Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006AR0386

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- Pakkett dwar It-tkabbir (2006) — Il-kapaċità ta' integrazzjoni

    ĠU C 197, 24.8.2007, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 197/7


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- Pakkett dwar It-tkabbir (2006) — Il-kapaċità ta' integrazzjoni

    (2007/C 197/02)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    iqis li l-“kapaċità ta' integrazzjoni” hija prerekwiżit essenzjali sabiex jiġi determinat il-pass tal-proċess tat-tkabbir u mhux pretest sabiex l-adeżjoni ma sseħħx; huwa jqisha pjuttost bħala fattur essenzjali għat-trasparenza li l-ewwel u qabel kollox taffettwa l-UE u mbagħad lill-pajjiżi kandidati;

    jemmen li l-ewwel u qabel kollox it-tkabbir ta' l-UE jfisser li jinqasam proġett politiku komuni, ibbażat fuq valuri u prinċipji, kif ukoll fuq politiki u istituzzjonijiet komuni, u għalhekk il-“kapaċità ta' integrazzjoni” għandha titqies bħala mezz kif jiġu mħarsa dawn il-prinċipji u l-valuri, dawn il-politiki u l-mod ta' ħidma ta' l-istituzzjonijiet komunitarji ħalli l-effett tal-proġett politiku komuni ma jonqosx mill-qawwa tiegħu, jeħtieġ għall-kuntrarju, li dan jissaħħaħ permezz ta' tkabbir suċċessiv;

    ifakkar li, matul il-proċess tat-tkabbir, jeħtieġ li l-UE tibqa' tħares il-kapaċità tagħha li taġixxi u tieħu deċiżjonijiet permezz ta' l-implimentazzjoni ta' politiki komuni effettivi; għalhekk jeħtieġ li jkun hemm rabta bejn il-politika tat-tkabbir tagħha u l-kapaċità tagħha li tħares l-istruttura istituzzjonali, finanzjarja u politika speċifika tagħha. It-tkabbir m'għandux ikun il-kaġun li din l-istruttura tiddgħajjef u s-sinifikat u l-iskop inizjali m'għandhomx jitqiegħdu f'riskju;

    jirrimarka li f'kull proċess tat-tkabbir, li diffiċli jseħħ taħt it-Trattati fl-istat attwali tagħhom, u b'mod partikolari mingħajr tibdil fit-Trattat ta' Nizza, kif ukoll taħt il-perspettivi finanzjarji attwali, l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej kollha għandhom jintalbu jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex issir evalwazzjoni ta' kull tibdil li jista' jkun hemm;

    jemmen li jkun pass siewi li jkun involut fir-riforma tas-sistema ta' l-iffinanzjar ta' l-UE, li għandha sseħħ b'mod parallel mal-proċess ta' riforma istituzzjonali; f'dan ir-rigward itenni li jinsab konvint li hija impossibbli li tinkiseb “aktar Ewropa” b'inqas riżorsi u jisħaq li huwa importanti ħafna għall-istruttura finanzjarja futura li jkun hemm konċentrazzjoni fuq is-setturi li jġibu valur miżjud Ewropew;

    I.   Rakkomandazzjonijiet politiċi

    Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006 — 2007 li tinkludi rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda

    COM(2006) 649 finali

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    “Kapaċità ta' integrazzjoni” u t-tkabbir ta' l-UE

    1.

    iqis li l-“kapaċità ta' integrazzjoni” hija prerekwiżit essenzjali sabiex jiġi determinat il-pass tal-proċess tat-tkabbir u mhux pretest sabiex l-adeżjoni ma sseħħx; huwa jqisha pjuttost bħala fattur essenzjali għat-trasparenza li l-ewwel u qabel kollox taffettwa l-UE u mbagħad lill-pajjiżi kandidati;

    2.

    għalhekk jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 li jikkunsidraw il-“kapaċità ta' integrazzjoni” bħala waħda mill-elementi prinċipali sabiex jinħoloq kunsens imġedded fost iċ-ċittadini dwar il-politika tat-tkabbir;

    3.

