EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006AR0405(02)

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar N-Netwerks trans-Ewropej: lejn approċċ integrat

ĠU C 305, 15.12.2007, p. 6–10 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

15.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 305/6


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar

Ir-Rapport annwali tas-sitt koordinaturi Ewropej tat-TEN-T u

N-Netwerks trans-Ewropej: lejn approċċ integrat

Estensjoni tar-rotot tat-trasport ewlenin trans-Ewropej

(2007/C 305/02)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

l-ewwelnett ifakkar l-importanza tat-TEN-T li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-għanijiet ta' Lisbona;

jenfasizza wkoll ir-rwol prinċipali li l-koordinaturi jistgħu jaqdu sabiex jintlaħaq il-ftehim ta' l-Istati Membri dwar parametri konsistenti tal-fergħat nazzjonali partikolari fuq kull rotta tat-TEN-T; u sabiex isaħħaħ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel minn dan il-ftehim prerekwiżit għall-għajnuna finanzjarja ta' l-UE;

jikkunsidra li l-Kummissjoni Ewropea tista' wkoll tinkoraġġixxi n-netwerk magħmul minn atturi lokali u reġjonali differenti relatati mjal-proġetti prijoritarji tat-TEN-T, b'mod partikolari permezz ta' forum annwali. Barra dan, il-Kumitat tar-Reġjuni juri l-interess u d-disponibbiltà tiegħu li jikkoopera mal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

għal darba oħra jiddispjaċih jara inkoerenza sfaċċata bejn, fuq naħa, il-kwistjonijiet kruċjali tan-netwerk TEN għall-UE, enfasizzata wkoll f'din il-komunikazzjoni, u r-rwol deċiżiv li jista' jkollu inċentiv finanzjarju mill-UE, u fuq naħa oħra, il-baġit baxx ħafna allokat, anki jekk dan huwa kkonċentrat fuq is-sezzjonijiet transkonfinali u l-ixkiel, u jisħaq għalhekk fuq is-sinerġija meħtieġa bejn is-sorsi kollha ta' finanzjament disponsibbli fil-livell ta' l-Unjoni;

jenfasizza l-importanza ta' l-estensjoni tar-rotot tat-trasport barra mill-Unjoni sabiex ikunu żviluppati l-iskambji ta' l-oġġetti u l-moviment tal-persuni, mhux biss ma' dawn il-pajjiżi ġirien, iżda mal-bqija tad-dinja.

Dokumenti ta' referenza

Rapport annwali tas-sitt koordinaturi Ewropej tat-TEN-T

COM(2006) 490 finali

Netwerks trans-Ewropej: lejn approċċ integrat

COM(2007) 135 finali

Estensjoni tar-rotot tat-trasport ewlenin trans-Ewropej

COM(2007) 32 finali

Rapporteur

:

Is-Sur Bernard SOULAGE, L-ewwel Viċi-President tal-Kunsill Reġjonali tar-Rhône-Alpes (FR/PSE)

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Netwerks TEN

Fuq pjan ġenerali

1.

l-ewwelnett ifakkar l-importanza tat-TEN-T li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-għanijiet ta' Lisbona. Huma jsaħħu l-koeżjoni territorjali u l-kompetittività tar-reġjuni billi jiffaċilitaw l-iskambji ta' l-oġġetti u l-persuni. Iċ-ċittadini Ewropej li jgħixu fir-reġjuni ser iħossu r-riperkussjonijiet tat-TEN-T fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, il-leġittimità ta' l-Unjoni Ewropea tista' biss tirbaħ minn dan;

Dwar ir-rapport tal-koordinaturi

2.

b'mod partikolari jixtieq jirringrazzja lill-koordinaturi għall-ħidma effikaċja tagħhom b'rabta mat-tmexxija 'l quddiem fit-twettiq tal-proġetti prijoritarji tat-TEN-T, u b'hekk jiġi kkonfermat kemm huwa utli r-rwol tagħhom;

3.

