This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006AG0005
Common Position (EC) No 5/2006 of 23 January 2006 adopted by the Council, acting in accordance with the procedure referred to in Article 251 of the Treaty establishing the European Community, with a view to adopting a Directive of the European Parliament and of the Council establishing an Infrastructure for Spatial Information in the European Community (INSPIRE)
Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 5/2006, tat- 23 ta' Jannar 2006 , adottata mill-Kunsill, bi qbil mal-proċedura ta' l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE)
Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 5/2006, tat- 23 ta' Jannar 2006 , adottata mill-Kunsill, bi qbil mal-proċedura ta' l-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea, bil-għan li tiġi adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE)
ĠU C 126E, 30.5.2006, p. 16–32
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
30.5.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C NaN/16 |
POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 5/2006
adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Jannar 2006
bl-għan li tiġi adottata d-Direttiva …/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- … li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE)
(2006/C 126 E/02)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Il-politika Komunitarja dwar l-ambjent għandha taspira li tilħaq livell għoli ta' protezzjoni b'kont meħud tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni varji tal-Komunità. Minbarra dan, hija meħtieġa informazzjoni, li tinkludi informazzjoni ġeografika, għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' din il-politika u ta' linji politiċi Komunitarji oħra, li għandhom jintegraw il-ħtiġijiet ta' protezzjoni ambjentali skond l-Artikolu 6 tat-Trattat. Sabiex integrazzjoni ta' dan it-tip isseħħ jeħtieġ li tiġi stabbilita miżura ta' koordinazzjoni bejn l-utenti u dawk li jipprovdu l-informazzjoni sabiex b'hekk informazzjoni u tagħrif minn setturi differenti jistgħu jiġu magħquda. |
(2) |
Is-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent adottat mid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa sabiex ikun żgurat li t-tfassil tal-politika ambjentali tal-Komunità jiġi mwettaq b'mod integrat, b'kont meħud tad-differenzi lokali u reġjonali. Jeżistu numru ta' problemi fir-rigward tad-disponibbilità, il-kwalità, l-organizzazzjoni, l-aċċessibilità u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni ġeografika meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi mniżżla f'dak il-programm. |
(3) |
Il-problemi fir-rigward tad-disponibbilità, il-kwalità, l-organizzazzjoni, l-aċċessibilità u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni ġeografika huma komuni għal numru kbir ta' temi ta' politika u informazzjoni u huma esperjenzati f'diversi livelli ta' awtorità pubblika. Sabiex dawn il-problemi jiġu solvuti, huwa meħtieġ li jkun hemm miżuri li jindirizzaw l-iskambju, il-kondiviżjoni, l-aċċess u l-użu ta' data ġeografika interoperabbli u servizzi ta' data ġeografika f'diversi livelli ta' awtoritajiet pubbliċi u f'setturi differenti. Infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fil-Komunità għandha għalhekk tiġi stabbilita. |
(4) |
L-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (“INSPIRE”), għandha tassisti fit-tfassil tal-politika fir-rigward ta' politika u attivitajiet li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq l-ambjent. |
(5) |
INSPIRE għandha tkun ibbażata fuq l-infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika li huma maħluqa mill-Istati Membri u li huma kompatibbli ma' regoli ta' implimentazzjoni komuni u huma supplimentati b'miżuri fuq il-livell Komunitarju. Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li l-infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika maħluqa mill-Istati Membri jkunu kompatibbli u jistgħu jintużaw f kuntest Komunitarju u transkonfinali. |
(6) |
L-infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika fl-Istati Membri għandhom jitfasslu b'mod li jiżguraw li data ġeografika tkun maħżuna, disponibbli u miżmuma fl-aktar livell adatt; li jkun possibbli li data ġeografika minn sorsi differenti mill-Komunità kollha tiġi magħquda b'mod konsistenti u tkun tista' tiġi kondiviża bejn diversi utenti u applikazzjonijiet; li jkun possibbli li data ġeografika miġbura fuq livell wieħed ta' awtoritajiet pubbliċi tkun tista' tiġi kondiviża bejn awtoritajiet pubbliċi oħra sal-punt li d-Direttiva timponi fuq tali awtoritajiet pubbliċi dmir li jikkondividu data ġeografika; li data ġeografika tkun disponibbli taħt kundizzjonijiet li ma jirrestrinġux aktar milli dovut l-użu estensiv tagħha; li jkun faċli li tiġi skoperta data ġeografika disponibbli, li jkun evalwat kemm hi adattata għall-għan u li jkunu magħrufa l-kundizzjonijiet applikabbli għall-użu tagħha. |
(7) |
Hemm ammont ta' sovrapożizzjoni bejn l-informazzjoni ġeografika koperta minn din id-Direttiva u l-informazzjoni koperta mid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali (4). Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għad-Direttiva 2003/4/KE. |
(8) |
Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (5), li l-objettivi tagħha huma kumplimentari għal dawk ta' din id-Direttiva. |
(9) |
L-istabbiliment ta' INSPIRE ser tirrappreżenta valur miżjud sinifikanti għal — u se jibbenefika ukoll minn — inizjattivi oħra Komunitarji bħal ma huma r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 ta' Mejju 2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo (6) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-“Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): l-istabbiliment ta' kapaċità GMES sa l-2008 — (Pjan ta' Azzjoni 2004-2008)”. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-użu tad-data u s-servizzi li jirriżultaw mill-Galileo u l-GMES hekk kif isiru disponibbli, b'mod partikolari dawk relatati mar-referenzi ta' ħin u spazju minn Galileo. |
(10) |
Bosta inizjattivi huma meħuda fuq livell nazzjonali u Komunitarju għall-ġbir, l-armonizzazzjoni jew l-organizzazzjoni tad-disseminazzjoni jew l-użu ta' informazzjoni ġeografika. Tali inizzjattivi jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta' leġislazzjoni Komunitarja (per eżempju bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/479/KE tas-17 ta' Lulju 2000 dwar l-implimentazzjoni ta' reġistru Ewropew ta' emissjoni ta' sustanzi li jniġġsu (EPER) skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (IPPC) (7) u r-Regolament (KE) Nru 2152/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar il-monitoraġġ tal-foresti u ta' l-interazzjonijiet ambjentali fil-Komunità (Forest Focus) (8), fil-qafas ta' programmi finanzjati mill-Komunità (per eżempju CORINE land cover, Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Politika tat-Trasport) jew jistgħu joħorġu minn inizjattivi meħuda fuq livell nazzjonali jew reġjonali. Din id-Direttiva mhux biss ser tikkumplimenta tali inizjattivi billi tipprovdi qafas li jagħmilha possibbli għalihom li jsiru interoperabbli, iżda ser tibni wkoll fuq esperjenza u inizjattivi eżistenti iktar milli tidduplika ħidma li diġà saret. |
(11) |
Din id-Direttiva għandha tapplika għal data ġeografika miżmuma minn jew f'isem awtoritajiet pubbliċi u għall-użu ta' data ġeografika minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom. Madankollu, hija għandha tapplika wkoll għal data ġeografika, taħt ċertu kundizzjonijiet, li hija miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li mhumiex awtoritajiet pubbliċi, dment li dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jitolbu dan. |
(12) |
Din id-Direttiva m'għandhiex tistabbilixxi ħtiġijiet għall-ġbir ta' data ġdida, jew għall-irrappurtar ta' tali informazzjoni lill-Kummissjoni, billi dawk il-kwistjonijiet huma regolati minn leġislazzjoni oħra relatata ma' l-ambjent. |
(13) |
L-implimentazzjoni ta' l-infrastrutturi nazzjonali għandha tkun progressiva u, għaldaqstant, it-temi ta' data ġeografika koperti minn din id-Direttiva għandhom jingħataw livelli differenti ta' prijorità. L-implimentazzjoni għandha tqis sa liema punt id-data ġeografika hija meħtieġa għal medda wiesgħa ta' applikazzjonijiet f'diversi oqsma ta' politika, tal-prijorità ta' azzjonijiet previsti minn politika Komunitarja li jeħtieġu data ġeografika armonizzata u tal-progress li diġà sar mill-isforzi ta' armonizzazzjoni mwettqa fl-Istati Membri. |
(14) |
It-telf ta' ħin u ta' riżorsi fit-tfittix għal data ġeografika eżistenti jew fid-deċiżjoni dwar jekk tistax tintuża għal skop partikolari huwa ostaklu prinċipali għall-isfruttament sħiħ tad-data disponibbli. L-Istati Membri għandhom għalhekk jipprovdu deskrizzjonijiet ta' settijiet ta' data ġeografika u servizzi disponibbli fil-forma ta' metadata. |
(15) |
