Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0687

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999 {SEG(2005)1748}

    /* KUMM/2005/0687 finali - CNS 2005/0273 */

    52005PC0687

    Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999 {SEG(2005)1748} /* KUMM/2005/0687 finali - CNS 2005/0273 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 22.12.2005

    KUMM(2005) 687 finali

    2005/0273 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999 {SEG(2005)1748}

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Introduzzjoni

    Fit-12 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 6/2002 fuq id-Disinni tal-Komunità (minn issa ’l quddiem imsejjaħ bħala “r-Regolament tad-Disinni tal-Komunità”).[1]

    Ir-Regolament tad-Disinni tal-Komunità jistabbilixxi s-sistema ta’ disinn tal-Komunità, li tipprovdi għall-akkwist tal-ħarsien għal disinni b’effett unitarju għat-territorju kollu tal-Komunità Ewropea. Skond ir-Regolament, disinn jista’ jkun protett jew b’disinn tal-Komunità li mhux reġistrat, jekk id-disinn huwa disponibbli għall-pubbliku fil-mod maħsub għalih fir-Regolament, jew b’disinn rreġistrat tal-Komunità, jekk reġistrat taħt il-proċedura kif maħsuba fir-Regolament.

    Ir-Regolament tad-Disinni tal-Komunità iħalli f’idejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trejdmarks u Disinni), minn issa ’l quddiem imsemmi bħala “l-Uffiċċju”,[2] biex imexxi l-amministrazzjoni tad-disinn tal-Komunità. Fl-1 ta’ Jannar 2003, l-Uffiċċju awtorizza l-applikazzjonijiet għad-disinni rreġistrati tal-Komunità bl-ewwel data ta’ reġistrazzjoni tingħata fl-1 ta’ April 2003.

    Fit-23 ta’ Diċembru 2003, l-Att ta’ l-1999 tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999 (minn issa ’l quddiem imsemmi bħala “l-Att ta’ Ġinevra”) daħal fis-seħħ. L-Att ta’ Ġinevra jagħmilha possibbli għad-disinjaturi li jakkwistaw ħarsien tad-disinn f’numru ta’ pajjiżi permezz ta’ reġistrazzjoni waħda internazzjonali. Għalhekk, taħt l-Att ta’ Ġinevra, applikazzjoni waħda internazzjonali mressqa ma’ l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (il-WIPO) tieħu post serje sħiħa ta’ applikazzjonijiet li, inkella, kien ikollhom isiru ma’ Uffiċċji nazzjonali jew reġjonali differenti.

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li jistabbilixxi rabta bejn is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali stabbilita taħt l-Att ta’ Ġinevra. Din ir-rabta se tippermetti lid-disinjaturi jressqu applikazzjoni internazzjonali waħda ma’ l-Aġenzija Internazzjonali tal-WIPO u jinnominaw, fost Partijiet Kontraenti oħra, il-Komunità Ewropea biex jakkwistaw ħarsien taħt is-sistema ta’ disinn tal-Komunità.

    2. L-Att ta’ Ġinevra

    Is-Sistema ta’ The Hague hija bbażata fuq il-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinni Industrijali. Dan il-Ftehim huwa magħmul minn tliet Atti differenti: l-Att ta’ Londra ta’ l-1934, l-Att ta’ The Hague ta’ l-1960 u l-Att ta’ Ġinevra ta’ l-1999. It-tliet Atti huma awtonomi u jikkoeżistu f’dak li għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet sostantivi tagħhom. Il-partijiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jkunu parti minn wieħed biss, tnejn jew mit-tliet Atti kollha. Awtomatikament huma jsiru membri ta’ l-Unjoni ta’ The Hague li bħalissa għandha 42 Stat Kontraenti, fosthom 12-il Stat Membru ta’ l-UE.[3]

    Is-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni nibtet mill-ħtieġa għas-sempliċità u l-ekonomija. Fil-fatt, tpoġġi lis-sidien tad-disinni li huma minn Stat Kontraenti f’kundizzjoni li jakkwistaw il-ħarsien tad-disinni tagħhom bl-inqas formalità u spejjeż.

    L-applikazzjoni internazzjonali tista’ titressaq f’lingwa waħda (Ingliż jew Franċiż), flimkien mal-pagament ta’ sett wieħed ta’ ħlasijiet. L-applikant għandu jinnomina l-Istati Kontraenti fejn irid il-ħarsien. Applikazzjoni internazzjonali normalment tintbagħat direttament lill-Aġenzija Internazzjonali. Kif tirċeviha, l-Aġenzija Internazzjonali tikkontrolla li l-applikazzjoni internazzjonali hija skond il-kondizzjonijiet formali meħtieġa u mbagħad tippubblika l-applikazzjoni – jew aħjar, ir-reġistrazzjoni – fil- Bullettin tad-Disinni Internazzjonali (fuq il - websajt ta’ l-internet tal-WIPO). Wara l-pubblikazzjoni, kull Uffiċċju nazzjonali għandu jidentifika r-reġistrazzjonijiet internazzjonali li fihom ikun ġie nnominat, biex jagħmel l-eżami sostantiv, jekk ikun hemm, previst mil-leġiżlazzjoni tiegħu stess.

    Kull aspett sostantiv tal-ħarsien (inkluż b’mod partikolari l-eżami sostantiv imwettaq minn kull Uffiċċju, il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-ħarsien u l-iskop ta’ dak il-ħarsien) huwa għalhekk għal kollox kwistjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Parti Kontraenti nnominata.

    Bħala riżultat ta’ dak l-eżami l-Uffiċċju jista’ jgħarraf lill-Aġenzija Internazzjonali bir-rifjut tal-ħarsien għat-territorju tiegħu. Madankollu, reġistrazzjoni internazzjonali ma’ tistax tiġi rrifjutata fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti formali. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu kkunsidrati bħala diġà sodisfatti, wara l-eżami mwettaq mill-Aġenzija Internazzjonali.

    Ladarba r-reġistrazzjoni internazzjonali tkun aċċettata hija twassal għall-istess effett f’kull pajjiż innominat bħallikieku d-disinn ġie depożitat direttament hemmhekk. Għalhekk ir-reġistrazzjoni internazzjonali hija ekwivalenti għal dritt nazzjonali f’termini ta’ l-iskop tiegħu ta’ ħarsien u infurzar. Fl-istess ħin, ir-reġistrazzjoni internazzjonali tiffaċilita ż-żamma tal-ħarsien: hemm depożitu wieħed x’jiġġedded u proċedura sempliċi waħda għar-reġistrazzjoni ta’ kull tibdil ( e.g. fil-proprjetà jew l-indirizz)

    L-adozzjoni ta’ l-Att ta’ Ġinevra fl-1999 kellha għan doppju, jiġifieri:

    - li tagħmel is-Sistema ta’ The Hague iktar attraenti għall-applikanti u li testendi s-sistema għal membri ġodda; għal dan il-għan, l-Att ta’ l-1999 introduċa numru ta’ karatteristiċi fis-sistema ta’ The Hague bil-ħsieb li jiffaċilita l-adeżjoni ma’ l-Unjoni ta’ The Hague, ta’ pajjiżi li jamministraw sistemi ta’ eżami tad-disinni (bħalma huma l-Istati Uniti u l-Ġappun);

    - li tipprovdi għat-twaqqif ta’ rabta bejn is-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali u sistemi reġjonali billi tippermetti li organizzazzjonijiet intergovernattivi jkunu jistgħu jsiru parti mill-Att.

    It-tieni għan jiftaħ il-bieb għall-adeżjoni tal-Komunità Ewropea fis-Sistema ta’ The Hague. It-territorju ta’ l-UE mbagħad jista’ jitqies bħala pajjiż waħdieni għall-finijiet ta’ l-Att ta’ Ġinevra, bir-regoli tad-disinn tal-Komunità bħala l-leġiżlazzjoni domestika rilevanti. L-OHIM jista’ jsir l-Uffiċċju responsabbli għall-eżami sostantiv ta’ l-applikazzjonijiet internazzjonali li fihom il-Komunità tkun ġiet innominata.

    Is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali kif stabbiliti mill-Ftehim ta’ The Hague jistgħu jkunu kkunsidrati bħala komplementari. Is-sistema ta’ disinn tal-Komunità tipprovdi għal sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ disinni reġjonali kompleta u unifikata li tkopri t-territorju kollu ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Ftehim ta’ The Hague jikkostitwixxi trattat li jiċċentralizza l-proċeduri biex jiġi akkwistat il-ħarsien tad-disinni fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti nnominati.

    Is-sistema ta’ l-Att ta’ Ġinevra bdiet topera bis-sħiħ fl-1 ta’ April 2004. F’dik id-data, kemm l-Att ta’ Ġinevra kif ukoll ir-Regolamenti Komuni modernizzati taħt il-Ftehim ta’ The Hague, li jissimplifikaw il-proċeduri kollha, daħlu fis-seħħ.

    3. Il-bażi legali

    Biex Att tal-Komunità jaderixxi ma’ l-Att ta’ Ġinevra għandu jkun ibbażat fuq Artikolu 308 KE, id-dispożizzjoni tat-Trattat li fuqha huma bbażati r-regoli komuni, i.e. ir-Regolament tad-Disinni tal-Komunità. Barra minn hekk, għandha ssir referenza għal Artikolu 300 tat-Trattat, li jagħti l-poteri lill-Komunità Ewropea biex tidħol fi ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Stat wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Preċedent riċenti fuq eżerċizzju simili dwar il-proprjetà intellettwali huwa d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/793/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Protokoll relatat mal-Ftehim ta’ Madrid li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Trejdmarks, adottat f’Madrid fis-27 ta’ Ġunju 1989.[4] Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq Artikolu 308 KE, flimkien ma’ Artikolu 300 (2), it-tieni sentenza, u Artikolu 300 (3), l-ewwel sottoparagrafu.

    4. Il-Proċedura għall-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Att ta’ Ġinevra

    Taħt Artikolu 27(1)(ii) ta’ l-Att ta’ Ġinevra, organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tingħaqad jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    - mill-inqas wieħed mill-Istati Membri ta’ l-organizzazzjoni intergovernattiva huwa membru tal-WIPO, u

    - l-organizzazzjoni żżomm Uffiċċju minn fejn il-ħarsien tad-disinni industrijali jista’ jkun akkwistat b’effett fit-territorju fejn japplika t-trattat li jwaqqaf l-organizzazzjoni intergovernattiva;

    - l-Uffiċċju ta’ din l-organizzazzjoni mhux suġġett għan-notifika taħt Artikolu 19 ta’ l-Att ta’ Ġinevra.

    Il-Komunità Ewropea tissodisfa dawn il-kondizzjonijiet. L-ewwelnett, l-Istati Membri kollha huma membri tal-WIPO. It-tieni, l-OHIM qiegħed imexxi l-amministrazzjoni tas-sistema ta’ disinn tal-Komunità mfassla taħt Regolament 6/2002. It-tielet, l-OHIM mhux suġġett għan-notifika taħt Artikolu 19 ta’ l-Att ta’ Ġinevra.[5]

    Skond Artikolu 27(2) ta’ l-Att ta’ Ġinevra, l-istrument ta’ adeżjoni ma’ l-Att għandu jkun depożitat minn kull Stat jew organizzazzjoni internazzjonali jekk ma ffirmatx dan l-Att. Il-KE ma ffirmatx l-Att ta’ Ġinevra u għalhekk għandha l-obbligu li tiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni. Artikolu 27(3)(a) jiddikjara li għall-adeżjoni tal-KE d-data effettiva tad-depożitu ta’ l-istrument ta’ adeżjoni għandha tkun id-data meta l-istrument jiġi ddepożitat. Skond Artikolu 28(3)(b) l-adeżjoni tal-KE mbagħad issir effettiva tliet xhur wara d-data ta’ meta l-istrument ta’ adeżjoni tagħha jkun ġie ddepożitat.

    5. Id-Dikjarazzjonijiet li jridu jsiru fil-qafas ta’ l-adeżjoni tal-Komunità ma’ l-Att ta’ Ġinevra

    L-Att ta’ Ġinevra u r-Regolamenti Komuni taħt l-Att ta’ Ġinevra, l-Att ta’ Londra u l-Att ta’ The Hague tal-Ftehim ta’ The Hague jipprovdu għall-possibbiltà jew l-obbligazzjoni għal Stati Kontraenti biex jagħmlu ċerti dikjarazzjonijiet dwar it-tħaddim tas-sistema tar-reġistrazzjoni internazzjonali. Id-dikjarazzjonijiet li jsiru fl-istrument ta’ l-adeżjoni jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Parti Kontraenti tintrabat mill-Att.

    Il-Kummissjoni tipproponi li dikjarazzjonijiet lid-Direttur-Ġenerali tal-WIPO għandhom isiru fuq il-kwistjonijiet li ġejjin.

    (i) Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Att ta’ Ġinevra jgħid li l-applikazzjoni internazzjonali tista’ titressaq, fuq għażla ta’ l-applikant, jew direttament fl-Aġenzija Internazzjonali jew permezz ta’ l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti ta’ l-applikant. Madankollu, skond Artikolu 4(1)(b) Parti Kontraenti tista’ tinnotifika li applikazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux jitressqu permezz ta’ l-Uffiċċju tagħha.

    Ħafna mill-vantaġġi tas-sistema ta’ The Hague ġejjin mis-sempliċità tagħha u l-post fejn ikun l-uffiċċju li jirċievi jidher li hu ta’ importanza żgħira għall-applikazzjoni tad-disinni. Għalhekk il-Komunità Ewropea għandha teskludi li titressaq applikazzjoni permezz ta’ l-Uffiċċju biex tevita xogħol doppju mingħajr bżonn. Il-preżentazzjoni diretta fil-WIPO hija wkoll preferuta biex tkun evitata l-konfużjoni mill-applikanti bejn applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ disinni tal-Komunità u applikazzjonijiet għar-reġistrazzjonijiet internazzjonali. Din il-konfużjoni tista’ tkun iktar problematika fil-każ ta’ pagament tal-ħlas bażiku għal applikazzjoni internazzjonali, li għandha titħallas f’kull każ direttament lill-Aġenzija Internazzjonali, u li hu pagabbli meta titressaq l-applikazzjoni. Jekk l-applikanti bi żball jagħmlu l-ħlas lill-OHIM, dan l-Uffiċċju jkollu jagħti lura l-ħlas.

    Huwa sinifikanti li fil-preżent il-WIPO ma tilqax applikazzjonijiet imressqa permezz ta’ l-uffiċċji nazzjonali anki minn fost dawk il-Partijiet Kontraenti li jkunu jippermettu din il-proċedura.[6]

    (ii) L-Att ta’ Ġinevra jipprovdi f’Artikolu 7 li l-ħlasijiet preskritti għandhom jinkludu ħlas standard tan-nomina li għandu jitħallas għal kull Parti Kontraenti nnominata. Barra minn hekk, kull Parti Kontraenti li hija organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tiddikjara li, għal kull applikazzjoni u għal kull tiġdid ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li fiha hija nnominata, il-ħlas standard tan-nomina jiġi ssostitwit bi ħlas individwali tan-nomina, li l-ammont tiegħu għandu jiġi indikat fid-dikjarazzjoni u jista’ jitbiddel f’dikjarazzjonijiet li jsiru aktar ’il quddiem. L-ammont fiss ma jistax ikun ogħla mill-ekwivalenti ta’ l-ammont li l-Parti Kontraenti tkun intitolata li tirċievi għal applikazzjoni nazzjonali u tiġdid, b’dak l-ammont ikun imnaqqas mit-tifdil li jirriżulta mill-proċedura internazzjonali. Il-ħlas tan-nomina għandu jkun trasferit mill-Aġenzija Internazzjonali lill-Parti Kontraenti rispettiva.[7]

    F’termini ta’ dħul, l-għażla bejn il-ħlas standard tan-nomina u l-ħlas individwali tan-nomina se jkollu konsegwenzi fil-baġit ta’ l-Uffiċċju. Għalhekk il-Komunità Ewropea għandha tieħu vantaġġ minn din l-għażla u tiddetermina l-ħlas individwali tan-nomina tagħha.

