l-Istati Membri li ngħaqdu fl-1 ta’ Mejju 2005, meta wieħed iqis li ovvjament ma ġewx ikkunsidrati fl-ewwel rapport. Biex ikun hemm qari parallel u komparattiv ma’ ta’ l-ewwel, it-tieni rapport għandu jżomm kemm jista’ jkun l-istess taqsim u l-istess preżentazzjoni ta’ l-ewwel wieħed. It-tabelli komparattivi ta’ traspożizzjoni u l-annessi jżommu wkoll l-istess struttura. Biex jiġu evitati r-repetizzjonijiet, dan ir-rapport tqassar, partikolarment minn kull żvilupp repetittiv ta’ natura ġenerali (natura tad-deċiżjoni) jew ta’ metodoloġija (kriterju ta’ evalwazzjoni), billi jagħmel referenza għal dawn il-konsiderazzjonijiet fl-ewwel rapport. 2. Miżuri nazzjonali bl-għan li tkun applikata d-deċiżjoni-qafas 2.1 Il-finalizzazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni-qafas: Tabella 1. Ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni, kompluta jekk meħtieġ – u jekk possibbli – permezz ta’ skambji oħra mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali. L-informazzjoni fornita mill-maġġoranza ta’ l-Istati Membri li rrispondew hija ġeneralment eżawrjenti. L-Istati Membri kollha li ma kienux infurmaw lill-Kummissjoni fl-ewwel rapport jew li kienu bagħtu informazzjoni insuffiċjenti kkomunikaw lill-Kummissjoni l-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha, flimkien ma’ spjegazzjonijiet speċifiċi. LU u GR irrispondew li proġett leġiżlattiv għadu taħt l-eżaminazzjoni tal-Parlament. Ħames Stati Membri li ngħaqdu fl-1 ta’ Mejju 2005 (LV, LT, PL, CZ u SK) ikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi interna tagħhom l-obbligi imposti bid-deċiżjoni-qafas. CY ikkomunika lill-Kummissjoni informazzjoni parzjali dwar l-istat ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni-qafas. EE, HU, MT u SI ma rrispondewx lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport jieħu in kunsiderazzjoni biss, fil-paragrafi 2.2 – 2.7, tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ mingħajr ma jikkunsidra l-abbozzi tal-liġi kkomunikati minn ċerti Stati Membri. 2.2 Reati marbuta ma’ l-istrumenti ta’ pagament (Artikolu 2): Tabella 2 Sitt Stati Membri (BE, DK, LU, NL, PL U SE) jużaw kunċetti u definizzjonijiet ġenerali ħafna ta’ serq, serq aggravat jew forom oħra ta’ approprjazzjoni illegali biex ikopru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2, punt a). Għall-kuntrarju, il-leġiżlazzjoni kriminali ta’ AT, LT, LV, PT u SK issemmi espressivament il-mezzi ta’ pagament. CZ tissanzjona l-użu illegali tal-karti ta’ ħlas u qiegħda tintroduċi fil-leġiżlazzjoni tagħha l-akbar referenza għall-mezzi ta’ pagament. LT timponi sanzjoni kriminali wkoll għat-telf finanzjarju, sitwazzjoni ġuridika li ma kinitx imsemmija fid-deċiżjoni-qafas. Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, SK għamlet distinzjoni bejn l-użu mhux awtorizzat tal-mezzi ta’ pagament minn naħa l-waħda, u t-tkattir illegali, min-naħa l-oħra. CY ma speċifika xejn dwar dan is-suġġett. F’dak li għandu x’jaqsam mal-falsifikazzjoni ta’ strumenti ta’ pagament imsemmija fl-Artikolu 2(b), il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri jillimitaw l-inkriminazzjoni tal-frodi għall-istrumenti ta’ pagament imsemmijin li jingħataw b’eżempju fl-Artikolu 1. BE u NL ma jsemmux espressivament il-mezzi ta’ pagament li huma inklużi fil-kategoriji kriminali aktar wisgħin. LU irrisponda li abbozz leġiżlattiv bl-għan li jittrasponi l-Artikolu 2(b) (c) u (d) għadu taħt