Peress li d-diversità wiesgħa ta' formats u strutturi li fihom hija organizzata d-data ġeografika u li permezz tagħhom wieħed jista' jkollu aċċess għad-data t-territorju fil-Komunità tfixkel il-formulazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni effiċjenti ta' leġislazzjoni Komunitarja li direttament jew indirettament taffettwa l-ambjent, għandhom ikunu previsti miżuri ta' implimentazzjoni sabiex jiffaċilitaw l-użu ta' data ġeografika minn sorsi differenti fl-Istati Membri. Dawk il-miżuri għandhom ikunu mfassla sabiex is-settijiet ta' data ġeografika jkunu interoperabbli, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe data jew informazzjoni meħtieġa għall-finijet tal-kisba ta' interoperabilità tkun disponibbli taħt kondizzjonijiet li ma jirrestrinġux l-użu tagħha għal dak il-għan. |
(16) |
Huma meħtieġa servizzi ta' networks għall-kondiviżjoni ta' data ġeografika bejn id-diversi livelli ta' awtorità pubblika fil-Komunità. Dawk is-servizzi ta' network għandhom jagħmluha possibbli li wieħed jiskopri, jittrasforma, jara u jniżżel mill-Internet data ġeografika u li wieħed juża data ġeografika u servizzi ta' l-e-commerce. Is-servizzi tan-networks għandhom jaħdmu skond speċifikazzjonijiet u kriterji ta' prestazzjoni minimi miftehma b'mod komuni sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità ta' l-infrastrutturi stabbiliti mill-Istati Membri. In-network ta' servizzi għandu jinkludi wkoll il-possibbiltà teknika sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jagħmlu disponibbli s-settijiet u s-servizzi tagħhom ta' data ġeografika. |
(17) |
Ċerti settijiet ta' data ġeografika u servizzi rilevanti għall-politika Komunitarja li direttament jew indirettament jaffettwaw l-ambjent huma miżmuma u mħaddma minn partijiet terzi. L-Istati Membri għandhom għalhekk joffru lill-partijiet terzi l-possibilità li jikkontribwixxu għall-infrastrutturi nazzjonali, dment li l-koeżjoni u l-faċilità ta' l-użu tad-data ġeografika u s-servizzi ta' data ġeografika koperti minn dawk l-infrastrutturi mhumiex imxekkla b'dan il-mod. |
(18) |
L-esperjenza fl-Istati Membri wriet li huwa importanti, għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' infrastruttura għal informazzjoni ġeografika, li jkun hemm disponibbli numru minimu ta' servizzi għall-pubbliku mingħajr ħlas. L-Istati Membri għandhom għalhekk ta' l-inqas jagħmlu li s-servizzi għall-iskoperta ta' settijiet ta' data ġeografika ikunu disponibbli mingħajr ħlas. |
(19) |
Sabiex tkun megħjuna l-integrazzjoni ta' l-infrastrutturi nazzjonali f'INSPIRE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għall-infrastrutturi tagħhom permezz ta' ġeo-portal Komunitarju mħaddem mill-Kummissjoni, kif ukoll permezz ta' kwalunkwe punti ta' aċċess li huma stess jiddeċiedu li jħaddmu. |
(20) |
Sabiex informazzjoni mid-diversi livelli ta' awtorità pubblika tkun disponibbli, l-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakoli prattiċi li l-awtoritajiet pubbliċi jħabbtu wiċċhom magħhom f'dak ir-rigward fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali fit-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq l-ambjent. Dawn l-ostakoli prattiċi għandhom jitneħħew fil-punt fejn l-informazzjoni tkun ser tintuża għall-kompitu pubbliku. |
(21) |
L-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jkollhom aċċess mingħajr tfixkil għas-settijiet u s-servizzi rilevanti ta' data ġeografika matul l-eżekuzzjoni tal-kompiti pubbliċi tagħhom. Tali aċċess jista' jkun imfixkel jekk ikun jiddependi fuq negozjati individwali ad hoc bejn l-awtoritajiet pubbliċi kull darba li l-aċċess jkun meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu tali ostakoli prattiċi għall-kondiviżjoni ta' data, per eżempju bl-użu ta' ftehim minn qabel bejn l-awtoritajiet pubbliċi. |
(22) |
Il-mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' settijiet ta' data ġeografika bejn il-gvern u amministrazzjonijiet pubbliċi oħra u persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu qed iwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi taħt il-liġi nazzjonali tista' tkun tinvolvi liġijiet, regolamenti, arranġamenti ta' liċenzjar jew finanzjament jew proċeduri amministrattivi, per eżempju għall-protezzjoni tal-vijabbiltà finanzjarja ta' dawk l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom id-dmir li jżidu d-dħul, jew per eżempju dawk li d-data tagħhom hija biss parzjalment sussidjata mill-Istat Membru sabiex hekk ikollhom jirkupraw l-ispejjeż mhux sussidjati billi jġagħlu lill-utenti jħallsu, jew per eżempju sabiex jiggarantixxu ż-żamma u l-aġġornar ta' dik id-data. |
(23) |
Il-possibilità għall-awtoritajiet pubbliċi li jfornu settijiet u servizzi ta' data ġeografika li jilliċenzjaw dawn is-settijiet u servizzi lil, u li jitolbu ħlas minn, awtoritajiet pubbliċi oħra li jużaw settijiet u servizzi ta' data ġeografika tista' tkun prevista fil-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-leġislazzjoni tat-traspożizzjoni tagħhom. |
(24) |
Id-dispożizzjonijiet tal-punt (f) ta' Artikolu 13(1) u ta' l-Artikolu 17(1) għandhom ikunu implimentati u applikati b'mod sħiħ b'mod konformi mal-prinċipji relatati mal-protezzjoni tad-data personali skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Paralment Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u l-moviment liberu ta' tali data (9). |
(25) |
Oqfsa għall-kondiviżjoni ta' data ġeografika bejn awtoritajiet pubbliċi li fuqhom id-Direttiva timponi dmir li jikkondividu għandhom ikunu newtrali fir-rigward ta' tali awtoritajiet pubbliċi fi ħdan Stat Membru, imma wkoll fir-rigward ta' tali awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra u ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. Peress li l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-korpi tagħhom ta' spiss jeħtieġu li jintegraw u jivvalutaw informazzjoni ġeografika mill-Istati Membri kollha, għandhom ikunu jistgħu jiksbu aċċess għal u jużaw data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika skond kundizzjonijiet armonizzati. |
(26) |
Bil-ħsieb li jiġi stimulat l-iżvilupp ta' servizzi ta' valur miżjud minn partijiet terzi, għall-benefiċċju kemm ta' l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-pubbliku, jeħtieġ li jiġi faċilitat l-aċċess għal data ġeografika li hija mifruxa fuq konfini amministrattivi jew nazzjonali. |
(27) |
L-implimentazzjoni effettiva ta' infrastrutturi għal informazzjoni ġeografika teħtieġ koordinazzjoni minn dawk kollha b'interess fl-istabbiliment ta' tali infrastrutturi, kemm jekk bħala kontributuri kif ukoll jekk bħala utenti. Strutturi adattatati ta' koordinazzjoni għandhom għalhekk ikunu stabbiliti kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq livell Komunitarju. |
(28) |
Sabiex jibbenefikaw mill-esperjenza eċċellenti u attwali ta' infrastrutturi ta' informazzjoni, jixraq li l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu appoġġati minn standards internazzjonali u standards adottati minn korpi ta' standardizzazzjoni Ewropej skond il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-proviżjoni ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi (10) u dwar regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni. |
(29) |
Peress li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta' Mejju 1990 dwar l-istabbiliment ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u tan-Network Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni Ambjentali (11) għandha l-kompitu li tipprovdi lill-Komunità b'informazzjoni ambjentali oġġettiva, affidabbli u kumparabbli fuq livell Komunitarju, u timmira inter alia lejn it-titjib ta' l-influss ta' informazzjoni ambjentali rilevanti għall-politika bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji, għandha tikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. |
(30) |
Skond il-punt 34 tal-ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (12), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, l-iskedi tagħhom li, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi. |
(31) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (13). |
(32) |
Xogħol ta' tħejjija għal deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għall-evoluzzjoni tal-ġejjieni ta' INSPIRE jeħtieġ monitoraġġ kontinwu ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva u rappurtar regolari. |
(33) |
Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta' INSPIRE, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-aspetti transnazzjonali u l-ħtieġa ġenerali fil-Komunità sabiex jiġu koordinati l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-iskambju u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni ġeografika, u jista' jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
1. L-għan ta' din id-Direttiva hu li tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment ta' l-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa “INSPIRE”), għall-finijiet tal-linji politiċi ambjentali tal-Komunità u linji politiċi jew attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent.