    Din id-determinazzjoni għandha ssir fuq il-bażi ta’ għadd ta’ elementi. Il-ħlasijiet għandhom ikunu biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tal-proċeduri relatati mad-disinni li l-ħarsien tagħhom huwa mitlub fl-UE. Dan ma jfissirx biss l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu ma’ l-eżami ta’ dawn id-disinni fl-OHIM iżda wkoll proċeduri oħra bħall-invalidazzjonijiet u l-appelli. Din id-determinazzjoni għadha ma saritx għaliex jeħtieġ li qabel issir analiżi finanzjarja. Biex titwettaq din l-analiżi, il-kundizzjonijiet ewlenin ta’ l-adeżjoni mal-Ftehim ta’ The Hague jridu jkunu eżaminati fid-dettall. Il-Kummissjoni tinħtieġ ukoll li jkollha idea aħjar dwar in-numru possibbli ta’ invalidazzjonijiet u appelli li n-nominazzjonijiet internazzjonali jistgħu jiġġeneraw u għalhekk tal-livell ta’ xogħol involut għall-OHIM.

    Fuq il-bażi ta’ dawn l-istudji, il-Kummissjoni se tipproponi emenda għar-Regolament tal-Ħlasijiet li se jkollha l-livell u l-istruttura tal-ħlasijiet li għandhom ikunu determinati għan-nomina tal-Komunità Ewropea permezz ta’ l-Att ta’ Ġinevra.

    (iii) Artikolu 17(3)(c) ta’ l-Att ta’ Ġinevra jobbliga kull Parti Kontraenti biex tinnotifika lid-Direttur-Ġenerali ta’ l-Aġenzija Internazzjonali bit-tul massimu ta’ ħarsien previst bil-liġi tagħha. Artikolu 12 tar-Regolament tad-Disinn tal-Komunità jipprovdi għal tul massimu ta’ ħarsien ta’ 25 sena. Il-Komunità Ewropea għandha tinnotifika lid-Direttur-Ġenerali b’dan.

    Id-dikjarazzjonijiet mhumiex rilevanti jew m’għandhomx isiru għal kwistjonijiet oħra kif hemm maħsub għalihom fl-Att ta’ Ġinevra u r-Regoli Komuni. Bosta minn dawn id-dikjarazzjonijiet possibbli mhumiex rilevanti għall-Komunità Ewropea għaliex għandhom x’jaqsmu ma’ karatteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li mhumiex magħrufa fir- Regolament tad-Disinn tal-Komunità jew mhumiex applikabbli għall-istess regolament, jew għaliex huma rilevanti biss għall-uffiċċji li jeżaminaw.[8] Dikjarazzjonijiet possibbli fuq l-effett tal-bidla tal-propjretà u fuq l-iskambju ta’ dokumenti jinħtieġu iktar spjegazzjoni.

    - Skond Artikolu 16(2) ta’ l-Att ta’ Ġinevra, kull parti kontraenti tista’, f’dikjarazzjoni, tinnotifika lid-Direttur-Ġenerali tal-WIPO li reġistrazzjoni ta’ tibdil ta’ proprjetà fir-Reġistru Internazzjonali m’għandux ikollha l-istess effett bħal reġistrazzjoni fir-Reġistru tagħha stess sakemm ma tirċevix id-dikjarazzjoni jew id-dokumenti speċifikati f’dik id-dikjarazzjoni. Iżda, biex is-sistema internazzjonali tinżamm kemm jista’ jkun sempliċi u effiċjenti, il-Komunità m’għandhiex tissottometti dikjarazzjoni bħal din. Għalhekk ir-reġistru internazzjonali jkollu effett sħiħ u dirett fl-UE.

    - Artikolu 10(5)(a) ta’ l-Att ta’ Ġinevra jispeċifika li l-Uffiċċju ta’ kull Parti Kontraenti jista’ jinnotifika lill-Aġenzija Internazzjonali li huwa jixtieq jirċievi kopja ta’ kull reġistrazzjoni internazzjonali li fiha kien innominat immedjatament wara li r-reġistrazzjoni tkun saret, flimkien ma’ kull dikjarazzjoni, dokument jew kampjun rilevanti li jkun hemm mar-reġistrazzjoni internazzjonali. Il-Komunità m’għandhiex tinħtieġ dawn il-kopji minħabba li l-eżami fuq il-kriterji għar-rifjut (il-politika pubblika, il-moralità u d-definizzjoni tad-disinn) jista’ jsir fuq il-bażi tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali mill-Aġenzija Internazzjonali. Konsegwentement, mhux meħtieġ li l-OHIM jirċievi fajls kompleti mill-WIPO.

    6. Kummentarju fuq l-Artikoli

    Artikolu 1

    F’Artikolu 1 il-Kunsill huwa mistieden japprova l-Att ta’ Ġinevra. It-test ta’ l-Att ta’ Ġinevra huwa mehmuż mad-deċiżjoni fil-lingwi kollha uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

    Artikolu 2

    Artikolu 2(1) jispeċifika li wara l-adozzjoni ta’ din il-proposta, il-President tal-Kunsill għandu jiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali tal-WIPO, skond Artikolu 27 ta’ l-Att ta’ Ġinevra. Biex tkun evitata kull komplikazzjoni fuq l-implimentazzjoni ta’ l-Att ta’ Ġinevra fi ħdan il-Komunità Ewropea, ġie ċċarat li l-istrument ta’ adeżjoni jista’ jkun adottat mid-data meta l-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu adottaw il-miżuri neċessarji ta’ implimentazzjoni (ir-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 6/2002 fuq id-Disinni tal-Komunità; ir-Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-implimentazzjoni tar-Regolament 2245/2002; ir-Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Ħlasijiet 2246/2002).

    It-tieni paragrafu jispeċifika d-dikjarazzjonijiet li għandhom isiru fl-istrument ta’ adeżjoni.

    Artikolu 3

    Wara l-adeżjoni ma’ l-Att ta’ Ġinevra, il-Komunità Ewropea ssir membru ta’ l-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague (Artikolu 20 u 21 ta’ l-Att ta’ Ġinevra). Dan jimplika, per eżempju, li l-Komunità Ewropea tista’ tivvota, minflok l-Istati Membri tagħha, b’numru ta’ voti daqs in-numru ta’ l-Istati Membri tagħha li huma parti minn dan l-Att, u li l-Komunità Ewropea m’għandhiex tipparteċipa fil-vot jekk xi wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-drittijiet tiegħu li jivvota, u vice versa .

    L-impenji ta’ l-Assemblea huma, fost oħrajn, li tittratta kull kwistjoni li tikkonċerna l-manteniment u l-iżvilupp ta’ l-Unjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-Att ta’ Ġinevra, tagħti direzzjonijiet għat-tħejjija għall-konferenzi ta’ reviżjoni u tiddeċiedi s-sejħa ta’ kull konferenza ta’ din ix-xorta; u temenda r-Regolamenti Komuni taħt l-Att ta’ Ġinevra.

    Skond Artikolu 300 tat-Trattat, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrapreżenta l-Komunità Ewropea fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague. Id-delegazzjonijiet tal-Komunità Ewropea jistgħu jinkludu wkoll rappreżentanti ta’ l-Uffiċċju.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u biex jiġu evitati proċeduri diffiċli bla bżonn kull meta fil-futur isiru laqgħat ta’ l-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague, Artikolu 3(1) tal-proposta jipprovdi li l-Kunsill jawtorizza l-Kummissjoni Ewropea li tirrapreżenta l-Komunità Ewropea fil-laqgħat tal-futur ta’ l-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague u li tinnegozja kwistjonijiet, f’isem il-Komunità, li jaqgħu taħt il-kompetenza li l-Assemblea għandha b’konformità ma’ Artikolu 21 ta’ l-Att ta’ Ġinevra. Artikolu 3(2) jispeċifika li l-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea se tkun imfassla mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fi ħdan il-grupp ta’ ħidma kompetenti tal-Kunsill jew f’laqgħat fuq il-post imsejjħa tul ix-xogħol imwettaq fi ħdan il-qafas tal-WIPO.

    7. Miżuri supplementari li għandhom jittieħdu fil-kuntest ta’ l-adeżjoni tal-Komunità ma’ l-Att ta’ Ġinevra

    L-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Att ta’ Ġinevra tinħtieġ bosta miżuri ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Komunità.

    L-ewwel, il-leġiżlatur tal-Komunità għandu jipprovdi regoli li jadattaw is-sistema ta’disinn tal-Komunità mas-sistema ta’ l-applikazzjonijiet internazzjonali taħt l-Att ta’ Ġinevra. Huwa propost li l-miżuri li jagħtu effett lill-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Att ta’ Ġinevra jkunu inkorporati fir-Regolament tad-Disinn tal-Komunità permezz ta’ emenda ta’ dispożizzjonijiet eżistenti u ż-żieda ta’ titolu ġdid u separat fuq “Ir-Reġistrazzjoni tad-Disinni Internazzjonali”.

    It-tieni, hemm il-ħtieġa ta’ modifika tar-regoli ta’ implimentazzjoni biex tagħti effett lill-adeżjoni ma’ l-Att ta’ Ġinevra. Din tinħtieġ modifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament tad-Disinni tal-Komunità.[9]

    It-tielet, hemm il-ħtieġa ta’ modifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq il-ħlasijiet pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trejdmarks u Disinni) f’dak li għandu x’jaqsam mar-reġistrazzjoni tad-disinni tal-Komunità.[10] Ir-Regolament tal-Ħlasijiet emendat għandu jistabbilixxi s-sistema ta’ ħlas individwali għar-reġistrazzjonijiet internazzjonali, skond id-dikjarazzjoni magħmula f’din id-Deċiżjoni.

    Billi l-Komunità Ewropa se tintrabat mill-Att ta’ Ġinevra tliet xhur wara d-data li tkun iddepożitat l-istrument ta’ adeżjoni tagħha, il-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji għandhom jidħlu fis-seħħ qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tliet xhur.

    8. Konklużjonijiet

    Fuq il-bażi ta’ dak ta’ hawn fuq, il-Kunsill huwa mistieden jadotta d-deċiżjoni mehmuża li tapprova, f’isem il-Komunità Ewropea, l-Att ta’ Ġinevra, li tawtorizza l-President tal-Kunsill jiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni ma’ l-Att ta’ Ġinevra mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO, u li tawtorizza l-Kummissjoni Ewropea tirrapreżenta l-Komunità Ewropea fil-laqgħat ta’ l-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague li jsiru taħt il-patroċinju tal-WIPO u biex tinnegozja u tapprova kwistjonijiet, f’isem il-Komunità Ewropea, li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-Assemblea.

    2005/0273 (CNS)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308, flimkien ma’ l-Artikolu 300(2), l-ewwel sottoparagrafu, it-tieni sentenza, u l-Artikolu 300(3), l-ewwel sottoparagrafu, ta’ dan,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[11],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[12],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[13],

    Billi:

    1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 fuq id-disinni tal-Komunità[14], li hu bbażat fuq Artikolu 308 tat-Trattat, għandu l-għan li joħloq suq li jaħdem kif suppost u joffri kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq nazzjonali. Bil-għan li jinħoloq suq ta’ dan it-tip u jsir dejjem iktar suq waħdieni, dak ir-Regolament ħoloq is-sistema ta’ disinn tal-Komunità fejn intrapriżi jistgħu permezz ta’ proċedura waħda jakkwistaw disinni tal-Komunità li jingħataw ħarsien uniformi u li jipproduċu l-effetti tagħhom fiż-żona kollha tal-Komunità.

    2. Wara l-preparamenti mibdija u mwettqa mill-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali (il-WIPO) bil-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri li huma membri ta’ l-Unjoni ta’ The Hague, l-Istati Membri li mhumiex membri ta’ l-Unjoni ta’ The Hague u l-Komunità Ewropea, il-Konferenza Diplomatika, imsejħa għal dak il-għan f’Ġinevra, adottat fit-2 ta’ Lulju 1999 l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni industrijali (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala l-“Att ta’ Ġinevra”).

    3. L-Att ta’ Ġinevra ġie adottat biex jintroduċi ċerti innovazzjonijiet fis-sistema għad-depożitu internazzjonali tad-disinni industrijali li hemm provvediment għalihom fl-Att ta’ Londra li kien adottat fit-2 ta’ Ġunju 1934, u l-Att ta’ The Hague, li kien adottat fit-28 ta’ Novembru 1960.

    4. L-għanijiet ta’ l-Att ta’ Ġinevra huma li jestendu s-sistema ta’ The Hague tar-reġistrazzjoni internazzjonali għall-membri ġodda, u li jagħmlu s-sistema iktar attraenti għall-applikanti. Meta imqabbla ma’ l-Att ta’ Londra u l-Att ta’ The Hague, waħda mill-innovazzjonijiet ewlenin hija li organizzazzjoni intergovernattiva li żżomm uffiċċju awtorizzat biex tagħti l-ħarsien lid-disinni b’effett fit-territorju ta’ l-organizzazzjoni tista’ ssir parti mill-Att ta’ Ġinevra.

    5. Il-faċilità li biha organizzazzjoni intergovernattiva li għandha uffiċċju reġjonali għar-reġistrazzjoni tad-disinni tista’ ssir parti mill-Att ta’ Ġinevra ddaħħlet biex tħalli, b’mod partikolari, lill-Komunità taderixxi ma’ dak l-Att, u b’hekk, ma’ l-Unjoni ta’ The Hague.

    6. L-Att ta’ Ġinevra daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Diċembru 2003 u beda jopera fl-1 ta’ April 2004. Fl-1 ta’ Jannar 2003, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trejdmarks u Disinni) laqa’ l-applikazzjonijiet għad-disinni tal-Komunità reġistrati, bl-ewwel data tal-preżentazzjoni tingħata fl-1 ta’ April 2003.

    7. Is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali kif stabbiliti mill-Att ta’ Ġinevra huma komplementari. Is-sistema ta’ disinn tal-Komunità tipprovdi għal sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ disinni reġjonali kompleti u unifikati li tkopri t-territorju kollu tal-Komunità. Il-Ftehim ta’ The Hague jikkostitwixxi trattat li jiċċentralizza l-proċeduri għall-akkwist tal-ħarsien ta’ disinni fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti nnominati.

    8. Il-ħolqien ta’ rabta jista’ jawtorizza lid-disinjaturi jakkwistaw, permezz ta’ applikazzjoni internazzjonali waħda l-ħarsien għad-disinni tagħhom fil-Komunità taħt is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u fit-territorji ta’ l-Att ta’ Ġinevra ġewwa u barra l-Komunità.

    9. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ rabta bejn is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali taħt l-Att ta’ Ġinevra se jippromwovi żvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi, se jelimina tagħwiġ tal-kompetizzjoni, se jkun ekonomikament effiċjenti u se jżid il-livell ta’ integrazzjoni u funzjonalità tas-suq intern. Għalhekk, il-Komunità tinħtieġ li taderixxi ma’ l-Att ta’ Ġinevra biex tagħmel is-sistema ta’ disinn tal-Komunità iktar attraenti.

    10. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tirrapreżenta l-Komunità f’Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague wara l-adeżjoni tal-Komunità ma’ l-Att ta’ Ġinevra.

    11. Id-Deċiżjoni ma taffettwax id-dritt ta’ l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague fir-rigward tad-disinni nazzjonali tagħhom.

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague li jikkonċerna r-reġistrazzjoni internazzjonali tad-disinni industrijali, adottat f’Ġinevra fit-2 ta’ Lulju 1999 (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala l-Att ta’ Ġinevra), huwa hawnhekk approvat f’isem il-Komunità fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

    It-test ta’ l-Att ta’ Ġinevra huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1. Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali mid-data li fiha l-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu adottaw il-miżuri meħtieġa għall-ħolqien ta’ rabta bejn il-liġi tad-disinn tal-Komunità u l-Att ta’ Ġinevra.

    2. Id-dikjarazzjonijiet li huma mehmużin ma’ din id-Deċiżjoni għandhom isiru fl-istrument ta’ adeżjoni.

    Artikolu 3

    1. Il-Kummissjoni hija hawnhekk awtorizzata li tirrapreżenta l-Komunità Ewropea fil-laqgħat ta’ l-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague miżmuma taħt il-patroċinju ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali.