jilqa' l-fatt li dan ix-xogħol u t-tagħrif li tislet minnu l-Kummissjoni jiffaċilita tabilħaqq it-trasparenza fir-rigward ta' dawn il-proġetti u t-twettiq tagħhom, u għalhekk jixtieq li dan id-djalogu bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni jitkompla b'mod attiv, peress li għadd kbir ta' reġjuni jintlaqtu b'mod dirett minn dawn l-investimenti li qegħdin isiru fit-territorju tagħhom;

4.

b'mod partikolari jaċċetta l-punti ewlenin ta' l-azzjoni tal-koordinaturi li permezz tagħhom kien hemm:

għarfien aħjar tal-proġetti u ta' l-istadju attwali li jkunu waslu fih, li għandu jiffaċilita l-għażliet fl-allokazzjoni tal-baġit tat-TEN-T;

titjib veru tal-koordinazzjoni bejn l-atturi l-aktar għas-sezzjonijiet transkonfinali, rikonoxxuti bħala l-aktar delikati, u għalhekk effikaċja akbar fil-proċessi ta' l-istudju u tad-definizzjoni tal-proġetti, l-aktar fejn ma kienx hemm strutturi formali internazzjonali (per eżempju bejn is-Slovenja u l-Italja);

l-identifikazzjoni ta' kull proġett għal persuna waħda, li għall-proġetti transkonfinali tista' tiffaċilita l-funzjonijiet ta' spiss kumplessi ta' l-IGCs u ġġib magħha l-influwenza, u l-indipendenza ta' l-UE fil-promozzjoni jew id-difiża tal-proġett (per eżempju l-każ tas-Sinjura de Palacio dwar ir-rotta Lyon-Turin);

5.

jafferma li dawn il-ħidmiet iffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn il-ministeri ta' l-istess pajjiż, meta kienu taħt l-iskrutinju ta' osservatur barrani;

6.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tingħata kontribuzzjoni adegwata (il-massa kritika, ta' spiss stmata mill-koordinaturi bħala l-massimu permess mir-regolament) għall-proġetti transkonfinali sabiex dawn jitwettqu u għalhekk jinħoloq effett massimu ta' lieva, kif ukoll effett b'saħħtu fuq l-aċċess nazzjonali;

7.

jenfasizza l-kwistjoni essenzjali ta' l-interoperabilità, li hija fattur prinċipali sabiex ikun hemm redditu ekonomiku fuq l-investimenti, u b'mod partikolari jisħaq fuq l-għażla li saret fir-rigward tat-twettiq ta' l-ERTMS sabiex dan jiffoka fuq sitt kurituri ta' merkanzija prijoritarja, li tiffaċilita l-użu tajjeb ta' l-investimenti f'infrastrutturi ġodda fuq dawn ir-rotot, u b'hekk dawn l-investimenti jsiru aktar attraenti;

8.

jenfasizza wkoll ir-rwol prinċipali li l-koordinaturi jistgħu jaqdu sabiex jintlaħaq il-ftehim ta' l-Istati Membri dwar parametri konsistenti tal-fergħat nazzjonali partikolari fuq kull rotta tat-TEN-T; u sabiex isaħħaħ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel minn dan il-ftehim prerekwiżit għall-għajnuna finanzjarja ta' l-UE;

9.

jenfasizza, bħall-maġġoranza tar-rapporteurs, fuq il-ħtieġa tal-passi li għandhom jieħdu l-Istati Membri sabiex japprofittaw kemm jista' jkun minn dawn l-investimenti: rapport modali, ġestjoni tajba tal-prijoritajiet fl-użu ta' l-infrastrutturi, l-aħjar użu ta' l-ippjanar ta' l-investimenti fuq rotta partikolari;

10.

jipproponi li l-koordinaturi jintervjenu wkoll fil-livell ta' l-iskambji bejn il-proġetti sabiex tkun assigurata, jekk mhux koerenza fl-approċċ, għallinqas skambju ta' l-osservazzjonijiet u tal-prattiċi tajbin fil-qasam ta' l-analiżi, it-twaqqif u l-finanzjament tal-proġetti. Il-Kummissjoni Ewropea tista' wkoll tinkoraġġixxi n-netwerk magħmul minn atturi lokali u reġjonali differenti relatati mjal-proġetti prijoritarji tat-TEN-T, b'mod partikolari permezz ta' forum annwali. Barra dan, il-Kumitat tar-Reġjuni juri l-interess u d-disponibbiltà tiegħu li jikkoopera mal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