2. INSPIRE għandha tibni fuq infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika stabbiliti u operati mill-Istati Membri.
Artikolu 2
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2003/4/KE u 2003/98/KE.
Artikolu 3
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika” tfisser metadata, settijiet ta' data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika; servizzi u teknoloġiji ta' network; ftehim dwar kondiviżjoni, aċċess u użu; u mekkaniżmi, proċessi u proċeduri ta' koordinazzjoni u monitoraġġ stabbiliti, operati jew magħmula disponibbli skond din id-Direttiva; |
(2) |
“data ġeografika” tfisser kull data b'referenza diretta jew indiretta għal lokalità jew żona ġeografika speċifika; |
(3) |
“sett ta' data ġeografika” tfisser kollezzjoni identifikabbli ta' data ġeografika; |
(4) |
“servizzi ta' data ġeografika” tfisser l-operazzjonijiet li jistgħu jsiru, billi tintuża applikazzjoni tal-kompjuter, fuq id-data ġeografika li tinsab fis-settijiet ta' data ġeografika jew fuq il-metadata relatata; |
(5) |
“oġġett ġeografiku” tfisser rappreżentazzjoni astratta ta' fenomenu tad-dinja reali li għandha x'taqsam ma' lokalità jew żona ġeografika speċifika; |
(6) |
“metadata” tfisser informazzjoni li tiddeskrivi settijiet ta' data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika u li tagħmilha possibbli li tiskoprihom, iddaħħalhom f'inventarju u tużahom; |
(7) |
“interoperabbiltà” tfisser il-possibbiltà li settijiet ta' data ġeografika jiġu kombinati, u li s-servizzi jinteraġixxu, mingħajr interventi manwali ripetittivi, b'tali mod li r-riżultat ikun koerenti u l-valur miżjud tas-settijiet ta' data u s-servizzi huwa msaħħaħ; |
(8) |
“ġeoportal ta' INSPIRE” tfisser sit ta' l-internet, jew ekwivalenti, li jipprovdi aċċess għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 11(1); |
(9) |
“awtorità pubblika” tfisser:
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li meta l-organi jew l-istituzzjonijiet jaġixxu f'kapaċità ġudizzjarja jew leġislattiva, ma għandhomx jkunu meqjusa bħala awtorità pubblika għall-finijiet ta' din id-Direttiva; |
(10) |
“parti terza” tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li mhix awtorità pubblika. |
Artikolu 4
1. Din id-Direttiva għandha tkopri settijiet ta' data ġeografika li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
huma relatati ma' żona fejn Stat Membru għandu u/jew jeżerċita drittijiet ġurisdizzjonali; |
(b) |
huma f'format elettroniku; |
(ċ) |
huma miżmuma minn jew f'isem xi waħda minn dawn li ġejjin:
|
(d) |
għandhom x'jaqsmu ma' waħda jew iżjed mit-temi elenkati fl-Annessi I, II jew III. |
2. F'każijiet fejn kopji identiċi multipli ta' l-istess sett ta' data ġeografika huma miżmuma minn jew f'isem diversi awtoritajiet pubbliċi, din id-Direttiva tapplika biss għall-verżjoni ta' referenza li minnha huma dderivati d-diversi kopji.
3. Din id-Direttiva għandha tkopri wkoll is-servizzi ta' data ġeografika relatati mad-data li tinsab fis-settijiet ta' data ġeografika msemmija fil-paragrafu 1.
4. Din id-Direttiva ma titlobx il-ġbir ta' data ġeografika ġdida.
5. F'każ ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkonformaw mal-kondizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(ċ), iżda li dwarhom xi parti terza għandha drittijiet ta' proprjetà intellettwali, l-awtorità pubblika tista' tieħu azzjoni taħt din id-Direttiva biss bil-kunsens ta' dik il-parti terza.
6. B'deroga mill-paragrafu 1, din id-Direttiva għandha tkopri settijiet ta' data ġeografika miżmuma minn jew f'isem awtorità pubblika li topera fil-livell l-iżjed baxx ta' gvern fi Stat Membru biss jekk l-Istat Membru għandu liġijiet jew regolamenti li jeħtieġu l-ġbir jew id-disseminazzjoni tagħhom.
7. Id-deskrizzjoni teknika tat-temi ta' data ġeografika msemmija fl-Annessi I, II u III jistgħu jiġu adattati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2) sabiex jieħdu kont tal-ħtiġijiet li qed jevolvu għal data ġeografika b'appoġġ għal-linji politiċi tal-Komunità li jaffettwaw l-ambjent.
KAPITOLU II
METADATA
Artikolu 5
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħolqu metadata għas-settijiet ta' data ġeografika u s-servizzi li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Annessi I, II u III, u li dawk il-metadata jinżammu aġġornati.
2. Il-metadata għandhom jinkludu informazzjoni fuq li ġej:
(a) |
il-konformità ta' settijiet ta' data ġeografika mar-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1); |
(b) |
kondizzjonijiet li japplikaw għall-aċċess għal, u l-użu ta', settijiet u servizzi ta' data ġeografika u, fejn hu applikabbli, it-tariffi korrispondenti; |
(ċ) |
il-kwalità ta' data ġeografika, inkluż jekk humiex validati; |
(d) |
l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-istabbiliment, l-amministrazzjoni, il-manutenzjoni u d-distribuzzjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika; |
(e) |
limitazzjonijiet għall-aċċess pubbliku u r-raġunijiet għal tali limitazzjonijiet, skond l-Artikolu 13. |
3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-metadata huma kompleti u ta' kwalità suffiċjenti biex jissodisfaw l-għan stabbilit fil-punt (6) ta' l-Artikolu 3.
4. Ir-regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2). Dawn ir-regoli għandhom jieħdu kont ta' standards internazzjonali eżistenti li huma rilevanti u l-ħtiġijiet ta' l-utenti.
Artikolu 6
L-Istati Membri għandhom joħolqu l-metadata msemmija fl-Artikolu 5 skond l-iskeda li ġejja:
(a) |
mhux iktar tard minn sentejn wara d-data ta' l-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 5(4) fil-każ tas-settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Annessi I u II; |
(b) |
mhux iktar tard minn 5 snin wara d-data ta' l-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 5(4) fil-każ tas-settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Anness III. |
KAPITOLU III
INTEROPERABBILTÀ TA' SETTIJIET U SERVIZZI TA' DATA ĠEOGRAFIKA
Artikolu 7
1. Regoli ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti tekniċi għall-interoperabbiltà u, fejn hu prattikabbli, l-armonizzazzjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2). Għandu jittieħed kont ta' ħtiġijiet rilevanti ta' l-utenti, inizjattivi eżistenti u standards internazzjonali għall-armonizzazzjoni ta' settijiet ta' data ġeografika, il-fattibbiltà u l-kunsiderazzjonijiet tal-kost meta mqabbel mal-benefiċċju fl-iżvilupp tar-regoli ta' implimentazzjoni. Fejn organizzazzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi internazzjonali adottaw standards rilevanti biex jiżguraw l-interoperabbiltà jew l-armonizzazzjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika, dawn l-istandards għandhom jiġu integrati, u għandha ssir referenza għall-mezzi tekniċi eżistenti, jekk ikun xieraq, fir-regoli ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu.