    2. Fuq il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità fir-rigward tad-disinn tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tinnegozja fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague f’isem il-Komunità u skond l-arranġamenti li ġejjin:

    (a) il-pożizzjoni li tista’ tadotta l-Komunità fi ħdan l-Assemblea għandha tkun ippreparata mill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill jew, jekk dan mhux possibbli, f’laqgħat li jsiru fuq il-post imlaqqgħin matul ix-xogħol fi ħdan il-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali;

    (b) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 6/2002, jew ma’ kull att ieħor tal-Kunsill li jinħtieġ unanimità, il-pożizzjoni tal-Komunità għandha tkun adottata mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni;

    (c) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet oħra li jaffettwaw il-liġi tad-disinn tal-Komunità, il-pożizzjoni tal-Komunità għandha tkun adottata mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

    għall-Kunsill

    Il-President

    L-Att ta’ Ġinevra tat-2 ta’ Lulju, 1999

    IL-WERREJ

    ID-DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI

    Artikolu 1: L-espressjonijiet imqassra

    Artikolu 2: Kemm japplika l-Ħarsien l-Ieħor mogħti mil-Liġijiet ta’ Partijiet Kontraenti u minn Ċerti Trattati Internazzjonali

    KAPITOLU I : L- APPLIKAZZJONI INTERNAZZJONALI U

    R-REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI

    Artikolu 3: Id-Dritt biex Tressaq Applikazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 4: Il-Proċedura biex Titressaq Applikazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 5: Il-Kontenut ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 6: Il-Prijorità

    Artikolu 7: Il-Ħlasijiet tan-Nomina

    Artikolu 8: Il-Korrezzjoni ta’ l-Irregolaritajiet

    Artikolu 9: Id-Data ta’ meta Tressqet l-Applikazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 10: Ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali, id-Data tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali, il-Pubblikazzjoni u l-Kopji Konfidenzjali tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

    Artikoli 11: Id-Differiment tal-Pubblikazzjoni

    Artikolu 12: Ir-Rifjut

    Artikolu 13: Il-Kondizzjonijiet Meħtieġa Speċjali li Jikkonċernaw l-Unità tad-Disinn

    Artikolu 14: L-Effetti tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

    Artikolu 15: L-Invalidazzjoni

    Artikolu 16: Ir-Reġistrazzjoni tal-Bidliet u Kwistjonijiet Oħrajn li Jikkonċernaw ir-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali

    Artikolu 17: Il-Perjodu ta’ Żmien Inizjali u t-Tiġdid tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali u Kemm Idum il-Ħarsien

    Artikolu 18: L-Informazzjoni li Tikkonċerna r-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali Ppubblikati

    KAPITOLU II: ID-DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI

    Artikolu 19: L-Uffiċċju Komuni ta’ Numru ta’ Stati

    Artikolu 20: Is-Sħubija fl-Unjoni ta’ The Hague

    Artikolu 21: L-Assemblea

    Artikolu 22: L-Aġenzija Internazzjonali

    Artikolu 23: Il-Finanzi

    Artikolu 24: Ir-Regolamenti

    KAPITOLU III: IR-REVIŻJONI U L-EMENDI

    Artikolu 25: Ir-Reviżjoni ta’ Dan l-Att

    Artikolu 26: L-Emendi ta’ Ċerti Artikoli mill-Assemblea

    KAPITOLU IV: ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 27: Issir Parti minn Dan l-Att

    Artikolu 28: Id-Data Effettiva tar-Ratifika u ta’ l-Adeżjonijiet

    Artikolu 29: Il-Projbizzjoni tar-Riservi

    Artikolu 30: Id-Dikjarazzjonijiet Magħmula mill-Partijiet Kontraenti

    Artikolu 31: L-Applikabbiltà ta’ l-Atti ta’ l-1934 u ta’ l-1960

    Artikolu 32: Id-Denunzja ta’ Dan l-Att

    Artikolu 33: Il-Lingwi ta’ Dan l-Att; il-Firma

    Artikolu 34: Id-Depożitarju

    ID-DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI

    Artikolu 1

    L-Espressjonijiet imqassra

    Għall-finijiet ta’ dan l-Att:

    (i) “il-Ftehim ta’ The Hague” tfisser il-Ftehim ta’ The Hague li Jikkonċerna d-Depożitu Internazzjonali tad-Disinni Industrijali, li minn hawn ’il quddiem qed jingħata l-isem il-ġdid ta’ Ftehim ta’ The Hague li Jikkonċerna r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinni Industrijali;

    (ii) “dan l-Att” tfisser il-Ftehim ta’ The Hague kif stabbilit mill-Att preżenti;

    (iii) “ir-Regolamenti” tfisser ir-Regolamenti taħt dan il-Att;

    (iv) “preskritt” tfisser preskritt fir-Regolamenti;

    (v) “Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi” tfisser il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Ħarsien tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, kif riveduta u emendata;

    (vi) “reġistrazzjoni internazzjonali” tfisser ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ disinn industrijali li saret skond dan il-Att;

    (vii) “applikazzjoni internazzjonali” tfisser applikazzjoni għal reġistrazzjoni internazzjonali;

    (viii) ir-“Reġistru Internazzjonali” tfisser il-ġbir uffiċjali ta’ data li tikkonċerna r-reġistrazzjonijiet internazzjonali miżmuma mill-Aġenzija Internazzjonali, u dan l-Att jew ir-Regolamenti jeħtieġu jew jippermettu li tkun irreġistrata din id- data , mingħajr ma jitqies il-mod kif tinżamm data bħal din;

    (ix) “persuna” tfisser persuna fiżika jew entità legali;

    (x) l-“applikant” tfisser il-persuna li f’isimha tressqet applikazzjoni internazzjonali;

    (xi) id-“detentur” tfisser il-persuna li f’isimha hija rreġistrata reġistrazzjoni internazzjonali fir-Reġistru Internazzjonali;

    (xii) “organizzazzjoni intergovernattiva” tfisser organizzazzjoni intergovernattiva eliġibbli biex issir parti għal dan l-Att skond l-Artikolu 27(1)(ii);

    (xiii) “Parti Kontraenti” tfisser kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva li huwa jew hija parti għal dan l-Att;

    (xiv) il-“Parti Kontraenti ta’ l-applikant” tfisser il-Parti Kontraenti jew waħda mill-Partijiet Kontraenti li minnha l-applikant kiseb id-dritt biex jitlob applikazzjoni internazzjonali biex jissodisfa, f’relazzjoni mal-Parti Kontraenti, mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 3; fejn hemm żewġ Partijiet Kontraenti jew aktar li minnhom l-applikant jista’, skond l-Artikolu 3, jikseb id-dritt tiegħu biex jitlob applikazzjoni internazzjonali, “il-Parti Kontraenti ta’ l-applikant” tfisser dik il-Parti, fost dawk il-Partijiet Kontraenti, li hija indikata bħala tali fl-applikazzjoni internazzjonali;

    (xv) it-“territorju ta’ Parti Kontraenti” tfisser, fejn il-Parti Kontraenti hija Stat, it-territorju ta’ dak l-Istat u, fejn il-Parti Kontraenti hija organizzazzjoni intergovernattiva, it-territorju li fih japplika t-trattat kostitwenti ta’ dik l-organizzazzjoni intergovernattiva;

    (xvi) l-“Uffiċċju” tfisser l-aġenzija inkarigata mill-Parti Kontraenti biex jitħarsu d-disinni industrijali li għandha effett fit-territorju ta’ dik il-Parti Kontraenti;

    (xvii) l-“Uffiċċju li Jeżamina” tfisser Uffiċċju li jeżamina, ex officio, l-applikazzjonijiet imressqa quddiemu għall-ħarsien tad-disinni industrijali għall-inqas biex ikun iddeterminat jekk id-disinni industrijali jissodisfawx il-kondizzjoni ta’ novità;

    (xviii) “nomina” tfisser talba biex reġistrazzjoni internazzjonali jkollha effett f’Parti Kontraenti; tfisser ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ dik it-talba;

    (xix) “Parti Kontraenti nnominata” u “Uffiċċju nnominat” tfisser il-Parti Kontraenti u l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti, rispettivament, li għalihom tapplika din in-nomina;

    (xx) “l-Att ta’ l-1934” tfisser l-Att iffirmat f’Londra fit-2 ta’ Ġunju 1934, tal-Ftehim ta’ The Hague;

    (xxi) “l-Att ta’ l-1960” tfisser l-Att iffirmat f’The Hague fit-28 ta’ Novembru 1960, tal-Ftehim ta’ The Hague;

    (xxii) l-“Att Addizzjonali ta’ l-1961” tfisser l-Att iffirmat f’Monako fit-18 ta’ Novembru 1961, b’mod addizzjonali għall-Att ta’ l-1934;

    (xxiii) l-“Att Komplementari ta’ l-1967” tfisser l-Att Komplementari ffirmat fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, kif emendat, tal-Ftehim ta’ The Hague;

    (xxiv) l-“Unjoni” tfisser l-Unjoni ta’ The Hague stabbilita mill-Ftehim ta’ The Hague tas-6 ta’ Novembru 1925, u miżmuma mill-Atti ta’ l-1934 u ta’ l-1960, mill-Att Addizzjonali ta’ l-1961, mill-Att Komplementari ta’ l-1967 u minn dan l-Att;

    (xxv) l-“Assemblea” tfisser l-Assemblea li tissemma’ fl-Artikolu 21(1)(a) jew kwalunkwe korp li jissostitwixxi dik l-Assemblea;

    (xxvi) l-“Organizzazzjoni” tfisser l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali;

    (xxvii) id-“Direttur Ġenerali” tfisser id-Direttur Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni;

    (xxviii) “l-Aġenzija Internazzjonali” tfisser l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni;

    (xxix) l-“istrument tar-ratifika” għandha tkun interpretata bħala li tinkludi strumenti ta’ aċċettazzjoni jew ta’ approvazzjoni.

    Artikolu 2

    Kemm Japplika l-Ħarsien l-Ieħor Mogħti mil-Liġijiet tal-Partijiet Kontraenti u minn Ċerti Trattati Internazzjonali

    (1) [ Il-Liġijiet tal-Partijiet Kontraenti u Ċerti Trattati Internazzjonali ] Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att m’għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe ħarsien ta’ livell ogħla li jista’ jingħata mil-liġi ta’ Parti Kontraenti, lanqas m’għandhom jaffettwaw b’xi mod il-ħarsien li jingħata lil xogħlijiet artistiċi u xogħlijiet ta’ arti applikata minn trattati jew konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, jew il-ħarsien mogħti lil disinni industrijali skond il-Ftehim dwar l-Aspetti relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali annessi mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    (2) [ L-Obbligu li Jkun hemm Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ] Kull Parti Kontraenti għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi li jikkonċernaw id-disinni industrijali.

    KAPITOLU I

    L-APPLIKAZZJONI INTERNAZZJONALI U R-REĠISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI

    Artikolu 3

    Id-Dritt li Titressaq Applikazzjoni Internazzjonali

    Kwalunkwe persuna li hija ċittadina ta’ Stat li huwa Parti Kontraenti jew ta’ Stat li huwa membru ta’ organizzazzjoni intergovernattiva li hija Parti Kontraenti, jew li għandu d-domiċilju, ir-residenza tas-soltu jew stabbiliment industrijali jew kummerċjali li huwa reali u effettiv fit-territorju ta’ Parti Kontraenti, għandu jkollha d-dritt li tressaq applikazzjoni internazzjonali.

    Artikolu 4

    Il-Proċedura biex titressaq Applikazzjoni Internazzjonali

    (1) [ Preżentazzjoni Diretta jew Indiretta ] (a) L-applikazzjoni internazzjonali tista’ titressaq, skond kif jagħżel l-applikant, jew b’mod dirett ma’ l-Aġenzija Internazzjonali jew permezz ta’ l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti ta’ l-applikant.

    (b) Minkejja s-sottoparagrafu (a), kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali li l-applikazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux jitressqu permezz ta’ l-Uffiċċju tagħha b’dikjarazzjoni.

    (2) [ Il-Ħlas tat-Trażmissjoni f’Każ ta’ Preżentazzjoni Indiretta ] L-Uffiċċju ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti jista’ jeħtieġ li l-applikant iħallas imposta ta’ trażmissjoni, għall-benefiċċju ta’ l-Uffiċċju stess, fejn għandha x’taqsam kull applikazzjoni internazzjonali li titressaq permezz tiegħu.

    Artikolu 5

    Il-Kontenut ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali

    (1) [ Il-Kontenut Obbligatorju ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali ] L-applikazzjoni internazzjonali għandha tkun bil-lingwa preskritta jew b’waħda mil-lingwi preskritti u għandu jkun fiha jew ikollha magħha

    (i) talba għal reġistrazzjoni internazzjonali taħt dan l-Att;

    (ii) id-data preskritta li tikkonċerna l-applikant;

    (iii) in-numru ta’ kopji ta’ riproduzzjoni preskritti jew, skond kif jagħżel l-applikant, ta’ għadd ta’ riproduzzjonijiet differenti tad-disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ l-applikazzjoni internazzjonali, ippreżentati bil-mod preskritt; madankollu, fejn id-disinn industrijali għandu żewġ dimensjonijiet u ssir talba biex tkun iddifferita l-pubblikazzjoni skond il-paragrafu (5), l-applikazzjoni internazzjonali tista’, minflok li jkun fiha r-riproduzzjonijiet, ikollha magħha numru preskritt ta’ kampjuni tad-disinn industrijali;

    (iv) indikazzjoni tal-prodott jew tal-prodotti li jikkostitwixxu d-disinn industrijali jew li b’rabta miegħu jew magħhom se jintuża d-disinn industrijali, kif ikun preskritt;

    (v) indikazzjoni tal-Partijiet Kontraenti nnominati;

    (vi) il-ħlasijiet preskritti;

    (vii) kull dettall ieħor preskritt.

    (2) [ Il-Kontenut Obbligatorju Addizzjonali ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali ] (a) Kull Parti Kontraenti li l-Uffiċċju tagħha huwa Uffiċċju li Jeżamina u li l-liġi tagħha, meta ssir parti għal dan l-Att, tinħtieġ li applikazzjoni biex jingħata ħarsien lil disinn industrijali, irid tkun fiha kwalunkwe wieħed mill-elementi speċifikati fis-sottoparagrafu (b) biex dik l-applikazzjoni tingħata d-data ta’ preżentazzjoni skond dik il-liġi, tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali b’dawk l-elementi permezz ta’ dikjarazzjoni.

    (b) L-elementi li jistgħu jkunu nnotifikati skond is-sottoparagrafu (a) huma dawn li ġejjin:

    (i) l-indikazzjonijiet li jikkonċernaw l-identità ta’ min ħoloq id-disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ dik l-applikazzjoni;

    (ii) deskrizzjoni qasira tar-riproduzzjoni jew tal-karatteristiċi tad-disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ dik l-applikazzjoni;

    (iii) klejm.

    (c) Fejn l-applikazzjoni internazzjonali fiha n-nomina ta’ Parti Kontraenti li għamlet notifika taħt is-sottoparagrafu (a), irid ikun fiha wkoll, bil-mod preskritt, kull element li kien is-suġġett ta’ dik in-notifika.

    (3) [Kontenut Ieħor Possibbli ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali] L-applikazzjoni internazzjonali jista’ jkun fiha jew ikollha magħha elementi oħra bħal dawk speċifikati fir-Regolamenti.

    (4) [ Bosta Disinni Industrijali fl-Istess Applikazzjoni Internazzjonali ] Bla ħsara għal kondizzjonijiet bħal dawn li jistgħu jkunu preskritti, applikazzjoni internazzjonali tista’ tinkludi żewġ disinni industrijali jew aktar.

    (5) [ Talba biex il-Pubblikazzjoni tkun Iddifferita ] L-applikazzjoni internazzjonali jista’ jkun fiha talba sabiex il-pubblikazzjoni tkun iddifferita.