11.

fid-dawl ta' l-esperjenzi s'issa pożittivi b'mod simultanju għal dan it-tkabbir tal-ħidma diġà stabbilita tal-koordinaturi, jixtieq li, eventwalment jinħatru koordinaturi oħra għall-proġetti prijoritarji ffinanzjati mill-Unjoni, fil-qasam tat-trasport b'mod partikolari għall-oqsma li jeħtieġu inċentiva qawwija, ħafna drabi fuq livell politiku, sabiex jgħelbu d-diffikultajiet li jistgħu jitfaċċaw matul il-fażi ta' l-ippjanar u tal-kostruzzjoni, kif ukoll għall-proġetti prijoritarji; il-Kumitat tar-Reġjuni xorta jinnota li sa issa l-Koordinaturi kienu maħtura biss għal 6 proġetti li diġà jinsabu fi stadji avvanzati, filwaqt illi rotot prijoritarji oħra għandhom aktar bżonn ta' għajnuna bħal din peress li dawn jinvolvu aktar Stati Membri (eż. l-proġett nru 22 li jkopri 8 Stati Membri);

12.

jinnota li r-rapporti differenti tal-koordinaturi, li jibdew sa minn Lulju 2006, jidentifikaw l-istadji tal-progress li huma urġentement meħtieġa sabiex il-proġetti jkunu kredibbli, u l-impenji li l-Istati Membri għandhom jidħlu għalihom sabiex isir użu aħjar mill-investiment ewlenin, u għalhekk;

13.

jixtieq li ssir evalwazzjoni tax-xogħol imwettaq issa b'rabta ma' dawn l-istadji u dawn l-impenji sabiex jintefa' dawl fuq id-deċiżjonijiet li mistennija jittieħdu dalwaqt fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' fondi tat-TEN-T għall-2007-2013. L-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet tal-koordinaturi għandhom jiġu kkunsidrati sewwa meta tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-fondi, b'mod speċjali fi ħdan il-programm multi-annwali TEN;

14.

jinnota li l-inċertezza dwar il-finanzjament Komunitarju wara l-2013 tista' tnaqqas ir-ritmu tal-proġetti u twassal għal nuqqas ta' nfiq matul il-perijodu attwali tal-baġit, u għalhekk jitlob għal mekkaniżmi sabiex itaffu dan id-difett;

15.

jenfasizza li l-proġetti prijoritarji appoġġjati mill-koordinaturi m'għandhomx ikunu pprijorizzati fl-aċċess tagħhom għall-fondi ta' l-UE bħala riżultat tal-fatt li l-Kummissjoni għandha informazzjoni aktar preċiża, dettaljata u kumplessa dwar l-istat ta' preparazzjoni;

16.

jiddispjaċih madankollu li ma saritx analiżi komparattiva ta' dawn il-proġetti, ta' l-istadju li jinsabu fih, tas-sinerġija ta' bejniethom. Il-Kumitat tar-Reġjuni jagħti parir lill-Kummissjoni li tagħmel analiżi bbażata fuq l-istatistika attwali u rilevanti miġbura b'mod adegwat fl-Istati Membri. Għalkemm il-komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa għall-aħjar koordinazzjoni possibbli bejn il-proġetti, għal twettiq ottimizzat fil-ħin tan-netwerk TEN-T, s'issa ma saret l-ebda analiżi f'dan ir-rigward. Dan jista' jsir fil-kuntest tal-grupp ta' tmexxija tat-TEN. Analiżi bħal din tista' titfa' aktar dawl fuq l-allokazzjoni, ristretta ħafna, ta' l-appoġġ Ewropew għall-perijodu 2007-2013;