2. Bħala bażi għall-iżvilupp tal-proposti għal tali regoli ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha f'analiżi tal-fattibbiltà u l-ispejjeż u benefiċċji mistennija. L-Istati Membri għandhom, jekk mitluba, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista' tipprepara din l-analiżi. Meta tipproponi tali regoli, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22(1) dwar ir-riżultati ta' l-analiżi tagħha. L-adozzjoni ta' tali regoli m'għandhiex tirriżulta fi spejjeż eċċessivi għal Stat Membru.
3. Safejn ikun vijabbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-settijiet kollha ta' data ġeografika miġbura jew aġġornati reċentement u s-servizzi korrispondenti ta' data ġeografika jinġiebu f'konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien sentejn mill-adozzjoni tagħhom, u li settijiet jew servizzi oħra ta' data ġeografika jinġiebu f'konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni fi żmien seba' snin mill-adozzjoni tagħhom.
4. Ir-regoli ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikopru d-definizzjoni u l-klassifikazzjoni ta' oġġetti ġeografiċi rilevanti għas-settijiet ta' data ġeografika relatati mat-temi elenkati fl-Anness I, II jew III u l-mod kif dik id-data ġeografika hija ġeo-referenzjata.
5. Rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll persuni naturali jew ġuridiċi oħra b'interess fid-data ġeografika kkonċernati minħabba r-rwol tagħhom fl-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika, inklużi utenti, produtturi, fornituri ta' servizzi b'valur miżjud jew kwalunkwe korp li jikkoordina għandhom jingħataw l-opportunità, skond il-proċeduri applikabbli, li jieħdu sehem fid-diskussjonijiet preparatorji dwar il-kontenut tar-regoli ta' implimentazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1, qabel il-konsiderazzjoni mill-Kumitat imsemmi l-Artikolu 22(1).
Artikolu 8
1. F'każ ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu ma' waħda jew aktar mit-temi elenkati fl-Anness I jew II, ir-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1) għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.
2. Ir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom jindirizzaw l-aspetti li ġejjin tad-data ġeografika:
(a) |
is-soluzzjonijiet biex tiġi żgurata identifikazzjoni mingħajr ambigwità ta' oġġetti ġeografiċi, li magħha identifikaturi nazzjonali eżistenti jistgħu jiġu assoċjati sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejniethom; |
(b) |
ir-relazzjoni bejn oġġetti ġeografiċi; |
(ċ) |
l-attributi ewlenin u t-teżawri multilingwi korrispondenti meħtieġa fuq bażi komuni għal-linji politiċi li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent; |
(d) |
informazzjoni dwar id-dimensjoni temporali tad-data; |
(e) |
aġġornamenti tad-data. |
3. Ir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jiżguraw konsistenza bejn oġġetti ta' informazzjoni li jirreferu għall-istess lokalità jew bejn oġġetti ta' informazzjoni li jirreferu għall-istess oġġett rappreżentat fi skali differenti.
4. Ir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jiżguraw li informazzjoni miksuba minn settijiet differenti ta' data ġeografika hija komparabbli fir-rigward ta' l-aspetti msemmija fl-Artikolu 7(4) u fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 9
Ir-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1) għandhom jiġu adottati skond l-iskeda ta' żmien li ġejja:
(a) |
mhux aktar minn ... (14) fil-każ tas-settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Anness I; |
(b) |
mhux aktar tard minn … (15) fil-każ tas-settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Annessi II jew III. |
Artikolu 10
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni, inkluża data, kodiċijiet u klassifikazzjonijiet tekniċi, meħtieġa għall-konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1) hija magħmula disponibbli lill-awtoritajiet pubbliċi jew il-partijiet terzi skond kondizzjonijiet li ma jirrestrinġux l-użu tagħha għal dak il-għan.
2. Sabiex ikun żgurat li data ġeografika relatata ma' karatteristika ġeografika, li l-lokalità tagħha hija mifruxa bejn żewġ Stati Membri jew aktar, tkun koerenti, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun xieraq, jiddeċiedu b'kunsens reċiproku dwar ir-rappreżentazzjoni u l-pożizzjoni ta' dawn il-karatteristiċi komuni.
KAPITOLU IV
SERVIZZI TA' NETWORK
Artikolu 11
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jħaddmu network tas-servizzi li ġejjin għas-settijiet u servizzi ta' data ġeografika li għalihom inħolqu metadata skond din id-Direttiva:
(a) |
servizzi ta' sejbien li jagħmlu possibbli t-tfittix ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika abbażi tal-kontenut tal-metadata korrispondenti u l-wiri tal-kontenut tal-metadata; |
(b) |
servizzi ta' viżjoni li jagħmluha possibbli, bħala minimu, li jintwerew, jiġu nnavvigati, isir zooming 'il barra u 'l ġewwa, isir panning, jew jitqiegħdu fuq xulxin settijiet li jistgħu jkunu viżibbli ta' data ġeografika u li jintwerew l-informazzjoni ta' spjega u kwalunkwe kontenut rilevanti tal-metadata; |
(ċ) |
servizzi ta'download, li jippermettu li kopji ta' settijiet ta' data ġeografika, jew partijiet minn tali settijiet jitniżżlu mill-Internet u, fejn prattikabbli jkun hemm aċċess dirett għalihom; |
(d) |
servizzi ta' trasformazzjoni, li jippermettu li settijiet ta' data ġeografika jiġu trasformati bil-ħsieb li tinkiseb l-interoperabbiltà; |
(e) |
servizzi li jippermettu li jintalbu servizzi ta' data ġeografika. |
Dawk is-servizzi għandhom jieħdu kont ta' ħtiġijiet rilevanti ta' l-utent u għandhom ikunu faċli biex jintużaw, disponibbli għall-pubbliku u aċċessibbli permezz ta' l-Internet jew xi mezz ieħor xieraq ta' telekomunikazzjoni.
2. Għall-finijiet tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1(a), bħala minimu l-kombinazzjoni li ġejja ta' kriterji tat-tfittix għandha tiġi implimentata:
(a) |
kliem ewlieni; |
(b) |
klassifikazzjoni ta' data u servizzi ġeografiċi; |
(ċ) |
il-kwalità ta' data ġeografika, inkluż dwar jekk humiex validati; |
(d) |
grad ta' konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1); |
(e) |
pożizzjoni ġeografika; |
(f) |
kondizzjonijiet li japplikaw għall-aċċess għal settijiet u servizzi ta' data ġeografika u l-użu tagħhom; |
(g) |
l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-istabbiliment, l-amministrazzjoni, il-manutenzjoni u d-distribuzzjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika. |
3. Is-servizzi ta' trasformazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(d) għandhom jiġu kombinati mas-servizzi l-oħra msemmija f'dak il-paragrafu b'tali mod li jippermetti li dawk is-servizzi kollha jkunu operati f'konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1).
Artikolu 12
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw il-possibiltà teknika li jorbtu s-settijiet u s-servizzi ta' data ġeografika tagħhom man-network imsemmi fl-Artikolu 11(1). Dan is-servizz għandu jkun magħmul disponibbli wkoll fuq talba minn partijiet terzi li s-settijiet u servizzi ta' data ġeografika tagħhom jikkonformaw mar-regoli ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu obbligi fir-rigward, b'mod partikolari, ta' metadata, servizzi ta' network u interoperabbiltà.