l-eżaminazzjoni tal-Parlament. Tliet Stati Membri (BE, DK u PL) ma jinkriminawx b’mod espliċitu l-atti ta’ riċeviment, kisba, trasportar, bejgħ jew trasferiment lil parti terza ta’ strumenti ta’ pagament, jew li jżommu lil dawn ta’ l-aħħar, fil-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, punt c), tad-deċiżjoni-qafas. Dawn il-kategoriji kriminali huma inklużi fil-kunċett aktar ġenerali ta’ serq ta’ dokument awtentiku. L-imġiba li tikkonsisti fil-kisba, l-akkwist, il-bejgħ jew it-trasferiment lil persuna terza ta’ strumenti ta’ pagament foloz, misruqa jew akkwistati illegalment hija penalizzata espressivament bil-liġi kriminali f’AT, CY, CZ, LV, LT, NL u SE li jiddistingwu wkoll b’mod espliċitu bejn il-“kisba” u ż-“żamma”. Għall-kuntrarju, it-trasport huwa kopert mil-leġiżlazzjoni ġenerali ta’ dawn l-Istati. Fil-maġġoranza tagħhom, l-Istati Membri inkriminaw ukoll l-użu illegali ta’ strumenti foloz ta’ pagament mhux f’kontanti, xi drabi f’kuntest wiesa’ aktar minn dak deskritt fl-Artikolu 2, punt d). F’xi wħud minnhom, l-użu illegali, jiġifieri użu intenzjonat li jikkawża dannu permezz tal-qerq, huwa ppenalizzat bid-dispożizzjonijiet legali li jkopru l-frodi b’mod ġenerali u bid-dispożizzjonijiet supplimentari marbutin magħhom. Ċerti Stati Membri (BE, DK u PL) iqisu, billi jirreferu għal dispożizzjonijiet jew għal definizzjonijiet, termini jew kunċetti ġenerali, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom hija konformi mad-deċiżjoni qafas. Kif kien indikat fl-ewwel rapport, l-eżistenza ta’ prinċipji legali nazzjonali tista’ tkun biżżejjed, sakemm dawn il-prinċipji jiggarantixxu l-applikazzjoni ta’ l-istrument leġiżlattiv b’mod ċar u preċiż biżżejjed. 2.3 Reati marbutin ma’ l-użu ta’ l-informatika (Artikolu 3): Tabella 3 AT, BE, CZ, DK, LV, LT, NL, PL, PT, SK u SE indikaw li l-leġiżlazzjonijiet kriminali rispettivi tagħhom jiggarantixxu li r-reati marbutin ma’ l-użu ta’ l-informatika msemmijin fl-Artikolu 3 kienu suġġett ta’ diskussjoni għal sanzjonijiet effettivi. Il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri jirrikorru għal definizzjoni wiesgħa ta’ frodi (AT, BE, CZ, LT, NL u PL partikolarment) li tinkludi l-modifiki illegali tat-tħaddim ta’ programm jew ta’ sistema ta’ l-informatika jew l-introduzzjoni, il-modifika, it-tħassir jew l-eliminazzjoni ta’ data ta’ l-informatika. Ir-CZ partikolarment qiegħda tintroduċi leġiżlazzjoni aktar speċifika. Fi tliet Stati Membri (PT, SE u SK) il-prassi offensivi msemmija f’dan l-Artikolu huma koperti bid-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-reati marbutin ma' l-informatika. LU irrisponda li abbozz leġiżlattiv bl-għan li jittrasponi l-Artikolu 3 għadu taħt l-eżaminazzjoni tal-Parlament. CY ma speċifika xejn dwar dan is-suġġett. 2.4 Reati marbutin mat-tagħmir speċifikament addattat (Artikolu 4): Tabella 3 Il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri li rrispondew lill-Kummissjoni għandhom leġiżlazzjoni kriminali li tkopri r-reati msemmijin fl-Artikolu 4. Ċerti Stati Membri (AT, BE, CZ, DK, NL PL, SE u SK) madankollu jirreferu għal dispożizzjonijiet b’diċitura ġenerali u wiesgħa ħafna biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu. Partikolarment, PT ikkomunika li m’għandux leġiżlazzjoni speċifika li tkopri d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4. Ir-reati msemmijin fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu huma koperti mill-Artikolu tal-kodiċi kriminali dwar l-atti mwettqin bl-iskop tal-kuntrabandu, il-falsifikazzjoni tat-titoli ta’ kreditu nazzjonali jew barranin u ta’ karti ta’ garanzija jew ta’ kreditu. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4 (b) mhuwiex kopert mil-leġiżlazzjoni Portugiża. Emenda leġiżlattiva għandha tiġi introdotta fil-proċess ta’ riforma kriminali li għaddejja. LV u LT introduċew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom referenzi speċifiċi għall-programmi ta’ l-informatika speċjalment maħluqa biex iwettqu wieħed jew l-ieħor mir-reati msemmijin fl-Artikolu 2, punt b), u dan biex jikkonformaw irwieħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4. Il-leġiżlazzjoni tal-LU għad m’għandhiex dispożizzjonijiet partikolari bl-għan li tikkonforma ma’ l-Artikolu 4. CY ma bagħat l-ebda informazzjoni lill-Kummissjoni dwar dan it-tip ta’ reat. 2.5 Sanzjonijiet (Artikolu 6): Tabella 4 Fil-maġġoranza tagħhom, l-Istati Membri għamlu dak li kien neċessarju biex jikkonformaw irwieħhom ma’ l-obbligu, impost mill-Artikolu 6, sabiex l-atti msemmija fl-Artikoli 2 sa 4, ikollhom sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, għall-inqas fil-każijiet gravi, penali ta’ kustodja li jistgħu jiġġustifikaw estradizzjoni. L-Istati Membri kollha ġabru r-reati msemmijin fl-Artikoli 2, 3 u 4 tal-penali ta’ priġunerija (ara t-tabella 4) iżda hekk kif turi t-tabella 4, il-metodi użati għat-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 6 huma eteroġeneji ħafna. Seba’ Stati Membri jistipulaw il-penali massima ta’ priġunerija għall-atti msemmija fl-Artikolu 2: AT tistipola massimu ta’ ħames snin ta’ priġunerija għall-falsifikazzjoni, ir-riċeviment u l-użu illegali; CY jistipola massimu ta’ erbatax-il sena għall-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ pagament u ta’ seba’ snin għall-użu u l-akkwist tagħhom; DK tistipola massimu ta’ sitt snin għall-falsifikazzjoni, is-serq tal-mezzi ta’ pagament u 18-il xahar għall-użu tagħhom; LV għaxar snin għas-serq, l-akkwist u l-qerda ta' mezzi ta' pagament u penali ta' bejn 3 u 15-il sena għall-falsifikazzjoni, u l-użu illegali u l-użu ta' strumenti foloz ta' pagament; LT massimu ta’ sitt snin għall-użu ta’ strumenti foloz; NL seba’ snin; PT jissanzjona l-akkwist ta’ strument falz ta’ pagament b’penali ta’ priġunerija ta’ tliet snin, it-traffikar tal-flus b’massimu ta’ ħames snin, l-użu ta’ ċekkijiet u titoli taħt ismijiet foloz, minn sitt xhur sa ħames snin u l-falsifikazzjoni, b’penali minn tliet snin (minimum) sa tnax-il sena (massimu); fl-SE penali massima ta’ għaxar snin tissanzjona s-serq, il-falsifikazzjoni u r-riċeviment, biss jekk l-infrazzjoni tkun “gravi” . Ħames Stati Membri jistipulaw il-penali ta’ priġunerija inkluża bejn minimu u massimu ta’ snin priġunerija. Il-BE jistipola minn xahrejn sa priġunerija għall-ħajja kollha (skond jeżistux ċirkostanzi aggravanti) għas-serq u l-estorsjoni. Ir-CZ minn ħames sa tmien snin ta' priġunerija għall-falsifikazzjoni, minn sentejn sa seba' snin għall-użu illegali, il-LU minn sena sa ħames snin għas-serq. PL tistipola penali ta’ tlieta sa ħames snin għall-falsifikazzjoni u ż-żamma illegali, waqt li s-serq huwa sanzjonat b'penali ta' sena sa tnax-il sena ta' priġunerija. Fl-SK il-produzzjoni, il-falsifikazzjoni u l-użu illegali ta’ mezzi ta’ pagament huma sanzjonati b’penali ta’ sena sa ħames snin ta’ detenzjoni. Is-SK huwa l-unika Stat li