Dwar il-ħidma tal-grupp ta' tmexxija tat-TEN

17.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza li tkun assigurata s-sinerġija bejn il-proġetti tat-TEN fuq l-istess rotta, u dwar il-benefiċċji li jistgħu joħorġu minnha kemm fil-livell ta' l-investimenti (tnaqqis fl-ispejjeż, impatt anqas fuq it-territorju) kif ukoll fl-effiċjenza tal-proġetti nfushom;

18.

jixtieq, minħabba d-diffikultajiet relatati mat-tlaqqigħ ta' proġetti ta' natura differenti ferm (per eżempju mini tal-ferroviji u konnessjonijiet b'voltaġġ għoli) li dan il-għan tas-sinerġija jitqies fil-ħidma tal-koordinaturi, apparti l-manwal ippjanat dwar il-prattiċi tajbin;

19.

għal darba oħra jiddispjaċih jara inkoerenza sfaċċata bejn, fuq naħa, il-kwistjonijiet kruċjali tan-netwerk TEN għall-UE, enfasizzata wkoll f'din il-komunikazzjoni, u r-rwol deċiżiv li jista' jkollu inċentiv finanzjarju mill-UE, u fuq naħa oħra, il-baġit baxx ħafna allokat, anki jekk dan huwa kkonċentrat fuq is-sezzjonijiet transkonfinali u l-ixkiel, u jisħaq għalhekk fuq is-sinerġija meħtieġa bejn is-sorsi kollha ta' finanzjament disponsibbli fil-livell ta' l-Unjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha wkoll tesplora sorsi ġodda ta' finanzjament li jistgħu jkunu possibbli fil-ġejjieni. F'dan ir-rigward, tidher meħtieġa r-reviżjoni għal perijodu medju ta' żmien tad-Direttiva dwar l-Eurovignette sabiex jitqiesu l-ispejjeż esterni;

20.

jafferma li t-tlestija tat-30 rotta prijoritarji ser tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 kkawżati mit-trasport b'4 % biss, li huwa riżultat limitat ħafna, u għalhekk jixtieq li jitqiesu l-ispejjeż esterni matul ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Eurovignette, sabiex jittieħdu miżuri li jħeġġu l-bidla modali b'mod partikolari iżda mhux b'mod esklużiv fir-reġjuni u ż-żoni sensittivi, li għandhom fuq kollox jibbenefikaw minn azzjonijiet aktar diretti u aktar determinati. L-esplojtazzjoni ta' teknoloġiji ġodda ta' l-informatika, issuġġeriti fil-komunikazzjoni, tista' tikkontribwixxi għal dan, kif ukoll l-iżvilupp ta' sistemi intelliġenti ta' trasport, qasam li fih il-pajjiżi ta' l-Asja, per eżempju, huma ħafna aktar avvanzati mill-Ewropa;

21.

jappoġġa l-iżvilupp propost tal-PPPs, b'mod partikolari billi tkun iggarantita sigurtà legali akbar, u jkunu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi fil-livell tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment. Madankollu jeħtieġ li dejjem joħorġu l-vantaġġi distinti ta' dawn il-proġetti, l-ispejjeż addizzjonali li jistgħu jġibu magħhom, u li jkun speċifikat sew it-trasferiment tar-riskji;

22.

jisħaq li jekk il-vantaġġi tal-ftuħ tas-swieq għall-kompetizzjoni huma magħrufa sew fis-settur tat-telekomunikazzjoni, dawn l-effetti pożittivi għandhom jidhru wkoll fis-settur tat-trasport bil-ferroviji. Jekk m'huwiex realistiku li wieħed jittama li l-finanzjament privat ta' l-investimenti fil-ferroviji jsir fuq l-istess livell bħal dak tat-telekomunikazzjoni, ta' l-anqas il-ftuħ għall-kompetizzjoni fis-settur tal-ferroviji għandu jqiegħed f'dawl tajjeb lill-investimenti pubbliċi mwettqa;

23.

jitlob li jkunu speċifikati, u eventwalment isiru aktar flessibbli, għall-investimenti fil-proġetti TEN, ir-regoli tad-dekonsolidazzjoni (skond it-tifsira tal-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht) għal self li jittieħed minħabba dawn il-proġetti. Din il-kwistjoni għandha żgur titqajjem fir-rigward ta' l-investimenti strateġiċi kollha għall-iżvilupp ta' l-Unjoni.