Artikolu 13
1. B'deroga mill-Artikolu 11(1), l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-aċċess pubbliku għas-settijiet u s-servizzi ta' data ġeografika permezz tas-servizzi msemmija fil-punti (a) sa (e) ta' l-Artikolu 11(1), jew għas-servizzi ta' l-e-kummerċ msemmija fl-Artikolu 14(2), fejn tali aċċess ikun jaffettwa negattivament lil xi wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) |
il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta' awtoritajiet pubbliċi, fejn tali kunfidenzjalità hija prevista mill-liġi; |
(b) |
relazzjonijiet internazzjonali, sigurtà pubblika jew difiża nazzjonali; |
(ċ) |
il-kors tal-ġustizzja, il-kapaċità ta' kwalunkwe persuna li tirċievi proċess ġust fil-qorti jew il-kapaċità ta' awtorità pubblika li tmexxi inkjesta ta' natura kriminali jew dixxipplinari; |
(d) |
il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali jew industrijali, fejn tali kunfidenzjalità hi prevista mill-liġi nazzjonali jew tal-Komunità biex jitħares interess ekonomiku leġittimu, inkluż l-interess pubbliku biex tinżamm kunfidenzjalità ta' l-istatistika u segretezza tat-taxxa; |
(e) |
id-drittijiet dwar proprjetà intellettwali; |
(f) |
il-kunfidenzjalità ta' data personali u/jew files relatati ma' persuna fiżika fejn dik il-persuna ma tatx il-kunsens tagħha għall-iżvelar ta' l-informazzjoni lill-pubbliku, fejn tali kunfidenzjalità hi prevista mil-liġi nazzjonali jew tal-Komunità; |
(g) |
l-interessi jew il-protezzjoni ta' kwalunkwe persuna li pprovdiet l-informazzjoni mitluba fuq bażi volontarja mingħajr ma kienet taħt, jew kapaċi li titpoġġa taħt, obbligu legali biex tagħmel dan, ħlief jekk dik il-persuna tat il-kunsens għar-rilaxx ta' l-informazzjoni kkonċernata; |
(h) |
il-protezzjoni ta' l-ambjent li għalih tirrelata din l-informazzjoni, bħall-post fejn jinsabu speċi rari. |
2. Ir-raġunijiet biex jiġi limitat l-aċċess, kif previst fil-paragrafu 1, għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv, filwaqt li jittieħed fil-kont għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi billi jiġi pprovdut dan l-aċċess. F'kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bis-saħħa ta' l-iżvelar għandu jitwieżen kontra l-interess moqdi billi jiġi limitat jew ikkondizzjonat l-aċċess. L-Istati Membri ma jistgħux, bis-saħħa tal-paragrafi 1(a), (d), (f), (g) u (h), jillimitaw l-aċċess għal informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent.
Madankollu, fejn il-paragrafu 1(d) jew (f) huwa r-raġuni għal-limitazzjoni ta' l-aċċess, l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu japplika biss meta l-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 jikkonċerna informazzjoni ambjentali kif definita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/4/KE.
3. F'dan il-qafas, u għall-iskopijiet ta' l-applikazzjoni tas-subparagrafu 1(f), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mal-ħtiġiet tad-Direttiva 95/46/KE.
Artikolu 14
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) |
is-servizzi msemmija fil-punt (a) ta' l-Artikolu 11(1) huma disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas; |
(b) |
is-servizzi msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) huma, bħala regola, disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Madankollu, fejn il-ħlasijiet u/jew il-liċenzji huma prekondizzjoni essenzjali biex jinżammu s-settijiet u s-servizzi ta' data ġeografika jew biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta' infrastruttura ta' data ġeografika internazzjonali diġà eżistenti b'mod sostenibbli, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ħlasijiet u/jew liċenzji jew lill-persuna li qed tipprovdi s-servizz lill-pubbliku, jew, meta jagħżel il-fornitur tas-servizz, lill-pubbliku nnifsu. |
2. Data magħmula disponibbli permezz tas-servizzi ta' viżjoni msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) jistgħu jkunu f'forma li tipprevjeni l-użu tagħhom mill-ġdid għal skopijiet finanzjarji.
3. Fejn l-awtoritajiet pubbliċi jiġbru ħlas għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 11(1)(b),(ċ) jew (e), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli servizzi ta' l-e-kummerċ.Tali servizzi jistgħu jiġu koperti minn dikjarazzjonijiet ta' ċaħda, liċenzji click jew liċenzji.
Artikolu 15
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tħaddem geo-portal ta' INSPIRE fuq livell Komunitarju.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 11(1) permezz tal-ġeoportal ta' INSPIRE Komunitarju msemmi fil-paragrafu 1. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu aċċess għal dawk is-servizzi permezz tal-punti ta' aċċess tagħhom stess.
Artikolu 16
Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2), u għandhom b'mod partikolari jistipulaw dan li ġej:
(a) |
speċifikazzjonijiet tekniċi għas-servizzi msemmija fl-Artikoli 11 u 12 u kriterji minimi ta' prestazzjoni għal dawk is-servizzi, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġiet eżistenti ta' rapportar u rakkomandazzjonijiet adottati fi ħdan il-qafas ta' leġislazzjoni Komunitarja dwar l-ambjent, servizzi eżistenti ta' l-e-commerce u progress teknoloġiku; |
(b) |
l-obbligi msemmija fl-Artikolu 12. |
KAPITOLU V
KONDIVIŻJONI TAD-DATA
Artikolu 17
1. Kull Stat Membru għandu jadotta miżuri għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika bejn l-awtoritajiet pubbliċi tiegħu msemmija fl-Artikolu 3(9)(a) u (b). Dawk il-miżuri għandhom jippermettu li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom aċċess għas-settijiet u servizzi ta' data ġeografika, u li jiskambjaw u jużaw dawk is-settijiet u servizzi, għall-skopijiet ta' kompiti pubbliċi li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent.
2. Il-miżuri previsti fil-paragrafu 1 għandhom jipprekludu kwalunkwe restrizzjoni li għandha mnejn toħloq, meta tiġa użata, ostakli prattiċi għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika.
3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu settijiet u servizzi ta' data ġeografika milli jilliċenzjawhom għal, u jeħtieġu ħlas mingħand, l-awtoritajiet pubbliċi jew l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Komunità li jużaw dawn is-settijiet u servizzi ta' data ġeografika.
4. L-arranġamenti għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu miftuħa għall-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-Artikolu 3(9)(a) u (b) ta' Stati Membri oħra u għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità, għall-iskopijiet ta' kompiti pubbliċi li jistgħu jkollhom impatt fuq l-ambjent.
5. L-arranġamenti għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu miftuħa, fuq bażi reċiproka u ekwivalenti, għal korpi stabbiliti minn ftehim internazzjonali, li tagħhom il-Komunità u l-Istati Membri huma partijiet, għall-iskopijiet ta' kompiti li jistgħu jkollhom impatt fuq l-ambjent.
6. Fejn l-arranġamenti għall-kondiviżjoni ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 huma magħmula disponibbli skond il-paragrafi 4 u 5, dawn l-arranġamenti jistgħu jiġu akkumpanjati bi ħtiġiet nazzjonali li jikkundizzjonaw l-użu tagħhom.
7. B'deroga minn dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kondiviżjoni meta dan jikkomprometti l-kors tal-ġustizzja, is-sigurtà pubblika, id-difiża nazzjonali jew ir-relazzjonijiet internazzjonali.
8. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità b'aċċess għal settijiet u servizzi ta' data ġeografika skond kondizzjonijiet armonizzati. Regoli ta' implimentazzjoni li jirregolaw dawk il-kondizzjonijiet għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2).
9. Dan l-Artikolu ma jaffettwax l-eżistenza jew il-proprjetà tad-drittijiet dwar proprjetà intellettwali ta' l-awtoritajiet tas-settur pubbliku.
KAPITOLU VI
KOORDINAZZJONI U MIŻURI KOMPLIMENTARI
Artikolu 18
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu nominati strutturi u mekkaniżmi adatti għall-koordinazzjoni tal-kontributi ta' dawk kollha li għandhom interess fl-infrastruttura tagħhom għall-informazzjoni ġeografika.
Dawn l-istrutturi għandhom jikkoordinaw il-kontributi ta', fost oħrajn, utenti, produtturi, fornituri tas-servizzi b'valur miżjud u korpi ta' koordinazzjoni, rigward l-identifikazzjoni ta' settijiet rilevanti ta' data, ħtiġijiet ta' l-utent, il-proviżjoni ta' informazzjoni dwar prattiki eżistenti u l-proviżjoni ta' reazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.
Artikolu 19
1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta' INSPIRE fil-Komunità fuq livell Komunitarju u għandha tiġi megħjuna għal dak l-iskop minn organizzazzjonijiet rilevanti u, b'mod partikolari, mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
2. Kull Stat Membru għandu jinnomina punt ta' kuntatt, ġeneralment awtorità pubblika, li tkun responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni fir-rigward ta' din id-Direttiva.