    ifakkar li l-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tintegra membri ġodda fi ħdanha hija riflessa b'mod partikolari f'dawn l-oqsma li ġejjin: fil-kapaċità finanzjarja ta' l-Unjoni Ewropea li timplimenta l-politiki tagħha, speċjalment il-politika agrikola komuni (PAK) u l-politika ta' koeżjoni jew fil-kapaċità tas-suq tax-xogħol li jassorbi ħaddiema ġodda mill-Istati Membri l-ġodda; u fil-kapaċità ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE li jaħdmu b'mod effettiv ma' numru akbar ta' Stati Membri kif indikat mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen;

    4.

    ifakkar li, matul il-proċess tat-tkabbir, jeħtieġ li l-UE tibqa' tħares il-kapaċità tagħha li taġixxi u tieħu deċiżjonijiet permezz ta' l-implimentazzjoni ta' politiki komuni effettivi; għalhekk jeħtieġ li jkun hemm rabta bejn il-politika tat-tkabbir tagħha u l-kapaċità tagħha li tħares l-istruttura istituzzjonali, finanzjarja u politika speċifika tagħha. It-tkabbir m'għandux ikun il-kaġun li din l-istruttura tiddgħajjef u s-sinifikat u l-iskop inizjali m'għandhomx jitqiegħdu f'riskju;

    5.

    jemmen li l-ewwel u qabel kollox it-tkabbir ta' l-UE jfisser li jinqasam proġett politiku komuni, ibbażat fuq valuri u prinċipji, kif ukoll fuq politiki u istituzzjonijiet komuni, u għalhekk il-“kapaċità ta' integrazzjoni” għandha titqies bħala mezz kif jiġu mħarsa dawn il-prinċipji u l-valuri, dawn il-politiki u l-mod ta' ħidma ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ħalli l-effett tal-proġett politiku komuni ma jonqosx mill-qawwa tiegħu. Jeħtieġ ggħall-kuntrarju, li dan jissaħħaħ permezz ta' tkabbir suċċessiv;

    6.

    iqis li d-dibattitu attwali dwar il-“kapaċità ta' integrazzjoni” wasal tard għaliex imissu nżamm waqt in-negozjati dwar l-Agenda 2000 u wkoll immedjatament qabel kull tkabbir suċċessiv u matul in-negozjati dwar il-perspettivi finanzjarji (2007-2013);

    7.

    jenfasizza l-iżbilanċ eżistenti fil-mod kif id-dokument tal-Kummissjoni jippreżenta d-dibattitu dwar il-“kapaċità ta' integrazzjoni”, li aktar iqisha bħala responsabbiltà tal-pajjiżi kandidati milli ta' l-UE nnifisha;

    8.

    jirrimarka li f'kull proċess tat-tkabbir, li diffiċli jseħħ taħt it-Trattati fl-istat attwali tagħhom, u b'mod partikolari mingħajr tibdil fit-Trattat ta' Nizza, kif ukoll taħt il-perspettivi finanzjarji attwali, l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej kollha għandhom jintalbu jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex issir evalwazzjoni ta' kull tibdil li jista' jkun hemm (per eżempju, fil-qasam tar-regoli tas-suq uniku, il-baġit u l-finanzi ta' l-UE jew it-tħaddim ta' l-istituzzjonijiet tagħha) li huwa meħtieġ sabiex żgur ikun suċċess; l-awtoritajiet reġjonali u lokali, flimkien mal-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili, għandhom rwol importanti x'jaqdu mil-lat ta' kemm is-soċjetà tkun lesta tilqa' dan it-tkabbir (il-kapaċità tas-soċjetà li tintegra fi ħdanha ċittadini Ewropej ġodda li għandhom l-istess valuri, u li bis-saħħa t'hekk tinħoloq identità u ċittadinanza komuni, bl-għan li titwettaq unjoni aktar mill-qrib bejn il-popolazzjonijiet Ewropej);

    9.

    għalhekk iqis li l-UE għandha tkun fi grad li tkun ċerta jekk il-“kapaċità ta' integrazzjoni” hijiex qiegħda tiġi rispettata matul in-negozjati ma' pajjiż kandidat, u li dan għandu jitwettaq fl-istess żmien li jkun qiegħed jiġi kkontrollat li l-kriterji ta' Kopenħagen ikunu rispettati mill-pajjiżi kandidati individwali u jaqbel mal-kritika li saret mill-Parlament Ewropew, fejn ġie konkluż li t-tweġiba tal-Kummissjoni ma kinitx adegwata għaliex tonqos li tipprovdi d-dettalji tan-negozjati attwali mil-lat tal-“kapaċità ta' integrazzjoni” u tonqos li telenka l-prinċipji li għandhom isostnu din id-definizzjoni;