B.   Estensjoni tar-rotot tat-trasport ewlenin trans-Ewropej

Fuq pjan ġenerali

24.

jenfasizza l-importanza ta' l-estensjoni tar-rotot tat-trasport barra mill-Unjoni sabiex ikunu żviluppati l-iskambji ta' l-oġġetti u l-moviment tal-persuni, mhux biss ma' dawn il-pajjiżi ġirien, iżda mal-bqija tad-dinja;

25.

iżid jgħid li t-titjib fil-konnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien ta' l-Unjoni ssaħħaħ ukoll l-effikaċja ta' l-investimenti kbar magħmula fin-netwerk TEN-T;

26.

jirrikonoxxi li l-iżvilupp imwettaq u l-integrazzjoni tas-settur tat-trasport, bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien, jikkontribwixxu b'mod sħiħ għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda ta' Lisbona billi jinkoraġġixxi l-kummerċ, it-tkabbir sostenibbli kif ukoll il-koeżjoni soċjali;

27.

jinnota li dawn l-estensjonijiet huma fatturi prinċipali għall-stabilità demokratika u ekonomika fil-pajjiżi ġirien u wkoll jikkontribwixxu għall-politika Ewropea tal-viċinat, fit-tixrid ta' l-acquis communautaires, u għalhekk jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fil-livelli kollha mal-pajjiżi ġirien ta' l-Unjoni, jiġifieri jippreparaw l-integrazzjoni li tista' sseħħ fil-ġejjieni għal xi wħud;

Dwar ir-rapport tal-grupp ta' livell għoli

28.

l-ewwelnett jinsisti fuq il-kwalità tajba ħafna tar-rapport tal-grupp ta' livell għoli, ippresedut mis-Sinjura Loyola de Palacio, li jsellem il-memorja tagħha;

29.

apprezza l-proċess ta' konsultazzjoni li vvalida u seddaq il-ħidma tal-grupp ta' livell għoli;

30.

jixtieq li dan ir-rapport għani u ddettaljat ħafna jservi ta' bażi għad-definizzjoni preċiża ta' l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fuq perijodu fil-qosor u dak medju;

31.

jinnota r-rilevanza tar-rotot transnazzjonali identifikati:

il-ħames “rotot transnazzjonali” jkopru tajjeb il-ħtiġijiet kollha tal-konnessjonijiet estiżi tar-rotot NET-T prijoritarji billi jinġabru fi gruppi skond is-settur;

ir-rotot tal-baħar, element essenzjali fl-iżvilupp attwali fil-kummerċ dinji, jitqiesu kif suppost bħala rotta kompletament għaliha;

jinnota li l-possibbilitajiet għal titjib huma simili ħafna għal dawk identifikati mill-Unjoni sabiex jiġi implimentat it-TEN-T;

koordinazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi li qegħdin fuq l-istess rotta;

tneħħija ta' kull tip ta' xkiel;

titjib fl-interoperabilità;

skambju ta' prattiċi tajbin;

32.

f'din l-okkażjoni jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar “it-tnedija ta' eżerċizzju sabiex ikunu identifikati u megħluba l-ostakoli fil-loġistika tat-trasport tal-merkanzija”;

33.

jafferma li r-rapport jipproponi skambji fuq bażi volontarja li ma jinstabux fil-komunikazzjoni: analiżi u aġġornament tar-rotot u tal-proġetti ewlenin kif ukoll tal-miżuri orizzontali għall-2010, b'analiżi f'nofs il-perijodu fl-2008;

Dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni nnifisha

34.

japprova r-rakkomandazzjoni magħmula lill-Kunsill u lill-Parlament sabiex tkun aċċettata l-proposta għar-reviżjoni tal-kunċett ta' kurituri u żoni Pan-Ewropej skond il-linji gwida tar-rapport;

35.