Artikolu 20
Ir-regoli ta' implimentazzjoni msemmija f'din id-Direttiva għandhom jieħdu kont dovut ta' standards adottati mill-korpi Ewropej ta' standardizzazzjoni skond il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE, kif ukoll ta' standards internazzjonali.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 21
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni u l-użu ta' l-infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika tagħhom. Għandhom jagħmlu r-riżultati ta' dan il-monitoraġġ aċċessibbli għall-Kummissjoni u lill-pubbliku fuq bażi permanenti.
2. Mhux aktar tard minn … (16), l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni rapport li jinkludi deskrizzjonijiet qosra dwar:
(a) |
kif il-fornituri u l-utenti fis-settur pubbliku ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika u korpi intermedjarji huma kkoordinati, u r-relazzjoni mal-partijiet terzi u l-organizzazzjoni ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità, safejn prattikabbli; |
(b) |
il-kontribut magħmul mill-awtoritajiet pubbliċi jew partijiet terzi għall-funzjonament u l-koordinazzjoni ta' l-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika; |
(ċ) |
informazzjoni dwar l-użu ta' l-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika; |
(d) |
ftehim ta' kondiviżjoni ta' data bejn l-awtoritajiet pubbliċi; |
(e) |
l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. |
3. Kull tliet snin, u mhux aktar minn… (17), l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni rapport li jipprovdi informazzjoni aġġornata fir-rigward tal-punti msemmija fil-paragrafu 2.
4. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(2).
Artikolu 22
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.
2. Fejn hemm riferiment għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.
Artikolu 23
Sa … (18) u kull sitt snin wara l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva bbażat, inter alia, fuq rapporti minn Stati Membri skond l-Artikolu 21(2) u (3).
Fejn jeħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għal azzjoni Komunitarja.
Artikolu 24
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jħarsu din id-Direttiva sa … (19).
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta' din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 25
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 26
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussel,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
…
Għall-Kunsill
Il-President
…
(1) ĠU C 221, 8.9.2005, p. 33.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2005 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta' Jannar 2006 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.
(5) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.
(6) ĠU L 138, 28.5.2002, p. 1.
(7) ĠU L 192, 28.7.2000, p. 36.
(8) ĠU L 324, 11.12.2003, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 788/2004 (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 17).
(9) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(10) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni 2003.
(11) ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1641/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 1)
(12) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(13) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(14) Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(15) Ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(16) Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(17) Sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(18) Seba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(19) Tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
ANNESS I
TEMI TA' DATA ĠEOGRAFIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 6(A), 8(1) U 9(A)
1. |
Sistemi ta' referenza ta' koordinati Sistemi biex issir referenza unika ta' informazzjoni ġeografika fl-ispazju bħala sett ta' koordinati (x,y,z) u/jew latitudni u lonġitudni u altitudni, ibbażati fuq datum ġeodetiku orizzontali u vertikali. |
2. |
Sistemi ta' grilji ġeografiċi Grilja multi-risoluzzjoni armonizzata b'punt ta' oriġini komuni u pożizzjoni u daqs taċ-ċelluli tal-grilja standardizzati. |
3. |
Ismijiet ġeografiċi Ismijiet ta' żoni, reġjuni, lokalitajiet, bliet, subborgi, jew inħawi abitati oħra, jew kull karatteristika ġeografika jew topografika ta' interess pubbliku jew storiku. |
4. |
Unitajiet amministrattivi Unitajiet ta' amministrazzjoni, li jaqsmu żoni fejn Stati Membri għandhom u/jew jeżerċitaw drittijiet ġurisdizzjonali, għal governanza reġjonali, lokali u nazzjonali, separati minn konfini amministrattivi. |
5. |
Networks tat-trasport Networks tat-trasport tat-triq, tal-ferrovija, ta' l-ajru u ta' l-ilma u infrastruttura relatata. Huma inklużi l-kollegamenti bejn networks differenti. Huma inklużi wkoll in-network trans-Ewropew tat-trasport kif definit fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar il-Linji Gwida tal-Komunità għall-iżvilupp ta' network trans-Ewropew tat-trasport (1) u r-reviżjonijiet futuri ta' dik id-Deċiżjoni. |
6. |
Idrografija Elementi idrografiċi, inklużi żoni marittimi, u kull korp ieħor ta' l-ilma u oġġetti relatati magħhom, inklużi baċiri tax-xmajjar u sub-baċiri. Fejn xieraq, skond id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (2) u fil-forma ta' networks. |
7. |
Siti protetti Żona indikata jew amministrata f'qafas ta' leġislazzjoni internazzjonali, Komunitarja u ta' l-Istati Membri sabiex jintlaħqu objettivi speċifiċi ta' konservazzjoni. |
(1) ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1. Direttiva emendata (ĠU L 201, 7.6.2004, p. 1).
(2) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).
ANNESS II
TEMI TA' DATA ĠEOGRAFIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 6(A), 8(1) U 9(B)
1. |
Elevazzjoni Mudelli ta' elevazzjoni diġitali għall-art, is-silġ u l-wiċċ ta' l-oċean. Tinkludi l-elevazzjoni ta' l-art, il-batimetrija u l-linja tal-kosta. |
2. |
Indirizzi Pożizzjoni ta' proprjetajiet ibbażata fuq identifikaturi ta' l-indirizzi, normalment bl-isem tat-triq, in-numru tad-dar, il-kodiċi postali. |
3. |
Pakketti kadastrali Żoni definiti permezz ta' reġistri kadastrali jew ekwivalenti. |
4. |
Kopertura ta' l-art Kopertura fiżika u bijoloġika tal-wiċċ tad-dinja inklużi superfiċji artifiċjali, żoni agrikoli, foresti, żoni (semi-)naturali, artijiet mistagħdra, u korpi ta' ilma. |
5. |
Orthoimagery Data fil-forma ta' stampa ġeo-referenzjata tal-wiċċ tad-dinja, minn satellita jew minn sensuri fl-ajru. |
6. |
Ġeologija Ġeoloġija kkaratterizzata skond il-kompożizzjoni u l-istruttura. Tinkludi s-sodda tal-blat, l-akwiferi u l-ġeomorfoloġija. |
ANNESS III
TEMI TA' DATA ĠEOGRAFIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 6(B) U 9(B)
1. |
Unitajiet statistiċi Unitajiet biex issir disseminazzjoni jew użu ta' informazzjoni ta' l-istatistika. |
2. |
Bini Pożizzjoni ġeografika ta' bini. |
3. |
Ħamrija Tipi ta' ħamrija u sub-ħamrija kkaratterizzati skond il-fond, it-tessut, l-istruttura u l-kontenut ta' partiċelli u materjal organiku, il-kontenut ta' ġebel, it-tgħawwir, fejn xieraq il-medja tax-xaqlib ta' l-art u l-kapaċità antiċipata għall-ħażna ta' l-ilma. |
4. |
Użu ta' l-art Territorju kkaratterizzat skond id-dimensjoni funzjonali tiegħu ppjanata attwali u futura jew l-iskop soċjo-ekonomiku tiegħu (eż. residenzjali, industrijali, kummerċjali, agrikolu, forestali, rikreazzjonali). |
5. |