jissanzjona t-tkattir illegali b’massimu ta’ detenzjoni ta’ sentejn priġunerija. Ċerti Stati Membri ma jistipolawx penali ta’ priġunerija, oħrajn jassoċjaw priġunerija u multi. PT, PL u LT jistipolaw penali ta’ priġunerija assoċjata ma’ multa. NL u SK joffru l-għażla bejn priġunerija, multa jew għaqda tat-tnejn. CZ toffri l-għażla bejn il-priġunerija u l-multa. Għar-reati msemmijin fl-Artikolu 2, punti b), c) u d), l-ammont tas-sanzjoni finanzjarja tvarja, mingħajr limitu stabbilit minn qabel (CZ) jew sa 360 ġurnata multi (AT). Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri (BE, CZ, LT, NL, PT u SK) iżommu s-sistema tradizzjonali, l-AT tistipola s- sistema ta ’ ġranet-multa . Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri joperaw distinzjoni skond il-livell ta’ gravità għar-reati msemmijin fl-Artikolu 2. Il-leġiżlazzjoni ta’ ċerti Stati Membri (AT, CY, CZ, LV, PT u SK) tistipola ċirkostanzi aggravanti, bħall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, għall-atti msemmija fl-Artikolu 2. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri jqisu li l-atti msemmija fl-Artikolu 4 jappellaw għal sanzjonijiet inqas ħorox minn dawk imsemmija fl-Artikoli 2 u 3. Fl-aħħarnett, il-penali b’konnessjoni ma’ l-atti msemmija fl-Artikolu 3 huma inqas ħorox minn dawk b’konnessjoni ma’ l-atti msemmija fl-Artikolu 2. Il-valutazzjoni dwar in-natura dissważiva biżżejjed tas-sanzjonijiet li jistgħu jimponu l-Istati Membri tidher, f’fażi preliminari, li se tagħti risposta pożittiva: fil-fatt, l-Istati Membri kollha li huma l-oġġett ta’ dan ir-rapport stipulaw penali ta’ priġunerija għall-atti msemmija fl-Artikolu 2. L-Istati Membri kollha, ikkunsidrati f’dan ir-rapport, kif ukoll dawk li kienu l-oġġett ta’ l-ewwel wieħed, sakemm jistipolaw sanzjonijiet għar-reati msemmijin fl-Artikoli 2, 3 u 4, fil-liġi kriminali tagħhom, għandhom dispożizzjonijiet ġenerali li jkopru l-parteċipazzjoni, l-inċitament u l-attentat fis-sens ta’ l-Artikolu 5. Fil-każ ukoll ta’ dan ir-rapport, l- atti preparatorji jidher li huma sanzjonati biss fl-Isvezja, waqt li l-Istati Membri kollha l-oħra jqisu dawn l-atti bħala illegali għal delitti speċifiċi biss. Fir-rigward ta’ l- attentati , dawn huma ġeneralment sanzjonati fil-pajjiżi kollha fil-każ ta’ reati gravi; l-attentati ta’ delitti minuri li huma stess ġeneralment punibbli fil-maġġoranza tal-pajjiżi, għalkemm ċerti pajjiżi jissanzjonawhom biss fil-każijiet stipulati espressivament. 2.6 Ġurisdizzjoni (Artikolu 9): Tabella 5 Jidher li l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi imposti mill-Artikolu 9, paragrafu 1, punti a) u b). PL tikkonforma ruħha ma’ l-obbligi ta’ punt a) u, b’eċċezzjoni, ma’ dawk ta' punt b): skond il-liġi Pollakka, ċittadin li jwettaq reat f’pajjiż barrani li, għalih il-liġi nazzjonali tippreskrivi penali ta’ priġunerija ta’ sentejn għandu, għall-inqas, ikun ikkundannat b’konformità mal-liġi jekk ikun jinsab fuq it-territorju nazzjonali. Erba’ Stati Membri (AT, DK, LT u SE) iddikjaraw li huma mhux se jikkonformaw irwieħhom mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9, paragrafu 1, punt c) li jistipula l-ġurisdizzjoni meta jitwettaq reat għall-benefiċċju ta' persuna legali li jkollha l-uffiċċju tagħha rreġistrat f'dan l-Istat Membru. Il-leġiżlazzjoni tal-LU ma fihiex dispożizzjonijiet bl-għan li jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu u CY ma tax informazzjoni dwar dan l-obbligu. 