jiddispjaċih madankollu li, għalkemm ir-rotot huma deskritti bħala multimodali, m'hemm l-ebda linja gwida ġenerali fir-rigward tal-mezzi tat-trasport li għandhom jingħataw prijorità, ħlief għat-toroq tal-baħar, li l-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza r-rilevanza tagħhom, linji gwida ġenerali ta' dan it-tip jinkoraġġixxu b'mod partikolari l-bidla għal mezzi ta' trasport li jirrispettaw l-ambjent;

36.

f'din l-okkażjoni jfakkar fil-punti ewlenin ta' l-Opinjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar l-analiżi ta' nofs it-term tal-White Paper dwar it-Trasport:

għalkemm l-estensjoni tan-netwerk tat-TEN-T f'pajjiżi ġirien hija waħda mill-għanijiet prinċipali tal-politika Ewropea dwar it-trasport, madankollu t-tmiem tat-TEN-T fl-UE-27 għandu jkun prijorità ogħla għall-UE;

wieħed mill-għanijiet tal-politika Ewropea dwar it-trasport għandu jkun li jittaffa l-impatt tat-trasport fuq l-ambjent, inkluż li jitwettqu l-impenji li jitnisslu mill-Protokoll ta' Kyoto relatati ma' l-emissjonijiet tas-CO2, (paragrafu 1.4);

hija prijorità li jsir aġġustament tal-bilanċ tat-tqassim tal-modi tat-trasport ta' l-art, u għandhom jitwettqu strateġiji li jippromovu l-intermodalità u l-multimodalità (paragrafu 2.1);

37.

jixtieq għalhekk, peress li t-tħassib li ntwera matul il-konsultazzjonijiet pubbliċi, li tingħata importanza lill-aspetti ambjentali u li jitwettaq il-prinċipju ta' għażliet modali li jimxu id f'id ma' l-impenji ta' Kyoto u l-għanijiet ta' l-iżvilupp sostenibbli;

38.

jisħaq fuq l-importanza u l-urġenza tal-miżuri orizzontali sabiex tingħata promozzjoni lill-interoperabilità, miżuri li jinsabu mniżżla fil-komunikazzjoni li tispeċifika wkoll il-prinċipji għat-twaqqif tal-pjanijiet ta' azzjoni;

39.

japprova l-istruttura istituzzjonali proposta, li tikkonsisti fi tliet livelli:

gruppi ta' tmexxija reġjonali, ikkoordinati bejniethom;

laqgħat ministerjali sabiex jittieħdu deċiżjonijiet strateġiċi, u

segretarjat li jagħti appoġġ amministrattiva u teknika,

u barra dan fil-ġejjieni jitlob li

min-naħa, l-Istati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni Ewropea jiffinanzjaw flimkien dan is-segretarjat sabiex tkun assigurata l-kwalità u l-kontinwità tal-ħidma tiegħu, u

min-naħa l-oħra, dan is-segretarjat ikun assoċjat mill-bidu ma' l-għoti ta' konċessjonijiet għall-proġetti;

40.

jiddispjaċih jara li l-komunikazzjoni ma qisietx biżżejjed l-azzjonijiet, kemm b'rabta ma' l-investimenti kif ukoll dwar it-twettiq tal-proposti istituzzjonali;

41.

għalhekk jixtieq li malajr kemm jista' jkun isiru diskussjonijiet, deskritti bħala preparatorji, mal-pajjiżi ġirien, fl-istess waqt li jitwaqqfu l-gruppi ta' tmexxija reġjonali, li jkollhom bħala għan it-tfassil ta' miżuri li għandhom jiġu implimentati fuq perijodu qasir u fuq dak medju;

42.

jitlob li mill-bidu ta' dan il-proċess, l-implikazzjonijiet finanzjarji, li huma speċifikati fir-rapport tal-grupp ta' livell għoli iżda li ma jissemmewx fil-komunikazzjoni, ikunu vvalidati;

43.

jitlob ukoll li l-livelli tal-gvern reġjonali u lokali kkonċernati jkunu involuti sew fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet, sabiex ikun hemm sinerġija tajba ma' l-iżviluppi lokali kemm fil-qasam ekonomiku kif ukoll fl-organizzazzjoni tat-territorju.

Brussell, l-10 ta' Ottubru 2007

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel DELEBARRE


Top