    Artikolu 6

    Il-Prijorità

    (1) [ L-affermazzjoni tal-Prijorità ] (a) L-applikazzjoni internazzjonali jista’ jkun fiha dikjarazzjoni li tafferma, skond l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-prijorità ta’ applikazzjoni jew ta’ iktar minn applikazzjoni waħda preċedenti li tressqet fi, jew għal, kull pajjiż parti għal dik il-Konvenzjoni jew kwalunkwe Membru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    (b) Ir-Regolamenti jistgħu jipprovdu li d-dikjarazzjoni msemmija fis-sottoparagrafu (a) tista’ ssir wara li titressaq l-applikazzjoni internazzjonali. F’każ bħal dan, ir-Regolamenti għandhom jippreskrivu sa meta tista’ ssir dikjarazzjoni bħal din.

    (2) [L- Applikazzjoni Internazzjonali li Sservi ta’ Bażi għall-Affermazzjoni tal-Prijorità ] Mid-data ta’ meta tressqet u jkun liema jkun id-destin sussegwenti tagħha, l-applikazzjoni internazzjonali għandha tkun ekwivalenti għal preżentazzjoni regolari skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    Artikolu 7

    Il-Ħlasijiet tan-Nomina

    (1) [ Il-Ħlas Preskritt tan-Nomina ] Il-Ħlasijiet preskritti għandhom jinkludu, bla ħsara għall-paragrafu (2), il-ħlas tan-nomina għal kull Parti Kontraenti nnominata.

    (2) [ Il-Ħlas Individwali tan-Nomina ] Kull Parti Kontraenti li l-Uffiċċju tagħha huwa Uffiċċju li Jeżamina u kull Parti Kontraenti li hija organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali, permezz ta’ dikjarazzjoni, li b’rabta ma’ kull applikazzjoni internazzjonali li fiha hija nnominata, u b’rabta mat-tiġdid ta’ kull reġistrazzjoni internazzjonali li tirriżulta minn applikazzjoni internazzjonali bħal din, il-ħlas preskritt tan-nomina li jissemma’ fil-paragrafu (1) għandu jiġi sostitwit mill-ħlas individwali tan-Nomina, li l-ammont tiegħu għandu jiġi indikat fid-dikjarazzjoni u jista’ jinbidel f’dikjarazzjonijiet li jsiru aktar ’il quddiem. Dan l-ammont jista’ jkun iffissat mill-Parti Kontraenti msemmija għat-terminu inizjali tal-ħarsien u għal kull terminu ta’ tiġdid jew għall-perjodu massimu tal-ħarsien permess mill-Parti Kontraenti kkonċernata. Madankollu, ma jistax ikun ikbar mill-ammont ekwivalenti li l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti għandu jkun intitolat li jirċievi mingħand applikant għall-ħarsien li ngħata għal perjodu ekwivalenti lill-istess numru ta’ disinni industrijali, b’dak l-ammont jitnaqqas mit-tifdil li jirriżulta mill-proċedura internazzjonali.

    (3) [ It-Trasferiment tal-Ħlasijiet tan-Nomina ] Il-ħlasijiet tan-Nomina msemmija fil-paragrafi (1) u (2) għandhom ikunu ttrasferiti mill-Aġenzija Internazzjonali lill-Partijiet Kontraenti li għalihom saru l-ħlasijiet.

    Artikolu 8

    Il-Korrezzjoni ta’ l-Irregolaritajiet

    (1) [ L-Eżami ta’ l-Applikazzjoni Internazzjonali ] Jekk l-Aġenzija Internazzjonali ssib li l-applikazzjoni internazzjonali, fiż-żmien li l-Aġenzija Internazzjonali tirċieviha, ma tissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa ta’ dan l-Att u tar-Regolamenti, għandha tistieden lill-applikant biex jagħmel il-korrezzjonijiet meħtieġa fil-limitu taż-żmien preskritt.

    (2) [ Irregolaritajiet li Ma Kinux Ikkoreġuti ] (a) Bla ħsara għas-sottoparagrafu (b), jekk l-applikant ma jikkonformax ma’ l-istedina fil-limitu taż-żmien preskritt, l-applikazzjoni internazzjonali għandha titqies li ġiet abbandunata.

    (b) F’każ ta’ irregolarità li għandha x’taqsam ma’ l-Artikolu 5(2) jew ma’ kondizzjoni meħtieġa speċjali nnotifikata lid-Direttur Ġenerali minn Parti Kontraenti skond ir-Regolamenti, jekk l-applikant ma jikkonformax ma’ l-istedina fil-limitu taż-żmien preskritt, l-applikazzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ma fihiex in-nomina ta’ dik il-Parti Kontraenti.

    Artikolu 9

    Id-Data ta’ Meta Tressqet l-Applikazzjoni Internazzjonali

    (1) [ Applikazzjoni Internazzjonali Mressqa Direttament ] Fejn l-applikazzjoni internazzjonali tressqet direttament ma’ l-Aġenzija Internazzjonali, id-data tal-preżentazzjoni, bla ħsara għall-paragrafu (3), għandha tkun id-data li fiha l-Aġenzija Internazzjonali rċeviet l-applikazzjoni internazzjonali.

    (2) [ Applikazzjoni Internazzjonali Mressqa Indirettament ] Fejn l-applikazzjoni internazzjonali titressaq permezz ta’ l-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti ta’ l-Applikant, id-data tal-preżentazzjoni għandha tkun iddeterminata kif inhu preskritt.

    (3) [ Applikazzjoni Internazzjonali b’Ċerti Irregolaritajiet ] Fejn l-applikazzjoni internazzjonali, fid-data li l-Aġenzija Internazzjonali rċevietha, ikollha irregolarità li hija preskritta bħala irregolarità li tinvolvi posponiment tad-data tal-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni internazzjonali, id-data tal-preżentazzjoni għandha tkun id-data li fiha l-Aġenzija Internazzjonali tirċievi l-korrezzjoni ta’ tali irregolarità.

    Artikolu 10 [15]

    Ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali, id-Data tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali, il-Pubblikazzjoni u l-Kopji Konfidenzjali tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

    (1) [ Ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali ] L-Aġenzija Internazzjonali għandha tirreġistra kull disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni internazzjonali eżatt kif tirċievi l-applikazzjoni internazzjonali jew, fejn jintalbu xi korrezzjonijiet skond l-Artikolu 8, eżatt kif tirċievi l-korrezzjonijiet meħtieġa. Ir-reġistrazzjoni għandha ssir sew jekk il-pubblikazzjoni tkun iddifferita taħt l-Artikolu 11 u sew jekk le.

    (2) [ Id-Data tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali ] (a) Bla ħsara għas-sottoparagrafu (b), id-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun id-data ta’ meta tressqet l-applikazzjoni internazzjonali.

    (b) Fejn l-applikazzjoni internazzjonali, fid-data li l-Aġenzija Internazzjonali tirċieviha, ikollha irregolarità li għandha x’taqsam ma’ l-Artikolu 5(2), id-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tkun id-data li fiha l-Aġenzija Internazzjonali tirċievi l-korrezzjoni ta’ tali irregolarità jew id-data ta’ meta tressqet l-applikazzjoni internazzjonali, liema minnhom tkun l-aħħar waħda.

    (3) [ Il-Pubblikazzjoni ] (a) Ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha tiġi ppubblikata mill-Aġenzija Internazzjonali. Pubblikazzjoni bħal din għandha titqies, fil-Partijiet Kontraenti kollha, bħala biżżejjed pubbliċità, u l-ebda pubbliċità oħra m’għandha tkun meħtieġa min-naħa tad-detentur.

    (b) L-Aġenzija Internazzjonali għandha tibgħat kopja tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali lil kull Uffiċċju nnominat.

    (4) [ Iż-Żamma tal-Konfidenzjalità Qabel il-Pubblikazzjoni ] Bla ħsara għall-paragrafu (5) u għall-Artikolu 11(4)(b), l-Aġenzija Internazzjonali għandha żżomm konfidenzjali kull applikazzjoni internazzjonali u kull reġistrazzjoni internazzjonali sakemm ikunu ppubblikati.

    (5) [ Il-Kopji Konfidenzjali ] (a) Immedjatament wara li tkun saret ir-reġistrazzjoni, l-Aġenzija Internazzjonali għandha tibgħat kopja tar-reġistrazzjoni internazzjonali, flimkien ma’ kwalunkwe dikjarazzjoni, dokument jew kampjun rilevanti li jkun hemm ma’ l-applikazzjoni internazzjonali, lil kull Uffiċċju li nnotifika lill-Aġenzija Internazzjonali li jixtieq jirċievi kopja bħal din u li ġie nnominat fl-applikazzjoni internazzjonali.

    (b) Sakemm tkun ippubblikata r-reġistrazzjoni internazzjonali mill-Aġenzija Internazzjonali, l-Uffiċċju għandu jżomm kull reġistrazzjoni internazzjonali li ntbagħtitlu kopja tagħha mill-Aġenzija Internazzjonali bħala konfidenzjali u jista’ juża l-kopja msemmija biss għall-eżami tar-reġistrazzjoni internazzjonali u għall-applikazzjonijiet biex ikunu mħarsa d-disinni industrijali li tressqu fi, jew għall-Partijiet Kontraenti li l-Uffiċċju huwa kompetenti fihom. B’mod partikolari, ma jistax ixandar il-kontenut ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali bħal din lil kwalunkwe persuna barra mill-Uffiċċju minbarra d-detentur ta’ dik ir-reġistrazzjoni internazzjonali, ħlief għall-finijiet ta’ proċedura amministrattiva jew legali li tinvolvi konflitt dwar id-dritt li titressaq l-applikazzjoni internazzjonali li fuqha hija bbażata r-reġistrazzjoni internazzjonali. F’każ ta’ proċedura amministrattiva jew legali bħal din, il-kontenut tar-reġistrazzjoni internazzjonali jista’ jkun żvelat biss b’mod konfidenzjali lill-partijiet involuti fil-proċedura li għandhom ikunu marbuta li jirrispettaw il-konfidenzjalità ta’ dak li jkun żvelat.

    Artikolu 11

    Id-Differiment tal-Pubblikazzjoni

    (1) [ Id-Dispożizzjonijiet tal-Liġijiet tal-Partijiet Kontraenti li Jikkonċernaw Id-Differiment tal-Pubblikazzjoni ] (a) Fejn il-liġi ta’ Parti Kontraenti tipprovdi għad-differiment tal-pubblikazzjoni ta’ disinn industrijali għal perjodu li huwa inqas mill-perjodu preskritt, il-Parti Kontraenti għandha tinnotifika, permezz ta’ dikjarazzjoni, lid-Direttur Ġenerali bil-perjodu ta’ differiment permess.

    (b) Fejn il-liġi ta’ Parti Kontraenti ma tipprovdix għad-differiment tal-pubblikazzjoni ta’ disinn industrijali, il-Parti Kontraenti għandha tinnotifika lid-Direttur Ġenerali b’dan permezz ta’ dikjarazzjoni.

    (2) [ Id-Differiment tal-Pubblikazzjoni ] Fejn l-applikazzjoni internazzjonali jkun fiha talba biex il-pubblikazzjoni tkun iddifferita, il-pubblikazzjoni għandha ssir,

    (i) fejn l-ebda Parti Kontraenti nnominata fl-applikazzjoni internazzjonali m’għamlet dikjarazzjoni skond il-paragrafu (1), fl-għeluq tal-perjodu preskritt jew,

    (ii) fejn kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata fl-applikazzjoni internazzjonali għamlet dikjarazzjoni skond il-paragrafu (1)(a), fl-għeluq tal-perjodu nnotifikat f’tali dikjarazzjoni jew, fejn hemm iktar minn Parti Kontraenti waħda nnominata, fl-għeluq ta’ l-iqsar perjodu nnotifikat fid-dikjarazzjonijiet tagħhom.

    (3) [ It-Trattament tat-Talbiet għal Differiment Fejn Differiment Mhuwiex Possibbli Taħt il-Liġi Applikabbli ] Fejn intalab differiment ta’ pubblikazzjoni u kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti nnominati fl-applikazzjoni internazzjonali għamlet dikjarazzjoni skond il-paragrafu (1)(b) li d-differiment tal-pubblikazzjoni mhux possibbli taħt il-liġi tagħha,

    (i) bla ħsara għall-punt (ii), l-Aġenzija Internazzjonali għandha tinnotifika lill-applikant b’dan; jekk, fil-perjodu preskritt, l-applikant, b’avviż bil-miktub lill-Aġenzija Internazzjonali, ma jirtirax in-nomina tal-Parti Kontraenti msemmija, l-Aġenzija Internazzjonali m’għandiex tagħti każ tat-talba biex il-pubblikazzjoni tkun iddifferita;

    (ii) fejn, minflok ma jkun fiha r-riproduzzjonijiet tad-disinn industrijali, l-applikazzjoni internazzjonali jkollha magħha kampjuni tad-disinn industrijali, l-Aġenzija Industrijali m’għandiex tagħti każ tan-nomina tal-Parti Kontraenti msemmija u għandha tinnotifika lill-applikant b’dan.

    (4) [ It-Talba għal Pubblikazzjoni qabel iż-żmien jew għal Aċċess Speċjali għar-Reġistrazzjoni Internazzjonali ] (a) Fi kwalunkwe żmien matul il-perjodu ta’ differiment applikabbli skond il-paragrafu (2), id-detentur jista’ jitlob il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe disinn industrijali jew tagħhom kollha li huwa(huma) s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali, li f’dan il-każ il-perjodu ta’ differiment fejn għandu x’jaqsam dan id-disinn jew dawn id-disinni industrijali għandu jitqies li għalaq fid-data li fiha l-Aġenzija Internazzjonali tirċievi talba bħal din.

    (b) Id-detentur jista’ wkoll, fi kwalunkwe żmien matul il-perjodu ta’ differiment applikabbli skond il-paragrafu (2), jitlob lill-Aġenzija Internazzjonali biex tipprovdi lil parti terza speċifikata mid-detentur b’silta minnha, jew li jingħata permess biex din il-parti jkollha aċċess għal kwalunkwe disinn industrijali jew għad-disinni industrijali kollha li huwa/huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    (5) [ Ir-Rinunzja u l-Limitazzjoni ] (a) Jekk, fi kwalunkwe żmien matul il-perjodu ta’ differiment applikabbli skond il-paragrafu (2), id-detentur jirrinunzja għar-reġistrazzjoni internazzjonali fejn għandhom x’jaqsmu l-Partijiet Kontraenti nnominati kollha, id-disinn jew id-disinni industrijali li huwa/huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali m’għandux/m’għandhomx ikun/ikunu ppubblikat/ippubblikati.

    (b) Jekk, fi kwalunkwe żmien tal-perjodu ta’ differiment applikabbli skond il-paragrafu (2), id-detentur jillimita r-reġistrazzjoni internazzjonali, fejn għandhom x’jaqsmu l-Partijiet Kontraenti nnominati kollha, għal disinn industrijali wieħed jew għal ftit disinni industrijali li huwa/huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali, id-disinn industrijali l-ieħor jew id-disinni industrijali l-oħra li huwa/huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali m’għandux/m’għandhomx ikun/ikunu ppubblikat/ippubblikati.

    (6) [ Il-Pubblikazzjoni u l-Forniment tar-Riproduzzjonijiet ] (a) Fl-għeluq ta’ kwalunkwe perjodu ta’ differiment applikabbli skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija Internazzjonali, bla ħsara għall-ħlasijiet preskritti, għandha tippubblika r-reġistrazzjoni internazzjonali. Jekk ħlasijiet bħal dawn ma jsirux kif preskritt, ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha titħassar u l-pubblikazzjoni m’għandiex issir.

    (b) Fejn l-applikazzjoni internazzjonali kellha magħha kampjun wieħed jew iktar tad-disinn industrijali skond l-Artikolu 5(1)(iii), id-detentur għandu jressaq in-numru ta’ kopji preskritti ta’ riproduzzjoni ta’ kull disinn industrijali li huwa s-suġġett ta’ dik l-applikazzjoni lill-Aġenzija Internazzjonali fiż-żmien limitat preskritt. Sakemm id-detentur ma jagħmilx dan, ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha titħassar u l-pubblikazzjoni m’għandhiex issir.