    10.

    jistenna li, matul il-fażi preċedenti tat-tkabbir li jmiss, il-Kummissjoni tanalizza l-impatt tat-tkabbir fuq il-politiki differenti kkonċernati u l-finanzjament tagħhom, flimkien ma' l-istruttura istituzzjonali ta' l-Unjoni. Dan l-eżerċizzju għandu jinkludi wkoll analiżi tad-diversi proċessi ta' riforma li qegħdin iseħħu fil-pajjiżi kandidati, notevolment fir-rigward ta' involviment akbar taċ-ċittadini fil-proċess ta' adeżjoni u fir-rigward tad-diċentralizzazzjoni amministrattiva;

    11.

    jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet Komunitarji jsaħħu l-azzjonijiet immirati sabiex iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom ikollhom il-possibbilità li jesprimu u jaqsmu fil-pubbliku l-opinjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proċess ta' integrazzjoni;

    12.

    f'dan l-isfond jemmen li analiżi dettaljata tal-futur tal-Politika ta' Koeżjoni hija kruċjali u li jkun għaqli li jkunu provduti simulazzjonijiet li jirriflettu d-diversi xenarji tat-tkabbir li huma possibbli; eżerċizzju dwar il-kapaċità ta' integrazzjoni ta' din ix-xorta, li jikkonċerna waħda mill-politiki l-aktar importanti ta' l-Unjoni mil-lat ekonomiku u soċjali u mil-lat tal-viżibilità tal-valur miżjud għaċ-ċittadini, għandu jitwettaq bi sħab miegħu;

    13.

    madanakollu huwa konxju tad-diffikultà li teżisti sabiex titkejjel il-“kapaċità ta' integrazzjoni” peress li min-natura tagħha din mhix statika, minħabba li l-mezzi maħluqa mill-Unjoni ħalli tikseb l-għanijiet tagħha jistgħu jinbidlu matul is-snin; għaldaqstant jitlob għal definizzjoni aktar ċara tal-kapaċità ta' integrazzjoni u kif din tista' titkejjel;

    14.

    jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokaligħandhom ikunu involuti direttament fil-monitoraġġ tal-politiki Ewropej speċifiċi li jaffettwawhom u fil-valutazzjonijiet ta' l-impatt rilevanti kull meta dawn jiġu emendati bħala riżultat tat-tkabbir. Dan huwa partikolarment importanti għar-reġjuni li qegħdin fil-fruntiera ma' pajjiżi kandidati;

    15.

    jappoġġja t-talba tal-Parlamet Ewropew sabiex ikun jista' jagħti l-kunsens tiegħu, mhux biss fl-aħħar tan-negozjati, iżda wkoll qabel dawn jibdew;

    16.

    itenni d-deċiżjoni tiegħu li jwaqqaf gruppi ta' ħidma (il-Balkani tal-punent, il-Kroazja u t-Turkija) bħala mod prattiku sabiex jgħin lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-pajjiżi kandidati fl-isforz tagħhom għal “capacity building” u sabiex jissaħħaħ id-djalogu politiku meħtieġ bejn l-UE u dawn il-pajjiżi; jittama wkoll illi dawn jiżviluppaw f'Kumitati Konsultattivi Konġunti, kif kien previst fid-diversi ftehimiet ta' assoċjazzjoni, ħalli b'hekk ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-pajjiżi kandidati matul il-fażi tan-negozjati;

    17.

    jinsab konvint li d-dibattitu dwar il-“kapaċità ta' integrazzjoni” għandu jservi wkoll ta' kontinwazzjoni tad-djalogu fuq il-limiti ta' l-UE, peress li deċiżjoni meħuda sabiex it-tkabbir ma jkunx estiż għal pajjiż kandidat speċifiku jew għall-pajjiżi oħrajn li għamlu t-talba iżda li t-talba tagħhom ġiet irrifjutata timplika l-ewwelnett it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u t-tieninett, l-użu ta' approċċ funzjonali (kummerċ ħieles jew kooperazzjoni territorjali, per eżempju) li jwasslu għal żvilupp ta' forom ta' integrazzjoni divrenzjata u/jew ta' sħubijiet speċjali;