Is-saħħa u s-siġurtà tal-bniedem Distribuzzjoni ġeografika tad-dominanza ta' patoloġiji (allerġiji, kankri, mard respiratorju, eċċ.), informazzjoni li tindika l-effett fuq is-saħħa (bijomarkaturi, tnaqqis fil-fertilità, epidemiji) jew il-benesseri tal-bnedmin (għejja, stress, eċċ.) b'konnessjoni diretta (tniġġis ta' l-arja, kimiki, tnaqqis tas-saff ta' l-ożonu, storbju, eċċ.) jew indiretta (ikel, organiżmi ġenetikament modifikati, eċċ.) mal-kwalità ta' l-ambjent. |
6. |
Servizzi ta' utilità u tal-gvern Jinkludu faċilitajiet ta' utilità bħad-drenaġġ, l-immaniġġar ta' l-iskart, il-provvista ta' l-enerġija, il-provvista ta' l-ilma, is-servizzi amministrattivi u soċjali tal-gvern bħal amministrazzjonijiet pubbliċi, siti għall-protezzjoni ċivili, skejjel u sptarijiet. |
7. |
Faċilitajiet ta' monitoraġġ ambjentali Pożizzjoni u operazzjoni ta' faċilitajiet ta' monitoraġġ ambjentali jinkludi l-osservazzjoni u l-kejl ta' emissjonijiet, ta' l-istat tal-medji ambjentali u ta' parametri oħra ta' l-ekosistema (biodiversità, kondizzjonijiet ekoloġiċi ta' veġetazzjoni, eċċ.) permezz jew f'isem l-awtoritajiet pubbliċi. |
8. |
Faċilitajiet ta' produzzjoni u industrijali Siti ta' produzzjoni industrijali, inklużi installazzjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (1) u faċilitajiet ta' astrazzjoni ta' l-ilma, tħaffir ta' minjieri, siti ta' ħażna. |
9. |
Faċilitajiet agrikoli u ta' l-akwakultura Tagħmir tal-biedja u faċilitajiet ta' produzzjoni (inklużi sistemi ta' irrigazzjoni, serer u stalel). |
10. |
Distribuzzjoni tal-popolazzjoni — demografija Distribuzzjoni ġeografika ta' nies, inkluż karatteristiċi ta' popolazzjoni u livelli ta' attivitajiet, miġbura flimkien skond il-grilja, ir-reġjun, l-unità amministrattiva jew unità analitika oħra. |
11. |
Amministrazzjoni ta' żoni/restrizzjoni/żoni regolati u unitajiet ta' rapportar Żoni amministrati, regolati jew użati għar-rappurtar fuq il-livell internazzjonali, Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Huma inklużi siti użati għar-radam, żoni ristretti madwar għejjun ta' l-ilma għax-xorb, żoni vulnerabbli għan-nitrati, kanali regolati fil-baħar jew f'ilmijiet interni kbar, żoni għar-radam ta' l-iskart, żoni għar-restrizzjoni ta' l-istorbju, żoni b'permess għat-tħaffir u għat-tiftix ta' minerali, distretti ta' baċiri tax-xmajjar, unitajiet ta' rapportar rilevanti u żoni ta' amministrazzjoni ta' l-inħawi tal-kosta. |
12. |
Żoni ta' riskju naturali Żoni vulnerabbli kkaratterizzati skond perikli naturali (kull fenomenu atmosferiku, idroloġiku, sismiku, vulkaniku u tan-nirien mifruxa li, minħabba fejn jinsabu, il-qawwa, u l-frekwenza tagħhom, għandhom il-potenzjal li jaffettwaw b'mod gravi s-soċjetà), eż. għargħar, żerżiq ta' l-art u ċediment ta' l-art, valangi, nirien fil-foresti, terremoti, eruzzjonijiet vulkaniċi. |
13. |
Kondizzjonijiet atmosferiċi Kondizzjonijiet fiżiċi fl-atmosfera. Hija inkluża data ġeografika bbażata fuq kejl, fuq mudelli jew fuq il-kombinazzjoni tagħhom kif ukoll is-siti tal-kejl. |
14. |
Karatteristiċi ġeografiċi meteoroloġiċi Il-kondizzjonijiet tat-temp u l-kejl tagħhom; il-preċipitazzjoni, it-temperatura, l-evapotraspirazzjoni, il-veloċità u d-direzzjoni tar-riħ. |
15. |
Karatteristiċi ġeografiċi oċeanografiċi Kondizzjonijiet fiżiċi ta' l-oċeani (kurrenti, imluħa, għoli tal-mewġ, eċċ.). |
16. |
Reġjuni tal-baħar Kondizzjonijiet fiżiċi ta' l-ibħra u korpi ta' ilma mielaħ imqassma f'reġjuni u sub-reġjuni b'karatteristiċi komuni. |
17. |
Reġjuni bijo-ġeografiċi Żoni ta' kondizzjonijiet ekoloġiċi relattivament omoġenji b'karatteristiċi komuni. |
18. |
L-abitati naturali u l-bijotopi Żoni ġeografiċi kkaratterizzati minn kondizzjonijiet ekoloġiċi, proċessi, struttura, u funzjonijiet (sostenn tal-ħajja) speċifiċi li jsostnu fiżikament l-organiżmi li jgħixu fihom. Huma inklużi żoni ta' l-art jew ta' l-ilma li jingħarfu permezz ta' karatteristiċi ġeografiċi, abijotiċi u bijotiċi, sew jekk għal kollox naturali kif ukoll jekk semi-naturali. |
19. |
Distribuzzjoni ta' l-ispeċi Distribuzzjoni ġeografika ta' l-okkorrenza ta' speċi ta' annimali u ta' pjanti miġbura flimkien skond il-grilja, ir-reġjun, l-unità amministrattiva jew unità analitika oħra. |
20. |
Riżorsi ta' enerġija Riżorsi ta' enerġija inklużi idrokarboni, enerġija idro-elettrika, bijo-enerġija, bix-xemx, bir-riħ, eċċ., fejn ikun rilevanti, inkluża informazzjoni dwar il-fond/l-għoli rigward id-daqs tar-riżors. |
21. |
Riżorsi minerali Riżorsi minerali inklużi minerali tal-metall, minerali industrijali, eċċ, fejn rilevanti inkluża informazzjoni dwar il-fond/l-għoli rigward id-daqs tar-riżors. |
(1) ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).
DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL
I. INTRODUZZJONI
Fis-26 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill il-proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fil-Komunità (INSPIRE). Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 175(1) tat-Trattat.
Fis-7 ta' Ġunju 2005, il-Parlament Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari.
Fl-20 ta' Settembru 2004, il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jagħtix opinjoni.
Fid-9 ta' Frar 2005, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-Opinjoni tiegħu.
Fil-23 ta' Jannar 2006, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251(2) tat-Trattat.
II. OBJETTIV
Id-Direttiva proposta toħloq qafas legali għat-twaqqif u l-operat ta' Infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fl-Ewropa, għall-fini li tiġi fformulata, implimentata, immonitorjata u evalwata l-politika Komunitarja fuq il-livelli kollha u tiġi provduta informazzjoni pubblika.
Objettiv ċentrali ta' INSPIRE huwa li jitnaqqsu l-ostakli bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-qsim ta' data, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-ambjent u li tiżdied u titjieb id-data ġeografika disponibbli għat-tfassil ta' politika Komunitarja u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi Komunitarji fl-Istati Membri fuq il-livelli kollha. INSPIRE jiffoka fuq il-politika ambjentali, iżda huwa miftuħ għall-użu minn, u estensjoni futura għal setturi oħra.
III. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI
Ġenerali
Il-pożizzjoni komuni tinkorpora l-maġġoranza ta' l-emendi mill-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, jew verbatim, jew parzjalment jew fl-ispirtu. B'mod partikolari, tinkludi modifiki għal proposta inizzjali tal-Kummissjoni li tgħaqqad l-Artikoli tat-test, li torganizza d-definizzjonijiet u tikjarifika l-kamp ta' applikazzjoni. Madankollu, il-pożizzjoni komuni tinkludi numru ta' tibdiliet oħra minbarra dawk previsti fl-Opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari u fil-proposta inizzjali tal-Kummissjoni. Il-pożizzjoni komuni:
— |
tniżżel il-kondizzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal settijiet u servizzi ta' data ġeografika u taqsim ta' data bejn l-awtoritajiet pubbliki fil-qafas ta' leġislazzjoni tal-Komunità eżistenti; |
— |
tikkjarifika l-possibilità ta' liċenzja lil u l-ħtieġa ta' ħlas minn awtoritajiet pubbliċi oħra għal settijiet u servizzi ta' data ġeografika; u |
— |
tintroduċi miżuri biex jitlaħqu l-objettivi tad-Direttiva b'mod bilanċjat u iktar effettiv (razzjonalizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ u r-rapportaġġ, analiżi ta' kost-benefiċċju). |
Is-sezzjonijiet li ġejjin jiddeskrivu l-bidliet ta' sustanza.
Dispożizzjonijiet ġenerali, definizzjonijiet, kamp ta' applikazzjoni (Artikoli 1 sa 4)
Il-pożizzjoni komuni ma sseġwix l-emenda 6 tal-PE. L-għan u l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva fl-Artikolu 1 jikkorrispondi mal-proposta inizzjali tal-Kummissjoni u l-bażi legali tagħha. It-test tal-pożizzjoni komuni ma jirreferix għall-impatt “dirett jew indirett” fuq l-ambjent, madankollu, premessa addizzjonali tindirizza din il-kwistjoni.