    Artikolu 12

    Ir-Rifjut

    (1) [ Id-Dritt tar-Rifjut ] L-Uffiċċju ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jista’, fejn ma jintlaħqux il-kondizzjonijiet ta’ l-għotja ta’ ħarsien skond il-liġi ta’ dik il-Parti Kontraenti fejn għandu x’jaqsam kwalunkwe disinn industrijali jew id-disinni industrijali kollha li huwa/huma s-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali, jirrifjuta l-effetti, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, tar-reġistrazzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Parti Kontraenti msemmija, bil-kondizzjoni li l-ebda Uffiċċju ma jista’ jirrifjuta l-effetti, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali minħabba li r-rekwiżiti relatati mal-forma jew mal-kontenut ta’ l-applikazzjoni internazzjonali li huma pprovduti f’dan l-Att jew fir-Regolamenti jew huma addizzjonali għal, jew differenti minn, dawk ir-rekwiżiti li ma kinux sodisfatti skond il-liġi tal-Parti Kontraenti kkonċernata.

    (2) [ In-Notifika tar-Rifjut ] (a) Ir-rifjut ta’ l-effetti ta’ reġistrazzjoni internazzjonali għandu jiġi kkomunikat mill-Uffiċċju lill-Aġenzija Internazzjonali f’notifika ta’ rifjut fil-perjodu preskritt.

    (b) Kwalunkwe notifika ta’ rifjut għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat ir-rifjut.

    (3) [ It-Trażmissjoni tan-Notifika tar-Rifjut; ir-Rimedji ] (a) L-Aġenzija Internazzjonali għandha, mingħajr dewmien, tittrażmetti kopja tan-notifika tar-rifjut lid-detentur.

    (b) Id-detentur għandu jgawdi l-istess rimedji daqs li kieku kwalunkwe disinn industrijali li huwa s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali kien is-suġġett ta’ applikazzjoni biex jingħata ħarsien skond il-liġi applikabbli għall-Uffiċċju li kkomunika r-rifjut. Rimedji bħal dawn għandhom mill-inqas jikkonsistu fil-possibbiltà li jkun eżaminat mill-ġdid jew issir reviżjoni tar-rifjut jew isir appell kontra r-rifjut.

    (4)[[16] L-Irtirar tar-Rifjut ] Kwalunkwe rifjut jista’ jiġi rtirat, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, fi kwalunkwe ħin mill-Uffiċċju li kkomunikah.

    Artikolu 13

    Il-Kondizzjonijiet Meħtieġa Speċjali li Jikkonċernaw l-Unità tad-Disinn

    (1) [ In-Notifika tal-Kondizzjonijiet Meħtieġa Speċjali ] Kwalunkwe Parti Kontraenti li l-liġi tagħha, meta ssir parti għal dan l-Att, tinħtieġ li d-disinni li huma s-suġġett ta’ l-istess applikazzjoni jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ l-unità tad-disinn, ma’ l-unità tal-produzzjoni jew ma’ l-unità ta’ l-użu, jew li huma parti mill-istess sett jew kompożizzjoni ta’ oġġetti, jew li disinn indipendenti u distint wieħed biss jista’ jkun ikklejmjat f’applikazzjoni waħda, tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali b’dan permezz ta’ dikjarazzjoni. Madankollu, l-ebda dikjarazzjoni bħal din m’għandha taffettwa d-dritt ta’ applikant li jinkludi żewġ disinni industrijali jew aktar f’applikazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 5(4), anki jekk l-applikazzjoni tinnomina lill-Parti Kontraenti li għamlet id-dikjarazzjoni.

    (2) [ L-Effett tad-Dikjarazzjoni ] Kwalunkwe dikjarazzjoni bħal din għandha tagħti opportunità lill-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti li għamilha biex jirrifjuta l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali skond l-Artikolu 12(1) sakemm isseħħ konformità mar-rekwiżit innotifikat minn dik il-Parti Kontraenti.

    (3) [ Aktar Ħlasijiet li Jsiru Meta Tinqasam ir-Reġistrazzjoni ] Fil-każ li, wara notifika ta’ rifjut skond il-paragrafu (2), reġistrazzjoni internazzjonali tinqasam quddiem l-Uffiċċju kkonċernat biex tingħeleb ir-raġuni tar-rifjut kif iddikjarata fin-notifika, dak l-Uffiċċju għandu jkollu d-dritt li jiddebita ħlas fejn għandha x’taqsam kull applikazzjoni internazzjonali addizzjonali li kieku kienet tkun meħtieġa ħalli tkun evitata dik ir-raġuni għar-rifjut.

    Artikolu 14

    L-Effetti tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali

    (1) [ L-Effett bħala Applikazzjoni Skond il-Liġi Applikabbli ] Mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali, din għandu jkollha mill-inqas l-istess effett f’kull Parti Kontraenti nnominata bħala applikazzjoni li tressqet b’mod regolari biex jingħata ħarsien lid-disinn industrijali skond il-liġi ta’ dik il-Parti Kontraenti.

    (2) [ L-Effett bħala Għotja ta’ Ħarsien Skond il-Liġi Applikabbli ] (a) F’kull Parti Kontraenti nnominata fejn l-Uffiċċju tagħha ma ikkomunikax rifjut skond l-Artikolu 12, ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandu jkollha l-istess effett bħal għotja ta’ ħarsien għad-disinn industrijali skond il-liġi ta’ dik il-Parti Kontraenti, sa mhux aktar tard mid-data ta’ l-għeluq tal-perjodu li matulu l-Uffiċċju jitħalla jikkomunika rifjut jew, fejn Parti Kontraenti għamlet dikjarazzjoni korrispondenti skond ir-Regolamenti, sa mhux aktar tard miż-żmien speċifikat f’dik id-dikjarazzjoni.

    (b)[17] Fejn l-Uffiċċju ta’ Parti Kontraenti nnominata kkomunika rifjut u wara, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, irtira dak ir-rifjut, ir-reġistrazzjoni internazzjonali, sakemm ikun irtirat dak ir-rifjut, għandu jkollha l-istess effett f’dik il-Parti Kontraenti bħal għotja ta’ ħarsien għad-disinn industrijali skond il-liġi tal-Parti Kontraenti msemmija, sa mhux aktar tard mid-data ta’ meta ġie rtirat ir-rifjut.

    (c) L-effett mogħti lir-reġistrazzjoni internazzjonali skond dan il-paragrafu għandu japplika għad-disinn industrijali jew għad-disinni industrijali li huwa/huma s-suġġett ta’ dik ir-reġistrazzjoni kif irċevietu/irċeviethom l-Aġenzija Internazzjonali mill-Uffiċċju nnominat jew, fejn huwa applikabbli, kif emendat fil-proċedura qabel dak l-Uffiċċju.

    (3) [ Id-Dikjarazzjoni li Tikkonċerna l-Effett tan-Nomina tal-Parti Kontraenti ta’ l-Applikant ] (a) Kwalunkwe Parti Kontraenti li l-Uffiċċju tagħha huwa Uffiċċju li Jeżamina tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali, permezz ta’ dikjarazzjoni li, fejn hija l-Parti Kontraenti ta’ l-Applikant, in-nomina ta’ dik il-Parti Kontraenti f’reġistrazzjoni internazzjonali m’għandha jkollha l-ebda effett.

    (b) Fejn Parti Kontraenti li tkun għamlet id-dikjarazzjoni msemmija fis-sottoparagrafu (a) hija indikata f’applikazzjoni internazzjonali kemm bħala l-Parti Kontraenti ta’ l-applikanti kif ukoll bħala l-Parti Kontraenti nnominata, l-Aġenzija Internazzjonali m’għandiex tagħti każ tan-nomina ta’ dik il-Parti Kontraenti.

    Artikolu 15

    L-Invalidazzjoni

    (1) [ Rekwiżit ta’ l-Opportunità għad-Difiża ] L-invalidazzjoni ta’ l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali, b’mod parzjali jew b’mod sħiħ, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti Kontraenti nnominata, fit-territorju ta’ dik il-Parti Kontraenti, ma tistax tkun ippronunzjata mingħajr ma d-detentur, fi żmien xieraq, jingħata l-opportunità li jiddefendi d-drittijiet tiegħu.

    (2) [ In-Notifika ta’ l-Invalidazzjoni ] L-Uffiċċju tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tiegħu ġew invalidati l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali għandu jinnotifika lill-Aġenzija Internazzjonali, fejn isir jaf bl-invalidazzjoni.

    Artikolu 16

    Ir-Reġistrazzjoni tal-Bidliet u Kwistjonijiet Oħra

    Li Jikkonċernaw ir-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali

    (1) [ Ir-Reġistrazzjoni tal-Bidliet u Kwistjonijiet Oħra ] Kif inhu preskritt, l-Aġenzija Internazzjonali għandha tirreġistra fir-Reġistru Internazzjonali

    (i) kwalunkwe bidla fis-sjieda tar-reġistrazzjoni internazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jew tal-Partijiet Kontraenti nnominati kollha u fejn għandu x’jaqsam kwalunkwe disinn industrijali jew id-disinni industrijali kollha li huwa(huma) s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali, sakemm is-sid il-ġdid għandu d-dritt li jressaq applikazzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 3,

    (ii) kwalunkwe bidla fl-isem jew fl-indirizz tad-detentur,

    (iii) il-ħatra ta’ rappreżentant għall-applikant jew għad-detentur u kwalunkwe fatt rilevanti ieħor li jikkonċerna rappreżentant bħal dan,

    (iv) kwalunkwe rinunzja, mid-detentur, tar-reġistrazzjoni internazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti jew tal-Partijiet Kontraenti kollha,

    (v) kwalunkwe limitazzjoni, mid-detentur, tar-reġistrazzjoni internazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jew tal-Partijiet Kontraenti nnominati kollha, għal disinn industrijali jew ftit mid-disinni industrijali li huwa(huma) s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali,

    (vi) kwalunkwe invalidazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Parti Kontraenti nnominata, ta’ l-effetti, fit-territorju ta’ dik il-Parti Kontraenti, tar-reġistrazzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe disinn industrijali jew tad-disinni industrijali kollha li huwa(huma) s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali,

    (vii) kwalunkwe fatt rilevanti ieħor, identifikat fir-Regolamenti, li jikkonċerna d-drittijiet fi kwalunkwe disinn industrijali jew fid-disinni industrijali kollha li huwa(huma) s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    (2) [ L-Effett tar-Reġistrazzjoni fir-Reġistru Internazzjonali ] Kwalunkwe reġistrazzjoni li tissemma’ fil-punti (i), (ii), (iv), (v), (vi) u (vii) tal-paragrafu (1) għandu jkollha l-istess effett daqslikieku saret fir-Reġistru ta’ l-Uffiċċju ta’ kull Parti Kontraenti kkonċernata, ħlief li Parti Kontraenti tista’ tinnotifika lid-Direttur Ġenerali, permezz ta’ dikjarazzjoni, li reġistrazzjoni li tissemma’ fil-punt (i) tal-paragrafu (1) m’għandux ikollha dak l-effett f’dik il-Parti Kontraenti sakemm l-Uffiċċju ta’ dik il-Parti Kontraenti ma jkunx irċieva d-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti speċifikati f’dik id-dikjarazzjoni.

    (3) [ Il-Ħlasijiet ] Kwalunkwe reġistrazzjoni li saret skond il-paragrafu (1) tista’ tkun suġġetta għall-pagament ta’ ħlasijiet.

    (4) [ Il-Pubblikazzjoni ] L-Aġenzija Internazzjonali għandha tippubblika avviż li jikkonċerna kwalunkwe reġistrazzjoni li saret skond il-paragrafu (1). Għandha tibgħat kopja tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż lill-Uffiċċju ta’ kull Parti Kontraenti kkonċernata.

    Artikolu 17

    Il-Perjodu ta’ Żmien Inizjali u t-Tiġdid tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali u Kemm Idum il-Ħarsien

    (1) [ Il-Perjodu ta’ Żmien Inizjali tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali ] Ir-reġistrazzjoni internazzjonali għandha ssir għal perjodu ta’ żmien inizjali ta’ ħames snin li jibdew jgħoddu mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    (2) [ It-Tiġdid tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali ] Ir-reġistrazzjoni internazzjonali tista’ tiġġedded għal perjodu ta’ żmien addizzjonali ta’ ħames snin, skond il-proċedura preskritta u bla ħsara għall-pagament tal-ħlasijiet preskritti.

    (3) [ Kemm Idum il-Ħarsien fil-Partijiet Kontraenti Nnominati ] (a) Sakemm ir-reġistrazzjoni internazzjonali tiġġedded, u bla ħsara għas-sottoparagrafu (b), il-ħarsien, f’kull Parti Kontraenti nnominata, għandu jkun ta’ 15-il sena li jibdew jgħoddu mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    (b) Fejn il-liġi ta’ Parti Kontraenti nnominata tipprovdi għal ħarsien li jdum għal iktar minn 15-il sena għal disinn industrijali li ngħatalu ħarsien taħt il-liġi, bil-kondizzjoni li r-reġistrazzjoni internazzjonali tiġġedded, il-ħarsien għandu jkun l-istess bħal dak provdut mil-liġi ta’ dik il-Parti Kontraenti.

    (c) Kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika lid-Direttur Ġenerali ta’ kemm huwa l-itwal perjodu ta’ ħarsien previst mil-liġi tagħha, permezz ta’ dikjarazzjoni.

    (4) [ Il-Possibilità ta’ Tiġdid Limitat ] It-tiġdid tar-reġistrazzjoni internazzjonali jista’ jsir għal kwalunkwe Parti Kontraenti nnominata jew għall-Partijiet Kontraenti nnominati kollha u għal kwalunkwe disinn industrijali jew għad-disinni industrijali kollha li huwa(huma) s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

    (5) [ Ir-Reġistrazzjoni u l-Pubblikazzjoni tat-Tiġdid ] L-Aġenzija Internazzjonali għandha tirreġistra t-tiġdid fir-Reġistru Internazzjonali u tippubblika avviż b’din l-informazzjoni. Għandha tibgħat kopja tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż lill-Uffiċċju ta’ kull Parti Kontraenti kkonċernata.

    Artikolu 18

    L-Informazzjoni li Tikkonċerna r-Reġistrazzjonijiet Internazzjonali Ppubblikati

    (1) [ L-Aċċess għall-Informazzjoni ] Wara li jsir il-ħlas preskritt, l-Aġenzija Internazzjonali għandha tipprovdi lil kwalunkwe persuna li tapplika għalihom, siltiet mir-Reġistru Internazzjonali, jew informazzjoni li tikkonċerna l-kontenut tar-Reġistru Internazzjonali, fir-rigward ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali ppubblikata.

    (2) [ L-Eżenzjoni mil-Legalizzazzjoni ] Is-siltiet mir-Reġistru Internazzjonali pprovduti mill-Aġenzija Internazzjonali għandhom ikunu eżenti minn kwalunkwe kondizzjoni meħtieġa ta’ legalizzazzjoni f’kull Parti Kontraenti.

    KAPITOLU II

    ID-DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI

    Artikolu 19

    L-Uffiċċju Komuni ta’ Numru ta’ Stati

    (1) [ In-Notifika ta’ Uffiċċju Komuni ] Jekk numru ta’ Stati li biħsiebhom isiru parti għal dan l-Att għaqqdu, jew jekk numru ta’ Stati li huma parti għal dan l-Att jaqblu li jgħaqqdu, l- leġiżlazzjoni domestika tagħhom dwar id-disinni industrijali, jistgħu jinnotifikaw lid-Direttur Ġenerali

    (i) li Uffiċċju komuni għandu jissostitwixxi l-Uffiċċju nazzjonali ta’ kull wieħed minnhom, u

    (ii) li t-territorji rispettivi kollha li għalihom tapplika l-leġiżlazzjoni unifikata għandhom jitqiesu bħala Parti Kontraenti waħda għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1, 3 sa 18 u 31 ta’ dan l-Att.

    (2) [ Iż-Żmien li fih Trid issir in-Notifika ] In-notifika li tissemma’ fil-paragrafu (1) għandha ssir,

    (i) fil-każ ta’ Stati li biħsiebhom isiru parti għal dan l-Att, meta jiddepożitaw l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 27(2);

    (ii) fil-każ ta’ Stati li huma parti għal dan l-Att, fi kwalunkwe żmien wara li tkun ingħaqdet il-leġiżlazzjoni domestika tagħhom.