    Riforma istituzzjonali u finanzjarja

    18.

    jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, u min-naħa tiegħu jenfasizza l-bżonn li jiġu solvuti l-kwistjonijiet istituzzjonali qabel ma jkun hemm aktar tkabbir u qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ser jinżammu fl-2009; itenni s-sejħa tiegħu sabiex il-proċess ta' riforma jidentifika metodi ħalli l-proċeduri ta' teħid ta' deċizjonijiet ta' l-UE jkunu aktar effettivi u, fl-istess ħin titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess leġislattiv Ewropew, filwaqt li jirrikonoxxi l-potezjal ta' gvernanza li taġixxi fuq ħafna livelli fl-Ewropa wara t-tkabbir;

    19.

    jemmen li jkun pass siewi li l-Kumitat tar-Reġjuni jkun involut fir-riforma tas-sistema ta' l-iffinanzjar ta' l-UE, li għandha sseħħ b'mod parallel mal-proċess ta' riforma istituzzjonali; f'dan ir-rigward itenni li jinsab konvint li hija impossibbli li tinkiseb “aktar Ewropa” b'inqas riżorsi; u jisħaq li huwa importanti ħafna għall-istruttura finanzjarja futura li jkun hemm konċentrazzjoni fuq is-setturi li jġibu valur miżjud Ewropew;

    Trasparenza u komunikazzjoni għall-kunsens pubbliku

    20.

    jilqa' b'mod favorevoli l-proposti tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza tan-negozjati għall-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċess tat-tkabbir u jitnaqqas id-distakk eżistenti bejn iċ-ċittadini u l-mexxejja politiċi tagħhom li huma marbutin li jagħmlu l-għażliet dwar l-adeżjoni u t-tkabbir, u jikkonsidra xieraq — bil-għan li jintlaħaq dan l-iskop u tissaħħaħ il-kwalità tan-negozjati — li s-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-pajjiżi kandidati għandhom ikunu involuti b'mod attiv fid-diversi stadji tal-proċess ta' adeżjoni, u li l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun involut fil-proċess ta' screening għall-kapitoli dwar il-politika ta' koeżjoni u d-diċentralizzazzjoni;

    21.

    jenfasizza li, sabiex tkun konsistenti ma' l-approċċ tagħha ta' trasparenza u onestà lejn iċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha tipprovdi t-test tar-rapport annwali tagħha dwar il-pajjiżi kandidati għall-UE u dawk potenzjali fil-lingwi mitkellma miċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi, sabiex tittejjeb il-kwalità tal-proċess ta' adeżjoni ħalli ċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-dibattitu nazzjonali dwar id-dħul fl-UE;

    22.

    jenfasizza barra minn hekk li l-proċess ta' adeżjoni, kif inhu strutturat illum, ġeneralment jiġi impost minn fuq u mhuwiex neċessarjament suġġett għall-kontroll demokratiku tal-Parlament jew ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-pajjiżi kandidati, matul il-proċess ta' adeżjoni, u lanqas ma jinvolvi direttament liċ-ċittadini, lill-partiti politiċi, lis-soċjetà ċivili jew lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Din ir-realtà tfisser li:

    a)

    ir-ritmu mgħaġġel impost mill-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-pajjiżi kandidati mhux dejjem mexa bl-istess pass tal-kunsens taċ-ċittadini;

    b)

    dawn it-tibdiliet mhux dejjem imxew bl-istess pass tal-proċess tad-diċentralizzazzjoni amministrattiva li madanakollu sservi ta' katalista ħalli jinkisbu d-demokratizzazzjoni u l-kunsens;

    ċ)

    ir-riformi interni, politiki u soċjali imposti mill-politika tat-tkabbir huma applikati fuq l-istrutturi amministrattivi, kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali jew lokali, li għandhom tendenza li jkunu debboli u li jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien ta' amministrazzjonijiet Ewropej oħrajn, u mir-rispett tad-diversità u s-sussidjarjetà;

    23.