Il-Kunsill jaqbel mas-sustanza ta' l-emenda 7 tal-PE u l-emenda 2 relatata. Madankollu, huwa aċċetta l-fehma tal-Kummissjoni li m'huwiex legali li jiġu inklużi obbligi għall-istituzzjonijiet Komunitarji u l-korpi f'direttiva.
L-Artikolu 2 jiddikjara li d-Direttiva tapplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4/KE dwar aċċess pubbliku għal informazzjonali ambjentali u 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku.
L-Artikolu 3 jintroduċi definizzjonijiet addizzjonali tat-termi “interoperabbiltà”, “INSPIRE geo portal” u jillimita il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni ta' “awtorità pubblika”.
Il-paragrafi (2), (4), (5) u (6) ta' l-Artikolu 4 jikkjarifikaw il-kamp ta' applikazzjoni ta' settijiet ta' data ġeografika koperti bid-Direttiva. L-Artikolu 4(7) jillimita l-livell tal-kompetenza tal-kumitat biex jadatta t-temi ta' data fl-Annessi.
L-Emendi 9 u 10 ma ġewx aċċettati għaliex il-Kunsill ma jemminx li huma jikkjarifikaw it-test.
Metadata, Interoperabbiltà ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika (Artikoli 5 sa 10)
Il-komponenti tal-metadata huma kkjarifikati fl-Artikolu 5 tal-pożizzjoni komuni kif ukoll fir-regoli ta' implimentazzjoni. L-iskeda ta' ħin għall-ħolqien tal-metadata fl-Artikolu 6 huwa konsistenti ma' l-iskeda ta' żmien fl-emenda 15 tal-PE, li tieħu kont tal-kliem ġdid ta' l-Artikolu 5 (4) tal-pożizzjoni komuni.
L-Artikolu 7 jintroduċi kondizzjonijiet addizjonali għall-abbozzar tar-regoli ta' implimentazzjoni li jniżżlu l-arranġamenti tekniċi għal interoperabbiltà, b'mod partikolari l-kunsiderazzjoni ta' kost-benefiċċju, l-integrazzjoni ta' standards u attivitajiet fuq livell internazzjonali u referenza għall-mezzi tekniċi eżistenti. Konsiderazzjonijiet ta' kost-benefiċċju u ta' fattibbiltà huma appoġġati bl-Artikolu 7(2), li jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel analiżi ta' kost-benefiċċju qabel ma tiżviluppa l-proposti għar-regoli ta' implimentazzjoni. L-adozzjoni ta' dawn ir-regoli m'għandhiex tirriżulta fi spejjeż eċċessivi għal Stat Membru. L-Artikolu 7(3) jikkjarifika l-adattament tas-settijiet u servizzi ta' data ġeografika miġburin li għadhom kif inġabru u oħrajn.
L-Artikolu 8(2)(a) jissostitwixxi “sistema komuni ta identifikaturi uniċi” b' “soluzzjonijiet biex jiżguraw identifikazzjoni mhux ambigwa ta' oġġetti ġeografiċi, li sservi bħala referenza għall-identifikaturi li jaqgħu taħt sistemi nazzjonali eżistenti sabiex tkun żgurata l-interoperabbiltà bejniethom” sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' soluzzjoni teknika partikolari.
L-Emendi 13, 14, 16, 17, 18, 19, 21, 22 u 23 ġew aċċettati jew b'mod sħiħ jew parzjali fit-test miktub mill-ġdid.
L-Emenda 20 ma ġietx aċċettata peress li r-referenza għal “impatt indirett fuq l-ambjent” ġiet ikkunsidrata vaga wisq (ara l-Artikolu 1).
Servizzi ta' network (Artikoli 11 sa 16)
Il-lista estiża ta' l-argumenti għall-aċċess limitat imniżżla fl-Artikolu 13 hija identika ma' dak fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE dwar aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali biex tigi żgurata l-konsistenza fl-implimentazzjoni. L-Artikolu 13(3) addizzjonali jipprovdi li l-aċċess pubbliku għad-data ġeografika jikkonforma mad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward għall-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data.
Fl-Artikolu 14, il-pożizzjoni komuni tippermetti lill-Istati Membri japplikaw tariffa u/jew liċenzji għas-servizzi ta' wiri, fejn dan hu meħtieġ għaż-żamma ta' settijiet u servizzi ta' data ġeografika jew biex tissodisfa ħtiġijiet ta' infrastrutturi internazzjonali ta' data ġeografika eżistenti.
L-Emendi 24, 25, 26 u 27 ġew aċċettati fit-test miktub mill-ġdid.
Kondiviżjoni ta' data (Artikolu 17)
L-Artikolu 17 tal-pożizzjoni komuni jikkjarifika l-kamp ta' l-applikazzjoni ta' l-obbligi ta' kondiviżjoni ta' data bejn l-awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet pubbliċi ta' Stati Membri differenti, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u tal-korpi stabbiliti minn ftehim internazzjonali. L-Artikolu 17(2) ifittex li jipprevjeni ostakli prattiċi fil-punt ta' użu (per eżempju, impjegat ta' awtorità pubblika li juża data fuq il-kompjuter tagħhom) filwaqt li l-Artikolu 17(3) jippermetti fornituri ta' data jirkupraw il-kosti tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi ta' l-Istati Membri u l-korpi Komunitarji, b'hekk jiżguraw li l-kwalità u l-munita tad-data huma miżmuma. Fejn tiġi applikata tariffa, dan isir fil-livell ta' awtorità pubblika, u mhux fil-punt ta' użu. Protezzjoni tad-drittijiet ta' propjetà intelletwali huwa żgurat bl-Artikolu 17(9). Premessi ġodda 22, 23 u 24 jindirizzaw ukoll dawn il-kwistjonijiet. L-Emenda 28 hija indirizzata fil-premessa 21.
L-Emenda 29 ma ġietx aċċettata għax testendi bla bżonn il-ħtiġiet ta' taqsim ta' data.
L-Emenda 30 tinbidel bil-kliem ġdid ta' l-Artikolu 17.
Il-kunċett sħiħ ta' l-Artikolu 24 l-oriġinali — regoli komuni għall-implimentazzjoni ta' kondiviżjoni ta' data — (emenda 32) m'hijiex aċċettabbli għall-Kunsill.
Miżuri ta' koordinazzjoni u komplimentazzjoni, dispożizzjonijiet finali (l-Artikoli 18 sa 26)
M'hemmx emfażi espliċita dwar id-distribuzzjoni tal-poteri u r-responsibiltajiet fi ħdan l-Istati Membri b'relazzjoni ma' l-istrutturi tagħhom involuti (emendi 33, 34 u 4) fl-Artikolu 18 u 19(2) tal-pożizzjoni komuni, madankollu, il-Kunsill jifhem l-Artikoli f'dan is-sens.
Il-kliem ġdid ta' l-Artikolu 21 u l-premessa 31 addizzjonali tal-pożizzjoni komuni jirrazzjonalizza l-ħtiġiet ta' monitoraġġ u rapportaġġ tad-Direttiva mqabbla ma' l-emenda 37. L-Artikolu 24 jiddifferixxi ftit id-data ta' transpożizzjoni.
L-emendi 35, 36 u 38 ġew aċċettati.
Annessi
Temi ta' data ġeografika “distribuzzjoni ta' aċċidenti tat-traffiku” (emenda 43, paragrafu 6) u “telekommunikazzjonijiet” (emenda 44, paragrafu 7) mhumiex inklużi fil-pożizzjoni komuni peress li m'humiex relatati ma' l-għan ta' INSPIRE.
L-emenda 47 kienet aċċettata parzjalment fl-Anness III, paragrafu 11.
L-emendi 39, 40, 41, 42, 45, 46, 48 u 49 ġew aċċettati.
IV. KONKLUŻJONI
It-tibdiliet li saru mill-Kunsill lill-proposta tal-Kummissjoni timmira biex tiżgura kompatibiltà mal-leġislazzjoni eżistenti u l-ġbir sostenibbli ta' data. Minkejja dawn it-tibdiliet, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill hija konformi mal-maġġoranza ta' l-emendi tal-Parlament Ewropew u tistabbilixxi bażi tajba għal aktar negozjati.