    (3) [ Id-Data tad-Dħul fis-Seħħ tan-Notifika ] In-notifika li tissemma’ fil-paragrafi (1) u (2) għandha tidħol fis-seħħ,

    (i) fil-każ ta’ Stati li biħsiebhom isiru parti għal dan l-Att, fiż-żmien li Stati bħal dawn jintrabtu b’dan l-Att;

    (ii) fil-każ ta’ Stati li huma parti għal dan l-Att, tliet xhur wara d-data tal-komunikazzjoni ta’ dan mid-Direttur Ġenerali lill-Partijiet Kontraenti l-oħra jew fi kwalunkwe data oħra, aktar tard, indikata fin-notifika.

    Artikolu 20

    Is-Sħubija fl-Unjoni ta’ The Hague

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu membri ta’ l-istess Unjoni bħall-Istati li huma parti għall-Att ta’ l-1934 jew għall-Att ta’ l-1960.

    Artikolu 21

    L-Assemblea

    (1) [ Il-Kompożizzjoni ] (a) Il-Partijiet Kontraenti għandhom ikunu membri ta’ l-istess Assemblea bħall-Istati marbuta bl-Artikolu 2 ta’ l-Att Komplementari ta’ l-1967.

    (b) Kull membru ta’ l-Assemblea għandu jkun irrappreżentat fl-Assemblea minn delegat wieħed, li jista’ jkun assistit minn delegati sostituti, konsulenti u esperti, u kull delegat jista’ jirrappreżenta Parti Kontraenti waħda.

    (c) Il-Membri ta’ l-Unjoni li mhumiex membri ta’ l-Assemblea għandhom jitħallew jattendu għal-laqgħat ta’ l-Assemblea bħala osservaturi.

    (2) [ Il-Kompiti ] (a) L-Assemblea għandha

    (i) tieħu ħsieb il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw iż-żamma u l-iżvilupp ta’ l-Unjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan l-Att;

    (ii) teżerċita tali drittijiet u twettaq tali kompiti kif inhuma speċifikament mogħtija jew assenjati lilha skond dan l-Att jew skond l-Att Komplementari ta’ l-1967;

    (iii) tagħti direzzjonijiet lid-Direttur Ġenerali li jikkonċernaw il-preparazzjonijiet għall-konferenzi ta’ reviżjoni u tiddeċiedi dwar il-konvokazzjoni ta’ kwalunkwe konferenza bħal din;

    (iv) temenda r-Regolamenti;

    (v) tirrivedi u tapprova r-rapporti u l-attivitajiet tad-Direttur Ġenerali li jikkonċernaw l-Unjoni, u tagħti lid-Direttur Ġenerali l-istruzzjonijiet kollha meħtieġa li jikkonċernaw kwistjonijiet li huma fil-kompetenza ta’ l-Unjoni;

    (vi) tiddetermina l-programm u tadotta l-baġit ta’ kull sentejn ta’ l-Unjoni, u tapprova l-kontijiet finali tagħha;

    (vii) tadotta r-regolamenti finanzjarji ta’ l-Unjoni;

    (viii) tistabbilixxi tali kumitati u gruppi ta’ ħidma kif tqis li huwa xieraq biex jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Unjoni;

    (ix) bla ħsara għall-paragrafu (1)(c), tiddetermina liema Stati, organizzazzjonijiet intergovernattivi u organizzazzjonijiet li mhumiex intergovernattivi għandhom jitħallew jattendu għal-laqgħat tagħha bħala osservaturi;

    (x) tieħu kwalunkwe azzjoni oħra xierqa biex tilħaq dejjem aktar l-għanijiet ta’ l-Unjoni u twettaq kwalunkwe funzjoni oħra kif inhu xieraq skond dan l-Att.

    (b) Fejn għandhom x’jaqsmu l-kwistjonijiet li huma wkoll ta’ interess għal Unjonijiet oħra amministrati mill-Organizzazzjoni, l-Assemblea għandha tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha wara li tkun semgħet il-parir tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni.

    (3) [ Il-Kworum ] (a) Nofs il-membri ta’ l-Assemblea li huma Stati u li għandhom id-dritt li jivvotaw fuq kwistjoni partikolari għandhom jikkostitwixxu kworum għall-finijiet tal-vot dwar dik il-kwistjoni.

    (b) Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-sottoparagrafu (a), jekk, fi kwalunkwe sessjoni, in-numru tal-membri ta’ l-Assemblea li huma Stati, għandhom id-dritt li jivvotaw fuq kwistjoni partikolari u huma rrappreżentati huwa inqas min-nofs imma daqs jew iktar minn terz tal-membri ta’ l-Assemblea li huma Stati u għandhom id-dritt li jivvotaw fuq dik il-kwistjoni, l-Assemblea tista’ tieħu deċiżjonijiet imma, bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura tagħha stess, id-deċiżjonijiet kollha ta’ din ix-xorta għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti iktar tard. L-Aġenzija Internazzjonali għandha tikkomunika d-deċiżjonijiet msemmija lill-membri ta’ l-Assemblea li huma Stati, li għandhom id-dritt li jivvotaw fuq il-kwistjoni msemmija u li ma kinux irrappreżentati u għandha tistedinhom biex jesprimu bil-kitba l-vot jew l-astensjoni tagħhom f’perjodu ta’ tliet xhur mid-data tal-komunikazzjoni. Jekk, fl-għeluq ta’ dan il-perjodu, in-numru ta’ tali membri li esprimew il-vot jew l-astensjoni tagħhom b’dan il-mod jilħaq in-numru tal-membri li kienu nieqsa biex jintlaħaq il-kworum fis-sessjoni nfisha, deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jidħlu fis-seħħ sakemm, fl-istess ħin, għadha teżisti l-maġġoranza meħtieġa.

    (4) [ It-teħid tad-Deċiżjonijiet fl-Assemblea ] (a) L-Assemblea għandha tagħmel ħilitha biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’kunsens.

    (b) Fejn deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b’kunsens, il-kwistjoni li qed tkun diskussa għandha tiġi deċiża permezz ta’ votazzjoni. F’każ bħal dan,

    (i) kull Parti Kontraenti li hija Stat għandu jkollha vot wieħed u għandha tivvota f’isimha biss, u

    (ii) kwalunkwe Parti Kontraenti li hija organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tivvota, minflok l-Istati Membri tagħha, b’numru ta’ voti li huwa daqs in-numru ta’ l-Istati Membri tagħha li huma parti għal dan l-Att, u l-ebda organizzazzjoni intergovernattiva bħal din m’għandha tipparteċipa fil-votazzjoni jekk kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota, u vice versa .

    (c) Dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw biss lill-Istati li huma marbuta bl-Artikolu 2 ta’ l-Att Komplementari ta’ l-1967, il-Partijiet Kontraenti li mhumiex marbuta bl-Artikolu msemmi m’għandux ikollhom id-dritt li jivvotaw, filwaqt li l-Partijiet Kontraenti biss għandu jkollhom id-dritt li jivvotaw fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw biss lil dawn ta’ l-aħħar.

    (5) [Il-Maġġoranzi ] (a) Bla ħsara għall-Artikoli 24(2) u 26(2), id-deċiżjonijiet ta’ l-Assemblea għandhom jeħtieġu żewġ terzi tal-voti espressi.

    (b) L-astensjonijiet m’għandhomx jitqiesu bħala voti.

    (6) [ Is-Sessjonijiet ] (a) L-Assemblea għandha tiltaqa’ darba kull tieni sena kalendarja għal sessjoni ordinarja permezz ta’ konvokazzjoni mid-Direttur Ġenerali u, fin-nuqqas ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, matul l-istess perjodu u fl-istess post bħall-Assemblea Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni.

    (b) L-Assemblea għandha tiltaqa’ għal sessjoni straordinarja permezz ta’ konvokazzjoni mid-Direttur Ġenerali, jew fuq it-talba ta’ kwart tal-membri ta’ l-Assemblea jew fuq l-inizzjattiva tad-Direttur Ġenerali nnifsu.

    (c) L-aġenda ta’ kull sessjoni għandha tkun ippreparata mid-Direttur Ġenerali.

    (7) [ Ir-Regoli ta’ Proċedura ] L-Assemblea għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura tagħha stess.

    Artikolu 22

    L-Aġenzija Internazzjonali

    (1) [ Il-Kompiti Amministrattivi ] (a) Ir-Reġistrazzjoni internazzjonali u d-dmirijiet relatati, kif ukoll il-kompiti amministrattivi l-oħra kollha li jikkonċernaw l-Unjoni, għandhom jitwettqu mill-Aġenzija Internazzjonali.

    (b) B’mod partikolari, l-Aġenzija Internazzjonali għandha tipprepara l-laqgħat u tipprovdi s-segretarjat ta’ l-Assemblea u ta’ dawn il-kumitati ta’ esperti u gruppi ta’ ħidma kif jista’ jiġi stabbilit mill-Assemblea.

    (2) [ Id-Direttur Ġenerali ] Id-Direttur Ġenerali għandu jkun il-kap eżekuttiv ta’ l-Unjoni u għandu jirrappreżenta lill-Unjoni.

    (3) [ Il-Laqgħat Għajr is-Sessjonijiet ta’ l-Assemblea ] Id-Direttur Ġenerali għandu jsejjaħ kwalunkwe kumitat u grupp ta’ ħidma stabbilit mill-Assemblea u l-laqgħat l-oħra kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-Unjoni.

    (4) [ Ir-rwol ta’ l-Aġenzija Internazzjonali fl-Assemblea u f’Laqgħat Oħra ] (a) Id-Direttur Ġenerali u l-persuni nnominati mid-Direttur Ġenerali għandhom jipparteċipaw, mingħajr id-dritt li jivvotaw, fil-laqgħat kollha ta’ l-Assemblea, tal-kumitati u tal-gruppi ta’ ħidma stabbiliti mill-Assemblea, u fi kwalunkwe laqgħa oħra msejħa mid-Direttur Ġenerali taħt il-patroċinju ta’ l-Unjoni.

    (b) Id-Direttur Ġenerali jew membru tal-personal innominat mid-Direttur Ġenerali għandu jkun is-segretarju ex officio ta’ l-Assemblea, u tal-kumitati, tal-gruppi ta’ ħidma u tal-laqgħat l-oħra msemmija fis-sottoparagrafu (a).

    (5) [ Il-Konferenzi ] (a) Skond id-direzzjonijiet ta’ l-Assemblea, l-Aġenzija Internazzjonali għandha tagħmel il-preparazzjonijiet għal kwalunkwe konferenza ta’ reviżjoni.

    (b) L-Aġenzija Internazzjonali tista’ tikkonsulta ma’ l-organizzazzjonijiet intergovernattivi u ma’ l-organizzazzjonijiet li mhumiex governattivi, kemm dawk internazzjonali kif ukoll dawk nazzjonali, dwar il-preparazzjonijiet imsemmija.

    (c) Id-Direttur Ġenerali u l-persuni nnominati mid-Direttur Ġenerali għandhom jipparteċipaw fid-diskussjonijiet waqt il-konferenzi ta’ reviżjoni, mingħajr ma jkollhom id-dritt li jivvotaw.

    (6) [ Kompiti Oħra ] L-Aġenzija Internazzjonali għandha twettaq kull kompitu ieħor assenjat lilha b’rabta ma’ dan l-Att.

    Artikolu 23

    Il-Finanzi

    (1) [ Il-Baġit ] (a) L-Unjoni għandu jkollha baġit.

    (b) Il-baġit ta’ l-Unjoni għandu jinkludi d-dħul u l-infiq li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Unjoni u l-kontribuzzjoni tagħha għall-baġit ta’ l-infiq li huma komuni għall-Unjonijiet amministrati mill-Organizzazzjoni.

    (c) L-infiq li mhux attribwit esklużivament lill-Unjoni iżda wkoll lil Unjoni waħda jew aktar amministrata(amministrati) mill-Organizzazzjoni għandu jitqies bħala nfiq komuni għall-Unjonijiet. Is-sehem ta’ l-Unjoni f’infiq komuni bħal dan għandu jkun proporzjonat ma’ l-interess li l-Unjoni għandha fihom.

    (2) [ Il-Koordinazzjoni mal-Baġits ta’ Unjonijiet Oħra ] Il-baġit ta’ l-Unjoni għandu jkun stabbilit bl-attenzjoni xierqa għall-kondizzjonijiet meħtieġa ta’ koordinazzjoni mal-baġits ta’ l-Unjonijiet l-oħra li huma amministrati mill-Organizzazzjoni.

    (3) [ Is-Sorsi tal-Finanzjament tal-Baġit ] Il-baġit ta’ l-Unjoni għandu jkun iffinanzjat mis-sorsi li ġejjin:

    (i) il-ħlasijiet relatati mar-reġistrazzjonijiet internazzjonali;

    (ii) it-taxxi dovuti għal servizzi oħra mogħtija mill-Aġenzija Internazzjonali fejn għandha x’taqsam l-Unjoni;

    (iii) il-bejgħ ta’, jew is-somom mogħtija lill-awturi għall-kopji mibjugħa tal-pubblikazzjonijiet ta’ l-Aġenzija Internazzjonali li jikkonċernaw l-Unjoni;

    (iv) id-donazzjonijiet, id-dispożizzjonijiet f’testmenti dwar proprjetà personali u s-sovvenzjonijiet;

    (v) il-kirjiet, l-interessi u dħul differenti ieħor.

    (4) [ L-Iffissar tal-Ħlasijiet u tat-Taxxi; il-Livell tal-Baġit ] (a) L-ammonti tal-ħlasijiet msemmija fil-paragrafu (3)(i) għandhom ikunu ffissati mill-Assemblea fuq il-proposta tad-Direttur Ġenerali. It-taxxi msemmija fil-paragrafu 3(ii) għandhom ikunu stabbiliti mid-Direttur Ġenerali u għandhom ikunu applikati b’mod provviżorju, dejjem jekk ikunu approvati mill-Assemblea fis-sessjoni ta’ wara.

    (b) L-ammonti tal-ħlasijiet li jissemmew fil-paragrafu (3)(i) għandhom ikunu ffissati b’tali mod li d-dħul ta’ l-Unjoni mill-ħlasijiet u minn sorsi oħra għandhom ikunu mill-inqas biżżejjed biex ikopru l-infiq kollu ta’ l-Aġenzija Internazzjonali li jikkonċerna l-Unjoni.

    (c) Jekk il-baġit ma jkunx adottat qabel il-bidu ta’ perjodu finanzjarju ġdid, għandu jkun fuq l-istess livell tal-baġit tas-sena ta’ qabel, kif huwa provdut fir-regolamenti finanzjarji.

    (5) [ Il-Fond Kapitali ta’ Ħidma ] L-Unjoni għandha jkollha fond kapitali ta’ ħidma li għandu jkun magħmul mill-introjti żejda u, jekk flus żejda bħal dawn ma jkunux biżżejjed, minn pagament wieħed magħmul minn kull membru ta’ l-Unjoni. Jekk il-fond ma jkunx biżżejjed, l-Assemblea għandha tiddeċiedi li tkabbru. Il-proporzjon u t-termini tal-pagament għandhom ikunu ffissati mill-Assemblea fuq il-proposta tad-Direttur Ġenerali.

    (6) [ Is-Self Antiċipat mill-Istat li Qed Jospita ] (a) Fil-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali konkluż ma’ l-Istat li l-Organizzazzjoni għandha l-kwartieri ġenerali tagħha fuq it-territorju tiegħu, għandu jkun provdut li, kull meta l-fond kapitali ta’ ħidma ma jkunx biżżejjed, dan l-Istat għandu jagħti self antiċipat. L-ammont ta’ dak is-self antiċipat u l-kondizzjonijiet li jridu jkunu sodisfatti biex jingħata għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet separati, f’kull każ, bejn dan l-Istat u l-Organizzazzjoni.

    (b) L-Istat li jissemma’ fis-sottoparagrafu (a) u l-Organizzazzjoni għandhom kull wieħed ikollu d-dritt li jiddenunzja l-obbligu li jingħata self antiċipat, permezz ta’ notifika bil-miktub. Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ tliet snin wara li tintemm is-sena li matulha saret in-notifika.