2.7 Responsabbiltà tal-persuni legali u sanzjonijiet kontrihom (Artikoli 7 u 8): Tabella 6 Ħames Stati Membri (AT, LV, CZ, PT u SK) ikkomunikaw li abbozz leġiżlattiv bl-għan li jittrasponi l-Artikoli 7 u 8 tad-deċiżjoni-qafas għadu qed ikun eżaminat mill-Parlament. Sitt Stati Membri (BE, DK, LT, NL, PL u SE) għandhom leġiżlazzjoni li tiggarantixxi li l-persuni legali jistgħu jitqiesu responsabbli għall-atti msemmija fl-Artikoli 2 sa 4 imwettqa f’isimhom minn persuni li jeżerċitaw setgħa ta’ direzzjoni fi ħdanhom. Dawn l-istess Stati Membri ħadu wkoll il-miżuri meħtieġa biex persuna legali tkun tista’ titqies bħala responsabbli meta jkun it-tort tas-sorveljanza jew tal-kontroll tal-kapijiet tagħhom li jkunu għamlu possibbli t-twettiq ta’ l-atti msemmija fl-Artikoli 2 sa 4. L-istess Stati Membri stipulaw l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi jew penali u (xi drabi) ta’ miżuri oħrajn li jibdew mit-tlestija ġudizzjarja sas-sanzjonijiet amministrattivi jew li ġejjin mil-liġi kummerċjali. It-tabella 6 turi d-diversità kbira ta’ dawn is-sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi, ċivili u penali. 3. Konklużjonijiet Il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri li rrispondew lill-Kummissjoni, f’dan it-tieni eżerċizzju, jikkonformaw irwieħhom b’mod espliċitu jew, f’ċerti każijiet, b’mod impliċitu mad-deċiżjoni-qafas. Huwa l-każ ta’ l-Artikoli 2, 3 u 5. Żewġ Stati Membri (GR u LU) għadhom ma ħadux il-miżuri kollha meħtieġa biex jittrasponu integralment id-deċiżjoni-qafas minħabba li l-abbozz tal-liġi kkonċernat għad irid jiġi approvat mill-Parlament nazzjonali. CY ma tax lill-Kummissjoni informazzjoni biżżejjed biex jippermetti evalwazzjoni sħiħa tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni-qafas. L-Art. 4 kien traspost mill-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri minkejja li għal xi wħud permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ħafna tal-leġiżlazzjoni tagħhom. PT partikolarment ikkomunika li r-reati msemmijin fl-Art. 4 (a) huma koperti bid-dispożizzjonijiet li ġejjin mill-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas u, f’dak li jikkonċerna l-Art. 4 (b), hija meħtieġa emenda leġiżlattiva. It-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6 dwar is-sanzjonijiet penali hija konformi minkejja li eteroġena ħafna. Kważi l-Istati Membri kollha li rrispondew lill-Kummissjoni jirrispettaw, jew se jibdew jirrispettaw hekk kif tidħol fis-seħħ il-leġiżlazzjoni fil-kwistjoni, l-obbligazzjoni imposta mill-Artikolu 6 li tgħaqqad l-atti msemmija fl-Artikoli 2 sa 4 tas-sanzjonijiet penali effettivi proporzjonati u dissważivi. L-Artikoli 7 u 8 kienu trasposti minn sitt Stati Membri (BE, DK, LT, NL, PL u SE) li għalhekk għandhom leġiżlazzjoni li tiggarantixxi r-responsabbiltà tal-persuni legali. F’ħames Stati Membri l-abbozz leġiżlattiv bl-għan li jittrasponi l-Artikoli 7 u 8 għadu qed jiġi eżaminat mill-Parlament. Jidher li l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi imposti mill-Artikolu 9 (1) (a) u (b). Erba’ Stati Membri (AT, DK, LT u SE) iddikjaraw li mhumiex se jikkonformaw irwieħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9 (1) (c). Fid-data ta’ skadenza ta’ dan ir-rapport, ma jistax ħlief jiddispjaċina li seba’ Stati Membri ma kkomunikawx il-leġiżlazzjoni kollha tagħhom, jew għadhom ma temmewx il-proċedura ta’ traspożizzjoni tad-deċiżjoni-qafas.