    jikkonsidra għalhekk li approċċ aktar parteċipattiv, anke permezz tal-ġemellaġġ — proċess li ta prova kemm huwa kruċjali sabiex il-popolazzjonijiet isiru jafu lil xulxin — jiffaċilita l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta' l-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kandidati, u jwassal sabiex il-gvernijiet lokali, reġjonali u nazzjonali jimplimentaw ir-riformi meħtieġa ta' l-amministrazzjoni u tal-ġustizzja;

    24.

    jappoġġja l-approċċ enfasizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni dwar ir-rwol li għandhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qasam tal-komunikazzjoni, politika li għandha tkun diċentralizzata aktar bis-sħiħ u li għandha tkun miftuħa għall-kontribuzzjonijiet mis-soċjetà ċivili sabiex tiġġenera kunsens ta' l-opinjoni pubblika kemm fl-Istati Membri u kemm fil-pajjiżi kandidati, permezz tal-ħidma tagħhom sabiex jissaħħu t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-proċess ta' tkabbir, ħalli b'hekk sakemm ikun possibbli dan il-proċess ikun wieħed konġunt; għaldaqstant japprova l-proposti tal-Kummissjoni, iżda fl-istess ħin mhux tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tonqos mir-responsabbiltajiet politiċi tagħha lejn il-politika ta' komunikazzjoni dwar it-tkabbir, u għalhekk jistedinha sabiex tħeġġeg lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jadottaw l-istrumenti neċessarji sabiex dan l-isforz konġunt ikun suċċess;

    25.

    jistieden lill-awtorità baġitarja ta' l-UE sabiex tagħti kontribut finanzjarju għall-isforz li l-awtoritajiet reġjonali u lokali ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati ta' l-UE jridu jagħmlu, waqt li jipprovdu fondi għall-kampanji ta' informazzjoni dwar it-tkabbir fuq livell reġjonali u lokali kif ukoll jappoġġjaw l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati fil-kompitu tagħhom li jwasslu l-messaġġ Ewropew.

    Brussell, 6 ta' Ġunju 2007.

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Michel DELEBARRE

    II.   Proċedura

    Titolu

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006 — 2007 li tinkludi rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda

    Referenzi

    COM(2006) 649 finali

    Bażi legali

    L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 265 tat-Trattat tal-KE

    Bażi għal proċedura

     

    Data tar-referral tal-Kummissjoni

    8.11.2006

    Data tad-deċiżjoni tal-Bureau

    25.4.2006

    Kummissjoni kompetenti

    Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Kooperazzjoni Diċentralizzata (RELEX)

    Rapporteur

    Is-Sur Isidoro Gottardo (IT/EPP), Membru tal-kunsill muniċipali ta' Sacile (PN)

    Nota ta' analiżi

    7.12.2006

    Diskuss fil-kummissjoni

    25.1.2007

    Data ta' l-adozzjoni mill-kummissjoni

    29.3.2007

    Riżultat tal-votazzjoni fil-kummissjoni

    Adottata b'maġġoranza

    Data ta' l-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

    6 ta' Ġunju 2007

    Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat tar-Reġjuni

    CdR 115/2006 fin (1), Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-Balkani tal-Punent fi triqithom lejn l-UE: it-tisħiħ ta' l-istabilità u t-tkattir tal-prosperità” COM(2006) 27 final Rapporteur is-Sur Franz Schausberger (AT/PPE), adottata fil-Plenarja tal-KtR l-14.6.2006

    CdR 50/2006 fin (2), Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Djalogu tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u l-Pajjiżi Kandidati” COM (2005) 290 final. Rapporteur is-Sur Isidoro Gottardo (IT/PPE), adottata fil-Plenarja tal-KtR, is-27.4.2006

    CdR 499/2004 fin (3), Opinjoni dwar “Id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mal-Kroazja” COM(2004) 275 final. Rapporteur is-Sur Isidoro Gottardo (IT/PPE), adottata fil-Plenarja tal-KtR, it-13.10.2005

    CdR 495/2004 fin (4), Opinjoni dwar ir-“Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni” COM(2004) 656 final Rapporteur is-Sinjura Helene Lund (DK/PES), adottata fil-Plenarja tal-KtR, is-6.7.2005


    (1)  ĠU C 51, 6.3.2007, p. 16.

    (2)  ĠU C 206, 29.8.2006, p. 23.

    (3)  ĠU C 81, 4.4.2006, p. 42.

    (4)  ĠU C 31, 7.2.2006, p. 11.


    Top