    (7) [ Il-verifika tal-Kontijiet ] Il-verifika tal-kontijiet għandha titwettaq minn Stat li huwa membru ta’ l-Unjoni jew minn iktar minn Stat wieħed jew minn awdituri esterni, kif provdut fir-regolamenti finanzjarji. Għandhom ikunu nnominati, bil-qbil tagħhom, mill-Assemblea.

    Artikolu 24

    Ir-Regolamenti

    (1) [ Is-Suġġett ] Ir-Regolamenti għandhom jiggvernaw id-dettalji ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan l-Att. B’mod partikolari, għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw

    (i) kwistjonijiet li dan l-Att jipprovdi b’mod espliċitu biex ikunu preskritti;

    (ii) aktar dettalji li jikkonċernaw, jew kwalunkwe dettal utli fl-implimentazzjoni ta’, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att;

    (iii) kwalunkwe kondizzjoni meħtieġa, kwistjoni jew proċedura amministrattiva.

    (2) [ L-Emenda ta’ Ċerti Dispożizzjonijiet tar-Regolamenti ] (a) Ir-Regolamenti jistgħu jispeċifikaw li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti jistgħu jkunu emendati biss permezz ta’ vot unanimu jew biss permezz ta’ maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa.

    (b) Jeħtieġ li jkun hemm vot unanimu biex il-kondizzjoni meħtieġa ta’ vot unanimu jew maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa ma tibqax tapplika fil-futur ħalli tkun emendata dispożizzjoni tar-Regolamenti.

    (c) Jeħtieġ li jkun hemm maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa biex il-kondizzjoni meħtieġa ta’ vot unanimu jew maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa tibqa’ tapplika fil-futur ħalli tkun emendata dispożizzjoni tar-Regolamenti, .

    (3) [ Il-Konflitt Bejn Dan l-Att u r-Regolamenti ] Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att u dawk tar-Regolamenti, ta’ l-ewwel għandhom jirbħu.

    KAPITOLU III

    IR-REVIŻJONI U L-EMENDA

    Artikolu 25

    Ir-Reviżjoni ta’ Dan l-Att

    (1) [ Il-Konferenzi ta’ Reviżjoni ] Dan l-Att jista’ jkun rivedut permezz ta’ konferenza tal-Partijiet Kontraenti.

    (2) [ Ir-Reviżjoni u l-Emenda ta’ Ċerti Artikoli ] L-Artikoli 21, 22, 23 u 26 jistgħu jkunu emendati jew permezz ta’ konferenza ta’ reviżjoni jew inkella mill-Assemblea skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 26.

    Artikolu 26

    L-Emenda ta’ Ċerti Artikoli mill-Assemblea

    (1) [ Il-Proposti biex ikunu Emendati ] (a) Il-proposti biex l-Assemblea temenda l-Artikoli 21, 22, 23 u dan l-Artikolu jistgħu jinbdew minn kwalunkwe Parti Kontraenti jew mid-Direttur Ġenerali.

    (b) Proposti bħal dawn għandhom ikunu kkomunikati mid-Direttur Ġenerali lill-Partijiet Kontraenti mill-inqas sitt xhur qabel ma jitqiesu mill-Assemblea.

    (2) [ Il-Maġġoranzi ] L-adozzjoni ta’ kwalunkwe emenda għall-Artikoli msemmija fil-paragrafu (1) tinħtieġ maġġoranza ta’ tliet kwarti, ħlief għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe emenda ta’ l-Artikolu 21 jew tal-paragrafu preżenti li tinħtieġ maġġoranza ta’ erba’ voti minn ħamsa.

    (3) [ Id-Dħul fis-Seħħ ] (a) Ħlief fejn japplika s-sottoparagrafu (b), kwalunkwe emenda ta’ l-Artikoli msemmija fil-paragrafu (1), imwettqa skond il-proċessi kostituzzjonali rispettivi tagħhom, għandha tidħol fis-seħħ xahar wara li n-notifiki ta’ aċċettazzjoni bil-miktub jaslu għand id-Direttur Ġenerali mingħand tliet kwarti ta’ dawk il-Partijiet Kontraenti li, fiż-żmien li ġiet adottata l-emenda, kienu membri ta’ l-Assemblea u kellhom id-dritt li jivvotaw fuq dik l-emenda.

    (b) Kwalunkwe emenda għall-Artikolu 21(3) jew (4) jew għal dan is-sottoparagrafu m’għandhiex tidħol fis-seħħ jekk, fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tagħha mill-Assemblea, kwalunkwe Parti Kontraenti tinnotifika lid-Direttur Ġenerali li ma taċċettax tali emenda.

    (c) Kwalunkwe emenda li tidħol fis-seħħ skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu għandha torbot lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet intergovernattivi kollha li huma Partijiet Kontraenti fiż-żmien li l-emenda tidħol fis-seħħ, jew li saru Partijiet Kontraenti aktar tard.

    KAPITOLU IV

    ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 27

    Issir Parti għal Dan l-Att

    (1) [ L-Eliġibilità ] Bla ħsara għall-paragrafi (2) u (3) u għall-Artikolu 28,

    (i) kwalunkwe Stat membru ta’ l-Organizzazzjoni jista’ jiffirma u jsir parti għal dan l-Att;

    (ii) kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li għandha Uffiċċju fejn jista’ jinkiseb il-ħarsien tad-disinni industrijali b’effett fit-territorju li fih japplika t-trattat kostituzzjonali ta’ l-organizzazzjoni intergovernattiva tista’ tiffirma u ssir parti għal dan l-Att, sakemm għall-inqas wieħed mill-Istati li huma membri ta’ l-organizzazzjoni intergovernattiva huwa membru ta’ l-Organizzazzjoni u sakemm Uffiċċju bħal dan mhux is-suġġett ta’ notifika taħt l-Artikolu 19.

    (2) [ Ir-Ratifika jew l-Adeżjoni ] Kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva msemmi(ja) fil-paragrafu (1) jista’(tista’) jiddepożita(tiddepożita)

    (i) strument ta’ ratifika jekk iffirma(t) dan l-Att, jew

    (ii) strument ta’ l-adeżjoni jekk ma ffirma(t)x dan l-Att.

    (3) [ Id-Data Effettiva tad-Depożitu ] (a) Bla ħsara għas-sottoparagrafi (b) sa (d), id-data effettiva tad-depożitu ta’ strument ta’ ratifika jew adeżjoni għandha tkun id-data li fiha ġie ddepożitat l-istrument.

    (b) Id-data effettiva tad-depożitu ta’ l-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni ta’ kwalunkwe Stat, fejn il-ħarsien tad-disinni industrijali jista’ jinkiseb biss mill-Uffiċċju miżmum minn organizzazzjoni intergovernattiva li tagħha huwa membru dak l-Istat, għandha tkun id-data li fiha ġie ddepożitat l-istrument ta’ dik l-organizzazzjoni intergovernattiva, jekk dik id-data hija aktar tard mid-data li fiha ġie ddepożitat l-istrument ta’ l-Istat msemmi.

    (c) Id-data effettiva tad-depożitu ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika jew adeżjoni li fih jew għandu miegħu n-notifika msemmija fl-Artikolu 19 għandha tkun id-data li fiha ġie ddepożitat l-aħħar strument ta’ l-Istati li huma membri tal-grupp ta’ Stati li jkunu għamlu n-notifika msemmija.

    (d) Kwalunkwe strument ta’ ratifika jew adeżjoni ta’ Stat jista’ jkun fih jew ikollu miegħu dikjarazzjoni fejn issir kondizzjoni biex jitqies bħala ddepożitat l-istrument ta’ Stat ieħor jew organizzazzjoni intergovernattiva waħda, jew l-istrumenti ta’ żewġ Stati oħra, jew l-istrumenti ta’ Stat ieħor u organizzazzjoni intergovernattiva waħda, speċifikat(i) bl-isem u eliġibbli biex isir(u) parti għal dan l-Att, huwa(huma) ddepożitat/i ukoll. L-istrument li fih jew li għandu miegħu dikjarazzjoni bħal din għandu jitqies bħala li ġie ddepożitat dakinhar li ntlaħqet il-kondizzjoni indikata fid-dikjarazzjoni. Madanakollu, meta strument speċifikat fid-dikjarazzjoni nfisha fih, jew għandu miegħu, dikjarazzjoni tat-tip imsemmi, dak l-istrument għandu jitqies bħala ddepożitat dakinhar li ntlaħqet il-kondizzjoni speċifikata fid-dikjarazzjoni ta’ l-aħħar.

    (e) Kwalunkwe dikjarazzjoni li ssir skond il-paragrafu (d) tista’ tkun irtirata, fl-intier tagħha jew b’mod parzjali, fi kwalunkwe ħin. Kwalunkwe rġigħ lura bħal dan għandu jsir effettiv fid-data li fiha d-Direttur Ġenerali jirċievi n-notifika ta’ l-irtirar.

    Artikolu 28

    Id-Data Effettiva tar-Ratifiki u ta’ l-Adeżjonijiet

    (1) [ L-Istrumenti li Jridu Jitqiesu ] Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni li huma ddepożitati mill-Istati jew mill-organizzazzjonijiet intergovernattivi msemmija fl-Artikolu 27(1) u li għandhom data effettiva skond l-Artikolu 27(3) biss għandhom jitqiesu.

    (2) [ Id-Dħul fis-Seħħ ta’ Dan l-Att ] Dan l-Att għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara li sitt Stati jkunu ddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni tagħhom, sakemm, skond l-aktar statistiċi annwali reċenti miġbura mill-Aġenzija Internazzjonali, mill-inqas tlieta minn dawk l-Istati jissodisfaw mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (i) tressqu mill-inqas 3,000 applikazzjoni għall-ħarsien ta’ disinni industrijali fi ħdan, jew għall-Istat ikkonċernat, jew

    (ii) tressqu mill-inqas 1,000 applikazzjoni għall-ħarsien ta’ disinni industrijali fi ħdan, jew għall-Istat ikkonċernat mir-residenti ta’ Stati għajr għal dak l-Istat.

    (3) [ Id-Dħul fis-Seħħ tar-Ratifiki u ta’ l-Adeżjonijiet ] (a) Kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva li ddepożita(t) l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni tiegħu(tagħha) tliet xhur jew aktar qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att għandu(ha) jintrabat(tintrabat) b’dan l-Att fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att.

    (b) Kwalunkwe Stat ieħor jew organizzazzjoni intergovernattiva oħra għandu(ha) jintrabat(tintrabat) b’dan l-Att tliet xhur wara d-data li fiha ġew iddepożitati l-istrumenti ta’ ratifika jew adeżjoni tiegħu(tagħha) jew fi kwalunkwe data oħra aktar tard indikata f’dak l-istrument.

    Artikolu 29

    Il-Projbizzjoni tar-Riservi

    M’hi permessa l-ebda riserva għal dan l-Att.

    Artikolu 30

    Id-Dikjarazzjonijiet Magħmula mill-Partijiet Kontraenti

    (1) [ Iż-Żmien li Matulu Jistgħu Jsiru d-Dikjarazzjonijiet ] Tista’ssir kwalunkwe dikjarazzjoni skond l-Artikoli 4(1)(b), 5(2)(a), 7(2), 11(1), 13(1), 14(3), 16(2) jew 17(3)(c)

    (i) fiż-żmien tad-depożitu ta’ strument li jissemma’ fl-Artikolu 27(2), f’liema każ għandu jsir effettiv fid-data li fiha l-Istat jew l-organizzazzjoni intergovernattiva wara li jkun għamel(għamlet) id-dikjarazzjoni jintrabat(tintrabat) b’dan l-Att, jew

    (ii) wara d-depożitu ta’ strument li jissemma’ fl-Artikolu 27(2), f’liema każ għandu jsir effettiv tliet xhur wara d-data li jirċevih id-Direttur Ġenerali jew fi kwalunkwe data li tiġi aktar tard indikata fid-dikjarazzjoni imma għandha tapplika biss fejn għandha x’taqsam kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali li d-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali tagħha hija l-istess bħad-data effettiva tad-dikjarazzjoni jew hija iktar tard minnha.

    (2) [ Id-Dikjarazzjonijiet mill-Istati li Għandhom Uffiċċju Komuni ] Minkejja l-paragrafu (1), kwalunkwe dikjarazzjoni li tissemma’ f’dak il-paragrafu li saret minn Stat li, ma’ Stat ieħor jew ma’ Stati oħra, innotifika lid-Direttur Ġenerali skond l-Artikolu 19(1) bis-sostituzzjoni ta’ Uffiċċju komuni minflok l-Uffiċji nazzjonali tagħhom għandha ssir effettiva biss jekk dak l-Istat l-ieħor jew dawk l-Istati l-oħra jagħmel jew jagħmlu dikjarazzjoni korrispondenti jew dikjarazzjonijiet korrispondenti.

    (3) [ L-Irtirar tad-Dikjarazzjonijiet ] Kwalunkwe dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu (1) tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe żmien permezz ta’ notifika indirizzata lid-Direttur Ġenerali. Irtirar bħal dan għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data li fiha d-Direttur Ġenerali rċieva n-notifika jew fi kwalunkwe data li tiġi iktar tard indikata fin-notifika. Fil-każ ta’ dikjarazzjoni li saret skond l-Artikolu 7(2), l-irtirar m’għandux jaffettwa l-applikazzjonijiet internazzjonali li tressqu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-irtirar msemmi

    Artikolu 31

    L-Applikabilità ta’ l-Atti ta’ l-1934 u l-1960

    (1) [ Ir-Relazzjonijiet Bejn l-Istati li huma Parti Kemm għal Dan l-Att kif ukoll għall-Atti ta’ l-1934 jew ta’ l-1960 ] Dan l-Att waħdu għandu jkun applikabbli fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet bejn l-Istati li huma parti kemm għal dan l-Att kif ukoll għall-Att ta’ l-1934 jew għall-Att ta’ l-1960. Mandankollu, Stati bħal dawn, fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom, għandhom japplikaw l-Att ta’ l-1934 jew l-Att ta’ l-1960, skond il-każ kif ikun, għad-disinni industrijali ddepożitati fl-Aġenzija Internazzjonali qabel id-data li fiha dan l-Att isir applikabbli fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

    (2) [ Ir-Relazzjonijiet Bejn l-Istati li huma Parti Kemm għal Dan l-Att kif ukoll għall-Atti ta’ l-1934 jew ta’ l-1960 u l-Istati li huma Parti għall-Atti ta’ l-1934 jew ta’ l-1960 Mingħajr ma Jkunu Parti għal Dan l-Att ] (a) Kwalunkwe Stat li huwa parti kemm għal dan l-Att kif ukoll għall-Att ta’ l-1934 għandu jibqa’ japplika l-Att ta’ l-1934 fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-Istati li huma parti għall-Att ta’ l-1934 mingħajr m’huma parti għall-Att ta’ l-1960 jew għal dan l-Att.

    (b) Kwalunkwe Stat li huwa parti kemm għal dan l-Att kif ukoll għall-Att ta’ l-1960 għandu jibqa’ japplika l-Att ta’ l-1960 fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-Istati li huma parti għall-Att ta’ l-1960 mingħajr m’huma parti għal dan l-Att.

    Artikolu 32

    Id-Denunzja ta’ dan l-Att

    (1) [ In-Notifika ] Kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tiddenunzja dan l-Att permezz ta’ notifika indirizzata lid-Direttur Ġenerali.

    (2) [ Id-Data Effettiva ] Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ sena wara d-data li fiha d-Direttur Ġenerali jkun irċieva n-notifika jew fi kwalunkwe data li tiġi aktar tard indikata fin-notifika. M’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta’ dan l-Att għal kwalunkwe applikazzjoni internazzjonali pendenti u kwalunkwe reġistrazzjoni internazzjonali fis-seħħ fejn għandha x’taqsam id-denunzja ta’ Parti Kontraenti fiż-żmien li tidħol fis-seħħ id-denunzja.

    Artikolu 33

    Il-Lingwi ta’ Dan l-Att; il-Firma

    (1) [ It-Testi Oriġinali; it-Testi Uffiċjali ] (a) Dan l-Att għandu jkun iffirmat f’oriġinal wieħed bl-Ingliż, bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, bit-testi kollha jkunu awtentiċi b’mod ugwali.

    (b) It-testi uffiċjali għandhom ikunu stabbiliti mid-Direttur Ġenerali, wara konsultazzjoni mal-Gvernijiet interessati, f’tali lingwi oħra kif tista’ tagħżel l-Assemblea.

    (2) [ Il-Limitu taż-Żmien għal biex ikun Iffirmat ] Dan l-Att jista’ jkun iffirmat fil-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni għal sena wara l-adozzjoni tiegħu.

    Artikolu 34

    Id-Depożitarju

    Id-Direttur Ġenerali għandu jkun id-depożitarju ta’ dan l-Att.

    DIKJARAZZJONI

    Fuq il-preżentazzjoni diretta

    Il-President tal-Kunsill, meta jiddepożita dan l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali tal-WIPO, għandu jehmeż ma’ l-istrument ta’ l-adeżjoni d-dikjarazzjoni li ġejja:

    “Il-Komunità Ewropea tiddikjara li applikazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux jitressqu permezz ta’ l-Uffiċċju tagħha.”

    DIKJARAZZJONI

    Fuq is-sistema ta’ ħlas individwali

    Il-President tal-Kunsill, meta jiddepożita dan l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali tal-WIPO, għandu jehmeż ma’ l-istrument ta’ adeżjoni d-dikjarazzjoni li ġejja:

    “Il-Komunità Ewropea tiddikjara li, b’konnessjoni ma’ kull reġistrazzjoni internazzjonali li fiha hija nnominata, u b’konnessjoni mat-tiġdid ta’ kull reġistrazzjoni internazzjonali li tirriżulta minn tali applikazzjoni internazzjonali, il-ħlas tan-nomina preskritt li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 7 (1) ta’ l-Att ta’ Ġinevra għandu jiġi sostitwit bi ħlas ta’ nomina individwali, li l-ammont tiegħu għandu jkun: ….. ”[18]

    DIKJARAZZJONI

    Fuq it-tul ta’ żmien tal-ħarsien fil-Komunità Ewropea

    Il-President tal-Kunsill, meta jiddepożita dan l-istrument ta’ adeżjoni mad-Direttur-Ġenerali tal-WIPO, għandu jehmeż ma’ l-istrument ta’ adeżjoni d-dikjarazzjoni li ġejja:

    “Il-Komunità Ewropea tiddikjara li t-tul ta’ żmien massimu ta’ ħarsien provdut mil-liġi tagħha huwa ta’ 25 sena.”

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

    QASAM TA’ POLITIKA: SUQ INTERN GħAL PRODOTTI U SERVIZZI ATTIVITÀ: TħEJJIJA GħALL-ADEżJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA MA’ L-ATT TA’ ĠINEVRA DWAR IR-REġISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI TAD-DISINNI |

    TITOLU TA’ L-AZZJONI: PROPOSTA GħAL DEċIżJONI TAL-KUNSILL LI TAPPROVA L-ADEżJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA MA’ L-ATT TA’ ĠINEVRA TAL-FTEHIM TA’ THE HAGUE LI JIKKONċERNA R-REġISTRAZZJONI INTERNAZZJONALI TAD-DISINNI INDUSTRIJALI, ADOTTAT F’ĠINEVRA FIT-2 TA’ LULJU 1999. |

    1. LINJA(I) TAL-BAĠIT + INTESTATURA(I)

    2. FIGURI KOMPLESSIVI

    2.1. Allokazzjoni totali għall-azzjoni (Parti B): € miljuni għall-impenn

    Mhux applikabbli

    2.2. Perjodu ta’ applikazzjoni:

    (snin ta’ bidu u ta’ skadenza)

    Bidu: Data tad-dħul fis-seħħ

    Skadenza: Indefinita

    2.3. Stima multi-annwali globali tan-nefqa:

    (a) Skeda ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn/approprjazzjonijiet ta’ ħlas (intervent finanzjarju) (ara punt 6.1.1)

    Xejn

    (b) Assistenza amministrattiva u teknika u n-nefqa għall-għajnuna (ara punt 6.1.2)

    Xejn

    (c) Impatt finanzjarju globali tar-riżorsi umani u nefqa amministrattiva oħra (ara punti 7.2 u 7.3)

    € miljuni (sa tliet punti deċimali)

    2006 | 2007 | 2008 | 2009 | 2010 | 2011 | Totali |

    Impenji/pagamenti | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.324 |

    TOTALI a+b+c |

    Impenji | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.324 |

    Pagamenti | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.054 | 0.324 |

    2.4. Kompatibbiltà ma’ l-ipprogrammar finanzjarju u l-perspettiva finanzjarja

    [X] Il-proposta hija kompatibbli ma’ l-ipprogrammar finanzjarju eżistenti.

    Il-proposta ġġib magħha l-ipprogrammar mill-ġdid ta’ l-intestatura rilevanti fil-perspettiva finanzjarja.

    Il-proposta tista’ tirrikjedi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali.

    2.5. L-impatt finanzjarju fuq id-dħul:

    [X] Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji (tinvolvi aspetti tekniċi fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ miżura)

    JEW

    Il-proposta għandha impatt finanzjarju – l-effett fuq id-dħul huwa kif ġej:

    Mhux applikabbli

    3. KARATTERISTIĊI TAL-BAĠIT

    Tip ta’ nfiq | Ġdid | Kontribuzzjoni EFTA | Kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi applikanti | Intestatura fil-perspettiva finanzjarja |

    Mhux komp | Diff | LE | LE | LE | Nru 5 |

    4. BAŻI LEGALI

    L-Artikolu 308 KE flimkien ma’ l-Artikolu 300(2) KE u l-Artikolu 300(3) KE

    5. DESKRIZZJONI U RAĠUNIJIET

    5.1. Ħtieġa għall-intervent tal-Komunità

    5.1.1. Għanijiet li qegħdin jippruvaw jintlaħqu

    L-għan ta’ din il-proposta huwa li tistabbilixxi rabta bejn is-sistema ta’ disinn tal-Komunità u s-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali stabbilita taħt l-Att ta’ Ġinevra tas-Sistema ta’ The Hague. Din ir-rabta se tippermetti lid-disinjaturi jressqu applikazzjoni internazzjonali waħda ma’ l-Aġenzija Internazzjonali tal-WIPO u jinnominaw, fost Partijiet Kontraenti oħra, il-Komunità Ewropea biex jakkwistaw il-ħarsien taħt is-sistema ta’ disinn tal-Komunità.

    5.1.2. Miżuri meħuda b’konnessjoni ma’ l-evalwazzjoni ex ante

    Il-Komunità Ewropea diġà esprimiet l-interess kbir tagħha fis-Sistema ta’ The Hague meta iddeċidiet li tieħu sehem attiv fin-negozjati internazzjonali li wasslu għall-Konferenza Diplomatika li saret f’Ġinevra fl-1999, meta l-att il-ġdid ġie adottat. Organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw dawk li potenzjalment jistgħu jużaw kemm is-sistema ta’ disinn tal-Komunità kif ukoll is-sistema ta’ reġistrazzjoni internazzjonali ripetutament esprimew l-interess qawwi tagħhom li tiġi stabbilita rabta bejn iż-żewġ sistemi. Fl-2004 il-Kummissjoni nidiet konsultazzjoni mal-partijiet interessati (Stati Membri, organizzazzjonijiet tan-negozju u tal-professjonisti, u kumpaniji privati) fuq l-impatt tal-kummerċ li jista’ jkun hemm bl-adeżjoni ta’ l-UE mas-sistema ta’ The Hague. Fil-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li wieġbu, kważi f’xifer l-unanimità, appoġġjaw l-idea li l-Komunità għandha taderixxi fil-futur qrib ma’ l-Att ta’ Ġinevra.

    5.1.3. Miżuri meħuda wara l-evalwazzjoni ex post

    Mhux applikabbli

    5.2. Azzjonijiet maħsuba u arranġamenti għal intervent fil-baġit

    Il-Deċiżjoni li qed tiġi proposta tawtorizza lill-President tal-Kunsill jiddepożita l-istrument ta’ adeżjoni ma’ l-Att ta’ Ġinevra mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO, u jehmeż id-dikjarazzjonijiet li għandhom isiru fl-istrument ta’ adeżjoni. Il-proposta tawtorizza wkoll il-Kummissjoni biex tirrappreżenta lill-Komunità fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague wara l-adeżjoni tal-Komunità ma’ l-Att ta’ Ġinevra. Ma hi involuta l-ebda assistenza finanzjarja.

    5.3. Metodi ta’ implimentazzjoni

    Il-Kummissjoni se jkollha tinnegozja fl-Assemblea ta’ l-Unjoni ta’ The Hague f’isem il-Komunità a bażi tal-koordinazzjoni fil-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill u f’laqgħat li jsiru fuq il-post imlaqqgħin matul ix-xogħol fi ħdan il-qafas tal-WIPO.

    6. IMPATT FINANZJARJU

    6.1. Impatt finanzjarju totali fuq il-Parti B - (tul il-perjodu sħiħ tal-programm)

    Mhux applikabbli

    6.2. Kalkolu ta’ l-ispejjeż għal kull miżura prevista fil-Parti B (tul il-perjodu sħiħ tal-programm)

    Mhux applikabbli

    7. IMPATT FUQ L-ISTAFF U N-NEFQA AMMINISTRATTIVA

    7.1. Impatt fuq ir-riżorsi umani

    Tipi ta’ kariga | Staff li għandu jiġi assenjat għall-ġestjoni ta’ l-azzjoni permezz ta’ riżorsi eżistenti u/jew riżorsi addizzjonali | Totali | Deskrizzjoni tal-ħidmiet derivanti mill-azzjoni |

    Numru ta’ postijiet permanenti | Numru ta’ postijiet temporanji |

    Uffiċjali jew staff temporanju | A B C | 0,5 A | 0 | 0,5 A | Jekk meħtieġ, tista’ tinhemeż deskrizzjoni usa’ tal-ħidmiet. Tħejjija u parteċipazzjoni f’laqgħat tal-Kunsill u tal-Parlament biex tiġi nnegozzjata l-proposta sa l-adozzjoni tagħha. Tħejjija għal u parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ l-Unjoni ta’ The Hague u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri |

    Riżorsi umani oħra | 0 | 0 | 0 |

    Totali | 0,5 | 0 | 0,5 |

    7.2. Impatt finanzjarju globali tar-riżorsi umani

    Tip ta’ riżorsi umani | Ammont (€) | Metodu tal-kalkolu* |

    Uffiċjali Staff temporanju | 54.000 | Spiża annwali għal kull uffiċjal: 108.00 € |

    Riżorsi umani oħra (speċifika l-linja tal-baġit) |

    Totali | 54.000 |

    L-ammonti huma n-nefqa totali għal tnax-il xahar.

    7.3. Infiq amministrattiv ieħor derivanti mill-azzjoni

    Mhux applikabbli

    I. Total annwali (7.2 + 7.3) II. Tul ta’ l-azzjoni III. Spiża totali ta’ l-azzjoni (I x II) | €54.000 2006-2011 €324.000 |

    8. SEGWITU U EVALWAZZJONI

    8.1. Arranġamenti għas-segwitu

    Mhux applikabbli

    8.2. Arranġamenti u skeda għall-evalwazzjoni ppjanata

    Evalwazzjoni regolari tista’ ssir permezz ta’ monitoraġġ tal-volum tar-reġistrazzjonijiet internazzjonali li fihom hija nnominata s-sistema ta’ disinn tal-Komunità.

    9. MIŻURI KONTRA L-FRODI

    Ma hi involuta l-ebda assistenza finanzjarja.

    [1] ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1.

    [2] L-OHIM huwa stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2003 fuq it-trejdmark tal-Komunità, ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1.

    [3] Il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Olanda, is-Slovenja, Spanja. Ħames Stati Membri ta’ l-UE – minn 18-il pajjiż b’kollox – saru parti mill-Att ta’ Ġinevra (l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, is-Slovenja u Spanja). L-Aġġornamenti se jkunu ppublikati fuq il-websajt tal-WIPO: www.wipo.int.

    [4] ĠU L 296 ta’ l-14.11.2003, p. 20.

    [5] Id-dispożizzjoni hija rilevanti għall-pajjiżi li għandhom Uffiċċju Komuni, bħall-pajjiżi tal-Benelux.

    [6] F’dan ir-rigward, l-Att ta’ Ġinevra huwa differenti mill-Protokoll ta’ Madrid f’dak li għandu x’jaqsam mar-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trejdmarks, li jispeċifika fl-Artikolu 2 (2) li l-applikazzjonijiet internazzjonali għandhom jitressqu ma’ l-Aġenzija Internazzjonali permezz ta’ l-intermedjazzjoni ta’ l-uffiċċju li miegħu kienet tressqet l-applikazzjoni bażika jew li minnu kienet saret ir-reġistrazzjoni bażika.

    [7] Il-ħlasijiet totali pagabbli b’konnessjoni ma’ l-applikazzjoni internazzjonali jikkonsistu fi (i) ħlas bażiku; (ii) il-ħlas standard tan-nomina jew il-ħlas individwali tan-nomina, (iii) ħlas ta’ pubblikazzjoni. Dawn il-ħlasijiet huma pagabbli fiż-żmien tal-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni internazzjonali, b’eċċezzjoni fil-każ ta’ rikjesta għal differiment tal-pubblikazzjoni. Ara Regola 12 tar-Regolamenti Komuni.

    [8] Dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw il-pubblikazzjoni differita (Artikolu 11); l-unità tad-disinn (Artikolu 13); ċerti opinjonijiet tad-disinn meħtieġ (Regola 9); rekwiżiti speċjali li jikkonċernaw l-applikant (Regola 8); permess għas-sigurtà (Regola 13); il-projbizzjoni ta’ awto-nominazzjoni (Artikolu 14); il-kontenuti obbligatorji ta’ applikazzjoni internazzjonali (Artikolu 5 u Regola 7); l-estensjoni ta’ żmien għan-notifika tar-rifjut u d-data minn meta d-disinn industrijali huwa mħares (Regola 18); l-uffiċċji komuni ta’ bosta stati (Artikolu 19) u, indirettament, ir-reġim tal-lingwa bejn l-uffiċċju nazzjonali u l-Aġenzija Internazzjonali (Regola 6).

    [9] ĠU L 341 tas-17.12.2002, p. 28.

    [10] ĠU L 341 tas-17.12.2002, p. 54.

    14 ĠU C , , p. .

    15 ĠU C , , p. .

    [11] ĠU C , , p. .

    [12] ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni 2003.

    [13] Meta jkun adottat l-Artikolu 10, il-Konferenza Diplomatika fehmet li xejn f’dan l-Artikolu ma jipprekludi l-aċċess għall-applikazzjoni internazzjonali jew għar-reġistrazzjoni internazzjonali mill-applikant jew mid-detentur jew mill-persuna li għandha l-kunsens ta’ l-applikant jew tad-detentur.

    [14] Meta jkun adottat l-Artikolu 12(4), l-Artikolu 14(2)(b) u r-Regola 18(4), il-Konferenza Diplomatika fehmet li l-irġigħ lura ta’ rifjut minn Uffiċċju li kkomunika notifikazzjoni ta’ rifjut jista’ jieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni li tgħid li l-Uffiċċju kkonċernat iddeċieda li jaċċetta l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali fejn għandhom x’jaqsmu d-disinni industrijali, jew uħud minnhom, li għalihom kienet tirrelata n-notifikazzjoni ta’ rifjut. Kien ukoll mifhum li Uffiċċju, fil-perjodu permess biex tkun ikkomunikata notifika ta’ rifjut, jista’ jibgħat dikjarazzjoni li tgħid li ddeċieda li jaċċetta l-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali anki fejn ma ikkomunikax notifikazzjoni ta’ rifjut bħal din.

    [15] Ara n-nota nru 19.

    [16] Fuq il-bażi ta’ analiżi finanzjarja ta’ l-impatt ta’ l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea ma’ l-Att ta’ Ġinevra, Il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi emenda għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq il-ħlas pagabbli lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trejdmarks u Disinni) fir-rigward tar-reġistrazzjoni tad-disinni tal-Komunità (ĠU L 341, 17.12.2002, p. 54).

    Top